Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0528

Kawża C-528/10: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 30, 29.1.2011, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/21


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-528/10)

()

2011/C 30/35

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Zavvos u H. Støvlbæk)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex matul l-applikazzjoni tal-ewwel serje għal-linji tal-ferroviji, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) sa (5) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE (1) kif ukoll taħt l-Artikolu 30(1) u l-Artikoli 4 u 30(5) tal-istess direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

i)    Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi sabiex jintaqqsu l-ispejjeż tal-konċessjoni tal-infrastruttura u l-livell tal-ħlasijiet għall-aċċess

Il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni suffiċjenti, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tapplika fil-prattika sistema ta’ inċentivi lill-operaturi tal-infrastruttura sabiex tnaqqas l-ispejjeż tal-konċessjoni tal-infrastruttura u tal-livell tal-ħlasijiet għall-aċċess, u b’hekk kisret l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14/KE.

ii)    Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ sistema għat-titjib fil-prestazzjonijiet

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni suffiċjenti, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi uffiċjalment serje ta’ mekkaniżmi sabiex tiżgura l-funzjonament u l-applikazzjoni ta’ sistema għat-titjib fil-prestazzjonijiet intiża sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun in-nuqqasijiet u ttejjeb il-prestazzjonijiet tan-netwerk ferrovjarju fil-Greċja, u konsegwentement, naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE.

iii)    Nuqqas li jiġi stabbilit korp regolatorju indipendenti, li għandu l-possibbiltà li jimponi sanzjonijiet

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni suffiċjenti, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tiżgura l-istabbiliment ta’ korp regolatorju kompetenti fil-qasam tat-trasport, liema korp ikun indipendenti kemm mill-operaturi tal-infrastruttura, mill-korpi responsabbli għat-tariffi, mill-korpi tat-tqassim u mill-applikanti, fuq livell organizzattiv, ġuridiku, deċiżjonali u fid-deċiżjonijiet finanzjarji tiegħu. B’mod iktar preċiż, il-Kunsill Nazzjonali tal-ferroviji jaġixxi taħt is-superviżjoni tal-Minstru tat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet, li, kif huwa magħruf, jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża ferrovjarja TRAINOSE. Minħabba din is-sitwazzjoni, jista’ jinftiehem faċilment li jeżisti kunfitt ta’ interessi, fid-dawl tal-pożizzjoni tal-impjegati ta’ dawn il-korpi li, bħala membri tal-korp ta’ kontroll, huma marbuta jiżguraw in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni kontra l-kompetituri tal-impriża pubblika ferrovjarja, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-doveri ta’ kontroll tagħhom, l-interessi kummerċjali tal-impriża li hija taħt is-sorveljanza tal-ministru stess. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni suffiċjenti, ir-Repubblika Ellenika naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji tat-tip li jiżguraw li l-korp regolatorju jkun jista’ jimponi sanzjonijiet fil-każ ta’ rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni jew fil-każ ta’ rimedju għal ċerti sitwazzjonijiet. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika ma adottatx id-deċiżjoni li tiddefinixxi n-natura tas-sanzjonijiet, l-ammont tal-multi, kif ukoll il-proċedura sabiex dawn jiġu applikati u rkuprati, li jirrużulta fi ksur tal-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 30(1),(4) u (5) tad-Direttiva 2001/14/KE.


(1)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


Top