EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0055

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 22 ta' Marzu 2012.
Vodafone España SA vs Ayuntamiento de Santa Amalia (C-55/11) u Ayuntamiento de Tudela (C-57/11) u France Telecom España SA vs Ayuntamiento de Torremayor (C-58/11).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Direttiva 2002/20/KE - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Awtorizzazzjoni - Artikolu 13 - Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet.
Każijiet Magħquda C-55/11, C-57/11 u C-58/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:162

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2012 ( 1 )

Kawżi magħquda C-55/11, C-57/11 u C-58/11

Vodafone España SA

vs

Ayuntamiento de Santa Amalia (C-55/11),

Ayuntamiento de Tudela (C-57/11),

u

France Telecom España

vs

Ayuntamiento de Torremayor (C-58/11)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Tribunal Supremo (Spanja)]

“Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni — Tariffi għal drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet — Effett dirett”

1. 

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw jekk u, jekk inhu l-każ, taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”) jippermetti li l-Istati Membri li jimponu fuq impriżi li jużaw netwerk biex jipprovdu servizzi ta’ telefonija ċellulari, ( 3 ) li iżda ma humiex proprjetarji ta’ dak in-netwerk, tariffa għad-dritt li jinstallaw faċilitajiet fuq proprjetà pubblika muniċipali. Il-Qorti ta’ Ġustizzja qed tiġi mitluba tiddeċiedi wkoll dwar jekk din id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett.

Qafas legali

Id-direttivi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

Id-Direttiva 97/13/KE ( 4 )

2.

Id-Direttiva 97/13 tistabbilixxi qafas komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ibbażat fuq il-prinċipji li “għandhom ikopru l-awtorizzazzjonijiet kollha li huma meħtieġa għall-provvista ta’ kwalunkwe servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u għat-twaqqif u/jew l-operat ta’ kwalunkwe infrastruttura għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet”. ( 5 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.

L-Artikoli 6 u 11 ikkonċernaw tariffi u ħlasijiet li l-Istati Membri kienu permessi li jimponu għal, rispettivament, proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzji individwali. L-Artikolu 11(2) jipprovdi:

“fil-każ ta’ riżorsi rari, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom biex jimponu tariffi sabiex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dik ir-riżorsa. Dawn it-tariffi għandhom ikunu nondiskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni”.

Il-pakkett tal-2002

4.

Sa mill-2002, in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġew irregolati prinċipalment permezz ta’ pakkett ta’ ħames direttivi konnessi: ( 6 ) id-Direttiva Qafas, ( 7 ) id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, ( 8 ) id-Direttiva ta’ Aċċess, ( 9 ) id-Direttiva Servizz Universali ( 10 ) u d-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi. ( 11 ) Se nirreferi għalihom konġuntament bħala “il-pakkett tal-2002”.

– Id-Direttiva Qafas

5.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-għanijiet ta’ politika u prinċipji regolatorji li l-Istati Membri għandhom jiżguraw fl-implimentazzjoni tal-pakkett tal-2002:

“[...]

2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

(a)

jiżguraw li l-utenti […] jieħu l-benefiċċju massimu f’termini ta’ għażla, prezz, u kwalità;

(b)

jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]

3.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

(a)

ineħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provista ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’livell Ewropew;

[...]”

6.

L-Artikolu 11, intitolat “Drittijiet ta’ aċċess”, ( 12 ) jistabbilixxi l-prinċipji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta l-awtoritajiet tagħhom jikkunsidraw applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet fi, fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata.

7.

Taħt l-Artikolu 12(1), l-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu l-qsim ta’ faċilitajiet installati fi, fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata.

8.

L-Artikolu 26 ħassar id-Direttiva 97/13. ( 13 ) B’differenza mill-Artikoli 6 u 11 ta’ din id-direttiva, id-Direttiva Qafas ma tikkonċernax espressament it-tariffi u l-ħlasijiet li l-Istati Membri huma permessi li jimponu. Dawn id-dispożizzjonijiet jinstabu fid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

– Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni

9.

Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni “[toħloq] qafas legali biex tiġi żgurata l-libertà li jiġu provduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti biss għall-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva u għal kull restrizzjoni b’konformità ma’ [Artikolu 52(1) TFUE] …’. ( 14 ) Il-wieħed u tletin premessa tgħid li “b’sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni m’għandux ikun iktar possibbli li l-ispejjeż amministrattivi u b’hekk il-ħlasijiet jiġu attribwiti lil impriżi individwali ħlief għall-għoti tad-drittijiet ta’ użu tan-numri, frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet”.

10.

L-iskop tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huwa “li jiġi mplimentat suq intern fin-netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-[UE].” ( 15 )

11.

Id-direttiva tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali. Ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu iktar l-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dipendenti fuq “deċiżjoni espliċita jew xi att amminisrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali”. ( 16 ) Għandhom mill-inqas jużaw skema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali possibbli li tippermetti l-forniment ta’ dawn in-netwerks u servizzi ( 17 ) u li toffri lill-impriżi ċerti drittijiet taħt id-dritt tal-UE. ( 18 )

12.

L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jgħid li impriża li għandha awtorizzazzjoni ġenerali għandu “ikollhom [jkollha] l-applikazzjoni tagħhom [tagħha] għad-drittijiet meħtieġa biex jinstallaw faċilitajiet kunsidrata skond l-Artikolu 11 tad-[Direttiva Qafas]”. ( 19 ) L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jagħtux dawn id-drittijiet lil “impriżi barra minn fornituri ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi”. ( 20 )

13.

Impriża li għandha awtorizzazzjoni ġenerali u li tipprovdi netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jkollha wkoll id-dritt li “li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma’ u fejn japplika li jiksbu aċċess għal jew interkonnessjoni minn fornituri oħra … taħt il-kondizzjonijiet ta’ u skond id-[Direttiva ta’ Aċċess]”. ( 21 )

14.

Jekk Stat Membru jimponi “ħlas [miżati] amministrattiv[i] … fuq impriżi li jfornu servizz jew netwerk taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu”, dawn il-miżati għandhom ikunu konsistenti mal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Għaldaqstant għandhom:

“(a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu ... ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

(b)

jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.”

15.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi jew numri tar-radju jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru [Qafas]).” ( 22 )

– Id-Direttiva ta’ Aċċess

16.

Operatur jista’ jkun proprjetarju tan-network jew tal-faċilitajiet tal-bażi jew jista’ jikri wħud minnhom jew kollha kemm huma. Id-Direttiva ta’ Aċċess “tarmonizza l-mod li bih l-Istati Membri jirregolaw l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ma’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati.” ( 23 ) Tinnota li “operatur jista’ jkun sid tan-netwerk jew tal-faċilitajiet tal-bażi jew jista’ jikri wħud minnhom jew kollha kemm huma”. ( 24 )

17.

“Aċċess” tfisser “it-tagħmil disponibbli ta’ faċilitajiet u/jew servizzi, lill-impriża oħra, taħt kondizzjonijiet definiti, fuq bażi jew esklussiva jew mhux esklussiva, għall-għan tal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. Tkopri “aċċess għal elementi ta’ netwerk u faċilitajiet assoċjati, li jistgħu jinvolvu l-konnessjoni ta’ tagħmir, b’mezzi fissi jew mhux fissi …, aċċess għal infrastruttura fiżika li tinkludi bini, kanali u arbli; l-aċċess għal sistemi relevanti ta’ softwer […] aċċess għal netwerks fissi u mobbli […]”. ( 25 )

18.

“Interkonnessjoni” tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet wżati mill-istess impriża jew waħda differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ impriża waħda li jikkomunikaw ma utenti ta’ l-istess impriża jew oħra, jew li jkollhom aċċess għal servizzi provduti minn impriża oħra”. ( 26 )

Id-Direttiva 2002/77/KE ( 27 )

19.

Id-Direttiva 2002/77 tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw il-kompetizzjoni fis-swieq għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. L-Artikolu 2(3) jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda restrizzjoni m’hija mposta jew tinżamm fuq il-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi […] fuq infrastrutturi pprovduti minn terzi persuni, jew permezz ta’ sharing netwerks, faċilitajiet jew siti oħra”. Dan mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet għall-pakkett tal-2002.

Il-liġi nazzjonali

20.

Permezz tal-Liġi Ġenerali Nru 32/2003, ( 28 ) Spanja implimentat il-pakkett tal-2002: L-Artikolu 49(3) tal-Liġi Ġenerali jipprovdi:

“[…] it-tariffi imposti għall-użu tal-frekwenzi tar-radju pubbliċi, numri u art pubblika meħtieġa għall-installazzjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jintużaw biex ikopru r-rekwiżit li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawk ir-riżorsi, wara li jiġi kkunsidrat il-valur tal-proprjetà fir-rigward ta’ liema dritt ta’ użu huwa mogħti u l-iskarsezza tiegħu. Dawn it-tariffi ma għandhomx ikunu diskriminatorji, ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonali għall-għan tagħhom.

[...]”

21.

Taħt il-liġi Spanjola, il-muniċipalitajiet igawdu livell ta’ awtonomija fiskali fis-settur tal-komunikazzjonijiet. Id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 2/2004 ( 29 ) approva t-test rivedut tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali. ( 30 ) Dan jagħti lill-awtoritajiet lokali s-setgħa li jimponu tariffa għall-użu privat jew id-dritt ta’ użu speċjali ta’ art pubblika lokali u, b’mod partikolari, iż-żona taħt, fi u fuq toroq pubbliċi muniċipali. ( 31 )

22.

Hemm żewġ bażijiet differenti għad-determinazzjoni tat-tariffa pagabbli. Taħt il-formula ġenerali, l-ammont tat-tariffa hija kkalkulata permezz ta’ referenza għall-valur tas-suq tal-użu tal-proprjetà kieku ma kinitx proprjetà pubblika. ( 32 ) Taħt il-formola speċjali, it-tariffa hija bbażata fuq 1.5 % tal-bejgħ gross tal-operatur fil-muniċipalità rilevanti (bi tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interkonnessjoni). ( 33 ) Din il-formula hija evidentament applikata f’każijiet ta’ użu intensiv u fejn huwa diffiċli li jiġi stabbilit valur dwar l-okkupazzjoni tal-art miżmuma taħt proprjetà pubblika. Il-formula ġenerali hija applikata f’każijiet ta’ użu inqas intensiv jew iżjed okkażjonali. Il-formula speċjali ma tistax tintuża biex tikkalkula t-tariffa pagabbli minn operaturi ta’ telefonija ċellulari.

23.

Il-muniċipalitajiet ta’ Torremayor, Santa Amalia u Tudela (fost oħrajn) implimentaw il-Liġi Ġenerali u d-Digriet Irjali. ( 34 )

24.

Il-muniċipalità ta’ Torremayor timponi tariffa għal:

“… id-dritt ta’ użu privat jew id-dritt speċjali ta’ użu fir-rigward taż-żona taħt, fi jew fuq toroq pubbliċi muniċipali mogħtija favur impriżi jew entitajiet li jużaw art pubblika għall-forniment ta’ servizzi tal-utilità li huma fl-interess pubbliku jew li jaffettwaw il-maġġoranza jew parti sinjifikattiva tal-komunità.” ( 35 )

25.

It-telefonija ċellulari hija servizz suġġett għal dik it-tariffa. ( 36 )

26.

L-Artikolu 2(2) tal-Ordenanza Fiscal Torremayor jipprovdi li d-dritt speċjali ta’ użu huwa stabbilit “kull fejn, sabiex jiġi pprovdut servizz ta’ utilità, huwa meħtieġ li jiġu użati antennas, faċilitajiet jew netwerks, li materjalment jokkupaw iż-żona taħt, fi jew fuq toroq pubbliċi muniċipali, irrispettivament minn min huwa l-proprjetarju tagħhom”.

27.

L-Artikolu 3(1) jiddefinixxi min huwa suġġett għat-tariffa. Skont l-Artikolu 3(2):

“… l-impriżi u entitajiet operattivi imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trattati bħala li jridu jħallsu t-tariffa kemm meta jkunu proprjetarji tan-netwerks li permezz tagħhom huwa provdut is-servizz tal-utilità u meta ma humiex il-proprjetarji iżda għandhom, b’rabta ma’ dawk in-netwerks, id-drittijiet ta’ użu, aċċess jew interkonnessjoni.”

28.

Il-muniċipalità ta’ Santa Amalia ( 37 ) adottat regolament identiku. Dak adottat mill-muniċipalità ta’ Tudela ( 38 ) huwa simili.

29.

Il-muniċipalitajiet jużaw l-istess formula biex jikkalkulaw it-tariffa.

30.

Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont dovut, it-tariffa bażika hija multiplikata b’koeffiċjent li jirrifletti s-sehem tas-suq tal-operatur li fuqu tiġi imposta t-tariffa. It-tariffa bażika hija kkalkulata bl-użu ta’ formula li l-fatturi tagħha jinkludu użu telefoniku medju stmat għal kull unità urbana, is-sehem tal-użu tat-telefonija ċellulari, in-numru ta’ linji fissi tat-telefown installati fil-muniċipalità, in-numru ta’ abitanti fil-muniċipalità u l-użu medju stmat tat-telefonija u s-servizz għal kull telefown ċellulari.

31.

Bħala eżempju, fl-2008 Tudela imponiet tariffa ta’ EUR 41 348 lil Vodafone (abbażi tas-sehem tas-suq ta’ 32.54 %) u ta’ EUR 21 830 lil Orange (abbażi tas-sehem tas-suq ta’ 17.18 %).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

32.

Kull wieħed mir-regolamenti tal-muniċipalitajiet ġie kkontestat quddiem il-qrati Spanjoli minn operaturi tat-telefonija ċellulari li jużaw faċilitajiet li huma proprjetà ta’ impiriżi oħra biex jipprovdu s-servizzi tagħhom.

33.

L-ilmenti minn Vodafone España, S.A. (iktar ’il quddiem “Vodafone”) kontra l-Ordenanza Fiscal Santa Amalia u l-Ordenanza Fiscal Tudela, u minn France Telecom España, S.A. (iktar ’il quddiem “Orange”) kontra l-Ordenanza Fiscal Torremayor ġew miċħuda. Kull deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell separat quddiem it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema), li ddeċieda li jagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

L-Artikolu 13 tad-[Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ tariffa għad-drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet fis-settur pubbliku muniċipali fuq operaturi li, mingħajr ma huma proprjetarji tan-netwerk, jużaw dan in-netwerk sabiex jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli?

2.

Fil-każ fejn jitqies li din l-impożizzjoni ta’ ħlas hija kompatibbli mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE, il-kundizzjonijiet li fihom tiġi imposta din it-tariffa, abbażi tad-digriet lokali kkontestat, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ oġġettività, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi inkwistjoni?

3.

Hemm lok li jiġi rikonoxxut effett dirett lill-imsemmi Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/20/KE?”

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet it-tliet kawżi permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Marzu 2011.

35.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Spanjol, il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni Ewropea, Vodafone, Orange u l-muniċipalità ta’ Tudela.

36.

Fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2012, il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk, ippreżentaw osservazzjonijiet orali.

Sfond fattwali

37.

Qabel ma ndur għad-domandi preliminari, inqis li huwa utli li jkollna ftehim bażiku ta’ x’tinvolvi t-telekomunikazzjoni u għaliex l-operaturi ta’ telefonija ċellulari jużaw faċilitajiet li huma proprjetà ta’ oħrajn. ( 39 )

38.

Telekomunikazzjoni tfisser it-trażmissjoni u r-riċezzjoni ta’ informazzjoni fuq distanza. Tirrikjedi (i) trażmettitur li jikkonverti l-informazzjoni f’sinjali, (ii) mezz li jġorr is-sinjal u (iii) riċevitur li jikkonverti s-sinjal f’informazzjoni. Strument li jiffunzjona bħala trażmettitur u riċevitur huwa msejjaħ transceiver. Telefown ċellulari huwa transceiver għax jista’ jikkonverti messaġġ bil-vuċi f’sinjali u jirċievi u jikkonverti sinjali li fihom messaġġ bil-vuċi.

39.

Ġabra ta’ trażmettituri u riċevituri jistgħu jiffurmaw netwerk. Fi ħdan netwerk, jista’ jintuża router biex jiżgura li r-reċipjent propju jirċievi s-sinjal trażmess. Jekk is-sinjal huwa trażmess fuq distanza twila, ripetitur jista’ jamplifikah. “Netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” għaldaqstant jikkonsisti f’“sistemi ta’ trasmissjoni u, fejn japplika, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra li jippermettu t-twassil ta’ sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew mezzi elettromanjetiċi oħra, […]”. ( 40 )

40.

L-informazzjoni tista’ tiġi trażmessa bl-użu ta’ teknoloġija mingħajr fili jew permezz ta’ strument ta’ trażmissjoni bħal fil jew cable. Mwieġ tar-radju u l-fibra ottika huma tipi ta’ mezzi. L-operaturi ta’ telefonija ċellulari jużaw l-iżjed l-imwieġ tar-radju bħala mezz, filwaqt li l-operaturi ta’ telefonija fissa joqogħdu iżjed fuq cables u mezzi fiżiċi oħra.

41.

L-operaturi tat-telefonija ċellulari jeħtieġu aċċess għal netwerks fissi u ċellulari biex jipprovdu l-klijenti tagħhom b’“servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jew “servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”. ( 41 )

42.

Jekk l-operatur inkwistjoni jkun il-proprjetarju ta’ netwerk, il-klijenti tiegħu jistgħu jagħmlu u jirċievu telefonati minn klijenti oħrajn li jappartjenu għall-istess netwerk. Dak l-operatur jista’ jkun il-proprjetarju tal-infrastruttura kollha jew parti minnha li tikkostitwixxi n-netwerk u li tippermetti l-għoti tas-servizz(i) rilevanti. Madankollu, il-klijenti tiegħu jkunu jixtiequ wkoll li jikkomunikaw mal-klijenti ta’ operaturi oħra li jagħtu servizz simili iżda li jappartjenu għal netwerk differenti, li huwa proprjetà ta’ impriżi oħra li jistgħu jkunu kompetituri jew le. Dawn il-klijenti jista’ jkollhom telefown ċellulari jew fiss jew it-tnejn, u jistgħu jkunu jeżistu netwerks differenti għal kull wieħed.

43.

Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm interkonnessjoni ma’ netwerks u jkollhom aċċess għal infrastruttura bħal routers, jew fibra ottika jew cables tar-ram li huma proprjetà ta’ impriżi oħra sabiex jippermettu li l-klijenti tagħhom jagħmlu u jirċievu t-telefonati. L-interkonnessjoni hija tip ta’ aċċess implimentat bejn operaturi pubbliċi. ( 42 ) L-operaturi jinnegozjaw prezz u jikkonkludu ftehim biex jiksbu l-interkonnessjoni u forom oħra ta’ aċċess.

Evalwazzjoni

L-ewwel domanda preliminari

44.

It-Tribunal Supremo essenzjalment jistaqsi jekk tariffa imposta fuq impriżi li, mingħajr ma huma proprjetarji ta’ netwerk eżistenti, jużawh biex jipprovdu telefonija ċellulari hijiex tariffa għal “drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi” taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

Fehmiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45.

It-Tribunal Supremo, Vodafone, Orange, il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk iqisu li t-test tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, moqri fi ħdan il-kuntest tad-direttivi l-oħra fil-pakkett tal-2002, ma jappoġġjax tali interpretazzjoni. L-Artikolu 13 jippermetti lill-Istati Membri li jimponu tariffa għall-installazzjoni, iżda mhux għall-użu, ta’ infrastruttura fiżika fi, fuq jew taħt proprjetà pubblika.

46.

B’kuntrast, il-Gvern Spanjol u l-muniċipalità ta’ Tudela jargumentaw li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-operaturi ta’ telefonija mobbli jokkupaw proprjetà pubblika. Li tiġi imposta biss tariffa fuq il-proprjetarji ta’ faċilitajiet ipoġġi l-operaturi tat-telefonija fi żvantaġġ kompetittiv għax huma l-proprjetarji ta’ ħafna netwerks; dan imur ukoll kontra l-prinċipju tat-teknoloġija newtrali. Il-Gvern Spanjol għaldaqstant argumenta li l-espressjoni “tariffi għal … drittijiet li jiġu installati faċilitajiet” tkopri tariffi għall-użu ta’ dawn il-faċilitajiet li huma proprjetà minn impriżi oħra. ( 43 )

It-tifsira tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni

47.

L-Artikolu 13 jikkonsisti f’żewġ sentenzi. L-ewwel sentenza tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jimponu “tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu installati faċilitajiet fi, minfuq jewtaħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi”. Jekk l-Istati Membri jimponu dawn it-tariffi, it-tieni sentenza tgħid li “għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru)”.

48.

L-ewwel sentenza tippermetti li l-Istati Membri jimponu tariffa b’konnessjoni ma’ tliet avvenimenti speċifiċi (l-għoti ta’ tliet drittijiet definiti), billi t-tieni sentenza tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li dawk it-tariffi għandhom jissodisfaw. Tariffi li jissodisfaw uħud jew il-kundizzjonijiet kollha fit-tieni sentenza iżda li ma humiex imposti b’rabta ma’ waħda mill-avvenimenti definiti fl-ewwel sentenza ma jistgħux jiġu imposti.

49.

L-ewwel domanda preliminari għaldaqstant tikkonċerna jekk l-użu ta’ faċilitajiet li huma proprjetà ta’ impriża oħra jikkostitwixxix avveniment li jista’ jagħti lok għal tariffa koperta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. ( 44 )

50.

Inqis li dan ma huwiex hekk.

51.

Fil-fehma tiegħi, l-installazzjoni ta’ faċilitajiet tfisser l-iskjerament ta’ infrastruttura bi preżenza materjali li tippermetti l-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-użu tagħha. Għall-finijiet tal-Artikolu 13, ir-responsabbiltà għall-ħlas tat-tariffa tkun fuq l-impriża li jkollha d-dritt li tinstalla dawn il-faċilitajiet, irrispettivament minn min huwa l-proprjetarju tagħhom.

52.

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni speċifika fid-direttiva rilevanti, il-kunċett ta’ “faċilitajiet” għandu fil-fehma tiegħi jingħata t-tifsira ta’ mezz jew tagħmir fiżiċi meħtieġa biex jagħmlu xi ħaġa. F’kuntest ta’ telekomunikazzjonijiet, dan ifisser it-tagħmir fiżiku meħtieġ għall-kisba ta’ trażmissjoni u riċezzjoni ta’ informazzjoni fuq distanza. U biex “jiġi installat” dan it-tagħmir, tista’ tfisser biss li jitqiegħed f’postu fiżikament sabiex ikun jista’ jiffunzjona għal dan il-għan u għal xi żmien.

53.

Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 2(e) tad-Direttiva Qafas, li tiddeskrivi “faċilitajiet assoċjati” bħala “faċilitajiet assoċjati ma’ netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermettu u/jew jappoġġjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-netwerk u/jew servizz”. ( 45 ) L-aċċess għall-faċilitajiet ikopri, fost oħrajn, “aċċess għal infrastruttura fiżika inklużi bini, tubi u arbli”. ( 46 ) Il-qsim ta’ “faċilitajiet” ikopri “kolokazzjoni fiżika u tubi, bini, arbli, antenna jew qsim ta’ sistema ta’ antenna”. ( 47 )

54.

Il-qari tal-Artikolu 13 flimkien ma’ dawn id-definizzjonijiet fid-direttivi konnessi l-oħra għaldaqstant jissuġġerixxi li t-terminu “faċilitajiet” jista’ jiġi interpretat biss li jfisser infrastruttura fiżika li tippermetti l-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

55.

L-għan u l-iskop tal-Artikolu 13 jikkonfermaw dik l-interpretazzjoni.

56.

L-Artikolu 13 jawtorizza lill-Istati Membri li jimponu tariffa għax l-installazzjoni tal-faċilitajiet tinvolvi l-okkupanza ta’ proprjetà pubblika (jew privata) b’mod li tnaqqas id-disponibbiltà ta’ dik il-proprjetà għal użi u skopijiet oħra.

57.

Huwa impliċitu fl-Artikolu 13 li “drittijiet ta’ passaġġ” huma “riżorsi skarsi”, bħal ma huma frekwenzi u numri tar-radju. ( 48 ) L-użu tagħhom għaldaqstant għandu jiġi ġestit. L-Artikolu 13 jippermetti lill-Istati Membri li jagħmlu dan permezz ta’ tariffa li “jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi”.

58.

L-installazzjoni ta’, pereżempju, arblu fuq art pubblika tfisser li ċerti “drittijiet ta’ passaġġ” oħra ma jistgħux jingħataw. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprekludu wkoll li jiġu installati arbli, pereżempju, fiċ-ċentru ta’ belt jew viċin ta’ foresta. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur aċċetta li “l-qsim tal-faċilitajiet jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ippjanar ta’ l-ibliet, is-saħħa pubblika, jew raġunijiet ambjentali, u għandu jkun inkoraġġit mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq il-bażi ta’ patti ta’ ftehim volontarji”, ( 49 ) u li “l-iżvilupp tas-suq fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, bl-infrastruttura assoċjata tiegħu, jista’ jkollu effetti ħżiena fuq l-ambjent u l-pajsaġġ”. ( 50 ) B’differenza mill-muniċipalità ta’ Tudela, ma naċċettax li, bħala kwistjoni ġenerali, l-art pubblika hija inqas skarsa minn numri u frekwenzi tar-radju. Lanqas ma naċċetta li l-Artikolu 13 jipprovdi bażi għall-impożizzjoni ta’ tariffa fuq il-benefiċjarji kollha tal-faċilitajiet installati fuq dik l-art.

59.

Lanqas ma naqbel mal-Gvern Spanjol li l-użu magħmul minn operatur ta’ telefonija ċellulari tal-faċilitajiet ta’ impriża oħra jaffetwa d-disponibbiltà ta’ “drittijiet ta’ passaġġ” bl-istess mod bħall-installazzjoni tiegħu. Il-muniċipalità ta’ Tudela argumentat ukoll li l-użu kkostitwixxa forma ta’ okkupanza ta’ proprjetà pubblika. Dan jidher li huwa żbaljat.

60.

Jekk impriża tinstalla cable taħt triq pubblika sabiex jittrażmetti sinjali, kemm jekk taħt telefowns fissi jew telefowns ċellulari u fissi, huwa l-installazzjoni tal-cable li jirrikjedi “dritt ta’ passaġġ” sakemm idum installat il-cable. Ladarba jkun installat, ikun xi jkun in-numru ta’ sinjali trażmessi permezz tal-cable, l-użu tal-cable ma jibdilx id-disponibbiltà ta’ “drittijiet ta’ passaġġ”. ( 51 ) Huwa minnu li l-utenti minbarra l-impriża li tinstalla l-faċilitajiet jibbenefikaw ukoll mid-“drittijiet ta’ passaġġ” mogħti lil dan tal-aħħar. F’suq kompetittiv, madankollu, għandu jiġi preżunt li l-prezz maqbul għal dak l-użu (jiġifieri, “aċċess”) għandu jinkludi kumpens għal dak il-benefiċċju.

61.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 bħala li jawtorizza lill-Istati Membri li jimponu tariffa għall-użu ta’ faċilitajiet hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas. ( 52 )

62.

L-Artikolu 8(2)(b) ta’dik id-direttiva jipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li “ma jkun hemm ebda tgħawwiġ [distorsjoni] jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”. Il-Qorti qalet li dak l-għan “jista’ jkun garantit biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunità hija żgurata bejn id-diversi operaturi ekonomiċi”. ( 53 )

63.

Jiena tal-opinjoni li, l-ugwaljanza tal-opportunità ma hijiex maqsuma meta l-impriżi li huma l-proprjetarji ta’ faċilitajiet użati għall-provvista ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jirkupraw it-tariffa mħallsa għad-drittijiet li jinstallawhom mill-prezz innegozjat mal-operaturi li jużaw dawn il-faċilitajiet jekk, kif inhu l-każ fil-proċeduri ewlenin inkwistjoni, dawk l-operaturi huma meħtieġa wkoll li iħallsu lill-muniċipalitajiet tariffa għal dak l-użu. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kompetizzjoni hija distorta għax l-utent tal-faċilitajiet isofri piż finanzjarju doppju. Dan jista’ jxekkel l-operaturi milli jidħlu fis-suq u jwassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.

64.

Skont il-livell tat-tariffa, li l-użu tal-faċilitajiet ta’ impriża oħra jkun suġġett għal tariffa, jista’ jħeġġeġ operaturi ġodda u eżistenti li jinvestu fl-installazzjoni tal-faċilitajiet tagħhom stess u jinbnew in-netwerk tagħhom stess minflok ifittxu aċċess għal dawk ta’ oħrajn. Għalkemm ma rridx nissuġġerixxi li l-investiment ma jistax itejjeb il-kundizzjonijiet u jnaqqas il-pożizzjonijiet dominanti ta’ impriżi li għandhom partijiet kunsiderevoli tal-infrastruttura eżistenti, tħassib ieħor huwa li jistgħu jqumu pressjonijiet addizzjonali fuq l-aċċess disponibbli għal “drittijiet ta’ passaġġ” u l-ispejjeż tal-kunsinna ta’ servizzi jistgħu jiżdiedu. Dan huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa għall-Istati Membri li jinkoraġġixxu l-qsim ta’ faċilitajiet u proprjetà, ( 54 ) u jeżerċitaw dik ir-responsabbiltà b’mod li “jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħti benefiċċju massimu lill-utenti finali”. ( 55 )

65.

Finalment, jidhirli li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jistax jinqara li jkopri tariffi għall-użu ta’ faċilitajiet li huma proprjetà ta’ impriża oħra għax dak l-użu sempliċiment ma jaqax taħt l-ambitu ta’ dik id-direttiva.

66.

L-għan tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huwa li toħloq qafas legali li “jiżgura l-libertà li jiġu provduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti biss għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’[dik id-direttiva]” ( 56 ) u li jiġu armonizzati u ssimplifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni. ( 57 ) Il-kundizzjonijiet stabbiliti jikkonċernaw netwerks u servizzi, drittijiet ta’ użu għal frekwenzi u numri tar-radju u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet. ( 58 )

67.

Tariffa għaldaqstant taqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jekk tiġi imposta b’konnessjoni mal-aċċess għas-suq għan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jew għal riżorsi bħal numri, frekwenzi tar-radju u “drittijiet ta’ passaġġ”. Jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi biss għall-finijiet u suġġetti għall-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikoli 12 u 13. ( 59 ) Ma jistgħu jimponu l-ebda tariffi oħra. Dik il-konklużjoni hija konsistenti mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu tariffi b’rabta mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni minbarra dawk provduti fid-Direttiva 97/13, ( 60 ) li tħassret bid-Direttiva Qafas. ( 61 ) B’differenza mill-muniċipalità ta’ Tudela, għaldaqstant ma nikkunsidrax li Stat Membru huwa liberu li jimponi kwalunkwe tariffa li ma hijiex koperta mill-Artikolu 12 jew 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

68.

Tariffa bħal dik involuta fil-kawża prinċipali hija imposta b’rabta mal-aċċess għal, u l-interkonnessjoni mal-faċilitajiet li huma proprjetà minn impriża oħra u hija għaldaqstant irregolata mid-Direttiva ta’ Aċċess.

69.

Id-Direttiva ta’ Aċċess “tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi għall-operaturi u għall-impriimpriżi [impriżi] li jfittxu interkonnessjoni u/jew aċċess għan-networks tagħhom jew faċilitajiet assoċjati”. ( 62 ) Hija bbażata fuq il-fehma li “xi impriżi joqogħdu fuq l-infrastruttura fornuta minn oħrajn għat-twassil tas-servizzi tagħhom” ( 63 ) u li “f’suq miftuħ u kompetittiv, m’għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet li jipprevjenu lill-impriżi milli jinnegozjaw arranġamenti ta’ aċċess u ta’ interkonnessjoni bejniethom”. ( 64 ) L-Artikolu 5 jiddeskrivi s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tal-aċċess u l-interkonnessjoni u jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom l-intervent tal-gvern huwa permess meta n-negozjati kummerċjali jonqsu milli jinkuraġġixxu u jiżguraw aċċess adegwat u interkonnessjoni u interoperabbiltà tas-servizzi. ( 65 ) Dik ir-responsabbiltà għandha tiġi eżerċitata “b’mod li jippromwovi effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli, u jagħtu l-benefiċċju massimu lill-utenti finali”. ( 66 ) Għal dawn l-għanijiet, l-awtoritajiet nazzjonali huma permessi li jipprovdu aċċess u li jagħmlu interkonnessjoni bħala mezz li jżidu l-kompetizzjoni u jimponu l-obbligi identifikati fl-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva ta’ Aċċess. ( 67 )

70.

Id-Direttiva ta’ Aċċess imkien ma tipprovdi għas-setgħa li l-utenti jintalbu jħallsu tariffa għal aċċess għal u, interkonnessjoni mal-faċilitajiet ta’ impriża oħra. ( 68 ) Għalkemm naċċetta li l-Istati Membri jgawdu livell ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-forma u l-metodu tal-implimentazzjoni ta’ direttivi, jidhirli li tariffa tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostaklu sinjifikattiv għal-libertà tal-operaturi tat-telefonija ċellulari li jipprovdu s-servizzi tagħhom; u ma jistgħu jservu l-ebda mill-għanijiet tad-Direttiva ta’ Aċċess jew id-direttivi konnessi oħra, jew jimplimentaw kwalunkwe wieħed mill-obbligi li jirriżultaw minn dawk id-direttivi.

71.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma tawtorizzax lill-Istati Membri li jimponu operaturi ta’ telefonija ċellulari għall-użu tal-faċilitajiet tagħhom installati fuq proprjetà pubblika u li hija proprjetà ta’ impriża oħra, għax tali tariffa ma hijiex inkunsiderazzjoni ta’ “drittijiet ta’ passaġġ”.

It-tieni domanda preliminari

72.

It-tieni domanda preliminari tikkonċerna t-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

73.

Kif indikajt, inqis li l-Artikolu 13 ma jipprovdix bażi għall-impożizzjoni ta’ tariffi tat-tip inkwistjoni fil-proċeduri ewlenin. ( 69 ) Fuq din il-bażi, it-tieni domanda preliminari ma tibqax meħtieġa.

74.

Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari, se nikkunsidra t-tifsira tar-rekwiżit li t-tariffi għandhom ikunu “oġġettivament ġustifikati [...] mhux diskriminatorji u proporzjonali b’rabta mal-iskop intiż tagħhom”. ( 70 ) Imbagħad ikun kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk it-tariffi inkwistjoni jkunux issodisfaw dawk il-kundizzjonijiet.

75.

It-tieni domanda tikkonċerna wkoll it-tifsir tal-frażi “il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu tar-[riżorsa inkwistjoni]”. ( 71 ) Jidhirli li r-rekwiżit jappartjeni għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 13. ( 72 ) Jekk tariffa ma tkunx tirrifletti dik il-ħtieġa, ma jkunx meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet fit-tieni sentenza.

Il-kundizzjoni li t-tariffa għandha tkun oġġettivament iġġustifikata

76.

Jiena tal-opinjoni li, tariffa taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma hijiex oġġettivament iġġustifikata jekk il-valur tagħha ma huwiex konness mal-intensità tal-użu tar-riżorsa “skarsa” u l-valur attwali u futur ta’ dak l-użu. F’dan ir-rigward, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tqis li t-tariffi għal drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet jistgħu jiġu imposti fuq impriżi individwali. ( 73 )

77.

Jiena tal-opinjoni li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu tariffi għal drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet li allegatament jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ “drittijiet ta’ passaġġ”, li iżda ma humiex stabbiliti abbażi ta’ parametri li huma marbuta ma’ dak l-għan, bħall-intensità, id-dewmien u l-valur tal-użu tal-proprjetà inkwistjoni tal-impriża jew użi alternattivi li għandhom isiru mill-proprjetà. ( 74 )

78.

Kieku l-Qorti kellha taċċetta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 tkopri tariffa għall-użu tal-faċilitajiet, nikkunsidra li għandhom japplikaw l-istess prinċipji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu ta’ faċilitajiet jaffetwa d-disponibbiltà ta’ “drittijiet ta’ passaġġ”. Għaldaqstant għandu jkun possibbli li jiġi determinat il-valur tat-tariffa b’mod li jirrapreżenta l-intensità ta’ dak l-użu tar-riżorsa “scarsa” kif ukoll użi alternattivi.

79.

Tariffa bbażata fuq id-dħul gross iġġenerat minn impriża tkun tidher li ġiet imposta prinċipalment biex tiġġenera d-dħul, li ma huwiex ġustifikazzjoni oġġettiva għal tariffa fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 13. ( 75 ) Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-kalkolu ta’ tariffa (deskritta fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) ibbażat fuq id-dħul ta’ impriża żżid kunsiderevolment l-ammont dovut u għaldaqstant “toħloq ostaklu sinjifikattiv għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjoni”. ( 76 ) Il-fatt li t-tariffa tista’ taffetwa l-iżjed operaturi dominanti ma tibdilx dik il-konklużjoni.

Il-kundizzjoni li t-tariffa għandha tkun proporzjonali

80.

Tariffa ma hijiex proporzjonali jekk hi bbażata fuq parametri u stabbilita fuq livell li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsa “skarsa” li t-tariffa għandha l-għan li tipproteġi.

81.

Dan huwa l-każ ukoll jekk it-tariffa hija jew tant għolja li tfixkel l-investiment fl-installazzjoni ta’ netwerks u faċilitajiet u xxekkel il-kompetizzjoni, jew tant baxxa li tonqos milli tikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-użu tar-riżorsa. ( 77 )

82.

B’differenza mit-Tribunal Supremo, madankollu, ma naċċettax li fiċ-ċirkustanzi kollha iżjed ma jkun intensiv l-użu tar-riżorsa “skarsa”, iżjed tkun għolja t-tariffa li għandha tiġi imposta għal dak l-użu. Huwa possibbli, pereżempju, li tiġi maħsuba sitwazzjoni fejn tariffa għal drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet tista’ titnaqqas biex tikkunsidra l-livell li għalih impriża tippermetti l-faċilitajiet tagħha li jintużaw minn impriżi oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tariffa iktar baxxa għal użu aktar intensiv tista’ tikkontribwixxi għall-aħjar użu tal-proprjetà.

83.

Il-muniċipalità ta’ Tudela targumenta wkoll li t-tariffa tagħha għandha tkun ikkalkulata abbażi ta’ parametri li jirrappreżentaw il-valur fis-suq tal-proprjetà pubblika li fuqha huma installati l-faċilitajiet.

84.

Anke jekk it-tariffa (quod non) tista’ tiddaħħal fi ħdan l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13, ma iniex konvint b’dan l-argument.

85.

Fil-formula applikata mill-muniċipalitajiet, il-parametru rilevanti biss huwa n-numru ta’ linji ta’ telefown fissi installati fil-muniċipalità f’sena partikolari. Dik il-figura ma għandhiex x’taqsam, madankollu, mal-użu speċifiku magħmul mill-operatur tat-telefonija ċellulari tal-faċilitajiet li huma proprjetà ta’ impriża oħra. Lanqas is-sehem fis-suq tal-operatur tat-telefonija ċellulari fis-suq lokali ma huwa korrelatat bi kwalunkwe mod ovvju mal-intensità tal-użu tiegħu tal-proprjetà muniċipali li fuqha n-netwerks rilevanti u l-faċilitajiet assoċjati huma installati, anke kieku kellu jkun konness mal-ħtieġa għal aċċess u interkonnessjoni ma’ dawk in-netwerks u faċilitajiet.

86.

Fir-rigward tal-użu medju tat-telefonija ċellulari għal kull unità urbana, in-numru ta’ abitanti u l-użu medju tat-telefown u s-servizz għal kull telefown ċellulari, dawn il-parametri jista’ jkollhom konnessjoni mal-intensità tal-użu tan-netwerk u l-faċilitajiet li huma proprjetà ta’ impriża oħra. Minkejja dan, dawn jidhru kompletament mhux marbuta mas-servizzi ta’ telefonija ċellulari attwali pprovduti mill-operatur li jħallas it-tariffa u li għalihom ġew użati l-faċilitajiet installati fuq il-proprjetà pubblika.

Il-kundizzjoni li t-tariffa ma tistax tkun diskriminatorja

87.

Tariffa hija diskriminatorja meta “każijiet simili [jiġu trattati] b’mod differenti, li jinvolvu żvantaġġ għal xi operaturi meta kkomparat ma’ oħrajn, mingħajr ma dik id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ differenzi oġġettivi sostanzjali”. ( 78 ) Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta t-tariffi imposti fuq l-operaturi li jagħmlu użu komparabbli ta’ riżorsa ma humiex ekwivalenti f’termini ekonomiċi jew meta dawk imposti b’konnessjoni ma’ użi differenti huma ekwivalenti. ( 79 )

88.

Huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi jekk operaturi ta’ telefonija ċellulari u fissa, irrispettivament mill-post ta’ inkorporazzjoni tagħhom, li jużaw faċilitajiet installati fuq jew taħt il-proprjetà pubblika humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li huwa rilevanti jekk kull wieħed minnhom joqgħodx fuq aċċess komparabbli għal u interkonnessjoni mal-faċilitajiet ta’ impriża oħra installata fuq proprjetà pubblika (jew privata) biex jikkunsinnaw is-servizzi tagħhom u jekk humiex f’relazzjoni kompetittiva.

89.

Jekk il-qorti tar-rinviju ssib li huma f’sitwazzjonijiet komparabbli, l-ammont dovut għall-użu tagħhom tal-faċilitajiet ta’ impriża oħra għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-istess parametri oġġettivi. Dan huwa konsistenti wkoll mal-obbligu li tiġi prekluża d-diskriminazzjoni kontra l-użu ta’ teknoloġija partikolari. ( 80 ) F’dan ir-rigward, pereżempju, jekk l-operaturi tat-telefonija fissa li jagħmlu interkonnessjoni mal-faċilitajiet ta’ impriża oħra jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-interkonnessjoni mit-tariffa dovuta lill-muniċipalità, l-operaturi tat-telefonija ċellulari f’ċirkustanzi simili għandu jkollhom ukoll dik l-għażla.

90.

Ma nikkunsidrax li huwa rilevanti taħt l-Artikolu 13 li jiġi stabbilit jekk l-utent huwiex il-proprjetarju tal-faċilitajiet. Dak li huwa importanti taħt dik id-dispożizzjoni huwa l-avveniment li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-ħlas tat-tariffa. L-istess formula għandha għaldaqstant tiġi applikata biex tiġi determinata r-responsabbiltà tal-operaturi tat-telefonija li ma humiex il-proprjetarji ta’ faċilitajiet u dawk li ma humiex u li jagħmlu użu komparabbli minnhom. F’dawk iċ-ċirkustanzi, u jekk wieħed jassumi li l-liġi nazzjonali timponi wkoll tariffa għal drittijiet tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet, risposta pożittiva għall-ewwel domanda preliminari tkun timplika li ċerti impriżi jista’ jkollhom iħallsu tariffa kemm għall-installazzjoni tal-faċilitajiet u għall-użu tagħhom tal-faċilitajiet. Dik hija l-konsegwenza loġika tal-aċċettazzjoni tal-Gvern Spanjol. ( 81 )

91.

B’differenza, l-impriżi li jinstallaw faċilitajiet, kemm jekk ikunu operaturi ta’ telefonija ċellulari jew le, ma jidhrux li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal operaturi tat-telefonija ċellulari li jużaw faċilitajiet ta’ impriża oħra. L-użu ta’ art pubblika minn dawn tal-ewwel jaffettwa direttament id-disponibbiltà tal-aċċess għal dik ir-riżorsa u tfixkel id-drittijiet esklussivi tal-proprjetarju fuqha. L-użu minn dawn tal-aħħar ma għandux effett bħal dan. F’termini ekonomiċi, iż-żewġ tipi ta’ użu ma jistgħux jitqiesu bħala ekwivalenti.

Konklużjoni

92.

Għaldaqstant nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda preliminari hija li tariffa hija stabbilita taħt kundizzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni jekk hija bbażata fuq id-dħul jew is-sehem tas-suq ta’ impriża u parametri oħra li ma għandhom l-ebda korrellazzjoni mad-disponibbiltà ta’ aċċess għal riżorsa “skarsa” b’konsgwenza tal-użu attwali ta’ dik ir-riżorsa minn impriża.

It-tielet domanda preliminari

93.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandux effett dirett.

94.

Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ direttiva li mhix kundizzjonali u preċiża biżżejjed tista’ tiġi invokata kontra l-Istat Membru fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali jekk dak l-Istat Membru jkun naqas milli jimplimenta d-direttiva jew ikun għamel hekk tard jew skorrettament. ( 82 )

95.

It-tielet domanda preliminari tqum peress li Vodafone u Orange joqogħdu fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni biex jikkontestaw it-tariffi imposti mit-tliet muniċipalitajiet. Il-Gvern Spanjol u l-muniċipalità ta’ Tudela jikkunsidraw li risposta għat-tielet domanda preliminari ma hijiex meħtieġa għax it-tariffa ma hijiex inkonsistenti mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

96.

Jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 13 għandu effett dirett.

97.

Kif diversi partijiet indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Connect Austria ddeċidiet li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 kellu effett dirett. ( 83 ) Dik id-dispożizzjoni kienet tirregola tariffi imposti “meta għandhom jintużaw riżorsi skarsi” u “li jeħtieġu li jirriflettu l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi”. Tħassret bid-Direttiva Qafas. ( 84 )

98.

Jidhirli li l-kliem użat fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huwa iżjed ċar u preċiż minn dak fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13. ( 85 ) Iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jimponu tariffa taħt l-Artikolu 13 huma definiti f’termini inekwivoċi u l-Artikolu 13 ma jirrikjedix miżuri li jippermettu individwu li jinvokaha kontra Stat Membru li jimponi tariffa f’ċirkustanzi li jaqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 13.

99.

Jiena tal-opinjoni li, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għaldaqstant hija li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu effett dirett.

Konklużjoni

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet mressqa iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mit-Tribunal Supremo f’dan is-sens:

(1)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jimponu fuq l-operaturi tat-telefonija ċellulari tariffa għall-użu ta’ faċilitajiet installati fuq proprjetà pubblika u li huma proprjetà ta’ impriża oħra.

(2)

B’interpretazzjoni xierqa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, tariffa ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni, u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi kkonċernati jekk hija bbażata fuq id-dħul jew is-sehem fis-suq ta’ impriża jew fuq parametri oħra li ma għandhom l-ebda korrelazzjoni mad-disponibbiltà tal-aċċess għal riżorsa “skarsa” b’konsegwenza tal-użu attwali tal-impriża ta’ dik ir-riżorsa.

(3)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu effett dirett.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

( 3 ) Se nirreferi għal impriżi li jipprovdu servizzi ta’ telefonija ċellulari bħala operaturi ta’ telefonija ċellulari.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997 L 117, p. 15).

( 5 ) It-tieni premessa tad-Direttiva 97/13.

( 6 ) Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009 L 337, p. 37) emendat ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi iżda mhux l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Din kellha tiġi implementata sal-25 ta’ Mejju 2011. Il-kawża prinċipali tikkonċerna regolamenti muniċipali adottati qabel dan iż-żmien. Għaldaqstant, f’dawn il-konklużjonijiet, se nagħmel referenza għat-testi tal-pakkett tal-2002 qabel l-emenda tagħhom.

( 7 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

( 8 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323).

( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).

( 11 ) Direttiva Nru 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

( 12 ) It-terminu “drittijiet ta’ passaġġ f’din id-direttiva jidher li għandu sens usa’ minn dak ġeneralment aċċettat f’sistemi legali li jużaw il-lingwa Ingliża (u possibbilment lingwi oħra), u jkopri d-dritt ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet fi, fuq jew taħt l-art iżjed milli passaġġ fuq l-art. Biex nevita l-konfużjoni, se nuża dan it-terminu bil-marki ta’ kwotazzjoni f’dawn il-Konklużjonijiet, biex nindika li qiegħed jintuża fis-sens tad-direttiva.

( 13 ) L-Artikolu 26 tad-Direttiva Qafas.

( 14 ) It-tielet premessa tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Ara wkoll l-Artikolu 3(1).

( 15 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

( 16 ) Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Ara wkoll it-tmien premessa.

( 17 ) Is-seba’ premessa tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni ġenerali tfisser qafas legali stabbilit mill-Istat Membru “li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva”: L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. L-Anness għad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet li jistgħu jingħataw ma’ awtorizzazzjoni ġenerali.

( 18 ) Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Ara wkoll l-għaxar premessa.

( 19 ) Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.

( 20 ) L-erbatax-il premessa tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

( 21 ) Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

( 22 ) Fejn (bħal fil-każ tal-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra) il-verżjoni Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni titratta d-drittijiet sabiex jiġu installati faċilitajiet u l-bżonn li jiġi żgruat l-aħjar użu tar-riżorsi, xi verżjonijiet oħra (b’mod partikolari, dik Spanjola, Franċiża u Portugiża) jużaw il-kelma “riżorsi” għaż-żewġ kunċetti. Wieħed għandu jżomm f’moħħu d-distinzjoni bejniethom meta jkun qed jaqra l-Konklużjonijiet f’waħda mill-lingwi tal-aħħar imsemmi grupp ta’ lingwi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tifsira tal-ewwel sentenza fl-Artikolu 13 u fil-kuntest tat-tieni domanda mressqa.

( 23 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 24 ) It-tielet premessa tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 25 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 26 ) Artikolu 2(b) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 27 ) Direttiva tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178).

( 28 ) Ley General de Telecomunicaciones (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali”).

( 29 ) Real Decreto legislativo 2/2004, de 5 de marzo, por el que se aprobó el texto refundido de la Ley Reguladora de les Haciendas Locales (“iktar ’il quddiem “id-Digriet Irjali”).

( 30 ) Texto refundido de la ley reguladora de las haciendas locales.

( 31 ) Artikolu 20(1) u (3) tad-Digriet Irjali.

( 32 ) Artikolu 24(1)(a) tad-Digriet Irjali.

( 33 ) Artikolu 24(1)(c) tad-Digriet Irjali.

( 34 ) Madwar 1390 muniċipalità apparentement implimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti bbażata fuq wieħed miż-żewġ regolamenti mudell ippreparati mil-Federación Española de Municipios y Provincias. Hemm ’il fuq minn 8000 muniċipalità fi Spanja.

( 35 ) Artikolu 2(1) tal-Ordenanza Fiscal reguladora de la tasa por aprovechamiento del dominio público a favor de empresas explotadoras de servicios de suministros de interés general, adottat mill-Ayuntamiento de Torremayor (iktar ’il quddiem “l-Ordenanza Fiscal Torremayor”).

( 36 ) Artikolu 2(3) tal-Ordenanza Fiscal Torremayor.

( 37 ) Ordenanza Fiscal reguladora de la tasa por aprovechamiento especial del dominio público local a favor de empresas explotadoras de servicios de suministros de interés general, approvat mill-Pleno del Ayuntamiento de Santa Amalia (iktar ’il quddiem “l-Ordenanza Fiscal Santa Amalia”).

( 38 ) Ordenanza Fiscal reguladora de las tasas por la utilización privativa o aprovechamiento especial del dominio público local por empresas explotadoras de servicios de telefonica móvil en el término municipal de Tudela (iktar ’il quddiem “l-Ordenanza Fiscal Tudela”).

( 39 ) Fil-preparazzjoni tal-isfond fattwali, kont ixxurtjat biżżejjed li stajt noqgħod fuq il-paġni informattivi tas-sit elettroniku tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni u tal-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku.

( 40 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva Qafas. Din id-definizzjoni ġiet issostitwita b’definizzjoni ġdida, iżda simili, fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2009/140.

( 41 ) Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas.

( 42 ) Ara d-definizzjoni fil-punt 18 iktar ’il fuq.

( 43 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-muniċipalità ta’ Tudela dehret li adottat l-istess pożizzjoni u avvanzat interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 13. Fl-istess ħin, u dan sar iktar evidenti fis-seduta, l-muniċipalità ta’ Tudela argumentat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13 ma tkoprix it-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u għaldaqstant kienet ħielsa li timponiha (minkejja li taċċetta li l-utenti tal-faċilitajiet jokkupaw art pubblika lokali bl-istess mod bħal impriżi li jinstallaw il-faċilitajiet). Ara wkoll il-punti 65 sa 70 iktar ’il quddiem.

( 44 ) Din id-domanda hija għaldaqstant differenti minn dik inkwistjoni fil-Kawżi Magħquda tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile (C-544/03 u C-545/03, Ġabra p. I-7723), li kienu jinvolvu taxxa annwali fuq proprjetà ta’ infrastruttura bħal fili ta’ bini, arbli u antenni u ġiet ikkunsidrata taħt l-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) u tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirregola l-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet applikabbli f’dak iż-żmien.

( 45 ) Il-verżjoni emendata tad-Direttiva Qafas tiddeskrivi “faċilitajiet assoċjati” biex tinkludi “bini jew dħul fil-bini, fili ta’ bini, antenni, torrijiet u kostruzzjonijiet oħra tal-irfid, tubi, kondjuwits, arbli, fosos u kabini”; ara l-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 2009/140.

( 46 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 47 ) It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva Qafas. L-interpretazzjoni tiegħi tat-terminu “faċilitajiet” fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma tipprekludix li l-istess terminu jista’ jkollu tifsir usa’ f’direttivi oħra tal-pakkett tal-2002. Ara, pereżempju, l-Anness I tad-Direttiva Servizz Universali, Parti B.

( 48 ) Dan huwa konsistenti mal-impenji tal-UE u l-Istati Membri fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem “WTO” fir-rigward tar-regolamentazzjoni tan-netwerks u s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Id-Dokument ta’ Referenza WTO tal-24 ta’ April 1996 jipprovdi li “kwalunkwe proċedura għall-allokazzjoni u l-użu ta’ riżorsi skarsi, inklużi frekwenzi, numri u drittijiet ta’ passaġġ, se titwettaq b’mod oġġettiv, puntwali, trasparenti u mhux diskriminatorju” (l-ewwel sentenza tal-punt 6). Id-disgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva Qafas tirreferi għall-impenji tad-WTO tal-UE u l-Istati Membri b’rabta ma’ standards u l-qafas regolatorju tan-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet.

( 49 ) It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva Qafas.

( 50 ) L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 51 ) Huwa evidenti li dawk il-faċilitajiet jistgħu jintużaw għall-użu previst tagħhom minn kwalunkwe impriża wara l-installazzjoni tagħhom biss.

( 52 ) Ir-referenza għall-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva ġiet inkluża fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni wara li l-Parlament esprima tħassib li d-diverġenza bejn l-Istati Membri f’sistemi ta’ tariffa għall-utent toħloq barrieri għas-suq intern. Ara l-proposta emendata għad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni (COM(2001) 372 finali), p. 4.

( 53 ) Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España (C-85/10, Ġabra p. I-1575, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Artikolu 12(1) tal-Direttiva Qafas. Fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 12(2) u fil-premessa tlieta u għoxrin ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jimponu qsim ta’ faċilità.

( 55 ) Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Aċċess.

( 56 ) It-tielet premessa tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

( 57 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

( 58 ) L-Anness mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi lista massima ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jkunu mehmuża ma’ awtorizzazzjoni ġenerali (Taqsima A) drittijiet ta’ użu għal frekwenzi tar-radju (Taqsima B) u drittijiet ta’ użu għal numri (Taqsima C).

( 59 ) Ma naqbilx mal-Kummissjoni li l-Artikolu 13 jidderoga mill-Artikolu 12. Iż-żewġ deċiżjonijiet jiddeskrivu avvenimenti separati li jistgħu jkunu suġġetti għal tariffa. Il-kliem jissuġġerixxi wkoll li t-tariffi deskritti fiż-żewġ dispożizzjonijiet ma humiex reċiproċikament esklussivi għax l-Artikolu 12 jipprovdi, pereżempju, li tariffa amministrattiva tista’ tiġi imposta fuq impriżi li jkun ingħatalhom dritt ta’ użu, filwaqt li l-Artikolu 13 jippermetti lill-Istati Membri li jimponu tariffa b’kunsiderazzjoni ta’ dak id-dritt. Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 hija s-suġġett ta’ kawżi oħra attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: ara, pereżempju, is-sentenza “Il-Kummissjoni vs Franza” (C-485/11).

( 60 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju, Telefónica de España (C-284/10, Ġabra p. I-6991, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 13 tad-Direttiva Servizz Universali jawtorizza lill-Istati Membri li jimponu mekkaniżmu għall-qsim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali.

( 61 ) Ara l-punt 8 ċċitat iktar ’il fuq.

( 62 ) Artikolu 1(2) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 63 ) Is-sitt premessa tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 64 ) Il-ħames premessa tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 65 ) Is-sitt premessa tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 66 ) Artikolu 5(1) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 67 ) Artikoli 5 u 8(1) tad-Direttiva ta’ Aċċess.

( 68 ) B’mod partikolari, fid-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lil ċerti Stati Membri li jikkontrollaw il-prezzijiet fi swieq b’kompetizzjoni ineffiċjenti kif ukoll l-ispejjeż ta’ aċċess u interkonnessjoni, l-ebda referenza ma ssir għas-setgħa li tiġi imposta tariffa għall-użu tal-faċilitajiet; jew għall-ħtieġa li tiġi kkunsidrata t-tariffa pagabbli fit-twaqqif, pereżempju, ta’ mekkaniżmu għall-irkupru tal-ispejjeż jew għal metodoloġija tal-prezzijiet.

( 69 ) Ara l-punti 47 sa 71 iktar ’il fuq.

( 70 ) It-tieni domanda preliminari ma tirreferix għar-rekwiżit ta’ trasparenza.

( 71 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-istabbiliment ta’ ammonti ta’ tariffi jinvolvi valutazzjonijiet ekonomiċi” u għaldaqstant “l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ikunu meħtieġa li jikkonformaw ma’ kriterji riġidi f’dan ir-rigward, sakemm jibqgħu fi ħdan il-limiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Komunità”: sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 92). Ara wkoll is-sentenza Telefónica Móviles, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 , punt 25.

( 72 ) Ara l-punti 62 sa 64 iċċiatati iktar ’il fuq.

( 73 ) Il-wieħed u tletin premessa.

( 74 ) Fis-sentenza Telefónica Móviles, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni li “it-tariffa għandha tiġi stabbilita f’livell xieraq li jirrifletti inter alia l-valur tal-użu ta’ dawn ir-riżorsi [scarsi], li jirrikjedu li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ekonomika u teknika tas-suq ikkonċernat”; iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 28.

( 75 ) Fil-preżentazzjoni tal-isfond storiku tat-tariffa, il-muniċipalità ta’ Tudela dehret li aċċettat li l-għan inizjali tat-tariffa kien li tiġġenera dħul ibbażat fuq il-benefiċċji ġġenerati mill-użu ta’ art pubblika lokali, jiġifieri, il-valur tas-servizzi provduti bl-użu ta’ faċilitajiet installati fuq dik l-art.

( 76 ) Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, (C-292/01 u C-293/01, Ġabra p. I-9449, punti 39 u 40).

( 77 ) Ara wkoll is-sentenza Telefónica Móviles, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 29.

( 78 ) Ara s-sentenza Connect Austria ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, (C-431/07 P, Ġabra p. I-2665, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 79 ) Ara wkoll is-sentenza Telefónica Móviles, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 80 ) It-tmintax-il premessa tad-Direttiva Qafas.

( 81 ) Jidhirli wkoll li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-operaturi li jużaw il-faċilitajiet ta’ impriżi oħra, ma jistgħux jevitaw li jħallsu t-tariffa billi jinvestu fl-iżvilupp tal-infrastruttura tagħhom stess.

( 82 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi (C-203/10, Ġabra p. I-1083, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 83 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70.

( 84 ) Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.

( 85 ) B’differenza mill-muniċipalità ta’ Tudela, nikkunsidraha irrilevanti għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti li t-Tribunal Supremo kien qabel ikkunsidra l-legalità tat-tariffa mingħajr ma ġie kkunsidrat id-dritt tal-UE. Lanqas ma jien konvint bl-argument li s-sempliċi eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar it-tifsir tal-espressjoni “installazzjoni ta’ faċilitajiet” juri li l-kliem użat fl-Artikolu 13 ma għandux ċarezza u preċiżjoni, u li d-dispożizzjoni għaldaqstant ma jistax ikollha effett dirett.

Top