This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0453
Judgment of the Court (First Chamber), 15 March 2012.#Jana Pereničová and Vladislav Perenič v SOS financ spol. s r. o.#Reference for a preliminary ruling from the Okresný súd Prešov.#Consumer protection — Consumer credit agreement — Incorrect statement of annual percentage rate of charge — Effect of unfair commercial practices and unfair terms on the validity of the contract as a whole.#Case C-453/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012.
Jana Pereničová u Vladislav Perenič vs SOS financ spol. s r. o.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Prešov.
Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Indikazzjoni żbaljata ta’ rata annwali effettiva globali — Effett tal-prattiki kummerċjali żleali u tal-klawżoli inġusti fuq il-validità globali tal-kuntratt.
Kawża C-453/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012.
Jana Pereničová u Vladislav Perenič vs SOS financ spol. s r. o.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Prešov.
Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Indikazzjoni żbaljata ta’ rata annwali effettiva globali — Effett tal-prattiki kummerċjali żleali u tal-klawżoli inġusti fuq il-validità globali tal-kuntratt.
Kawża C-453/10.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:144
*A9* Okresný súd Prešov, uznesenie zo dňa 31/08/2010 (355498)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Marzu 2012 ( *1 )
“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Indikazzjoni żbaljata ta’ rata annwali effettiva globali — Effett tal-prattiki kummerċjali żleali u tal-klawżoli inġusti fuq il-validità globali tal-kuntratt”
Fil-Kawża C-453/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Prešov (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura
Jana Pereničová,
Vladislav Perenič
vs
S. O. S. financ, spol. s r. o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal J. Pereničová u V. Perenič, minn I. Šafranko u A. Motyka, advokáti, |
— |
għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet, A. Tokár u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288), u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22) kif ukoll fuq l-effett li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 jista’ jkollha fuq id-Direttiva 93/13. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Pereničová u V. Perenič, u SOS financ spol. s r. o. (iktar ’il quddiem “SOS”), stabbiliment mhux bankarju li jagħti krediti għall-konsum, rigward kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn dawk ikkonċernati u din il-kumpannija. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
3 |
Is-seba’, is-sittax, kif ukoll il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu rispettivament: “Billi l-bejjiegħa ta’ merkanzija u l-fornituri ta’ servizzi b’hekk ser jingħataw għajnuna fix-xogħol tagħhom tal-bejgħ ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, sew f’pajjiżhom kif ukoll ġos-suq intern kollu; billi l-kompetizzjoni b’hekk tiġi stimulata, biex b’hekk tikkontribwixxi għal aktar għażla ġħaċ-ċittadini tal-Komunità bħala konsumaturi; [...] Billi [...], waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha; [...] Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha [...]. Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti”. |
4 |
Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13: “1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. [...] 3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.” |
5 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. [...] [I]l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
6 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. [...]” |
7 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. [...]” |
8 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.” |
9 |
L-Anness tad-Direttiva 93/13 jelenka l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva: “1. Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: [...]
[...]” Id-Direttiva 2005/29 |
10 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 huwa redatt kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
[...]
[...]” |
11 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt. [...] 4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi. 5. Għal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa kif suppost minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan [...]” |
12 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
3. Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. [...] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:
[...]” |
13 |
Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra: [...]
[...]” |
14 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 2. Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. [...]” |
15 |
L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi. [...]” |
16 |
Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
17 |
L-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ċivili Slovakk jistabbilixxi: “1) ‘Kuntratt konkluż ma’ konsumatur’ ifisser kull kuntratt, tkun liema tkun il-forma ġuridika, konkluż bejn fornitur u konsumatur. 2) Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur, kif ukoll kull dispożizzjoni oħra li tirregola r-relazzjoni ġuridika li fiha jinvolvi ruħu l-konsumatur, għandhom dejjem jiġu interpretati f’sens li jiffavorixxu lill-konsumatur li huwa parti fil-kuntratt. Il-ftehim jew akkordji kuntrattwali distinti li l-kontenut tagħhom jew l-għan tagħhom huwa intiż sabiex jevita dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex validi. [...] 4) ‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, għall-konklużjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-konsum, ma taġixxix fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew f’attività ekonomika oħra”. |
18 |
L-Artikolu 53 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi: “1) Kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet li joħolqu, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti (klawżola inġusta). Ma għandhiex titqies bħala inġusta klawżola kuntrattwali dwar l-għan prinċipali ta’ eżekuzzjoni jew l-iffissar tal-prezz, jekk din il-klawżola hija fformulata b’mod preċiż, ċar u li tinftiehem, jew jekk il-klawżola inġusta ġiet innegozjata b’mod individwali. [...] 4) Għandhom jitqiesu bħala klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur dawk id-dispożizzjonijiet li, b’mod partikolari: [...]
[...] 5) Il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi.” |
19 |
L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 258/2001 dwar il-kreditu lill-konsumatur, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi: “1) Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jiġi stabbilit bil-miktub, u jekk le, bir-riskju ta’ invalidità, u l-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-imsemmi kuntratt. 2) Minbarra l-elementi ġenerali, kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi, [...]
[...] Jekk il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur ma jinkludix l-elementi indikati fil-paragrafu 2, […] (j), il-kreditu mogħti għandu jitqies bħala eżenti mill-interessi u l-ispejjeż.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonstata n-nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu li huma kkonkludew ma’ SOS, stabbiliment mhux bankarju li jagħti krediti għall-konsum abbażi ta’ kuntratti standard. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-12 ta’ Marzu 2008. |
21 |
Skont dan il-kuntratt, SOS tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kreditu ta’ SKK 150000 (EUR 4979) qabel ma ġiet rimborsta fi 32 pagament fix-xahar ta’ SKK 6000 (EUR 199) li magħhom jiżdied it-tlieta u tletin pagament li huwa daqs l-ammont ta’ kreditu mogħti. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma b’hekk marbuta li jirrimborsaw ammont ta’ SKK 342000 (EUR 11352). |
22 |
Ir-RAEG ġiet stabbilita fl-imsemmi kuntratt għal 48.63 %, filwaqt li, skont kalkolu magħmul mill-qorti tar-rinviju, huwa, fil-fatt, 58.76 %, peress li SOS ma inkludietx fil-kalkolu tagħha l-ispejjeż marbuta mal-kreditu mogħti. |
23 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċiapli jinkludi diversi klawżoli sfavorevoli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu għal żmien qasir kollu kemm hu, ippronunzjata minħabba n-natura inġusta ta’ xi wħud mill-klawżoli tiegħu, ikun iktar ta’ vantaġġ għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali miż-żamma tal-validità ta’ klawżoli mhux inġusti fl-imsemmi kuntratt. Fil-fatt, fl-ewwel każ, il-konsumaturi kkonċernati huma kostretti li jħallsu biss l-interessi moratorji, bir-rata ta’ 9 %, u mhux l-ispejjeż kollha marbuta mal-kreditu mogħti, li huma ħafna ogħla minn dawn l-interessi. |
25 |
Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, l-Okresný súd Prešov (qorti distrettwali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qrati nazzjonali jiddeċiedu, fil-każ li huma jikkonstataw l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt konluż bejn kummerċjant u konsumatur, li l-imsemmi kuntratt kollu kemm hu ma jorbotx lill-konsumatur peress li huwa iktar ta’ vantaġġ għal dan tal-aħħar. |
27 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, qabel kollox għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-kummerċjant, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I-1042, punt 25, tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 22, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 29). |
28 |
Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu li l-klawżoli inġusti “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara s-sentenzi Mostaza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C-137/08, Ġabra p. I-10847, punt 47). |
29 |
F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fuq il-validità tal-kuntratt ikkonċernat, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-imsemmi “kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”. |
30 |
F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali huma marbuta, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, minn naħa, li jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, sabiex il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżoli (ara, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59) kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Novemnbru 2010, Pohotovosť, C-76/10, Ġabra p. I-11557, punt 62), u, min-naħa l-oħra, li jiġi evalwat jekk il-kuntratt jistax jeżisti mingħajr dawn il-klawżoli inġusti (ara d-digriet Pohotovosť, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). |
31 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva93/13 huwa li jistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet, filwaqt li bħala prinċipju tinżamm il-validità tal-kuntratt kollu, u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti. |
32 |
Fir-rigward tal-kriterji li bihom jista’ jiġi evalwat jekk kuntratt jistax effettivament jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, għandu jiġi rrilevat li kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll ir-rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jargumentaw favur approċċ oġġettiv fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 sa 68 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sitwazzjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, f’dan il-każ il-konsumatur, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-kriterju determinanti li jirregola d-destin futur tal-kuntratt. |
33 |
Konsegwentement, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa l-punt dwar jekk kuntratt li għandu klawżola jew klawżoli inġusti jistax jeżisti mingħajr l-imsemmija klawżoli, il-qorti adita tista’ tibbaża ruħha biss fuq in-natura eventwalment vantaġġuża, għall-konsumatur, tal-annullament tal-imsemmi kuntratt kollu hemm hu. |
34 |
Ġaladarba dan huwa stabbilit, għandu wkoll jiġi rrilevat li d-Direttiva 93/13 tarmonizza biss parzjalment u minimament il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħalhom il-possibbiltà li jiżguraw lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li hija tipprovdi. B’hekk, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi espressament il-possibbiltà għall-Istati Membri li “jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert [mid]-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur” (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010 Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, Ġabra p. I-4785, punti 28 u 29). |
35 |
Konsegwentement, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix lil Stat Membru milli jipprovdi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali li biha jista’ jiġi ddikjarat null kollu kemm hu kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur u li jkun fih klawżola jew klawżoli inġusti meta dan jiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġu interpretat fis-sens li, meta tevalwa l-punt dwar jekk kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ u li għandu klawżola jew klawżoli inġusti jistax jeżisti mingħajr l-imsemmija klawżoli, il-qorti adita ma tistax tibbaża ruħha biss fuq in-natura eventwalment vantaġġuża għal waħda mill-partiijiet, f’dan il-każ il-konsumatur, tal-annullament tal-kuntratt ikkonċernat kollu kemm hu. L-imsemmija direttiva ma tipprekludix, madankollu, li Stat Membru jipprovdi, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn kummerċjant u li għandu klawżola jew klawżoli inġusti huwa null kollu kemm hu meta dan jiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur. |
Fuq it-tieni domanda
37 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-indikazzjoni f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ta’ RAEGG inqas minn dak reali jistax jiġi kkunsidrat bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija pożittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar liema huma l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minn tali konstatazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ dan il-kuntratt, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll tal-validità tal-imsemmi kuntratt kollu kemm hu, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din l-aħħar direttiva. |
38 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jiddefinixxi, billi juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġiba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C-304/08, Ġabra p. I-217, punt 36, u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, Ġabra p. I-10909, punt 17). |
39 |
Sussegwentement, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) tagħha, din id-direttiva tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali ta’ impriżi fil-konfront ta’ konsumaturi, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott jew servizz. Skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva, huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki qarrieqa. |
40 |
Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mil-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Fost l-aspetti msemmija minn din id-dispożizzjoni hemm, b’mod partikolari, il-prezz jew il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-prezz. |
41 |
Issa, prattika kummerċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsiti fl-indikazzjoni f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ta’ RAEG inqas minn dik reali tikkostitwixxi informazzjoni falza dwar l-ispiża totali tal-kreditu u, għaldaqstant, tal-prezz imsemmi fl-Artikolu 69(1)(d) tad-Direttiva 2005/29. Meta l-indikazzjoni ta’ tali RAEG twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra, u dan għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti nazzjonali, din l-informazzjoni falza għandha tiġi kkwalifikata bħala prattika kummerċjali “qarrieqa”, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. |
42 |
Fir-rigward tal-effett ta’ din il-konstatazzjoni fuq l-evalwazzjoni tan-nautra inġusta ta’ klawżoli tal-imsemmi kuntratt, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi b’mod partikolarment wiesa’ l-kriterji li jippermettu li ssir tali evalwazzjoni, billi espressament tinkludi ċ-“ċirkostanzi kollha” preżenti li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat. |
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tagħha, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ prattika kummerċjali tikkostitwixxi elementi fost oħrajn li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-nautra abbużiva tal-klawżoli ta’ kuntratt skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13. |
44 |
Dan l-element madankollu ma huwiex tali li jistabbilixxi awtomatikament u waħdu in-natura inġusta ta’ klawżoli inġusti. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 għal klawżola speċifika li għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C-237/032, Ġabra p. I-3403, punti 19 sa 22; Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 sa 43; VB Pénzügyi Lízing, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43, kif ukoll id-digriet Pohotovosť, iċċitat iktar ’il fuq, punti 56 sa 60). |
45 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni li l-indikazzjoni żbaljata tar-RAEG tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali għall-finijiet tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tal-validità tal-kuntratt ikkonċernat kollu kemm hu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2005/29 tapplika mingħajr preġudizzju, skont l-Artikolu 3(2) tiegħu, għad-dritt tal-kuntratti, u b’mod partikolari għar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effetti ta’ kuntratti. |
46 |
Konsegwentement, il-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ parattika kummerċjali ma għadha l-ebda effetti diretti fuq il-kwsitjoni dwar jekk il-kuntratt huwiex validu fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li prattika kummerċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fl-indikazzjoni f’kuntratt ta’ kreditu ta’ RAEG inqas minn dik reali għandha tiġi ddikjarata bħala “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, sa fejn hija twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistħarreġ jekk dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Il-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ tali prattika kummerċjali tikkostitwixxi element fost oħrajn li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tistabbilixxi, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta ta’ klawżoli tal-kuntratt dwar l-ispiża tas-self mogħtija lill-konsumatur. Tali konstatazzjoni madankollu ma taffettwax direttament l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tal-validità tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.