Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CO0258

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tal-4 ta' Marzu 2011.
    Nicuşor Grigore vs Regia Naţională a Pădurilor Romsilva - Direcţia Silvică Bucureşti.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunalul Dâmboviţa - ir-Rumanija.
    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Kunċett ta' "ħin tax-xogħol" - Kunċett ta' "ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa" - Issuġġettar ta' persuna li tieħu ħsieb il-foresti, skont it-termini tal-kuntratt ta' xogħol tagħha u tal-ftehim kollettiv applikabbli, għal ħin flessibbli ta' xogħol ta' 8 sigħat kuljum u ta' 40 siegħa fil-ġimgħa - Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżommha responsabbli għal kull dannu li jkun seħħ fis-sezzjoni tal-foresta li tkun responsabbli minnha - Klassifikazzjoni - Effett tas-sahra fuq ir-remunerazzjoni u l-kumpens finanzjarju tal-persuna kkonċernata.
    Kawża C-258/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:122





    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-4 ta’ Marzu 2011 – Grigore vs Regia Naţională a Pădurilor Romsilva – Direcţia Silvică Bucureşti

    (Kawża C‑258/10)

    “L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE − Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċett ta’ ‛ħin tax-xogħol’ – Kunċett ta’ ‛ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa’ – Issuġġettar ta’ gwardjan forestali, skont it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u tal-ftehim kollettiv applikabbli, għal ħin flessibbli ta’ xogħol ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa − Leġiżlazzjoni nazzjonali li żżommu responsabbli għal kull dannu li jkun seħħ fis-sezzjoni tal-foresta li għaliha jkun responsabbli − Klassifikazzjoni − Effett tas-sahra fuq ir-remunerazzjoni u l-kumpens finanzjarju tal-persuna kkonċernata”

    1.                     Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Ħin tax-xogħol - Kunċett - Gwardjan forestali - Servizz li jinkludi l-obbligu ta’ sorveljanza ta’ sezzjoni tal-foresta għal tmien sigħat kuljum u għal erbgħin siegħa fil-ġimgħa, bl-impenn tar-responsabbiltà tal-gwardjan forestali mingħajr limitazzjoni ta’ ħin għas-sezzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu - Inklużjoni - Kundizzjonijiet - Preżenza fiżika fuq il-post tax-xogħol u disponibbiltà għall-persuna li timpjegaha - Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2, punt 1) (ara l-punt 58 u d-dispożittiv 1)

    2.                     Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Ħin tax-xogħol - Kunċett - Gwardjan forestali - Tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu ta’ akkomodazzjoni għall-persunal - Effett fuq il-kalkolu tal-ħin tax-xogħol - Kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni - Obbligu tal-ħaddiem li jkun fiżikament preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjegah u li jkun disponibbli għaliha hemmhekk - Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2, punt 1) (ara l-punti 64-70 u d-dispożittiv 2)

    3.                     Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa - Gwardjan forestali - Kuntratt ta’ xogħol li jistabbilixxi l-ħin massimu ta’ kull ġimgħa għal erbgħin siegħa - Obbligi legali li jwasslu għat-twettiq tas-sorveljanza ta’ sezzjoni ta’ foresta kemm b’mod permanenti kif ukoll b’mod li jeċċedi l-ħin massimu - Inammissibbiltà - Limiti - Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikoli 6, 17(1)) (ara l-punt 79 u d-dispożittiv 3)

    4.                     Politika soċjali - Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema - Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Kamp ta’ applikazzjoni - Remunerazzjoni - Esklużjoni (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88) (ara l-punti 82-84 u d-dispożittiv 4)

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal Dâmboviţa - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) - Kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-gwardjan forestali huwa responsabbli għad-dannu kollu kkonstatat fis-sezzjoni tal-foresta tiegħu, minkejja li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jipprovdu li huwa jaħdem massimu ta’ tmien sigħat kuljum - Kunċett ta’ “ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa” - Ħin fil-ġimgħa reali li jeċċedi l-ħin fil-ġimgħa massimu legali - Effett fuq ir-remunerazzjoni u l-kumpens finanzjarju tal-persuna kkonċernata.

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu li matulu gwardjan forestali, li skont kif stabbilit fil-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tiegħu huwa ta’ tmien sigħat, għandu jiżgura s-sorveljanza ta’ sezzjoni tal-foresta, billi jkun suġġett għar-responsabbiltà dixxiplinari, patrimonjali, amministrattiva jew kriminali tiegħu, skont il-każ, fir-rigward tad-danni kkonstatati fis-sezzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, indipendentement minn meta jseħħu dawn id-danni, jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss meta n-natura jew il-portata tal-obbligu ta’ sorveljanza li dan il-gwardjan forestali għandu u s-sistema ta’ responsabbiltà li tapplika għalih jeżiġu l-preżenza fiżika tiegħu fuq il-post tax-xogħol u jekk, matul l-imsemmi perijodu, dan għandu jkun disponibbli għall-persuna li timpjegah. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki fattwali u legali neċessarji, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tkun tressqet quddiemha.

    2)

    Il-klassifikazzjoni ta’ perijodu ta’ “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 ma tiddependix fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-persunal fi ħdan is-sezzjoni tal-foresta li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-gwardjan forestali kkonċernat sa fejn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ma jimplikax li dan tal-aħħar jeħtieġ li jkun fiżikament preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjegah u li jkun disponibbli hemmhekk għal persuna li timpjegah sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi neċessarji f’każ ta’ bżonn. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tkun tressqet quddiemha.

    3)

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-prinċipju, sitwazzjoni li fiha, anki jekk il-kuntratt ta’ xogħol ta’ gwardjan forestali jipprovdi li l-ħin tax-xogħol massimu huwa ta’ 8 sigħat kuljum u l-ħin massimu ta’ kull ġimgħa huwa ta’ 40 siegħa, fil-verità dan tal-aħħar jiżgura, skont obbligi legali, is-sorveljanza ta’ sezzjoni tal-foresta li għaliha huwa responsabbli minnha, kemm b’mod permanenti, kif ukoll b’mod li jeċċedi l-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa li huwa previst f’dan l-artikolu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tkun tressqet quddiemha u, skont il-każ, li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 jew fl-Artikolu 22(1) tagħha u li jikkonċernaw il-possibbiltà ta’ deroga mill-imsemmi Artikolu 6, humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.

    4)

    Id-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas is-salarji u l-benefiċċji li jistgħu jitqiesu bħala salarji għall-perijodu li matulu l-gwardjan forestali għandu jiżgura s-sorveljanza tas-sezzjoni tal-foresta li għaliha huwa responsabbli ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

    Top