Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0456

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-26 ta’ April 2012.
    Asociación Nacional de Expendedores de Tabaco y Timbre (ANETT) vs Administración del Estado.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
    Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 34 TFUE u 37 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw prodotti tat-tabakk — Regola dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk — Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tal-konsumaturi.
    Kawża C-456/10.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:241

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    26 ta’ April 2012 ( *1 )

    “Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 34 TFUE u 37 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw prodotti tat-tabakk — Regola dwar l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk — Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tal-konsumaturi”

    Fil-Kawża C-456/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

    Asociación Nacional de Expendedores de Tabaco y Timbre (ANETT)

    vs

    Administración del Estado,

    fil-preżenza ta’:

    Unión de Asociaciones de Estanqueros de España,

    Logivend SLU,

    Organización Nacional de Asociaciones de Estanqueros,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Asociación Nacional de Expendedores de Tabaco y Timbre (ANETT), minn J. E. Garrido Roselló, avukat,

    għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. Tidore, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Alcover San Pedro, L. Banciella u G. Wilms, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Asociación Nacional de Expendedores de Tabaco y Timbre (ANETT) u l-Administración del Estado dwar dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lill-proprjetarji ta’ ħwienet tat-tabakk u tal-bolol (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk”) milli jimportaw prodotti tat-tabakk li joriġinaw fi Stati Membri oħra.

    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

    3

    Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Liġi Nru 13/1998 li torganizza s-suq tat-tabakk u l-leġiżlazzjoni fiskali (Ley 13/1998 de Ordenación del Mercado de Tabacos y Normativa Tributaria), tal-4 ta’ Mejju 1998 (BOE no 107, tal-5 ta’ Mejju 1998, p. 14871), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 13/1998”):

    “1.   Is-suq tat-tabakk huwa lliberalizzat, suġġett għal-limitazzjonijiet iffissati f’din il-liġi u, għalhekk, il-monopolji fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati barra l-Komunitajiet [...] huma mħassra fit-territorju tal-peniżola, il-Gżejjer Baleariċi, Ceuta u Melilla.

    2.   Kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha kapaċità legali biex teżerċita kummerċ tista’ twettaq l-attivitajiet speċifikati fil-paragrafu 1, bil-mod u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din il-liġi. Madankollu, persuni li huma involuti f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati hawn taħt, jew li jiġu involuti, ma jistgħux iwettqu l-imsemmija attivitajiet:

    [...]

    c)

    tkun [bejjiegħ bl-imnut tat-tabakk], li jkollu awtorizzazzjoni għal ħanut suġġett għal taxxa addizzjonali jew tkun proprjetarju ta’ wieħed mill-ħwienet tat-tabakk taħt sistema speċjali [...]”

    4

    L-Artikolu 2(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

    “Meta jkun hemm id-domanda għall-[prodotti tat-tabakk immanifatturati], il-manifatturi, u skont il-każ, l-importaturi għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli fit-territorju nazzjonali kollu kemm hu li għalih jirreferi l-Artikolu 1(1).”

    5

    L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess liġi jipprevedi li:

    “Ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq l-importazzjoni u fuq id-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, bil-kundizzjoni madanakollu li tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni tas-suq tat-tabakk, dikjarazzjoni ta’ impenn għall-osservanza tar-[regoli applikabbli] [...]”

    6

    L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 13/1998 jipprovdi li:

    “1.   Il-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati fi Spanja, bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji, jibqa’ taħt il-monopolju tal-Istat, li jeżerċitah permezz tan-netwerk tal-ħwienet tat-tabakk u tal-bolol.

    2.   Il-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ tipi differenti, trade marks u forom ta’ tabakk intiżi sabiex jinbiegħu fi Spanja, minbarra fil-Gżejjer Kanarji, huma ffissati mill-manifatturi jew, skont il-każ, mir-rappreżentanti jew l-aġenti tagħhom fl-Unjoni Ewropea [...]

    3.   Il-[bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk], li għandhom neċessarjament ikunu persuni fiżiċi, li huma ċittadini ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, huma l-konċessjonarji tal-Istat. Huma ma jistgħux ikunu proprjetarji ta’ ħanut jew punt ta’ bejgħ suġġett għal taxxa addizzjonali oħrajn, u lanqas ikollhom relazzjoni professjonali jew relazzjoni ta’ xogħol ma’ wieħed mill-importaturi, manifatturi jew grossisti tas-suq tat-tabakk, sakemm din ir-relazzjoni ma tintemmx qabel l-għoti definittiv tal-liċenzja ta’ ħanut tat-tabakk.

    4.   Il-liċenzja tal-ħanut tat-tabakk għandha tingħata wara sejħa għall-offerti [...]

    Il-liċenzja tingħata għal perijodu ta’ ħamsa u għoxrin sena. [...]

    [...]

    7.   Il-marġini tal-bejjiegħa bl-imnut fuq il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati, li huma obbligati li jixtru minn grossisti awtorizzati, huwa stabbilit għal 8.5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament mill-prezz jew tip ta’ prodott, l-oriġini tiegħu jew il-grossista li jipprovdihom. Madankollu, għall-bejgħ ta’ sigarri, il-bejjiegħ bl-imnut għandu jirċievi fi kwalunkwe każ marġni ta’ 9 %.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Irjali Nru 1199/1999, tad-9 ta’ Lulju 1999, dwar l-implementazzjoni tal-Liġi Nru 13/1998 (BOE Nru 166, tat-13 ta’ Lulju 1999, p. 26330, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 1199/1999”) jipprovdi li:

    “Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi [Nru 13/1998], kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha l-kapaċità legali biex teżerċita kummerċ tista’ twettaq l-attivitajiet ta’ manifattura, ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-regolament.”

    8

    L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet irjali jipprovdi li:

    “Il-persuni li huma involuti f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati hawn taħt ma jistgħux jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1):

    [...]

    ċ)

    tkun [bejjiegħ bl-imnut tat-tabakk], li jkollu awtorizzazzjoni għal ħanut suġġett għal taxxa addizzjonali jew tkun proprjetarju ta’ wieħed mill-ħwienet tat-tabakk taħt sistema speċjali [...]”

    9

    Id-Digriet Irjali Nru 1199/1999 ġie emendat bid-Digriet Irjali Nru 1/2007, tat-12 ta’ Jannar 2007 (BOE Nru 18, tal-20 ta’ Jannar 2007, p. 2845, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 1/2007”).

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Permezz tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal Supremo, l-ANETT titlob lil dan tal-aħħar jannulla diversi dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali Nru 1/2007, minħabba l-fatt li jemenda d-Digriet Irjali Nru 1199/1999 mingħajr ma jsolvi allegata kontradizzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u r-regoli li jirregolaw is-suq tat-tabakk u l-monopolju fuq id-distribuzzjoni tiegħu fi Spanja.

    11

    L-ANETT issostni b’mod partikolari li l-projbizzjoni imposta fuq il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jeżerċitaw l-attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk tmur kontra l-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, kif iggarantiti mill-Artikolu 34 TFUE, peress li din il-projbizzjoni hija restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li għandha effett ekwivalenti.

    12

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 34 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li d-dritt nazzjonali Spanjol jimponi fuq il-proprjetarji ta’ liċenzja [bejjiegħa bl-imnut] tat-tabakk milli jiżviluppaw attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati fi Stati Membri oħra, tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew miżura li għandha effett ekwivalenti, ipprojbiti mit-Trattat [FUE]?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    13

    Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol ikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi sostna li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda utilità għall-eżitu tal-kawża prinċipali peress li din il-kawża tirrigwarda l-legalità tad-Digriet Irjali Nru 1/2007.

    14

    Fil-fatt, dan id-digriet emenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali Nru 1199/1999 mingħajr ma rregola jew mingħajr ma lanqas semma l-projbizzjoni imposta fuq il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jeżerċitaw l-attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk. Din il-projbizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 13/1998 u mill-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali Nru 1199/1999, li ma humiex affettwati mid-Digriet Irjali Nru 1/2007. Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma tista’ tannulla ebda dispożizzjoni li għandha konnessjoni mal-imsemmija projbizzjoni.

    15

    Barra minn hekk, l-ANETT diġà ppreżentat rikors kontra d-Digriet Irjali Nru 1199/1999 li jipprovdi din l-istess projbizzjoni, mingħajr ma tikkontesta din tal-aħħar, u dan ir-rikors ġie miċħud mit-Tribunal Supremo. Fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata, il-qorti nazzjonali ma tistax għaldaqstant terġa’ tevalwa l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali ma hijiex possibbli ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C-158/08, Ġabra p. I-4695, punt 13).

    17

    Huwa minnu li, fil-kawża prinċipali, ma huwiex ċar li l-eventwali inkompatibbiltà tal-projbizzjoni kkonċernata mad-dritt tal-Unjoni taffettwa l-legalità tad-Digriet Irjali Nru 1/2007, peress li dan id-digriet ma jirregolax din il-projbizzjoni u peress li rikors kontra d-Digriet Irjali Nru 1199/1999 li jipprovdi l-imsemmija projbizzjoni diġà ġie miċħud mit-Tribunal Supremo.

    18

    Madankollu, fid-dawl ta’ qari tad-deċiżjoni tar-rinviju fl-intier tagħha, ma jistax jiġi eskluż b’mod definittiv li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha utilità għall-eżitu tal-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi msemmijin iktar ’il fuq ma humiex biżżejjed, fihom infushom, biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza.

    19

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domanda preliminari

    20

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jeżerċitaw l-attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk minn Stati Membri oħra.

    Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli

    21

    Il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u l-Gvern Spanjol, waqt is-seduta, sostnew li, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju indikat fid-domanda preliminari tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE u mhux fir-rigward l-Artikolu 34 TFUE. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tikkonċerna l-funzjonament ta’ monopolju kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 37 TFUE, u tista’ twassal għal effetti restrittivi fuq il-kummerċ inerenti fl-eżistenza ta’ tali monopolju.

    22

    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li r-regoli li jirrigwardaw l-eżistenza u l-funzjonament ta’ monopolju jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 TFUE, applikabbli b’mod speċifiku għall-eżerċizzju, minn monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali, tad-drittijiet ta’ esklużività tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 35, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et, C-170/04. Ġabra p. I-4071, punt 17).

    23

    Min-naħa l-oħra, l-effett, fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huma separabbli mill-funzjonament tal-monopolju anki jekk għandhom effett fuq dan tal-aħħar, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE (ara b’mod, partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Franzén, punt 36, kif ukoll Rosengren et, punt 18).

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix regola dwar l-eżistenza jew dwar il-funzjonament tal-monopolju.

    25

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-funzjoni speċifika assenjata lill-monopolju kkonċernat hija li jirriżerva lill-konċessjonarji l-esklużività tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk, mingħajr ma jiġi implikat li dawn tal-aħħar ser ikunu pprojbiti milli jimportaw tali prodotti.

    26

    Għalhekk, billi tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw l-imsemmija prodotti fit-territorju Spanjol, il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni mingħajr madankollu ma tirregola l-eżerċizzju tad-dritt ta’ esklużività li jagħmel parti mill-monopolju inkwistjoni.

    27

    Għaldaqstant, din il-miżura ma tirrigwardax l-eżerċizzju tal-funzjoni speċifika tal-monopolju inkwistjoni u ma tistax għaldaqstant titqies li tirrigwarda l-eżistenza stess ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza Rosengren et iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    28

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni fuq il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw prodotti tat-tabakk għandha l-effett li tidderiġi l-provvista ta’ dawn il-bejjiegħa bl-imnut mingħand grossisti awtorizzati. Bħala tali, il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa l-funzjonament ta’ dan il-monopolju.

    29

    Madankollu, u anki jekk, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Rosengren et, iċċitata iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax lill-individwi, iżda lill-konċessjonarji tal-monopolju kkonċernat, jiġifieri l-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk, tali miżura hija distakkata mill-funzjonament tal-monopolju peress li ma tirreferix għall-metodi tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tat-tabakk fit-territorju Spanjol, iżda għas-suq upstream ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, ma hijiex intiża biex torganizza s-sistema ta’ għażla ta’ prodotti mill-monopolju. Bl-istess mod, l-imsemmija miżura la tiffoka fuq in-netwerk ta’ bejgħ tal-monopolju kkonċernat u lanqas fuq il-kummerċjalizzazzjoni jew ir-reklamar ta’ prodotti ddistribwiti mill-imsemmi monopolju (ara, b’analoġija, is-sentenza Rosengren et, punt 24).

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala regola dwar l-eżistenza jew dwar il-funzjonament tal-monopolju. Sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ tali miżura mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 37 TFUE huwa għalhekk irrilevanti.

    31

    Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw prodotti tat-tabakk, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija

    32

    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05 Ġabra p. I-519, punt 33).

    33

    Minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 34 TFUE jirrifletti l-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal-prodotti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra, kif ukoll l-obbligu li jiġi żgurat aċċess liberu tal-prodotti tal-Unjoni għas-swieq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika, C-108/09, Ġabra p. I-12213, punt 48).

    34

    Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi l-miżuri adottati minn Stat Membru li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l-merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, kif ukoll regoli dwar il-kundizzjonijiet li din il-merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall-prodotti kollha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punti 35 u 37, kif ukoll Ker-Optika, punt 49).

    35

    Kull miżura oħra li tostakola l-aċċess ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għas-suq ta’ Stat Membru taqa’ wkoll taħt dan il-kunċett (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 37, kif ukoll Ker-Optika, punt 50).

    36

    Fil-kawża prinċipali, ma hemm ebda indikazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan jew l-effett li tagħti trattament inqas favorevoli lill-prodotti tat-tabakk li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Lanqas ma tikkonċerna l-kundizzjonijiet li dawn il-prodotti għandhom jissodisfaw.

    37

    Madankollu, xorta huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tostakolax l-aċċess ta’ prodotti tat-tabakk li joriġinaw minn Stati Membri oħra għas-suq Spanjol.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk milli jimportaw direttament tali prodotti minn Stati Membri oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni tobbligahom jordnaw provvisti mingħand grossisti awtorizzati. Madankollu, tali mod ta’ provvista jista’ jippreżenta diversi żvantaġġi li dawn il-bejjiegħa bl-imnut ma kinux jiltaqgħu magħhom kieku kienu jagħmlu l-importazzjoni huma stess.

    39

    B’mod partikolari, il-bejjiegħa bl-imnut inkwistjoni jistgħu jikkummerċjalizzaw prodott tat-tabakk li joriġina minn Stat Membru ieħor biss jekk dan il-prodott ikun disponibbli fil-gamma ta’ prodotti tal-grossisti awtorizzati fi Spanja u jekk dawn ikollhom fl-istokk. Għalhekk, meta l-gamma tal-prodotti ta’ dawn il-grossisti ma tinkludix prodott speċifiku, il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk ma jkollhom ebda possibbiltà diretta, flessibbli u rapida biex jissodisfaw it-talba tal-klijenti tagħhom stess li jkunu interessati f’dan il-prodott.

    40

    Din il-konstatazzjoni mhix qed tiġi kkontestata mill-obbligu impost fuq l-importaturi biex jiggarantixxu d-disponibbiltà ta’ prodotti tat-tabakk fit-territorju nazzjonali kollu, meta d-domanda għal dawn il-prodotti teżisti, kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, dawn l-importaturi jistgħu jagħżlu li ma jimportawx ċerti prodotti mitluba minn numru ta’ persuni kkonċernati meqjus żgħir wisq jew li jagħmlu dan b’dewmien. Madankollu, kull bejjiegħ bl-imnut tat-tabakk ikun mingħajr dubju f’pożizzjoni li jirreaġixxi, minflok dawn l-importaturi, b’mod iktar flessibbli u iktar malajr għat-talbiet tal-klijenti li huma f’kuntatt dirett u frekwenti miegħu.

    41

    Barra minn hekk, il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk huma ostakolati milli jordnaw provvisti fi Stati Membri oħra għalkemm il-manifatturi jew il-grossisti li jkunu stabbiliti hemmhekk jistgħu joffru, b’mod partikolari fir-reġjuni transkonfinali, kundizzjonijiet ta’ provvista iktar vantaġġużi, kemm minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, jew minħabba l-metodi ta’ kunsinna speċifiċi li huma jipproponu.

    42

    Dawn l-elementi kollha jistgħu jkollhom effett negattiv fuq l-għażla ta’ prodotti li l-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk jinkludu fil-gamma tal-prodotti tagħhom u, fl-aħħar nett, fuq l-aċċess ta’ prodotti differenti minn Stati Membri oħra għas-suq Spanjol.

    43

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tostakola l-aċċess ta’ dawn il-prodotti għas-suq.

    44

    Minn dan isegwi li l leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

    Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija

    45

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 59, u Ker-Optika, punt 57).

    Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    46

    Il-Gvern Spanjol u dak Taljani jsostnu, l-ewwel nett, li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġi ggarantit kontroll fiskali u doganali ta’ prodotti tat-tabakk u biex jiġi żgurat kontroll sanitarju tagħhom.

    47

    It-tieni nett, dawn il-gvernijiet isostnu li l-imsemmija miżura hija meħtieġa biex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Fil-fatt, jekk il-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk kienu awtorizzati li jimportaw il-prodotti tat-tabakk, huma setgħu jitħajru li jiffavorixxu ċerti prodotti pjuttost milli oħrajn, għad-detriment tan-newtralità tas-suq tat-tabakk.

    48

    It-tielet nett, il-Gvern Spanjol iqis li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minħabba li l-għoti lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk tal-possibbiltà li jimportaw dawn il-prodotti jwassal sabiex jagħtihom vantaġġ kompetittiv eċċessiv.

    49

    Ir-raba’ nett, il-Gvern Spanjol iqis li, fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ li titneħħa restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija biss jekk din it-tneħħija toħloq vantaġġ għall-konsumaturi, jiġifieri, b’mod partikolari, tnaqqis fil-prezzijiet. Madanakollu, minħabba li t-tabakk huwa prodott monopolizzat mibjugħ bi prezzijiet fissi, it-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ importazzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk ma tipproduċi l-ebda benefiċċju lill-konsumaturi, u huma biss il-bejjiegħa bl-imnut infushom li jistgħu jibbenefikaw minnha.

    Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    50

    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument tal-Gvern Spanjol u dak Taljan ibbażat fuq in-neċessità li jiġi żgurat kontroll fiskali, doganali u sanitarju tal-prodotti tat-tabakk, għandu jitfakkar li huma l-awtoritajiet nazzjonali, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit bid-dritt tal-Unjoni, li għandhom jipprovaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adattata u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti tagħha (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Leichtle, C-8/02, Ġabra p. I-2641, punt 45, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Bressol et vs Chaverot et, C-73/08, Ġabra p. I-2735, punt 71).

    51

    Madankollu, il-Gvern Spanjol u dak Taljan ma jsostnu l-argument tagħhom b’ebda element li jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt preċedenti. B’mod partikolari, huma ma spjegawx kif l-għoti tal-opportunità lill-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk biex jimportaw huma stess il-prodotti tat-tabakk stess joħloq ostakolu għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll fiskali, doganali u sanitarju ta’ dawn il-prodotti.

    52

    Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li r-rekwiżit li tiġi żgurata gamma ġeneralment uniformi ta’ prodotti jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess ġenerali li għandu jiġi segwit permezz ta’ regoli legali, minflok il-liġi tas-suq, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit tista’ tinkiseb, fi kwalunkwe każ, permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, bħall-impożizzjoni ta’ obbligu għall-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk li jkollhom fl-istokk gamma ta’ prodotti minima ddefinita minn qabel.

    53

    Minn dan isegwi li l-Gvern Spanjol ma jistax isostni li r-restrizzjoni kkonċernata tista’ tiġi ġġustifikata minħabba li l-possibbiltà li jimportaw prodotti tat-tabakk toħloq vantaġġ kompetittiv eċċessiv għall-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni hija biss ta’ dimensjoni ekonomika. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra p. I-151, punt 33, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 34).

    54

    Fl-aħħar nett, l-argument tal-Gvern Spanjol, li jipprovdi li t-tneħħija ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija tkun iġġustifikata biss jekk din tista’ twassal għal vantaġġ għall-konsumaturi, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, it-tneħħija tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun vantaġġuża għall-bejjiegħa bl-imnut tat-tabakk billi tippermettilhom li jestendu l-gamma ta’ prodotti għad-dispożizzjoni tagħhom.

    55

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-kisba tal-għanijiet invokati.

    56

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċiplai, li tipprojbixxi lill-bejjiegħa bl-imnut milli jeżerċitaw attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk minn Stati Membri oħrajn.

    Fuq l-ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-proprjetarji ta’ ħwienet tat-tabakk u tal-bolol milli jeżerċitaw attività ta’ importazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk minn Stati Membri oħra.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top