EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0534

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2012.
Brookfield New Zealand Ltd u Elaris SNC vs Uffiċċju Komunitarju ta’ Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) u Schniga GmbH.
Appell — Dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Artikolu 73(2) — Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal dritt Komunitarju mill-Bord tal-Appell tas-CPVO — Setgħa diskrezzjonali — Stħarriġ tal-Qorti Ġenerali — Artikolu 55(4) moqri flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) — Dritt tas-CPVO li tagħmel talba ġdida sabiex jintbagħat materjal tal-pjanti.
Kawża C‑534/10 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:813

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Appell — Dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Artikolu 73(2) — Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal dritt Komunitarju mill-Bord tal-Appell tas-CPVO — Setgħa diskrezzjonali — Stħarriġ tal-Qorti Ġenerali — Artikolu 55(4) moqri flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) — Dritt tas-CPVO li tagħmel talba ġdida sabiex jintbagħat materjal tal-pjanti”

Fil-Kawża C-534/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2010,

Brookfield New Zealand Ltd, stabbilita f’Havelock North (New Zealand),

Elaris SNC, stabbilita f’Angers (Franza),

irrappreżentati minn M. Eller, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Uffiċċju Komunitarju ta’ Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad u M. Lightbourne, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Schniga GmbH, stabbilita f’Bolzano (l-Italja), irrappreżentata minn G. Würtenberger, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits (Relatur), J.- J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Brookfield New Zealand Limited (iktar ’il quddiem “Brookfield”) u Elaris SNC (iktar ’il quddiem “Elaris”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2010, Schniga vs CPVO — Elaris u Brookfield New Zealand (Gala Schnitzer) (T-135/08, Ġabra p. II-5089, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju ta’ Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) tal-21 ta’ Novembru 2007, dwar l-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet tal-pjanti għall-varjetà tal-pjanta Gala Schnitzer (kawżi A 003/2007 u A 004/2007, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2506/95, tal-25 ta’ Ottubru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 3, Vol. 18, p. 255, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2100/94”):

“Varjetà tkun meqjusa li tkun ġdida jekk, fid-data ta’ l-applikazzjoni stabbilta skond l-Artikolu 51, il-kostitwenti tal-varjetajiet jew materjal maħsud tal-varjetajiet ma jkunux ġew mibjugħa jew b’mod ieħor mogħtija lil ħaddieħor, mill-, jew bil-kunsens ta’, min irrabbihom skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 11, għal għanijiet ta’ l-esplojtazzjoni tal-varjetajiet

a)

aktar kmieni minn sena qabel ’il fuq imsemmija data, fit-territorju tal-Komunità;

[...]”

3

L-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiża l-kompetenzi tas-CPVO dwar il-proċedura għall-għoti ta’ dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti:

“L-Uffiċċju għandu jistabbilixxi, permezz ta’ regoli ġenerali jew permezz ta’ talbiet f’każi ndividwali, meta, fejn u f’liema kwantitajiet u kwalitajiet il-materjal għall-eżami tekniku u r-referenza ta’ kampjuni għandhom jinbagħtu”.

4

L-Artikolu 61(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal dritt:

“L-Uffiċċju għandu jiċħad l-applikazzjonijiet għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti malli jiġi stabbilit li l-applikant

[...]

b)

ma kienx konformi ma’ regola jew mat-talba skond l-Artikolu 55 (4) jew (5) fil-limitu ta’ żmien ipprovdut, sakemm l-Uffiċċju ma kienx aċċetta li l-applikazzjoni ma ntbagħtitx;

[...]”

5

L-Artikolu 73(1) sa (3) tar-regolament, intitolat “Azzjonijiet kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell”, jipprovdi:

“1.   Azzjonijiet jistgħu jnġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell fuq appelli.

2.   L-azzjoni tista’ tinġieb fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ bżonn proċedurali essenzali, ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regoalment jew ta’ xi regola ta’ liġi dwar l-applikazzjoni tagħha, jew użu ħażin tal-poter.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.”

6

L-Artikolu 80(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Meta, minkejja li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari, l-applikant għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew id-detentur jew xi parti oħra fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju ma setgħax josserva l-limitu ta’ żmien rigward l-Uffiċċju, id-drittijiet tiegħu għandhom, b’applikazzjoni, jingħataw lura jekk in-nuqqas tiegħu dwar il-limitu ta’ żmien jirriżulta direttament, permezz ta’ dan ir-Regolament, fit-telf ta’ xi dritt jew mezz ta’ rimedju.”

7

Kif previst mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 2506/95, jaqbel li r-regoli applikabbli għall-appelli li jistgħu jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tas-CPVO jew tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu stabbiliti mir-Regolament Nru 2100/94, ikunu konformi ma’ dawk li jistabbilixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Novembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

8

Fit-18 ta’ Jannar 1999, il-Konsortium Südtiroler Baumschuler (iktar ’il quddiem il-“KSB”), li Schniga GmbH hija l-aventi kawża tiegħu, (iktar ’il quddiem “Schniga”), ressaq applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet tal-pjanti fi ħdan is-CPVO għall-varjetà tat-tuffieħ (Malus Mill) Gala Schnitzer, li inizjalment kienet imsemmija Schniga.

9

Is-CPVO talab lill-Bundessortenamt (Uffiċju Federali ta’ Varjetajiet tal-Pjanti, il-Ġermanja) jagħmel l-eżami tekniku msemmi fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

10

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 1999, is-CPVO talab lil KSB jippreżentalu, kif ukoll lill-Bundessortenamt, il-materjal tal-pjanti neċessarju għall-eżami tekniku bejn l-1 u l-15 ta’ Marzu 1999. Is-CPVO ippreċiża wkoll li huwa l-KSB li għandu josserva l-kundizzjonijiet fitosanitarji u doganali kollha applikabbli f’dak li jikkonċerna l-kunsinna tal-materjal.

11

Il-KSB ipprovda l-materjal mitlub fit-terminu stabbilit.

12

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 1999, is-CPVO rrikonoxxa li rċieva l-materjal mitlub, iżda indika li dan ma kellux miegħu ċertifikat fitosanitarju. Għalhekk, talab lil KSB jipprovdilu dan id-dokument indispensabbli “mill-iktar fis possibli”.

13

Fit-23 ta’ April 1999, il-KSB bagħat lill-Bundessortenamt passaport fitosanitarju Ewropew u ppreċiża li l-awtorità li kienet ħarġitu, id-dipartiment tal-protezzjoni tal-pjanti ta’ Bolzano (l-Italja), kien indika li dan id-dokument kien ekwivalenti għaċ-ċertifikat fitosanitarju.

14

Fit-3 ta’ Mejju 1999, il-Bundessortenamt informa lill-KSB li l-materjal wasal fit-terminu previst u li dan kien kif suppost. Barra minn hekk, huwa indika li l-passaport fitosanitarju Ewropew ipprovdut kien biżżejjed fid-dawl tal-eżami tekniku u tal-verifika tal-kundizzjonijiet materjali tal-għoti tad-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet tal-pjanti. Madankollu, il-Bundessortenamt talab kopja ta’ ċertifikat uffiċjali li tiddikjara l-assenza ta’ virus fil-materjal ippreżentat.

15

Fl-2001, il-KSB avża lill-Bundessortenamt li kien impossibbli għalih li jipproduċi l-prova dokumentali mitluba. Kien jidher li l-materjal ippreżentat fix-xahar ta’ Marzu 1999 fid-dawl tal-eżami tekniku ma kienx nieqes minn virus. Konsegwentement, il-Bundessortenamt informa lis-CPVO bl-intenzjoni tiegħu li kien se jaqla’ mill-għeruq il-materjal ipprovdut infettat sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-infezzjoni fuq il-pjanti l-oħra.

16

Fit-13 ta’ Ġunju 2001, is-CPVO indika lill-KSB, permezz ta’ ittra elettronika li, skont il-Bundessortenamt, kien permess li jippreżenta materjal tal-pjanti ġdid u li ma kienx infettat bil-virus sabiex ikompli l-eżami mitlub. Is-CPVO ġġustifika d-deċiżjoni tiegħu bil-fatt li l-istruzzjonijiet mibgħuta dwar l-istatus fitosanitarju tal-materjal ma kinux ċari biżżejjed, peress li ma kinux jippreċiżaw li dan ma kienx infettat bil-virus. Għalhekk, il-KSB ma jistax jiġi kkunsidrat responsabbli għas-sitwazzjoni.

17

Fil-5 ta’ Mejju 2006, Elaris u Brookfield rispettivament detenturi ta’ liċenzja relatata mad-dritt ta’ protezzjoni tal-varjetà Baigent u detentriċi ta’ dan id-dritt, bagħtu l-oġġezzjonijiet tagħhom lis-CPVO, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2100/94, għall-għoti ta’ dritt għall-varjetà Gala Schnitzer. L-oġġezzjonijiet kienu bbażati fuq id-dritt ta’ protezzjoni preċedenti tal-varjetà tat-tuffieħ (Malus Mill) Baigent.

18

Il-motivi invokati minn Brookfield huma relatati man-nuqqas ta’ natura distintiva suffiċjenti tal-varjetà mitluba fil-konfront tal-varjetà ta’ referenza li hija detentriċi tagħha. Barra minn hekk, hija tikkontesta d-dritt rikonoxxut lil KSB li jibgħat mill-ġdid materjal tal-pjanti li ma huwiex infettat mill-virus meta s-CPVO kellu jiċħad it-talba inizjali tiegħu.

19

Permezz tad-deċiżjonijiet EU 18759, OBJ 06-021 u OBJ 06-022, tas-26 ta’ Frar 2007, il-kumitat kompetenti tas-CPVO ta dritt lill-varjetà Gala Schnitzer, peress li qies li din kienet tiddistingwi ruħha biżżejjed mill-varjetà ta’ referenza Baigent. Barra minn hekk, ċaħad l-oġġezzjonijiet ta’ Brookfield.

20

Fil-11 ta’ April 2007, Brookfield ippreżentat appell, skont l-Artikoli 67 sa 72 tar-Regolament Nru 2100/94, kontra d-deċiżjonijiet tal-kumitat.

21

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tal-imsemmi kumitat u huwa stess ċaħad it-talba għal dritt ta’ protezzjoni fir-rigward tal-varjetà Gala Schnitzer. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li l-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94 ma kienx jippermetti lis-CPVO jawtorizza lil KSB jippreżenta materjal ġdid, peress li dan tal-aħħar ma kienx konformi mat-talbiet individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) tal-imsemmi regolament, li jinsabu fl-ittri tas-26 ta’ Jannar 1999 u tal-25 ta’ Marzu 1999.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2008, Schniga talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motivi segwenti:

l-inammissibbiltà tal-oġġezzjonijiet indirizzati lis-CPVO minn Elaris u Brookfield;

il-ksur tal-Artikolu 61(1)(b) u tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 2100/94;

il-ksur tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94.

23

Elaris u Brookfield ipparteċipaw għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti insostenn tas-CPVO. Matul is-seduta, is-CPVO biddel it-talbiet tiegħu u ngħaqad mal-pożizzjoni difiża minn Schniga.

24

Wara li ddikkjarat l-ewwel motiv ta’ Schniga inammissibbli, il-Qorti Ġenerali daret fuq l-ammissibbiltà tat-tielet motiv, ikkontestat minn Elaris u Brookfield.

25

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien ikkwalifika legalment l-ittri tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999, b’mod li din il-kwalifika kienet suġġetta għall-istħarriġ tagħha.

26

Fl-eżami fil-mertu tat-tielet motiv ta’ Schniga, il-Qorti Ġenerali warrbet, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jgħidu li peress li KSB ma kienx ikkonforma mat-talbiet individwali li jinsabu fl-ittri tas-CPVO tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999, dan l-uffiċju kellu jiċħad it-talba ta’ KSB fir-rigward tal-varjetà Gala Schnitzer

27

L-argumenti tal-Qorti Ġenerali, li skonthom ġie kkunsidrat li s-CPVO ma kinitx kisret l-estensjoni tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, jirriżultaw mill-punti 64 sa 80 tas-sentenza appellata.

28

Fl-ewwel lok, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li huwa konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll man-neċessità li jiġu mħarsa l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċedimenti li, meta jqis li n-nuqqas ta’ preċiżjoni li huwa jkun innota jkun jista’ jiġi korrett, is-CPVO jkollu l-possibbiltà li jkompli l-eżami tal-applikazzjoni ppreżentata quddiemu u ma huwiex marbut, f’dan il-każ, li jiċħadha.

29

Barra minn hekk, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li tali setgħa diskrezzjonali tippermetti, minn naħa, li s-CPVO jiżgura li t-talbiet individwali tiegħu jkunu ċari u, min-naħa l-oħra, li l-applikanti jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

30

Wara li fakkret l-iskambji kollha bejn is-CPVO u l-KSB, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-ittri tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999 kien fihom nuqqas ta’ preċiżjoni dwar il-fatt li l-materjal tal-pjanti li kellu jiġi ppreżentat kellu jkun ħieles minn virus u li, għalhekk, l-ittra elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2001 kienet intiża sabiex tirrimedja dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni.

31

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala ineffettivi l-allegazzjonijiet ta’ Elaris u ta’ Brookfield ibbażati fuq allegata male fide ta’ KSB fil-proċedura ta’ eżami tat-talba tagħha u indikat li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94 ma kinx relevanti f’dan il-każ.

32

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv imqajjem minn Schniga u annullat id-deċiżjoni kkontestata.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu;

sussidjarjament, tiddeċiedi b’mod definittiv u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lil Schniga għall-ispejjeż.

34

Is-CPVO u Schniga jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell tal-appellanti, u

tikkundannahom għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

35

L-appellanti jsostnu żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94, u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 55(4), tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 61(1)(b), u 80 ta’ dan l-istess regolament.

Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94

L-argumenti tal-partijiet

36

L-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjajru billi għamlet eżami mill-ġdid tal-fatti fil-kuntest tat-tielet motiv imressaq quddiemha. Għalhekk, is-sentenza appellata tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid tan-notifika u tal-portata tal-ittri tas-CPVO tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999. Issa, skont l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

37

Is-CPVO u Schniga jsostnu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti biss sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, li jaqa’ barra mill-portata tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet stħarriġ tal-kwalifika legali tal-fatti mill-Bord tal-Appell, eżerċizzju li jaqa’ fi kwalunkwe każ taħt il-kompetenza tagħha. Għaldaqstant, l-argumenti tal-appellanti huma inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Għandu jitfakkar li, skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2506/95, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94 ġie emendat sabiex ikunu jikkonformaw ir-regoli applikabbli għall-appelli li jistgħu jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tas-CPVO jew tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu u dawk previsti mir-Regolament Nru 40/94.

39

Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ripetutament, fir-rigward tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, ifformulat f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 2100/94, li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minnhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu tressqu quddiem l-imsemmija bordijiet. Għalhekk, fil-limiti tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħmel stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, skont il-bżonn, billi tfittex jekk dawn il-Bordijiet tawx kwalifika ġuridika eżatta lill-fatti inkwistjoni jew jekk l-evalwazzjoni tal-fatti esposti quddiem dawn il-Bordijiet kinitx ivvizzjata bi żbalji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punti 38 u 39).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet kompetenza simili tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tas-CPVO jew tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C-38/09 P, Ġabra p. I-3209, punt 69).

41

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-ittri tas-26 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Marzu 1999 kien fihom talbiet individwali.

42

F’dan il-kuntest, peress li jaqbel li tiġi rikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali kompetenza ta’ evalwazzjoni identika fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tas-CPVO jew tal-Bordijiet tal-Appell tiegħu, din ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikoli 61(1)(b), u Artikolu 80 ta’ dan l-istess regolament.

L-argumenti tal-partijiet

44

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li kkunsidrat li l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jippermetti lis-CPVO tressaq talba individwali dwar il-preżentazzjoni ta’ dokumenti sanitarji, differenti mit-talba ta’ preżentazzjoni tal-materjal tal-pjanti neċessarju għall-eżami tekniku.

45

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 55(4) moqri flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94 billi ddeċidiet li s-CPVO kien suxxettibbli li jawtorizza l-preżentazzjoni ta’ materjal tal-pjanti ġdid fl-iskadenza tat-terminu indikat fl-ewwel talba għal materjal. Barra minn hekk, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-kliem “mill-iktar fis possibbli” li jinsabu fl-ittra tal-25 ta’ Marzu 1999 ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala terminu relatat ma’ talba individwali.

46

It-tielet nett, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali lis-CPVO billi ppermettietlu li jirrimedja huwa stess in-nuqqasijiet ta’ preċiżjoni tat-talbiet individwali mingħajr, madankollu, ma segwiet il-proċedura partikolari prevista fl-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, kif ukoll li ddikjarat bħala irrelevanti l-kwistjoni tal-allegata mala fide tal-applikant.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Għalhekk, kif jirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-CPVO għandu d-dritt li jippreċiża l-kundizzjonijiet li għalihom huwa jissuġġetta l-eżami ta’ applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti, sakemm it-terminu li fih l-awtur tal-applikazzjoni għad-dritt għandu jirrispondi għat-talba individwali indirizzata lilu jkun għadu ma skadiex.

48

Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, minn naħa, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-ittra tal-25 ta’ Marzu 1999 kienet tikkostitwixxi talba individwali dwar il-prova dokumentarja li tikkonċerna l-materjal tal-pjanti li għandu jiġi eżaminat, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 72 ta’ din l-istess sentenza, li l-ittra elettronika tas-CPVO tat-13 ta’ Ġunju 2001 kienet tinkludi talba individwali ta’ kunsinna ta’ materjal tal-pjanti, fis-sens tal-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li s-CPVO ma kienx qabeż is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

49

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi.

50

Fil-fatt, mill-ewwel, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li x-xogħol tas-CPVO huwa kkaratterizzat minn kumplessità xjentifika u teknika tal-kundizzjonijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal dritt Komunitarju, b’mod li għandu jiġi rikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schräder vs OCPD, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77). Barra minn hekk, fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, is-CPVO jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, jekk jikkunsidra li jkun neċessarju, fatti u provi invokati jew prodotti tardivament (ara, b’analoġija f’dak li jikkonċerna l-UASI, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punt 42).

51

Min-naħa l-oħra, is-CPVO bħala organu tal-Unjoni huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li skont dan għandu jeżamina b’kura u imparzjalità l-elementi kollha relevanti ta’ kawża u jiġbor l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Għalhekk, għandu, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, jiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li jimplementa.

52

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li s-CPVO jistabbilixxi, permezz ta’ regoli ġenerali jew f’talbiet individwali, id-data u l-post ta’ preżentazzjoni tal-materjal intiż għall-eżami tekniku u l-kampjuni ta’ referenza, kif ukoll il-kwalità u l-kwantità ta’ dan il-materjal u ta’ dawn il-kampjuni.

53

Issa, u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandu s-CPVO, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li twaqqfu milli jagħmel talba separata għal materjal tal-pjanti li għandu jiġi eżaminat u għal-provi dokumentarji dwar dan il-materjal. Għalhekk, kif irrelevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-appellati, l-ittra tal-25 ta’ Marzu 1999 hija dwar il-kwalità tal-materjal tal-pjanti li għandu jiġi eżaminat, kwalità li hija preċiżament suxxettibbli, skont l-Artikolu 55(4) tar-Regolament Nru 2100/94, li tkun is-suġġett ta’ talba individwali.

54

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-CPVO kellu d-dritt li jagħmel talba ġdida sabiex jintbagħat materjal tal-pjanti sabiex jiġi eżaminat.

55

Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tan-neċessità li jiġi żgurat żvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri, u sa fejn is-CPVO jikkunsidra, kif jirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza appellata u li fil-fatt l-appellanti ma jikkontestawx, li t-talba inizjali tiegħu kien fiha xi nuqqas ta’ preċiżjoni, huwa kellu jitlob lil KSB jibgħatlu materjal tal-pjanti li jikkorrispondi għall-eżiġenzi ppreċiżati f’talba individwali ġdida.

56

F’dan il-kuntest, minn naħa, l-appellanti ma jistgħux isostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li s-CPVO kellu jiċħad l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju ta’ KSB abbażi tal-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament Nru 2100/94. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika meta s-CPVO jikkonstata li l-applikant ma kkonformax għal talba individwali fit-terminu stabbilit. Issa, f’dan il-każ, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, is-CPVO kkunsidra li KSB ma setax jikkonforma mat-talba individwali inizjali minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, is-CPVO ma setax jiċħad l-applikazzjoni għal dritt Komunitarju magħmula minn KSB mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi.

57

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni mala fide ta’ KSB, għandu jiġi kkkonstatat li dawn ma ppreċiżawx sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-aġir ta’ KSB ma kellux x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk is-CPVO kellux il-fakultà li jirrimedja għan-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-talbiet individwali tagħha.

58

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jressqu l-ebda prova li tikkontesta din l-evalwazzjoni.

59

F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar lok, il-ksur allegat tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94, huwa biżżejjed li jitfakkar li din id-dispożizzjoni tinkludi biss il-każijiet fejn l-applikant għal dritt Komunitarju ma jkunx f’pożizzjoni li josserva t-terminu fil-konfront tas-CPVO. F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-diversi talbiet individwali li ġew mibgħuta lil KSB wara t-talba għal dritt Komunitarju tagħha saru fil-kuntest tal-istess proċedura minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ewwel stedina tas-CPVO sabiex jintbagħtlu l-materjal kif ukoll id-dokumenti neċessarji għall-eżami tal-imsemmija talba. Minn dan isegwi li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94 ma japplikax f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ.

60

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

61

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-CPVO talab għall-kundanna tal-appellanti u dawn tal-aħħar tilfu fit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Brookfield New Zealand Ltd u Elaris SNC huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top