This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0442
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 1 December 2011.#Churchill Insurance Company Limited v Benjamin Wilkinson and Tracy Evans v Equity Claims Limited.#Reference for a preliminary ruling: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - United Kingdom.#Compulsory insurance against civil liability in respect of the use of motor vehicles - Directive 84/5/EEC -Article 1(4) and Article 2(1) - Third parties victims of an accident - Express or implied authorisation to drive - Directive 90/232/EEC - First subparagraph of Article 1 - Directive 2009/103/EC - Articles 10, 12(1) and 13(1) - Victim of a road traffic accident who was a passenger in a vehicle in respect of which he was insured to drive - Vehicle driven by a person not insured under the insurance policy - Insured victim not deprived of insurance cover.#Case C-442/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011.
Churchill Insurance Company Limited vs Benjamin Wilkinson u Tracy Evans vs Equity Claims Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi - Direttiva 84/5/KEE - Artikoli 1(4) u 2(1) - Terzi li huma vittmi - Awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għas-sewqan - Direttiva 90/232/KEE - L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 - Direttiva 2009/103/KE - Artikoli 10, 12(1) u (13)(1) - Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li fir-rigward tagħha jkun assigurat bħala sewwieq - Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata skont il-polza ta’ assigurazzjoni - Vittma assigurata li ma hijiex eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni.
Kawża C-442/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011.
Churchill Insurance Company Limited vs Benjamin Wilkinson u Tracy Evans vs Equity Claims Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi - Direttiva 84/5/KEE - Artikoli 1(4) u 2(1) - Terzi li huma vittmi - Awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għas-sewqan - Direttiva 90/232/KEE - L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 - Direttiva 2009/103/KE - Artikoli 10, 12(1) u (13)(1) - Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li fir-rigward tagħha jkun assigurat bħala sewwieq - Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata skont il-polza ta’ assigurazzjoni - Vittma assigurata li ma hijiex eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni.
Kawża C-442/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:799
*A9* Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), Civil Division, order of 26/08/2010 (B3/2009/1435 ; B3/2009/2174)
Kawża C-442/10
Churchill Insurance Company Limited
vs
Benjamin Wilkinson
u
Tracy Evans
vs
Equity Claims Limited
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))
“Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi — Direttiva 84/5/KEE — Artikoli 1(4) u 2(1) — Terzi li huma vittmi — Awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għas-sewqan — Direttiva 90/232/KEE — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 — Direttiva 2009/103/KE — Artikoli 10, 12(1) u 13(1) — Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li fir-rigward tagħha kienet assigurata bħala sewwieq — Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata skont il-polza ta’ assigurazzjoni — Vittma assigurata li ma hijiex eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-karozzi — Portata tal-kopertura favur terzi pprovduta mill-assigurazzjoni obbligatorja — Klawżoli ta’ esklużjoni — Inċident ikkawżat minn sewwieq li ma huwiex assigurat
(Direttivi tal-Kunsill 72/166, 84/5, Artikolu 2(1), u 90/232, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1)
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232 u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li teskludi, b’mod awtomatiku, l-obbligu tal-assiguratur li jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku meta dan l-inċident ikun ikkawżat minn sewwieq li ma huwiex assigurat skont il-polza ta’ assigurazzjoni u din il-vittma, passiġġier fil-vettura fil-mument tal-inċident, ikollha assigurazzjoni sabiex issuq din il-vettura u tkun awtorizzat lis-sewwieq isuq tali vettura.
Din l-interpretazzjoni ma tkunx differenti meta l-vittma assigurata kellha għarfien tal-fatt li l-persuna li tkun awtorizzata ssuq ma kinitx assigurata tagħmel dan, meta tkun emmnet li tali persuna kienet assigurata u meta ma tkunx ħasbet f’dan ir-rigward.
Fil-fatt, l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandha tkopri l-vittmi kollha minbarra s-sewwieq tal-vettura li kkawża d-dannu, sakemm ma tkunx tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet direttivi.
(ara l-punti 44, 46, 50 u d-dispożittivi 1, 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
1 ta’ Diċembru 2011(*)
“Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi – Direttiva 84/5/KEE – Artikoli 1(4) u 2(1) – Terzi li huma vittmi – Awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għas-sewqan – Direttiva 90/232/KEE – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 – Direttiva 2009/103/KE – Artikoli 10, 12(1) u 13(1) – Vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien passiġġier f’vettura li fir-rigward tagħha kienet assigurata bħala sewwieq – Vettura misjuqa minn persuna li ma hijiex assigurata skont il-polza ta’ assigurazzjoni – Vittma assigurata li ma hijiex eskluża mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni”
Fil-Kawża C‑442/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura
Churchill Insurance Company Limited
vs
Benjamin Wilkinson,
u
Tracy Evans
vs
Equity Claims Limited,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Churchill Insurance Company Limited, minn F. Randolph, barrister, u S. Worthington, QC,
– għal M. Wilkinson, minn C. Quigley u S. Grime, QC,
– għal Evans, minn G. Wood u C. Quigley, QC,
– għal Equity Claims Limited, minn W. R. O. Hunter, QC, inkarigat minn J. Herzog, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Churchill Insurance Company Limited (iktar ’il quddiem “Churchill”) u B. Wilkinson, u, min-naħa l-oħra, T. Evans u Equity Claims Limited (iktar ’il quddiem “Equity”) dwar kumpens għal dannu mġarrab minħabba inċidenti tat-traffiku.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”):
“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.”
4 It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), tipprovdi fil-premessa 6 sal-premessa 8:
“Billi huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-korp li jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li kkaġunat l-inċident tkun mingħajr assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata; billi huwa importanti, mingħajr ma jiġu emendati d-dispożizzjonijiet applikati mill-Istati Membri fir-rigward tan-natura sussidjarja jew non-sussidjarja tal-kumpens imħallas minn dak il-korp u tar-regoli applikabbli fir-rigward ta’ subrogazzjoni, li jiġi previst li l-vittma ta’ dan l-inċident għandha tkun tista’ tapplika direttament lil dak il-korp bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt; billi, madanakollu, Stati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw ċerti esklużjonijiet limitati fir-rigward ta’ ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp u li jipprovdu li kumpens għal ħsara lil propjetà kkaġunata minn vettura mhux identifikata jista’ jkun limitat jew eskluż bl-iskop tal-perikolu ta’ frodi;
Billi huwa fl-interess ta’ vittmi li l-effetti ta’ ċerti klawsoli ta’ esklużjoni jkunu limitati għar-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-persuna reponsabbli għall-inċident; billi, madanakollu, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew akkwistati b’vjolenza, Stati Membri jistgħu jispeċifikaw li kumpens għandu jitħallas mill-korp imsemmi hawn fuq;
Billi sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq dak il-korp, Stati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ ċerti eċċessi meta l-korp jipprovdi kumpens għal ħsara lil proprjetà ikkaġunata minn vetturi mhux assigurati jew, meta approprjat, vetturi misruqa jew akkwistati b’vjolenza”.
5 L-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp li jkollu bħala għan li jikkumpensa, minn tal-inqas fil-limiti tal-obbligu tal-assigurazzjoni, id-danni materjali jew personali kkawżati minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata (iktar ’il quddiem il-“korp nazzjonali”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi fit-tielet paragrafu tagħha:
“[...] [L-Is]tati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment meta il-korp jista’ jipprova li kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata.”
6 Bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membri jistgħu wkoll jillimitaw jew jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà minn vettura mhux identifikata u skont il-ħames paragrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, jistgħu jawtorizzaw, għal dannu materjali kkawżat minn vettura mhux assigurata, eċċess ta’ mhux iktar EUR 500 li jista’ jkun responsabbli għalih il-vittma.
7 Ir-regoli applikabbli għal dawn il-korpi nazzjonali ġew sussegwentement ippreċiżati u kkompletati, b’mod partikolari bid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14). It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva għalhekk essenzjalment sar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(5) tat-Tieni Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2005/14.
8 L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
– persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew implikata għal dan,
jew
– persuni li ma jkollhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata,
jew
– persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura kkonċernata, għandha,
għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident.
Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fl-ewwel inċiż tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jista’ jipprova li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.
[...]”
9 Skont ir-raba’ u l-ħames premessa tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249, iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva”):
“Billi l-vittmi ta’ l-aċċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-aċċidenti;
Billi hemm, partikolarment, ċerti lakuni fil-koperta obbligatorja ta’ l-assigurazzjoni tal-pasiġġieri fil-vetturi bil-mutur f’ċerti Stati Membri; billi, bħala protezzjoni għal din il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-vittmi potenzjali, dawn il-lakuni għandhom ikunu magħluqa”.
10 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tat-[Tieni Direttiva], l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri r-responsabbiltà għal korrimenti fuq il-persuna tal-passiġġieri, apparti minn għax-xufier, li joriġinaw mill-użu ta’ vettura.”
11 Id-Direttiva 2009/103 ikkodifikat id-direttivi li kienu jeżistu qabel fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem ir-“responsabbiltà ċivili tal-vetturi”) u, konsegwentement, abrogathom b’effett mis-27 ta’ Ottubru 2009. Skont it-tabella ta’ korrispondenza li tidher fl-Anness II ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jikkorrispondi mal-ewwel u mat-tieni paragrafi tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jikkorrispondu mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) u mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 rispettivament, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 jikkorrispondi mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103.
Id-dritt nazzjonali
12 L-Artikolu 151 tal-Liġi tal-1988 dwar it-Traffiku fit-Toroq (Road Traffic Act 1988, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1988”), li jikkonċerna l-obbligu tal-assiguraturi li jeżegwixxu sentenza li għandha responsabbiltà ċivili bħal dik koperta minn polza ta’ assigurazzjoni obbligatorja, jipprovdi:
“1. Dan l-artikolu japplika meta, wara li jkun ġie maħruġ ċertifikat ta’ assigurazzjoni [...] lill-persuna li jkollha polza ta’ assigurazzjoni, tinkiseb sentenza li hemm riferiment għaliha f’dan il-paragrafu.
[...]
5. Minkejja l-fatt li l-assiguratur jista’ jkollu d-dritt li jevita jew li jikkanċella, jew seta’ evita jew kkanċella, il-polza [...], huwa jkun marbut, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, iħallas lill-persuni li huma intitolati jinvokaw is-sentenza:
a) fir-rigward tar-responsabbiltà marbuta ma’ mewt jew ma’ dannu personali, kwalunkwe somma dovuta bis-saħħa tas-sentenza li tikkonċerna [din] ir-responsabbiltà [...],
[...]
[...]
8. Meta assiguratur ikun marbut, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, iħallas somma bħala responsabbiltà ta’ persuna li ma hijiex assigurata b’polza ta’ assigurazzjoni [...], huwa jkollu d-dritt jirkupra tali somma mingħand din il-persuna jew mingħand kull persuna li:
a) hija assigurata bil-polza ta’ assigurazzjoni [...], li permezz tagħha r-responsabbiltà tkun koperta jekk il-polza assigurat il-persuni kollha [...] u
b) kkawżat jew ippermettiet l-użu ta’ vettura li tat lok għar-responsabbiltà.
[...]”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
13 B. Wilkinson kien indikat bħala sewwieq f’polza ta’ assigurazzjoni ma’ Churchill li kienet tkopri l-użu ta’ vettura. Fit-23 ta’ Novembru 2005 huwa ħalla ħabib tiegħu isuq din il-vettura minfloku filwaqt li huwa kien il-passiġġier. Huwa paċifiku li B. Wilkinson kien jaf li din il-persuna ma kinitx assigurata minn din il-polza ta’ assigurazzjoni. Is-sewwieq tilef il-kontroll tal-imsemmija vettura, li ħabtet ma’ vettura li kienet ġejja fid-direzzjoni opposta. B. Wilkinson weġġa’ serjament. Churchill aċċettat li tikkumpensa lil B. Wilkinson, iżda, skont l-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988, talbet kumpens mingħand B. Wilkinson, bħala l-persuna assigurata, fl-istess ammont bħall-kumpens li kien dovut lilu, u dan ġie kkontestat minn B. Wilkinson. Peress li l-qorti tal-ewwel istanza ħadet deċiżjoni favur B. Wilkinson, Churchill ippreżentat appell minn tali deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
14 T. Evans kienet proprjetarja ta’ mutur li kien assigurat ma’ Equity, u hija biss kienet awtorizzata ssuq tali mutur. Fl-4 ta’ Awwissu 2004, hija ħalliet ħabib tagħha isuq tali mutur u hija kienet passiġġiera bilqiegħda wara. B’negliġenza tiegħu stess, is-sewwieq laqat in-naħa ta’ wara ta’ trakk. T. Evans weġġgħet serjament. Il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li, meta T. Evans kienet ħalliet lis-sewwieq isuq il-mutur tagħha, hija ma kinitx ħasbet dwar il-fatt li huwa ma kienx awtorizzat isuq tali mutur. Tali qorti sostniet ukoll li Equity kellha d-dritt, skont l-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988, tikseb kumpens għas-somom li hija kellha tħallas lil T. Evans, peress li din tal-aħħar kienet awtorizzat lil persuna ssuq mutur mingħajr ma kienet assigurata. T. Evans ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
15 Churchill u Equity isostnu quddiem din tal-aħħar li l-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988 ma jikkostitwixxix dispożizzjoni “li teskludi mill-assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 u li kull wieħed mis-sewwieqa inkwistjoni kellu l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex juża jew isuq il-vettura kkonċernata. Min-naħa l-oħra, B. Wilkinson u T. Evans isostnu, minn naħa, li din id-dispożizzjoni, meta tapplika għal vittma assigurata b’mod li ma tkunx tista’ iktar tirċievi ħlas min-naħa tal-assiguratur tagħha, teskludi din il-vittma mill-assigurazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13(1), u, min-naħa l-oħra, li l-awtorizzazzjoni li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni hija dik tal-assiguratur, u mhux tal-assigurat.
16 Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dritt Ingliż, il-portata tal-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988 għandha bħala effett li teskludi b’mod awtomatiku mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni l-assigurat li, wara li jkun ħa post bħala passiġġier fil-vettura li jkun awtorizzat isuq, ikun ħalla lil persuna oħra ssuq. Hija tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali esklużjoni u jekk, skont il-każ, din id-dispożizzjoni tistax tkun suġġett ta’ interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni.
17 Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpetat b’mod wiesa’. Madankollu, hija tirrileva li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ quddiemha, tali intepretazzjoni timplika differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ sitwazzjoni rregolata mill-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva. Hija tenfasizza wkoll li s-sitwazzjoni li fiha jinsab passiġġier ta’ vettura, li huwa assigurat u li jippermetti lil sewwieq mhux assigurat isuqha, tista’ tvarja skont jekk il-passiġġier ikollux jew le għarfien tal-fatt li s-sewwieq ma huwiex assigurat jew skont jekk l-imsemmi passiġġier ikkunsidrax jew le jekk is-sewwieq kienx assigurat.
18 Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:
“1) L-Artikoli 12(1) u 13(1) tad-Direttiva [2009/13] għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala effett, mill-aspett tad-dritt nazzjonali rilevanti, li tkun eskluża mill-benefiċċju tal assigurazzjoni, vittma ta’ inċident tat-traffiku, fiċ-ċirkustanzi fejn:
– dan l-inċident kien ikkawżat minn sewwieq li ma kienx assigurat; u
– dan is-sewwieq mhux assigurat ingħata permess mingħand il-vittma sabiex isuq il-vettura; u
– il-vittma kienet passiġġiera fil-vettura fil-mument tal-inċident; u
– il-vittma kienet assigurata sabiex issuq il-vettura inkwistjoni?
B’mod partikolari:
– dispożizzjoni nazzjonali ta’ din in-natura hija dispożizzjoni li “teskudi mill-assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [2009/103]?
– f’ċirkustanzi bħal dawk li seħħew fil-kawża preżenti, il-permess mogħti mill-persuna assigurata lill-persuna mhux assigurata jikkostitwixxi “awtorizzazzjoni espressa jew impliċita” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva [2009/103]?
– ir-risposta għal din id-domanda hija affettwata mill-fatt li, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva [2009/103], il-korpi nazzjonali responsabbli għall-għoti ta’ kumpens f’każ ta’ ħsara kkawżata minn vettura mhux identifikata jew mhux assigurata jistgħu jeskludu l-intervent tagħhom f’dak li jikkonċerna l-persuni li daħlu volontarjament fil-vettura li kkawżat il-ħsara, meta l-korp jista’ jipproduċi provi li huma kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata?
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-fatt li l-permess inkwistjoni [...] kien ibbażat fuq l-għarfien effettiv tal-fatt li s-sewwieq inkwistjoni ma kienx assigurat, jew [...] kien ibbażat fuq it-twemmin li s-sewwieq kien assigurat, jew [ukoll] [...] [jiddependi mill-fatt] li l-permess inkwistjoni kien ingħata mill-assigurat li ma kienx qajjem il-kwistjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
19 Għandu jiġi rrilevat preliminarjament li d-Direttiva 2009/103 ma kinitx fis-seħħ meta ġraw il-fatti. Għaldaqstant, il-kwistjoni mqajma għandha tinftiehem fis-sens li ma tirreferix għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103, iżda għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-tieni u tat-tielet direttivi, li huma applikabbli ratione temporis għal dawn il-fatti u ġew riprodotti sussegwentement fid-Direttiva 2009/103.
20 Minn dan isegwi li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet direttiva u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li teskludi b’mod awtomatiku mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku meta dan l-inċident huwa kkawżat minn sewwieq li ma huwiex assigurat u li din il-vittma, passiġġiera f’vettura fil-mument tal-inċident, kienet assigurata għas-sewqan ta’ din il-vettura u kienet awtorizzat lil dan is-sewwieq isuqha.
21 F’dan ir-rigward, Churchill u Equity isostnu, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103 li jikkorrispondu għall-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva ma humiex applikabbli fil-każ inkwistjoni. L-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988 ma jikkostitwixxix esklużjoni tal-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja. Skonthom, din l-aħħar dispożizzjoni għandha sempliċement bħala effett li tawtorizza assiguratur, meta jkun marbut iħallas kumpens għar-responsabbiltà tas-sewwieq li ma huwiex kopert bl-assigurazzjoni, jeżerċita azzjoni kontra l-assigurat sabiex jirkupra dan il-kumpens meta l-assigurat ikun ikkawża jew ippermetta l-użu ta’ vettura minn dan is-sewwieq.
22 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-funzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u dawk tal-qorti tar-rinviju huma kjarament separati u hija esklużivament din tal-aħħar li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tevalwa l-effetti tiegħu (ara sentenzi tat-3 ta’ Frar 1977, Beneditti, 52/76, Ġabra p. 163, punt 25; tal-21 ta’ Settembru 1999, Kordel et, C‑397/96, Ġabra p. I‑5959, punt 25, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C‑500/06, Ġabra p. I‑5785, punt 21).
23 Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali interpretat l-Artikolu 151(8) tal-Liġi tal-1988, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fl-ewwel domanda preliminari, mhux bħala li tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens mill-assiguratur għall-vittma assigurata, flimkien ma’ rimbors ta’ dan il-kumpens mill-persuna assigurata lill-assiguratur, iżda bħala li għandha l-effett li teskludi awtomatikament mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni passiġġier vittma ta’ inċident tat-traffiku li kien assigurat u li awtorizza lis-sewwieq isuq.
24 Isegwi li l-kwistjonijiet li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża inkwistjoni ma jikkonċernawx il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, iżda jikkonċernaw il-kompatibbiltà ta’ dan id-dritt ma’ dispożizzjoni li, skont l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, billi teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju tal-kumpens possibbli dovut lill-assigurat, tillimita l-portata tal-kopertura tar-responsabbiltà ċivili. Għalhekk, id-domandi magħmula jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
25 Churchill, Equity kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li barra minn hekk l-ewwel domanda tqajjem risposta negattiva. Fil-fatt, persuni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Wilkinson u ta’ T. Evans ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala terzi vittmi fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva.
26 B. Wilkinson, T. Evans u l-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi tipprekludi dispożizzoni nazzjonali bħal dik deskritta fl-ewwel domanda. Il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li l-vittma ta’ inċident tat-traffiku ma hijiex eskluża mill-klassifikazzjoni ta’ passiġġier sempliċement minħabba l-fatt li hija wkoll il-persuna assigurata. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, vittma li hija wkoll assigurata għandha tiġi mxebbha ma terza vittma fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva.
27 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi hija intiża li tassigura l-moviment liberu kemm ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll ta’ persuni li jivvjaġġaw f’tali vetturi kif ukoll li tiggarantixxi li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, indipendentement mit-territorju tal-Unjoni fejn seħħ l-inċident (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1996, Ruiz Bernáldez, C‑129/94, Ġabra p. I‑1829, punt 13, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Candolin et, C‑537/03, Ġabra p. I‑5745, punt 17). Hija intiża wkoll, skont il-ħames premessa tat-Tielet Direttiva, li tipproteġi din il-kategorija partikolarment vulnerabbli ta’ vittmi potenzjali li huma passiġġieri ta’ vetturi bil-mutur, billi timla’ l-lakuni fil-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja ta’ dawn il-passiġġieri li jeżistu f’ċerti Stati Membri (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C‑356/05, Ġabra p. I‑3067, punt 24).
28 Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, kif iċċarat u kkompletat mit-tieni u t-tielet direttivi, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni u jippreċiża, b’mod partikolari, it-tipi ta’ danni u t-terzi li jkunu sfaw vittmi li għandha tkopri din l-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 27, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, Carvalho Ferreira Santos, C‑484/09, Ġabra p. I‑1821, punti 25 sa 27).
29 F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-għan tal-Artikoli 3(1) tal-Ewwel Direttiva, 2(1) tat-Tieni Direttiva u 1 tat-Tielet Direttiva huwa li tiġi ggarantita l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbilità ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi li tippermetti lill-passiġġieri vittma ta’ inċident ikkawżat minn vettura li jiġu kkumpensati għad-dannu li ġarrbu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Hija għalhekk ikkunsidrat li, billi jipprovdi li l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tkopri r-responsabbiltà ta’ dannu personali tal-passiġġieri kollha minbarra s-sewwieq, l-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva jistabbilixxi biss distinzjoni bejn sewwieq u l-passiġġier l-oħra u jagħti inkontestabbilment kopertura ta’ assigurazzjoni għal passiġġieri kollha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et, punt 32, u Farrell, punt 23).
30 Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet direttiva, u mfakkar fil-punt 27 tas-sentenza preżenti, jimponi li s-sitwazzjoni ġuridika tas-sid tal-vettura, li meta seħħ l-inċident kien passiġġier, tixbah lil dik ta’ kwalunkwe passiġġier vittma tal-inċident (sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Bl-istess mod, hija ddeċidiet li dan l-għan jipprekludi huwa stess li leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita indebitament l-kunċett ta’ passiġġier kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi, billi teskludi minn dan il-kunċett il-persuni li kienu f’vettura li la kienet intiża għat-trasport tagħhom u lanqas kienet mgħammra għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Farrell, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 sa 30).
31 Peress li l-unika distinzjoni ammessa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi, kif irrilevata mill-punt 29 tas-sentenza preżenti u kif enfasizzata mill-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija dik bejn is-sewwieq u l-passiġġier, l-istess għan ta’ protezzjoni tal-vittmi timponi wkoll li s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna li, meta seħħ l-inċident, kienet passiġġiera fil-vettura li fir-rigward tagħha kellha assigurazzjoni sabiex issuqha, tkun l-istess bħal dik ta’ kwalunkwe passiġġier li huwa vittma tal-inċident.
32 Isegwi li l-fatt li persuna kellha assigurazzjoni sabiex tkun tista’ ssuq il-vettura li kkawżat l-inċident ma jippermettix li din il-persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ terza vittma fis-sens tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva, peress li kienet passiġġiera u mhux sewwieq tal-vettura.
33 Fir-rigward tad-drittijiet rikonoxxuti lil tali terzi vittmi, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprekludi li l-assiguratur tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi jinvoka d-dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali sabiex jirrifjuta li jikkumpensa lil dawn tal-aħħar għal inċident ikkawżat mill-vettura assigurata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Bernáldez, punt 20; Candolin et, punt 18, kif ukoll Carvalho Ferreira Santos, punt 29).
34 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva sempliċement ifakkar dan l-obbligu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet jew il-klawżoli ta’ polza ta’ assigurazzjoni msemmija fl-imsemmi artikolu li jeskludu mill-kopertura tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill- użu tal-vetturi d-dannu kkawżat lil terzi vittmi minħabba l-użu jew is-sewqan ta’ vettura assigurata minn persuni li ma humiex awtorizzati isuqu din il-vettura, minn persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jew minn persuni li ma jikkonfermawx mal-obbligi legali previsti fil-liġi dwar l-istat u s-sigurtà tal-imsemmija vettura (sentenzi ċċitati Ruiz Bernaldez, punt 21; Candolin et, punt 19, kif ukoll Carvalho Ferreira Santos, punt 30).
35 Huwa minnu li, permezz ta’ deroga minn dan l-obbligu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li ċerti vittmi jistgħu ma jiġux ikkumpensati mill-assiguratur, fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġiferi l-persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta l-assiguratur stess jista’ jipprova li l-vettura kienet misruqa (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Bernáldez, punt 21, u Candolin et, punt 20). Madankollu, u kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tista’ biss issir f’dan il-każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Candolin et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
36 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha l-effett li teskludi b’mod awtomatiku l-obbligu għall-assiguratur li jikkumpensa passiġġier, vittma ta’ inċident tat-traffiku, minħabba l-fatt li dan il-passiġġier kellu assigurazzjoni sabiex isuq il-vettura li kkawżat id-dannu iżda s-sewwieq ma kellux tali awtorizzazzjoni.
37 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtorizzazzjoni għas-sewqan mogħtija mill-persuna assigurata lil sewwieq mhux assigurat tikkostitwixxix, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, “[awtorizzazzjoni] espressa jew implikata” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija tistaqsi tali domanda sabiex isir magħruf jekk dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali li jeskludu l-kopertura ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ sewqan minn persuna li ma kinitx espliċitament jew impliċitament awtorizzata mill-assiguratur, jistgħux jiġu invokati kontra l-vittma.
38 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Anki jekk jitqies li l-kliem “[awtorizzazzjoni] espressa jew implikata” tkopri biss l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-persuna assigurat, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jirriżulta li klawżola li teskludi l-kopertura fil-każ ta’ sewqan minn persuna li ma rċevitx l-awtorizzazzjoni tal-assiguratur hija valida u infurzabbli fir-rigward ta’ terza vittma ta’ inċident. Fil-fatt, l-unika sitwazzjoni li fiha terza vittma jista’ jiġi eskluż mill-kopertura hija dik imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva. Issa, huwa paċifiku li dan ma huwiex il-każ inkwistjoni.
39 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-intervent tal-korp nazzjonali fir-rigward ta’ persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta tali korp jista’ jipprova li dawn il-persuni kienu jafu li la s-sewwieq u lanqas il-vettura ma kienu assigurati, jistax ikun rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.
40 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat l-ewwel nett, li s-sitwazzjoni li fiha l-vettura li kkawżat id-dannu kienet misjuqa minn persuna li ma kellhiex assigurazzjoni f’dan is-sens, filwaqt li sewwieq kellu assigurazzjoni sabiex isuq tali vettura, u dik imsemmija mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, li fiha l-vettura li tat lok għall-inċident ma kienet koperta b’ebda polza ta’ assigurazzjoni, la huma sitwazzjonijiet simili u lanqas paragunabbli. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li vettura tinsaq minn persuna li ma hijiex koperta fil-polza ta’ assigurazzjoni marbuta magħha ma hijiex, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet direttivi, tippermetti li jiġi kkunsidrat li tali vettura ma hijiex assigurata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
41 Fit-tieni lok, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-intervent tal-korp nazzjonali huwa maħsub bħala miżura tal-aħħar rikors, prevista biss fil-każ fejn id-dannu ġie kkawżat minn vettura mhux identifika jew minn vettura li għadha ma ssodisfatx l-obbligu ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva.
42 Dan jispjega li, minkejja l-għan ġenerali ta’ protezzjoni tal-vittmi mfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta lill-Istati Membri jeskludu l-intervent ta’ dan il-korp f’ċerti limiti, u b’mod partikolari, fil-każ ta’ persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu meta tali korp jista’ jipprova li huma kienu jafu li la s-sewwieq u lanqas il-vettura ma kienu assigurati.
43 Konsegwentement, il-fatt li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-intervent ta’ korp nazzjonali fir-rigward ta’ persuni li minn jeddhom rikbu fil-vettura li kkawżat id-dannu, meta tali korp jista’ jipprova li dawn il-persuni kienu jafu li la s-sewwieq u lanqas il-vettura ma kienu assigurati, ma huwiex, f’dan il-każ, rilevanti għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva u lill-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva.
44 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li teskludi b’mod awtomatiku l-obbligu tal-assiguratur li jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku meta dan l-inċident ikun ikkawżat minn sewwieq li ma huwiex assigurat skont il-polza ta’ assigurazzjoni u din il-vittma, passiġġier fil-vettura fil-mument tal-inċident, ikollha assigurazzjoni sabiex issuq din il-vettura u tkun awtorizzat lis-sewwieq isuq tali vettura.
Fuq it-tieni domanda
45 Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti meta l-vittma assigurata kellha għarfien tal-fatt li l-persuna li tkun awtorizzat issuq ma kinitx assigurata tagħmel dan, meta tkun emmnet li tali persuna kienet assigurata u meta ma tkunx ħasbet f’dan ir-rigward.
46 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandha tkopri l-vittmi kollha minbarra s-sewwieq tal-vettura li kkawża d-dannu, sakemm ma tkunx tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet direttivi.
47 Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-vittma assigurata kellha għarfien tal-fatt li l-persuna li hija kienet awtorizzat issuq il-vettura ma kinitx assigurata tagħmel dan, jew kienet temmen li tali persuna kellha assigurazzjoni jew anki ħasbet f’dan ir-rigward, hija irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda.
48 Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni dan l-element fil-kuntest tar-regoli tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili, bil-kundizzjoni madankollu, li l-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam jiġu eżerċitati b’rispett għad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva u tal-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva u tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva, u li l-imsemmija regoli nazzjonali ma jwasslux sabiex dawn id-direttivi jiċċaħdu mill-effettività tagħhom (sentenzi ċċitati iktr ’il fuq Ruiz Bernáldez, punt 19; Candolin et, punti 27 u 28; Farrell, punt 34; Carvalho Ferreira Santos, punti 35 u 36, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, C‑409/09, Ġabra p. I‑4955, punt 28).
49 Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, imfassla skont kriterji ġenerali u astratti, ma tistax tirrifjuta jew tillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-passiġġier li jiġi kkumpensat bl-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi abbażi biss tal-kontribuzzjoni tiegħu għat-twettiq tad-dannu. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali, tista’ tiġi limitata l-portata tal-kumpens (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Candolin et, punti 29, 30 u 35; Farrell, punt 35; Carvalho Ferreira Santos, punt 38, kif ukoll Ambrósio Lavrador u Olival Ferreira Bonifácio, punt 29).
50 Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li r-risposta għall-ewwel domanda ma ma tkunx differenti meta l-vittma assigurata kellha għarfien tal-fatt li l-persuna li tkun awtorizzat issuq ma kinitx assigurata tagħmel dan, meta tkun emmnet li tali persuna kienet assigurata u meta ma tkunx ħasbet f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, u l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li teskludi, b’mod awtomatiku, l-obbligu tal-assiguratur li jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku meta dan l-inċident ikun ikkawżat minn sewwieq li ma huwiex assigurat skont il-polza ta’ assigurazzjoni u din il-vittma, passiġġier fil-vettura fil-mument tal-inċident, ikollha assigurazzjoni sabiex issuq din il-vettura u tkun awtorizzat lis-sewwieq isuq tali vettura.
2) Ir-risposta għall-ewwel domanda ma tkunx differenti meta l-vittma assigurata kellha għarfien tal-fatt li l-persuna li tkun awtorizzat issuq ma kinitx assigurata tagħmel dan, meta tkun emmnet li tali persuna kienet assigurata u meta ma tkunx ħasbet f’dan ir-rigward.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.