Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0571

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 taʼ April 2012.
Servet Kamberaj vs Istituto per lʼEdilizia Sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano.
Spazju taʼ libertà, sigurtà u ġustizzja — Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/109/KE — Status taʼ ċittadini taʼ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fʼdak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Deroga mill-prinċipju taʼ ugwaljanza fit-trattament għall-miżuri li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Esklużjoni tal-‘benefiċċji prinċipaliʼ mill-kamp taʼ applikazzjoni taʼ din id-deroga — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-kerrejja l-inqas vantaġġati — Ammont tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini taʼ pajjiżi terzi stabblit skont medja mwieżna differenti — Ċaħda taʼ applikazzjoni għal għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit iddestinat għaċ-ċittadini taʼ pajjiżi terzi.
Kawża C–571/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:233

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ April 2012 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/109/KE — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil — Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-miżuri li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali — Esklużjoni tal-‘benefiċċji prinċipali’ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi għajnuna għall-akkomodazzjoni għall-kerrejja l-inqas vantaġġati — Ammont tal-fondi ddestinati għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbilit skont medja mwieżna differenti — Ċaħda ta’ applikazzjoni għal għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit iddestinat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi”

Fil-Kawża C-571/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Bolzano (l-Italja) b’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Servet Kamberaj

vs

Istituto per l’Edilizia sociale della Provincia autonoma di Bolzano (IPES),

Giunta della Provincia autonoma di Bolzano,

Provincia autonoma di Bolzano,

fil-preżenza ta’:

Associazione Porte Aperte/Offene Türen,

Human Rights International,

Associazione Volontarius,

Fondazione Alexander Langer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J. Malenovský u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits, A. Ó Caoimh (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Kamberaj, minn F. Pinton u D. Simonato, avukati,

għall-Provincia autonoma di Bolzano, minn R. von Guggenberg, S. Beikircher, C. Bernardi u D. Ambach, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. J-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE, 6 TUE, 18 TFUE, 45 TFUE u 49 TFUE, tal-Artikoli 21 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razzja jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). Il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll kwistjonijiet dwar l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertaijet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1952 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 12”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Kamberaj u l-Istituto per l’Edilizia sociale della Provincia autonoma di Bolzano (Istitut għall-akkomodazzjoni soċjali tal-Provincia autonoma di Bolzano, iktar ’il quddiem l-“IPES”), il-Giunta della Provincia autonoma di Bolzano (Kunsill provinċjali tal-Provincia autonoma di Bolzano, iktar ’il quddiem il-“Giunta”) kif ukoll il-Provincia autonoma di Bolzano (provinċja awtonoma ta’ Bolzano) rigward iċ-ċaħda mill-IPES tal-applikazzjoni tiegħu sabiex jikseb għajnuna għall-akkomodazzjoni għas-sena 2009, għar-raġuni li l-baġit tal-Provincia autonoma di Bolzano previst għall-għoti ta’ tali għajnuna liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kien eżawrit.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/43

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/43 “[l]-għan [...] huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

4

L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.”

5

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi li din “ma’ tkoprix id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istat legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat interessati”.

6

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva huwa miktub kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2003 u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bl-emendi li jaffettwawhom.”

Id-Direttiva 2003/109

7

Il-premessi 2 sa 4, 6, 12 u 13 tad-Direttiva 2003/109 huma miktuba kif ġej:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’’pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

(3)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[KEDB] u mill-[Karta].

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat [KE].

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. […]

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.

(13)

Fir-rigward ta’ l-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta’ pejodu twil ta’ żmien għall-benefriċċji prinċipali għandha tiftiehem fis-sens li din l-ideja tkopri ta’ l-anqas dħul minimu ta’ sostenn, assistenza fil-każ ta’ mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f’perjodu twil ta’ żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawk il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.”

8

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109 jikkonċerna l-għoti ta’ status ta’ residenti għal perijodu twil ta’ żmien fi Stat Membru.

9

Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, li jaqa’ taħt dan il-Kapitolu II, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għal żmien twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jseħħu minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti.

10

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi l-kundizzjonijiet dwar il-kisba ta’ status ta’ residenti għal żmien twil. Skont il-paragrafu 1(a) u (b) ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħtu evidenza li jkollhom, għalihom u għall-membri dipendenti tal-familja tagħhom, minn naħa, riżorsi stabbli u regolari li jkunu suffiċjenti biex imantnu lilhom infushom u lill-membri tal-familja tagħhom, mingħajr rikors għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assigurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini proprji fl-Istat Membru kkonċernat.

11

Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 5 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

12

Minkejja li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu status ta’ residenti għal żmien twil abbażi ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/109, il-paragrafu (2) tal-istess artikolu jipprovdi li tali rifjut ma għandux ikun imsejjes fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

13

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109, sabiex jikseb status ta’ residenti għal żmien twil, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, akkumpanjata b’evidenza dokumentata li għandha tiġi stabbilita mid-dritt nazzjonali, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din l-istess direttiva.

14

L-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva huwa miktub kif ġej:

“Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

[…]

d)

sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

[…]

f)

aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni;

[…]”

15

L-Artikolu 11(4) tal-istess direttiva jipprovdi li, “[l]-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali”.

16

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għal żmien twil unikament fejn huwa jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika. Il-paragrafu (2) tal-istess artikolu jippreċiża li deċiżjoni li jitkeċċew residenti ma għandhiex tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

17

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mit-23 ta’ Jannar 2006.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-Kostituzzjoni Taljana

18

Skont l-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni Taljana, l-Istat ma jistax jilleġiżla esklużivament, f’termini ta’ għajnuna soċjali, ħlief għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livelli essenzjali ta’ benefiċċji relatati mad-drittijiet ċivili u soċjali li għandhom ikunu ggarantiti fit-territorju nazzjonali kollu. Lil hinn minn dan il-għan, il-kompetenza taqa’ fuq ir-reġjuni.

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998

19

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 3, tat-8 ta’ Jannar 2007, li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil (GURI Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 2007, p. 4), integra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-25 ta’ Lulju 1998, dwar test uniku dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”).

20

L-Artikolu 9(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi:

“Il-barrani li għandu, għal mhux inqas minn ħames snin, permess ta’ residenza li huwa fil-proċess ta’ validazzjoni, li juri li huwa għandu dħul ta’ mhux inqas mill-ammont annwali tal-allowances soċjali u, fil-każ ta’ applikazzjoni li tikkonċerna l-membri tal-familja tiegħu, dħul suffiċjenti [...] u akkomodazzjoni xierqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi previsti mid-[dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali], jista’ jitlob lill-Kap tal-Pulizija l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza KE għal residenti għal żmien twil, għalih innifsu u għall-membri tal-familja tiegħu [...]”.

21

L-Artikolu 9(12) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi:

“Barra mid-dispożizzjonijiet previsti għall-barrani regolarment residenti fl-Italja fit-territorju nazzjonali, il-persuna li għandha permess ta’ residenza KE għal residenti għal żmien twil tista’

[…]

c)

tibbenefika minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, sigurtà soċjali, dawk li jirrigwardaw sussidji fis-saħħa, edukazzjoni u soċjali u dawk relatati mal-aċċess għall-beni u servizzi disponibbli għall-pubbliku, inkluż l-aċċess għall-proċedura biex tinkiseb l-akkomodazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet pubbliċi, ħlief dispożizzjonijiet kuntrarji u bil-kundizzjoni li jintwera li l-barrani huwa effettivament residenti fit-territorju nazzjonali [...]”

Id-Digriet Presidenzjali Nru 670/1972

22

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Digriet Presidenzjali Nru 670 tat-31 ta’ Awwissu 1972, dwar l-istatus speċjali previst għar-reġjun tat-Trentino Alto Adige (ĠURI Nru 301, tal-20 ta’ Novembru 1972, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali Nru 670/1972”), li jikkostitwixxi digriet ta’ livell Kostituzzjonali, il-Provincia autonoma di Bolzano, minħabba l-kompożizzjoni partikolari tal-popolazzjoni tagħha li hija maqsuma fi tliet gruppi lingwistiċi, jiġifieri l-gruppi li jesprimu ruħhom bit-Taljan, bil-Ġermaniż u bil-Ladin (iktar ’il quddiem it-“tliet gruppi lingwistiċi”), tgawdi minn kundizzjonijiet ta’ awtonomija partikolari.

23

Skont il-punt 25 tal-Artikolu 8 tad-Digriet Presidenzjali Nru 670/1972, din l-awtonomija tinkludi, b’mod partikolari, is-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet ta’ livell leġiżlattiv fil-qasam tal-assistenza u tal-għajnuna pubblika.

24

L-Artikolu 15(2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 670/1972 jipprovdi li l-Provincia autonoma di Bolzano, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, tuża l-krediti tagħha ddestinati għal skopijiet ta’ assistenza kif ukoll għal skopijiet soċjali u kulturali fi proporzjon dirett mad-daqs ta’ kull wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi u skont l-ambitu tal-ħtiġijiet tagħhom.

Il-Liġi provinċjali

25

Għajnuna għall-akkomodazzjoni hija prevista fl-Artikolu 2(1)(k) tal-Liġi provinċjali Nru 13 tas-17 ta’ Diċembru 1998, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi provinċjali”). Din l-għajnuna, li tikkostitwixxi kontribuzzjoni għall-ħlas ta’ kiri minn kerrejja l-inqas vantaġġati sabiex ikunu jistgħu jħallsuha, titqassam fost it-tliet gruppi lingwistiċi skont l-Artikolu 15(2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 670/1972.

26

L-Artikolu 5(1) tal-Liġi provinċjali jipprovdi li l-fondi ddestinati għall-interventi msemmija fl-Artikolu 2(1)(k) ta’ din l-istess liġi għandhom jitqassmu bejn l-applikanti ta’ tliet gruppi lingwistiċi proporzjonalment mal-medja mwieżna stabbilita bejn id-daqs numeriku tagħhom u l-bżonnijiet ta’ kull grupp. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-bżonnijiet ta’ kull grupp lingwistiku huma stabbiliti kull sena abbażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati matul kull l-aħħar għaxar snin.

27

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kalkolu tad-daqs numeriku ta’ kull grupp lingwistiku jsir abbażi tal-aħħar ċensiment ġenerali tal-popolazzjoni kif ukoll fuq l-istqarrijiet ta’ appartenenza għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi li ċ-ċittadini Taljani kollha ta’ iktar minn 14-il sena u li jirrisjedu fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano huma meħtieġa li jagħmlu.

28

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju provinċjali, li hemmhekk jeżerċitaw attività professjonali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra li huma marbuta mal-għoti ta’ għajnuna fil-qasam tal-akkomodazzjoni għandhom, skont l-Artikolu 5(5) tal-Liġi provinċjali, jiddikjaraw li jappartjenu jew li għandhom konnessjoni ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi.

29

Skont l-Artikolu 5(7) tal-Liġi provinċjali, il-Giunta tiddetermina kull sena l-ammont ta’ fondi li għandhom jiġu rriżervati għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni mingħajr stat li, fid-data tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, jirrisjedu, fuq bażi permanenti u regolari, fit-territorju provinċjali għal mhux inqas minn ħames snin u li jkunu eżerċitaw attività professjonali f’dan it-territorju għal mill-inqas tliet snin. L-għadd ta’ akkomodazzjonijiet bil-kera li jistgħu jingħataw lil dawn iċ-ċittadini u persuni mingħajr stat huwa wkoll iddeterminat proporzjonalment mal-medja mwieżna bejn, minn naħa, id-daqs numeriku ta’ dawn tal-aħħar li jissodisfaw il-kriterji msemmija iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tagħhom.

Id-Deċiżjoni Nru 1885

30

Mid-Deċiżjoni Nru 1885 tal-Giunta tal-20 ta’ Lulju 2009, dwar l-ammont ta’ fondi ddestinati, għas-sena 2009, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni mingħajr stat (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1885”) jirriżulta li, fil-medja mwieżna, id-daqs numeriku tagħhom ġie attribwit koeffiċjent 5, filwaqt li l-ħtiġijiet tagħhom ġew attribwiti koeffiċjent 1.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

31

S. Kamberaj huwa ċittadin Albaniż li ilu jirrisjedi u jokkupa impjieg stabbli fil-Provincia autonoma di Bolzano mis-sena 1994. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa għandu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat.

32

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali bbenefika, mis-snin 1998 sa 2008, mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(k) tal-Liġi provinċjali

33

B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, l-IPES informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali bir-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu għal assistenza għas-sena 2009, minħabba li l-baġit iddestinat għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, stabbilit skont id-Deċiżjoni Nru 1885, kien eżawrit.

34

Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lit-Tribunale di Bolzano biex jikkonstata li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni eżerċitata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali fir-rigward tiegħu. Fil-fehma tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fil-Liġi provinċjali u d-Deċiżjoni Nru 1885 hija inkompatibbli, b’mod partikolari, mad-Direttivi 2000/43 u 2003/109, sa fejn din tirriżerva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil trattament inqas favorevoli minn dak previst għaċ-ċittadini tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

35

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Provincia autonoma di Bolzano ssostni li huwa neċessarju li jiġi previst tqassim tal-għajnuna li jkun proporzjonali mal-gruppi lingwistiċi preżenti f’din il-provinċja sabiex tinżamm il-paċi soċjali bejn il-persuni li qed ifittxu għajnuna soċjali.

36

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-Liġi provinċjali, il-popolazzjoni residenti tal-Provincia autonoma di Bolzano hija maqsuma f’żewġ kategoriji, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk huma Taljani jew ma humiex, li għalihom l-aċċess għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa mingħajr distinzjoni suġġett għall-produzzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ appartenenza għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għalihom din id-dikjarazzjoni ma hijiex meħtieġa.

37

Din il-qorti tindika li, fl-2009, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali tal-aċċess għall-akkomodazzjoni bil-kera jew bħala proprjetà, krediti għal ammont totali ta’ EUR 90 812 321.57 li minnhom EUR 21 546 197.57 bħala għajnuna għall-akkomodazzjoni u EUR 69266124 f’għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet imfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ residenza prinċipali ġew approvati għall-ewwel kategorija msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk huma Taljani jew ma humiex, u krediti għal ammont totali ta’ EUR 11604595 li minnhom EUR 10200000 f’għajnuna għall-akkomodazzjoni u EUR 1404595 f’għajnuna għall-akkwist, għall-kostruzzjoni u għar-restawr ta’ akkomodazzjonijiet intiżi sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet fil-qasam ta’ residenza prinċipali, kienu ġew approvati għat-tieni kategorija, jiġifieri dik ifformata minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

38

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunale di Bolzano rrikonoxxa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, bħala miżura kawtelatorja, il-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni mitluba għax-xhur ta’ Ottubru 2009 sa Ġunju 2010, jiġifieri għal ammont ta’ EUR 453.62 fix-xahar.

39

Peress li qies li l-eżitu tal-kawża pendenti quddiemu kien jeħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, it-Tribunale di Bolzano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipju ta’ supremazija [...] tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tapplika b’mod sħiħ u immedjat ir-regoli tal-Unjoni li jkollhom effett dirett, u li ma tapplikax regoli interni li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni anki jekk dawn [ir-regoli interni] ikunu ġew adottati biex japplikaw prinċipji fundamentali tal-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru?

2)

F’każ ta’ kunflitt bejn regola interna u l-KEDB ir-riferiment tal-Artikolu 6 TUE għall-KEDB, jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tagħti applikazzjoni diretta lill-Artikolu 14 [tal-KEDB] u lill-Artikolu 1 tal-[Protokoll Nru 12], u li ma tapplikax ir-regola interna inkompatibbli, mingħajr, qabel dan, ma jkollha tqajjem kwistjonijiet ta’ kostituzzjonalità quddiem il-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali?

3)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE, l-Artikoli 21 u 34 tal-Karta u d-Direttivi 2000/43[...] u 2003/109[...] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) bħal dik li tinsab fid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 15[2] tad-[Digriet Presidenzjali Nru 670/1972], tal-Artikoli 1 u 5 tal-1 tal-[Liġi provinċjali], kif ukoll fid-[Deċiżjoni Nru 1885], fil-parti fejn għall-benefiċċji kkunsidrati u b’mod partikolari għall-hekk imsejjaħ ‘sussidio casa’ (sussidju għad-dar) [għajnuna għall-akkomodazzjoni] tagħti importanza liċ-ċittadinanza u tagħti lill-ħaddiema residenti li ilhom residenti għal żmien tmien u li ma jappartjenux għall-Unjoni jiġifieri [jew] lill-persuni mingħajr ċittadinanza trattament agħar miċ-ċittadini residenti Komunitarji (Taljani u mhux Taljani)?

F’każ li d-domandi preċedenti jingħataw risposta affermattiva:

4)

F’każ ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni bħall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni [nondiskriminazzjoni] u l-ħtieġa ta’ ċertezza legali, meta teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni li tippermetti lill-qorti ‘tordna t-twaqqif tal-aġir li jikkawża preġudizzju u tadotta kull provvediment ieħor xieraq, skont iċ-ċirkustanzi u [sabiex ittemm] l-effetti tad-diskriminazzjoni’ u li timponi li ‘jiġi ordnat it-twaqqif tal-aġir, tal-imġiba jew tal-att diskriminatorju, fejn ikunu għadhom jeżistu, kif ukoll it-tneħħija tal-effetti’ u tawtorizza li jiġi ordnat ‘sabiex ma jiġux ripetuti, fiż-żmien stabbilit fil-provvediment, pjan ta’ tneħħija tad-diskriminazzjonijiet aċċertati’, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43[...], fil-parti fejn jipprovdi li s-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fost id-diskriminazzjonijiet aċċertati u l-effetti li għandhom jitneħħew, anki sabiex jiġu evitati diskriminazzjonijiet mhux iġġustifikati bil-maqlub, il-vjolazzjonijiet kollha li jsiru fil-konfront tad-destinatarji tad-diskriminazzjonijiet, anki jekk ma humiex parti mill-kawża?

F’każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva:

5)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE, l-Artikoli 21 u 34 tal-Karta u d-Direttivi 2000/43[...] u 2003/109[...], jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li teżiġi biss miċ-ċittadini mhux Komunitarji u mhux anki miċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani), li huma ttrattati bl-istess mod biss għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ residenza fit-territorju tal-provinċja ta’ iktar minn 5 snin, li jissodisfaw ir-rekwiżit addizzjonali ta’ tliet snin ta’ attività ta’ xogħol sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?

6)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE u l-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 TFUE flimkien mal-Artikoli 1, 21, 34 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li timponi fuq iċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani) l-obbligu li jiddikjaraw li jappartjenu għal jew jiddikjaraw li jaggregraw ruħhom [etnikament] ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistici preżenti fl-Alto Adige/Südtirol sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?

7)

Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 [TUE] u 6 TUE u l-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 TFUE flimkien mal-Artikoli 21 u 34 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali (rectius: provinċjali) li timponi fuq iċ-ċittadini Komunitarji (Taljani u mhux Taljani) l-obbligu li jkunu ilhom residenti jew jaħdmu fit-territorju tal-provinċja għal għall-inqas 5 snin sabiex ikunu eliġibbli għall-benefiċċju tas-sussidju għad-dar [għajnuna għall-akkomodazzjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u r-raba’ sas-seba’ domandi

40

Għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmla jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006. Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jkun hemm għall-funzjonament ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jinvolvi li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

42

F’dan ir-rigward, iċ-ċaħda ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali ma hijiex possibbli ħlief jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 17).

43

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-ammissibbiltà ta’ wħud mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponix fuq il-qorti nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni legali nazzjonali li tmur kontra tagħhom anki jekk tali regola ġiet adottata skont prinċipji fundamentali tas-sistema Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

45

Din id-domanda hija relatata mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-minoritajiet lingwistiċi li huwa, skont il-qorti nazzjonali, prinċipju fundamentali tas-sistema Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Issa, dan il-prinċipju ma huwiex rilevanti fil-kawża prinċipali f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini Taljani u ċ-ċittadini tal-Unjoni li għalihom, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, l-aċċess għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni hija indistintament suġġetta għall-produzzjoni ta’ sempliċi dikjarazzjoni ta’ appartenenza għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi, filwaqt li tali dikjarazzjoni ma hijiex meħtieġa min-naħa taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

46

Peress li l-ewwel domanda hija intiża, fir-realtà, sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifformula opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni ġenerali dwar sitwazzjoni li ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li din id-domanda hija inammissibbli.

Fuq ir-raba’ domanda

47

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43, li jipprovdi li s-sanzjonijiet kontra ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba r-razza jew l-etniċità għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi, jimponix fuq il-qorti nazzjonali, meta hija tikkonstata tali ksur, li ttemm il-ksur kollu li jaffettwa l-vittmi tad-diskriminazzjoni, anki jekk dawn tal-aħħar ma humiex partijiet fil-kawża.

48

F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-differenza fit-trattament li tagħha r-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li huwa vittma meta pparagunat maċ-ċittadini Taljani hija fondata fuq l-istatus tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

49

Issa, skont l-Artikoli 1 u 2(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43, din tapplika unikament għad-diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba r-razza jew l-etniċità. L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din ma tkoprix id-differenza fit-trattamenti msejsa fuq iċ-ċittadinanza u hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istatus legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat.

50

Minn dan isegwi li d-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 u li r-raba’ domanda hija inammissibbli.

Fuq il-ħames domanda

51

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-Direttivi 2000/43 u 2003/109, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali li timponi biss liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u mhux liċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk ikunu Taljani jew ma jkunux, kundizzjoni supplimentari għal dik dwar l-obbligu ta’ residenza fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano għal iktar minn ħames snin, li tistabbilixxi li huwa meħtieġ li dawn iċ-ċittadini jeżerċitaw attività professjonali għal mhux inqas minn tliet snin sabiex jaċċedu għall-benefiċċju tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni.

52

Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ tqassim tal-fondi ddestinati għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni previst mil-Liġi provinċjali u d-Deċiżjoni Nru 1885.

53

Ma huwiex ikkontestat li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjoni imposta fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Artikolu 5(7) tal-Liġi provinċjali, jiġifieri dik dwar l-obbligu li jkunu eżerċitaw attività professjonali fil-Provincia autonoma di Bolzani għal mhux inqas minn tliet snin, kienet sodisfatta mir-rikorrent fil-kawża prinċipali u li l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għall-akkomodazzjoni ma kinitx ġiet miċħuda għar-raġuni li huwa ma ssodisfax tali kundizzjoni.

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames domanda, li ma għandha ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

55

Permezz tas-sitt u s-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 TUE, 6 TUE, 18 TUE, 45 TFUE kif ukoll 49 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 21 u 34 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali li timponi liċ-ċittadini tal-Unjoni, sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, l-obbligu, minn naħa, ta’ residenza jew li jeżerċitaw impjieg fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano għal mhux inqas minn ħames snin kif ukoll, min-naħa l-oħra, li ssir dikjarazzjoni ta’ appartenenza jew ta’ konnessjoni ma’ wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi preżenti f’dan it-territorju.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 31 u 52 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li ilu jirrisjedi, għal diversi snin, fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano u li l-kawża prinċipali tirrigwarda ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għall-akkomodazzjoni minħabba l-eżawriment tal-baġit previst għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u minħabba l-fatt li l-fondi neċessarji għall-ħlas ta’ din l-għajnuna għal dawn iċ-ċittadini ma humiex iktar disponibbli.

57

Il-qorti tar-rinviju ma wrietx ir-raġuni li għaliha l-invalidazzjoni, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, tal-kundizzjonijiet ta’ residenza jew lingwistiċi imposti fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna għall-akkomodazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni stabbilita mill-Provincia autonoma di Bolzano jista’ jkollha konnessjoni mal-fatti u s-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li s-sitt u s-seba’ domandi magħmula minn din il-qorti huma inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ ta’ kunflitt bejn regola tad-dritt nazzjonali u l-KEDB, ir-riferiment magħmul għal din tal-aħħar mill-Artikolu 6 TUE jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tapplika direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 14 tagħha kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12, billi ma tapplikax id-dispożizzjoni legali nazzjonali inkompatibbli, mingħajr ma jkollha l-obbligu li tqajjem l-ewwel nett il-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità quddiem il-Corte costituzionale.

60

Skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

61

Din id-dispożizzjoni tat-Trattat UE tirrifletti l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 112).

62

Madankollu, l-Artikolu 6(3) TUE ma jirregolax ir-relazzjoni bejn il-KEDB u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u lanqas ma jiddetermina l-konsegwenzi li għandha tasal għalihom il-qorti nazzjonali fil-każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni u dispożizzjoni legali nazzjonali.

63

Għalhekk it-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li r-riferiment li jsir fl-Artikolu 6(3) TUE għall-KEDB ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni legali nazzjonali u l-KEDB, li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, billi ma tiġix applikata d-dispożizzjoni legali nazzjonali inkompatibbli magħha.

Fuq it-tielet domanda

64

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2003/43 u 2003/109, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil minn dak irriżervat għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk ikunu ċittadini Taljani jew ma jkunux, residenti fit-territorju tal-Provincia autonoma di Bolzano.

65

Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza, id-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

66

Fir-rigward tad-Direttiva 2003/109, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li s-sistema stabbilita minnha tindika b’mod ċar li l-kisba tal-istatus ta’ residenti għal żmien twil mogħti skont din id-direttiva hija suġġetta għal proċedura partikolari u, minbarra dan, għall-obbligu li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ippreċiżati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

67

Għalhekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi li l-Istati Membri jirriżervaw l-għoti tal-istatus ta’ residenti għal żmien twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-kisba ta’ dan l-istatus għall-prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob il-benefiċċju ta’ dan l-istatus jkollu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tal-istess direttiva jippreċiża r-rekwiżiti proċedurali għall-kisba ta’ dan l-istatus.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux l-istatus ta’ resident għal żmien twil, b’mod li jista’ jitlob, skont din id-direttiva, il-benefiċċju ta’ ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membri kkonċernat, skont l-Artikolu 11(1) tagħha.

69

Attwalment għandu jiġi eżaminat jekk mekkaniżmu ta’ tqassim tal-fondi ddestinati għal għajnuna għall-akkomodazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109.

– Fuq id-differenza fit-trattament u l-paragun tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

70

Għandu, fl-ewwel lok, jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, kemm għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk ikunu Taljani jew mhux, kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Liġi provinċjali tqassam il-fondi ddestinati għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni abbażi ta’ medja mwieżna stabbilita skont id-daqs numeriku ta’ kull kategorija u tal-bżonnijiet tagħha.

71

Madankollu, filwaqt li, għaċ-ċittadini Taljani u ċ-ċittadini tal-Unjoni li għalihom, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, l-aċċess għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa indistintivament suġġett għall-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ appartenenza għal wieħed mit-tliet gruppi lingwistiċi, iż-żewġ fatturi meħuda inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-medja mwieżna huma suġġetti għall-istess koeffiċjent, jiġifieri koefiċċjent 1, għaċ-ċitttadini ta’ pajjiż terz, skont id-Deċiżjoni Nru 1885, fejn il-fattur dwar id-daqs numeriku tagħhom ġie attribwit koeffiċjent 5, filwaqt li l-bżonnijiet tagħhom ġew assenjati koeffiċjent 1.

72

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, mis-sena 2009, id-determinazzjoni tal-parti tal-fondi mogħtija, bħala għajnuna għall-akkomodazzjoni, liċ-ċittadini tal-Unjoni minn naħa u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, kienet għalhekk suġġetta għal metodu ta’ kalkolu differenti. L-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti differenti għandha bħala effett li tisfavorixxi l-kategorija komposta minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, peress li l-baġit disponibbli sabiex jiġu sodisfatti l-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-akkomodazzjoni tagħhom hija iktar imnaqqsa, u għalhekk toħloq riskju li jiġi eżawrit iktar malajr, b’riżultat li dan ikollu effett fuq dawn iċ-ċittadini.

73

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li d-differenzjali bejn il-koeffiċjenti dwar id-daqs numeriku taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minn naħa, u taċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk ikunu Taljani jew ma jkunux, li jappartjenu għat-tliet gruppi lingwistiċi, min-naħa l-oħra, joħloq differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ benefiċjarji.

74

Fir-rigward tal-paragun bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, kemm jekk ikunu Taljani jew ma jkunux, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Provincia autonoma di Bolzano ssostni li l-użu ta’ mekkaniżmi differenti sabiex jiġi stabbilit id-daqs numeriku ta’ dawn iż-żewġ kategoriji jew sabiex jiġu kkwantifikati l-bżonnijiet tagħhom juri li huma ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

75

Madankollu, anki jekk jitqies li diffikultajiet statistiċi jew amministrattivi jeżistu, kif il-Provincia autonoma di Bolzano ssostni, sabiex jiġu amministrati l-applikazzjonijiet għal għajnuna għall-akkomodazzjoni b’mod partikolari minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dawn id-diffikultajiet ma jispjegawx ir-raġuni li għaliha s-sitwazzjoni ta’ tali ċittadini, li jkunu kisbu l-istatus mogħti mid-Direttiva 2003/109, ikunu ssodisfaw kemm il-proċedura kif ukoll il-kundizzjonijiet previsti f’din id-direttiva u li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż relatati mal-akkomodazzjoni, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu l-istess bżonn ekonomiku.

– Fuq id-differenza fit-trattament fid-dawl tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109

76

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, dak li l-Provinca autonoma di Bolzano tikkontesta, id-differenza fit-trattament kif ikkonstatata taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109, b’mod partikolari tal-Artikolu 11 tagħha, fejn il-pargrafu (1)(d) jipprovdi għar-residenti għal żmien twil il-benefiċċju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali, kif dawn il-kunċetti huma ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment espress għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif huwa l-każ fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti għat-termini kkonċernati definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 14). Fil-fatt, tali riferiment jimplika li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq josserva d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri rigward id-definizzjoni u l-portata eżatta tal-kunċetti inkwistjoni.

78

Madankollu, l-assenza ta’ definizzjoni awtonoma u uniformi, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali u r-riferiment għad-dritt nazzjonali, li jinsabu fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, dwar dawn il-kunċetti ma jimplikawx li l-Istati Membri jistgħu jippreġudikaw l-effettività tad-Direttiva 2003/109 waqt l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’dan l-artikolu.

79

Mill-premessa 3 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari, mill-Karta, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati. Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

80

Minn dan isegwi li, meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ sigurtà soċjali, ta’ għajnuna soċjali u ta’ protezzjoni soċjali ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għadhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji previsti mill-Karta, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni, u għalhekk l-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tagħha, “tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont [ir-regoli] stabbiliti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

81

Peress li kemm l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll l-Artikolu 34(3) tal-Karta jirreferu għad-dritt nazzjonali, hija l-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ integrazzjoni mfittex minn din id-direttiva, li għandha tevalwa jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni kif prevista mil-Liġi provinċjali taqax taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 11(1)(d), ħaġa li l-Provincia autonoma di Bolzano tikkontesta.

– Fuq l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109

82

Peress li l-qorti tar-rinviju tista’ tikkunsidra li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk il-Provincia autonoma di Bolzano tistax, kif hija ssostni, tillimita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit f’dan l-Artikolu 11(1) skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu.

83

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fil-qasam tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-benefiċċji prinċipali. L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ma jippermettix, min-naħa l-oħra, deroga għal dan il-prinċipju fir-rigward ta’ benefiċċji li jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali kif iddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

84

Mill-premessa 13 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ benefiċċji jew ta’ benefiċċji prinċipali jkopri tal-inqas dħul minimu ta’ sostenn, assistenza fil-każ ta’ mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f’perijodu twil ta’ żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji jew benefiċċji prinċipali għandhom ikunu stabbiliti, skont din il-premessa, mil-liġi nazzjonali.

85

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-lista stabbilita f’din il-premessa 13 u li tispjega l-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” li jinsab fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex eżawrjenti, kif jikkonferma l-użu tat-termini “ta’ l-anqas”. Il-fatt li ebda riferiment espress ma sar f’din il-premessa għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni ma jimplikax għalhekk li din l-għajnuna ma tikkostitwixxix “benefiċċji prinċipali” li għalihom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu neċessarjament jiġi applikat.

86

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li peress li l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil fl-Istati Membri u d-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini għall-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 huma r-regola ġenerali, id-deroga prevista fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C-578/08, Ġabra p. I-1839, punt 43).

87

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li awtorità pubblika, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, ma tistax tinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ħlief jekk l-entitajiet kompetenti fl-Istat Membri kkonċernat għall-implementazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokaw din id-deroga.

88

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-Repubblika Taljana kienet uriet l-intenzjoni tagħha li tirrikorri għad-deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

89

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għad-dritt nazzjonali magħmul fil-premessa 13 ta’ din id-direttiva huwa limitat għall-modalitajiet għall-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni, jiġifieri d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-livell ta’ tali benefiċċji kif ukoll il-proċeduri relatati magħhom.

90

Is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” li jinsab fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2009/109 għandhom għalhekk jiġu mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jinsab fih dan l-artikolu u l-għan segwit minn din id-direttiva, jiġifieri l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu residenti legalment u għal żmien twil fl-Istati Membri.

91

L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 għandu jinftiehem bħala jippermetti lill-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament li minnha jibbenefika min għandu l-istatus mogħti mid-Direttiva 2003/109, bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 34 tal-Karta, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti. Minn dan isegwi li, sa fejn l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-għan stabbilit minn dan l-artikolu tal-Karta, hija ma tistax tiġi kkunsidrata, fid-dritt tal-Unjoni, bħala li ma tagħmilx parti mill-benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din l-għajnuna, l-ammont tagħha, il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha u l-pożizzjoni ta’ din l-għajnuna fis-sistema ta’ għajnuna soċjali Taljana.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ residenti għal żmien twil mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta pparagunat ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali residenti fl-istess provinċja jew reġjun waqt it-tqassim tal-fondi ddestinati għal din l-għajnuna, sakemm tali għajnuna taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni u sakemm il-paragrafu 4 tal-istess artikolu ma japplikax.

Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel u r-raba’ sas-seba’ domandi magħmula mit-Tribunale di Bolzano fil-Kawża C-571/10 huma inammissibbli.

 

2)

Ir-riferiment li jagħmel l-Artikolu 6(3) TUE għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB) ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fil-każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni legali nazzjonali u din il-konvenzjoni, li jiġu applikati direttament id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, billi ma tiġix applikata d-dispożizzjoni legali nazzjonali inkompatibbli magħha.

 

3)

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, trattament differenti għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ residenti għal żmien twil mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva meta pparagunat ma’ dak irriżervat għaċ-ċittadini nazzjonali residenti fl-istess provinċja jew reġjun waqt it-tqassim tal-fondi ddestinati għal din l-għajnuna, sakemm tali għajnuna taqa’ taħt waħda mit-tliet kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni u sakemm il-paragrafu 4 tal-istess artikolu ma japplikax.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top