This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0602
Judgment of the Court (Fourth Chamber), 12 July 2012.#SC Volksbank România SA v Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor — Comisariatul Judeţean pentru Protecţia Consumatorilor Călăraşi (CJPC).#Reference for a preliminary ruling from the Judecătoria Călăraşi.#Consumer protection — Credit agreements for consumers — Directive 2008/48/EC — Articles 22, 24 and 30 — National legislation designed to transpose that directive — Applicability to agreements not included in the material and temporal scope of the directive — Obligations not provided for by the directive — Limitation on the bank charges capable of being levied by the creditor — Articles 56 TFEU, 58 TFEU and 63 TFEU — Obligation to put in place, in national law, adequate and effective out-of-court dispute resolution procedures.#Case C‑602/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
SC Volksbank România SA vs Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor — Comisariatul Judeţean pentru Protecţia Consumatorilor Călăraşi (CJPC).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Călăraşi.
Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 22, 24 u 30 — Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva — Applikabbiltà għal ftehim mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija direttiva — Obbligi mhux previsti mill-istess direttiva — Limitu tal-kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef — Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE — Obbligu ta’ implementazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet.
Kawża C-602/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
SC Volksbank România SA vs Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor — Comisariatul Judeţean pentru Protecţia Consumatorilor Călăraşi (CJPC).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Călăraşi.
Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 22, 24 u 30 — Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva — Applikabbiltà għal ftehim mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija direttiva — Obbligi mhux previsti mill-istess direttiva — Limitu tal-kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef — Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE — Obbligu ta’ implementazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet.
Kawża C-602/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:443
*A9* Judecătoria Călăraşi, Decizia din 06/12/2010
*P1* Judecătoria Călăraşi, Hotărăște din 26/11/2012 (4167)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )
“Protezzjoni tal-konsumaturi — Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi — Direttiva 2008/48/KE — Artikoli 22, 24 u 30 — Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva — Applikabbiltà għal ftehim mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija direttiva — Obbligi mhux previsti mill-istess direttiva — Limitu tal-kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef — Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE — Obbligu ta’ implementazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet”
Fil-Kawża C-602/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Călăraşi (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura
SC Volksbank România SA
vs
Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor — Comisariatul Judeţean pentru Protecţia Consumatorilor Călăraşi (CJPC),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal SC Volksbank România SA, minn M. Niculeasa, R. Damaschin u R. Nanescu, avukati, |
— |
għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu u R.-I. Munteanu, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22, 24 u 30 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66 u — ir-rettifiki — ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011 L 234, p. 46), kif ukoll l-Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Volksbank România SA (iktar ’il quddiem “Volksbank”) u l-Autoritatea Naţională pentru Protecţia Consumatorilor ‐ Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași (CJPC) (awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumaturi — għassa tad-dipartiment għall-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ Călărași, iktar ’il quddiem l-“ANPC”) dwar ċerti klawżoli inklużi fi ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konklużi bejn Volksbank u l-klijenti tagħha li, skont l-ANPC, jiksru l-liġi nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2008/48 huma redatti kif ġej :
[...]
|
4 |
Il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48 jistabbilixxu:
|
5 |
Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva hija redatta kif ġej : “Ftehim ta’ kreditu li jkopru l-għoti ta’ kreditu garantit bi proprjetà għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak it-tip ta’ kreditu hu ta’ natura speċifika ħafna. Barra minn hekk, ftehim ta’ kreditu li l-fini tagħhom huwa li jiffinanzjaw l-akkwist jew iż-żamma tad-drittijiet ta’ proprjetà f’art jew f’bini eżistenti jew ipproġettat għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. [...]” |
6 |
Il-premessa 44 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi: “Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u sakemm ikun hemm aktar armonizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri xierqa għar-regolamentazzjoni jew is-superviżjoni ta’ kredituri jkunu f’posthom.” |
7 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu : “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:
[...]” |
8 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.” |
9 |
L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri adegwati u effettivi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti għas-soluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumatur dwar ftehim ta’ kreditu, billi fejn hu xieraq jintużaw korpi eżistenti.” |
10 |
Skont l-Artikoli 27 u 29 tad-Direttiva 2008/48, it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar skada fil-11 ta’ Ġunju 2010, data li fiha d-Direttiva 87/102 ġiet imħassra. |
11 |
Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Miżuri transizzjonali”: 1. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ftehim ta’ kreditu eżistenti fid-data li fiha l-miżuri implimentattivi nazzjonali jidħlu fis-seħħ. 2. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikoli 11, 12, 13, 17, it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 18(1), u l-Artikolu 18(2) jiġu applikati anki għal ftehim ta’ kreditu bla skadenza fissa eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi nazzjonali.” |
Id-dritt Rumen
12 |
Id-digriet ta’ urġenza tal-Gvern 50/2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 389 tal-11 ta’ Ġunju 2010, iktar ’il quddiem l-“OUG 50/2010”) huwa intiż li jittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt intern. |
13 |
L-Artikolu 2(1) tal-OUG 50/2010 jistabbilixxi: “Dan id-digriet ta’ urġenza japplika għall-ftehim ta’ kreditu, inklużi ftehim ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt fuq immobbli, kif ukoll il-ftehim ta’ kreditu li s-suġġett tagħhom huwa l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq immobbli eżistenti jew ipproġettati, jew ir-rinnovazzjoni, l-iżvilupp, il-konsolidazzjoni, ir-riabilitazzjoni, l-estensjoni jew il-valorizzazzjoni ta’ immobbli, irrispettivament mill-ammont totali tal-kreditu.” |
14 |
L-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010 jipprovdi: “Għall-kreditu mogħti, il-kreditur jista’ jirċievi biss il-kummissjoni mill-ipproċessar tal-fajl, il-kummissjoni mill-amministrazzjoni tal-kreditu jew il-kummissjoni mill-amministrazzjoni tal-kont kurrenti, il-kumpens fil-każ ta’ rimbors antiċipat, l-ispejjeż marbuta mal-assigurazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-penalitajiet, kif ukoll kummissjoni waħda għas-servizzi pprovduti fuq talba tal-konsumaturi.” |
15 |
L-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010 jistabbilixxi: “Sabiex jintlaħaq ftehim bonarju tat-tilwim eventwali, u bla ħsara għad-dritt tal-konsumaturi li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-kredituri jew l-intermedjarji ta’ kreditu li jkunu kisru d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza jew għad-dritt tal-konsumaturi li jressaq kawża quddiem l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konusmaturi l-[ANPC], il-konsumaturi jistgħu jużaw mekkaniżmi extraġudizzjarji dwar ilment u dwar kumpens tal-konsumaturi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 192/2006 fuq il-medjazzjoni u l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur, kif emendata u kkompletata ulterjorment.” |
16 |
L-Artikoli 86 sa 88 tal-OUG 50/2010 jiddefinixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet, li fosthom hemm dawk li jistgħu jiġu imposti mill-aġenti ANPC, fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet. |
17 |
Skont l-Artikolu 94 tal-OUG 50/2010: “Dan id-digriet ta’ urġenza għandu jidħol fis-seħħ għaxar t’ijiem wara d-data ta’ pubblikazzjoni tiegħu fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.” |
18 |
L-Artikolu 95 tal-OUG 50/2010 jipprovdi s-segwenti: “1. Fir-rigward ta’ ftehim fil-kors ta’ eżekuzzjoni, il-kredituri għandhom, fi terminu ta’ 90 jum wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, jiggarantixxu l-konformità tal-ftehim mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza. 2. L-emenda fil-ftehim fil-kors ta’ eżekuzzjoni għandha ssir permezz ta’ addendum, fi terminu ta’ 90 jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet ta’ urġenza. [...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
Il-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew konklużi bejn Volksbank u l-klijenti tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010. |
20 |
Dawn essenzjalment jirrigwardaw ftehim ta’ krediti mogħtija lil konsumaturi ggarantiti permezz ta’ ipoteki jew permezz ta’ drittijiet oħra fuq il-beni immobbli. |
21 |
Dawn il-ftehim jinkludu ċerti klawżoli dwar kummissjonijiet bankarji li Volksbank għandha d-dritt li tuża fir-rigward tal-klijenti tiegħu u li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali. |
22 |
Għalhekk, il-Klawżola 3.5 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intitolata “Kummissjoni għal riskju”, tipprovdi li, sabiex jingħata l-kreditu, il-persuna li tissellef tista’ tkun suġġetta, fir-rigward tal-bank, għal kummissjoni għal riskju, ikkalkolata fuq l-ammont tal-kreditu, li hija tagħti fix-xahar matul il-perijodu kollu tal-kreditu. |
23 |
Il-Klawżola 5 tal-kundizzjonijiet partikolari tal-imsemmija ftehim, intitolata wkoll “Kummissjoni għal riskju”, tispeċifika li din il-kummissjoni hija daqs 0.2 % tal-ammont tal-kreditu u li għandha titħallas fid-dati ta’ skadenza matul il-perijodu kollu tal-kreditu. |
24 |
Wara t-22 ta’ Ġunju 2010, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010, Volksbank ħadet azzjoni biex temenda, fl-addenda tal-ftehim ta’ kreditu, l-isem tal-klawżoli inkwistjoni bl-isem ta’ “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”, kategorija ta’ kummissjoni msemmija fl-Artikolu 36 ta’ dan id-digriet, mingħajr ma emendat l-ammont tal-kummissjoni. |
25 |
Ukoll wara d-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010, l-ANPC ikkonstatat, matul kontrolli mwettqa fuq Volksbank, li din tal-aħħar baqgħet tiġbor il-“kummissjoni għal riskju”, kif imniżżel fil-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sussegwentement imsemmi “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”. |
26 |
L-ANPC, li qieset li l-ġbir ta’ din il-kummissjoni kien jikser l-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010, ifformulat proċess verbal kontra Volksbank, li permezz tiegħu din tal-aħħar ġiet b’mod partikolari kkundannata tħallas multa kif ukoll sanzjonijiet addizzjonali. Volksbank ikkontestat dan il-proċess verbal quddiem il-qorti tar-rinviju. |
27 |
Quddiem din il-qorti, Volksbank sostniet li ċerti dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010 jiksru d-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant, fid-dawl ukoll tal-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti li tiġi stabbilita armonizzazzjoni sħiħa sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi offruti mill-istabbilimenti ta’ kreditu, Volksbank sostniet li l-imsemmija qorti kellha, fil-kawża prinċipali, tħalli dawn id-dispożizzjonijiet inapplikabbli. |
28 |
Għalhekk, skont Volksbank, l-Artikolu 2(1) tal-OUG 50/2010, inkwantu jrendi applikabbli dan id-digriet għall-ftehim ta’ kreditu ggarantiti permezz ta’ ipoteka jew permezz ta’ dritt ieħor fuq il-beni immobbli, bħalma huma l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikser l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/48, għaliex din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi espressament li din id-direttiva ma tapplikax għal tali ftehim. |
29 |
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ftehim li jistgħu jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, Volksbank sostniet li l-Artikolu 36 tal-OUG, inkwantu jinkludi lista limitattiva ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru minn stabbiliment ta’ kreditu, jikser dan il-kamp ta’ applikazzjoni, għaliex din id-direttiva tirrigwarda biss ir-regoli fil-qasam tal-informazzjoni adegwata tal-konsumaturi. |
30 |
Il-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ kummissjonijiet li ma humiex dawk elenkati fl-imsemmi Artikolu 36 tikser barra minn hekk id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
31 |
Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-projbizzjoni tagħti lok, għall-istabbilimenti ta’ krediti li joffru s-servizzi tagħhom fir-Rumanija, għal żieda tal-ispejjeż li timpedixxi lil dawn tal-aħħar milli jkunu kompetittivi fil-livell tal-Unjoni. Din tostakola wkoll li l-istabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti lil hinn minn dan l-Istat Membru jidħlu fis-suq Rumen tal-krediti għall-konsum. |
32 |
Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, il-konsumatur Rumen ma jistax jibqa’ jikseb krediti mingħand l-istabbilimenti stabbiliti lil hinn mill-imsemmi Stat Membru fid-dawl tal-fatt li huwa għandu d-dritt li jitlob it-tneħħija tal-kummissjonijiet jew tal-klawżoli mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010. |
33 |
Fl-aħħar nett, Volksbank issostni li l-possibbiltà, għal konsumatur li jikkuntattja direttament lill-ANPC, prevista fl-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, kif ukoll is-setgħa ta’ din l-awtorità li timponi sanzjonijiet, meta hija tqis li hemm ksur ta’ dan id-digriet, ma tikkostitwixxix metodu adegwat u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarju ta’ tilwim, kif meħtieġ fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, iżda, għall-kuntrarju, hija ta’ natura li tagħti lok għal multipliċità ta’ kawżi, kif fil-fatt seħħ fir-Rumanija. |
34 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li s-suġġett essenzjali tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda l-validità tal-klawżola intitolata “kummissjoni għal riskju”, li tinsab fil-ftehim ta’ kreditu konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG 50/2010 u li isimha, li nbidel wara din id-data, huwa “kummissjoni mill-amministrazzjoni ta’ kreditu”. |
35 |
Din il-qorti tqis li d-dispożizzjonijiet tal-OUG 50/2010 ġew adottati sabiex tiġi trasposta b’mod urġenti d-Direttiva 2008/48 u li għalhekk dawn għandhom jiġu applikati skont din id-direttiva. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu traspożizzjoni inadegwata u inkompleta tal-imsemmija direttiva. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Judecătoria Călăraşi ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tielet domanda (a)
37 |
Permezz tat-tielet domanda (a) tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li s-suġġett tagħhom huwa kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar. |
38 |
Mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa u, kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 22, għandu natura vinkolanti, li għandha tinftiehem fis-sens li, fl-oqsma speċifikament imsemmija minn din l-armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex dawk previsti mill-imsemmija direttiva. |
39 |
Barra minn hekk, skont b’mod partikolari l-premessi 3, 4 u 7 tad-Direttiva 2008/48, l-armonizzazzjoni li din tal-aħħar tirrigwarda f’ċerti oqsma importanti hija fundamentalment differenti minn dik li tirrigwarda d-Direttiva 87/102, li, imħassra u ssotitwita bid-Direttiva 2008/48, kienet biss tistabbilixxi armonizzazzjoni minima, kif kienet deskritta l-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Madankollu, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-ftehim ta’ kreditu li ma jidħolx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, huma jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha. |
41 |
Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li s-suġġett essenzjali tal-ftehim ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-għoti ta’ krediti ggarantiti permezz ta’ beni immobbli. |
42 |
Għalhekk, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48 u fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, tali ftehim ta’ kreditu ma jidħlux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-ispeċifiċità ta’ dan it-tip ta’ krediti. |
43 |
Għalhekk, kif jirriżulta wkoll mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ tali ftehim, l-armonizzazzjoni li tistabbilixxi d-Direttiva 2008/48 ma tipprekludix li Stat Membru jinkludi dan il-ftehim fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva, sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha għal dawn il-ftehim. |
44 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda (a) għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala suġġett l-għoti ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar. |
Fuq l-ewwel domanda
45 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali. |
Fuq l-ammissibbiltà
46 |
Il-Gvern Rumen iqis li din id-domanda hija fformulata b’mod wisq ġenerali, peress li tirrigwarda ftehim ta’ kreditu għal konsumaturi b’mod ġenerali, filwaqt li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna ftehim ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ ipoteka, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/48. Għalhekk, din id-domanda hija parzjalment inammissibbli. |
47 |
Il-Kummissjoni Ewropea tirrileva li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli li jinsabu fi ftehim ta’ kreditu ipotekarju. Issa, peress li d-Direttiva 2008/48 teskludi tali ftehim mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u ma tinkludix dispożizzjonijiet armonizzati dwar klawżoli kuntrattwali, ir-risposta għall-ewwel domanda ma għandhiex effett konkret fuq l-imsemmija kwistjoni. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għalhekk, iċ-ċaħda ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
Issa, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/48 u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern, l-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva jipprekludix li din il-miżura nazzjonali tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li tapplika wkoll għal tali ftehim. |
51 |
Għalhekk, fir-rigward ta’ domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li r-risposta għaliha ma tidhirx, tal-inqas, li hija manifestament mhux rilevanti għall-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li twieġeb. |
Fuq il-mertu
52 |
Kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2008/48, huma l-Istati Membri li bħala regola ġenerali għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom huma biħsiebhom jestendu s-sistema legali nazzjonali tagħhom li tittrasponi din id-direttiva għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux taħt wieħed mill-oqsma li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi dispożizzjonijiet armonizzati. |
53 |
Minn dan isegwi li, għalkemm, għal dawn il-ftehim, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 regola li tikkorrispondi speċifikament għall-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 30(1) tal-imsemmija direttiva, huma jistgħu bħala regola wkoll, bl-osservanza tar-regoli tat-Trattat FUE u bla ħsara ta’ atti oħra tad-dritt sekondarju eventwalment rilevanti, jistabbilixxu miżura tranżitorja differenti, bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 95 tal-OUG 50/2010, li timplika li l-imsemmija leġiżlazzjoni tapplika wkoll għal ftehim fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din tal-aħħar. |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoniratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali. |
Fuq it-tielet domanda (b)
55 |
Permezz tat-tielet domanda (b) tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq stabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jikkonċerna, minn naħa, it-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jiġbru fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, u, min-naħa l-oħra, il-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom. |
Fuq l-ammissibbiltà
56 |
Il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni jsostnu li din id-domanda hija inammissibbli inkwantu tirrigwarda kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom. |
57 |
Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, jiġu milqugħa. |
58 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mill-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li d-dritt nazzjonali applikabbli jinkludi regoli li jimponu obbligi fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li tista’ tirreferi għalihom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li għandhom jiżdiedu ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2008/48. L-imsemmi proċess ma jsemmix tali regoli tad-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, ma jindikax li dawn tal-aħħar huma s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. |
59 |
Minn dan isegwi li ma hemmx lok li t-tielet domanda (b) tingħata risposta, inkwantu hija tirrigwarda l-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li fir-rigward tagħhom ir-rata ta’ interess varjabbli ta’ dawn il-ftehim tista’ tirreferi għalihom. |
Fuq il-mertu
60 |
Kif intqal fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta b’mod partikolari li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li ma jidħlux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jew għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha. |
61 |
Għalhekk, id-Direttiva 2008/48, b’mod partikolari l-Artikolu 22(1) tagħha, lanqas ma tipprekludi li, għal dawn il-ftehim, Stat Membru jimponi obbligi mhux previsti minn din id-direttiva, li huma intiżi sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, bħal f’dan il-każ l-Artikolu 36 tal-OUG 50/2010 li jinkludi lista limitata ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef mingħand il-konsumaturi. |
62 |
Fil-fatt, ma jidhirx li tali regola ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, f’qasam mhux armonizzat mid-Direttiva 2008/48, hija ta’ natura li taffettwa l-bilanċ li fuqu din id-direttiva hija bbażata, fil-qasam armonizzat minn din tal-aħħar, bejn l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-għan intiż li jiżgura l-implementazzjoni ta’ suq intern li jaħdem fil-qasam tal-krediti għall-konsumaturi. |
63 |
Għandu jingħad ukoll, kif diġà ntqal fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, interpretat fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din tal-aħħar, għandu jinftiehem fis-sens li, fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din id-domanda anki jekk dawn ma humiex is-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi artikolu jipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa u vinkolanti li, fl-oqsma speċifikament imsemmija minn din l-armonizzazzjoni, tostakola li Stati Membri jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex dawk li din tal-aħħar tinkludi. |
64 |
Għalhekk, fir-rigward ta’ tali ftehim, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw obbligi bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 36 tal-OUG 50/210 fil-qasam tal-kummissjonijiet bankarji biss bil-kundizzjoni li d-Direttiva 2008/48 ma tinkludix dispożizzjonijiet armonizzati f’dan il-qasam. |
65 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva 2008/48 tistabbilixxi obbligi dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-persuna li jsellef f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kummissjonijiet bankarji inkwantu dawn jifformaw parti mill-ispiża totali ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 3(ġ) ta’ din tal-aħħar, din id-direttiva min-naħa l-oħra ma tinkludix regoli dwar il-mertu relatati mat-tipi ta’ kummissjonijiet li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef. |
66 |
Barra minn hekk, mill-premessa 44 tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq, u fl-istennija ta’ armonizzazzjoni iktar wiesgħa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jimplementaw miżuri adegwati ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ kontroll applikabbli fil-konfornt tal-persuni li jsellfu. |
67 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda (b) għandha tkun li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda t-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu fil-kuntest tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, anki jekk tali obbligi ma humiex previsti mill-imsemmija direttiva. |
Fuq ir-raba’ domanda
68 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari l-Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63(1) TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji. |
69 |
Preliminarjament, għandu jiġi indikat li ma hemmx lok li jsir eżami tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital. |
70 |
Fil-fatt, meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi eżaminat sa fejn tali miżura jkollha effett fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, u jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom tipprevalix fuq l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, teżamina l-miżura inkwistjoni fir-rigward ta’ waħda biss miż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fil-kawża inkwistjoni, waħda hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 34). |
71 |
F’din il-kawża, fil-każ li għandu jiġi kkonstatat, kif issostni Volksbank, li, billi jrendu inqas aċċessibbli għall-klijenti stabbiliti fir-Rumanija l-krediti għall-konsum proposti minn kumpanniji li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra, din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li tirrendi inqas frekwenti l-użu tal-imsemmija servizzi minn dawn il-klijenti, u, għalhekk, li tnaqqas il-fluss finanzjarju transkonfinali li jirriżulta minn tali servizzi, din hija biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). |
72 |
Fir-rigward tal-eżami tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attività ta’ stabbiliment ta’ kreditu li tikkonsisti fl-għoti ta’ krediti tikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
73 |
Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE jirrigwarda l-miżuri li jipprojbixxu, jinterferixxu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-565/08, Ġabra p. I-2101, punt 45). |
74 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi miżura li tapplika indistintament għall-istabbilimenti kollha ta’ kreditu li jipprovdu servizzi fit-territorju Rumen, bħalma hija l-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ ċertu kummissjonijiet bankarji inkwistjoni f’din il-kawża, tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal dawk li jipprovdu servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). |
75 |
Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46). |
76 |
Madankollu, f’din il-kawża ma ġiex sostnut li l-projbizzjoni stabbilita mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-persuni li jsellfu milli jirċievu ċerti kummissjonijiet bankarji hija imposta mill-kuntest ta’ awtorizzazzjoni fir-Rumanija ta’ stabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
77 |
Lanqas mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-fatt li tiġi stabbilita tali projbizzjoni jikkostitwixxi indħil fil-libertà li jikkuntrattaw ta’ dawn l-istabbilimenti. |
78 |
Fil-fatt, il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni sostnew, mingħajr ma ġew ikkontradetti fuq dan il-punt minn Volksbank, li għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tillimita n-numru ta’ kummissjonijiet bankarji li jistgħu jiġu inklużi fil-ftehim ta’ kreditu, hija ma timponix rekwiżiti ta’ trażżin tariffarju, peress li ebda limitu ma huwa previst la fir-rigward tal-ammont tal-kummissjonijiet awtorizzati mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas fir-rigward tar-rati ta’ interess b’mod ġenerali. |
79 |
Għalhekk, din id-dispożizzjoni nazzjonali, għalkemm tista’ teħtieġ adattament ta’ ċerti klawżoli tal-ftehim, waħedha ma twassalx għal spiża addizzjonali għall-istabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri oħra u lanqas, b’mod partikolari, għall-ħtieġa għal dawn l-impriżi li jirrivedu l-politika tagħhom u l-istrateġiji kummerċjali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq Rumen taħt kundizzjonijiet kompatibbli mal-liġi Rumena. |
80 |
Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-elementi invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali trendi inqas attraenti l-aċċess għall-imsemmi suq u, fil-każ ta’ aċċess għal dan is-suq, inaqqas il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jipprovdu qabelxejn kompetizzjoni effettiva għall-impriżi tradizzjonalment stabbiliti fir-Rumanija. |
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali fuq l-iskambji ta’ servizzi huwa wisq inċert u indirett biex tali miżura nazzjonali tkun tista’ titqies bħala ta’ natura li tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Francesco Guarnieri & Cie, C-291/09, Ġabra p. I-2685), punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Għalhekk, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi konkluż li miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiksirx ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
83 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji. |
Fuq it-tieni domanda
84 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48 li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament lill-awtorità ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu minħabba ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, u dan mingħajr il-ħtieġa li qabel tirrikorri għal proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarji kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet. |
Fuq l-ammissibbiltà
85 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm f’din il-kawża l-miżura ta’ traspożizzjoni kkonċernata, jiġifieri l-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, tapplika fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 2008/48, huwa paċifiku li d-dispożizzjoni armonizzata li hija s-suġġett ta’ din il-kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, tapplika għal tali ftehim, u dan skont l-imsemmija miżura ta’ traspożizzjoni. |
86 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddikkjarat lilha nfisha kompetenti biex tiddeċiedi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan u li għalhekk jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, iżda li fihom l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, Ġabra p. I-5989, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat f’dan ir-rigward li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun trid tikkonforma s-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni ma’ dawk li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex, pereżempju, tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew eventwali tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, jew inkella sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet komparabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Agafiţei et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
F’din il-kawża, tali interess jeżisti peress li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni armonizzata prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għal ftehim ta’ kreditu għal konsumaturi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis ta’ din id-direttiva hija intiża li tiżgura li proċedura unika tkun preżenti f’sitwazzjonijiet komparabbli f’dak li jikkonċerna r-riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet dwar tali ftehim. |
89 |
Barra minn hekk, il-Gvern Rumen kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li din it-tieni domanda hija inammissibbli peress li tirrigwarda proċeduri għar-riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet filwaqt li, fil-kawża prinċipali, dawn il-proċeduri ma għandhomx rwol konkret. L-interpretazzjoni mitluba mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din id-domanda ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. |
90 |
Barra minn hekk, il-Gvern Rumen iqis li din id-domanda hija wkoll inammissibbli minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt nazzjonali, fatt li jaqa’ taħt il-kompetenza biss tal-qrati nazzjonali. |
91 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-qorti tar-rinviju, Volksbank sostniet li, meta regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48, jiġifieri l-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, tippermetti li kawża titressaq quddiem awtorità ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu mingħajr ma jiġu qabel segwiti l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarji ta’ kwistjonijiet, din il-miżura tikser l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet dwar il-konsum li jikkonċernaw krediti għall-konsum. |
92 |
Huwa wkoll paċifiku li, fil-kawża prinċipali, awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, f’din il-kawża ANPC, effettivament imponiet multa fuq stabbiliment ta’ kreditu, f’din il-kawża Volksbank, minħabba l-fatt li ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi konklużi minn din tal-aħħar kienu jinkludu klawżoli li jiksru leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi d-Direttiva 2008/48, mingħajr ma dan l-istabbiliment kellu l-possibbiltà minn qabel li jsolvi din it-tilwima permezz ta’ rimedji extraġudizzjarji. |
93 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, peress li d-domanda hija waħda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li ma huwiex, tal-inqas, ċar li risposta rilevanti għall-finijiet tal-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tingħata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li twieġeb. |
Fuq il-mertu
94 |
Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 jeżiġi li l-proċeduri fil-qasam tar-riżoluzzjoni extraġudizzjarju ta’ kwistjonijiet ikunu adegwati u effikaċi, la din id-dispożizzjoni u lanqas elementi oħra tad-Direttiva 2008/48 li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ din tal-aħħar ma jiżviluppaw iktar fil-fond il-modalitajiet jew il-karatteristiċi ta’ dawn il-proċeduri. |
95 |
Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jirregolaw il-modalitajiet tal-imsemmija proċeduri, inkluża n-natura vinkolanti tagħhom, filwaqt li josservaw l-effettività ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Alassini et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
96 |
Huwa minnu li leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ rikors minn qabel għal proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja sabiex jiġu riżolti kwistjonijiet, inkwantu tiggarantixxi n-natura sistematika tar-rikors għal tali proċedura, hija intiża li ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva 2008/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza Alassini et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45). |
97 |
Xorta jibqa’ l-fatt li la mill-kliem u lanqas, barra minn hekk, mill-għan tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 jew minn element ieħor kuntestwali li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li dan jimponi li l-Istati Membri jittrasponu l-imsemmija dispożizzjoni billi jistabbilixxu tali obbligu. |
98 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/48 ma tistax tkun ta’ ostakolu għall-fatt li Stat Membru, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lilu minn din id-direttiva fil-qasam tar-regolamentar tal-modalitajiet proċedurali dwar ir-riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi, jippermetti li l-konsumaturi jkollhom l-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-korpi speċjalment stabbiliti għad-difiża tal-interessi tagħhom minħabba, b’mod partikolari, ir-riskju li l-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla mal-persuni li jsellfu f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom jew jiffaċċjaw diffikultajiet biex jeżerċitawhom. |
99 |
Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija dik tal-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010, inkwantu tippermetti li titressaq kawża direttament quddiem awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jkollha s-setgħa li timponi multi, għandha, għal din ir-raġuni biss, bħala effett li trendi l-proċeduri fil-qasam tar-riżoluzzjoni extraġudizzjarja tal-kwistjonijiet dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsum, bħalma huma dawk previsti mid-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inadegwati, ineffikaċi jew bħala li ma josservawx l-effettività tad-Direttiva 2008/48. |
100 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu għal ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, mingħajr ma tkun irrikorriet qabel għall-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet. |
Fuq l-ispejjeż
101 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.