EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0059

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2012.
Association Kokopelli vs Graines Baumaux SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Nancy.
Agrikoltura — Direttivi 98/95/KE, 2002/53/KE, 2002/55/KE u 2009/145/KE — Validità — Ħxejjex — Bejgħ, fis-suq nazzjonali taż-żrieragħ, ta’ żrieragħ tal-ħaxix li ma jinsabux fil-katalgu komuni uffiċjali tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ ħxejjex — Nuqqas ta’ osservanza tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq — Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Libertà ta’ impriża — Moviment liberu tal-merkanzija — Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-59/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:28

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2012 ( 1 )

Kawża C-59/11

Association Kokopelli

vs

Graines Baumaux SAS

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Nancy (Franza)]

“Agrikoltura — Validità — Direttiva 2002/55/KE — Ħxejjex — Kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ — Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żrieragħ li ma humiex ufficjalment approvati u inklużi fil-katalgu tal-varjetajiet — Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Argikoltura — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Libertà ta’ impriża — Moviment tal-merkanzija — Ugwaljanza fit-trattament”

I – Introduzzjoni

1.

Ir-riduzzjoni kostanti tan-numru ta’ varjetajiet ikkoltivati fil-kuntest tal-agrikoltura Ewropea huwa fenomenu magħruf sewwa. Ħafna mill-varjetajiet tradizzjonali qed jisparixxu jew huma kkonservati biss f’banek ta’ żrieragħ għall-ġenerazzjonijiet futuri. Min-naħa l-oħra, xi varjetajiet, li apparentement diversi eżemplari fosthom barra minn hekk jixxiebħu ferm, jiddominaw fl-egħlieqi.

2.

Minħabba f’hekk, id-diversità bioloġika jew il-biodiversità qiegħda tonqos ferm fl-agrikoltura. Ma huwiex eskluż li fil-futur ikun hemm nuqqas ta’ varjetajiet li kapaċi, pereżempju, jadattaw ruħhom aħjar għat-tibdil fil-klima jew għall-mard ġdid mill-varjetajiet li llum huma predominanti. Sa minn issa, l-għażla tal-konsumatur finali hija diġà ristretta f’dak li jirrigwarda l-prodotti agrikoli .

3.

Wieħed jista’ jaħseb li dan il-proċess huwa fl-ewwel lok immotivat mill-interessi ekonomiċi tal-bdiewa li jużaw, sa fejn possibbli, il-varjetajiet li jipproduċi aħjar.

4.

Dan il-każ partikolari juri madankollu li l-limitazzjoni tal-biodiversità fl-agrikoltura Ewropea miexja mill-inqas f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, iż-żrieragħ tal-parti l-kbira tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk il-varjetà inkwistjoni hija uffiċjalment approvata. Din l-approvazzjoni tassumi li l-varjetà hija distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi. Xi drabi wkoll, jeħtieġ li tiġi stabbilita wkoll il-kapaċità ta’ rendiment — “valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni u għall-użu” — tal-varjetà. Għal numru kbir ta’ “varjetajiet qodma”, dawn il-provi ma jistgħux jiġu pprodotti. Il-kwistjoni tqum għaldaqstant jekk din ir-restrizzjoni fuq il-kummerċ taż-żrieragħ hijiex iġġustifikata.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – It-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura

5.

Bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 ( 2 ), il-Kunsill approva l-konklużjoni tat-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti Għall-Ikel u l-Agrikoltura ( 3 ) (iktar ’il quddiem ukoll it-“Trattat Internazzjonali” jew “TIRĠPIA”).

6.

L-Artikolu 5(1) tat-Trattat Internazzjonali jistabbilixxi l-miżuri prinċipali:

“5.1.   Kull parti kontraenti għandha, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, u b’kooperazzjoni mal-partijiet kontraenti l-oħra, fejn xieraq, tippromwovi approċċ integrat għall-esplorazzjoni, konservazzjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u għandha b’mod partikolari timpenja ruħha, skont kif jixraq, biex:

[...]

ċ)

tinkoraġġixxi jew issostni, fejn xieraq, l-isforzi tal-bdiewa u tal-komunitajiet lokali sabiex jimmaniġġjaw u jikkonżervaw fir-razzett stess ir-riżorsi ġenetiċi tagħhom tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

[...] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

7.

L-Artikolu 6 tat-Trattat Internazzjonali jkompli jsemmi miżuri oħra:

“6.1.   Il-partijiet kontraenti għandhom ifasslu u jżommu fis-seħħ politiki u dispożizzjonijiet legali adatti sabiex jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura.

6.2.   L-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura jista’ b’mod partikolari jinkludi l-miżuri li ġejjin::

a)

tfassil ta’ politiki agrikoli ġusti li jinkoraġġixxu, fejn xieraq, it-twettiq u ż-żamma ta’ sistemi agrikoli diversifikati li jiffavorixxu l-użu sostenibbli tad-diversità bioloġika agrikola u tar-riżorsi naturali l-oħra;

[...]

d)

twessiegħ tal-bażi ġenetika tal-pjanti kkultivati u żieda fid-diversità tal-materjal ġenetiku li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-bdiewa;

e)

promozzjoni, fejn xieraq, ta’ iktar użu tal-pjanti kkultivati, tal-varjetajiet u tal-ispeċi subutilizzati, lokali jew adattati għall-kundizzjonijiet lokali;

[...]

g)

reviżjoni u, fejn xieraq, aġġustament tal-istrateġiji ta’ selezzjoni u r-regoli tat-tqegħid għall-bejgħ tal-varjetajiet u d-distribuzzjoni taż-żrieragħ [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

8.

L-Artikolu 9 tat-TIRĠPIA jikkonferixxi xi drittijiet lill-bdiewa u jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu, ċerti miżuri:

“Il-partijiet kontraenti jaqblu li r-responsabbiltà tar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bdiewa, għal dak li jirrigwarda r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura, hija fdata lill-gvernijiet. Skont il-bżonnijiet u l-prioritajiet tagħha, kull parti kontraenti għandha, fejn xieraq u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tieħu l-miżuri sabiex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-bdiewa, u inkluż

a)

il-protezzjoni tal-għerf tradizzjonali rilevanti għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

b)

id-dritt li jipparteċipaw b’mod ġust fil-qism tal-vantaġġi riżultanti mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

ċ)

id-dritt li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali, fuq il-kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

B – Id-dritt tal-Unjoni

9.

Diversi direttivi jittrattaw kwistjonijiet li jirrigwardaw iż-żrieragħ. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew introdotti għall-ewwel darba fl-1970 għal dak li jirrigwarda ż-żrieragħ tal-ħxejjex ( 4 ) u għal varjetajiet oħra agrikoli fl-1966 ( 5 ). Attwalment, huma madankollu t-testi msemmija iktar ’il quddiem li huma applikabbli, filwaqt li l-Kummissjoni qiegħda tmexxi, issa stess, konsultazzjonijiet bil-ħsieb li dawn jiġu rriveduti ( 6 ).

1. Id-Direttiva 2002/55/KE

10.

Il-varjetajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-parti l-kbira, jew esklużivament, taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex ( 7 ) (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva dwar il-ħxejjex”).

11.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/55 jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-ħxejjex ta’ varjetà li ma tkunx ġiet uffiċjalment approvata:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li ż-żerriegħa tal-ħxejjex m’għandiex tkun ċertifikata, verifikata bħala żerriegħa standard u mibjugħa [ħlief] kemm-il darba l-varjetà hija uffiċjalment aċċettata fi Stat Membru wieħed jew iżjed”.

12.

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva jirregola l-approvazzjoni:

“Stati Membri għandhom jiżguraw li varjetà hija aċċettata biss jekk hija distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi.

Fil-każ ta’ ċikwejra industrijali, il-varjetà għandha tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni u l-użu”.

13.

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva msemmija jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu l-konsumatur ta’ oġġetti tal-ikel miksuba minn varjetajiet veġetali:

“Iżda, fejn materjal derivat minn varjetà ta’ pjanta hu maħsub li jintuża bħala ikel jew ingredjent ta’ ikel li jaqa’ fl-iskop tar-Regolament (KE) Nru 258/97, dan l-ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel m’għandhomx:

ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur;

iqarrqu bil-konsumatur;

ikunu differenti minn ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li huma maħsuba li jbiddlu sa dak il-punt li l-konsum tagħhom normali ikun ta’ żvantaġġ nutrizzjonalment għal konsumatur”.

14.

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/55 jipprovdi għal approvazzjoni simplifikata fl-interess tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti. Il-kundizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu ffissati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 44(2), u 46(2) ta’ din id-Direttiva.

15.

L-Artikolu 5 tal-imsemmija Direttiva jiddefinixxi l-kriterji ta’ distinzjoni, stabbiltà u uniformità:

“1.   Varjetà għandha titqies bħala distinta jekk, tkun xi tkun l-oriġini, artifiċjali jew naturali, tal-varjazzjoni inizjali li tkun ġiet minnha, hija distingwibbli f’karatteristika waħda jew iżjed importanti minn kull varjetà oħra magħrufa fil-Komunità.

[...]

2.   Varjetà għandha titqies bħala stabbli jekk, wara propogazzjoni jew moltiplikazzjonijiet suċċessivi jew fit-tmiem ta’ kull ċiklu (fejn min irabbi jkun definixxa ċiklu partikolari ta’ propogazzjoni jew moltiplikazzjonijiet) tibqa’ vera għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.

3.   Varjetà għandha titqies bħala suffiċjentement uniformi jekk, ħlief għal xi ftit abberazzjonijiet, il-pjanti li hija komposta minnhom huma, wara li jitqiesu l-karatteristiċi distintivi tas-sistemi riproduttivi tal-pjanti, simili jew ġenetikament identiċi fir-rigward tal-karatteristiċi, meħuda fit-total, li huma kunsidrati għal dan l-iskop”.

16.

Bis-saħħa tal-Artikolu 52, id-Direttiva dwar il-ħxejjex daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu 2002. Peress li hija kkonsolidat id-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħhom kienu diġà skadew, hija ma ffissatx terminu ta’ traspożizzjoni supplimentari.

2. Id-Direttiva 2009/145/K

17.

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjonijiet ta’ landraces (tipi partikulari) u varjetajiet tal-ħxejjex tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u reġjuni partikolari u li huma mhedda minn erożjoni ġenetika u varjetajiet tal-ħxejjex bla ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-landraces u l-varjetajiet ( 8 ) (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva li tipprevedi ċerti derogi”) kienet ġiet ibbażata fuq l-Artikoli 4(4), 44(2), u 46(2) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex.

18.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/145 jiddetermina l-varjetajiet li għalihom għandhom jiġu pprovduti xi derogi:

“F’dak li għandu x’jaqsam mal-ispeċi tal-ħxejjex koperti mid-Direttiva 2002/55/KE, din id-Direttiva tistipula ċerti derogi, fir-rigward tal-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti permezz tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq.

a)

għall-approvazzjoni tal-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex, kif previsit fid-Direttiva 2002/55/KE, ta’ landraces u varjetajiet tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku, minn issa ’l quddiem ‘varjetajiet ta’ konservazzjoni’, u

b)

għall-approvazzjoni għall-inklużjoni fil-katalgi msemmija fil-punt (a) ta’ varjetajiet bl-ebda valur intrinsiku kummerċjali għal produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, minn issa ’l quddiem ‘varjetajiet żviluppati biex jikbru f’kundizzjonijiet partikulari’, u

c)

għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari bħal dawn”.

19.

Il-kundizzjonijiet essenzjali għall-approvazzjoni tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/145:

“1.   Biex tkun approvata bħala varjetà ta’ konservazzjoni, landrace jew varjetà msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tippreżenta interess għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/91/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ preċiżjoni, stabbilità u uniformità ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.

[...]”

20.

L-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-Direttiva jipprovdu li ż-żrieragħ tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu pprodotti jew ikkummerċjalizzati biss eċċezzjonalment barra r-reġjun tal-oriġini tagħhom.

21.

Bis-saħħa tal-Artikolu 15 tal-imsemmija Direttiva, il-varjetajiet ta’ konservazzjoni jistgħu jinbiegħu biss fi kwantitajiet żgħar ferm:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li, għal kull varjetà ta’ konservazzjoni, il-kwantità taż-żerriegħa mqiegħda fis-suq ma taqbiżx il-kwantità meħtieġa għall-produzzjoni tal-ħxejjex fuq l-għadd ta’ ettari stipulat fl-Anness I għall-ispeċi rispettivi”.

22.

Is-superfiċji stabbiliti fl-Anness I jammontaw, skont l-ispeċi, għal 10, 20 jew 40 ettari .

23.

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/145 isemmi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-varjetajiet żviluppati sabiex jiġu kkultivati f’kundizzjonijiet partikolari:

“1.   Biex tiġi aċċettata bħala varjetà żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(b), varjetà ma għandu jkollha l-ebda valur kummerċjali intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari.

Varjetà għandha titqies li ġiet żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet partikulari jekk ġiet żviluppata biex titkabbar f’kundizzjonijiet agrotekniċi, klimatiċi jew pedagoġiċi partikolari.

2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/91/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-dispożizzjonijiet tagħhom stess fir-rigward ta’ diffrenzjar, stabilità u uniformità tal-varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari”.

24.

Bis-saħħa tal-Artikolu 36(1), tad-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi, din kellha tiġi trasposta mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

3. Id-Direttiva 2003/91/KE

25.

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/91/KE, tas-6 ta’ Ottubru 2003, li twaqqaf il-miżuri ta’ implementazzjoni għall-objettivi ta’ Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE rigward il-karatteristiċi li għandhom jiġu inklużi bħala minimu ottenut mill-eżami u l-kundizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ ħaxix ( 9 ), li tissemma fid-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi, issemmi fl-Artikolu 1(2), il-provi ta’ preċiżjoni, stabbilità u uniformità filwaqt li tirreferi għal ċerti dokumenti tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju tal-Pjanti Varji fil-Komunità (CPVO) u tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV). Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet huma inkarigati mill-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali fuq il-varjetajiet ta’ pjanti.

4. Id-Direttiva 2002/53/KE

26.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli ( 10 ) (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet”) stabbilixxiet għall-pjanti agrikoli kkultivati li jaqgħu f’diversi direttivi imma mhux id-Direttiva dwar il-ħxejjex, regoli komuni dwar l-approvazzjoni tal-varjetajiet. F’dan il-każ, huma l-pitravi taz-zokkor u l-pitravi tal-għalf fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi ( 11 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-pitravi”) li jinteressawna.

27.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/53 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-aċċettazzjoni għal inklużjoni f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pitravi, [...] li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi mibjugħa taħt disposizzjonijiet tad-Direttivi li jikkonċernaw rispettivament il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (2002/54/KE) [...]”.

28.

L-Artikolu 1(2) tal-imsemmija Direttiva jiddetermina l-bażi tal-katalgu komuni tal-varjetajiet:

“Il-katalgu komuni ta’ varjetajiet għandu jiġi kompilat fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali ta’ l-Istati Membri”.

29.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet jipprovdi għat-twaqqif ta’ katalgi nazzjonali:

“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi katalgu wieħed jew aktar tal-varjetajiet aċċettati uffiċjalment għaċ-ċertifikazzjoni u l-bejgħ fis-suq fit-territorju tiegħu. [...]”

30.

Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-varjetajiet huma stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/53:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li varjetà hija aċċettata biss jekk tkun distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi. Il-varjetà trid tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni u għall-użu”.

31.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni bħall-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-ħxejjex, imma jiċċara wkoll, fl-Artikolu 5(4) xi tfisser “valur sodisfaċenti għall-koltivazzjoni jew għall-użu”:

“Il-valur ta’ varjetà għall-koltivazzjoni jew għall-użu għandha titqies bħala sodisfaċenti jekk, meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra aċċettati fil-katalgu ta’ l-Istat Membru msemmi, il-kwalitajiet tagħha, meta titqies fl-intier tagħha, toffri, għall-inqas fejn produzzjoni f’xi reġjun mogħti hija kkonċernata, titjib ċar jew għall-koltivazzjoni jew rigward l-użu li jista’ jsir mill-uċuh tar-raba’ jew il-prodotti li joħorġu minnhom. Fejn karatteristiċi oħra superjuri huma preżenti, jistgħu jitwarrbu karatteristiċi individwali inferjuri”.

5. Id-Direttiva 98/95/KE

32.

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/95/KE, tal-14 ta’ Diċembru 1998, li temenda, fir-rigward tal-konsolidazzjoni tas-suq intern, il-varjetajiet ta’ pjanti ġenetikament immodifikati u r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, id-Direttivi 66/400/KEE, 66/401/EEC, 66/402/KEE, 66/403/KEE, 69/208/KEE, 70/457/KEE u 70/458/KEE dwar il-kummerċ taż-żerriegħa tal-pitravi, iż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, iż-żerriegħa taċ-ċereali, il-patata taż-żrigħ, iż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u l-fibri u ż-żerriegħa tal-ħxejjex tal-ikel u l-katalogu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi tal-pjanti agrikoli ( 12 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva li tipprevedi ċerti modifiki”) introduċiet xi bażijiet legali li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ kellhom jippermettu, permezz ta’ użu in situ, il-konservazzjoni tal-varjetajiet mhedda bl-erożjoni ġenetika (il-premessa 17). Il-Kummissjoni setgħet tadotta regoli simili skont il-proċedura tal-komitoloġija. Dawn id-dispożizzjonijiet issa huma parti mid-Direttiva dwar il-ħxejjex, mid-Direttiva dwar il-pitravi kif ukoll mid-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet u huma għalhekk tħassru wara l-adozzjoni ta’ dawn l-aħħar Direttivi.

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

33.

L-għaqda Kokopelli (iktar ’il quddiem “Kokopelli”), li hija organizzazzjoni mhux governattiva, toffri għall-bejgħ żrieragħ ta’ dawk li għandhom jissejħu “varjetajiet qodma” li, parzjalment, ma humiex approvati fis-sens tad-Direttiva dwar il-ħxejjex. Il-kumpannija SAS Graines Baumaux (iktar ’il quddiem “Graines Baumaux”), li hija impriża taż-żrieragħ, identifikat fl-offerta ta’ Kokopelli 461 varjetà mhux approvata u, għalhekk, fl-2005 introduċiet kawża għal kompetizzjoni żleali, li fiha Graines Baumaux talbet fost oħrajn danni fil-forma ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 50 000 kif ukoll li jiġi pprojbit r-reklamar kollu ta’ dawn iż-żrieragħ. Fl-ewwel istanza, it-tribunal de grande instance de Nancy tat EUR 10 000 f’danni lil Graines Baumaux u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

34.

Kokopelli appellat minn din is-sentenza quddiem il-Cour d’appel de Nancy. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, saret id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttivi tal-Kunsill 98/95/KE , 2002/53/KE u 2002/55/KE u tal-Kummissjoni 2009/145 , huma validi fid-dawl tad-drittijiet u prinċipji fundamentali li ġejjin tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, dawk tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza jew ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ movement liberu tal-merkanzija u fid-dawl tal-impenji li jirriżultaw mit-Trattat Internazzjonali fuq ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura, b’mod partikolari sa fejn jimponu restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żerriegħa u pjanti qodma?”

35.

Graines Baumaux, Kokopelli, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja billi ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

36.

Graines Baumaux tesprimi dubbji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Hija tqis li l-validità tad-direttivi msemmija ma hijiex importanti għall-fini tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, għaliex f’dan il-każ partikolari din hija kwistjoni ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttivi. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrispondix għal kwistjonijiet ipotetiċi ( 13 ), it-talba għal deċiżjoni preliminari hija, f’dan il-każ, inammissibbli.

37.

Fuq dan il-punt ċertament hemm qbil li ma jintemmx b’ċertezza l-ksur ta’ Kokopelli tad-dritt Franċiż ta’ traspożizzjoni jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni kienu invalidi. Iżda sakemm il-validità tagħhom trid tiġi preżunta ( 14 ), il-qrati nazzjonali ma tantx jistgħu jikkontestaw il-validità tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ( 15 ). Għall-kuntrarju, jekk id-direttivi huma invalidi, il-liġi li tiżgura t-traspożizzjoni tagħhom tkun ukoll diskutibbli. Din tista’ pereżempju, tkun ta’ preġudizzju għall-moviment liberu tal-merkanzija msemmi fl-Artikolu 34 TFUE sa fejn merkanzija minn Stati Membri oħra tinkludi wkoll iż-żrieragħ inkwistjoni. Din hija r-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi tali domandi ( 16 ).

B – Fuq l-għan tad-domanda għal deċiżjoni preliminari

38.

Il-Cour d’appel de Nancy tistaqsi dwar il-validità ta’ erba’ Direttivi li jinkludu ħafna dispożizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ. Huma jistabbilixxu b’mod partikolari f’liema kundizzjonijiet varjetajiet jistgħu jiġu approvati u inklużi fil-katalgi nazzjonali jew fil-katalgu komuni tal-varjetajiet, jipprojbixxu l-bejgħ ta’ żrieragħ mhux awtorizzati, iżda jirregolaw ukoll il-kontroll u l-kwalità taż-żrieragħ kif ukoll l-imballaġġ għall-bejgħ. Fl-oqsma kollha, jeżistu “restrizzjonijiet [imposti] fuq [iż-] żerriegħa u pjanti qodma”, li, skont il-kliem tad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi eżaminata l-validità tagħhom.

39.

Il-kawża prinċipali hija madankollu iktar ristretta. Hija limitata għall-ilment imressaq kontra Kokopelli talli biegħet żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ pjanti li ma humiex approvati. Kokopelli ma hijiex qed titlob l-inklużjoni tal-varjetajiet tagħha f’xi katalgu u tiddikjara espressament li ma hijiex qed iddaħħal inkawża r-regoli dwar il-kwalità taż-żrieragħ ( 17 ). Għalkemm Kokopelli tikkontesta d-dispożizzjonijiet dwar l-imballaġġ ( 18 ), ma jidhirx madankollu li dawn id-dispożizzjonijiet huma s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

40.

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandha tiġi eżaminata biss il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ mhux approvati .

41.

Skont ir-rikors ta’ Graines Baumaux ippreżentat fl-ewwel istanza, Kokopelli kkummerċjalizzat 461 varjetà ta’ ħxejjex li ma humiex approvati. Huwa paċifiku li dawn il-varjetajiet jaqgħu fil-parti l-kbira, u jista’ jkun ukoll kollha kemm huma, fit-tielet waħda mid-direttivi msemmija mill-Qorti tar-rinviju, jiġifieri d-Direttiva dwar il-ħxejjex. Għalhekk, fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, sejjer nikkonċentra fuq din id-direttiva.

42.

Jeħtieġ li jiġi eżaminat, f’dan ir-rigward, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex, li jipprovdu li ż-żrieragħ ta’ ħxejjex jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk il-varjetà tagħhom hija uffiċjalment approvata f’mhux inqas minn Stat Membru wieħed.

43.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni jinsabu prinċipalment fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva dwar il-ħxejjex. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, iż-żrieragħ jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk jiġi stabbilit li l-varjetà hija distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi. Fil-każ taż-żrieragħ taċ-ċikwejra industrijali, il-varjetà għandha tkun ta’ valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu.

44.

Dawn il-kundizzjonijiet iqajmu problema għall-użu taż-“żrieragħ qodma” li jissemmew fid-domanda preliminari inkwantu kemm Kokopelli kif ukoll il-Kummissjoni ( 19 ) jsostnu li numru kbir tal-varjetajiet li ma humiex approvati ma humiex kapaċi jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi rigward iż-żrieragħ tal-ħxejjex tikkonferma dan, għaliex, skont il-premessa 2 tagħha, hija ġiet adottata sabiex tippermetti l-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti varjetajiet anki jekk huma ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali.

45.

Skont Kokopelli, il-patrimonju ġenetiku tal-“varjetajiet qodma” li hija tikkummerċjalizza huwa inqas uniformi mill-patrimonju ġenetiku tal-varjetajiet approvati. Peress li l-“varjetajiet qodma” jistgħu anki jevolvu b’mod differenti skont il-kundizzjonijiet ambjentali, għaldaqstant, huma ma humiex stabbli. Bl-istess mod, id-diversi eżemplari fil-ħażniet ikkunsidrati jixxiebħu inqas bejniethom. Dawn il-varjetajiet għalhekk ma humiex uniformi daqs il-varjetajiet approvati ( 20 ).

46.

Għandu, għalhekk, jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex, li jiġu kkummerċjalizzati ż-żrieragħ ta’ varjetà li ma tistax tiġix identifikata bħala waħda distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi u lanqas, skont il-każ, li għandha wkoll valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu, hijiex kompatibbli mal-liġijiet ta’ livell superjuri li jissemmew fid-domanda għal deċiżjoni preliminari.

47.

F’dan il-kuntest, sejjer neżamina iktar ’il quddiem l-ewwel nett it-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Argikoltura (fil-parti C. 1), imbagħad nindirizza l-prinċipju ta’ proporzjonalità (fil-parti C. 2), u l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika (fil-parti C. 3) kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija(fil-parti C. 4) u, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ trattament ugwali (fil-parti C. 5).

48.

Fl-2009 l-Kummissjoni adottat biss l-aħħar waħda fost id-Direttivi msemmija mill-Cour d’appel de Nancy, jiġifieri d-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi dwar iż-żrieragħ tal-ħxejjex, u t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva skada fil-31 ta’ Diċembru 2010. Peress li l-azzjoni fil-kawża prinċipali nbdiet fl-2005, mingħajr dubju, din id-Direttiva hija rrilevanti għad-danni li qegħdin jintalbu. Hija tista’ madankollu tkun utili sabiex jiġi ddeterminat jekk Kokopelli għandhiex twaqqaf ir-reklamar taż-żrieragħ mhux approvati minn issa. Għandu, għalhekk, jiġi vverifikat jekk id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi timmodifikax ir-riżultat tal-eżami tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex [il-parti C. 2(ċ) fl-aħħar ta’ dawn il-konklużjonijiet].

49.

It-tieni waħda fost id-Direttivi msemmija mill-qorti ta’ rinviju hija d-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet. Din tidħol inkunsiderazzjoni biss jekk, fost id-disa’ varjetajiet ta’ pitravi u nevew li Graines Baumaux issemmi fil-lista tal-varjetajiet tal-ħxejjex inkwistjoni ( 21 ), jidhru wkoll il-pitravi taz-zokkor u tal-għalf li jaqgħu fid-Direttiva dwar il-pitravi li ma tissemmix fid-domanda għal deċiżjoni preliminari. Il-proċess ċertament ma fih l-ebda prova li targumenta f’dan is-sens, u l-argumenti ta’ Graines Baumaux u Kokopelli wkoll jopponu dan. Madankollu ma jistax jiġi eskluż b’ċertezza assoluta li l-validità tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet għandha importanza wkoll fil-kawża prinċipali. Biex ikun evitat li f’każ bħal dan isir neċessarju rinviju ġdid mill-Cour d’appel de Nancy ( 22 ), sejjer neżamina, sabiex nagħlaq, jekk ir-riżultat li jikkonċerna d-Direttiva dwar il-ħxejjex japplikax ukoll għad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet (parti D ta’ dawn il-konklużjonijiet).

50.

Nirrileva, fl-aħħar nett, li l-ewwel waħda fost id-Direttivi msemmija mill-Cour d’appel de Nancy, jiġifieri d-Direttiva li tipprevedi ċerti modifiki, ma għadhiex fis-seħħ wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-ħxejjex u d-Direttiva dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet. Barra minn hekk, hija tinkludi biss l-bażijiet legali għad-dispożizzjonijiet ta’ tħassir li qatt ma ntużaw meta kienet għadha fis-seħħ. Għalhekk ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati.

Ċ- Fuq l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex

1. Dwar it-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura

51.

It-TIRĠPIA, skont l-Artikolu 1 tiegħu, għandu fost oħrajn bħala objettivi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura. Kokopelli tqis li dan it-Trattat imur kontra r-regoli dwar l-approvazzjonijiet tal-varjetajiet.

52.

Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-validità tal-leġiżlazzjoni sekondarja fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali, suġġett għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-Unjoni għandha tintrabat b’dawn ir-regoli u, t-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipproċedi għall-eżami tal-validità ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fid-dawl ta’ trattat internazzjonali meta n-natura u l-ekonomija tiegħu ma jikkuntrastawx dan u li, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u ċari biżżejjed ( 23 ).

53.

Ma hemmx dubju li l-Unjoni ntrabtet bit-TIRĠPIA, għaliex hija kienet parti kontraenti. F’dan il-każ, ma hemmx bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk in-natura jew l-ekonomija ta’ dan it-Trattat jikkuntrastawx stħarriġ tal-leġiżlazzjoni sekondarja ( 24 ). Fil-fatt, l-imsemmi Trattat ma jinkludi ebda dispożizzjoni li hija, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, inkundizzjonata u ċara biżżejjed sabiex tpoġġi indiskussjoni l-validità tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ.

54.

L-Artikolu 5 tat-TIRĠPIA jipprovdi li għandhom jittieħdu miżuri minn kull parti kontraenti “bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha” u “fejn xieraq”. Skont l-Artikolu 6, il-partijiet kontraenti għandhom ifasslu u jżommu fis-seħħ “dispożizzjonijiet adatti”. Issegwi lista ta’ eżempji possibbli ta’ miżuri bħal dawn. Iż-żewġ dispożizzjonijiet iħallu għalhekk fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-miżuri li jkun xieraq li kull wieħed minnhom jadotta. Il-marġni ta’ manuvra li tgawdi l-Unjoni sabiex tirregola l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ma hijiex b’daqshekk limitata.

55.

L-Artikolu 9 tat-TIRĠPIA jikkonċerna d-drittijiet tal-bdiewa. Jipprovdi li, skont il-bżonnijiet u prioritajiet tagħha, kull parti kontraenti għandha, fejn xieraq u bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tieħu miżuri. Lanqas din id-dispożizzjoni ma tinkludi obbligu suffiċjentement inkundizzjonat u ċar.

56.

Ma jidhirx li xi dispożizzjonijiet oħra tat-TIRĠPIA huma rilevanti.

57.

Għaldaqstant, l-eżami tat-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Argikoltura ma juri l-ebda element tali li jpoġġi indiskussjoni l-validità tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex.

2. Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità

58.

Il-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati ż-żrieragħ mhux approvati tista’ madankollu tkun sproporzjonata.

59.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-atti tal-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-objettivi leġittimi li tkun trid tilħaq il-liġi inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum, li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet previsti ( 25 ).

60.

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea f’qasam li jinvolvi għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan is-settur, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom f’moħħhom, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura ( 26 ).

61.

Dan il-kliem standard tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandux jinftiehem fis-sens li għandha tiġi evalwata biss in-natura xierqa tal-miżura jew li dan il-kriterju biss huwa suġġett għall-eżami ta’ difett manifest. Huwa għandu jinftiehem minflok li jfisser li l-eżami għandu jiddetermina jekk il-miżura hijiex manifestament sproporzjonata ( 27 ). Fir-rigward ta’ dan, għandhom jiġu osservati t-tliet stadji tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ( 28 ).

62.

Barra minn hekk, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa (wiesgħa), il-leġiżlatur tal-Unjoni jintrabat li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi. Iżjed minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ diversi miżuri possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-objettivi mfittxija mill-miżura adottata humiex tali li jiġġustifikaw il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ( 29 ).

a) Fuq l-objettivi tal-projbizzjoni u tal-kapaċità tagħha li tilħaq dawn l-objettivi

63.

Skont il-premessi 2 sa 4 tad-Direttiva dwar il-ħxejjex, il-leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-varjetajiet jimmiraw sabiex itejbu l-produttività tal-agrikoltura. Kif il-Kummissjoni tenfasizza korrettement, dan huwa, skont l-Artikolu 39(1)(a) TFUE, għan tal-politika agrikola komuni.

64.

Minn naħa oħra, il-projbizzjoni ta’ bejgħ tiddefendi minn qabel lill-konsumaturi kontra x-xiri ta’ varjetajiet li ma humiex distinti, stabbli jew suffiċjentement uniformi u li, skont il-każ, ma jkollhomx valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu (jiġifieri produttività sodisfaċenti).

65.

Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ mhux approvati, mingħajr ebda dubju, hija xierqa sabiex tippromwovi dawn iż-żewġ objettivi. Hija tiżgura b’mod ġenerali li l-klijenti, b’mod partikolari l-bdiewa, jakkwistaw biss iż-żrieragħ li jippreżentaw il-kwalitajiet ikkonstatati fil-mument tal-approvazzjoni tagħhom.

66.

Meta varjetà hija distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi, l-utenti taż-żrieragħ jistgħu b’mod partikolari joqgħodu fuq il-fatt li huma jkunu qed jakkwistaw il-prodott mistenni. Din il-fiduċja hija kundizzjoni essenzjali għall-aħjar użu tar-riżorsi agrikoli. Jekk, kif huwa previst fil-każ taċ-ċikwejra industrijali, jintwera wkoll valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u l-użu ( 30 ), l-utent jista’ barra minn hekk jistenna ċertu ammont ta’ profitt.

67.

Għall-kuntrarju, meta l-imsemmija kwalitajiet taż-żrieragħ ma jiġux stabbiliti, il-konsumaturi jixtru, biex ngħidu hekk, “il-ħut fil-baħar”. Huma jkunu sfurzati li jiddependu fuq informazzjoni tal-bejjiegħ dwar it-tip ta’ prodott li huwa mistenni li jirriżulta minn dawn iż-żrieragħ. B’mod ġenerali, ma jkunx iktar qabel minn xi xhur wara, meta l-pjanti jiżviluppaw minn dawn iż-żrieragħ, li huma jiskopru jekk dik l-informazzjoni hijiex korretta. Jekk f’dan l-istadju jirriżulta li l-pjanti ma jissodisfawx l-aspettattivi, iċ-ċiklu ta’ kultivazzjoni inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi mmodifikat iktar. Il-produttività ser issofri.

68.

Barra minn hekk, waqt l-introduzzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati, kienet għadha ma teżistix industrija taż-żrieragħ professjonali biżżejjed bi standards ta’ produttività għoljin. Ma jistax jiġi eskluż li regoli iktar stretti setgħu jiġu imposti dak iż-żmien sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni ta’ fornituri bi prezz irħis u tippermetti l-implementazzjoni ta’ strutturi solidi.

69.

B’mod indirett, produttività agrikola għolja tista’ tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel u tgħin sabiex twaqqaf l-isfruttament ta’ uċuħ li saru żejda jew sabiex tintlaħaq produzzjoni li tirrispetta iktar l-ambjent, li r-Repubblika Franċiża, il-Kunsill u l-Kummissjoni jindikaw bħala objettivi oħra tar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni. Madankollu, dawn iż-żewġ objettivi jippreżentaw biss rabta ferm dgħajfa mal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ mhux approvati.

70.

Barra minn hekk, mill-premessa 12 tad-Direttiva dwar il-ħxejjex jirriżulta li l-katalgu komuni tal-varjetajiet jaħsbu sabiex jiżgura l-moviment ħieles taż-żrieragħ. Dan l-għan huwa kopert bl-Artikolu 3(3) TUE li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ suq intern. Il-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-varjetajiet hija adatta sabiex tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan sa fejn l-Istati Membri jistgħu jqisu li ż-żrieragħ kkummerċjalizzati b’mod legali fi Stat Membru ieħor jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti nazzjonali.

71.

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex jista’ fl-aħħar nett jiġi interpretat fis-sens li l-approvazzjoni tal-varjetajiet hija wkoll maħsuba sabiex tipproteġi lill-konsumatur aħħari tal-prodotti tal-ikel miksuba, b’mod partikolari kontra problemi tas-saħħa kif ukoll kontra frodi u qerq. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-objettivi waqt l-approvazzjoni tal-varjetajiet jista’ jgħin sabiex dawn jintlaħqu.

72.

Bħala għan tar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-aħħar nett fl-istatus ta’ saħħa taż-żrieragħ li għalihom tirreferi t-tnax-il premessa tad-Direttiva 66/402 li kienet ippreċediet direttiva parallela dwar iż-żrieragħ taċ-ċereali. Jista’ jkun, fil-fatt li d-direttivi msemmija fid-domanda għal deċiżjoni preliminari fihom ukoll dispożizzjonijiet ispirati minn dan l-għan. Madankollu, ma huwiex ċar kif ir-regoli dwar l-approvazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan. Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ma għandhom l-ebda rabta mas-saħħa tal-pjanti. Għalhekk ma hemmx bżonn li dan l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-ġustifikazzjoni tagħhom.

b) Fuq il-ħtieġa

73.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jista’ jiddubita l-ħtieġa tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati. Fil-fatt, l-objettivi msemmija jistgħu b’mod ġenerali jintlaħqu permezz ta’ obbligi ta’ ttikettjar inqas restrittivi ( 31 ). Jekk il-konsumatur taż-żrieragħ ikun jaf li l-varjetà ma tissodisfax l-eżiġenzi tal-katalgu tal-varjetajiet, huwa jista’ jirrifjuta li jixtriha jew li jużaha. Għaldaqstant, dan jevita t-telf ta’ produttività filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi.

74.

Il-kisba b’mod ġenerali tal-objettivi madankollu ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludi l-ħtieġa. Diġà teħtieġ miżura fil-każ li l-metodu inqas strett huwa inqas effikaċi. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

75.

Fil-fatt, l-obbligi ta’ ttikkettjar u ta’ avviż ma jiggarantixxux bl-istess mod li l-konsumaturi jixtru biss iż-żrieragħ li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni. Ma jistax jiġi eskluż li l-konsumaturi xorta jitqarrqu fuq il-kwalità taż-żrieragħ jew jużaw għal raġunijiet oħra relatati, pereżempju, mal-prezz, mar-reklami jew anki mal-konvinzjoni tagħhom, żrieragħ li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni. Il-kwistjoni tal-kisba — ftit — ogħla tal-objettivi leġiżlattivi permezz tal-projbizzjoni inkwistjoni hija biżżejjed sabiex tiġġustifika li din ma hijiex kwistjoni dwar il-ħtieġa, imma għandha tiġi evalwata bħala parti mill-ibbilanċjar bejn l-inkonvenjenti u l-objettivi.

76.

Madankollu, sabiex jiġi żgurat il-moviment ħieles taż-żrieragħ fis-suq intern, ma huwiex neċessarju li l-approvazzjoni tal-varjetajiet tkun akkumpanjata bi projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-varjetajiet mhux approvati ( 32 ). Anki jekk jiġi preżunt li l-protezzjoni tal-agrikoltura kontra żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-kummerċ ( 33 ), l-Unjoni ma għandhiex timponi projbizzjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex huwa suffiċjenti sabiex jiggarantixxi l-moviment liberu fl-Unjoni tal-varjetajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

77.

Ir-regoli ta’ approvazzjoni lanqas ma huma neċessarji sabiex jipproteġu lill-konsumatur finali kontra prodotti tal-ikel li jiġu minn varjetajiet ta’ żrieragħ. Dan l-għan huwa diġà żgurat mil-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, bħalma huwa r-Regolament (KE) Nru 178/2002 ( 34 ), li jinkludi dispożizzjonijiet ferm iktar preċiżi għal dan il-għan.

ċ) Fuq l-ibbilanċjar bejn il-vantaġġi u l-inkonvenjenti (suffiċjenza)

78.

Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-inkonvenjenti marbuta mal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni humiex manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-objettivi intiżi sabiex jippromwovu l-produttività agrikola u jipproteġu l-utenti taż-żrieragħ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, meta jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppruvax jiżgura ekwilibriju bejn, minn naħa, dawn l-objettivi u, min-naħa oħra, l-interessi ekonomiċi tal-operaturi ( 35 ).

79.

Fil-paragrafi li ġejjin, sejjer nuri l-ewwel nett li, sal-adozzjoni tad-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi li jikkonċernaw il-ħxejjex, il-leġiżlatur ma adottax miżuri sabiex jibbilanċja l-interessi involuti, peress li l-inkonvenjenti tal-leġiżlazzjoni huma manifestament sproporzjonati mal-benefiċċji li hija tinvolvi. Fl-aħħar nett, sejjer neżamina jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tad-direttiva li tipprevedi ċerti derogi twassalx għal riżultat ieħor.

L-isforzi tal-leġiżlatur sabiex jibbilanċja l-interessi involuti

80.

Skont il-premessi tad-direttiva inkwistjoni u l-argumenti tal-maġġoranza tal-partijiet li intervenew f’din il-kawża, il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ mhux approvati toqgħod fuq l-idea li l-objettivi mfittxija huma inklużi fl-interess tal-operaturi ekonomiċi. Produttività għolja u l-protezzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni jikkorrispondu għall-interess ekonomiku ta’ numru kbir ta’ bdiewa.

81.

Madankollu din il-miżura taffettwa wkoll l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u tal-konsumaturi li għalihom produttività qawwija u prodotti standard ma humiex l-ewwel preokkupazzjoni. Għalhekk l-interess ġenerali fid-diversità ġenetika ta’ varjetajiet agrikoli huwa wkoll involut.

82.

L-operaturi ekonomiċi li l-interess tagħhom ma huwiex iddettat prinċipalment mill-produttività huma mxekkla b’mod kunsiderevoli mis-sistema eżistenti. Il-produtturi u l-kummerċjanti taż-żrieragħ, il-bdiewa imma wkoll b’mod ġenerali l-utenti ta’ prodotti agrikoli ma jistgħux jużaw varjetajiet li għandhom kwalitajiet oħra differenti mill-varjetajiet approvati. Għalhekk, anki meta varjetà li ma hijiex approvata għandha togħma differenti minn dik ta’ varjetajiet approvati jew tipprovdi rendiment aħjar taħt ċerti kundizzjonijiet ta’ kultivazzjoni, hija ma tistax tiġi kkummerċjalizzata. L-isforzi sabiex jiġu pperfezzjonati l-varjetajiet mhux approvati bl-iskop li jinkisbu varjetajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni jsiru wkoll iktar diffiċli.

83.

Fl-istess ħin, l-għażla tal-konsumaturi hija limita. Huma la għandhom aċċess għall-prodotti tal-ikel jew prodotti oħra li huma riżultat ta’ varjetajiet li ma jissodisfawx il-kriterji għall-approvazzjoni, u lanqas il-possibbiltà li jikkultivaw huma stess dawn il-varjetajiet, pereżempju, fil-ġnien tagħhom stess.

84.

Il-fatt li l-bdiewa huma limitati għall-varjetajiet approvati jirriduċi fl-aħħar nett id-diversità ġenetika fl-għelieqi Ewropej, peress li inqas varjetajiet huma kkultivati u li l-ħażniet ta’ dawn il-varjetajiet jippreżentaw differenzi ġenetiċi inqas importanti bejn kull eżemplari ( 36 ).

85.

Għalkemm il-biodiversità ma tissemmiex espressament fit-Trattati bħala għan tal-politika Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea hija impenjata, b’mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bioloġika ( 37 ), li tipproteġiha, u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxietha bħala għan denju ta’ protezzjoni ( 38 ). Fir-rigward, b’mod iktar speċifku, tal-agrikoltura dan l-għan ġie wkoll irrikonoxxut mit-TIRĠPIA.

86.

Naturalment, il-banek ta’ żrieragħ u l-kultivazzjoni ġeografikament limitata jistgħu jgħinu fil-konservazzjoni ta’ varjetajiet mhux approvati, imma miżuri bħal dawn huma tipikament dipendenti fuq fondi pubbliċi. L-isfruttament ekonomiku tal-varjetajiet mhux approvati jiggarantixxi, għall-kuntrarju, b’mod ferm iktar b’saħħtu, il-konservazzjoni tagħhom u jikkontribwixxi wkoll fil-prattika għal diversità bioloġika ikbar.

87.

Skont il-premessi tad-direttiva inkwistjoni u l-argumenti tal-partijiet, b’mod partikolari tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ma jidhirx li, sal-adozzjoni tad-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi li tikkonċerna l-ħxejjex, il-leġiżlatur ħa kont ta’ dawn l-interessi. Anki għal din ir-raġuni biss, id-dispożizzjoni inkwistjoni tidher manifestament sproporzjonata.

Fuq l-implementazzjoni tal-ekwilibriju bejn l-inkonvenjenti u l-objettivi

88.

Anki jekk wieħed jissupponi li l-leġiżlatur kien ipproċeda biex jimplementa ekwilibriju — ħaġa li ma ġietx ippruvata — f’dan il-każ, ma rnexxilux jiżgura li l-inkonvenjenti jkunu proporzjonati għall-objettivi.

89.

Il-benefiċċji tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni meta mqabbla ma’ miżuri inqas restrittivi, bħall-obbligu tal-ittikettjar, jillimitaw ruħhom essenzjalment, kif rajna iktar ’il fuq ( 39 ), sabiex jevitaw l-użu bi żball ta’ żrieragħ mhux awtorizzati. Dan ir-riskju huwa madankollu ferm limitat jekk jeħtieġu avviżi ċari biżżejjed.

90.

Madankollu, ma hemm ebda biża’ li l-agrikoltura Ewropea ser tiċċaħħad minn aċċess għal żrieragħ ta’ kwalità għolja. Tabilħaqq, anki fin-nuqqas ta’ projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ varjetajiet mhux approvati, il-bdiewa jistgħu jużaw il-varjetajiet inklużi fil-katalgu u li jissodisfaw, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni. Fid-dawl tal-kwalitajiet tar-rendiment tal-varjetajiet approvati, lanqas ma għandu jiġi mistenni li l-varjetajiet mhux approvati jistgħu jikkompetu b’mod sinifikanti billi jeskluduhom mis-suq.

91.

Barra minn hekk, fil-frattemp, dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti ( 40 ) kien ġie stabbilit, li jinkludi inċentivi addizzjonali għall-kultivazzjoni tal-varjetajiet li jrendu iktar. Is-sistema tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti tipprovdi kundizzjonijiet paragunabbli mal-kriterji għall-approvazzjoni ta’ varjetajiet fil-katalgu taż-żrieragħ. Is-settur taż-żrieragħ kummerċjali għaldaqstant ma għandux wisq bżonn li jiġi protett kontra l-kompetizzjoni minn varjetajiet mhux approvati.

92.

Il-Kunsill isostni min-naħa tiegħu li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha bħala benefiċċju ieħor il-prevenzjoni definittiva tal-użu ta’ żrieragħ mhux approvati. Dawn iż-żrieragħ jistgħu jkunu ta’ ħsara jew ma jippermettux l-aħjar produzzjoni agrikola. Nifhem dan l-argument fis-sens li, strettament, il-bdiewa għandhom ikunu wkoll kostretti de facto jużaw varjetajiet produttivi. Madankollu dan jikkostitwixxi biss benefiċċju ferm limitat, għaliex bħala regola ġenerali għandhom ikunu l-bdiewa li jiddeċiedu liema varjetajiet ser jikkultivaw. Huma għalhekk liberi li jirrinunzjaw kompletament li jisfruttaw arthom.

93.

Għall-kuntrarju l-inkonvenjenti li jitnisslu mill-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati huma kbar. Huma jikkonċernaw, kif rajna iktar iktar ’il fuq, il-konsumaturi ta’ prodotti agrikoli u l-biodiversità fl-agrikoltura.

94.

Għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat li l-inkonvenjenti tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati huma manifestament ikbar mill-vantaġġi tagħha.

Fuq id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi

95.

Id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi li jikkonċernaw il-ħxejjex tista’ effettivament tpoġġi fid-dubju l-konklużjoni li wasalt għaliha f’dan l-istadju, għall-inqas mill-31 ta’ Diċembru 2010, jekk hija tnaqqas suffiċjentement l-inkonvenjenti tar-regoli preċedenti.

96.

Id-Direttiva li tipprevedi ċerti modifiki tal-1998 diġà turi li l-leġiżlatur kien diġà għaraf il-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni tal-interessi involuti rigward id-diversità bioloġika. Din id-Direttiva stabbilixxiet il-bażi ġuridika għal derogi limitati għall-kundizzjonijiet stretti ta’ approvazzjoni li kienu ġew adottati fid-Direttiva dwar il-ħxejjex. Qabel mal-Kummissjoni applikat finalment dawn id-derogi fl-2009 billi adottat id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi li jikkonċernaw iż-żrieragħ tal-ħxejjex, dawn il-miżuri madankollu kienu ħallew mhux mittiefsa l-projbizzjoni, b’tali mod li l-ibbilanċjar tal-interessi ma nbidilx.

97.

Id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi tiftaħ madankollu possibbiltajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ għal varjetajiet li, sa dakinhar, ma setgħux jiġu approvati. Għalkemm id-Direttiva ma tobbligax espressament lill-Istati Membri li japprovaw varjetajiet speċifikati, xorta jibqa’ l-fatt li marbutin li jeżerċitaw biss d-diskrezzjoni li tagħtihom din id-Direttiva fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ( 41 ). Għaldaqstant huma obbligati li japprovaw il-varjetajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi, jekk jirriżulta li s-sistema ta’ approvazzjoni tal-varjetajiet hija, fil-każ kuntrarju, sproporzjonata ( 42 ).

98.

Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk id-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi tħallix marġni suffiċjenti għall-użu ta’ “varjetajiet qodma”. Din id-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw żewġ tipi ta’ varjetajiet, jiġifieri, minn naħa, il-varjetajiet ta’ konservazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-varjetajiet “żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari”.

99.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva li jipprevedi ċerti derogi, l-approvazzjoni tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni għadha teżiġi li jiġi stabbilit livell minimu ta’ kwalità f’dak li jikkonċerna d-distinzjoni, l-istabbilità u l-uniformità. L-użu ta’ dawn il-varjetajiet hija barra minn hekk ristretta ħafna: skont l-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-Direttiva, iż-żrieragħ ta’ varjetà ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu pprodotti u kkummerċjalizzati biss fir-reġjun ta’ oriġini jew reġjun imqabbel mar-reġjun ta’ oriġini. L-Artikoli 15 u 16, moqrija flimkien mal-Anness I, jillimitaw ukoll il-kwantità ta’ żrieragħ. Għal kull varjetà, huma biss iż-żrieragħ għall-kultivazzjoni ta’ superfiċje ta’ 10 sa 40 ettari, skont l-ispeċi, li jistgħu jiġu pprodotti u kkummerċjalizzati kull sena.

100.

Naturalment, Kokopelli tiddubita kemm dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu ekwilibriju xieraq bejn l-objettivi ta’ produttività fl-agrikoltura u ta’ protezzjoni tal-bdiewa, minn naħa, u dak tal-konservazzjoni tad-diversità ġenetika fl-agrikoltura min-naħa oħra. Madankollu, lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat li l-vantaġġi tas-sistema ta’ approvazzjoni tal-varjetajiet jidhru manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ħsara għall-interess tad-diversità ġenetika. Fil-fatt, b’mod limitat, huwa issa possibbli li jiġu kkultivati varjetajiet li huma rilevanti għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi, imma ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni. U peress li l-kundizzjonijiet partikolari ta’ distinzjoni, stabbilità u uniformità huma pperċepiti u interpretati b’mod wiesa’ fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, approvazzjoni ta’ “varjetajiet qodma” għandha fil-prinċipju tkun possibbli.

101.

Fid-dawl tar-restrizzjonijiet previsti, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux madankollu l-isfruttament ekonomiku tal-imsemmija varjetajiet. L-interessi tal-operaturi ekonomiċi u tal-konsumaturi għalhekk ma tqisux biżżejjed.

102.

L-użu ta’ varjetajiet żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari huwa ċertament inqas limitat, imma l-approvazzjoni tagħhom hija suġġetta għal kundizzjonijiet iktar stretti. Bis-saħħa tal-Artikolu 22 tad-Direttiva li jipprevedi ċerti derogi, varjetà bħal din ma għandux ikollha valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali u għandha tiġi żviluppata sabiex titkabbar f’kundizzjonijiet agrotekniċi, klimatiċi u pedagoġiċi partikolari. Huma biss xi “varjetajiet qodma” rari għandhom ikunu jistgħu jissodisfaw din l-aħħar kundizzjoni. Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni tista’ tippermetti l-użu ta’ ċerti varjetajiet qodma, imma hija riġida żżejjed sabiex tiggarantixxu l-proporzjonalità kollha tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ varjetajiet.

103.

Fil-qosor, għandu jiġi nnotat li anki wara l-adozzjoni tad-Direttiva li tipprevedi ċerti derogi dwar il-ħxejjex, l-inkonvenjenti jibqgħu għall-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi li l-aċċess tagħhom għall-“varjetajiet qodma” mhux approvati huwa limitat. Anki jekk jiġu injorati l-inkonvenjenti għall-biodiversità, dawn l-inkonvenjenti huma manifestament sproporzjonati fil-konfront tal-vantaġġi tal-projbizzjoni, mingħajr ma l-leġiżlatur fittex bilanċ.

d) Konklużjoni intermedja

104.

Għandu, għalhekk, jiġi kkonstatat li l-inkonvenjenti tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetà li ma tkunx ġiet stabbilita bħala distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi lanqas, skont il-każ, li hija għandha valur ta’ kultivazzjoni jew użu sodisfaċenti, huma sproporzjonati meta mqabbla mal-objettivi tagħha. Din id-dispożizzjoni hija konsegwentement invalida.

3. Fuq l-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika

105.

Imbagħad, għandu jiġi ddeterminat jekk il-projbizzjoni inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika.

106.

L-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika huwa protett bħala libertà tal-intrapriża mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li minn wara t-Trattat ta’ Lisbona, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati ( 43 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrikonoxxiet dan id-dritt fundamentali sa minn qabel, jiġifieri bħala parti integrali mid-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali ( 44 ).

107.

Ovvjament, ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ jirrestrinġu din il-libertà: mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-varjetà, iż-żrieragħ tagħha ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati u lanqas jinxtraw sabiex jitkabbru.

108.

Skont l-Artikolu 52 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn jeħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ( 45 ).

109.

Il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-intrapiża għandha għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 46 ). Minħabba li diġà ġie kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni hija sproporzjonata, hija tikser ukoll, fil-prinċipju, id-dritt fundamentali tal-libertà tal-intrapriża.

110.

Madankollu, fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni fuq il-libertà tal-intrapriza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ma għandhomx jiġu evalwati l-inkonvenjenti kollha tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fid-dawl tal-objettivi li din tfittex, imma biss il-ħsara lid-dritt fundamentali kkonċernat, jiġifieri prinċipalment il-limitazzjonijiet, esposti fil-punt 82 hawn fuq, li jolqtu lill-produtturi u negozjanti taż-żrieragħ kif ukoll il-bdiewa. Anki fil-kuntest ta’ dan l-eżami limitat, jiena nasal għall-konklużjoni li l-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni hija manifestament sproporzjonata.

111.

Il-limitazzjoni fuq il-libertà tal-intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex għaldaqstant ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Id-dispożizzjoni inkwistjoni hija wkoll invalida għaliex tikser dan id-dritt fundamentali.

4. Fuq il-moviment liberu tal-merkanzija

112.

Il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-varjetajiet mhux approvati tista’, barra minn hekk, tikkontradixxi l-moviment liberu tal-merkanzija.

113.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll il-miżuri li għandhom l-istess effett, li tissemma fl-Artikolu 34 TFUE, tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, imma wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 47 ).

114.

Madankollu l-projbizzjoni inkwistjoni neċessarjament tirrestrinġi l-kummerċ. Peress li din ir-restrizzjoni hija ġġustifikata biss jekk hija tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 48 ), il-kunsiderazzjonijiet li diġà ġew żviluppati hawn fuq ( 49 ) japplikaw ukoll f’dan ir-rigward.

5. Fuq it-trattament ugwali jew in-nondiskriminazzjoni

115.

Fl-aħħar nett, għandha tinstħarreġ l-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni. Dan il-prinċipju li huwa, sadattant, affermat ukoll bl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġi li f’sitwazzjonijiet paragunabbli ma jingħatax trattament differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 50 ). Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġjonevoli, jiġifieri meta din tintrabat ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun fi proporzjon mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat ( 51 ). B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tkun proporzjonata mad-differenzi u max-xebh ta’ kull sitwazzjoni ( 52 )

116.

L-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni toqgħod fuq il-fatt li ż-żrieragħ ta’ varjetajiet approvati jistgħu jiġu kkummerċjalizzati filwaqt li ż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati ma jistgħux. Il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ma ġewx stabbiliti. In-nuqqas ta’ din il-prova tikkostitwixxi differenza bejn il-varjetajiet ikkunsidrati li fil-prinċipju hija wkoll tali li tiġġustifika differenza fit-trattament, bħall-obbligu ta’ mmarkar jew ittikkettjar partikolari għaż-żrieragħ ta’ varjetajiet mhux approvati.

117.

Għall-kuntrarju, l-inkonvenjenti tal-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni huma, kif diġà rajna, sproporzjonati meta pparagunati mal-objettivi tal-leġiżlazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inugwaljanza tat-trattament ma hijiex iġġustifikata u l-projbizzjoni inkwistjoni hija wkoll invalida għaliex tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

6. Riżultat

118.

Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi deċiż li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetà mhux approvata li ma tiġix stabbilita bħala distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi u lanqas, skont il-każ, li hija għandha valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u għall-użu, hija invalida inkwantu tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-libertà tal-intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta dwar id-Drittijiet Funtamentali tal-Unjoni Ewropea, il-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta.

D- Fuq id-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet

119.

Għandu, fl-aħħar nett, jinstħarreġ jekk għandhiex tiġi applikata d-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet peress li r-riżultat ta’ dan l-eżami jirrigwarda l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex.

120.

B’differenza mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex, id-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ma tipprovdix espressament li ż-żrieragħ jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk il-varjetà tagħhom hija uffiċjalment approvata.

121.

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet , din id-direttiva tikkonċerna l-approvazzjoni tal-varjetajiet li ż-żrieragħ jew pjanti tagħhom jistgħu jiġu kkummerċjalizzati. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirreferi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-inklużjoni, għall-“varjetajiet aċċettati uffiċjalment għa[...]l-bejgħ fis-suq”.

122.

Dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet jistgħu jiġu interpretata fis-sens li ż-żrieragħ ta’ varjetajiet approvati biss jistgħu jiġu kkummerċjalizzati. Projbizzjoni bħal din tkun invalida għall-istess raġunijiet li japplikaw kontra l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-ħxejjex. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma hijiex obbligatorja.

123.

Fil-fatt, bil-kontra, l-approvazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens biss li hija tikkostitwixxi prerekwiżit għall-inklużjoni tal-varjetà fil-katalgu u tikkonferma li l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni ġew sodisfatti. Dan l-approċċ jidher preferibbli, peress li skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma jikkontestax il-validità tiegħu ( 53 ).

124.

Peress li interpretazzjoni bħal din konformi mad-drittijiet fundamentali hija possibbli f’dan il-każ, il-validità tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet mhijiex ikkontestata.

V – Konklużjoni

125.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:

1.

Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/55/KE ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetà li ma ġietx stabbilita bħala distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi u lanqas, skont il-każ, li għandha valur sodisfaċenti għall-kultivazzjoni u għall-użu, hija invalida inkwantu tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-libertà tal-intrapriża fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ din il-Karta.

2.

L-eżami tad-domanda preliminari ma rrileva, min-naħa l-oħra, l-ebda element tali li jikkontestata l-validità tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2002/55/KE kif ukoll dawk tad-Direttivi 98/95/KE, 2002/53/KE u 2009/145/KE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Deċiżjoni 2004/869/KE, ĠU L 378, p. 1.

( 3 ) ĠU 2004, L 378, p. 3.

( 4 ) Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/458/KEE, tad-29 ta’ Settembru 1970, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 225, p. 7).

( 5 ) Ara Direttiva tal-Kunsill 66/400/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-pitravi (ĠU 125, p. 2290), id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 55), u d-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 66).

( 6 ) Id-dokumenti rilevanti kif ukoll il-pożizzjonijiet meħuda minn awtoritajiet differenti u minn gruppi kkonċernati huma disponibbli fuq sit tal-Kummissjoni, bl-indirizz http://ec.europa.eu/food/plant/propagation/evaluation/index_en.htm, li żaruh l-aħħar darba fis-16 ta’ Jannar 2012.

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 313.

( 8 ) ĠU L 312, p. 44.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3. Vol. 40, p. 109.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 3, Vol. 36, p. 281.

( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 3, Vol. 36, p. 292.

( 12 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 24, p. 334.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Gueye et Salmerón Sánchez (C-483/09 u C-1/10, Ġabra p. I-8263, punt 40).

( 14 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria (101/78, Ġabra p. 623, punt 4); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18), u tat-12 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 59).

( 15 ) Ara, fir-rigward ta’ stħarriġ tad-dritt ta’ traspożizzjoni fid-dawl tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki et Abdeli (C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 56).

( 16 ) Ara, rispettivament, il-fatti fil-kawżi prinċipali tas-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 20); tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 21); tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punti 17, 22 et seq kif ukoll 34), u tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, Ġabra p. I-773, punt 12).

( 17 ) Punt 146 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

( 18 ) Ibid, punti 147 et seq.

( 19 ) Punt 95 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati f’din il-kawża.

( 20 ) Ara Food Chain Evaluation Consortium, «Evaluation of the Community acquis on the marketing of seed and plant propagating material (S&PM)», http://ec.europa.eu/food/plant/propagation/evaluation/s_pm_evaluation_finalreport_en.pdf (2008), p. 78 kif ukoll 168 et seq.

( 21 ) Rikors fl-ewwel istanza ta’ Graines Baumaux, p. 25 et seq tal-annessi għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ħames varjetajiet ta’ pitravi u erbgħa ta’ nevew).

( 22 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur (C-461/03, Ġabra p. I-10513, punti 19 et seq.).

( 23 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra p. I-4057, punti 43 et seq), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, The Air Transport Association of America et (C-366/10, Ġabra p.I-13755, punti 51 et seq.).

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 68 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi tas-6 ta’ Ottubru 2011 fil-kawża li wasslet għas-sentenza The Air Transport Association of America et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23).

( 25 ) Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81); tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C-558/07, Ġabra p. I-5783, punt 41), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, Ġabra p. I-7027 , punt 45), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Ara s-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, S.P.C.M. et, punt 42, u Afton Chemical, punt 46.

( 27 ) Sentenza S.P.C.M et iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 71.

( 28 ) Ara l-eżami li sar fis-sentenza S.P.C.M. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 44 et seq f’dak li jirrigwarda l-objettivi u n-natura xierqa tal-miżura, punti 59 et seq f’dak li jikkonċerna n-natura neċessarja, kif ukoll il-punti 64 et seq għall-analiżi tal-iżvantaġġi u tal-objettivi).

( 29 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 58); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 53), u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-176/09, Ġabra p. I-3727, punt 63).

( 30 ) Ara d-definizzjoni ta’ dan il-valur li tinsab fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet.

( 31 ) Ara wkoll ir-raba’ mill-ħames xenarji li l-Kummissjoni tissottometti għad-dibattitu fid-dokument ta’ konsultazzjoni għar-riforma tas-sistema, imsejjaħ “Options and Analysis of possible Scenarios for the Review of the EU Legislation on the Marketing of Seed and Plant Propagating Material”, (http://ec.europa.eu.food/plant/propagation/evaluation/docs/15042011_options_analysis_paper_en.pdf, p. 12 et seq.).

( 32 ) Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Il-kunsiderazzjonijiet dwar is-suffiċjenza, li huma żviluppati iktar ’il quddiem fil-punti 88 et seq, kif ukoll l-analiżi tal-moviment liberu, fil-punti 112 et seq, madankollu jippermettu li dan jiġi ddubitat.

( 34 ) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabillixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-Ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 06, p. 463).

( 35 ) Sentenza Afton Chemical (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 56); ara wkoll is-sentenzi S.P.C.M. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 64 et seq), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punti 77 u 81), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.

( 36 ) Ara l-punt 45 hawn fuq.

( 37 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 128.

( 38 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998, Bluhme (C-67/97, Ġabra p. I-8033, punt 33).

( 39 ) Ara l-punt 75 hawn fuq.

( 40 ) Fl-Unjoni, dan id-dritt huwa rregolat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 16 p. 390).

( 41 ) Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C-2/91, Ġabra p. I-955, punt 16); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (sentenza magħrufa “ta’ grupp familjali”, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 105), u tal-1 ta’ Lulju 2010, Speranza (C-35/09, Ġabra p. I-6581, punt 28).

( 42 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15), u Speranza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 29).

( 43 ) Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2010, Kükükdeveci (C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 22), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft (C-279/09, Ġabra p. I-13849 , punt 30).

( 44 ) Sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491, punt 14); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 78), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, Ġabra p. I-11381 , punt 114).

( 45 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44. Rigward l-eżami ta’ ġustifikazzjoni bħal din, ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 65 et seq).

( 46 ) Sentenzi Alliance for Natural Health et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 129), u ABNA et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 87 et seq), kif ukoll, rigward il-protezzjoni tad-data, is-sentenza Volker und Markus Schecker u Eifert (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 74).

( 47 ) Sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland (15/83, Ġabra 2171, punt 15), u Alliance for Natural Health et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47).

( 48 ) Rigward l-eżami tal-validità ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, ara sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU (240/3, Ġabra p. 531, punt 15), u tal-25 ta’ Ġunju 1997, Kieffer ut Thill (C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 31), kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, p. 4607, punt 11 u, fuq in-natura xierqa, punt 21), u tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-320/03, Ġabra p. I-9871, punti 85 u 90).

( 49 ) Ara l-punt 110 hawn fuq.

( 50 ) Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95), S.P.C.M. et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 74), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C-550/07 p. I-8301 punt 55).

( 51 ) Sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 47).

( 52 ) Ara l-punt 7 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-3 ta’ April 2008 fil-kawża Huber (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, C-524/06, Ġabra p. I-9705) u l-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2009 fil-kawża S.P.C.M. et (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 134).

( 53 ) Sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-403/99, Ġabra p. I-6883, punt 37); tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923, punt 47), u tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C-149/10, Ġabra p. I-8489, punt 43).

Top