Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CP0149

    Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Kokott - 7 ta’ Lulju 2010.
    Zoi Chatzi vs Ypourgos Oikonomikon.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Dioikitiko Efeteio Thessalonikis - il-Greċja.
    Politika soċjali - Direttiva 96/34/KE - Ftehim qafas fuq il-leave parentali - Interpretazzjoni tal-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas - Benefiċjarju tad-dritt għal-leave parentali - Leave parentali f’każ ta’ twelid ta’ tewmin - Kunċett ta’ "twelid" - Teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ tfal imwielda - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
    Kawża C-149/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08489

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:407

    OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JULIANE KOKOTT

    tas-7 ta’ Lulju 2010(1)

    Kawża C‑149/10

    Zoi Chatzi

    vs

    Ypourgos Oikonomikon

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Efeteio Thessaloníkis, (il‑Greċja)]

    “Direttiva 96/34/KE – Leave parentali – Tul ta’ żmien tal-leave parentali li għandu jingħata fil-każ tat-twelid ta’ tewmin”

    I –    Introduzzjoni

    1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑ftehim qafas fuq il-leave parentali implementat permezz tad-Direttiva 96/34/KE(2).

    2.        Għandu jiġi stabbilit it-tul tal-leave parentali li l-Istati Membri għandhom jagħtu fil-każ tat-twelid ta’ tewmin. Għandu jingħata leave separat għal kull tewmi? Jew ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas jekk it-twelid ta’ tewmin ma jitqiesx bħala differenti mit-twelid ta’ tifel wieħed, u għalhekk jingħata leave parentali wieħed?

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni

    3.        Id-Direttiva 96/34/KE timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-imsieħba soċjali Ewropej (l-Unjoni tal‑Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ min iħaddem fl-Ewropa: UNICE, iċ‑Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi: CEEP, u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions: ETUC), li jinsab fl-anness tad-Direttiva.

    4.        Il-ftehim qafas fuq il-leave parentali huwa intiż sabiex jistabbilixxi r‑rekwiżiti minimi dwar il-leave tal-ġenituri [parentali], għaliex l-imsieħba soċjali Ewropej iqisu dan bħala mezz importanti għall-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa(3).

    5.        Il-ftehim qafas huwa bbażat fuq l-idea li l-Karta Komunitarja dwar id‑drittijiet soċjali fundamentali teżiġi, fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali, li jiġu żviluppati miżuri sabiex jippermettu lill-irġiel u lin-nisa jikkonċiljaw l‑obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familja(4).

    6.        Il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas hija miktuba kif ġej:

    “1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri [parentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

    2. Biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-partijiet għal dan il-ftehim jikkunsidraw li d-dritt għall-leave tal-ġenituri previst taħt il-klawsola 2.1 għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.

    3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:

    a) jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;

    b) jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għall-leave tal-ġenituri għal perijodu ta’ xogħol u /jew ta’ anzjanità fix-xogħol li ma jistax ikun iktar minn sena

    ċ) jaġġustaw l-kondizzjonijiet ta’ aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għaċ-ċirkostanzi speċjali ta’ l‑adozzjoni;

    […]”

    7.        Il-Klawżola 4.1 tal-ftehim qafas tipprovdi li:

    “L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu disposizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan il-ftehim.”

    8.        Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ftehim qafas, il-Klawżola 4.6 tiegħu tipprovdi li:

    “Bla ħsara għar-rwol rispettiv tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.”

    B –    Id-dritt nazzjonali

    9.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE ġew trasposti fid-dritt Grieg għall-impjegati fis-servizz pubbliku permezz tal-Artikolu 53 (intitolat “Faċilitajiet mogħtija lill-uffiċjali li għandhom obbligi tal-familja”) “tal-kodiċi l‑ġdid dwar l‑istatut tal-uffiċjali amministrattivi ċivili u tal-uffiċjali tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku” (Liġi 3528/2007) li jipprovdi li:

    “ […] 2. Il-ħin tax-xogħol ta’ uffiċjal li jkun ġenitur jitnaqqas b’sagħtejn kuljum jekk għandu tfal li għandhom mhux iktar minn sentejn u b’siegħa jekk għandu tfal li għandhom bejn sentejn u erba’ snin. L-uffiċjal li jkun ġenitur għandu dritt għal‑leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur sabiex irabbi l-wild tiegħu, sakemm ma jagħżilx li jaħdem b’sigħat imnaqqsa kif previst fis-sentenza preċedenti. Il-ħin tax‑xogħol imnaqqas imsemmi fl-ewwel sentenza jew il-leave msemmi fis‑sentenza preċedenti tal-ġenitur waħdu, jew li jkun armel, jew iddivorzjat jew li jkollu invalidità ta’ mill-inqas 67 % jiżdied b’sitt xhur jew b’xahar rispettivament. Fil-każ tat-twelid tar-raba’ wild, il-ħin tax-xogħol imnaqqas jiġi mtawwal b’sentejn oħra. […]”

    10.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-għoti tal-leave parentali fil-każ tat-twelid ta’ tewmin mhuwiex irregolat speċifikament mid-dritt nazzjonali.

    III – Fatti u l-proċeduri fil-kawża prinċipali

    11.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Z. Chatzi, hija uffiċjal maċ-ċentru tat‑taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki (il-Greċja). Fil-21 ta’ Mejju 2007, hija welldet tewmin. Dak li kien iħaddimha taha leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur, kif previst mid-dritt Grieg fil-każ tat-twelid ta’ wild, b’effett mill-20 ta’ Settembru 2007.

    12.      Fit-30 ta’ Jannar 2009, Z. Chatzi applikat biex tingħata t-tieni leave parentali mill-1 ta’ Marzu 2009. Hija indikat li fil-każ ta’ twelid ta’ tewmin hija kellha tingħata leave parentali għal kull wieħed minnhom. Din it-talba ġiet irrifjutata fl-14 ta’ Mejju 2009. Z. Chatzi ressqet rikors quddiem id-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis(5), il-qorti tar-rinviju, kontra din id-deċiżjoni.

    13.      Il-qorti tar-rinviju tindika li s-Symvoulio tis Epikrateias(6) jinterpreta d‑dispożizzjoni Griega dwar il-leave parentali fil-każ ta’ aħwa li mhumiex tewmin, bħala li tfisser li l-ġenituri għandhom dritt għal leave parentali ta’ disa’ xhur separat għal kull wieħed mill-aħwa. Żewġ qrati amministrattivi ta’ appell(7) iddeċidew għalhekk li, fil-każ tat-twelid ta’ tewmin ukoll, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fuq dan is-suġġett, kien hemm lok li jingħata dritt distint għal leave parentali għal kull tewmi. Madankollu, il-Kunsill tal-Istat Grieg ma qabilx magħhom f’dan ir-rigward.

    IV – Talba għal deċiżjoni preliminari u proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

    14.      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2010, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    1) Huwa possibbli li jiġi dedott mill-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali, interpretata flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar id-drittijet tat-tfal, kif ukoll mit-titjib fil‑livell tal-ħarsien tal-imsemmija drittijiet miġjub mill-Karta tad-drittijiet fundamentali, li jinħoloq ukoll dritt tat-tifel/tifla għal leave parentali, b’mod li l‑għoti ta’ leave parentali wieħed f’każ ta’ twelid ta’ tewmin jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq it-twelid u minħabba restrizzjoni tad-drittijiet tat-tfal tewmin li mhijiex permessa taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità?:

    2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti: il-kelma “twelid” fil-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali timplika li t-twelid suċċessiv taż-żewġt itfal (tewmin) jagħti lok għall-għoti ta’ dritt doppju għall-ġenituri li jaħdmu u li jingħatalhom il-leave parentali minħabba t-tqala tat-tewmin? Jew timplika li l-leave parentali jingħata għal twelid, irrispettivament min-numru ta’ tfal imwielda mit-tqala, mingħajr ma dan il-fatt jikser l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali?

    15.      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja laqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, kif prevista mill-Artikolu 62(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentata mill-qorti tar-rinviju. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tal-Estonja, il-Gvern Grieg, il-Gvern tal-Polonja, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, u mbagħad osservazzjonijiet orali fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2010. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Ġermanja u dak ta’ Ċipru ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    V –    Evalwazzjoni

    A –    Osservazzjonijiet preliminari

    1.      Il-portata tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16.      Qabel kollox, għandha titqies fil-qasir il-portata tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni. Il‑Gvern Ġermaniż jenfasizza li, għall-interpretazzjoni tal-ftehim qafas, għandu jingħata post ċentrali lir-rieda tal-imsieħba soċjali għaliex, fin-nuqqas ta’ dan, jiġu miksura d-drittijiet ta’ dawn l-imsieħba, kif huma rikoxxuti fl-Artikolu 28 tal‑Karta tad-drittijiet fundamentali u fl-Artikolu 155 TFUE.

    17.      L-idea tal-importanza tal-imsieħba soċjali għall-interpretazzjoni tal-ftehim qafas hija espressa ukoll fil-Klawżola 4.6 ta’ dan il-ftehim. Hemmhekk jingħad li “kull kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.”

    18.      Madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata fil-każ li tali opinjoni tal‑firmatarji tal-ftehim qafas ma teżistix.

    19.      Skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-direttivi meta jsiru talbiet għal deċiżjoni preliminari. Huwa minnu li l-ftehim qafas li huwa riprodott fl-anness tad-Direttiva 96/34 ġie nnegozjat bejn l-imsieħba soċjali, iżda huwa sar, permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/34, parti integrali tad-Direttiva u kiseb l-istess natura ġuridika tagħha(8). B’dan il-mod il-Klawżola 4.6 tal-ftehim qafas tindika b’mod espliċitu li hija tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għar-rwol […] […] tal-Qorti tal-Ġustizzja”. Il-portata tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim qafas mhijiex għaldaqstant differenti mill-kompetenza ġenerali ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizza fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ direttivi. Barra minn hekk, din il-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mid-dritt primarju, ma tistax tiġi purament u sempliċement limitata permezz ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva bħalma hija l-Klawżola 4.6 tal-ftehim qafas.

    2.      Applikabbiltà tad-Direttiva 96/34 għall-uffiċjali

    20.      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll b’mod preliminari, peress li r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali hija uffiċjal, li l-uffiċjali wkoll jistgħu jkunu persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/34 u tal-ftehim qafas li huwa anness magħha.

    21.      Huwa minnu li l-Klawżola 1.2 tal-ftehim qafas tgħid li l-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, u dan jista’ jeskludi lill-uffiċjali. Madankollu la d‑Direttiva u lanqas il-ftehim qafas ma jinkludu elementi li jippermettu l‑kunsiderazzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għall-kuntratti ta’ xogħol konklużi bejn dawk li jħaddmu u impjegati fis-settur privat; għaldaqstant huma japplikaw ukoll għas-settur pubbliku(9). Il-kunċett ta’ ħaddiem li jinsab fl-Artikolu 141 KE (li sar l-Artikolu 157 TFUE, paga ugwali għall‑ħaddiema maskili u femminili) ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod wiesa’, fis-sens li jinkludi wkoll l-uffiċjali(10). Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha fuq l-idea li l-prinċipju ta’ paga ugwali stabbilit hemmhekk huwa parti mill-bażi tal-Komunità u li s-settur pubbliku ma jistax għaldaqstant ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dak li jirrigwarda d-Direttivi 76/207/KEE(11) u 75/117/KEE(12), li dawn huma ta’ portata ġenerali, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali li huma jsemmu(13). Peress li d-Direttiva 96/34 hija intiża, ukoll, sabiex tippromwovi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa(14), it-terminu “ħaddiem” għandu, hawnhekk ukoll, jinftiehem b’mod wiesa’ u jinkludi l-uffiċjali.

    B –    L-ewwel domanda

    22.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tagħtix lit-tfal dritt individwali għal-leave parentali u jekk, għaldaqstant, ir-rifjut tat-tieni leave parentali fil-każ tat-twelid ta’ tewmin jiksirx id-drittijiet tat-tewmin.

    23.      Ġustament, il-partijiet kollha li intervenew fil-proċeduri jissuġġerixxu li r‑risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Ma hemm xejn fit-test tal-ftehim qafas li jippermetti l-konklużjoni li jeżisti dritt individwali tat-tifel. Il‑ftehim qafas jagħti dritt individwali għal-leave parentali biss lill-ġenituri. Dan jirriżulta biċ-ċar mill-kliem tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Jingħad b’mod speċifiku li dritt individwali għal leave parentali huwa mogħti lill-ħaddiema, irġiel u nisa.

    24.      Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata wkoll permezz ta’ approċċ teleoloġiku. Skont il-preambolu u fil-Klawżola 1.1 tal-ftehim qafas, is-sens u l‑għan tal-leave parentali huma li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tax‑xogħol u l-ħajja tal-familja tal-ġenituri ħaddiema, kif ukoll il-promozzjoni tal‑ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Għal dan il-għan, il-ftehim qafas jagħti lill‑ġenituri li jaħdmu dritt individwali għal-leave parentali u jirregola għaldaqstant ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u dawk li jħaddmuhom(15). Barra minn hekk, mhuwiex neċessarju li t-tfal ikunu intitolati personalment għal-leave parentali sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ta’ konċiljazzjoni aħjar bejn il-familja u x-xogħol.

    25.      L-Artikolu 24 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalih, ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni. Huwa jipprovdi li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura neċessarja għall-benessri tagħhom. Dan id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura ma jitlobx madankollu li t-tfal jingħataw dritt proprju għall-kisba ta’ leave parentali mill-ġenituri tagħhom. Biżżejjed li tali dritt ikun tal-ġenituri nfushom, li jiddeċiedu, b’mod definittiv, dwar l-aħjar mod ta’ kif għandhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom u jistgħu jagħżlu li jorganizzaw il-kura u jiggarantixxu l-benessri ta’ dawn b’mod differenti mil-leave parentali.

    C –    It-tieni domanda

    26.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jingħata, abbażi tal-ftehim qafas, dritt proprju għal-leave parentali għal kull wieħed mit-tewmin, jew jekk huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas li t-twelid ta’ tewmin ma jiġix ittrattat b’mod differenti mit-twelid ta’ tifel wieħed u li jiġi previst leave parentali wieħed.

    27.      Din id-domanda tqum ukoll għal twelid ieħor multiplu (triplets, quadruplets eċċ.). Madankollu, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-twelid ta’ tewmin, jien ser inkompli fuq il-bażi ta’ dan il-każ f’dawn il-konklużjonijiet.

    1.      Interpretazzjoni tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas

    28.      Skont il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas, il-ħaddiema, irġiel u nisa, għandhom id-dritt individwali għal-leave tal-ġenituri [parentali] għar-raġuni tat‑twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur”. L-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni huwa fformulat b’mod simili, għaliex jipprovdi b’mod partikolari li “[s]abiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt […] għal-leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla”.

    29.      L-osservazzjonijiet li ġejjin, dwar it-tifsira ta’ din ir-regola, jirrigwardaw biss il-leave parentali ta’ tul minimu ta’ tliet xhur, kif ipprovdut mid-Direttiva. Huwa biss sussegwentement li ser neżamina x’inhuma l-konsegwenzi jekk Stat Membru jipprovdi leave parentali għal perijodu itwal.

    30.      Il-Gvern tar-Renju Unit u dak ta’ Ċipru josservaw bir-raġun li l-użu tas‑singular (“it-twelid […] ta’ tifel jew tifla” “biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb [dan] il-wild”) jissuġġerixxi li d-dritt għal-leave parentali jeżisti separatament għal kull tifel jew tifla(16). Il-ftehim qafas ma jgħidx biss li l-leave parentali għandu jservi sabiex “jieħdu ħsieb il-wild”, iżda jistabbilixxi dritt għal-leave parentali għal kull tifel jew tifla speċifika (“[dan] il-wild”), li mat-twelid tiegħu huwa marbut dan id-dritt. Għaldaqstant għandu jinftiehem li t-twelid ta’ kull wild jagħti lok għal dritt distint għal leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur.

    31.      Għaldaqstant, it-test tal-ftehim qafas jagħti x’jifhem li għandu jitqies li fil‑każ ta’ twelid ta’ tewmin, jeżisti wkoll dritt għal leave parentali distint għal kull tewmi.

    32.      L-idea mressqa mill-partijiet l-oħra li intervenew fil-proċeduri, jiġifieri li d‑dritt għal-leave parentali huwa marbut biss mal-fatt tat-“twelid” indipendentement min-numru tat-tfal li twieldu, mhuwiex konvinċenti. Fil-fehma tiegħi, dan ma jistax isib sostenn fit-test tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Fil-fatt, mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ leave parentali wara twelid, iżda wara t-twelid ta’ “wild”, sabiex il-ġenitur ikun jista’ jieħu ħsieb “[dan] il-wild”. Għaldaqstant it‑test ma jqiegħedx l-enfażi fuq it-twelid iżda fuq il-wild ikkonċernat u jibbaża ruħu fuq il-prinċipju li għandu jingħata leave parentali għal kull wild.

    33.      Din l-interpretazzjoni, jiġifieri li l-Klawżola 2.1 ma tirreferix għat-twelid, indipendentement min-numru tat-tfal imwielda, iżda għat-tfal li ġew imwielda, hija kkonfermata mis-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu(17). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod espliċitu, fir-rigward tal-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva dwar il-leave parentali, li jeżisti dritt għal-leave parentali wkoll fil-każ li l-wild jitwieled qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat id-deċiżjoni tagħha permezz tal-idea li la t-twelid u lanqas id-data tiegħu ma huma l-fatturi deċiżivi sabiex jitnissel id-dritt għal-leave parentali, iżda biss il-preżenza ta’ wild fid-data tal-applikazzjoni(18). Jekk il-kriterju deċiżiv huwa l-wild u mhux it-twelid, ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit il-prinċipju li kull twelid, ikun x’ikun in-numru tat-tfal imwielda, jagħti dritt għal leave parentali wieħed biss. Bil-kontra, għandu jitqies li fil-każ ta’ tewmin jeżistu żewġt itfal, u dan jimplika l-għoti ta’ żewġ drittijiet distinti għal-leave parentali.

    34.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż, f’dan l-istadju tal-eżami, li l-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas, hekk kif hija miktuba, tipprovdi għal dritt għal leave parentali distint għat-twelid ta’ kull wild. Mit-test tal-ftehim qafas ma jistax jiġi konkluż li fil-każ tat-twelid ta’ tewmin jgħodd trattament differenti.

    2.      Interpretazzjoni teleoloġika

    35.      L-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas ma jsostnux restrizzjoni tal‑interpretazzjoni magħmula permezz ta’ analażi letterali.

    36.      L-għan tal-ftehim qafas huwa li jiffaċilita l-konċiljazzjoni tal-ħajja tax‑xogħol u tal-ħajja tal-familja billi l-ġenituri jingħataw il-possibbiltà li jieħdu ħsieb huma nfushom tat-tfal tagħhom mingħajr ma jsofru żvantaġġi mil-lat professjonali(19). Il-ġenituri għandhom jaqdu kemm l-obbligi tax-xogħol kif ukoll ir-responsabbilitajiet tagħhom fil-familja(20). Fil-kuntest tat-tibdil demografiku, dan għandu jkollu wkoll effetti pożittivi fuq ir-rata ta’ twelid(21). Barra minn hekk, il‑leave parentali għandu jiffaċilita l-partiċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja attiva u jippromwovi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa(22).

    37.      L-analiżi letterali twassal għall-konklużjoni li jeżisti dritt separat għal-leave parentali għal kull wieħed mit-tewmin, u din hija partikolarment xierqa għall‑promozzjoni tal-għanijiet tal-ftehim qafas, imfakkra hawn fuq. Dritt għal leave parentali ta’ tliet xhur mogħti separatament għal kull tewmi jgħin lill‑ġenituri li jkollhom kompitu partikolarment eżiġenti li jieħdu ħsieb tewmin sabiex jikkonċiljaw mill-aħjar l-obbligi tax-xogħol tagħhom ma’ dawk tal-familja. Barra minn hekk dan id-dritt jista’ jinkoraġixxi lill-ġenituri li jieħdu ħsieb tewmin – fir-realtà professjonali tal-lum, għadhom fil-biċċa l-kbira n-nisa – sabiex ma jirrinunzjawx għall-attività professjonali tagħhom minħabba l-isfidi li jirriżultaw mit-twelid ta’ tewmin.

    38.      X’uħud mill-partijiet fil-proċeduri jsostnu madankollu li wieħed jieħu ħsieb tewmin fl-istess ħin u li, għal din ir-raġuni, biżżejjed li jingħata leave parentali wieħed lill-ġenituri ta’ tewmin sabiex jiġi rrispettat l-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas.

    39.      Madankollu, dan l-argument ma jistax, finalment, jiġi aċċettat. Interpretazzjoni li tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali kif rikonoxxut mill‑Unjoni tipprojbixxi l-għoti ta’ leave parentali darba waħda biss fil-każ ta’ tewmin.

    40.      Għandu jingħad li, meta wieħed jieħu ħsieb tewmin, jeżisti effett ta’ sinerġija. Madankollu, il-kompitu li timplika l-edukazzjoni ta’ tewmin huwa konsiderevolment ikbar u ma jistax jitqabbel mal-każ ta’ wild wieħed. Peress li huma tal-istess età, bħala prinċipju għandhom l-istess bżonnijiet, iżda dawn il‑bżonnijiet huma, minn naħa, doppji u mhuwiex iggarantit, min-naħa l-oħra, li t‑tewmin ikollhom, pereżempju, dejjem ġuħ jew ngħas fl-istess ħin. Jekk il‑ġenituri ta’ tewmin jingħataw leave parentali wieħed, bħall-ġenituri li għandhom biss wild wieħed kull darba, din id-differenza ma titteħidx inkunsiderazzjoni u għaldaqstant jiġu ttrattati bl-istess mod, u inġustament, sitwazzjonijiet li huma differenti.

    41.      Iż-żewġ eżempji li ġejjin ser juru kif l-għoti ta’ leave parentali wieħed għal tewmin jippreġudika l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    42.      Il-Kummissjoni tosserva ġustament li l-leave parentali, kif jirriżulta mis‑sistema prevista mill-ftehim qafas, ma għandux neċessarjament jittieħed eżattament wara l-leave tal-maternità, iżda jista’ jittieħed iktar tard. Għalhekk il‑Klawżola 2.1 tistabbilixxi, fir-rigward taż-żmien li fih l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal-leave parentali, l-età massima ta’ tmien snin għat-tifel jew tifla. Dan għandu bħala konsegwenza li, fil-każ ta’ aħwa li twieldu suċċessivament, il‑leave parentali mogħti għat-tifel/tifla l-kbir/a jista’ wkoll jittieħed biss wara t‑twelid tat-tieni wild.

    43.      Anki f’din is-sitwazzjoni, il-ġenituri jistgħu jieħdu ħsieb iż-żewġt itfal matul il-leave parentali mogħti għal wieħed minnhom, u l-ftehim qafas ma jipprovdix bażi sabiex jiġi eliminat għal din ir-raġuni l-leave parentali għall-wild l-ieħor. Huwa għal din ir-raġuni li l-argument li wieħed jista’ jieħu ħsieb tewmin fl-istess ħin ma jistax ikollu l-effett li jillimita d-drittijiet eżistenti għal leave parentali wieħed.

    44.      L-eżempju li ġej ukoll iservi ta’ argument kontra l-għoti ta’ leave parentali wieħed għal tewmin. Skont is-sistema prevista mill-ftehim qafas, li jistabbilixxi perijodu massimu ta’ tmien snin li matulu l-leave parentali jista’ jittieħed, il‑ġenituri ta’ aħwa jistgħu jiddeċiedu li jieħdu l-leave parentali għal tifel fi żmien li fih huwa għadu tarbija, u għalhekk jgħixu miegħu b’mod iktar intensiv din il‑fażi tal-iżvilupp tiegħu, iżda li jitolbu l-leave parentali għat-tieni wild fl-istadju, pereżempju, ta’ meta jkun l-iskola sabiex jgħinuh b’mod iktar partikolari. Tali flessibbiltà hija miċħuda lill-ġenituri ta’ tewmin jekk, għal tewmin, jingħataw biss leave parentali wieħed. Dan ukoll jikkostitwixxi nuqqas ta’ trattament ugwali li mhuwiex ammissibbli.

    45.      Il-Gvern Grieg enfasizza fis-seduta li, fil-każ ta’ tewmin, il-bżonn ta’ attenzjoni u kura intensiva jintemm fl-istess żmien u li, għal din ir-raġuni, għandu jingħata leave parentali wieħed. F’dan ir-rigward għandu jingħad li, skont id‑dispożizzjonijiet Griegi, il-leave parentali jista’ jittieħed matul l-ewwel erba’ snin tal-ħajja tal-wild. Il-leġiżlatur Grieg stabbilixxa huwa wkoll, għaldaqstant, perijodu twil ta’ żmien li fih il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li jibdew il-leave parentali. Din il-possibbiltà titneħħilhom fil-każ ta’ tewmin jekk huma jingħataw leave parentali wieħed għal tewmin.

    46.      Għadu jrid jiġi eżaminat argument ieħor, imqajjem mill-Gvern Ġermaniż. Huwa josserva li huwa biss fil-verżjoni riveduta tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali(23) li ġiet prevista regola għas-sitwazzjonijiet partikolari tat-tfal b’diżabbiltà u li jsofru minn mard fit-tul. Il-Klawżola 3.3 ta’ dan it-test tipprovdi, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jaraw li l‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u l-metodi ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu adattati għall-bżonnijiet tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jew li jsofru minn mard fit-tul. Il-fatt li l-verżjoni ġdida tiegħu ma tipprovdix għas-sitwazzjoni partikolari li jirrappreżenta t-twelid mulitiplu jwassal lill-Gvern Ġermaniż għall‑konklużjoni li din is-sitwazzjoni mhijiex irregolata mill-verżjoni antika tad‑Direttiva u lanqas mill-ġdida. Għaldaqstant hija tista’ tiġi rregolata fil-futur mill-imsieħba soċjali.

    47.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, is-silenzju miżmum fuq il‑kwistjoni tat-twelid multiplu fil-ftehim qafas il-ġdid jista’ wkoll jikkostitwixxi argument sabiex wieħed jgħid li t-twelid multiplu jaqa’ taħt ir-regola ġenerali tal‑Klawżola 2.1 tal-verżjoni inizjali tal-ftehim qafas, f’dak li jikkonċerna l-leave parentali, bħalma huwa sostnut hawnhekk. F’dan il-każ, ma jeżisti l-ebda bżonn li tiġi adottata regola speċifika, u s-silenzju tal-verżjoni l-ġdida tal-ftehim qafas tal‑2010 ikun jista’ jintuża insostenn ta’ dan l-argument.

    48.      X’uħud mill-partijiet fil-proċeduri rreferew għal proposta tal‑Kummissjoni(24) dwar emenda tad-Direttiva 92/85/KEE(25) fir-rigward tal‑protezzjoni tal-maternità. L-intenzjoni hija li din tiġi emendata b’tali mod li l‑Istati Membri jkunu obbligati li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, b’mod partikolari, fil-każ ta’ twelid multiplu, jingħata leave ta’ maternità supplimentari. Mill-fatt li, hawnhekk, hija prevista biss estensjoni waħda tal-leave, u mhux l-irduppjar tiegħu, wieħed ma jistax jasal għal konklużjonijiet dwar l‑interpretazzjoni tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali. Fil-fatt, kif il‑Kummissjoni enfassizat ġustament waqt is-seduta, iż-żewġ direttivi għandhom għanijiet differenti. Id-Direttiva dwar il-maternità għandha fuq kollox l-għan li tħares is-saħħa tal-mara(26) filwaqt li d-Direttiva dwar il-leave parentali tikkonċerna ż-żmien u l-attenzjoni li għandhom jingħataw lill-wild bil-għan ta’ konċiljazzjoni bejn il-familja u l-professjoni. Filwaqt li l-ħarsien tas-saħħa tal-mara wara t-twelid ta’ tewmin jista’ jiġi żgurat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ sempliċi estensjoni tal-leave tal-maternità, dan ir-riżultat ma jistax jiġi traspost għall-bżonnijiet inerenti fil-leave parentali, li għandu għanijiet oħra.

    49.      Il-partijiet fil-proċeduri invokaw, barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li leave ggarantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt għal leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt(27). Madankollu, is‑sentenzi inkwistjoni kienu jikkonċernaw perijodi ta’ leave b’għanijiet distinti; pereżempju, fil-kawża Merino Gomez, il-leave tal-maternità u l-leave annwali(28). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ il-leave inkwistjoni mhuwiex ta’ natura differenti wieħed mill-ieħor. Madankollu wieħed jista’ jistaqsi jekk id-drittijiet għal leave inkwistjoni għandhomx għanijiet differenti. Jista’ jiġi sostnut li dritt għal leave huwa intiż għall-kura tal-ewwel tewmi filwaqt li l-ieħor huwa intiż għall-kura tat‑tieni tewmi. Anki f’tali każ, il-perijodi tal-leave jista’ jkollhom għanijiet differenti. Dan ikun jiddependi mill-mod, wiesa’ jew strett, li bih tinftiehem l‑espressjoni “għanijiet differenti”. Madankollu ma jidhirlix li huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni b’mod definittiv dwar jekk il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tistax tiġi applikata għal dan il-każ, għaliex diġà jeżistu biżżejjed argumenti li jwasslu għall-konklużjoni li l-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li dritt għal leave parentali għandu jiġi rikonoxxut għal kull wild, kemm jekk huma tewmin jew le.

    50.      Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata s-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu b’mod liberu l-limiti taż-żmien li fihom jista’ jittieħed il-leave parentali, suġġett għal-limitu ta’ tmien snin previst mill-ftehim qafas. Din is‑setgħa tirriżulta mill-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Fl-aħħar ta’ din id‑dispożizzjoni, fil-verżjoni Ġermaniża jingħad: “Die genauen Bestimmungen sind von den Mitgliedstaaten und/oder Sozialpartnern festzulegen”. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, xħin wieħed jaqra l-verżjoni Ġermaniża, diffiċli li jkun jaf għal xhiex tirreferi din il-frażi. Madankollu dan isir ċar jekk wieħed jirreferi għal verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-ftehim qafas. Dawn jinkludu, wara li jsemmu l‑limitu ta’ età ta’ tmien snin, mhux frażi ġdid iżda klawżola subordinata li tagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu l-limitu ta’ età sabiex jittieħed il-leave parentali(29). Għaldaqstant, dak li għandu jiġi ddefinit preċiżament mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali huwa l-perijodu ta’ żmien li fih għandu jittieħed il-leave parentali fil-limitu ta’ tmien snin.

    51.      Minħabba din is-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu età limitu preċiża li fiha għandu jittieħed il-leave parentali, wieħed jista’ jaħseb li sistema titlob li l‑leave parentali jittieħed esklużivament matul it-tliet xhur wara t-tmiem tal-leave tal-maternità. Fit-teorija, f’dak il-każ ikun jeżisti dritt għal leave parentali separat għal kull tewmi, imma fil-prattika l-ġenituri jkunu jistgħu jgawdu leave parentali wieħed biss, peress li l-leave ikollu jittieħed fl-istess ħin għaż-żewġ tewmin. Fid‑determinazzjoni tal-perijodu li matulu l-leave parentali jista’ jittieħed, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir‑rigward tad-data li tittieħed bħala referenza għall-applikazzjoni tal-leave parentali. Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom ukoll jaraw li ma jippreġudikawx l-effett utli tal-ftehim qafas. Id-definizzjoni konkreta tal-perijodu ta’ applikazzjoni ma għandux, għaldaqstant, bħala riżultat li jipprekludi l-għoti lill-ġenituri ta’ żewġ perijodi ta’ leave parentali separati ta’ tliet xhur għal tewmin.

    52.      F’dan l-istadju, nistgħu nikkonkludu li skont il-ftehim qafas il-ġenituri ta’ tewmin għandhom jingħataw id-dritt għal żewġ perijodi ta’ leave parentali distinti ta’ mill-inqas tliet xhur.

    3.      Leave parentali għal perijodu ta’ żmien itwal mill-minimu mitlub

    53.      L-analiżi preċedenti ġiet ibbażata – kif indikat fl-introduzzjoni – fuq l‑ipoteżi ta’ leave parentali ta’ tliet xhur li jikkorrispondi għall-perijodu minimu stabbilit mill-ftehim qafas.

    54.      Għadu jrid jiġi eżaminat liema huma l-konsegwenzi tal-interpretazzjoni ppreżentata hawn fuq fil-każ fejn Stat Membru jagħti leave parentali ta’ perijodu itwal mill-minimu stabbilit. Fil-fatt, il-perijodi ta’ leave parentali previsti mill‑Istati Membri jvarjaw b’mod konsiderevoli fit-tul tagħhom. Pereżempju, id‑dritt tar-Renju Unit jipprovdi leave parentali ta’ tlettax-il ġimgħa, filwaqt li fid‑dritt Grieg tas-servizz pubbliku, dan il-leave huwa ta’ disa’ xhur, u fi Stati Membri oħrajn huwa ta’ tliet snin (pereżempju, fil-Ġermanja, fi Franza, fil‑Litwanja, fi Spanja u fir-Repubblika Ċeka)(30).

    55.      Tqum għalhemm id-domanda jekk, għal tewmin, hemmx lok li l-leave parentali li huwa previst mid-dritt nazzjonali għal wild wieħed jiġi mmultiplikat bi tnejn.

    56.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ftehim qafas jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi(31). Il-ftehim qafas jeżiġi biss li l-Istat Membru jipprovdi leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur għal kull wild. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti leave parentali itwal, huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dan il-għan. Bħala prinċipju, dan il‑leave iktar ġeneruż mill-preskrizzjonijiet minimi għandu jingħata taħt l-istess kundizzjonijiet lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva, sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata b’mod oġġettiv(32).

    57.      Jekk Stat Membru jistabbilixxi leave parentali itwal, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma testendix biss għall-iffissar ta’ tul ta’ żmien assolut itwal għal kull wild. Meta huwa jiddeċiedi li jagħti leave parentali itwal, l-Istat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi regoli għall-konkorrenza tad-drittijiet għal leave parentali għal tfal differenti. Dan jirriżulta qabel kollox mill-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas, jiġifieri li jippermetti l-konċiljazzjoni aħjar tal-familja u tal-professjoni. Minn dan il-lat, trattament differenti fir-rigward tal-każ ta’ tifel wieħed jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament. Fuq dan il-punt, il-Gvern tar-Renju Unit sostna waqt is‑seduta li fil-każ ta’ leave parentali għal perijodu ta’ żmien itwal, trattament li mhuwiex ugwali jista’ jiġi ġġustifikat, u li dan għandu jiġi evalwat essenzjalment mill-Istati Membri.

    58.      B’mod partikolari, kif osservaw ġustament il-Gvern tal-Estonja u l-Gvern Ġermaniż, fil-każ ta’ leave parentali itwal, l-għoti ta’ diversi perijodi sħaħ ta’ leave parentali jista’ jwassal għal perijodu mhux interrott tant twil li l-leave parentali ma jibqax jippromwovi l-għan tiegħu li huwa r-ritorn għall-ħajja tax‑xogħol, u jirrappreżenta saħansitra inkoraġġiment għall-kontra, jew irendi, f’kull każ, dan ir-ritorn bil-wisq iktar diffiċli. F’dan ir-rigward, il-punt 6 tal‑kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jenfasizza wkoll li l-miżuri għall‑konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriżi kif ukoll dawk tal-ħaddiema.

    59.      Barra minn hekk, mhuwiex evidenti li l-oneru partikolari li wieħed jieħu ħsieb tewmin jeżiġi multiplikazzjoni tal-leave parentali ukoll fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprovdi għal perijodu ħafna itwal mill-perijodu minimu ta’ tliet xhur mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Importanza partikolari tista’ għalhekk tingħata lill-fatt li l-edukazzjoni u l-kura li għandhom jingħataw lil tewmin jimplikaw effetti ta’ sinerġija. Iktar ma l-leave parentali li diġà jingħata għal tifel wieħed ikun twil, iktar jiġi assorbit ix-xogħol żejjed ikkawżat mill-attenzjoni u l-kura mogħtija lil tewmin, li diffiċli jkun ikkumpensat permezz tal-perijodu ta’ żmien minimu ta’ tliet xhur.

    60.      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, anki meta Stat Membru jipprovdi għal leave parentali ta’ perijodu ta’ żmien itwal mil-leave minimu tal-ftehim qafas, li huwa ta’ tliet xhur, il-ġenituri għandhom bħala prinċipju dritt għal leave parentali itwal għal kull wieħed mit-tewmin. Madankollu, il-prinċipju tat‑trattament ugwali ma jitlobx li l-leave parentali li jkun itwal mill-perijodu ta’ żmien minimu ta’ tliet xhur jiġi sistematikament mogħti fid-doppju. Bil-kontra, fid-dawl tal-għanijiet tal-ftehim qafas, regoli li jistabbilixxu tnaqqis fiż-żmien jistgħu jkunu ġġustifikati, u jwasslu sabiex id-drittijiet għal leave parentali jkunu għal tul ta’ żmien inqas mil-leave rdoppjat. Fl-evalwazzjoni neċessarja, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tal-ftehim qafas, jiġifieri l‑konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tal-ħajja tax-xogħol.

    61.      Il-leġiżlatur Grieg ma pprovdiex b’mod speċifiku għal tali regola ta’ tnaqqis fil-każ ta’ twelid ta’ tewmin. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, hija tistax tidentifika regola ta’ tnaqqis korrispondenti għall-kriterji indikati. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandha tiġi applikata r-regola bażika li tirriżulta mid-Direttiva, jiġifieri li l-leave parentali jiġi rduppjat.

    VI – Konklużjoni

    62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi kif ġej lid-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis:

    1. Il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 fuq il-leave parentali, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tagħti lit-tfal dritt individwali għal-leave parentali.

    2. Il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 fuq il-leave parentali, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ħaddiema, irġiel u nisa, għandhom dritt individwali għal-leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur għal kull tewmi.

    1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż

    2 ‑ Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal‑ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/34” jew id-“Direttiva leave parentali”). Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplementa l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li [t]ħassar id-Direttiva 96/34/KE għandha tiġi trasposta mhux iktar tard mit-8 ta’ Marzu 2012 u ghaldaqstant ma hijiex applikabbli għal din il-kawża. Barra minn hekk hija ma tinkludix tibdiliet rilevanti għall‑kwistjonijiet imqajma hawnhekk.

    3 – Ara l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas.

    4 – Ara l-punt 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

    5 – Il-qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Thessaloniki.

    6 – Il-Kunsill tal-Istat.

    7 – Dioikitiko Efeteio Athinon u Dioikitiko Efeteio Thessalonikis.

    8 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 58, li tirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi tad-9 ta’ Jannar 2008 f’din il-kawża, punt 87).

    9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 54 et seq), u tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo (C‑180/04, Ġabra p. I‑70251, punt 32).

    10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 31), u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, Ġabra p. I‑12575, punt 60).

    11 – Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall‑impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).

    12 – Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall‑irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

    13 – Is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (248/83, Ġabra p. 1459, punt 16).

    14 – Punti 4 u 7 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas u l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal‑ftehim qafas.

    15 – Is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punt 46).

    16 – Il-verżjoni Ġermaniża tirreferi għal “im Fall der Geburt […] eines Kindes/damit sie sich […] um dieses Kind kümmern können”; il-verżjoni Ingliża: “the birth of a child/to enable them to take care of that child”; il-verżjoni Griega: “λόγω γέννησης ή υιοθεσίας παιδιού/ ώστε να μπορέσουν να ασχοληθούν με το παιδί αυτό”.

    17 – Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 15).

    18 – Ibidem, punt 47.

    19 – Ara l-Klawżola 1.1 tal-ftehim qafas.

    20 – Ara l-punt 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

    21 – Ara l-punt 7 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

    22 – Punti 4 u 7 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas u l-ewwel paragrafu tal-preambolu tal‑ftehim qafas.

    23 – Jinsab fl-anness tad-Dirttiva 2010/18/UE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).

    24 – COM (2008) 637 finali.

    25 – Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-maternità”.

    26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punt 32).

    27 – Is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schulz‑Hoff (C‑350/06 u C‑520/06, Ġabra p. I‑179, punt 26); tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, Ġabra p. I‑2605, punti 32 u 33); Il‑Lussemburgu vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 33), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 56).

    28 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

    29 – Ara, pereżempju, il-verżjoni Franċiża (“[…] au moins trois mois jusqu’à un âge déterminé pouvant aller jusqu'à huit ans, à définir par les États membres et/ou les partenaires sociaux”), il‑verżjoni Ingliża (“[…] for at least three months, until a given age up to 8 years to be defined by Member States and/or management and labour.”) jew dik Griega (“[…] τουλάχιστον επί τρεις μήνες, μέχρι μιας ορισμένης ηλικίας, η οποία μπορεί να φθάσει μέχρι τα 8 έτη και προσδιορίζεται από τα κράτη μέλη ή/και τους κοινωνικούς εταίρους.”).

    30 – Fil-Ġermanja, għal kull wieħed mill-ġenituri, sakemm il-wild ikollu tliet snin magħluqa, fl-Istati Membri l-oħra għaż-żewġ ġenituri b’mod konġunt.

    31 – Ara l-premessa tad-Direttiva 96/34.

    32 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano, tat-18 ta’ Jannar 2005, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punt 49).

    Top

    OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    tas-7 ta’ Lulju 2010 (1)

    Kawża C‑149/10

    Zoi Chatzi

    vs

    Ypourgos Oikonomikon

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Efeteio Thessaloníkis, (il‑Greċja)]

    “Direttiva 96/34/KE – Leave parentali – Tul ta’ żmien tal-leave parentali li għandu jingħata fil-każ tat-twelid ta’ tewmin”

    I –    Introduzzjoni

    1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑ftehim qafas fuq il-leave parentali implementat permezz tad-Direttiva 96/34/KE (2).

    2.        Għandu jiġi stabbilit it-tul tal-leave parentali li l-Istati Membri għandhom jagħtu fil-każ tat-twelid ta’ tewmin. Għandu jingħata leave separat għal kull tewmi? Jew ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas jekk it-twelid ta’ tewmin ma jitqiesx bħala differenti mit-twelid ta’ tifel wieħed, u għalhekk jingħata leave parentali wieħed?

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni

    3.        Id-Direttiva 96/34/KE timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave parentali konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-imsieħba soċjali Ewropej (l-Unjoni tal‑Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ min iħaddem fl-Ewropa: UNICE, iċ‑Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi: CEEP, u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions: ETUC), li jinsab fl-anness tad-Direttiva.

    4.        Il-ftehim qafas fuq il-leave parentali huwa intiż sabiex jistabbilixxi r‑rekwiżiti minimi dwar il-leave tal-ġenituri [parentali], għaliex l-imsieħba soċjali Ewropej iqisu dan bħala mezz importanti għall-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa (3).

    5.        Il-ftehim qafas huwa bbażat fuq l-idea li l-Karta Komunitarja dwar id‑drittijiet soċjali fundamentali teżiġi, fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali, li jiġu żviluppati miżuri sabiex jippermettu lill-irġiel u lin-nisa jikkonċiljaw l‑obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familja (4).

    6.        Il-Klawżola 2 tal-ftehim qafas hija redatta kif ġej:

    “1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri [parentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

    2. Biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-partijiet għal dan il-ftehim jikkunsidraw li d-dritt għall-leave tal-ġenituri previst taħt il-klawsola 2.1 għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.

    3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:

    a) jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;

    b) jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għall-leave tal-ġenituri għal perijodu ta’ xogħol u /jew ta’ anzjanità fix-xogħol li ma jistax ikun iktar minn sena

    ċ) jaġġustaw l-kondizzjonijiet ta’ aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għaċ-ċirkostanzi speċjali ta’ l‑adozzjoni;

    […]”

    7.        Il-Klawżola 4.1 tal-ftehim qafas tipprovdi li:

    “L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu disposizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan il-ftehim.”

    8.        Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ftehim qafas, il-Klawżola 4.6 tiegħu tipprovdi li:

    “Bla ħsara għar-rwol rispettiv tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.”

    B –    Id-dritt nazzjonali

    9.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE ġew trasposti fid-dritt Grieg għall-impjegati fis-servizz pubbliku permezz tal-Artikolu 53 (intitolat “Faċilitajiet mogħtija lill-uffiċjali li għandhom obbligi tal-familja”) “tal-kodiċi l‑ġdid dwar l‑istatut tal-uffiċjali amministrattivi ċivili u tal-uffiċjali tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku” (Liġi 3528/2007) li jipprovdi li:

    “ […] 2. Il-ħin tax-xogħol ta’ uffiċjal li jkun ġenitur jitnaqqas b’sagħtejn kuljum jekk għandu tfal li għandhom mhux iktar minn sentejn u b’siegħa jekk għandu tfal li għandhom bejn sentejn u erba’ snin. L-uffiċjal li jkun ġenitur għandu dritt għal‑leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur sabiex irabbi l-wild tiegħu, sakemm ma jagħżilx li jaħdem b’sigħat imnaqqsa kif previst fis-sentenza preċedenti. Il-ħin tax‑xogħol imnaqqas imsemmi fl-ewwel sentenza jew il-leave msemmi fis‑sentenza preċedenti tal-ġenitur waħdu, jew li jkun armel, jew iddivorzjat jew li jkollu invalidità ta’ mill-inqas 67 % jiżdied b’sitt xhur jew b’xahar rispettivament. Fil-każ tat-twelid tar-raba’ wild, il-ħin tax-xogħol imnaqqas jiġi mtawwal b’sentejn oħra. […]”

    10.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-għoti tal-leave parentali fil-każ tat-twelid ta’ tewmin ma huwiex irregolat speċifikament mid-dritt nazzjonali.

    III – Fatti u l-proċeduri fil-kawża prinċipali

    11.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Z. Chatzi, hija uffiċjal maċ-ċentru tat‑taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki (il-Greċja). Fil-21 ta’ Mejju 2007, hija welldet tewmin. Dak li kien jimpjegha taha leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur, kif previst mid-dritt Grieg fil-każ tat-twelid ta’ wild, b’effett mill-20 ta’ Settembru 2007.

    12.      Fit-30 ta’ Jannar 2009, Z. Chatzi applikat biex tingħata t-tieni leave parentali mill-1 ta’ Marzu 2009. Hija indikat li fil-każ ta’ twelid ta’ tewmin hija kellha tingħata leave parentali għal kull wieħed minnhom. Din it-talba ġiet irrifjutata fl-14 ta’ Mejju 2009. Z. Chatzi ressqet rikors quddiem id-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis (5), il-qorti tar-rinviju, kontra din id-deċiżjoni.

    13.      Il-qorti tar-rinviju tindika li s-Symvoulio tis Epikrateias (6) jinterpreta d‑dispożizzjoni Griega dwar il-leave parentali fil-każ ta’ aħwa li ma humiex tewmin, bħala li tfisser li l-ġenituri għandhom dritt għal leave parentali ta’ disa’ xhur separat għal kull wieħed mill-aħwa. Żewġ qrati amministrattivi ta’ appell (7) iddeċidew għalhekk li, fil-każ tat-twelid ta’ tewmin ukoll, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fuq dan is-suġġett, kien hemm lok li jingħata dritt distint għal leave parentali għal kull tewmi. Madankollu, il-Kunsill tal-Istat Grieg ma qabilx magħhom f’dan ir-rigward.

    IV – Talba għal deċiżjoni preliminari u proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

    14.      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2010, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    1) Huwa possibbli li jiġi dedott mill-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali, interpretata flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dwar id-drittijet tat-tfal, kif ukoll mit-titjib fil‑livell tal-ħarsien tal-imsemmija drittijiet miġjub mill-Karta tad-drittijiet fundamentali, li jinħoloq ukoll dritt tat-tifel/tifla għal leave parentali, b’mod li l‑għoti ta’ leave parentali wieħed f’każ ta’ twelid ta’ tewmin jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq it-twelid u minħabba restrizzjoni tad-drittijiet tat-tfal tewmin li mhijiex permessa taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità?:

    2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti: il-kelma “twelid” fil-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali timplika li t-twelid suċċessiv taż-żewġt itfal (tewmin) jagħti lok għall-għoti ta’ dritt doppju għall-ġenituri li jaħdmu u li jingħatalhom il-leave parentali minħabba t-tqala tat-tewmin? Jew timplika li l-leave parentali jingħata għal twelid, irrispettivament min-numru ta’ tfal imwielda mit-tqala, mingħajr ma dan il-fatt jikser l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali?

    15.      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja laqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, kif prevista mill-Artikolu 62(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentata mill-qorti tar-rinviju. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tal-Estonja, il-Gvern Grieg, il-Gvern tal-Polonja, il-Gvern Ċek u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, u mbagħad osservazzjonijiet orali fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2010. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Ġermanja u dak ta’ Ċipru ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    V –    Evalwazzjoni

    A –    Osservazzjonijiet preliminari

    1.      Il-portata tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16.      Qabel kollox, għandha titqies fil-qasir il-portata tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni. Il‑Gvern Ġermaniż jenfasizza li, għall-interpretazzjoni tal-ftehim qafas, għandu jingħata post ċentrali lir-rieda tal-imsieħba soċjali għaliex, fin-nuqqas ta’ dan, jiġu miksura d-drittijiet ta’ dawn l-imsieħba, kif huma rikoxxuti fl-Artikolu 28 tal‑Karta tad-drittijiet fundamentali u fl-Artikolu 155 TFUE.

    17.      L-idea tal-importanza tal-imsieħba soċjali għall-interpretazzjoni tal-ftehim qafas hija espressa ukoll fil-Klawżola 4.6 ta’ dan il-ftehim. Hemmhekk jingħad li “kull kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.”

    18.      Madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li l-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata fil-każ li tali opinjoni tal‑firmatarji tal-ftehim qafas ma teżistix.

    19.      Skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-direttivi meta jsiru talbiet għal deċiżjoni preliminari. Huwa minnu li l-ftehim qafas li huwa riprodott fl-anness tad-Direttiva 96/34 ġie nnegozjat bejn l-imsieħba soċjali, iżda huwa sar, permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/34, parti integrali tad-Direttiva u kiseb l-istess natura ġuridika tagħha (8). B’dan il-mod il-Klawżola 4.6 tal-ftehim qafas tindika b’mod espliċitu li hija tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għar-rwol […] […] tal-Qorti tal-Ġustizzja”. Il-portata tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ftehim qafas ma hijiex għaldaqstant differenti mill-kompetenza ġenerali ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizza fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ direttivi. Barra minn hekk, din il-kompetenza ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta mid-dritt primarju, ma tistax tiġi purament u sempliċement limitata permezz ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva bħalma hija l-Klawżola 4.6 tal-ftehim qafas.

    2.      Applikabbiltà tad-Direttiva 96/34 għall-uffiċjali

    20.      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll b’mod preliminari, peress li r-rikorrenti fil‑kawża prinċipali hija uffiċjal, li l-uffiċjali wkoll jistgħu jkunu persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/34 u tal-ftehim qafas li huwa anness magħha.

    21.      Huwa minnu li l-Klawżola 1.2 tal-ftehim qafas tgħid li l-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, u dan jista’ jeskludi lill-uffiċjali. Madankollu la d‑Direttiva u lanqas il-ftehim qafas ma jinkludu elementi li jippermettu l‑kunsiderazzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għall-kuntratti ta’ xogħol konklużi bejn dawk li jħaddmu u impjegati fis-settur privat; għaldaqstant huma japplikaw ukoll għas-settur pubbliku (9). Il-kunċett ta’ ħaddiem li jinsab fl-Artikolu 141 KE (li sar l-Artikolu 157 TFUE, paga ugwali għall‑ħaddiema maskili u femminili) ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod wiesa’, fis-sens li jinkludi wkoll l-uffiċjali (10). Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha fuq l-idea li l-prinċipju ta’ paga ugwali stabbilit hemmhekk huwa parti mill-bażi tal-Komunità u li s-settur pubbliku ma jistax għaldaqstant ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dak li jirrigwarda d-Direttivi 76/207/KEE (11) u 75/117/KEE (12), li dawn huma ta’ portata ġenerali, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali li huma jsemmu (13). Peress li d-Direttiva 96/34 hija intiża, ukoll, sabiex tippromwovi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa (14), it-terminu “ħaddiem” għandu, hawnhekk ukoll, jinftiehem b’mod wiesa’ u jinkludi l-uffiċjali.

    B –    L-ewwel domanda

    22.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tagħtix lit-tfal dritt individwali għal-leave parentali u jekk, għaldaqstant, ir-rifjut tat-tieni leave parentali fil-każ tat-twelid ta’ tewmin jiksirx id-drittijiet tat-tewmin.

    23.      Ġustament, il-partijiet kollha li intervenew fil-proċeduri jissuġġerixxu li r‑risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Ma hemm xejn fit-test tal-ftehim qafas li jippermetti l-konklużjoni li jeżisti dritt individwali tat-tifel. Il‑ftehim qafas jagħti dritt individwali għal-leave parentali biss lill-ġenituri. Dan jirriżulta biċ-ċar mill-kliem tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Jingħad b’mod speċifiku li dritt individwali għal leave parentali huwa mogħti lill-ħaddiema, irġiel u nisa.

    24.      Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata wkoll permezz ta’ approċċ teleoloġiku. Skont il-preambolu u fil-Klawżola 1.1 tal-ftehim qafas, is-sens u l‑għan tal-leave parentali huma li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja tax‑xogħol u l-ħajja tal-familja tal-ġenituri ħaddiema, kif ukoll il-promozzjoni tal‑ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Għal dan il-għan, il-ftehim qafas jagħti lill‑ġenituri li jaħdmu dritt individwali għal-leave parentali u jirregola għaldaqstant ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u dawk li jħaddmuhom (15). Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li t-tfal ikunu intitolati personalment għal-leave parentali sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ta’ konċiljazzjoni aħjar bejn il-familja u x-xogħol.

    25.      L-Artikolu 24 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-qorti tar-rinviju tirreferi għalih, ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni. Huwa jipprovdi li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura neċessarja għall-benessri tagħhom. Dan id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura ma jitlobx madankollu li t-tfal jingħataw dritt proprju għall-kisba ta’ leave parentali mill-ġenituri tagħhom. Biżżejjed li tali dritt ikun tal-ġenituri nfushom, li jiddeċiedu, b’mod definittiv, dwar l-aħjar mod ta’ kif għandhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom u jistgħu jagħżlu li jorganizzaw il-kura u jiggarantixxu l-benessri ta’ dawn b’mod differenti mil-leave parentali.

    C –    It-tieni domanda

    26.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jingħata, abbażi tal-ftehim qafas, dritt proprju għal-leave parentali għal kull wieħed mit-tewmin, jew jekk huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas li t-twelid ta’ tewmin ma jiġix ittrattat b’mod differenti mit-twelid ta’ tifel wieħed u li jiġi previst leave parentali wieħed.

    27.      Din id-domanda tqum ukoll għal twelid ieħor multiplu (triplets, quadruplets eċċ.). Madankollu, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-twelid ta’ tewmin, jien ser inkompli fuq il-bażi ta’ dan il-każ f’dawn il-konklużjonijiet.

    1.      Interpretazzjoni tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas

    28.      Skont il-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas, il-ħaddiema, irġiel u nisa, għandhom id-dritt individwali għal-leave tal-ġenituri [parentali] għar-raġuni tat‑twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur”. L-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni huwa fformulat b’mod simili, għaliex jipprovdi b’mod partikolari li “[s]abiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt […] għal-leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla”.

    29.      L-osservazzjonijiet li ġejjin, dwar it-tifsira ta’ din ir-regola, jirrigwardaw biss il-leave parentali ta’ tul minimu ta’ tliet xhur, kif ipprovdut mid-Direttiva. Huwa biss sussegwentement li ser neżamina x’inhuma l-konsegwenzi jekk Stat Membru jipprovdi leave parentali għal perijodu itwal.

    30.      Il-Gvern tar-Renju Unit u dak ta’ Ċipru josservaw bir-raġun li l-użu tas‑singular (“it-twelid […] ta’ tifel jew tifla” “biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb [dan] il-wild”) jissuġġerixxi li d-dritt għal-leave parentali jeżisti separatament għal kull tifel jew tifla (16). Il-ftehim qafas ma jgħidx biss li l-leave parentali għandu jservi sabiex “jieħdu ħsieb il-wild”, iżda jistabbilixxi dritt għal-leave parentali għal kull tifel jew tifla speċifika (“[dan] il-wild”), li mat-twelid tiegħu huwa marbut dan id-dritt. Għaldaqstant għandu jinftiehem li t-twelid ta’ kull wild jagħti lok għal dritt distint għal leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur.

    31.      Għaldaqstant, it-test tal-ftehim qafas jagħti x’jifhem li għandu jitqies li fil‑każ ta’ twelid ta’ tewmin, jeżisti wkoll dritt għal leave parentali distint għal kull tewmi.

    32.      L-idea mressqa mill-partijiet l-oħra li intervenew fil-proċeduri, jiġifieri li d‑dritt għal-leave parentali huwa marbut biss mal-fatt tat-“twelid” indipendentement min-numru tat-tfal li twieldu, ma huwiex konvinċenti. Fil-fehma tiegħi, dan ma jistax isib sostenn fit-test tal-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Fil-fatt, ma hijiex sempliċement kwistjoni ta’ leave parentali wara twelid, iżda wara t-twelid ta’ “wild”, sabiex il-ġenitur ikun jista’ jieħu ħsieb “[dan] il-wild”. Għaldaqstant it‑test ma jqiegħedx l-enfażi fuq it-twelid iżda fuq il-wild ikkonċernat u jibbaża ruħu fuq il-prinċipju li għandu jingħata leave parentali għal kull wild.

    33.      Din l-interpretazzjoni, jiġifieri li l-Klawżola 2.1 ma tirreferix għat-twelid, indipendentement min-numru tat-tfal imwielda, iżda għat-tfal li ġew imwielda, hija kkonfermata mis-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (17). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod espliċitu, fir-rigward tal-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva dwar il-leave parentali, li jeżisti dritt għal-leave parentali wkoll fil-każ li l-wild jitwieled qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat id-deċiżjoni tagħha permezz tal-idea li la t-twelid u lanqas id-data tiegħu ma huma l-fatturi deċiżivi sabiex jitnissel id-dritt għal-leave parentali, iżda biss il-preżenza ta’ wild fid-data tal-applikazzjoni (18). Jekk il-kriterju deċiżiv huwa l-wild u mhux it-twelid, ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit il-prinċipju li kull twelid, ikun x’ikun in-numru tat-tfal imwielda, jagħti dritt għal leave parentali wieħed biss. Bil-kontra, għandu jitqies li fil-każ ta’ tewmin jeżistu żewġt itfal, u dan jimplika l-għoti ta’ żewġ drittijiet distinti għal-leave parentali.

    34.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż, f’dan l-istadju tal-eżami, li l-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas, hekk kif hija redatta, tipprovdi għal dritt għal leave parentali distint għat-twelid ta’ kull wild. Mit-test tal-ftehim qafas ma jistax jiġi konkluż li fil-każ tat-twelid ta’ tewmin jgħodd trattament differenti.

    2.      Interpretazzjoni teleoloġika

    35.      L-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas ma jsostnux restrizzjoni tal‑interpretazzjoni magħmula permezz ta’ analażi letterali.

    36.      L-għan tal-ftehim qafas huwa li jiffaċilita l-konċiljazzjoni tal-ħajja tax‑xogħol u tal-ħajja tal-familja billi l-ġenituri jingħataw il-possibbiltà li jieħdu ħsieb huma nfushom tat-tfal tagħhom mingħajr ma jsofru żvantaġġi mil-lat professjonali (19). Il-ġenituri għandhom jaqdu kemm l-obbligi tax-xogħol kif ukoll ir-responsabbilitajiet tagħhom fil-familja (20). Fil-kuntest tat-tibdil demografiku, dan għandu jkollu wkoll effetti pożittivi fuq ir-rata ta’ twelid (21). Barra minn hekk, il‑leave parentali għandu jiffaċilita l-partiċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja attiva u jippromwovi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa (22).

    37.      L-analiżi letterali twassal għall-konklużjoni li jeżisti dritt separat għal-leave parentali għal kull wieħed mit-tewmin, u din hija partikolarment xierqa għall‑promozzjoni tal-għanijiet tal-ftehim qafas, imfakkra hawn fuq. Dritt għal leave parentali ta’ tliet xhur mogħti separatament għal kull tewmi jgħin lill‑ġenituri li jkollhom kompitu partikolarment eżiġenti li jieħdu ħsieb tewmin sabiex jikkonċiljaw mill-aħjar l-obbligi tax-xogħol tagħhom ma’ dawk tal-familja. Barra minn hekk dan id-dritt jista’ jinkoraġixxi lill-ġenituri li jieħdu ħsieb tewmin – fir-realtà professjonali tal-lum, għadhom fil-biċċa l-kbira n-nisa – sabiex ma jirrinunzjawx għall-attività professjonali tagħhom minħabba l-isfidi li jirriżultaw mit-twelid ta’ tewmin.

    38.      X’uħud mill-partijiet fil-proċeduri jsostnu madankollu li wieħed jieħu ħsieb tewmin fl-istess ħin u li, għal din ir-raġuni, biżżejjed li jingħata leave parentali wieħed lill-ġenituri ta’ tewmin sabiex jiġi rrispettat l-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas.

    39.      Madankollu, dan l-argument ma jistax, finalment, jiġi aċċettat. Interpretazzjoni li tosserva l-prinċipju tat-trattament ugwali kif rikonoxxut mill‑Unjoni tipprojbixxi l-għoti ta’ leave parentali darba waħda biss fil-każ ta’ tewmin.

    40.      Għandu jingħad li, meta wieħed jieħu ħsieb tewmin, jeżisti effett ta’ sinerġija. Madankollu, il-kompitu li timplika l-edukazzjoni ta’ tewmin huwa konsiderevolment ikbar u ma jistax jitqabbel mal-każ ta’ wild wieħed. Peress li huma tal-istess età, bħala prinċipju għandhom l-istess bżonnijiet, iżda dawn il‑bżonnijiet huma, minn naħa, doppji u ma huwiex iggarantit, min-naħa l-oħra, li t‑tewmin ikollhom, pereżempju, dejjem ġuħ jew ngħas fl-istess ħin. Jekk il‑ġenituri ta’ tewmin jingħataw leave parentali wieħed, bħall-ġenituri li għandhom biss wild wieħed kull darba, din id-differenza ma titteħidx inkunsiderazzjoni u għaldaqstant jiġu ttrattati bl-istess mod, u inġustament, sitwazzjonijiet li huma differenti.

    41.      Iż-żewġ eżempji li ġejjin ser juru kif l-għoti ta’ leave parentali wieħed għal tewmin jippreġudika l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    42.      Il-Kummissjoni tosserva ġustament li l-leave parentali, kif jirriżulta mis‑sistema prevista mill-ftehim qafas, ma għandux neċessarjament jittieħed eżattament wara l-leave tal-maternità, iżda jista’ jittieħed iktar tard. Għalhekk il‑Klawżola 2.1 tistabbilixxi, fir-rigward taż-żmien li fih l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal-leave parentali, l-età massima ta’ tmien snin għat-tifel jew tifla. Dan għandu bħala konsegwenza li, fil-każ ta’ aħwa li twieldu suċċessivament, il‑leave parentali mogħti għat-tifel/tifla l-kbir/a jista’ wkoll jittieħed biss wara t‑twelid tat-tieni wild.

    43.      Anki f’din is-sitwazzjoni, il-ġenituri jistgħu jieħdu ħsieb iż-żewġt itfal matul il-leave parentali mogħti għal wieħed minnhom, u l-ftehim qafas ma jipprovdix bażi sabiex jiġi eliminat għal din ir-raġuni l-leave parentali għall-wild l-ieħor. Huwa għal din ir-raġuni li l-argument li wieħed jista’ jieħu ħsieb tewmin fl-istess ħin ma jistax ikollu l-effett li jillimita d-drittijiet eżistenti għal leave parentali wieħed.

    44.      L-eżempju li ġej ukoll iservi ta’ argument kontra l-għoti ta’ leave parentali wieħed għal tewmin. Skont is-sistema prevista mill-ftehim qafas, li jistabbilixxi perijodu massimu ta’ tmien snin li matulu l-leave parentali jista’ jittieħed, il‑ġenituri ta’ aħwa jistgħu jiddeċiedu li jieħdu l-leave parentali għal tifel fi żmien li fih huwa għadu tarbija, u għalhekk jgħixu miegħu b’mod iktar intensiv din il‑fażi tal-iżvilupp tiegħu, iżda li jitolbu l-leave parentali għat-tieni wild fl-istadju, pereżempju, ta’ meta jkun l-iskola sabiex jgħinuh b’mod iktar partikolari. Tali flessibbiltà hija miċħuda lill-ġenituri ta’ tewmin jekk, għal tewmin, jingħataw biss leave parentali wieħed. Dan ukoll jikkostitwixxi nuqqas ta’ trattament ugwali li ma huwiex ammissibbli.

    45.      Il-Gvern Grieg enfasizza fis-seduta li, fil-każ ta’ tewmin, il-bżonn ta’ attenzjoni u kura intensiva jintemm fl-istess żmien u li, għal din ir-raġuni, għandu jingħata leave parentali wieħed. F’dan ir-rigward għandu jingħad li, skont id‑dispożizzjonijiet Griegi, il-leave parentali jista’ jittieħed matul l-ewwel erba’ snin tal-ħajja tal-wild. Il-leġiżlatur Grieg stabbilixxa huwa wkoll, għaldaqstant, perijodu twil ta’ żmien li fih il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li jibdew il-leave parentali. Din il-possibbiltà titneħħilhom fil-każ ta’ tewmin jekk huma jingħataw leave parentali wieħed għal tewmin.

    46.      Għadu jrid jiġi eżaminat argument ieħor, imqajjem mill-Gvern Ġermaniż. Huwa josserva li huwa biss fil-verżjoni riveduta tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali (23) li ġiet prevista regola għas-sitwazzjonijiet partikolari tat-tfal b’diżabbiltà u li jsofru minn mard fit-tul. Il-Klawżola 3.3 ta’ dan it-test tipprovdi, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jaraw li l‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u l-metodi ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu adattati għall-bżonnijiet tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jew li jsofru minn mard fit-tul. Il-fatt li l-verżjoni ġdida tiegħu ma tipprovdix għas-sitwazzjoni partikolari li jirrappreżenta t-twelid mulitiplu jwassal lill-Gvern Ġermaniż għall‑konklużjoni li din is-sitwazzjoni ma hijiex irregolata mill-verżjoni antika tad‑direttiva u lanqas mill-ġdida. Għaldaqstant hija tista’ tiġi rregolata fil-futur mill-imsieħba soċjali.

    47.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, is-silenzju miżmum fuq il‑kwistjoni tat-twelid multiplu fil-ftehim qafas il-ġdid jista’ wkoll jikkostitwixxi argument sabiex wieħed jgħid li t-twelid multiplu jaqa’ taħt ir-regola ġenerali tal‑Klawżola 2.1 tal-verżjoni inizjali tal-ftehim qafas, f’dak li jikkonċerna l-leave parentali, bħalma huwa sostnut hawnhekk. F’dan il-każ, ma jeżisti l-ebda bżonn li tiġi adottata regola speċifika, u s-silenzju tal-verżjoni l-ġdida tal-ftehim qafas tal‑2010 ikun jista’ jintuża insostenn ta’ dan l-argument.

    48.      X’uħud mill-partijiet fil-proċeduri rreferew għal proposta tal‑Kummissjoni (24) dwar emenda tad-Direttiva 92/85/KEE(25) fir-rigward tal‑protezzjoni tal-maternità. L-intenzjoni hija li din tiġi emendata b’tali mod li l‑Istati Membri jkunu obbligati li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, b’mod partikolari, fil-każ ta’ twelid multiplu, jingħata leave ta’ maternità supplimentari. Mill-fatt li, hawnhekk, hija prevista biss estensjoni waħda tal-leave, u mhux l-irduppjar tiegħu, wieħed ma jistax jasal għal konklużjonijiet dwar l‑interpretazzjoni tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali. Fil-fatt, kif il‑Kummissjoni enfassizat ġustament waqt is-seduta, iż-żewġ direttivi għandhom għanijiet differenti. Id-Direttiva dwar il-maternità għandha fuq kollox l-għan li tħares is-saħħa tal-mara (26) filwaqt li d-Direttiva dwar il-leave parentali tikkonċerna ż-żmien u l-attenzjoni li għandhom jingħataw lill-wild bil-għan ta’ konċiljazzjoni bejn il-familja u l-professjoni. Filwaqt li l-ħarsien tas-saħħa tal-mara wara t-twelid ta’ tewmin jista’ jiġi żgurat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ sempliċi estensjoni tal-leave tal-maternità, dan ir-riżultat ma jistax jiġi traspost għall-bżonnijiet inerenti fil-leave parentali, li għandu għanijiet oħra.

    49.      Il-partijiet fil-proċeduri invokaw, barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li leave ggarantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt għal leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt (27). Madankollu, is‑sentenzi inkwistjoni kienu jikkonċernaw perijodi ta’ leave b’għanijiet distinti; pereżempju, fil-kawża Merino Gomez, il-leave tal-maternità u l-leave annwali (28). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ il-leave inkwistjoni ma huwiex ta’ natura differenti wieħed mill-ieħor. Madankollu wieħed jista’ jistaqsi jekk id-drittijiet għal leave inkwistjoni għandhomx għanijiet differenti. Jista’ jiġi sostnut li dritt għal leave huwa intiż għall-kura tal-ewwel tewmi filwaqt li l-ieħor huwa intiż għall-kura tat‑tieni tewmi. Anki f’tali każ, il-perijodi tal-leave jista’ jkollhom għanijiet differenti. Dan ikun jiddependi mill-mod, wiesa’ jew strett, li bih tinftiehem l‑espressjoni “għanijiet differenti”. Madankollu ma jidhirlix li huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni b’mod definittiv dwar jekk il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tistax tiġi applikata għal dan il-każ, għaliex diġà jeżistu biżżejjed argumenti li jwasslu għall-konklużjoni li l-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li dritt għal leave parentali għandu jiġi rikonoxxut għal kull wild, kemm jekk huma tewmin jew le.

    50.      Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata s-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu b’mod liberu l-limiti taż-żmien li fihom jista’ jittieħed il-leave parentali, suġġett għal-limitu ta’ tmien snin previst mill-ftehim qafas. Din is‑setgħa tirriżulta mill-Klawżola 2.1 tal-ftehim qafas. Fl-aħħar ta’ din id‑dispożizzjoni, fil-verżjoni Ġermaniża jingħad: “Die genauen Bestimmungen sind von den Mitgliedstaaten und/oder Sozialpartnern festzulegen”. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, xħin wieħed jaqra l-verżjoni Ġermaniża, diffiċli li jkun jaf għal xhiex tirreferi din il-frażi. Madankollu dan isir ċar jekk wieħed jirreferi għal verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-ftehim qafas. Dawn jinkludu, wara li jsemmu l‑limitu ta’ età ta’ tmien snin, mhux frażi ġdid iżda klawżola subordinata li tagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu l-limitu ta’ età sabiex jittieħed il-leave parentali (29). Għaldaqstant, dak li għandu jiġi ddefinit preċiżament mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali huwa l-perijodu ta’ żmien li fih għandu jittieħed il-leave parentali fil-limitu ta’ tmien snin.

    51.      Minħabba din is-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu età limitu preċiża li fiha għandu jittieħed il-leave parentali, wieħed jista’ jaħseb li sistema titlob li l‑leave parentali jittieħed esklużivament matul it-tliet xhur wara t-tmiem tal-leave tal-maternità. Fit-teorija, f’dak il-każ ikun jeżisti dritt għal leave parentali separat għal kull tewmi, imma fil-prattika l-ġenituri jkunu jistgħu jgawdu leave parentali wieħed biss, peress li l-leave ikollu jittieħed fl-istess ħin għaż-żewġ tewmin. Fid‑determinazzjoni tal-perijodu li matulu l-leave parentali jista’ jittieħed, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir‑rigward tad-data li tittieħed bħala referenza għall-applikazzjoni tal-leave parentali. Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom ukoll jaraw li ma jippreġudikawx l-effett utli tal-ftehim qafas. Id-definizzjoni konkreta tal-perijodu ta’ applikazzjoni ma għandux, għaldaqstant, bħala riżultat li jipprekludi l-għoti lill-ġenituri ta’ żewġ perijodi ta’ leave parentali separati ta’ tliet xhur għal tewmin.

    52.      F’dan l-istadju, nistgħu nikkonkludu li skont il-ftehim qafas il-ġenituri ta’ tewmin għandhom jingħataw id-dritt għal żewġ perijodi ta’ leave parentali distinti ta’ mill-inqas tliet xhur.

    3.      Leave parentali għal perijodu ta’ żmien itwal mill-minimu mitlub

    53.      L-analiżi preċedenti ġiet ibbażata – kif indikat fl-introduzzjoni – fuq l‑ipoteżi ta’ leave parentali ta’ tliet xhur li jikkorrispondi għall-perijodu minimu stabbilit mill-ftehim qafas.

    54.      Għadu jrid jiġi eżaminat liema huma l-konsegwenzi tal-interpretazzjoni ppreżentata hawn fuq fil-każ fejn Stat Membru jagħti leave parentali ta’ perijodu itwal mill-minimu stabbilit. Fil-fatt, il-perijodi ta’ leave parentali previsti mill‑Istati Membri jvarjaw b’mod konsiderevoli fit-tul tagħhom. Pereżempju, id‑dritt tar-Renju Unit jipprovdi leave parentali ta’ tlettax-il ġimgħa, filwaqt li fid‑dritt Grieg tas-servizz pubbliku, dan il-leave huwa ta’ disa’ xhur, u fi Stati Membri oħrajn huwa ta’ tliet snin (pereżempju, fil-Ġermanja, fi Franza, fil‑Litwanja, fi Spanja u fir-Repubblika Ċeka) (30).

    55.      Tqum għalhemm id-domanda jekk, għal tewmin, hemmx lok li l-leave parentali li huwa previst mid-dritt nazzjonali għal wild wieħed jiġi mmultiplikat bi tnejn.

    56.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ftehim qafas jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi (31). Il-ftehim qafas jeżiġi biss li l-Istat Membru jipprovdi leave parentali ta’ mill-inqas tliet xhur għal kull wild. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti leave parentali itwal, huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dan il-għan. Bħala prinċipju, dan il‑leave iktar ġeneruż mill-preskrizzjonijiet minimi għandu jingħata taħt l-istess kundizzjonijiet lill-persuni kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva, sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata b’mod oġġettiv (32).

    57.      Jekk Stat Membru jistabbilixxi leave parentali itwal, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma testendix biss għall-iffissar ta’ tul ta’ żmien assolut itwal għal kull wild. Meta huwa jiddeċiedi li jagħti leave parentali itwal, l-Istat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi regoli għall-konkorrenza tad-drittijiet għal leave parentali għal tfal differenti. Dan jirriżulta qabel kollox mill-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas, jiġifieri li jippermetti l-konċiljazzjoni aħjar tal-familja u tal-professjoni. Minn dan il-lat, trattament differenti fir-rigward tal-każ ta’ tifel wieħed jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament. Fuq dan il-punt, il-Gvern tar-Renju Unit sostna waqt is‑seduta li fil-każ ta’ leave parentali għal perijodu ta’ żmien itwal, trattament li mhuwiex ugwali jista’ jiġi ġġustifikat, u li dan għandu jiġi evalwat essenzjalment mill-Istati Membri.

    58.      B’mod partikolari, kif osservaw ġustament il-Gvern tal-Estonja u l-Gvern Ġermaniż, fil-każ ta’ leave parentali itwal, l-għoti ta’ diversi perijodi sħaħ ta’ leave parentali jista’ jwassal għal perijodu mhux interrott tant twil li l-leave parentali ma jibqax jippromwovi l-għan tiegħu li huwa r-ritorn għall-ħajja tax‑xogħol, u jirrappreżenta saħansitra inkoraġġiment għall-kontra, jew irendi, f’kull każ, dan ir-ritorn bil-wisq iktar diffiċli. F’dan ir-rigward, il-punt 6 tal‑kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jenfasizza wkoll li l-miżuri għall‑konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-impriżi kif ukoll dawk tal-ħaddiema.

    59.      Barra minn hekk, ma huwiex evidenti li l-oneru partikolari li wieħed jieħu ħsieb tewmin jeżiġi multiplikazzjoni tal-leave parentali ukoll fil-każ li d-dritt nazzjonali jipprovdi għal perijodu ħafna itwal mill-perijodu minimu ta’ tliet xhur mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Importanza partikolari tista’ għalhekk tingħata lill-fatt li l-edukazzjoni u l-kura li għandhom jingħataw lil tewmin jimplikaw effetti ta’ sinerġija. Iktar ma l-leave parentali li diġà jingħata għal tifel wieħed ikun twil, iktar jiġi assorbit ix-xogħol żejjed ikkawżat mill-attenzjoni u l-kura mogħtija lil tewmin, li diffiċli jkun ikkumpensat permezz tal-perijodu ta’ żmien minimu ta’ tliet xhur.