Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0608

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
Südzucker AG et vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Agrikoltura — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Indikazzjoni żbaljata tal-esportatur fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-inklużjoni tal-applikant bħala esportatur fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni — Rettifika tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni wara r-rilaxx tal-merkanzija.
Kawżi magħquda C-608/10, C-10/11, C-23/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:444

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Agrikoltura — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Indikazzjoni żbaljata tal-esportatur fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-inklużjoni tal-applikant bħala esportatur fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni — Rettifika tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni wara r-rilaxx tal-merkanzija”

Fil-Kawżi magħquda C-608/10, C-10/11 u C-23/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Novembru 2010, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-24 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll fl-10 u fis-17 ta’ Jannar 2011, fil-kawżi

Südzucker AG (C-608/10),

WEGO Landwirtschaftliche Schlachtstellen GmbH (C-10/11),

Fleischkontor Moksel GmbH (C-23/11)

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Südzucker AG u WEGO Landwirtschaftliche Schlachtstellen GmbH, minn L. Harings u K. Steinke, avukat,

għal Fleischkontor Moksel GmbH, minn S. Schubert, avukat,

għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn T. Peters, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima, B. Burggraaf u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 90/2001, tas-17 ta’ Jannar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 31, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 800/1999”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn Südzucker AG (iktar ’il quddiem “Südzucker”), WEGO Landwirtschaftliche Schlachtstellen GmbH (iktar ’il quddiem “WEGO”) u Fleischkontor Moksel GmbH (iktar ’il quddiem “Moksel”), kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, minn naħa, u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talbiet għar-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament Nru 800/1999 jiddefinixxi l-“esportatur” fis-sens ta’ dan ir-regolament kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

i)

“esportatur” tfisser il-persuna legali jew naturali intitolata għar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura]. Meta liċenzja ta’ l-esportazzjoni b’iffissar minn qabel tar-rifużjoni [ħlas lura] għandha jew tista’ tiġi użata, id-detentur jew, fejn hu xieraq, il-persuna li lilha tkun ġiet trasferita l-liċenzja għandu jkun intitolat għal rifużjonijiet. L-esportatur għall-għanijiet doganali jista’ jkun differenti mill-esportatur skond id-definizzjoni ta’ dan ir-Regolament […]

[...]”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li:

“1.   Ġurnata ta’ l-esportazzjoni’ tfisser il-ġurnata li fiha l-awtoritajiet doganali jaċċettaw id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni li tiddikjara li għandha ssir applikazzjoni għar-rifużjoni [għall-ħlas lura].

[...]

4.   Id-dokument użat fl-esportazzjoni għal kwalifika għar-rifużjonijiet għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja biex jiġu kkalkolati r-rifużjonijiet [...]

[...]

7.   Il-persuni kollha li jesportaw prodotti li għalihom jitolbu rifużjoni għandhom jiġu mitluba li:

a)

jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni lill-uffiċċju kompetenti tad-dwana fil-post fejn il-prodotti għandhom jitgħabbew għat-trasport ta’ l-esportazzjoni;

b)

javżaw lill-uffiċċju tad-dwana ta’ l-anqas 24 siegħa qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet tat-tagħbija u jindikaw it-tul antiċipat tat-tagħbija. [...]

[...]

L-uffiċċju kompetenti doganali għandu jkun jista’ jagħmel il-verifiki fiżiċi u jidentifika l-oġġetti għat-trasport lejn l-uffiċċju tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità.

[...]”

5

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3122/94, tal-20 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi kriterji għall-analiżi ta’ riskji rigward il-prodotti tal-agrikoltura li jirċievu rifużjonijiet [ħlasijiet lura] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 33), jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“L-għan ta’ l-analiżi tar-riskju għandu jkun biex jgħin fl-identifikazzjoni tal-mira ta’ verifiki fiżiċi fuq dawk il-prodotti, individwi u entitajiet legali u setturi li jirrappreżentaw l-akbar riskju. Għandu għalhekk jiddentifika r-riskji involuti u tagħmel assess tal-livell [jevalwa l-livell] ta’ dawk ir-riskji sabiex tippermetti l-għażla ta’ l-oġġetti li għandhom ikunu fiżikament ivverifikati.

Billi […] l-Istati Membri jużaw l-analiżi tar-riskji, jistgħu notevolment jistrieħu fuq ċertu numru ta’ kriterji [minn dawn li ġejjin sabiex] tagħżel id-dikjarazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni relatati ma’ prodotti li għandhom ikunu fiżikament ivverifikati:

[...]

4)

fir-rigward ta’ l-esportaturi:

ir-reputazzjoni u l-affidabbilità tagħhom,

il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom,

id-dehra ta’ esportaturi ġodda,

l-esportazzjoni mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika li hi immedjatament apparenti,

diżgwid preċedenti, partikolarment f’każi ta’ frodi;

[...]”

6

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 145) jipprovdi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament […] Nru 800/1999, id-dikjarazzjoni doganali għandha ssir mid-detentur titolari jew, meta jkun hemm bżonn, minn dak li jirċievi t-trasferiment tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat, jew mir-rappreżentant tagħhom fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 5(2) tar-Regolament […] Nru 2913/92.”

7

Il-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni” kif ġej:

“Deċiżjoni” tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma’ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli; […]”

8

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-kodiċi:

“1.   Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) […] kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma’ l-awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

2.   Din ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun:

diretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra,

jew

indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

[...]

4.   Rappreżentant għandu jiddikjara li qed jaġixxi f’isem il-persuna li jirrappreżenta, jispeċifika jekk ir-rappreżentanza hix diretta jew indiretta u jkollu l-poter li jaġixxi bħala rappreżentant.

Persuna li tonqos milli tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra jew li tiddikjara li qed taġixxi f’isem jew għan-nom ta’ persuna oħra mingħajr ma tkun awtorizzata li tagħmel dan għandha titqies li qed taġixxi f’ismha proprju u għan-nom tagħha stess.

[...]”

9

L-Artikolu 6 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li:

“1.   Fejn persuna titlob li l-aworitajiet doganali jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli doganali dik il-persuna għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti mitluba minn dawk l-awtoritajiet sabiex jieħdu deċiżjoni.

2.   Deċiżjoni bħal dik għandha tittieħed u tiġi notifikata lill-applikant mill-aktar fis possibbli.

Fejn talba għal deċiżjoni ssir bil-miktub, id-deċiżjoni għandha […] tiġi notifikata bil-miktub lill-applikant.

[...]”

10

Skont l-Artikolu 10 tal-istess kodiċi:

“[Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali] huma mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali li jistipulaw li deċiżjonijiet huma invalidi jew isiru nulli u bla effett għal raġunijiet mhux konnessi ma’ leġislazzjoni doganali.”

11

L-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali huwa redatt kif ġej:

“Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:

a)

jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex jippreżenta dokumenti oħra bl-iskop li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni;

b)

jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.”

12

L-Artikolu 73(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“[...] l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew verifikati jew aċċettati mingħajr verfika. [...]”

13

L-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx”, jipprovdi li:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

[...]

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

Id-dritt Ġermaniż

14

Ir-Regolament dwar il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni (Ausfuhrerstattungsverordnung), tal-24 ta’ Mejju 1996 (BGBl. 1996 I, p. 766), kif emendat permezz tal-ewwel Regolament li jemenda tas-27 ta’ Lulju 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1233), jipprovdi, fl-Artikolu 15 tiegħu, intitolat “Applikant u talba”, li:

“Tista’ tippreżenta t-talba għal ħlas lura biss [...]

1.

il-persuna li [...] hija indikata fil-kaxxa Nru 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għal finijiet ta’ ħlasijiet lura jew

2.

il-persuna li ppreżentat id-dikjarazzjoni ta’ ħlas [...]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C-608/10

15

Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tal-31 ta’ Jannar 2005, Südzucker iddikjarat quddiem il-Hauptzollamt Heilbronn (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Heilbronn), li lilu ppreżentat liċenzja ta’ esportazzjoni redatt f’isimha, l-esportazzjoni ta’ zokkor lejn l-Isvizzera. Fil-Kaxxa 2 ta’ din id-dikjarazzjoni, ġiet indikata August Toepfer & Co. KG (iktar ’il quddiem “Toepfer”) bħala“mittent/esportatur”. Fit-talba tagħha ta’ ħlas lura tas-26 ta’ April 2005, Südzucker indikat li Toepfer kienet ġiet indikata bħala esportatur f’din il-kaxxa wara żball involontarju u li kienet hija stess, Südzucker, u mhux Toepfer, li fil-verità kienet l-esportatur ta’ din il-merkanzija.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2005, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas ċaħad it-talba għall-għoti ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni ta’ Südzucker minħabba l-fatt li tali talba, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, kif emendat, imsemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, tista’ tiġi ppreżentata biss mill-persuna mniżżla fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni.

17

Wara proċedura ta’ lment li ma tatx il-frott tagħha, fit-28 ta’ Awwissu 2007 Südzucker ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikseb il-kundanna tal-Hauptzollamt Hamburg-Jonas sabiex tingħata ħlas lura fuq l-esportazzjoni skont it-talba tagħha tas-26 ta’ April 2005. Il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas talab sabiex ir-rikors jiġi miċħud.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-proprjetarju [detentur] ta’ ċertifikat [liċenzja] ta’ esportazzjoni jkollu dritt għal rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni biss jekk jiġi rreġistrat bħala esportatur fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li tkun ġiet ippreżentata quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti (Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999)?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 78(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali […] jawtorizza reviżjoni a posteriori tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni sabiex jiġi emendat l-isem tal-esportatur inkluż fil-[K]axxa 2 ta’ din id-dikjarazzjoni, u l-awtoritajiet doganali huma marbuta, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jirregolarizzaw is-sitwazzjoni u jwettqu rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv:

L-awtoritajiet doganali jistgħu jirregolarizzaw direttament is-sitwazzjoni fis-sens tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali […], jiġifieri jagħtu rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni lill-esportatur mingħajr il-bżonn li tiġi rettifikata minn qabel id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni?”

Kawża C-10/11

19

Fix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 1993, WEGO qiegħdet 956 kaxxa ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat taħt is-sistema ta’ depożitu doganali bil-għan ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, indikattivament bil-għan li ssir esportazzjoni lejn l-Eġittu. Skont it-talba tagħha, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, permezz tad-deċiżjonijiet tas-26 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 1993 ta l-ħlas bil-quddiem ta’ ammont li jikkorrispondi għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li jammonta għal DEM 92764,85.

20

Fis-7 ta’ April 1993, il-kumpannija IKS Versmold, bis-sede tagħha f’Versmold (il-Ġermanja), fuq talba u f’isem WEGO, iddikjarat għall-esportazzjoni għall-Iraq, quddiem il-Hauptzollamt Bielefeld, 833 kaxxa ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat li ġej mill-ħażniet imsemmija iktar ’il fuq, billi ppreżentat il-formola ta’ verifika T 5. F’din il-formola, Westfleisch Vieh- und Fleischzentrale Westfalen eG (iktar ’il quddiem “Westfleisch”), stabbilita f’Münster (il-Ġermanja), tniżżlet bħala “mittent/esportatur”. Westfleisch kienet proprjetarja ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, li tikkonċerna l-esportazzjoni ta’ laħam lejn l-Iraq. Il-Hauptzollamt Bielefeld irrilaxxa l-merkanzija ddikjarata skont it-talba. Fit-8 ta’ April 1993, il-merkanzija ġiet esportata.

21

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 1994, indirizzata lill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas permezz tal-Hauptzollamt Bielefeld, Westfleisch indikat li hija kienet wettqet żball meta meliet il-Kaxxa 2 tal-imsemmija formola u li WEGO kellha tidher fiha. Il-Hauptzollamt Bielefeld aċċetta din ir-rettifika fid-9 ta’ Marzu 1994, liema fatt madankollu ma ġiex ikkomunikat immedjatament lil WEGO. Fis-17 ta’ Marzu 1994, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas illibera l-garanziji pprovduti minn WEGO.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 1997, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas irrikjeda r-rimbors tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni inkwistjoni, u permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2008, huwa ċaħad l-ilment li WEGO kienet ippreżentat kontra din it-talba ta’ ħlas lura. Hija qieset li hija biss il-persuna li tiġi indikata b’isimha bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li tista’ titlob ħlas lura fuq l-esportazzjoni. Ir-rettifika magħmula a posteriori mill-Hauptzollamt Bielefeld ma biddlet xejn, peress li d-dipartiment kompetenti fil-qasam ta’ restituzzjoni ma huwiex marbut mar-rettifika magħmula minn uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni.

23

Kontra din l-aħħar deċiżjoni, fid-29 ta’ Settembru 2008 WEGO ippreżentat rikors quddiem il-qorti ta’ rinviju intiż għall-annullament tat-talba ta’ ħlas lura. Il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas jitlob għaċ-ċaħda tar-rikors.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-uffiċċju doganali prinċipali (il-Hauptzollamt) li huwa responsabbli għall-ħlas tar-restituzzjoni [ħlas lura] huwa marbut b’rettifika a posteriori, li tkun saret mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni, tal-informazzjoni li tkun ġiet inkluża fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni jew fil-kopja ta’ kontroll T 5?”

Kawża C-23/11

25

Permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ ħlas tat-8 ta’ Novembru 2001, Moksel, irrappreżentata minn Nordfrost Kühl- und Lagerhaus GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Nordfrost”), stabbilita fil-Ġermanja, qiegħdet għand il-Hauptzollamt Itzehoe 546 kaxxa ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat taħt is-sistema doganali, bil-għan ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni, bil-għan li ssir esportazzjoni lejn ir-Russja. Skont it-talba tagħha, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2002 ta l-ħlas bil-quddiem ta’ ammont li jikkorrispondi għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li jammonta għal EUR 9 840.95.

26

Fis-27 ta’ Diċembru 2001, Nordfrost, fuq talba u f’isem Fleischkontor Moksel GmbH, (iktar ’il quddiem “Moksel-Regensburg”), stabbilita f’Regensburg (il-Ġermanja), iddikjarat 544 kaxxa ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat għall-esportazzjoni lejn ir-Russja għand il-Hauptzollamt Itzehoe. Fil-Kaxxa 40 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, intitolata “dikjarazzjoni fil-qosor/dokument preċedenti”, isir riferiment għat-tqegħid taħt is-sistema ta’ depożitu doganali bil-għan li jsir ħlas lurari minn Moksel, u fil-Kaxxa 2 ta’ din id-dikjarazzjoni, Moksel-Regensburg hija indikata bħala l-esportatur. Fil-Kaxxa 44 tal-imsemmija dikjarazzjoni, intitolata “riferimenti speċjali/dokumenti prodotti/ċertifikati u awtorizzazzjonijiet”, isir riferiment għal liċenzja ta’ esportazzjoni li huwa f’isem Moksel. Il-Hauptzollamt Itzehoe aċċettat id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni inkwistjoni u l-merkanzija ġiet esportata fit-12 ta’ Jannar 2002.

27

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Lulju 2002, Nordfrost indirizzat ruħha lill-Hauptzollamt Itzehoe sabiex tinformah li r-riferiment għat-tqegħid taħt is-sistema ta’ depożitu doganali bil-għan ta’ ħlas lura f’isem Moksel kien iddaħħal bi żball fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni. Fiha hemm indikat li din l-entrata ġiet iddepożitata f’isem il-kumpannija Moksel u jmissha ġiet irtirata eżattament bl-istess mod. Fl-4 ta’ Lulju 2002, il-Hauptzollamt Itzehoe kkonfermat din ir-“rettifika” tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u, fl-istess jum, bagħtet lill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas “rettifika li tikkonċerna dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni”, li tindika b’mod partikolari “rettifika: qed isir riferiment għall-ittra ta’ rettifika ta’ Nordfrost [...] tal-1 ta’ Lulju 2002”.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2003, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas talab ir-rimbors tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni li kienet tħallset minn qabel lil Moksel, miżjuda bi 15 %, għal ammont ta’ EUR 11 273.84, minħabba l-fatt li Moksel ma kinitx ipproduċiet il-prova, taħt forma ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, tal-fatt li l-prodotti li hija kienet qiegħdet taħt is-sistema ta’ depożitu doganali kienu ħallew it-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi rikonoxxuta bħala prova tal-esportazzjoni, peress li hija kienet ġiet iddepożitata f’isem Moksel-Regensburg.

29

Wara proċedura ta’ lment li ma wasslet għal imkien, Moksel ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas jitlob għaċ-ċaħda tar-rikors.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-detentur ta’ liċenzja tal-esportazzjoni għandu dritt għal rifużjoni [ħlas lura] fuq l-esportazzjoni biss meta huwa rreġistrat bħala esportatur fil-[K]axxa 2 tad dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata fl-uffiċċju doganali kompetenti (Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999)?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-uffiċċju doganali prinċipali (Hauptzollamt) responsabbli mir-rifużjoni [mill-ħlas lura] huwa marbut bir-rettifika li saret sussegwentement, mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni, tar-referenza li tinsab fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

Id-dipartiment kompetenti għar-rifużjoni [ħlas lura] huwa intitolat, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li jinterpreta b’mod litterali r-referenza li tinsab fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u jirrifjuta t-talba għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni minħabba li l-persuna li ressqet it-talba għar-rifużjoni ma huwiex l-esportatur tal-prodotti koperti minn din it-talba, jew inkella għandu l-obbligu, li fejn ikun hemm kunflitt bejn id-deskrizzjoni tal-esportatur fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u d-dokument preċedenti li għalih ssir referenza fil-[K]axxa 40 u/jew id-detentur tal-liċenzja tal-esportazzjoni indikat fil-[K]axxa 44, li jikkonsulta lil min ressaq it-talba għar-rifużjoni fuq dan il-punt u, jekk meħtieġ, jikkoreġi ex officio r-referenza fil-[K]axxa 2 tad-dikjarazzjoni tal esportazzjoni?”

31

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, il-kawżi C-608/10, C-10/11 u C-23/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domandi fil-kawżi C-608/10 u C-23/11

32

Permezz tal-ewwel domandi tagħha fil-kawżi C-608/10 u C-23/11, li huma redatti bi kliem identiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għandux dritt għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni biss meta jiddaħħal bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ddepożitata għand l-uffiċċju doganali kompetenti.

33

Sabiex tingħata risposta utli għal dawn id-domandi, għandu jiġi kkjarifikat, inizjalment, il-punt dwar liema operatur għandu jiġi kkunsidrat bħala l-“esportatur” għall-finijiet tar-Regolament Nru 800/1999. Sussegwentement, ikun meħtieġ li tiġi evalwata r-rilevanza tal-fatt li l-isem tal-esportatur li ġie identifikat issemmiex jew le bħala tali fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

34

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “esportatur” fis-sens tar-Regolament Nru 800/1999, għandu jiġi osservat li dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(i) ta’ dan ir-regolament bħala “tfisser il-persuna legali jew naturali intitolata għar-rifużjonijiet [ħlasijiet lura]”. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-definizzjoni, li ma tikkomporta ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri, għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C-98/07, Ġabra p. I-1307, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament Nru 800/1999 jipprovdi li, “[m]eta liċenzja ta’ l-esportazzjoni b’iffissar minn qabel ta-rifużjoni [tal-ħlas lura] għandha jew tista’ tiġi użata, id-detentur [tal-liċenzja] […] għandu jkun intitolat għal rifużjonijiet [ħlasijiet lura]” u li l-“esportatur għall-għanijiet doganali jista’ jkun differenti mill-esportatur skond id-definizzjoni [tar-Regolament Nru 800/1999]”.

36

Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex tiġi kkunsidrata bħala esportatur fis-sens tar-Regolament Nru 800/1999 ma tiddependix mill-fatt jekk hija tniżżlitx f’kaxxa speċifika tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew le. Fi kliem ieħor, il-persuna li għandha dritt għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni, jiġifieri, jekk ikun il-każ, id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni, għandha tiġi kkunsidrata bħala l-“esportatur” fis-sens tal-imsemmi regolament anki jekk l-isem ta’ persuna oħra jkun tniżżel fl-imsemmija kaxxa, bħal ma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

37

It-tieni nett, skont l-Artikolu 5(7)(a) tar-Regolament Nru 800/1999, sabiex l-esportatur ikun jista’ jippretendi l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, huwa għandu wkoll l-obbligu li “[jippreżenta] dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni lill-uffiċċju kompetenti tad-dwana fil-post fejn il-prodotti għandhom jitgħabbew għat-trasport ta’ l-esportazzjoni”. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1291/2000 jipprovdi espressament li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament […] Nru 800/1999, id-dikjarazzjoni doganali għandha ssir mid-detentur titolari jew, meta jkun hemm bżonn, minn dak li jirċievi t-trasferiment tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat, jew mir-rappreżentant tagħhom fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 5(2) [tal-Kodiċi Doganali]”.

38

Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li fiha, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 800/1999, huwa indikat li għandu jintalab ħlas lura fuq l-esportazzjoni għandha għaldaqstant tiġi ddepożitata mill-esportatur innifsu jew permezz ta’ rappreżentant fis-sens tal-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali. F’dan l-aħħar każ, ir-rappreżentant għandu l-obbligu, skont is-subartikolu 4 ta’ dan l-artikolu, li jiddikjara li huwa qiegħed jaġixxi għall-persuna rrappreżentata.

39

Dan l-obbligu huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura li l-awtoritajiet doganali jistgħu jipproċedu għal analiżi tar-riskju rilevanti meta jiddeċiedu, skont il-każ, jekk humiex ser jipproċedu għal verifika fiżika tal-merkanzija ddikjarata għall-esportazzjoni jew le. Fil-fatt, l-imsemmija analiżi hija marbuta, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3122/94, b’mod partikolari mal-persuna tal-esportatur. Għalhekk, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u sabiex ma tiġix evitata tali analiżi ta’ riskju, hija ta’ natura imperattiva li l-awtoritajiet doganali, fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ikunu informati dwar l-identità vera tal-esportatur.

40

Għalhekk l-esportatur fis-sens tal-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament Nru 800/1999 għandu jkun identifikabbli b’mod ċar permezz tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, fis-sens li ismu għandu jkun imniżżel fil-kaxxa prevista f’dan is-sens. Jekk il-veru esportatur ma jissemmiex, huwa ma jistax, bħala prinċipju, jistenna l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-awtoritajiet doganali ma humiex obbligati jeżaminaw jew saħansitra jinterpretaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni sabiex jivverifikaw jekk ma jirriżultax mid-data kollha li tinsab f’din id-dikjarazzjoni, b’mod partikolari mill-identità tad-detentur tal-liċenżja ta’ esportazzjoni, li l-persuna msemmija bħala esportatur fl-imsemmija dikjarazzjoni ssemmiet bi żball.

42

Fil-fatt, mill-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali moqri flimkien mal-Artikolu 73(1) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li l-awtoritajiet doganali ma għandhomx l-obbligu li jivverifikaw il-kliem li jinsabu fid-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, kif enfasizza ġustament il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, l-esportazzjoni ta’ merkanzija li tibbenefika minn ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni hija ta’ daqs kbir. Għalhekk, meta janalizzaw effettivament ir-riskji marbuta ma’ każ speċifiku ta’ esportazzjoni, jiġifieri meta jiġu informati dwar il-bidu tal-operazzjonijiet ta’ tagħbija skont l-Artikolu 5(7)(b) tar-Regolament Nru 800/1999, l-awtoritajiet doganali ġeneralment ikun għad ma jkollhomx id-dokumenti kollha tal-fajl u jkollhom iwettqu l-analiżi tagħhom ta’ riskju fi żmien qasir ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu li jwettqu eżami fid-dettall tar-riferimenti magħmula f’dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni sabiex jidentifikaw, jekk ikun il-każ, kontradizzjonijiet possibbli bejn dawn ir-riferimenti.

43

Barra minn hekk, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu Südzucker u WEGO waqt is-seduta, l-Artikolu 5(7)(a) tar-Regolament Nru 800/1999 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1291/2000, intiżi sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-verifiki fiżiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali, joħolqu biss obbligi sekondarji, li l-ksur tagħhom jagħti biss lok għal sanzjonijiet inqas gravi minn dawk previsti għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu prinċipali. Bil-kontra, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-verifiki huma neċessarji sabiex l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jistgħu jiġu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Dachsberger & Söhne, C-77/08, Ġabra p. I-2097, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok sabiex ir-risposta għall-ewwel domandi fil-kawżi C-608/10 u C-23/11 tkun li l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għandu dritt għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni biss meta jitniżżel bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ddepożitata f’uffiċċju doganali kompetenti.

Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-608/10

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-kawża C-608/10, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78(1) u (3), tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li wieħed jipproċedi a posteriori għal reviżjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għal finijiet ta’ ħlasijiet lura, sabiex jinbidel isem l-esportatur li jinsab fil-kaxxa prevista f’dan ir-rigward, u li l-awtoritajiet doganali għandhom, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni u li jagħtu lill-esportatur il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 800/1999 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ reviżjoni a posteriori ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, jiġifieri wara r-rilaxx tal-merkanzija. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-esportazzjoni fis-sens ta’ dan ir-regolament hija sistema doganali u li, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi Doganali japplikaw għad-dikjarazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni, bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Nowaco Germany, C-353/04, Ġabra p. I-7357, punti 45 sa 47). Id-dispożizzjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali għaldaqstant hija l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, fir-rigward tal-verifika a posteriori tad-dikjarazzjonijiet.

47

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li l-loġika tagħha tikkonsisti f’li tikkonforma l-proċedura doganali mas-sitwazzjoni reali (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Terex Equipment et, C-430/08 u C-431/08, Ġabra p. I-321, punt 56). Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn żbalji jew nuqqasijiet li huma suġġetti għal korrezzjoni u oħrajn li ma humiex (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C-468/03, Ġabra p. I-8937, punt 63). Għalhekk l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jippermetti, bħala prinċipju, ir-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni sabiex jiġi korrett l-isem tal-esportatur li jinsab fil-Kaxxa 2 ta’ din id-dikjarazzjoni.

48

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-awtoritajiet doganali humiex mhux biss kompetenti sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni u li jagħtu lill-esportatur il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mitluba, iżda jekk humiex ukoll obbligati li jagħmlu dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li, meta d-dikjarant jitlob reviżjoni tad-dikjarazzjoni tiegħu, it-talba tiegħu għandha tiġi eżaminata minn dawn l-awtoritajiet, mill-inqas sabiex ikun magħruf jekk hemmx bżonn li ssir tali reviżjoni jew le, u li t-twettiq ta’ reviżjoni mitluba mid-dikjarant huwa għalhekk suġġett għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet doganali kemm f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tagħha kif ukoll ir-riżultat tagħha (ara s-sentenza Terex Equipment et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant dawn l-awtoritajiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li fil-kuntest ta’ din l-ewwel evalwazzjoni l-awtoritajiet doganali jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jivverifikaw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet li hemm fid-dikjarazzjoni li għandha tiġi riveduta u fit-talba għal reviżjoni. Jekk bħala prinċipju reviżjoni tidher li hija possibbli, l-awtoritajiet doganali għandhom jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew jipproċedu sabiex iwettqu r-reviżjoni mitluba (ara s-sentenza Terex Equipment et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu għandu jingħad ukoll f’dan ir-rigward li s-sempliċi fatt li merkanzija, meta tressqet it-talba intiża għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, tkun diġà ħalliet it-territorju tal-Unjoni u li verifika fiżika ta’ din il-merkanzija qabel l-esportazzjoni tagħha għaldaqstant tkun saret impossibbli, ma jippermettix li jiġi konkluż li reviżjoni tad-dikjarazzjoni inkwistjoni ma hijiex possibbli. Fil-fatt, għalkemm bħala prinċipju huwa indispensabbli, sabiex l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jkunu jistgħu jiġu sodisfatti, li jsiru verifiki fiżiċi fuq parti mill-merkanzija esportata barra mill-Unjoni, hekk kif intqal fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ tali verifika f’każ speċifiku ma jipprekludix neċessarjament il-fatt li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, dawn l-għanijiet jistgħu madankollu jiġu sodisfatti.

51

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk ir-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni turi li l-għanijiet tas-sistema doganali inkwistjoni ma ġewx mhedda, b’mod partikolari għall-fatt li l-merkanzija li hija suġġett tal-imsemmija sistema doganali effettivament ġiet esportata, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, anki jekk bl-aġir tiegħu stess id-dikjarant ikun direttament affettwa l-fakultà tal-awtoritajiet doganali li jwettqu verifiki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Terex Equipment et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 62).

52

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda fil-kawża C-608/10 għandha tkun li l-Artikolu 78(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li wieħed jipproċedi a posteriori għal reviżjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għal finijiet ta’ ħlasijiet lura, sabiex jinbidel l-isem tal-esportatur li jinsab fil-kaxxa prevista f’dan ir-rigward, u li l-awtoritajiet doganali għandhom:

l-ewwel nett jeżaminaw jekk reviżjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata possibbli peress li, b’mod partikolari, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma ġewx mhedda u l-merkanzija inkwistjoni effettivament ġiet esportata, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-applikant, kif ukoll,

it-tieni nett u jekk ikun il-każ, li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda għad-dispożizzjoni tagħhom.

Fuq it-tielet domanda fil-kawża C-608/10

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-kawża C-608/10, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 kif ukoll il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali fejn id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni ma huwiex indikat bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, jistgħu jagħtu lil dan id-detentur il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mingħajr rettifika minn qabel tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-esportatur, hekk kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju ma jistax jippretendi l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni jekk ma jissemmiex fil-kaxxa approprjata tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jirrettifikaw, anki wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni fir-rigward tal-esportatur fil-każ fejn jidher, b’mod partikolari, li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma ġewx mhedda.

55

Issa, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ġustament enfasizzat, huwa neċessarju li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet doganali jirrifletti ruħu effettivament permezz ta’ rettifika fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni. Tali rettifika espliċita hija meħtieġa sabiex jiġi ggarantit żvolġiment trasparenti u f’forma debita u korretta tal-proċedura doganali. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tirriżulta, mill-inqas impliċitament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-54/95, Ġabra p. I-35, punt 77, u d-digriet tat-30 ta’ April 2004, Gouralnik, C-446/02, Ġabra p. I-5841, punt 36).

56

Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda fil-kawża C-608/10 għandha tkun li l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak f’din il-kawża, li fih id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni ma ġiex indikat bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jagħtu lil dan id-detentur il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mingħajr rettifika minn qabel tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

Fuq id-domanda unika fil-kawża C-10/11 u fuq it-tieni domanda fil-kawża C-23/11

57

Permezz tad-domanda unika tagħha fil-kawża C-10/11 u t-tieni domanda tagħha fil-kawża C-23/11, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa marbut b’rettifika magħmula a posteriori, mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, tal-indikazzjoni li tinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew ukoll tal-formola ta’ verifika T 5.

58

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju, hija b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet rettifikattivi inkwistjoni ġewx validament ikkomunikati lill-partijiet li huwa kontenzjuż fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-rettifiki jikkostitwixxux “deċiżjonijiet” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, li jistgħu jorbtu lill-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 800/1999 jew, fir-rigward tal-Kawża C-10/11, il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), u lanqas il-Kodiċi Doganali ma jinkludi leġiżlazzjoni eżawrjenti għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet materjali u formali li deċiżjoni għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi.

60

Fir-rigward tal-Kodiċi Doganali, dan jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni” fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tiegħu, bħala “kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma’ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli”. Mill-aspett formali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi b’mod partikolari li deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata bil-miktub lill-applikant jekk, bħal fil-kawżi prinċipali, it-talba għal deċiżjoni ssir bil-miktub.

61

Madankollu, l-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi Doganali ma jinkludix regola dwar kif għandha ssir il-komunikazzjoni jew, iktar konkretament, dwar kif għandha tiġi kkomunikata d-deċiżjoni bil-miktub lill-applikant u lanqas, b’mod partikolari, dwar il-punt jekk deċiżjoni li ma ġietx ikkomunikata lill-applikant f’forma debita u korrenta tibqax, minħabba f’hekk, mingħajr effetti ġuridiċi.

62

Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi espressament li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi li jikkonċernaw l-annullament, ir-revoka jew it-tibdil tad-deċiżjonijiet li jiffavorixxu l-parti kkonċernata “[ma jippreġudikawx ir-]regoli nazzjonali li jistipulaw li deċiżjonijiet huma invalidi jew isiru nulli u bla effett għal raġunijiet mhux konnessi ma’ leġislazzjoni doganali”. Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar li huma kompetenti sabiex jirregolaw dawn l-aspetti tal-proċedura. Madankollu għandhom iħarsu sabiex dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bonn Fleisch, C-1/06, Ġabra p. I-5609, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn deċiżjonijiet ta’ rettifika ma ġewx ikkomunikati lill-applikanti, tal-inqas mhux direttament, il-kwistjoni dwar jekk dawn id-deċiżjonijiet jikkostitwixxux “deċiżjonijiet” jew le fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali, li jagħtu lok għal effetti ġuridiċi, għaldaqstant tirriżulta mid-dritt nazzjonali. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant tappartjeni għall-qorti tar-rinviju.

64

Huwa biss fil-każ fejn kellu jirriżulta li d-deċiżjonijiet rettifikattivi ġew validament adottati u jipproduċu effetti legali, minbarra l-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati, li jippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, li tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk huma jorbtux l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

65

Madankollu mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju fil-kawżi C-10/11 u C-23/11 jirriżulta li d-dubji espressi mill-qorti nazzjonali f’dan ir-rigward jikkonċernaw biss il-każ fejn id-deċiżjonijiet rettifikattivi adottati mill-uffiċċji doganali ta’ esportazzjoni huma vvizzjati b’mod partikolarment gravi u ovvju, meta fin-nuqqas ta’ tali vizzju, l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa marbut b’dawn id-deċiżjonijiet.

66

Issa, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda fil-kawża C-608/10, f’każ bħal dawk fil-kawżi prinċipali, l-uffiċċji doganali ta’ esportazzjoni huma, bħala prinċipju, kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 78(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali u li jivverifikaw dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni sabiex jikkoreġu l-isem tal-esportatur indikat fiha. Il-kunsiderazzjonijiet li taw lok għal din ir-risposta barra minn hekk jistgħu jintużaw b’mod sħiħ għall-verifika u għar-rettifika ta’ formola ta’ verifika T 5 meta din il-formola, bħal ma hu l-każ fil-kawża C-10/11, tintuża bħala dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għal finijiet ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Għaldaqstant ma jidhirx li d-deċiżjonijiet ta’ rettifika inkwistjoni huma, taħt din il-perspettiva, ivvizzjati bi żball, jew saħansitra żball gravi u ovvju.

67

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, hemm lok sabiex ir-risposta għad-domanda unika fil-kawża C-10/11 u għat-tieni domanda fil-kawża C-23/11 tkun li, f’każ bħal dak ta’ dawn il-kawżi, il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa marbut b’rettifika li ssir a posteriori, mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, tal-indikazzjoni li tinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew, jekk ikun il-każ, fil-formola ta’ kontroll T 5 jekk id-deċiżjoni ta’ rettifika tissodisfa l-kundizzjonijiet formali u materjali kollha ta’ “deċiżjoni” previsti kemm mill-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kkonċernat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.

Fuq it-tielet domanda fil-kawża C-23/11

68

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-kawża C-23/11, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 kif ukoll il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni għandu raġun, fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u fl-ipoteżi fejn ma jkunx marbut, skont id-dritt nazzjonali, bir-rettifika mwettqa mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, li tqis bħala vera l-indikazzjoni li tkun tinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u li tirrifjuta t-talba ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni minħabba li l-awtur ta’ din it-talba ma huwiex l-esportatur tal-prodotti msemmija mill-imsemmija talba. Din il-qorti tistaqsi ulterjorment jekk dan l-istess uffiċċju doganali għandux l-obbligu, meta teżisti kontradizzjoni bejn id-deskrizzjoni tal-esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u d-dokument preċedenti li għalih isir riferiment fil-Kaxxa 40 ta’ din id-dikjarazzjoni u/jew id-detentur taċ-ċertifikat ta’ esportazzjoni indikat fil-Kaxxa 44 tal-imsemmija dikjarazzjoni, li jistaqsi lill-awtur tat-talba għal ħlas lura dwar dan il-punt. Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, jekk ikun il-każ, l-imsemmi uffiċċju doganali għandux jirrettifika ex officio r-riferiment magħmul fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif jintqal fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li, fil-kawżi prinċipali huwa biss fil-każ fejn ir-rettifiki mwettqa mill-uffiċċji doganali ta’ esportazzjoni ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet validi, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti ta’ rinviju, li huma ma jorbtux lill-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni.

70

Madankollu, f’dan l-aħħar każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet doganali ma wiġbux għat-talba ta’ rettifika mressqa minn Moksel. Madankollu mill-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mill-punt 50 tas-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu jew li jiċħdu tali talba permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew li jipproċedu għar-rettifika mitluba “mill-aktar fis possibbli”.

71

F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu, minn naħa, li jeżaminaw jekk l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ġewx mhedda u jekk il-merkanzija inkwistjoni ġietx effettivament esportata, kif ukoll, min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda fil-pussess tagħhom.

72

Għalhekk, l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali u fl-ipoteżi fejn ma jkunx iżjed marbut bir-rettifika magħmula mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, jista’ jieħu fuq il-kelma l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ irrettifikat, li tkun tinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni biss wara li tkun ittieħdet deċiżjoni, f’forma debita u korretta, dwar it-talba ta’ rettifika mressqa minn Moksel.

73

Fl-aħħar nett fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema awtorità hija konkretament kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba ta’ rettifika mressqa minn Moksel, għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni tirriżulta esklużivament mid-dritt nazzjonali.

74

Barra minn hekk, f’dan il-każ, jekk il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas huwa kompetenti, skont id-dritt Ġermaniż, sabiex jipproċedi għall-verifika tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u, jekk ikun il-każ, għar-rettifika tagħha, huwa għandu effettivament jiddeċiedi f’dan ir-rigward, billi jieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 sa 52 ta’ din is-sentenza, u għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub mill-iktar fis possibbli lid-dikjarant.

75

Jekk, bil-kontra, il-Hauptzollamt Hamburg-Jonas ma huwiex kompetenti sabiex jagħmel din il-verifika, huwa l-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni li għandu jagħmilha. Il-kwistjoni dwar jekk din l-awtorità doganali tal-aħħar hijiex marbuta mal-aġir preċedenti tagħha stess, jiġifieri bir-rettifika tal-isem tal-esportatur affettwat minnha mingħajr ma kien suġġett għal deċiżjoni kkomunikata bil-miktub, tirriżulta mid-dritt intern Ġermaniż.

76

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda fil-kawża C-23/11 għandha tkun li l-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 kif ukoll il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma għandux dritt, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża u fl-ipoteżi fejn ma huwiex marbut, skont id-dritt nazzjonali, bir-rettifika magħmula mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, li jieħu fuq il-kelma r-riferiment li jinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u li jirrifjuta t-talba għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni minħabba l-fatt li l-awtur ta’ din it-talba ma huwiex l-esportatur tal-prodotti msemmija mill-imsemmija talba. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-uffiċċju doganali kompetenti jilqa’ t-talba għal rettifika u jirrettifika validament l-isem tal-esportatur, l-uffiċċju doganali kompetenti sabiex jingħata l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa vvinkolat b’din id-deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni għandu dritt għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni biss meta jitniżżel bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ddepożitata f’uffiċċju doganali kompetenti.

 

2)

L-Artikolu 78(1) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li wieħed jipproċedi a posteriori għal reviżjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għal finijiet ta’ ħlasijiet lura, sabiex jinbidel l-isem tal-esportatur li jinsab fil-kaxxa prevista f’dan ir-rigward, u li l-awtoritajiet doganali għandhom:

l-ewwel nett, jeżaminaw jekk reviżjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata possibbli peress li, b’mod partikolari, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma ġewx mhedda u l-merkanzija inkwistjoni effettivament ġiet esportata, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-applikant, kif ukoll,

it-tieni nett u jekk ikun il-każ, li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda għad-dispożizzjoni tagħhom.

 

3)

L-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 90/2001, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dak tal-kawża C-608/10, li fih id-detentur ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni ma ġiex indikat bħala esportatur fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jagħtu lil dan id-detentur il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mingħajr rettifika minn qabel tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni.

 

4)

F’każ bħal dawk tal-kawżi C-10/11 u C-23/11, il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa marbut b’rettifika li ssir a posteriori, mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, tal-indikazzjoni li tinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jew, jekk ikun il-każ, fil-formola ta’ kontroll T 5 jekk id-deċiżjoni rettifikattiva tissodisfa l-kundizzjonijiet formali u materjali kollha ta’ “deċiżjoni” previsti kemm mill-punt 5 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2913/93 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali kkonċernat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex sodisfatti fil-kawżi prinċipali.

 

5)

L-Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 90/2001, kif ukoll il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma għandux dritt, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża u fl-ipoteżi fejn ma huwiex marbut, skont id-dritt nazzjonali, bir-rettifika magħmula mill-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni, li jieħu fuq il-kelma r-riferiment li jinsab fil-Kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u li jirrifjuta t-talba għal ħlas lura fuq l-esportazzjoni minħabba l-fatt li l-awtur ta’ din it-talba ma huwiex l-esportatur tal-prodotti msemmija mill-imsemmija talba. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-uffiċċju doganali kompetenti jilqa’ t-talba għal rettifika u jirrettifika validament l-isem tal-esportatur, l-uffiċċju doganali kompetenti li jwettaq il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni huwa vvinkolat b’din id-deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top