EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0245

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 27 ta' Ġunju 2012.
K vs Bundesasylamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Asylgerichtshof - l-Awstrija.
Regolament (KE) Nru 343/2003 - Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz - Klawżola umanitarja - Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament - Persuna li tibbenefika minn ażil fi Stat Membru li tiddependi mill-assistenza tal-applikant għal ażil minħabba l-fatt li tbati minn marda gravi - Artikolu 15(2) tar-regolament - Obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li ma huwiex responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, li jeżamina t-talba għal ażil imressqa mill-imsemmi applikant għal ażil - Kundizzjonijiet.
Kawża C-245/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:389

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fis-27 ta’ Ġunju 2012 ( 1 )

Kawża C-245/11

K

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija)]

“Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ippreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 3(2) — Klawsola ta’ sovranità — Artikolu 15 — Klawsola umanitarja — Applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformità mad-drittijiet fundamentali — Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti — Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Rispett għall-ħajja privata u tal-familja”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Asylgerichtshof Awstrijaka tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 2 ). Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, meta japplika l-“klawsola umanitarja” prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru jistax ikun obbligat li jeżamina applikazzjoni għall-ażil minnflok l-Istat Membru responsabbli skont ir-regola bażika mingħajr ma ssir talba f’dan is-sens minn dan tal-aħħar, meta membri tal-familja vulnerabbli li jkunu jgħixu f’dan l-ewwel Stat Membru jkunu jiddependu mill-appoġġ tal-persuna li tapplika għall-ażil. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru li normalment ma jkunx responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil huwiex obbligat li jissostitwixxi lill-Istat Membru responsabbli meta l-kompetenza ta’ dak l-Istat Membru kif tirriżulta normalment mir-Regolament iċċitat iktar ’il fuq twassal għal ksur tal-Artikolu 3 jew l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem: KEDB), jew tal-Artikoli 4 jew 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem: il-karta tad-drittijiet fundamentali). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi barra minn hekk b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dan il-kuntest.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 4 tal-Karta jipprovdi taħt it-titolu “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”.

3.

L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali taħt it-titolu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” huwa fformulat f’dawn it-termini:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

B – Ir-Regolament Nru 343/2003

4.

L-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

i)

‘membri tal-familja’ tfisser sa fejn il-familja kienet diġa teżisti fil-pajjiż ta’ orġini, il-membri tal-familja ta’ l-applikant li huma preżenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri li ġejjin:

i)

ir-raġel/il-mara ta’ min ifittex l-ażil jew il-partner mhux miżżewweġ/mhux miżżewġa tagħha jew tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-leġislazzjoni jew il-prattika ta’ l-Istat Membru kkonċernat titratta koppji mhux miżżewġin b’manjiera komparabbli għal koppji miżżewġa taħt il-liġi tiegħu dwar aljeni;

ii)

it-tfal minorenni ta’ koppji li jirreferi għalihom il-punt (i) jew tal-applikant, fuq kundizzjoni li huma mhumiex miżżewġin u dipendenti u mingħajr ma jingħata każ jekk twildux fiż-żwieġ jew barra minnu jew adottati kif iddefinit taħt il-liġi nazzjonali;

iii)

il-missier, l-omm jew it-tutur meta l-applikant jew refuġjat huwa minorenni u mhux miżżewweġ”.

5.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

(2)   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.

[…]”.

6.

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 243/2003 huwa fformulat skont kif ġej:

“(1)   Kull Stat Membru, ukoll fejn ma jkunx responsabbli taħt il-kriterji ddikjarati f’dan ir-Regolament, jista’ jġib flimkien membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikulari fuq kunsiderazzjonijiet ta’ familja u kulturali. F’dan il-każ dak l-Istat Membru għandu, wara talba ta’ Stat Membru ieħor, jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata. Il-persuni kkonċernati għandhom jaqblu.

(2)   F’każijiet li fihom il-persuna kkonċernata hija dipendenti fuq l-assistenza ta’ l-oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, mard serju, diżabilita severa jew xjuħija, Stati Membri normalment għandhom iżommu jew iġibu flimkien il-persuna tfittex l-ażil ma’ qarib ieħor preżenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, sakemm l-irbit ta’ familja kien jeħisti fil-pajjiż ta’ oriġini.

[…]

(4)   Fejn l-Istat Membru lit kun saritlu t-talba hekk avviċinat jilqa’ jaċċetta t-talba, ir-responsabbilta biex jeżamina l-applikazzjoni għandha tkun ittrasferita lilu.

[…]”.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari

7.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem: ir-rikorrenti), ċittadina tal-Federazzjoni Russa, ta’ nazzjonalità Ċeċena, kienet daħlet illegalment fil-Polonja billi għaddiet mill-Ukraina, u ppreżentat hemmhekk l-ewwel applikazzjoni għall-ażil. Hija telqet minn dak l-Istat Membru mingħajr ma stenniet it-tmiem tal-proċedura u daħlet illegalment fl-Awstrija fejn hija ppreżentat it-tieni applikazzjoni għall-ażil.

8.

Wieħed mill-ulied irġiel jgħix fl-Awstrija ma’ martu u t-tliet itfal minuri tagħhom.

9.

Diversi snin ilu, il-mara tiegħu għexet avveniment partikolarment trawmatiku f’pajjiż terz u kienet fetħet qalbha dwar dan mar-rikorrenti.

10.

Ir-rikorrenti hija l-unika persuna li taf bl-avveniment trawmatiku u minn dak iż-żmien hija saret il-konsulenta u l-ikbar ħabiba tal-qalb ta’ ħtintha.

11.

Kieku l-avveniment trawmatiku li hija ġarrbet kellu joħroġ fil-beraħ, ħtint ir-rikorrenti kienet tkun f’riskju, sabiex jerġa’ jiġi stabbilit l-unur tal-familja, li ssofri abbuż serju, jew saħansitra tinqatel minn żewġha.

12.

Ħtint r-rikorrenti tinstab kostantament taħt kura psikjatrika, psikoterapewtika u medika. Hija ttrattata b’mediċini qawwijin u hija esposta għal diversi riskji serji għal saħħitha.

13.

Minħabba l-mard kollu li tbati minnu, ħtint ir-rikorrenti ma tinsabx f’pożizzjoni li tieħu ħsieb tagħha nfisha jew tat-tfal tagħha b’mod li hemm ir-riskju li jitqiegħdu taħt care order. Din il-miżura ġiet momentarjament sospiża wara li waslet ir-rikorrenti.

14.

Wara li daħlet fl-Awstrija, r-rikorrenti fil-bidu bdiet tgħix mal-familja ta’ binha. Ir-rikorrenti ma għadhiex tgħix taħt l-istess saqaf ma’ ħtintha u t-tfal żgħar tagħha.

15.

Il-Bundesasylamt ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil li r-rikorrenti kienet ippreżentat fl-Awstrija bħala inammissibbli waqt li saħqet li l-Polonja kienet l-Istat Membru responsabbli. Fuq talba tal-Awstrija, il-Polonja aċċettat li tassumi r-responsabbiltà għar-rikorrenti. Ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għall-ażil huwa s-suġġett tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju.

16.

Minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 343/2003 għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali, hija ssospendiet il-proċeduri prinċipali u rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma jkunx prima facie, bl-applikazzjoni tal-Artikoli 6 sa 14 ta’ dan ir-regolament, responsabbli mill-applikazzjoni ppreżentata minn applikant għal ażil, isir awtomatikament responsabbli meta l-ħtint ta’ dan l-applikant li hija marida serjament, u li minħabba fatturi kulturali, tinsab f’riskju, jew meta l-applikant għandu neputijiet minuri li jeħtieġu kura minħabba l-marda tal-ħtint, u tali applikant huwa lest li jipprovdi s-sostenn tiegħu għall-ħtint u n-neputijiet tiegħu u għandu l-mezzi sabiex jagħmel dan? Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll meta ma hemmx talba f’dan is-sens mill-Istat Membru responsabbli, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003?

2)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ deskritt fl-ewwel domanda, ikun hemm obbligu ta’ trasferiment tar-responsabbiltà lil Stat Membru li ma huwiex prima facie responsabbli meta r-responsabbiltà tal-Istat stabbilita fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003 tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) (Artikolu 4 jew Artikolu 7 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali)? F’tali każ u fil-każ ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni aċċessorji tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 8 tal-KEDB (Artikolu 4 jew Artikolu 7 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali), il-kunċetti ta’ ‘trattament inuman’ jew ta’ ‘familja’ jistgħu japplikaw f’sens differenti, jiġifieri, f’sens iktar wiesa’ minn dak stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Id-digriet tar-rinviju tal-20 ta’ Mejju 2011 wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2011. Ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubbika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti, tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Kummissjoni kienu preżenti għas-seduta tat-8 ta’ Mejju 2012.

V – L-argumenti tal-partijiet fil-kawża

18.

B’risposta għad-domandi preliminari li saru, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak Awstrijakk huma tal-fehma li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 ma japplikax meta l-applikant għall-ażil ikun diġà jinsab fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa għandu l-intenzjoni jingħaqad ma’ membri tal-familja tiegħu u fejn ikun ippreżenta wkoll applikazzjoni għall-ażil. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jirregola, min-naħa l-oħra, il-każijiet fejn l-applikant għall-ażil ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli skont il-Kapitolu III tar-Regolament. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom dan l-artikolu biss huwa applikabbli għall-każ. Il-Gvern Franċiż, dak Ungeriż, dak tar-Renju Unit kif ukoll dak Taljan huma wkoll tal-fehma li f’każ bħal dak inkwistjoni, huwa applikabbli biss l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/03; madankollu huma jibbażaw dan l-approċċ fuq il-fatt li l-Istat Membru responsabbli ma talabx li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għar-rikorrenti. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Gvern Franċiż u dak Ungeriż huma tal-fehma li d-dritt ta’ Stat Membru li jiddikjara li huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni (l-hekk imsejjaħ “intervent”) kif jeżisti skont l-Artikolu 3(2) fil-prinċipju ċertament jaqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istat Membru, iżda f’każ ta’ ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-KEDB, l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jiġġiegħel jeżerċita dak id-dritt. Min-naħa l-oħra, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju Unit u tal-Italja jsostnu li d-dritt ta’ intervent ta’ Stat Membru kif previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u dak tar-Renju Unit jenfasizzaw madankollu li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bħala parti għall-KEDB huma obbligati li jirrispettaw dak it-trattat internazzjonali.

19.

Fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u r-rikorrenti huma tal-fehma li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 japplika f’każ bħal f’din il-kawża. Filwaqt li l-Gvern Pollakk jidhirlu fir-rigward tat-tieni domanda li l-Istati Membri huma totalment liberi fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilhom mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-Kummissjoni u r-rikorrenti huma tal-fehma li jista’ jkun neċessarju li jiġi impost obbligu fuq l-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà għall-eżami f’każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

VI – Id-dritt

20.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll kjarifika dwar l-applikazzjoni tal-“klawsola ta’ sovranità” prevista fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-“klawsola umanitarja” prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament f’każ bħal dan.

21.

Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina l-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 kif ukoll il-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 f’dan ir-Regolament. Fuq din il-bażi, ser nasal biex nipproponi risposta konkreta għaż-żewġ domandi li saru.

A – L-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 u l-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 15 fir-Regolament Nru 343/2003

1. L-għanijiet essenzjali tar-Regolament Nru 343/2003

22.

Ir-Regolament Nru 343/2003 ssostitwixxa l-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati għand wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 ( 3 ) (iktar ’il quddiem: il-konvenzjoni ta’ Dublin).

23.

Il-Kummissjoni diġà spjegat fid-dettall l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 343/2003 fil-proposta tagħha għal Regolament tas-26 ta’ Lulju 2001 ( 4 ). Dan id-dokument jittratta, fil-punt 2.1 tal-preambolu taħt it-titolu “Għan”, minn naħa waħda dwar il-garanzija tad-dritt ta’ ażil għall-implementazzjoni ta’ proċedura rapida, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u ekwi għall-persuni kkonċernati, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-proċeduri ta’ ażil permezz ta’ diversi applikazzjonijiet fi Stati Membri differenti.

24.

Dawn l-għanijiet essenzjali fformulati mill-Kummissjoni sussegwentement issarrfu wkoll fir-Regolament Nru 343/2003. Il-premessi 3 u 4 jindikaw bħala għan fundamentali d-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli fuq il-bażi ta’ metodu ċar u operattiv sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċedura. It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 sussegwentement tiddefinixxi l-prinċipju bażiku li jistabbilixxi li kull applikazzjoni għall-ażil għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss. Dan il-prinċipju minn naħa jevita li jinħolqu l-hekk imsejħa “refuġjati f’orbita”, jiġifieri li l-persuni li jitolbu l-ażil jitkeċċew minn Stat Membru għal ieħor u li fil-prattika d-dritt tagħhom għall-ażil jisfa’ fix-xejn. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura tevita l-hekk imsejjaħ “asylum shopping” billi teskludi li l-applikanti jkomplu jmorru minn pajjiż għall-ieħor fl-Unjoni bla kontroll billi jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil paralleli jew suċċessivi fl-Unjoni ( 5 ).

25.

Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 343/2003 ssemmi wkoll bħala għan il-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familji, sa fejn dan ikun kompatibbli mal-għanijiet l-oħrajn segwiti minn dan ir-regolament. Fil- premessa 7, huwa indikat bħala għan li Stat Membru jista’ jiżgura konġuntament l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn diversi membri ta’ familja, anki billi jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà normalment applikabbli sabiex jippermetti li familja terġa’ tingħaqad flimkien meta dan jeħtieġ għal raġunijiet umanitarji.

26.

F’dan il-kuntest, it-tielet Kapitolu tar-Regolament Nru 343/2003 jinkludi – skont l-Artikolu 5(1) tiegħu – kriterji fil-forma ta’ regoli ta’ kompetenza strutturata b’mod ġerarkiku li huma kklassifikati skont l-ordni ta’ prijoritajiet li dejjem jonqsu għall-għażla tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil. L-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-Regolament jagħtu prijorità f’dan ir-rigward lill-preżervazzjoni tal-għaqda tal-familja, u huwa biss iktar ’l isfel, fl-Artikoli 9 sa 12 tar-Regolament, li huma elenkati l-kriterji li jiġġustifikaw ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru fuq il-bażi li huwa jkun ippermetta d-dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Din il-klassifikazzjoni tal-kriterji ta’ kompetenza għandha minn naħa waħda tgħin biex jiġi ddeterminat sew l-Istat Membru responsabbli unikament fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u biex jiġi kkunsidrat l-għan li tiġi ggarantita l-għaqda tal-familja. Min-naħa l-oħra, din għandha tippermetti wkoll li jiġu evitati abbużi li jirriżultaw mill-preżentazzjoni ta’ diversi applikazzjonijiet għall-ażil simultanjament jew suċċessivament u finalment sabiex jiġi speċifikat Stat Membru wieħed bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet.

2. Il-pożizzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 15 fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 343/2003

27.

Il-leġiżlatur ma injorax il-fatt li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru skont katalgu ta’ kompetenza strett tista’ twassal għal riżultati inaċċettabbli. Sabiex jiġu evitati tali riżultati, żdiedu żewġ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri l-Artikolu 3(2) u l-“klawsola umanitarja” fl-Artikolu 15, li jippermettu, b’deroga mill-katalgu ta’ kompetenzi gradati diġà msemmija, lil Stat Membru li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal motivi partikolari.

28.

Fil-proposta tagħha għal Regolament, tas-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ġġustifikat il-klawżola umanitarja fuq il-bażi li l-għan prinċipali tagħha huwa l-prevenzjoni jew li tiġi evitata l-firda tal-membri ta’ familja li tista’ tirriżulta minn applikazzjoni letterali tal-kriterji tar-responsabbiltà. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament inkwistjoni jipprovdi diversi dispożizzjonijiet vinkolanti sabiex jippermetti li l-membri ta’ familja jkunu iktar qrib xulxin jew li tinżamm l-għaqda familjari, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu huma tant diversi li ma huwiex possibbli li tiġi prevista dispożizzjoni speċifika għal kull każ. Għal din ir-raġuni, huwa fl-interess kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-ażil li jkun hemm klawżola umanitarja ( 6 ).

29.

B’hekk, minħabba l-mod minn fejn oriġina, fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 nsibu regola li tidderoga mill-ġerarkija ta’ kompetenzi skont il-prijorità li dejjem tonqos li hija prevista fil-Kapitolu III tar-Regolament.

30.

L-istess jgħodd għad-dritt ta’ intervent taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. F’dan ir-rigward, mill-proposta għal Regolament li saret mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2001 jirriżulta li kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji kif ukoll sempliċement prattiċi tal-Istat Membu li ma jkunx responsabbli skont ir-regola bażika jistgħu jkunu determinanti għall-eżerċitar ta’ dak id-dritt ( 7 ).

31.

Kemm l-Artikolu 15 kif ukoll l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-kriterji kollha ta’ kompetenza elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament. Filwaqt li l-Artikolu 15 iddaħħal fil-Kapitolu IV tar-Regolament taħt it-titolu “Klawsola umanitarja”, l-Artikolu 3(2) jinsab fil-Kapitolu II bit-titolu “Prinċipji ġenerali”. Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal verżjoni ġdida tar-Regolament Nru 343/2003 turi li ma huwiex ideali li jitpoġġew żewġ dispożizzjonijiet derogatorji fl-istess ħin fil-Kapitolu II tar-Regolament taħt it-titolu “prinċipji ġenerali” għal waħda u f’Kapitolu IV speċifiku għall-oħra ( 8 ). It-test iċċitat iktar ’il fuq jipproponi għall-finijiet ta’ ċarezza li jitpoġġew flimkien wara reviżjoni l-klawżoli ta’ sovranità u dik umanitarja taħt it-titoli “klawsoli diskrezzjonali” ( 9 ).

3. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003

32.

Il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 3 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 sa issa baqgħet mingħajr risposta.

33.

Il-Gvern Ċek u dak Awstrijakk jikkunsidraw li l-post ta’ residenza tal-persuna li titlob l-ażil huwa l-kriterju ta’ delimitazzjoni pertinenti għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u li beħsiebhom japplikaw l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biss meta l-applikant għall-ażil jinstab fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu waqt li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 għandu japplika għall-każijiet fejn l-applikant għall-ażil ikun preżenti fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil iżda jkun jidher li jkun aħjar jekk l-eżami ta’ dik l-applikazzjoni jsir fi Stat Membru ieħor. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-approċċ.

34.

Fil-fatt, tali interpretazzjoni li ma tieħu inkunsiderazzjoni biss il-post ta’ residenza tal-applikant għall-ażil mingħajr ma tqis ċirkustanzi oħrajn ma tissodisfax l-għan diġà msemmi tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003.

35.

Kif diġà spjegajt, l-introduzzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 kienet intiża biex tiggarantixxi jew terġa’ tistabbilixxi l-għaqda tal-familja fis-sens ta’ regola ferm ġenerali għall-każijiet fejn il-kriterji ta’ kompetenzi elenkati fil-Kapitolu III jistgħu jikkostitwixxu każ ta’ tbatija eċċessiva mill-aspett umanitarju. L-ewwel proposta tar-Regolament tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Lulju 2001 kellha l-għan li toħloq regola ferm ġenerali sabiex tiġi evitata l-firda ta’ membri tal-istess familja ( 10 ). Il-verżjoni tal-Artikolu 15 li ġiet adottata b’mod definittiv hija essenzjalment ibbażata fuq dik il-proposta. Il-klawżola umanitarja hija intiża b’mod ċar biex tevita s-separazzjoni ta’ membri ta’ familja jew biex tirrimedja din il-problema ( 11 ).

36.

Skont il-ġenesi u d-diċitura tiegħu, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 għaldaqstant jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika għal raġunijiet ta’ familja fil-qasam umanitarju waqt li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jirrappreżenta klawżola ġenerali applikabbli f’każ ta’ tbatija eċċessiva. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li d-dettalji tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma humiex ippreċiżati, b’differenza mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003.

37.

Differenza essenzjali bejn l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 tinsab barra minn hekk fil-fatt li fil-każ tal-Artikolu 3(2), applikazzjoni għall-ażil tkun diġà ġiet ippreżentata fi Stat Membru li ma għandux kompetenza, waqt li dan mhux bilfors huwa l-każ għall-Artikolu 15.

38.

Bħala konklużjoni, għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li kemm l-Artikolu 3(2) kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxu regoli speċifiċi għal deċiżjonijiet diskrezzjonali tal-Istati Membri li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom jistgħu jidħlu fuq xulxin u li jistgħu jkunu applikabbli b’mod parallel meta l-kriterji ta’ tali applikazzjoni jkunu sodisfatti. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxi f’dan ir-rigward regola speċifika għad-deċiżjonijiet diskrezzjonali fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja għal raġunijiet umanitarji irrispettivament mill-post ta’ residenza tal-applikant għall-ażil, waqt li l-invokazzjoni tad-dritt ta’ intervent taħt l-Artikolu 3(2) tal-istess Regolament tista’ tiddependi wkoll fuq fatturi oħrajn minbarra kunsiderazzjonijiet umanitarji. Għaldaqstant, il-klawżola umanitarja tal-Artikolu 15 ma tikkostitwixxix dispożizzjoni ġenerali għal każijiet ta’ “tbatija eċċessiva” iżda hija marbuta imperattivament mal-fatt li membru tal-familja ta’ applikant jinstab fit-territorju tal-Istati Membri.

B – L-ewwel domanda

39.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tikkjarifika l-kwistjoni jekk f’każ bħal dan, ir-Repubblika tal-Awstrija tistax tkun obbligata li teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti minflok l-Istat Membru normalment responsabbli skont ir-regoli tal-Artikoli 6 sa 14, u jekk tali regola tapplikax ukoll meta r-Repubblika tal-Awstrija ma tintalabx tagħmel dan mill-Istat Membru normalment responsabbli.

40.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser neżamina fl-ewwel lok ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 343/2003. F’dan il-kuntest, ser nanalizza sussegwentement jekk f’każ bħal dan, l-Artikolu 15(2) jistax ikun applikabbli. Peress li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għal dik id-domanda, ser nirrispondi sussegwentement għall-ewwel domanda preliminari fuq il-bażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003.

1. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003

41.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jgħaqqdu lill-membri ta’ familja kif ukoll lil qraba oħrajn dipendenti u li jeżaminaw għal dan il-għan applikazzjonijiet għall-ażil li għalihom ma jkunux responsabbli skont ir-regoli tal-Kapitolu III. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1), sabiex isir dan jeħtieġ li ssir talba minn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1), huwa neċessarju li l-applikant għall-ażil jagħti l-kunsens tiegħu.

42.

L-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti eżempji ta’ tipi ta’ raġunijiet umanitarji. F’dan ir-rigward, mill-kuntest sħiħ ta’ dak l-artikolu u mill-ġenesi tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 15(1) jirregola kemm il-kundizzjonijiet kif ukoll il-proċedura meta jkun hemm raġunijiet umanitarji, waqt li l-Artikolu 15(2) jelenka każijiet fejn fil-prinċipju wieħed għandu jassumi li jeżistu raġunijiet umanitarji fis-sens ta’ dak l-artikolu u fejn il-klawżola umanitarja għandha għaldaqstant tapplika.

43.

Fil-proposta tagħha għal Regolament tas-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni diġà rrakkomandat li jiffissaw regoli iktar preċiżi dwar il-prinċipji li abbażi tagħhom tkun possibbli deroga mill-kriterji ta’ kompetenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni ta’ familja ( 12 ). Ir-rakkomandazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija bbażata, bħalma hi l-aħħar verżjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, fuq ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/2000 tal-31 ta’ Ottubru 2000 tal-kumitat stabbilit mill-Artikolu 18 tal-konvenzjoni ta’ Dublin ( 13 ) li kienet tipprovdi li għandha ssir riunifikazzjoni ta’ familja fis-sens tal-konvenzjoni ta’ Dublin fil-preżenza ta’ xi wieħed mill-każijiet li issa huma elenkati fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

44.

Id-distinzjoni bejn l-Artikoli 15(1) u 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 hija ġġustifikata mill-fatt li l-leġiżlatur kien konxju li s-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu għall-applikazzjoni tal-klawżola umanitarja kienu tant diversi li ma setgħux jiġu rregolati kollha b’dispożizzjonijiet speċifiċi ( 14 ). Wieħed hawnhekk jista’ jaħseb dwar il-każ ta’ applikanti għall-ażil mit-territorju ta’ dawk li qabel kienu setgħat kolonjali li komplew ikollhom influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet kulturali fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ wħud mill-applikanti għall-ażil, jew l-għarfien lingwistiku tagħhom, li minħabba f’hekk jista’ jixraq li jingħata piż partikolari lill-aspett ta’ riunifikazzjoni ta’ familja ( 15 ). Il-kwistjoni dwar jekk f’każijiet bħal dawn hemmx raġunijiet umanitarji biex familja tingħaqad flimkien għandha tiġi evalwata mill-Istati Membri, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003. B’kuntrast, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq jagħti deskrizzjoni preċiża ta’ sitwazzjonijiet reali u essenzjali tal-ħajja fejn l-importanza ta’ ċirkustanzi speċifiċi tkun tali li wieħed irid jassumi li jeżistu raġunijiet umanitarji u għaldaqstant, bħala regola ġenerali, ikun hemm lok għal riunifikazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 15(1).

45.

Din l-analiżi hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li b’differenza minn dak li huwa l-każ għall-Artikolu 15(1), l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jinkludix kundizzjoni addizzjonali, lil hinn mil-lista ta’ każijiet differenti fejn wieħed jista’ jassumi bħala regola ġenerali li jeżistu raġunijiet umanitarji. Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) ma jipprovdix espliċitament li t-trasferiment ta’ kompetenza għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil għandu jsir fuq talba ta’ Stat Membru ieħor u bil-kunsens tal-persuna kkonċernata. Il-fatt li l-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 15 jitqiesu bħala regoli indipendenti minn xulxin għandu l-konsegwenza li f’każijiet partikolarment serji, l-eżami jista’ jsir minn Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III mingħajr mal-applikant ikollu l-possibbiltà li jesprimi ruħu f’dan ir-rigward. Huwa evidenti li din ma hijiex is-soluzzjoni mixtieqa mil-leġiżlatur.

46.

Għaldaqstant, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jelenka u jispeċifika r-raġunijiet umanitarji msemmija fl-Artikolu 15(1).

47.

Id-differenza essenzjali bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 tinsab fil-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet b’setgħa deċiżjonali hija konsiderevolment imnaqqsa fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) meta mqabbla ma’ dawk previsti fl-Artikolu 15(1). L-Artikolu 15(2) jiddeskrivi każijiet fejn riunifikazzjoni tal-familja għandha normalment isseħħ. Meta jkun hemm każ ta’ dan it-tip, irid ikun hemm ċirkustanzi speċifiċi u eċċezzjonali biex ma titteħidx deċiżjoni ta’ riunifikazzjoni ( 16 ). Jekk minkejja l-fatt li tkun teżisti waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 15(2), ikollha tingħata risposta negattiva għall-kwistjoni tal-eżistenza ta’ raġuni umanitarja, dik id-deċiżjoni għandha tkun immotivata b’mod speċjali.

48.

Għall-kuntrarju, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 15(1) tippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu skont il-każ partikolari li jkollhom quddiemhom, u dan wara li jikkunsidraw għadd ta’ fatturi rilevanti. Il-kunċetti ta’ “raġunijiet umanitarji” jew “kuntest ta’ familja u kulturali” huma kunċetti ġuridiċi impreċiżi li jippermettu applikazzjoni flessibbli tar-regola għall-iktar sitwazzjonijiet varjati fejn ikun hemm rabta ta’ familja. Din is-setgħa diskrezzjonali, li hija nettament usa’ minn dik mogħtija mill-Artikolu 15(2), hija spjegata mill-għan tal-klawżola umanitarja, li hija intiża, fid-dawl tar-regoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-KEDB, biex tkopri sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja li minħabba l-għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet u ċirkustanzi imaġinabbli ma jistgħux jiġu ddefiniti bil-quddiem fid-dettall.

2. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 243/2003 ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan

49.

Skont it-termini tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 243/2003, meta l-persuna kkonċernata tkun tiddependi mill-għajnuna ta’ persuna oħra minħabba tqala jew tarbija tat-twelid, marda serja, diżabilità serja jew xjuħija, l-Istati Membri normalment iħallu flimkien jew jgħaqqdu lill-applikant għall-ażil u membru ieħor tal-familja tiegħu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kemm-il darba r-rabtiet ta’ familja eżistew qabel fil-pajjiż ta’ oriġini.

50.

Meta jitqies l-Artikolu 15(1) ta’ dan l-istess Regolament, ma huwiex diffiċli biex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar xi jkopru l-kunċetti ta’ “persuna kkonċernta” u “persuna oħra” fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1), l-Istat Membru li ma jkunx Stat Membru li huwa normalment responsabbli jista’ jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet elenkati f’dan il-paragrafu. Għaldaqstant, il-“persuna kkonċernata” fis-sens tal-Artikolu 15(1) hija l-applikant għall-ażil.

51.

Meta titqies ir-relazzjoni sistematika bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-kunċett ta’ “persuna kkonċernata” fis-sens tal-Artikolu 15(2) għandu jinftiehem li jirreferi għall-applikant għall-ażil waqt li l-“persuna l-oħra” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni hija membru tal-familja tal-applikant għall-ażil.

52.

Mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 b’hekk ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, ma hijiex l-applikanta għall-ażil li tiddependi fuq l-għajnuna ta’ membru tal-familja tagħha li jinsab fi Stat Membru, iżda għall-kuntrarju hija membru tal-familja li għandha bżonn l-għajnuna tagħha.

53.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni teleoloġika biex din l-interpretazzjoni tiġi estiża skont l-għan u l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, fis-sens li d-dispożizzjoni derogatorja msemmija hawn fuq għandha tiġi applikata meta membru tal-familja li jinstab diġà fi Stat Membru jkun jeħtieġ l-għajnuna tal-applikant għall-ażil.

54.

Il-fatt li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 ( 17 ) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 jindika li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 japplika wkoll meta l-applikant għall-ażil ikun dipendenti fuq l-assistenza ta’ membru tal-familja tiegħu preżenti fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal meta l-membru tal-familja preżenti fi Stat Membru jkun dipendenti fuq l-għajnuna tal-applikant għall-ażil, ma jmurx kontra dik l-interpretazzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1560/2003 huwa regolament ta’ implementazzjoni li jista’ biss jissupplimenta jew jiċċara d-dispożizzjonijiet tar-regolament prinċipali iżda ma jistax jimmodifikahom sostanzjalment.

55.

F’dan il-kuntest, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ma jistax japplika f’każ bħal dan.

3. L-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ bħal dan inkwistjoni

56.

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003, kull Stat Membru jista’, anki jekk ma jkunx responsabbli skont il-kriterji ddefiniti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, jgħaqqad flimkien lill-membri tal-istess familja, kif ukoll qraba oħrajn dipendenti għal raġunijiet umanitarji indikati f’dak l-artikolu u jeżamina, f’dak il-każ, fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna kkonċernata. Il-persuni kkonċernati jridu jagħtu l-kunsens tagħhom. L-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 343/2003 jikkonferma li f’każ bħal dan, ir-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni tiġi ttrasferita lill-Istat Membru li ssirlu t-talba.

57.

Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni jekk f’każ bħal dan, jistax jinħoloq obbligu għar-Repubblika tal-Awstrija li teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti, għandu jiġi kkjarifikat b’mod partikolari:

jekk ir-rikorrenti tistax tingħadd fost il-membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003,

jekk il-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) għal Stat Membru li ma jkunx Stat Membru responsabbli fis-sens tal-Kapitolu III biex tiġi eżaminata applikazzjoni għall-ażil tistax issarraf f’obbligu ta’ eżami u jekk iva, taħt liema ċirkustanzi,

u f’każ fejn ikun jeżisti tali obbligu, jekk tistax tiġi rrinunzjata t-talba għat-trasferiment.

58.

Ser nindirizza dawn it-tliet domandi iktar ’il quddiem.

a) Ir-rikorrenti tista’ tingħadd fost il-membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003

59.

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 meta l-kundizzjonijiet elenkati fih ikunu sodisfatti, Stat Membru jista’ jgħaqqad flimkien lill-“membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti” għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil.

60.

L-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti definizzjoni leali tal-kunċett ta’ membri tal-familja relattivament stretta li ma tinkludix ir-relazzjoni bejn kunjata u ħtint. Din is-sitwazzjoni tqajjem il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ membri tal-familja kif mifhum fl-Artikolu 15(1) huwiex usa’ minn dak fl-Artikolu 2(i).

61.

Dik il-kwistjoni għandha tingħata, fil-fehma tiegħi, risposta affermattiva. Paragun tal-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Nru 343/2003 mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn ta’ dan l-istess regolament juri li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” (Familienmitglieder) fl-Artikolu 15(1) jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja” (Familienangehörigen) fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 343/2003 ( 18 ). Madankollu jirriżulta mill-fatt li l-espressjoni “qraba oħra” hija magħquda mal-ewwel waħda li d-definizzjoni tal-Artikolu 2(i) ma tistax tkun determinanti. Dan jirriżulta wkoll mill-verżjoni Ingliża li tuża l-espressjoni “other dependent relatives”.

62.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li r-rikorrenti tista’ tingħadd mal-“membri tal-familja, kif ukoll qraba oħra dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003.

b) Iċ-ċirkustanzi fejn il-fakultà prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tinqeleb f’obbligu.

63.

Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. ( 19 ) u kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li hija tat f’dik il-kawża ( 20 ), għandu jitqies li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha titqies bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’mod li meta dan jieħu tali deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-regoli stipulati fil-karta tad-drittijiet fundamentali.

64.

Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi trasposta għall-klawżola umanitarja tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha wkoll titqies għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħala implementazzjoni minn Stat Membru tar-Regolament Nru 343/2003 li fil-kuntest tiegħu l-Istat Membru għandu josserva r-regoli ta’ din il-karta.

65.

Fir-rigward ta’ dan il-vinkolu ta’ osservanza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu obbligati li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jekk jirriżulta li f’każ kuntrarju jkun hemm riskju serju ta’ limitazzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet tal-applikant għall-ażil iggarantiti fil-karta tad-drittijiet fundamentali ( 21 ).

66.

F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment fid-digriet tagħha għall-possibbiltà ta’ ksur tal-projbizzjoni tat-trattament inuman u degradanti li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minn naħa waħda kif ukoll tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja privata u tal-familja li jinsab fl-Artikolu 7 ta’ dik l-istess karta.

67.

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju targumenta li fil-proċedura fil-kawża prinċipali, kien ikun hemm trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja, kieku l-Awstrija ma kinitx l-Istat Membru responsabbli mill-proċedura ta’ ażil. Il-konsegwenza ta’ dik is-sitwazzjoni tkun li r-rikorrenti tinfired minn ħtintha li tiddependi mill-għajnuna tagħha u li tinsab potenzjalment f’riskju fi ħdan il-familja tagħha, li tkun twassal għal degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-imsemmija ħtint u tesponiha għal riskju mill-klan tal-familja. Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza barra minn hekk li trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jwassal għal firda min-neputijiet żgħar tagħha, bir-riskju sussegwenti li dawn jinfirdu minn ommhom li ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu ħsiebhom sew ( 22 ).

68.

Anki jekk id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk f’dan il-każ hemmx riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali finalment tinsab f’idejn il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li ksur tal-projbizzjoni ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti li tinsab fil-karta tad-drittijiet fundamentali jippresupponi l-impożizzjoni ta’ tbatija fiżika jew psikoloġika ta’ gravità suffiċjenti fir-rigward tal-intensità u d-dewmien tagħha ( 23 ). Fir-realtà, ir-rikorrenti kif ukoll ħtintha ftit li xejn jinsabu fir-riskju li jiġu suġġetti għal tali trattament mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-biża’ hija biss li jkun hemm konsegwenzi indiretti fuq il-ħajja u l-eżistenza ta’ ħtint ir-rikorrenti.

69.

Għalkemm f’dan il-kuntest hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jipproteġu persuna kontra tortura jew pieni jew trattamenti inumani jew degradanti ( 24 ) minn ħaddieħor, fil-fehma tiegħi huwa dubjuż li l-konsegwenzi negattivi fuq il-ħajja u l-eżistenza ta’ ħtint ir-rikorrenti li jirriżultaw minn trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jippreżentaw f’dan il-każ il-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex ikun hemm ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Meta jitqiesu speċifikament iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jiġifieri minn naħa waħda li ħtint ir-rikorrenti daħlet fl-Awstrija ma’ żewġha u wliedha (u mingħajr ir-rikorrenti) u li hija għexet għal bosta snin mingħajr ir-rikorrenti, li hija ngħatat ukoll l-ażil fl-Awstrija u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għadhiex tgħix taħt l-istess saqaf bħal ħtintha u wliedha ż-żgħar wara li din tal-aħħar ingħatat l-istatus ta’ refuġjata, huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex teżamina b’reqqa kbira jekk il-konsegwenzi ta’ trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jistax fi kwalunkwe każ jitqies li jista’ jkollu konsegwenzi inumani jew degradanti fuq ħajjet il-ħtint fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

70.

Jekk il-qorti tar-rinviju madankollu tasal għall-konklużjoni li ħtint ir-rikorrenti tinsab f’riskju serju li jinkisru d-drittijiet tagħha li huma ggarantiti mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tingħata setgħa diskrezzjonali suffiċjenti ( 25 ) fl-għażla tal-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-azzjonijiet li tista’ ġġarrab. Għalkemm f’każ bħal dan wieħed jista’ jiddeduċi mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali obbligu pożittiv tal-Awstrija li topponi l-espożizzjoni ta’ ħtint ir-rikorrenti għal riskji mill-klan tal-familja tagħha minħabba t-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja, l-għażla tal-miżuri ta’ protezzjoni xierqa għandha titħalla f’idejn ir-Repubblika tal-Awstrija.

71.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li projbizzjoni tat-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 4 tal-Karta, anki jekk, f’każ bħal dan, dan id-dritt fundamentali jeżiġi li r-Repubblika tal-Awstrija tieħu miżuri biex tiżgura l-protezzjoni ta’ ħtint ir-rikorrenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tagħżel miżuri oħrajn xierqa favur ħtint ir-rikorrenti.

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma jeħtieġx li neżaminaw iktar fil-fond il-kwistjoni jekk ir-Repubblika tal-Awstrija teħtieġx, sabiex tevita trattament inuman u degradanti li huwa pprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għal terza persuna li ma hijiex ir-rikorrenti, li teżamina għal raġunijiet umanitarji l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata mir-rikorrenti, b’mod konformi mar-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003.

73.

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja ta’ familja li jinsab fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni parzjalment għar-relazzjoni bejn ir-rikorrenti bħala nanna u n-neputijiet żgħar tagħha. Hija tenfasizza li f’każ li r-rikorrenti tintbagħat il-Polonja, huwa mistenni li n-neputijiet jinfirdu minn ommhom permezz ta’ care order.

74.

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’każ bħal dan, għandu jitqies li r-relazzjoni bejn ir-rikorrenti bħala nanna u n-neputijiet żgħar tagħha tista’ taqa’ taħt id-dritt ta’ rispett tal-ħajja tal-familja, speċjalment peress li ma huwiex assolutament neċessarju għal dan il-għan li l-membri tal-familja jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf ( 26 ). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tagħha għal rispett tal-ħajja tal-familja tagħha fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

75.

Tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata skont ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 52(1) tal-imsemmija karta jipprovdi b’mod partikolari li kull limitazzjoni tad-dritt ta’ rispett tal-ħajja tal-familja għandha tkun prevista mil-liġi ( 27 ) u għandha tqis is-sustanza nfisha ta’ dak id-dritt kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Peress li t-trasferiment tar-rikorrenti lejn il-Polonja jseħħ b’applikazzjoni tar-regola li tinsab fir-Regolament Nru 343/2003 li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil, hemm bażi legali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha N.S. et li r-regoli dwar il-komptenza stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jistgħu jiġu emendati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali anki fil-preżenza ta’ limitazzjoni ta’ dritt fundamentali ( 28 ). F’każ bħal dan, din ir-riflessjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ( 29 ) kif ukoll il-verifika tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura sostanzjali ta’ dak id-dritt ( 30 ). Għaldaqstant, tista’ titqies bħala limitazzjoni pprojbita b’mod li taffettwa r-regoli tal-kompetenza kif stabbiliti mir-Regolament Nru 343/2003 biss limitazzjoni partikolarment importanti tad-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja.

76.

Rigward il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar ir-riskju li t-tfal iż-żgħar u l-ħtint jinfirdu mir-rikorrenti f’każ ta’ trasferiment ta’ din tal-aħħar lejn il-Polonja, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-qorti tar-rinviju tindika li wieħed għandu jistenna tali separazzjoni fil-kuntest ta’ miżuri meħuda mis-servizz tal-ħarsien tat-tfal ( 31 ). Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssemmi li din tkun separazzjoni legali tat-tfal minn ommhom ( 32 ). Meta jitqies il-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija hija parti mill-KEDB, għandu jiġi kkunsidrat li miżura meħuda fil-kuntest tal-ħarsien tat-tfal u li tkun legali skont id-dritt Awstrijakk ma tistax normalment tikkostitwixxi limitazzjoni mhux iġġustifikata tad-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja tat-tfal iż-żgħar u ta’ ommhom fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan il-kuntest, ma huwiex neċessarju li nkompli niddedika iktar ħin għall-kwistjoni jekk biex jiġi evitat ksur tad-dritt fundamentali ta’ rispett tal-ħajja tal-familja ta’ persuna oħra li ma hijiex ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tistax tkun obbligata li teżamina l-applikazzjoni tagħha għall-ażil għar-raġunijiet umanitarji msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003.

77.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi kkonstatat fil-qosor li f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji b’mod konformi mar-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament 343/2003 jekk jiġi kkonstatat li jeżisti riskju serju ta’ restrizzjoni mhux iġġustifikat f’wieħed mid-drittijiet iggarantiti lill-applikant għall-ażil mill-karta tad-drittijiet fundamentali.

c) Ir-rekwiżit ta’ talba ta’ trasferiment jekk ikun hemm obbligu ta’ trasferiment

78.

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003, Stat Membru jista’ jgħaqqad flimkien lill-membri tal-istess familja kif ukoll qraba dipendenti oħrajn għal raġunijiet umanitarji fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil meta l-persuni kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u meta Stat Membru ieħor ikun talab dak it-trasferiment.

79.

Bħala konsegwenza, skont ir-Regolament, sabiex tapplika l-klawżola umanitarja, huwa neċessarju li jkun hemm talba ta’ trasferiment minn Stat Membru ieħor.

80.

Ir-rekwiżit ta’ tali talba jirriżulta, fil-fehma tiegħi, min-neċessità li jiġi armonizzat l-approċċ tad-diversi Stati Membri fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li għandha tittieħed deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u b’mod uniformi dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003. F’dan il-kuntest, it-tifsira tat-talba ta’ trasferiment tidher li tinsab fil-fatt li din hija intiża, mingħajr ebda dubju, biex tiddetermina b’mod ċar liema wieħed fost id-diversi Stati Membri involuti fi proċedura ta’ ażil, għandu jipproċedi għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil skont ir-regoli stipulati fir-Regolament Nru 343/2003.

81.

F’dan ir-rigward wieħed ma jistax jirrinunzja għar-rekwiżit ta’ talba ta’ trasferiment anki jekk Stat Membru jkun obbligat f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003. F’tali każ, in-neċessità ta’ talba ta’ trasferiment kif tirriżulta mill-Artikolu 15(1) jkollha tinftiehem li tfisser li f’dan il-kuntest, l-Istat Membru li għandu d-dmir li jassumi responsabbiltà huwa obbligat, fid-dawl ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformi mad-drittijiet tal-bniedem, li jibgħat l-informazzjoni kollha li għandu dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali lill-Istat Membru l-ieħor li jipparteċipa fl-istess proċedura u li jitlob il-kunsens tiegħu dwar it-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu għall-proċedura tal-ażil.

4. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li Stat Membru jista’ f’ċirkustanzi eċċezzjonali jkun obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji skont ir-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament 343/2003 jekk inkella jkun hemm restrizzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet iggarantiti għall-applikant mill-karta tad-drittijiet fundamentali. F’tali każ, jekk ma tiġi ppreżentata ebda talba ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 15(1), l-Istat Membru li għandu d-dmir li jassumi responsabbiltà huwa obbligat li jinforma lill-Istat Membru l-ieħor li jipparteċipa fil-proċedura ta’ ażil dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali u li jitlob il-kunsens tiegħu dwar it-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu għall-proċedura tal-ażil.

It-tieni domanda

83.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika jekk f’każ bħal dan, id-dritt mogħti lir-Repubblika tal-Awstrija permezz tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 li tiddikjara li hija responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni jistax isir obbligu meta r-responsabbiltà li inkella tirriżulta mir-Regolament Nru 343/2003 tkun tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 3 jew 8 tal-KEDB jew tal-Artikoli 4 jew 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-importanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikoli 3 jew 8 tal-KEDB rispettivament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-Artikolu 7 tagħha.

84.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet id-dritt ta’ Stat Membru li jinvoka r-responsabbiltà tiegħu kif tirriżulta mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 tista’ tinqaleb f’obbligu, għandu jsir riferiment għas-sentenza N.S. et fejn il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-ażil b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandha titqies għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li timplementa r-Regolament Nru 343/2003 b’mod li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jieħdu tali deċiżjoni ( 33 ).

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li l-Istat Membru fejn jinstab applikant għall-ażil meta dak l-Istat ma jkunx l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 huwa obbligat li ma jittrasferixxix applikant għall-ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jkunx jista’ jinjora li tali trasferiment iwassal għal ksur tad-drittijiet ta’ dak l-applikant għall-ażil li huma ggarantiti fil-karta tad-drittijiet fundamentali ( 34 ). F’tali każ, l-Istat Membru fejn jinstab l-applikant għall-ażil huwa obbligat, mingħajr preġudizzju għall-fakultà li tingħatalu mill-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ dik it-talba, li ma japplikax il-kriterju tal-Kapitolu III li jistabbilixxi li l-Istat Membru l-ieħor huwa responsabbli u li jipprova jistabbilixxi jekk skont wieħed mill-kriterji sussidjarji, Stat Membru ieħor fejn l-applikant għall-ażil jista’ jiġi ttrasferit mingħajr ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu jistax jitqies bħala responsabbli mill-eżami ta’ dik l-applikazzjoni ( 35 ). Madankollu, jeħtieġ li l-Istat Membru fejn tinstab il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk jeħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 ( 36 ).

86.

Għar-risposta għad-domanda dwar jekk u b’liema mod għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikoli 3 sa 8 tal-KEDB fil-kuntest tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-punt tat-tluq huwa l-Artikolu 52(3). Skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet inklużi fil-Karta li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u ambitu bħad-drittijiet korrispondenti stabbiliti mill-KEDB. Huwa wkoll espressament ipprovdut fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li din id-dispożizzjoni ma tostakolax lid-dritt tal-Unjoni milli jipprovdi protezzjoni iktar estiża.

87.

Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża NS ( 37 ), din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali joħloq obbligu li jiġi ggarantit li, fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jikkoinċidu ma’ dawk tal-KEDB, il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Karta ma għandux ikun inqas minn dak iggarantit mill-KEDB. Minħabba li l-firxa u l-ambitu tal-protezzjoni mogħtija mill-KEDB ġew iċċarati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, għandhom jiġu attribwiti sinjifikat partikolari u importanza kbira lil dik il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

88.

Finalment, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju dwar jekk hemmx lok li jiġu applikati l-kunċetti ta’ trattament inuman u ta’ familja li huma differenti minn dawk użati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikoli 3 u 8 tal-KEDB biex jiġi stabbilit jekk hemmx limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-Artikolu 7 ta’ dik l-istess karta f’każ bħal dan.

89.

Kif diġà indikajt ( 38 ), ksur tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti li tinsab fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippresupponi tbatija jew sofferenzi fiżiċi jew psikoloġiċi ta’ gravità suffiċjenti fir-rigward tal-intensità u t-tul ta’ żmienhom. Il-kunċett ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali essenzjalment jikkorrispondi għall-istess kunċett fl-Artikolu 3 tal-KEDB. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ gravità biex jaqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 3 tal-KEDB. L-evalwazzjoni ta’ dak il-livell minimu tiddependi mill-fatti kollha tal-każ, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien tat-trattament u tal-effetti fiżiċi u mentali tiegħu, kif ukoll, xi kultant, is-sess, l-età, u l-istat ta’ saħħa tal-vittma ( 39 ).

90.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħajja tal-familja”, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod partikolari jekk jirriżultax mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-protezzjoni għandha tkun fir-rigward tal-ħajja ta’ familja “effettiva” kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB jew jekk l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipproteġix ukoll relazzjonijiet ta’ familja li ma jikkostitwixxux ħajja ta’ familja “effettiva” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-domanda tqum fil-kawża prinċipali għaliex ir-rikorrenti għexet fl-Awstrija taħt l-istess saqaf ma’ ħatnitha u wliedha biss għal perijodu limitat u li attwalment dan ma huwiex il-każ.

91.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, dik id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ ħarsien tal-ħajja ta’ familja u għaldaqstant tippresupponi l-eżistenza ta’ familja. Il-fattur deċiżiv f’dan ir-rigward huwa li tkun eżistiet ħajja ta’ familja effettiva bejn il-persuni kkonċernati ( 40 ) u f’dan il-kuntest hemm lok li jiġi vverifikat jekk effettivament jeżistux rabtiet personali mill-qrib ( 41 ).

92.

Fil-fehma tiegħi, dik il-kjarifika li saret fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri li l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi biss ħajja ta’ familja effettiva tista’ tiġi trasposta mingħajr problemi għad-dritt ta’ rispett tal-ħajja ta’ familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan ir-rigward nirreferi għall-ispjegazzjonijiet dwar dik il-karta ( 42 ) u b’mod partikolari, għal dawk dwar l-Artikolu 7 tagħha li jenfasizzaw li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk li huma ggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB ( 43 ). Għaldaqstant għandu jitqies li l-ħajja ta’ familja fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tippresupponi li effettivament ikun hemm rabtiet personali mill-qrib bejn il-persuni kkonċernati.

VII – Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lill-Asylgerichtshof:

1)

Stat Membru jista’ f’ċirkustanzi eċċezzjonali jkun obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżamina applikazzjoni għall-ażil għal raġunijiet umanitarji skont ir-regoli tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 343/2003 jekk inkella jkun hemm restrizzjoni mhux iġġustifikata tad-drittijiet iggarantiti għall-applikant mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’tali każ, jekk ma tiġi ppreżentata ebda talba ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 15(1), l-Istat Membru li għandu d-dmir li jassumi responsabbiltà huwa obbligat li jinforma lill-Istat Membru l-ieħor li jipparteċipa fil-proċedura ta’ ażil dwar is-sitwazzjoni fattwali u legali u li jitlob il-kunsens tiegħu dwar it-teħid ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu għall-proċedura tal-ażil.

2)

L-Istat Membru fejn ikun jinsab applikant għall-ażil meta dak l-Istat ma jkunx l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont ir-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 huwa obbligat li ma jittrasferixxix applikant għall-ażil lejn l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003 meta ma jkunx jista’ jinjora l-fatt li tali trasferiment ser iwassal għal ksur tad-drittijiet ta’ dak l-applikant għall-ażil kif iggarantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Mingħajr preġudizzju għall-fakultà li tingħatalu mill-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara lilu nnifsu responsabbli mill-eżami ta’ dik it-talba, li ma japplikax il-kriterju tal-Kapitolu III li jistabbilixxi li l-Istat Membru l-ieħor huwa responsabbli u li jipprova jistabbilixxi jekk skont wieħed mill-kriterji sussidjarji, Stat Membru ieħor fejn l-applikant għall-ażil jista’ jiġi ttrasferit mingħajr ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu jistax jitqies bħala responsabbli mill-eżami ta’ dik l-applikazzjoni. Madankollu, jeħtieġ li l-Istat Membru fejn tinstab il-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li tieħu tul ta’ żmien mhux raġonevoli. Jekk jeħtieġ, dan l-Istat Membru għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

3)

Għall-finijiet tal-eżami dwar jekk f’każ bħal dan, trasferiment tar-rikorrenti lejn l-Istat Membru li jkun l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 jistax jikkostitwixxi limitazzjoni mhux iġġustifikata tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma hemmx lok li jiġu applikati l-kunċetti ta’ “trattament inuman” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-KEDB u ta’ “familja” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB f’sens differenti minn dak aċċettat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.


( 1 ) Lingwa oriġinali tal-konklużjonijiet: il-Ġermaniż. Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 06, p. 1.

( 3 ) ĠU C 254, p. 1.

( 4 ) Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, [KUMM (2001) 447 finali].

( 5 ) Ara f’dan ir-rigward, M. Hermann, f’K. dans Heilbronner (Hrsg.), EU Immigration and Asylum law, Munich 2010, kummentarju dwar ir-Regolament Nru 343/03, Artikolu 1, punt 20 et seq., C. Filzwieser, u A. Sprung, Dublin II-Verordnung, das Europäische Asylzuständigkeitssystem, it-tielet edizzjoni 2010, Artikolu 3, punt K 6, B. Huber /R. Göbel-Zimmermann, Ausländer-und Asylrecht , it-tieni edizzjoni, Munich 2008, punt 1885.

( 6 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.

( 7 ) Ibid., kummentarji dwar l-Artikolu 3.

( 8 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat [KUMM (2008) 820 finali].

( 9 ) Ibid., punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

( 10 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16, kif ifformulat f’dik id-data.

( 11 ) Dan l-għan jinsab ukoll fil-proposta diġà ċċitata tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003. Din il-proposta tagħmel distinzjoni bejn il-klawżola ta’ sovranità u l-klawżola umanitarja fis-sens li huwa propost li l-klawżola ta’ sovranità tintuża prinċipalment għal raġunijiet umanitarji u f’każijiet fejn l-applikazzjoni tar-regoli twassal għal tbatija eċċessiva waqt li l-klawżola umanitarja għandha tiġi applikata f’każijiet fejn l-applikazzjoni stretta ta’ kriterji vinkolanti twassal għal separazzjoni tal-membri tal-familja; ara [KUMM (2008) 820 finali], (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 3 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

( 12 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.

( 13 ) Deċiżjoni Nru 1/2000, tal-31 ta’ Ottubru 2000, tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Dublin, dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil mill-membri tal-familja b’mod konformi mal-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni, ĠU L 281, p. 1. Huwa enfasizzat fit-tieni premessa ta’ dik id-deċiżjoni li Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil anki jekk dik l-applikazzjoni ma tkunx taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji ddefiniti minn dik il-konvenzjoni. L-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/2000 kif jinsab fid-deċiżjoni nfisha huwa li tistabbilixxi regoli dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar it-trattament ta’ applikazzjonijiet għall-ażil għall-membri tal-familja.

( 14 ) [KUMM (2001) 447 finali] (ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kummentarji dwar l-Artikolu 16.

( 15 ) Ara f’dan ir-rigward C. Filzwieser /A. Sprung, a.a.O., Artikolu 15, punt K8.

( 16 ) Ara dwar dan is-suġġett C. Filzwieser, /A. Sprung, loc cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 5), Artikolu 15, punt K11; Hailbronner/Thiery, “Schengen II u Dublin. Der zuständige Asylstaat in Europa”, ZAR 1997, p. 57.

( 17 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200.

( 18 ) Fuq dan il-punt, il-verżjoni Ingliża tuża b’mod uniformi t-termini “family members” kemm fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 343/03 kif ukoll fl-Artikolu 2(i). L-istess jgħodd għall-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Ispanjol tar-Regolament.

( 19 ) Konklużjonijiet tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. (C-411/10, sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ġabra p. I-13905, punti 69 et seq).

( 20 ) Punti 64 et seq tas-sentenza.

( 21 ) Fir-rigward tal-obbligu komparabbli tal-Istati Membri li jeżerċitaw id-dritt ta’ intervent tagħhom b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biex jiġi evitat riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża N.S. et, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 116 et seq). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkommettitx ruħha dwar din il-kwistjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenza N.S. et, imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82), hija madankollu waslet għall-konklużjoni li l-Istat Membru fejn jinstab applikant għall-ażil u li ma jkunx responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont ir-regoli tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dak l-applikant permezz ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li ddum għal tul ta’ żmien mhux raġonevoli u li jekk jeħtieġ, għandu jeżamina l-applikazzjoni huwa stess b’mod konformi mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 (punt 98). Dwar dan il-punt ara wkoll il-punti 84 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara b’mod partikolari d-digriet ta’ rinviju, punti 33, 41 u 45.

( 23 ) Ara f’dan ir-rigward, D. Jarass, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, Munich 2010, Artikolu 4, punt 8; C. Callies, f’:EUV/AEUV (Ed: Callies/Ruffert), ir-raba’ edizzjoni, Munich 2011, EU-GRCharta, punti 8 et seq.

( 24 ) Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-obbligu impost fuq il-Partijiet kontraenti mill-Artikoli 1 u 3 li jiggarantixxu lil kull persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom id-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti mill-Konvenzjoni jeżiġi li jieħdu miżuri xierqa sabiex jevitaw li dawk il-persuni jiġu suġġetti għal torturi, pieni jew trattament inumani jew degradanti, anki jekk ikunu amministrati minn individwi (Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Ebcin vs It-Turkija tal-11 ta’ Mejju 2011 (rikors Nru 19506/05, § 35); Z. et vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 29392/95, § 73), u A vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 25599, § 22).

( 25 ) Ara f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem skont liema l-miżuri li għandhom jieħdu l-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB għandhom jippermettu protezzjoni effikaċi u jinkludu miżuri raġonevoli sabiex jiġi evitat trattament ħażin li l-awtoritajiet kienu jew kien imisshom jafu bih [Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Karaman et vs It-Turkija tal-31 ta’ Jannar 2012 (rikors Nru 60272/08, § 46) u Mubilanzila Mayeka u Kaniki Mitunga vs Il-Belġju tat-12 ta’ Ottubru 2006 (rikors Nru 13178/03, § 53)]. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat espressament fis-sentenza tagħha Opuz vs It-Turkija (rikors Nru 33401/02, § 165) li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma għandhiex il-kompetenza li tissostitwixxi lill-awtoritajiet nazzjonali u li tagħmel għażla flokhom fost il-firxa wiesgħa ta’ miżuri xierqa li jiggarantixxu r-rispett tal-obbligi pożittivi li jimponi l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni fuqhom.

( 26 ) Ara D. Jarass, (loc. cit., punt 23), Artikolu 7, punt 21.

( 27 ) Minħabba din il-limitazzjoni statutorja dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, il-limitazzjonijiet tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom ikunu stabbiliti jew mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mil-leġiżlaturi nazzjonali.

( 28 ) Ara s-sentenza N.S. et (imsemmija iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 82).

( 29 ) Dan l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir fuq il-bażi ta’ eżami fi tliet stadji li fil-kuntest tiegħu hemm lok li mhux biss tiġi vverifikata l-adegwatezza u n-neċessità ta’ tali restrizzjoni iżda wkoll ir-raġonevolezza.

( 30 ) Fir-rigward tal-garanzija tal-essenza tad-dritt, tqum ukoll il-kwistjoni jekk minbarra l-istħarriġ tal-proporzjonalità fi tliet stadji, din jistax ikollha wkoll importanza awtonoma. [Ara f’dan ir-rigward, T. Kingreen, f’EUV/EVG (Edizzjoni ta’ Callies/Ruffert), ir-raba’ edizzjoni, Munich 2011, EU-GRCharta, Artikolu 52, punt 64; D. Jarass, loc. cit (iktar ’il fuq, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23), Artikolu 52, punt 45]. Meta limitazzjoni tkun daqstant importanti li ma tirrispetta b’ebda mod l-elementi essenzjali tad-dritt fundamentali kkonċernat u b’hekk taffettwa l-essenza proprja tiegħu, effettivament ikollu jitqies bħala regola ġenerali li din ma hijiex xierqa u li għalhekk hija sproporzjonata.

( 31 ) Digriet ta’ rinviju, punt 41.

( 32 ) Digriet ta’ rinviju, punt 46.

( 33 ) Sentenza N.S. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punti 64 et seq).

( 34 ) Ibid., punt 94.

( 35 ) Ibid. punt 96 f.

( 36 ) Ibid., punt 98.

( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-kawża N.S. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 4 tal-proposta ta’ dispożittiv).

( 38 ) Punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara f’dan il-kuntest is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta’ Jannar 2012, Stanev vs Il-Bulgarija (rikors Nru 367360/06, § 202), tal-1 ta’ Ġunju 2010, Gäfgen vs Il-Ġermanja (rikors 22 978/05, § 88), tat-30 ta’ Jannar 2008, Testa vs Il-Kroazja (rikors Nru 20877/04, § 43) u tal-11 ta’ Lulju 2006, Jalloh vs Il-Ġermanja (rikors Nru 54810/00, § 67).

( 40 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Marckx vs Il-Belġju tat-13 ta’ Ġunju 1979, serje A Nru 31 (rikors Nru 6833/74, § 31).

( 41 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Serife Yigit vs It-Turkija tat-2 ta’ Novembru 2010, (rikors Nru 3976/05, punt 93), tat-12 ta’ Lulju 2001, K. u T. vs Il-Finlandja (rikors Nru 25702/94, punt 150).

( 42 ) ĠU C 303 tal-2007, p. 32. Skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-TUE jikkonferma wkoll espressament l-importanza tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-Karta għall-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dik il-Karta.

( 43 ) Għal konferma ta’ dan il-prinċipju, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 53).

Top