This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TJ0271(01)
Judgment of the General Court (Third Chamber) of 18 November 2020.#H v Council of the European Union.#Common foreign and security policy – National staff member on secondment to the EUPM in Bosnia and Herzegovina – Redeployment decision – Misuse of powers – Interests of the service – Psychological harassment – Punitive nature of the redeployment – Liability – Non-material damage.#Case T-271/10 RENV II.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020.
H vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali.
Kawża T-271/10 RENV II.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Novembru 2020.
H vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali.
Kawża T-271/10 RENV II.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2020:548
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
18 ta’ Novembru 2020 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Membru tal-persunal nazzjonali kkollokat mal-EUPM fil-Bosnja-Ħerzegovina – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Użu ħażin ta’ poter – Interess tas-servizz – Fastidju psikoloġiku – Natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid – Responsabbiltà – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑271/10 RENV II,
H, irrappreżentata minn L. Levi, avukata,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u A. de Elera‑San Miguel Hurtado, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina, li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat‑8 ta’ Diċembru 2009, dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22), li tispjega r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, u, fit-tieni lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK tal-11 ta’ Marzu 2002 fuq il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278), ġiet stabbilita l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tat-Task Force Internazzjonali tal-Pulizija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bosnja-Ħerzegovina. |
2 |
L-EUPM, li bdiet fl‑1 ta’ Jannar 2003, ġiet estiża diversi drabi, b’mod partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat‑8 ta’ Diċembru 2009 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU 2009, L 322, p. 22). |
3 |
Ir-rikorrenti, H hija membru tal-ġudikatura Taljana li ġiet ikkollokata mal-EUPM f’Sarajevo (il-Bosnja-Ħerzegovina) permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja Taljan tas‑16 ta’ Ottubru 2008, sabiex hemmhekk teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Adviser, b’effett mill‑14 ta’ Novembru 2008. |
4 |
Permezz ta’ digrieti tal-Ministru għall-Ġustizzja Taljan tas‑7 ta’ April 2009 u tad‑9 ta’ Diċembru 2009, il-kollokament tar-rikorrenti ġie estiż, sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ Chief of Legal Office, sal‑31 ta’ Diċembru 2009, u sussegwentement sal‑31 ta’ Diċembru 2010. |
5 |
Wara r-ristrutturar tal-EUPM fl‑1 ta’ Jannar 2010, il-pożizzjoni ta’ Chief of Legal Office okkupata mir-rikorrenti ngħata l-isem ġdid ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel. |
6 |
Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti kif ukoll waħda mill-kollegi tagħha, A, konsulent ġuridiku mal-EUPM, informaw il-ġerarkija tagħhom dwar allegati irregolaritajiet imwettqa fil-ġestjoni tal-EUPM (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010”). Fis‑17 ta’ Marzu 2010 din l-ittra ġiet mgħoddija lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti, id-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM. Fis‑26 ta’ Marzu 2010, lista tal-allegati irregolaritajiet imsemmija mill-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 ġiet trażmessa lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM, fil-perspettiva ta’ laqgħa ma’ dan tal-aħħar. |
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-EUPM, ir-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid “għal raġunijiet operattivi” fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor (ROBL‑04) fi ħdan l-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (il-Bosnja-Ħerzegovina) b’effett mid‑19 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010”). |
8 |
Permezz ta’ ittra elettronika tal‑15 ta’ April 2010, uffiċjal tar-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana fi ħdan l-Unjoni informa lir-rikorrenti li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ġiet sospiża. |
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-EUPM imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2009/906, l-imsemmi kap ikkonferma d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. F’din l-okkażjoni, huwa ppreċiża li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 kienet ittieħdet minnu stess u li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet imsejsa fuq il-ħtieġa li l-uffiċċju ta’ Banja Luka jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu il-konsulenza ta’ prosekutur (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010”). |
10 |
Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2010, il-Kap tal-EUPM xolja l-kuntratt ta’ A minħabba telf ta’ fiduċja. |
11 |
Fl-4 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti adixxiet it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 u għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab. Ir-rikorrenti adixxiet ukoll lill-imsemmija qorti b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. |
12 |
Ir-rikorrenti tqiegħdet fuq leave tal-mard mix-xahar ta’ Awwissu 2010, u dan sa tmiem il-kollokament tagħha mal-EUPM. |
13 |
Fil‑31 ta’ Diċembru 2010, il-kollokament tar-rikorrenti fi ħdan l-EUPM ġie fi tmiemu. |
14 |
L-EUPM temmet l-operazzjonijiet tagħha matul is-sena 2012. |
15 |
B’segwitu għall-ilment ta’ A, l-Ombudsman Ewropew ikkonkluda, fid-deċiżjoni tiegħu tal‑4 ta’ Ġunju 2015, li kien hemm preżenza ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman ikkritika b’mod partikolari l-assenza ta’ qafas iddeterminat minn qabel sabiex jiġu pproċessati d-disfunzjonijiet irrapportati mill-informaturi (whistleblowers) u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16 |
Permezz ta’ talba fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-EUPM u li hija intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑7 u tat‑30 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
17 |
Fis‑17 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għal miżuri provviżorji intiża b’mod partikolari biex tikseb sospensjoni mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Lulju 2010, H vs Il‑Kunsill et (T‑271/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:315), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba minħabba nuqqas ta’ urġenza u rriżerva l-ispejjeż. |
18 |
Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Lulju 2014, H vs Il‑Kunsill et (T-271/10, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-digriet inizjali, EU:T:2014:702), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, inkwantu qieset li ma kellhiex kompetenza biex tieħu konjizzjoni tiegħu. |
19 |
Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra d-digriet inizjali, fejn sostniet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi meta ddikjarat li ma kinitx kompetenti biex tiddeċiedi dwar ir-rikors.. |
20 |
Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill et (C‑455/14 P, iktar ’il quddiem l-ewwel sentenza fl-appell, EU:C:2016:569), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan kien indirizzat kontra l-Kummissjoni u l-EUPM u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors sa fejn dan kien indirizzat kontra l-Kunsill u rriżervat l-ispejjeż. |
21 |
Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2018, H vs Il‑Kunsill (T‑271/10 RENV, iktar ’il quddiem is-sentenza ta’ wara r-rinviju, EU:T:2018:180), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat. |
22 |
Ir-rikorrenti ppreżentat appell kontra s-sentenza ta’ wara r-rinviju. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill (C‑413/18 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem it-tieni sentenza fl-appell, EU:C:2019:1044), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza ta’ wara r-rinviju, irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tielet u l-ħames motivi tat-talba għal annullament kif ukoll fuq it-talba għal kumpens u rriżervat l-ispejjeż. |
23 |
Permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Diċembru 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet iressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, konformement mal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fir-rigward tas-segwitu li għandu jingħata lit-tieni sentenza fl-appell f’din il-proċedura. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Frar 2020, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tielet Awla. |
25 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur u permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tal‑5 ta’ Marzu 2020, ġie deċiż li din il-kawża tiġi pproċessata bi prijorità. |
26 |
Permezz ta’ ittri tad‑9 ta’ Marzu 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stieden lill-partijiet sabiex jissottomettu noti komplementari ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, konformement mal-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet issottomettew l-osservazzjonijiet komplementari tagħhom fit-terminu stabbilit, jiġifieri l‑25 ta’ Marzu 2020. |
27 |
Wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-rikorrenti ressqet, fit‑8 ta’ April 2020, talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
28 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet kif ukoll lill-Kunsill jissottometti dokument. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu stabbilit. |
29 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑1 ta’ Lulju 2020. |
It-talbiet tal-partijiet
30 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
31 |
Fir-replika, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha b’mod li żiedet mal-ammont totali tad-danni mitluba fir-rikors l-ammont ta’ EUR 8000 u rrinunzjat li tidderieġi r-rikors tagħha kontra l-EUPM. |
32 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha wara l-ewwel rinviju, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha, sabiex ir-rikors ikun indirizzat biss kontra l-Kunsill. Fl-istess waqt, hija emendathom sabiex, minn naħa, ir-rikors ma jkunx iżjed intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda biss sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-illegalità tagħhom, u, min-naħa l-oħra, sabiex id-danni jkopru wkoll id-dannu mġarrab minħabba l-impossibbiltà li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati. Waqt il-proċedura wara l-ewwel rinviju r-rikorrenti spjegat li t-talbiet tagħha kienu intiżi sabiex jinkiseb, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 u, jekk ikun neċessarju, tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, il-kisba tad-danni skont kif ġie spjegat u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għas-sempliċi finijiet ta’ kumpens. |
33 |
Fl-osservazzjonijiet tagħha wara t-tieni rinviju, ir-rikorrenti reġgħet tenniet it-talbiet tagħha intiżi sabiex jinkiseb, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għas-sempliċi finijiet ta’ kumpens. Barra minn hekk hija reġgħet tenniet it-talba tagħha għall-ħlas tad-dannu mġarrab kif ukoll għall-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż miżjuda b’interessi ta’ 8 %. |
34 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq it-talba għal annullament
Fuq is-suġġett tat-tilwima
35 |
Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti qajmet, fir-rikors, ħames motivi, ibbażati, rispettivament: l-ewwel wieħed fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/906, it-tieni wieħed fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames wieħed fuq fastidju psikoloġiku. |
36 |
Kif jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, it-talba għal annullament ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza ta’ wara r-rinviju bħala infondata fl-intier tagħha. |
37 |
Permezz tat-tieni sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, annullat is-sentenza wara r-rinviju mingħajr spjegazzjoni ulterjuri (ara l-punt 1 tad-dispożittiv). Min-naħa l-oħra, hija rreferiet għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fir-rigward tat-talba għal annullament fuq it-tielet sal-ħames motivi (ara l-punt 2 tad-dispożittiv). Bħala motivazzjoni (it-tieni sentenza fl-appell, punti 102 sa 117), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet marret kontra l-prinċipju ta’ kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, sa fejn it-tweġibiet u d-dokumenti pprovduti wara s-seduta mill-Kunsill ma kinux ġew issuġġettati għal dibattitu kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu deċiżivi fir-raġunament ta’ din tal-aħħar għall-finijiet taċ-ċaħda min-naħa tagħha tat-tielet sal-ħames motivi mressqa fl-ewwel istanza. |
38 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tilwima, din tkun marbuta bil-punti ta’ liġi li għalihom id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat soluzzjoni. B’hekk, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija adita, b’applikazzjoni tal-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-motivi għal annullament kollha mqajma mill-parti rikorrenti bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, ġaladarba dawn kisbu saħħa ta’ res judicata (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2018, Keramag Keramische Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/10 RENV u T‑381/10 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u b’mod partikolari fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 2 tad-dispożittiv tat-tieni sentenza fl-appell, jeħtieġ li qabel kollox jiġu eżaminati t-tielet sal-ħames motivi tat-talba għal annullament, qabel ma jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk is-suġġett tal-kawża għadux jirrigwarda l-ewwel żewġ motivi tat-talba għal annullament kif issostni r-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. |
Fuq il-mertu
40 |
Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tirrileva, essenzjalment, li d-deċiżjoni li tiġi assenjata mill-ġdid u li tiġi “mnaqqsa fil-grad” ma tteħditx fl-interess tas-servizz u kellha bħala uniku għan li tikkawża fastidju psikoloġiku u offiża fil-konfront tagħha. Hija ssostni li għaldaqstant il-proċedura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u ta’ tnaqqis fil-grad ġiet segwita sabiex jintlaħqu għanijiet li ma kinux dawk stabbiliti mil-liġi. F’dan ir-rigward, hija spjegat li ma kienx hemm ħtieġa reali li tiġi assenjata mill-ġdid fl-urġenza ta’ Prosecutor f’Banja Luka, li immedjatament kienet ġiet imnedija proċedura biex jiġi rreklutat Senior Legal Advisor/Legal Counsel ġdid (preċedentement Chief of Legal Office) f’Sarajevo sabiex jissostitwixxiha u li, fil-mument tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka, kienet għadha miftuħa sejħa għal kandidaturi għall-post ta’ Criminal Justice Expert f’Banja Luka. Barra minn hekk, hija ssostni li, bid-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, hija ġiet ukoll “imnaqqsa fil-grad” sa fejn il-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Expert f’uffiċċju reġjonali kienu, fid-dawl tal-istruttura tal-EUPM kif ukoll tal-kompiti fdati, inferjuri għall-funzjonijiet ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel eżerċitati fil-kwartieri ġenerali tal-EUPM. Hija ssostni wkoll li l-assenjazzjoni mill-ġdid u t-“tnaqqis fil-grad” huma ritaljazzjoni għall-ittra li ntbagħtet tas‑17 ta’ Marzu 2010. Insostenn tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ġiet adottata sabiex jiġi kkawżat lilha fastidju psikoloġiku u professjonali ġaladarba hija mhux biss ġiet assenjata mill-ġdid mingħajr ebda motivazzjoni leġittima, iżda ġiet ukoll “imnaqqsa fil-grad”. Hija żiedet li l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u t-“tnaqqis fil-grad” tagħha kienu mogħnija b’sensiela ta’ atti offensivi, fosthom restrizzjonijiet ta’ aċċess telefoniku, posta elettronika “aggressiva ħafna” li stednitha tiżvojta l-uffiċċju tagħha, diffikultajiet mhux ġustifikati biex tikseb leave jew l-esklużjoni tagħha mill-attivitajiet prinċipali tal-EUPM matul il-kollokament tagħha. Fir-replika, hija tindika atti addizzjonali li hija tikkunsidra li huma atti ta’ fastidju. |
41 |
Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. Huwa josserva li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija ġiet “imnaqqsa fil-grad” minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ma hija la fattwalment u lanqas legalment fondata. L-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar, f’April 2010, minn Sarajevo għal Banja Luka la biddel l-istatus amministrattiv tagħha u lanqas il-ħlas tar-remunerazzjoni u tal-allowances tagħha. Huwa jippreċiża li r-rikorrenti ma kienet tgawdi minn ebda dritt għal pożizzjoni speċifika fil-missjoni u ma pprovdiet ebda indikazzjoni fattwali iktar iddettaljata li tippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ġiet imnaqqsa fil-grad minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda element li juri li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdet bl-għan uniku jew prinċipali li tikkawża fastidju psikoloġiku u offiża fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li ma kellux interess oġġettiv li jkollu Prosecutor f’Banja Luka u li l-assenjazzjoni mill-ġdid saret filwaqt li proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert kienet għadha fis-seħħ. Huwa jsostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ prosekutur mal-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka kinitx tissodisfa neċessità operattiva. Il-Kunsill jirrileva li ma jeżisti ebda element li juri li r-rikorrenti kienet suġġetta għal fastidju psikoloġiku. |
42 |
Preliminarjament, minn naħa, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm id-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-EUPM relatati mal-allokazzjoni tar-riżorsi umani assenjati lilha mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet immexxija fuq il-post tal-operazzjonijiet għandhom aspett operattiv li jaqa’ taħt il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), dawn jikkostitwixxu wkoll, mill-essenza tagħhom stess, atti ta’ ġestjoni tal-persunal, bħal kull deċiżjoni simili adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (l-ewwel sentenza fl-appell, punt 54). |
43 |
Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jidħlu f’kuntest li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (l-ewwel sentenza fl-appell, punt 69). |
44 |
Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, fil-ġurisprudenza fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ġiet irrikonoxxuta l-possibbiltà li tiġi invokata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku insostenn ta’ talbiet għall-finijiet ta’ annullament li ma humiex indirizzati kontra ċ-ċaħda ta’ talba għal assistenza mressqa minn membru tal-persunal minħabba li dan ikun iqis li huwa vittma ta’ fastidju, iżda li huma indirizzati kontra deċiżjonijiet oħra adottati mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punti 67 u 70 sa 72). Ladarba l-membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-istatus tagħhom huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u dawk ikkollokati mill-Istati Membri, bħar-rikorrenti, huma suġġetti għall-istess regoli f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom “fuq il-post” (ara, f’dan is-sens, l-ewwel sentenza fl-appell, punt 50), jeħtieġ li din il-ġurisprudenza tiġi applikata b’analoġija għat-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjonijiet tal-Kap tal-EUPM li jiddeċiedu dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ aġent ikkollokat minn Stat Membru. |
45 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ kuntest ta’ fastidju psikoloġiku tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, meta l-awtur ta’ dan il-fastidju huwa wkoll il-firmatarju tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ġiet adottata bl-iskop li tikkaġuna ħsara lill-aġent u li din hija, konsegwentement, ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku invokata insostenn ta’ talbiet indirizzati kontra deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter kemm-il darba din ġiet adottata biex tikkaġuna ħsara għall-persunalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-membru tal-persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, EU:F:2010:12, punti 71 u 72). |
46 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dak li r-rikorrenti tindika bħala l-ħames motiv, ibbażat fuq fastidju psikoloġiku, jikkostitwixxi, mill-inqas parzjalment, il-bażi fattwali tat-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, li fil-kuntest tiegħu hija ssostni li l-Kap tal-EUPM wettaq użu ħażin ta’ poter bl-uniku għan li jikkawża fastidju u offiża fil-konfront tagħha. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li t-tielet u l-ħames motivi jiġu analizzati flimkien. |
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża ħafna li jirreferi għall-użu magħmul minn awtorità amministrattiva tal-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih dawn ikunu ngħatawlha. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tat-talbiet tagħha, iżda għandhom jiġu pprovduti wkoll indizji li jkunu preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed b’tali mod li jsostnu n-natura veritiera tagħhom jew, mill-inqas, il-possibbiltà li dawn seħħew, fejn fin-nuqqas ta’ dan l-eżattezza materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni ma tkunx tista’ titqiegħed inkwistjoni (ara d-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2013, da Silva Tenreiro vs Il‑Kummissjoni, T‑32/13 P, EU:T:2013:721, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, għat-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u tkun tosserva l-ekwivalenza tal-impjiegi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Cedefop, T‑373/04, EU:T:2006:224, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata aġixxietx fil-limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2006, Fries Guggenheim vs Cedefop, T‑373/04, EU:T:2006:224, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Barra minn hekk, fil-mument li deċiżjoni ma tkunx tqieset li tmur kontra l-interess tas-servizz ma tistax tkun kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, EU:T:2007:36, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan il-każ, fid-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, mid‑19 ta’ April 2010, mill-pożizzjoni ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel, li hija kienet tokkupa fi ħdan il-kwartier ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo, għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali tal-EUPM ta’ Banja Luka kienet immotivata minn “raġunijiet operattivi”. Din il-motivazzjoni ġiet ikkompletata fid-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, li minnha jirriżulta li r-raġuni operattiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kienet tistrieħ fuq il-ħtieġa ta’ konsulenza ta’ prosekutur għad-dispożizzjoni fl-uffiċċju ta’ Banja Luka. |
52 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-motivazzjoni u tal-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kap tal-EUPM wettaqx użu ħażin ta’ poter billi pproċeda bl-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fi ħdan l-EUPM. |
53 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, tliet linji ta’ argumentazzjoni intiżi li juru li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter. L-ewwel nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ma ġietx deċiża fl-interess tas-servizz, it-tieni nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha saret bil-għan li jsir fastidju fil-konfront tagħha u, it-tielet nett, l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ġiet deċiża b’reazzjoni għall-kritika miġjuba kontra l-ġestjoni tal-EUPM u għalhekk hija ta’ natura punittiva. |
54 |
Qabel kollox jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura punittiva tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter. |
55 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter jekk tkun ġiet adottata f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku u bil-għan li tikkaġuna ħsara għall-persunalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-persuna li hija suġġetta għall-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Dan jgħodd ukoll għall-każ fejn l-assenjazzjoni mill-ġdid tkun ekwivalenti, fir-realtà, għal sanzjoni lejn ir-rikorrenti minħabba l-kritika tagħha tal-ġestjoni tal-EUPM. Dawn iċ-ċirkustanzi, li kieku kellhom jiġu stabbiliti, ikunu jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-Kap tal-EUPM ikun uża l-poter tiegħu għal għan li ma jkunx dak li għalih dawn il-poteri ġew fdati lilu u, barra minn hekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ma tkunx tista’ titqies li saret fl-interess tas-servizz. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-raġuni determinanti għall-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kinitx marbuta mal-motivi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati, u jekk sarux fl-interess tas-servizz, jew jekk l-imsemmija deċiżjonijiet ġewx adottati sabiex jintlaħqu għanijiet oħra, u mhux leġittimi, minn dawk iddikjarati. |
56 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-għan li għandu jintlaħaq mill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, jiġifieri l-ħtieġa li jkun hemm konsulenza ta’ prosekutur għad-dispożizzjoni fl-uffiċċju reġjonali tal-EUPM f’Banja Luka, kien jikkorrispondi, mill-perspettiva formali, mal-missjoni tal-EUPM hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/906, jiġifieri l-għajnuna pprovduta lid-dipartimenti ta’ infurzar kompetenti tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Hemm ukoll lok li jiġi spjegat li l-pożizzjoni ta’ Banja Luka, li għaliha r-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid (Criminal Justice Adviser – Prosecutor), identifikata bħala pożizzjoni ROBL‑04, kienet vakanti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 bl-isem Criminal Justice Expert u, skont is-sejħa għal kandidaturi, kellha timtela “kemm jista’ jkun malajr”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti kienu jikkorrispondu mal-profil imfittex. Barra minn hekk, kif jindika l-Kunsill, mill-att ta’ kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ Chief Legal Office jirriżulta li din tal-aħħar iddikjarat li kienet disposta sservi lill-EUPM f’pożizzjoni oħra minbarra dik li kienet tirrigwarda l-kandidatura tagħha. |
57 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-indizji prodotti mir-rikorrenti kif ukoll l-elementi li jinsabu fil-proċess huma preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li huwa probabbli li d-deċiżjonijiet ikkontestati ttieħdu minħabba ċirkustanzi oħra minbarra l-ħtieġa ta’ disponibbiltà tas-servizzi tar-rikorrenti bħala prosekutur f’Banja Luka u li bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha l-Kap tal-EUPM kien qed jipprova jilħaq għan minbarra dak li jgħin lis-servizzi ta’ infurzar tal-liġi kompetenti fil-Bosnja-Ħerzegovina jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. |
58 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti kif ukoll waħda mill-kollegi tagħha, A, informaw lill-ġerarkija tagħhom dwar allegati irregolaritajiet imwettqa fil-ġestjoni tal-EUPM. Din l-ittra ġiet ikkomunikata, fis‑17 ta’ Marzu 2010, lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti, id-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM, liema fatt ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. Fis‑26 ta’ Marzu 2010, lista ta’ irregolaritajiet, imsemmija fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010, ġiet trażmessa mill-assistenta tar-rikorrenti lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM, fil-perspettiva ta’ laqgħa bejn ir-rikorrenti, A u dan tal-aħħar, liema fatt lanqas ma huwa kkontestat mill-Kunsill. Madankollu, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ittieħdet biss tliet ġimgħat wara l-komunikazzjoni tal-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 lis-superjur ġerarkiku tar-rikorrenti u tnax‑il jum wara t-trażmissjoni ta’ lista ta’ irregolaritajiet lill-Kap tal-EUPM. |
59 |
It-tieni nett, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010 ittieħdet qabel ma tmexxiet investigazzjoni dwar il-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti u A fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010. |
60 |
It-tielet nett, mill-proċess jirriżulta li l-laqgħa bejn ir-rikorrenti, A u l-Kap tal-EUPM kienet organizzata għall‑14 ta’ April 2010. Skont ir-rikorrenti din il-laqgħa ma seħħitx – liema allegazzjoni l-Kunsill ma jikkonfutax. |
61 |
Ir-raba’ nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kap tal-EUPM iddeċieda biss fit‑22 ta’ April 2010, wara skambju ta’ korrispondenza bejnu u A, li jiftaħ investigazzjoni interna fuq allegazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fil-posta elettronika tagħha tal‑5 u l‑21 ta’ April 2010. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi spjegat li l-Kap tal-EUPM għamel riferiment f’din id-deċiżjoni, li ġiet prodotta mir-rikorrenti bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni sentenza fl-appell, għal lista trażmessa mid-dipartiment legali (Legal Office). Huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li kien qiegħed isemmi l-lista trażmessa fis‑26 ta’ Marzu 2010 mill-assistenta tar-rikorrenti lill-uffiċċju tal-Kap tal-EUPM (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kap tal-EUPM fakkar, f’din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, it-termini tal-ittra tiegħu tad‑19 ta’ April 2010, li skonthom, fil-posta elettronika tagħha tal‑5 ta’ April 2010, A kienet għamlet allegazzjonijiet serji u mhux issostanzjati kontra d-diriġenza tal-EUPM. Għandu jingħad ukoll li mill-imsemmija ittra tad‑19 ta’ April 2010 prodotta mill-Kunsill bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li l-posta elettronika ta’ A tal‑5 ta’ April 2010 u l-assenza ta’ reazzjoni maniġerjali tar-rikorrenti dwar l-imsemmija posta elettronika, bħala superjur ġerarkiku ta’ A, mill-ġdid ippreġudikaw serjament ir-relazzjonijiet bejn id-Dipartiment Legali u d-Dipartiment ta’ Amministrazzjoni u ta’ Sostenn. |
62 |
Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kap tal-EUPM ikkonferma, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2010, l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka qabel ma jsir magħruf l-eżitu tal-investigazzjoni interna msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq u qabel ma titmexxa investigazzjoni speċifika fuq il-kwistjonijiet imqajma mir-rikorrenti u minn A fl-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010. |
63 |
Is-sitt nett, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2010, il-Kap tal-EUPM xolja l-kuntratt ta’ A minħabba telf ta’ fiduċja. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, wara l-ilment ta’ A, l-Ombudsman ikkonkluda, fid-deċiżjoni tiegħu tal‑4 ta’ Ġunju 2015, li kien jeżisti każ ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman ikkritika l-fatt li l-kuntratt ta’ A kien ġie xolt tmient ijiem wara t-trażmissjoni, minnha, ta’ ittra lid-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ Pjanifikazzjoni u ta’ Kondotta, fil-kapaċità tiegħu fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, bħala Kmandant għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM, dwar l-allegati irregolaritajiet imwettqa fi ħdan l-EUPM. Barra minn hekk, huwa ddeplora l-assenza ta’ qafas iddeterminat minn qabel sabiex jiġu pproċessati d-disfunzjonijiet irrapportati mill-informaturi u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa esprima kritika fir-rigward tal-fatt li, fil-każ inkwistjoni, l-investigazzjoni tmexxiet fuq bażi ad hoc. |
64 |
Is-seba’ nett, id-dokumenti li jinsabu fil-proċess ma jippermettux li jiġi konkluż li, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, il-proċedura ta’ selezzjoni mnedija sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert ma kinitx ipproduċiet riżultati u li kien f’kuntest ta’ nuqqas ta’ kandidati eliġibbli għal din il-pożizzjoni li kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti. |
65 |
Fil-fatt, minn tabella, mhux iddatata, ipprovduta mill-Kunsill wara s-seduta organizzata waqt il-proċedura mwettqa wara l-ewwel rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fost iż-żewġ kandidati li applikaw għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert, kandidat wieħed, ta’ nazzjonalità Taljana, kien eliġibbli, imma ġie skartat minħabba li kandidat ieħor kien jikkorrispondi aħjar għall-profil meħtieġ. Madankollu mill-imsemmija tabella ma jirriżultax li kien jeżisti kandidat ieħor li seta’ jiġi kkunsidrat bħala eliġibbli għall-pożizzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill jindika, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni sentenza fl-appell, li ebda wieħed mill-kandidati li pparteċipaw fil-proċedura ta’ selezzjoni ma kien jikkorrispondi daqs ir-rikorrenti għall-pożizzjoni kkonċernata. |
66 |
Għandu jingħad ukoll li r-rapport tat‑23 ta’ April 2010 indirizzat mill-Kap tal-EUPM lill-Kmandant għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM dwar ir-riżultat ta’ diversi sejħiet għal kandidaturi għall-EUPM, minbarra l-fatt li sar wara d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, jillimita ruħu biex jindika li sitt pożizzjonijiet ma setgħux jimtlew u tlieta minnhom kienu suġġetti għal proroga jew “għal deċiżjonijiet operattivi oħra”. |
67 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-proċedura ma kinitx ipproduċiet riżultati minħabba nuqqas ta’ kandidati xierqa. Fir-realtà, huwa iktar plawżibbli li jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-elementi li jinsabu fil-proċess, li l-imsemmija proċedura ma pproduċietx riżultati inkwantu ġie deċiż li r-rikorrenti tiġi assenjata mill-ġdid fil-pożizzjoni inkwistjoni. |
68 |
Iċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kunsill, jiġifieri li l-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert ma kinitx il-prijorità taż-żewġ kandidati għall-imsemmija pożizzjoni u li dawn intgħażlu għal pożizzjonijiet oħra fi ħdan l-EUPM konformement mal-preferenzi tagħhom, ma humiex tali li jistabbilixxu li l-proċedura ta’ selezzjoni għall-imsemmija pożizzjoni ma kinitx iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. Minkejja li ma jistax jiġi miċħud, fuq il-bażi tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess, li ż-żewġ kandidati inkwistjoni ma għażlux il-post ta’ Criminal Justice Expert bħala l-ewwel prijorità tagħhom, ma huwiex paċifiku, fin-nuqqas ta’ provi insostenn ta’ tali konstatazzjoni, li r-reklutaġġ tal-imsemmija kandidati għal pożizzjonijiet oħra ġie deċiż qabel it-teħid tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kandidat meqjus bħala eliġibbli għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert, il-preferenzi personali tiegħu ma kellhomx ikunu determinanti biex jiġi konkluż li, fid-data ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, ma kienx jeżisti kandidat xieraq biex jokkupa l-imsemmija pożizzjoni. |
69 |
Ulterjorment, il-Kunsill ammetta, waqt is-seduta, li l-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert kienet għadha miftuħa fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka. Sa fejn il-Kunsill sostna li, fis‑7 ta’ April 2010, il-kandidaturi għall-imsemmija pożizzjoni diġà kienu magħrufa, minħabba li d-data limitu għat-tressiq tagħhom kienet it‑23 ta’ Marzu 2010, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li mill-proċess ma jirriżultax li din l-informazzjoni tressqet għall-attenzjoni tal-Kap tal-EUPM qabel ma kien ħa d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. |
70 |
Ċertament, jista’ jkun hemm każijiet fejn assenjazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal għal pożizzjoni oħra tirriżulta li hija neċessarja qabel ma proċedura ta’ selezzjoni tiġi konkluża. Madankollu, il-Kunsill ma pproduċiex elementi li jippermettu li jsiru magħrufa r-raġunijiet għalfejn il-Kap tal-EUPM kien ipproċeda b’dan il-mod f’dan il-każ. Barra minn hekk, is-sejħa għal kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert intbagħtet lill-Istati Membri biss ftit iktar minn xahar qabel id-data tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid inkwistjoni, jiġifieri t‑2 ta’ Marzu 2010, b’data limitu ta’ tressiq ta’ kandidaturi ffissata għat‑23 ta’ Marzu 2010. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-proċedura ta’ selezzjoni ġiet annullata qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. |
71 |
Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kap tal-EUPM missu stenna l-eżitu formali tal-proċedura ta’ selezzjoni mnedija għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Expert qabel ma adotta, skont il-każ, id-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. |
72 |
It-tmien nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kap tal-EUPM ħa d-deċiżjoni li jassenjaha mill-ġdid f’pożizzjoni oħra, tkun liema tkun, fi ħdan l-EUPM hija ssostanzjata, minn tal-inqas indirettament, mill-konteut ta’ skambju ta’ posta elettronika mad-Direttur tal-Unità Politika tal-EUPM, li kien is-superjur ġerarkiku tiegħu, u mal-Kap tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka. Fil-fatt, mit-tweġiba tal-imsemmi direttur għall-posta elettronika tar-rikorrenti tas‑7 ta’ April 2010 jirriżulta li l-pożizzjonijiet disponibbli fil-Bosnja‑Ħerzegovina għall-assenjazzjoni mill-ġdid kienu f’Banja Luka, f’Mostar u f’Tuzla. Barra minn hekk, mit-tweġiba tal-Kap tal-Uffiċċju Reġjonali ta’ Banja Luka għall-posta elettronika tar-rikorrenti tat‑8 ta’ April 2010 jirriżulta li dan ma talabx li jissejjaħ prosekutur ieħor u li ma kellux bżonn urġentement il-preżenza ta’ prosekutur f’Banja Luka. |
73 |
Id-disa’ nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka seħħet kontra r-rieda tagħha. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li hija tqiegħdet f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010. |
74 |
L-għaxar nett, anki jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti minn Sarajevo għal Banja Luka la biddel l-istatus amministrattiv tagħha u lanqas ir-remunerazzjoni u l-allowances tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li din l-assenjazzjoni mill-ġdid, deċiża fis‑7 ta’ April 2010, formalment mid‑19 ta’ April 2010 u fattwalment mis‑26 ta’ April 2010, u għaldaqstant, fuq perijodu qasir, lejn post ieħor li kienet tinvolvi, barra minn hekk, bidla fil-kompiti li kellhom jitwettqu, u mingħajr ma ngħataw spjegazzjonijiet iddettaljat għal din id-deċiżjoni, din kellha tiġi interpretata mir-rikorrenti bħala sanzjoni. |
75 |
Ir-rikorrenti kellha wisq iżjed tieħu din l-impressjoni fir-rigward tal-fatt li l-pożizzjoni li għalija ġiet assenjata mill-ġdid kienet ekwivalenti għal assenjazzjoni mill-ġdid minn pożizzjoni “senior” għal pożizzjoni “non senior”. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-proċess jirriżulta li, fi ħdan l-EUPM, kienu jeżistu pożizzjonijiet fuq diversi livelli, fosthom, minn naħa, pożizzjonijiet kkwalifikati bħala “senior” bħal “Senior Legal Advisor/Legal Counsel”, “Senior Criminal Justice Expert” jew “Senior Economic Crime Expert” u, min-naħa l-oħra, dawk li jikkorrispondu għal livell inferjuri u li jinvolvu inqas responsabbiltajiet, b’mod partikolari ta’ ġestjoni u ta’ koordinazzjoni, bħal “Criminal Justice Expert” jew “Economic Crime Expert”. Konsegwentement ir-rikorrenti setgħet effettivament tipperċepixxi l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha mill-pożizzjoni ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel fil-kwartier ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo, li għaliha hija applikat speċifikament meta kienet qed teżerċita l-funzjonijiet ta’ Criminal Justice Unit Advisor ukoll f’Sarajevo, għall-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor fi ħdan l-uffiċċju reġjonali tal-EUPM ta’ Banja Luka, bħala assenjazzjoni f’pożizzjoni ta’ livell inferjuri li tippreżenta għaliha inqas interess fuq livell professjonali u, għaldaqstant, bħala sanzjoni. |
76 |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li kull uffiċjal li, diġà qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, kien ħa l-inizjattiva li javża lill-ġerarkija tiegħu dwar l-eżistenza ta’ illegalitajiet jew ta’ nuqqasijiet għall-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal li dwarhom huwa kien jaf u li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, diġà kellu d-dritt jibbenefika mill-protezzjoni tal-istituzzjoni li magħha huwa kien impjegat kontra kwalunkwe att ta’ ritaljazzjoni eventwali minħabba dan l-iżvelar kif ukoll li ma jġarrabx preġudizzju minn din l-istituzzjoni sa fejn huwa jkun aġixxa in bona fide (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, Rodriguez Prieto vs Il‑Kummissjoni, T‑61/18, EU:T:2019:217, punt 71). Ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward ta’ membru tal-persunal tal-EUPM, bħar-rikorrenti, li fil-konfront tagħha dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 iktar ’il fuq). |
77 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-kronoloġija tagħhom kif ukoll il-kuntest li fih jidħlu jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-raġuni determinanti għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinitx l-interess tas-servizz li jikkonsisti fil-ħtieġa ta’ disponibbiltà tas-servizzi tar-rikorrenti f’Banja Luka fil-pożizzjoni ta’ Criminal Justice Adviser – Prosecutor, iżda l-fatt li hija ddenunzjat, flimkien ma’ A, allegati irregolaritajiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-EUPM. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter, minħabba li ttieħdu sabiex jintlaħqu finijiet differenti, mhux leġittimi, minn dawk eċċepiti u li għaldaqstant il-Kap tal-EUPM uża l-poteri tiegħu b’għan differenti minn dak li fih ingħatawlu dawn il-poteri. |
78 |
Iċ-ċirkustanza mfakkra mill-Kunsill li l-investigazzjoni mwettqa fuq deċiżjoni tad-Direttur tal-Kapaċità Ċivili u ta’ Kondotta wara ittra minn A (ara l-punt 63 iktar ’il fuq) ma ppermettietx li tiġi skoperta l-eżistenza ta’ irregolaritajiet ma tistax tinvalida l-konklużjoni li tinsab fil-punt 77 iktar’ il fuq. Fil-fatt, ir-riżultat ta’ din l-investigazzjoni hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti kinitx konnessa mal-ittra tas‑17 ta’ Marzu 2010 u kinitx ta’ natura punittiva dovut għall-fatt li hija kienet tenniet allegati irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-EUPM. Barra minn hekk, il-Kunsill f’ebda mument ma sostna li r-rikorrenti ma kinitx aġixxiet in bona fide meta għaddiet l-ittra msemmija lis-superjur ġerarkiku tagħha. |
79 |
Għandu jingħad ukoll li sa fejn il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ddikjarat li kienet disposta sservi lill-EUPM f’pożizzjoni oħra minbarra dik imsemmija l-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Chief Legal Office, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li tali dikjarazzjoni, li tirriżulta effettivament mill-proċess, ma tistax tiġġustifika assenjazzjoni mill-ġdid li ġiet deċiża f’kuntest fejn ġew irrapportati allegati irregolaritajiet imwettqa fi ħdan l-EUPM. Il-fatt li r-rikorrenti setgħet talbet lill-awtoritajiet Taljani biex tiġi mitmuma l-kollokament lanqas ma huwa tali li jikkonferma l-legalità tal-assenjazzjoni mill-ġdid. Minbarra l-fatt li tali possibbiltà sseħħ biss wara l-assenjazzjoni mill-ġdid, din ma tistax tilleġittima miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li hija ta’ natura punittiva jew saħansitra inġusta. |
80 |
Sussegwentement, il-fatt imfakkar mill-Kunsill li l-pożizzjoni ta’ Chief of Legal Office okkupata mir-rikorrenti f’Sarajevo, ingħatat l-isem ġdid ta’ Senior Legal Advisor/Legal Counsel mill‑1 ta’ Jannar 2010 wara r-ristrutturar tal-EUPM ma jippermettix li jiġi stabbilit li ma kienx hemm bżonn is-servizzi tagħha fil-kwartieri ġenerali tal-EUPM f’Sarajevo jew li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati unikament fl-interess tas-servizz. |
81 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill isostni, essenzjalment, li l-allegati skambji orali bejn ir-rikorrenti u l-Assistent Kap tal-EUPM f’April 2010 imsemmija fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas‑17 ta’ Frar 2020 jikkostitwixxu fatti ġodda u ma humiex, għalhekk, ammissibbli, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li tali konverżazzjonijiet diġà ġew invokati, essenzjalment, fir-rikors. |
82 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter għandu jintlaqa’. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tielet u l-ħames motivi kif ukoll fuq il-motivi l-oħra tar-rikorrenti. |
Fuq it-talba għal kumpens
Fuq l-ammissibbiltà
83 |
Il-Kunsill, mingħajr ma formalment iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, isostni fil-kontroreplika li, għat-talba għad-danni ta’ ammont ta’ EUR 8000, ifformolata mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika u intiża bħala kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minnha minħabba l-fatt li, minħabba l-leave tal-mard, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni, hija la talbet u lanqas ma kisbet l-awtorizzazzjoni li twessa’ l-portata tar-rikors tagħha f’dan ir-rigward. |
84 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 76(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tindika t-talbiet tagħha fir-rikors. Għalhekk, bħala prinċipju, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il‑Kummissjoni, 83/63, EU:C:1965:70, p. 785, u tal‑25 ta’ Settembru 1979, Il‑Kummissjoni vs Franza, 232/78, EU:C:1979:215, punt 3). |
85 |
L-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti l-produzzjoni ta’ motivi ġodda sakemm dawn ikunu bbażati fuq provi ta’ liġi u ta’ fatt li ġew żvelati waqt il-proċedura. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tirregola a fortiori kull emenda tat-talbiet u li, fin-nuqqas ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, huma biss it-talbiet tar-rikors li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il‑Kummissjoni, T‑73/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:433, punt 43, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 46). |
86 |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv iddikjarat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, “Pro NGO!” vs Il‑Kummissjoni, T‑454/17, EU:T:2018:755, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li, kif isostni l-Kunsill, it-talba għal kumpens inkwistjoni ma ġietx ifformulata fir-rikors. Madankollu, id-dannu materjali allegatament imġarrab mir-rikorrenti jinsab f’kuntest fattwali li seħħ wara l-preżentata tar-rikors, jiġifieri s‑16 ta’ Ġunju 2010, filwaqt li għandu rabta, skont ir-rikorrenti, mal-atti ta’ fastidju psikoloġiku allegatament imġarrba minn din tal-aħħar fi ħdan l-EUPM u ddikjarati fir-rikors. Minn naħa, ir-rikorrenti tirreferi għal ċertifikati mediċi li ġew wara d-data ta’ preżentata tar-rikors biex tistabbilixxi li hija kienet fuq leave tal-mard mix-xahar ta’ Awwissu 2010, li dan sa tmiem il-kollokament tagħha mal-EUPM, u li dan il-leave tal-mard kellu jiġi attribwit għal episodji ta’ fastidju li allegatament kienet ġarrbet fi ħdanha. Min-naħa l-oħra, hija tibbaża lilha nnifisha fuq posta elettronika ta’ Frar u ta’ Marzu 2011 sabiex tipprova li hija ma setgħetx tibbenefika minn parti mill-allowance tal-missjoni għas-sena 2010 minħabba l-assenza tagħha x-xogħol marbuta mal-leave tal-mard tagħha. Dawn l-elementi żvelaw lilhom infushom matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T-271/10, bejn il-preżentata tar-rikors u r-replika, u ġew invokati mir-rikorrenti fir-replika, li fiha tressqet ukoll it-talba għal kumpens inkwistjoni. |
88 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit ta’ ekonomija proċedurali li r-rikorrenti tiġi obbligata tippreżenta rikors ġdid fir-rigward tat-talba għad-danni li jirrigwardaw il-kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minnha minħabba l-allegat fastidju psikoloġiku li għalih kienet suġġetta. Għaldaqstant, din it-talba hija ammissibbli. |
89 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill isostni li ċerti ċirkustanzi msemmija fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tieni sentenza fl-appell huma ġodda u, għalhekk, inammissibbli, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt imsemmi mill-Kunsill, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, argument ibbażat fuq digriet ta’ qorti Taljana tal‑21 ta’ Jannar 2020 u tipprova tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu morali kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, essenzjalment, fuq ir-reputazzjoni professjonali tagħha. Għal dan il-għan hija tipproduċi d-deċiżjoni inkwistjoni li tordna, b’riżultat tal-ilment tagħha, proċeduri kontra l-awtur ta’ artiklu li ġie ppubblikat f’April 2011. Hija tipproduċi wkoll l-imsemmi artiklu li jirrigwarda, fil-fehma tagħha, il-fatt ta’ din il-kawża u li huwa diffamatorju fil-konfront tagħha. |
90 |
Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jkun għad għandhom l-opportunità jipproduċu jew jipproponu provi ġodda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi jkun ġustifikat. Dawn il-prinċipji huma applikabbli matul din il-proċedura wara annullament u rinviju, peress li din tikkostitwixxi l-estensjoni parzjali tal-istess kawża li kienet bdiet bil-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Kakol vs Il‑Kummissjoni, T‑641/16 RENV u T‑137/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:958, punt 70). |
91 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-digriet prodott mir-rikorrenti bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha tas‑17 ta’ Frar 2020 ma setax jiġi ppreżentat qabel inkwantu dan id-digriet huwa minn Jannar 2020. Għalhekk, fid-dawl tan-natura reċenti ta’ dan id-digriet, il-produzzjoni tiegħu hija ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, Verein Deutsche Sprache vs Il‑Kummissjoni, T‑468/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:207, punt 20). |
92 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-artikolu ppubblikat f’April 2011, ir-rikorrenti ma tinvokax ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw il-produzzjoni tiegħu bħala anness għall-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni sentenza fl-appell u għaldaqstant numru ta’ snin wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi artikolu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-prova għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
Fuq il-mertu
93 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-imġieba illegali tal-EUPM ikkawżatilha dannu. Minn naħa, hija ġarrbet dannu morali li jirriżulta mid-danni kkawżati bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u bit-“tnaqqis fil-grad” tagħha, fuq saħħitha, fuq l-integrità tagħha, fuq id-dinjità tagħha u fuq ir-reputazzjoni professjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, hija ġarrbet dannu morali minħabba l-atti ta’ fastidju mġarrba fi ħdan l-EUPM. F’dan il-kuntest, hija tinvoka d-dannu kkawżat fuq saħħitha. Hija tqis li l-ammont tad-danni għandu jiġi evalwat ex aequo et bono u jammonta għal EUR 30000. Hija tispjega li l-għoti ta’ danni jibqa’ l-uniku mezz li tiġi rrimedjata l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, hija titlob, fir-replika, il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba li, b’riżultat tal-leave tal-mard tagħha, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni. Dan id-dannu jammonta għal EUR 8000. |
94 |
Il-Kunsill josserva li r-rikors ma jinkludi ebda fatt li jirrigwarda l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-integrità tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat għas-saħħa tagħha, huwa jirrileva li r-rikorrenti ma turix li teżisti rabta kawżali bejn l-assenjazzjoni mill-ġdid u l-istat tas-saħħa tagħha. Barra minn hekk huwa jsostni li r-rikorrenti introduċiet elementi ġodda fir-replika li jistrieħu fuq ġrajjiet li kienu seħħew wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha u għalhekk dawn ma jistgħux iservu biex tiġi stabbilita rabta kawżali neċessarja mad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fir-rigward tat-talba għad-danni għal ammont ta’ EUR 8000 huwa jsostni li r-rikorrenti ma stabbilixxietx rabta kawżali dirett u ċert bejn id-dannu kkonċernat u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Huwa jżid li l-ammont tad-danni tal-missjoni ma bidilx bl-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti f’Banja Luka. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-fatt li l-assenza ta’ effett utli ta’ annullament eventwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati jagħti lok għad-dritt għall-kumpens ta’ dannu addizzjonali. |
95 |
Preliminarjament jeħtieġ li jiġi osservat li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti tistrieħ fuq il-qafas tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba allegat aġir illegali tal-korpi tagħha. |
96 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi fis-seħħ ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
97 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet kumpensatorji jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li l-parti rikorrenti setgħet ġarrnet (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
98 |
Madankollu, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta jkun imċaħħad minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u suffiċjenti għal kull dannu morali kkawżat mill-att annullat (sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 83). |
99 |
Issa, f’dan il-każ, peress li l-kollokament tar-rikorrenti ntemm fi tmiem is-sena 2010, u l-mandat tal-EUPM skada fl‑2012, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati huwa nieqes minn kull effett utli u ma jkunx jikkostitwixxi kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti. |
100 |
Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hekk kif ikkonstatat fil-punti 48 sa 82 iktar ’il fuq, tikkorrispondix għal ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi u jekk ir-rikorrenti pprovatx l-eżistenza ta’ dannu marbut ma’ din l-illegalità. |
101 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att legali ma huwiex suffiċjenti, minkejja n-natura deplorevoli li jista’ jkollha din l-illegalità, biex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-illegalità tal-aġir li bih qed jiġu akkużati l-istituzzjonijiet hija sodisfatta (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-kundizzjoni tirrikjedi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Tali ksur jiġi stabbilit meta dan jimplika nuqqas manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni li tinkiser kif ukoll il-livell tal-marġni ta’ diskrezzjoni li d-dispożizzjoni li tinkiser tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
102 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’użu ħażin ta’ poter minħabba li ttieħdu sabiex jintlaħqu għanijiet oħrajn, u mhux leġittimi, minbarra dawk eċċepiti, jiġifieri sabiex ir-rikorrenti tiġi ssanzjonata talli rrapportat, flimkien ma’ waħda mill-kollegi tagħha, allegati irregolaritajiet li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-EUPM. |
103 |
Tali illegalità mwettqa f’kuntest li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali huwa limitat (Ara l-punti 43 u 49 iktar ’il fuq) għandha tiġi kkunsidrata bħala partikolarment gravi u li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju, ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni. |
104 |
Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti biex titqies li ġiet issodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lil membru tal-persunal nazzjonali kkollokat. |
105 |
Barra minn hekk, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod partikolari li b’differenza minn kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni jew mal-korp li minnha huwa jiddependi permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha minħabba ksur tad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 45). Għar-raġunijiet indikati fil-punt 44 iktar ’il fuq, dawn il-prinċipji huma applikabbli mutatis mutandis f’każ bħal dak inkwistjoni. |
106 |
Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk l-illegalità kkonstatata kkawżatx lir-rikorrenti dannu morali reali u ċert, filwaqt li jiġi żgurat, f’dan ir-rigward, li dan id-dannu huwa l-konsegwenza diretta ta’ din l-illegalità (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-produzzjoni ta’ prova ma hijiex neċessarjament meqjusa bħala kundizzjoni tar-rikonoxximent ta’ dannu morali, hija madankollu l-parti rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni kkonċernata kienet tali li tikkawżalha tali preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38). |
107 |
Ir-rikorrenti ssostni li hija ġarrbet dannu morali li rriżulta mid-danni kkawżati, bl-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha, lis-saħħa tagħha, lill-integrità tagħha, lid-dinjità tagħha u lir-reputazzjoni professjonali tagħha. Hija tinvoka wkoll is-sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ ansjetà pprovokati mill-ħtieġa li tirrikorri għar-rimedju ġudizzjarju biex tikseb rikonoxximent tad-drittijiet tagħha. Barra minn hekk hija tfakkar li l-assenjazzjoni mill-ġdid u t-“tnaqqis fil-grad” tagħha kienu l-konsegwenza diretta talli rrapportat l-allegati disfunzjonijiet fi ħdan l-EUPM. |
108 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li assenjazzjoni mill-ġdid minn pożizzjoni “senior” għal pożizzjoni “non senior” li sseħħ f’kuntest fejn jiġu rrapportati allegati disfunzjonijiet u li tiġi ġġudikata illegali minħabba li hija vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter tista’ toħloq fi ħdan il-persuna kkonċernata b’mod partikolari sentimenti ta’ preġudizzju għall-integrità u għad-dinjità, ta’ inġustizzja kif ukoll ta’ ansjetà, b’tali mod li jiġi ġġenerat dannu morali li jagħti lok għal kumpens. Barra minn hekk, tali dannu għandu rabta diretta mal-illegalità li biha huma vvizzjati d-deċiżjonijiet ikkonstatati u din l-illegalità tikkostitwixxi l-kawża determinanti ta’ tali preġudizzju. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata b’ċertifikat mediku tat‑23 ta’ Awwissu 2010 prodott mir-rikorrenti, li minnu jirriżulta b’mod partikolari li l-assenjazzjoni mill-ġdid u ċ-ċirkustanzi madwarha kellhom impatt fuq is-saħħa psikika tagħha. |
109 |
Għalhekk, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-allokazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 30000, evalwat ex æquo et bono, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka mid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
110 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku fil-konfront tagħha, hija tirreferi, lil hinn mill-assenjazzjoni mill-ġdid u tat-“tnaqqis fil-grad” previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, għal att oħra, sew preċedenti, sew sussegwenti għall-imsemmija deċiżjonijiet. Ir-rikorrenti tfakkar bħala indizju ta’ kuntest ta’ fastidju li jippreċedi d-deċiżjonijiet ikkontestati l-esklużjoni tagħha mill-attivitajiet prinċipali tal-EUPM matul il-kollokament tagħha u, bħala indizji sussegwenti għalihom, restrizzjonijiet ta’ aċċess telefoniku għall-kwartieri ġenerali tal-EUPM, posta elettronika “aggressiva ħafna” tistedinha tiżvojta l-uffiċċju tagħha u diffikultajiet mhux ġustifikati biex tikseb leave. Fir-replika, hija tindika atti addizzjonali li hija tikkunsidra li huma atti ta’ fastidju, bħall-annullament parzjali ta’ missjoni, it-tnaqqis tal-ammont ta’ leave tagħha, l-esklużjoni tagħha mill-Kunsill ta’ Koordinazzjoni bejn l-Irġiel u n-Nisa u l-assenza ta’ proroga tal-funzjonijiet tagħha ta’ President tal-Qorti ta’ Arbitraġġ. |
111 |
Jekk jitqies li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati tista’ tiġi kklassifikata fiha nnifisha bħala fastidju psikoloġiku, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li kumpens adegwat għad-dannu morali globali mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’Banja Luka mid-deċiżjonijiet ikkontestati diġà ġie rikonoxxut (ara l-punti 97 sa 109 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, l-effetti negattivi tal-imsemmija deċiżjonijiet fuq is-saħħa mentali tar-rikorrenti ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll. Iċ-ċirkustanzi l-oħra invokati mir-rikorrenti ma jippermettux, fuq il-bażi tal-elementi prodotti, li jiġi stabbilit li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jagħmlu parti minn sensiela ta’ atti ta’ fastidju psikoloġiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħata kumpens supplimentari għad-dannu morali li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku tar-rikorrenti. |
112 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tat-talba intiża għall-kumpens għad-dannu materjali li jammonta għal EUR 8000 allegatament imġarrab mir-rikorrenti għar-raġuni li, minħabba l-leave tal-mard li rriżulta minn fastidju psikoloġiku, hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance tal-missjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill ma tistax tiġi kkonstatata f’dan ir-rigward. |
113 |
Fil-fatt, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex suffiċjentement preċiżi u ċari biex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ġew issodisfatti f’dan il-każ. Iktar preċiżament, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat fastidju psikoloġiku tagħha u l-problemi ta’ saħħa li kaġun tagħhom ħadet il-leave tal-mard li seħħ fil-perijodu li matulu hija ma bbenefikatx mill-allowance tal-missjoni. Sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għal ċertifikat mediku, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, għalkemm dan juri l-eżistenza ta’ “diżordni depressiv” tar-rikorrenti kkawżat mill-fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol, madankollu dan ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-imsemmija diżordni tirriżulta minn fastidju psikoloġiku, filwaqt li, biex jiġi konkluż li jeżisti tali fastidju, l-awtur taċ-ċertifikat neċessarjament ibbaża ruħu esklużivament fuq id-deskrizzjoni li r-rikorrenti tagħtu tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha fi ħdan l-EUPM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 111 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pprovatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jiżvelaw f’kuntest ta’ fastidju psikoloġiku. Ulterjorment, ir-rikorrenti tindika li hija rrifjutat tiffirma dikjarazzjoni dwar it-tkomplija tal-eżerċizzju tas-servizz matul il-kollokament tagħha fejn b’dan il-mod irrinunzjat għall-allowance tal-missjoni mingħajr ma pprovat li hija ma setgħetx tibbenefika mill-allowance inkwistjoni matul il-leave tal-mard tagħha. |
114 |
Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal kumpens għandha tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali kkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati u għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament. |
Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura
115 |
Ir-rikorrenti talbet l-adozzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura bis-saħħa tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991. Permezz ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti rreferiet għall-produzzjoni ta’ ittra allegatament indirizzata mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUPM lill-awtoritajiet Taljani dwar l-assenza inġustifikata tagħha fl-EUPM kif ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti relatati mal-politika tal-EUPM fir-rigward tat-tilqim li kienet fis-seħħ f’Novembru 2009. |
116 |
Sa fejn dawn it-talbiet ma jinkludu ebda indikazzjoni rilevanti li tippermetti li tiġi evalwata l-utilità tagħhom għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, dawn għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
117 |
Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mressqa quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fit-tieni sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza wara r-rinviju u rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mressqa quddiemha, inklużi dawk relatati mal-proċedura dwar it-talba għal miżuri provviżorji u mal-proċedura wara l-ewwel rinviju, kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċeduri ta’ appell fil-Kawżi C‑455/14 P u C‑413/18 P. |
118 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
119 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ jidher li huwa ġustifikat il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha waħda mill-partijiet għandha tbati sehem mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, sehem biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. |
120 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża u b’mod u b’mod partikolari tal-fatt li l-Kunsill tilef, wara diversi istanzi, fir-rigward ta’ għadd essenzjali tat-talbiet tiegħu, hemm lok li dan jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti u minnu nnifsu, relatati ma’ din il-proċedura kif ukoll mal-proċeduri fil-Kawżi T‑271/10, T‑271/10 R, T‑271/10 RENV, C‑455/14 P u C‑413/18 P. Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jiġu miżjuda interessi ta’ 8 % fuq l-ispejjeż jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li tali talba hija prematura u għandha tiġi deċiża, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ intaxxar tal-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Collins Kreuschitz Csehi Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2020. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.