Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0423

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta' Mejju 2011.
Delphi Deutschland GmbH vs Hauptzollamt Düsseldorf.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifikazzjoni tariffarja - Konnekters tal-elettriku - Subintestatura 8536 69 - Plaggs u sokits.
Kawża C-423/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:315

Kawża C-423/10

Delphi Deutschland GmbH

vs

Hauptzollamt Düsseldorf

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)

“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Konnekters tal-elettriku — Subintestatura 8536 69 — Plaggs u sokits”

Sommarju tas-sentenza

Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Konnekters tal-elettriku, immanifatturati mill-metall, li jikkostitwixxu biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement, mingħajr ma jiżguraw l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1810/2004, Nru 1719/2005 u Nru 1549/2006)

Is-subintestatura 8536 69 tan-Nomeklatura Magħquda li tidher fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat għas-snin 2005, 2006 u 2007, rispettivament, bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, Nru 1719/2005, Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-konnekters tal-elettriku, li huma magħmula minn metall ippressat (ramm, ramm isfar, folja tal-azzar) u li ma kinux iżolati u li kienu magħrufin bħala “terminals”, li fosthom issir distinzjoni bejn “female terminals” (terminals li jirċievu) u “male terminals” (terminals li jidħlu), ma humiex esklużi minn din is-subintestatura minħabba li ma jiżgurawx l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni jew li jirrappreżentaw biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement, peress illi jippermettu li jsiru konnessjonijiet tal-elettriku bejn tagħmir, kejbils u bords ta’ konnessjonijiet, eċċ., sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggs fis-sokits mingħajr l-ebda xogħol ta’ muntaġġ.

(ara l-punt 30 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Mejju 2011 (*)

“Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Konnekters tal-elettriku – Subintestatura 8536 69 – Plaggs u sokits”

Fil-Kawża C‑423/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

Delphi Deutschland GmbH

vs

Hauptzollamt Düsseldorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, C. Toader u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Delphi Deutschland GmbH, minn L. Harings, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 8536 69 tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382). Għas-snin 2005, 2006 u 2007, dan l-anness kien ġie ssostitwit rispettivament permezz tal-annessi tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, (ĠU L 327, p. 1), (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1) u (KE) Nru 1549/2006 tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1).

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Delphi Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Delphi Deutschland”), rikorrenti fil‑kawża prinċipali, u Hauptzollamt Düsseldorf (Uffiċċju Prinċipali tad‑Dwana ta’ Düsseldorf), konvenut fil‑kawża prinċipali, dwar il‑klassifikazzjoni tariffarja tal-konnekters tal-elettriku.

 Il-kuntest ġuridiku

3        It-tieni parti tan-NM, kif emendata bir-Regolament Nru 1810/2004, tinkludi Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u strumenti mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l‑oġġetti”.

4        L-imsemmija Taqsima XVI tinkludi l-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u apparat elettriku u bċejjeċ tiegħu; magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, magni li jirrekordjaw u jirriproduċu l-istampa u l-ħoss għat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu fih b’mod partikolari l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:

“8536

Apparat elettriku biex jixgħel (switching) jew jipproteġi ċirkuwiti elettriċi, jew biex joħloq konnessjonijiet ma’ jew ġo ċirkuwiti elettriċi (per eżempju, swiċċijiet, rilejs, fjusijiet, apparat li jrażżan it-tlugħ f’daqqa tal-kurrent, plaggs, sokits, ħowlders tal-bozoz, u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils), għal vultaġġ mhux ogħla minn 1 000 V:

(…)

 
 

Ħowlders tal-bozoz, plaggs u sokits:

8536 61

Ħowlders tal-bozoz:

(…)

 

8536 69

Oħrajn:

8536 69 10

għal kejbils koassjali

8536 69 30

għal ċirkuwiti stampati

8536 69 90

oħrajn”

5        Dan il-kapitolu jinkludi wkoll is-subintestaturi li ġejjin:

“8536 90

apparat ieħor:

(…)

 

8536 90 10

Konnessjonijiet u elementi kuntatt għal wajer u kejbils”


6        Is-subintestaturi fil-paragrafi 4 u 5 ta’ din is-sentenza huma l-istess fil-verżjoni tan-NM, kif tirriżulta mir-Regolamenti Nru 1719/2005 u Nru 1549/2006 kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 tal-20 Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1).

7        Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), tar-Regolament Nru 2658/87, il‑Kummissjoni għandha tipprovdi noti ta’ spjega dwar in-NM li hija tippubblika regolarment fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk ippubblikati fit-28 ta’ Frar 2006 (ĠU C 50, p. 1), li jirreferu għall-intestaturi u għas-subintestaturi tan-NM tas-sena 2005, riprodotti fir-Regolament Nru 1810/2004, ma fihom l-ebda nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 8536 69.

8        Min-naħa l-oħra, in-noti ta’ spjega ppubblikati fit-30 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 133, p. 1), li jirreferu għall-intestaturi u għas-subintestaturi tan-NM tas-sena 2008, riprodotti fir-Regolament Nru 1214/2007, jispeċifikaw, taħt is‑subintestaturi 8536 69 10 sa 8536 69 90:

“Dawn is-subtitli jinkludu plaggijiet elettromekkaniċi u sokits li jippermettu konnessjoni b’diversi direzzjonijiet ta’ komunikazzjoni, pereżempju bejn it‑tagħmir, il-kejbils, u l-bords ta’ konnessjoni, sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggijiet l-imwaħħla fis-sokits l-imwaħħla mingħajr l-ebda xogħol ta' muntaġġ.

Il-konnetturi jista’ jkollhom plagg jew sokit fuq kwalunkwe naħa jew plagg jew sokit fuq naħa waħda u tagħmir ta’ kuntatt ieħor fin-naħa l-oħra (eż, pressa (crimp), klamp, issaldjat jew tip ta’ skrun).

Dawn is-subtitli jinkludu wkoll igganċjar plug-in li jinkludu plagg u par sokits (żewġ biċċiet). Il-partijiet tal-plagg u tas-sokit għandhom kull wieħed sokit wieħed u tagħmir ta’ kuntatt ieħor.

Dawn is-subtitoli ma jinkludux l-elementi ta’ konnessjoni jew kuntatt li magħhom konnessjoni elettrika tkun stabbilita b’mezzi oħrajn (eż. pressa (crimp), tip ta’ skrun, issaldjati jew terminals bil-pressa). Dawn huma koperti minn subintestatura 8536 90.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Delphi Deutschland, kumpannija b’subkuntratt fis-settur tal-vetturi, importat konnekters tal-elettriku magħrufin bħala “terminals”, li fosthom hija tiddistingwi bejn “female terminals” (terminals li jirċievu) u “male terminals” (terminals li jidħlu). Dawn il-prodotti, magħmula minn metall ippressat (ramm, ramm isfar, folja tal-azzar), ma kinux iżolati. Huma kienu, għal raġunijiet parzjalment relatati mat-trasport, imwaħħla ma’ vireg tal-metall minn fejn huma kienu mbagħad jinqatgħu sabiex jintużaw.

10      Il-kejbils meħtieġa kienu ppressati (Crimp) fil-konnekters sabiex ikunu jistgħu jintużaw aktar tard. Għal dan il-għan, il-kejbil jinthemeż mal-konnekters billi jitgħawġu l-ġwienaħ tal-metall, li jinsabu fit-tarf ta’ kull konnekter u li wara jiġu ppressati fuq il-kejbil. Imbagħad, il-“female terminals” u l-“male terminals” jiġu inseriti f’żewġ kisjiet kumpatibbli tal-plastik (“female connector” u “male connector”). Għal dan il-għan, il-konnekters jitwaħħlu f’dawn il-kisjiet permezz ta’ parti tal-plastik partikolari. Fil-parti l-kbira tal-imsemmija kisjiet tal-plastik, il‑kejbils jitwaħħlu wkoll ma’ parti oħra partikolari tal-plastik. Barra minn hekk, il-kejbil u l-kisja jistgħu wkoll jiġu ssiġillati. Il-kejbils li għandhom jiġu konnessi mal-kisjiet inkwistjoni, kumpatibbli waħda mal-oħra, jistgħu jiġi konnessi malajr u b’sigurtà u sussegwentement jergħu jiġu skonnessi.

11      Il-konnekter jippermetti wkoll li jkun hemm konnessjoni elettrika bejn żewġ kejbils, li magħhom huma ppressati l-“female terminals” u l-“male terminals” kumpatibbli waħda mal-oħra, li hija stabbilita malajr u b’sigurtà u maqtugħa mill-ġdid. Fil-fatt, il-“female terminals” għandhom forma tali li l-“male terminals” ikunu jistgħu jiddaħħlu fihom kompletament, sal-partijiet komponenti li jservu bħala l-konnessjoni ppressata (crimp) għal kull kejbil użat, u b’hekk tiġi stabbilita konnessjoni tal-elettriku sigura. Madankollu, il-konnessjoni elettrika hekk stabbilita hija, ġeneralmant, użata biss fil-prattika meta ż-żewġ elementi konnetturi jkunu ġew iżolati wkoll.

12      Fis-7 ta’ Diċembru 2007, Delphi Deutschland issottomettiet elementi ta’ konnessjoni u ta’ kuntatt taħt is-subintestatura 8536 90 10 NM lill-uffiċċju doganali tal-ajruport li jaqa’ taħt il-Hauptzollamt Düsseldorf sabiex jiġu rrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera mingħajr ma jitħallsu dazji doganali.

13      Il-prodotti inkwistjoni kienu “pin headers” magħmula minn vireg tal-metall paralleli li f’tarf minnhom huma kulur id-deheb. Il-vireg tal-metall kienu maħsuba sabiex jistabbilixxu konnessjonijiet elettriċi għal vultaġġ taħt l-1 000 volt u ma kinux intiżi għal kejbils koassjali, ċirkwiti kompressati jew ajruplani.

14      Abbażi tal-analiżi mwettqa, il-Hauptzollamt Düsseldorf qies li l-merkanzija inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 8536 69 90 tan-NM. Għalhekk, permezz tad-deċiżjonijiet tat-2 u tal-20 ta’ Mejju u tal-1 u tat-30 ta’ Awwissu 2008, huwa talab il-ħlas ta’ dazji doganali għall-ammont ta’ EUR 112 823.62.

15      Delphi Deutschland ressqet ilment kontra dawn id-deċiżjonijiet, li Hauptzollamt Düsseldorf ċaħad bħala infondat permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Mejju 2009.

16      Meta kellha tiddeċiedi l-kawża bejn Delphi Deutschland u Hauptzollamt Düsseldorf, il-Finanzgericht Düsseldorf qajmet il-kwistjoni dwar jekk is‑subintestatura 8536 69 tan-NM tkoprix ukoll il-konnekters inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17      Minn naħa, skont il-qorti tar-rinviju, fir-rigward sempliċement tal-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tas-subintestatura 8536 69 tan-NM u tat-taqsima li taħtha taqa’ is-subintestatura, jiġifieri “Ħowlders tal-bozoz, plaggs u sokits”, peress li din it‑taqsima tuża t-terminu “Steckvorrichtungen”, il-klassifika taħt is‑subintestatura 8536 69 90 hija korretta, sa fejn il-konnessjoni elettrika bejn żewġ kejbils tista’ tiġi stabbilita billi jiġu pplaggjati fil-konnekters kompatibbli.

18      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-verżjoni tal-lingwa Ingliża u dik Franċiża jużaw rispettivament, fir-rigward tas-subintestatura 8536 69 tan-NM, it‑termini “plugs and sockets” u “fiches et prises de courant”, li pjuttost jirreferu għal plaggs u sokits”.

19      Issa, dawk il-plaggs għandhom normalment ukoll jiżguraw l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni, li l-konnekters inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiżgurawx. Barra minn hekk, l-imsemmija konnekters, minkejja li bihom biss tista’ tiġi stabbilita konnessjoni elettrika sempliċement billi jiġu pplaggjati, jirrappreżentaw biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

20      Peress illi s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tal-intestatura 8536 69 tan-NM, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-konnekters tal-elettriku deskritti b’mod iktar preċiż f’din id- [deċiżjoni tar-rinviju] jaqgħu taħt is-subintestatura 8536 69 tan-[NM]?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il‑prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l‑elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher illi l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, X, C-423/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Issa, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif riprodotti, b’mod partikolari, fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 8536 69 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens illi l-konnekters tal-elettriku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex esklużi mill-imsemmija subintestatura minħabba li ma jiżgurawx l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni jew li ma humiex parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, sew fl-interess taċ-ċertezza legali u għall-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha, ġeneralment, titfittex fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u fit-taqsima jew noti tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

24      In-noti ta’ spjega mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-NM u mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana fir-rigward tas-Sistema Armonizzata ta’ Deżinjazzjoni u ta’ Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tad-dwana mingħajr, madanakollu, ma għandhomx setgħa vinkolanti (sentenza X, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għandu jiġi osservat li l-kliem tas-subintestatura 8536 69 tan-NM hija “Oħrajn”. Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem tas-subintestaturi 8536 61 u 8536 69 tan-NM kif ukoll mit-titolu li jippreċedi dawn iż-żewġ subintestaturi, is‑subintestatura 8536 69 tan-NM tirreferi, fil-fatt, għall-prodotti kklassifikati bħala “Steckvorrichtungen” bil-lingwa Ġermaniża, “plugs and sockets” bil-lingwa Ingliża u “fiches et prises de courant” bil-lingwa Franċiża.

26      Dwar l-interpretazzjoni tal-ambitu tas-subintestatura 8536 69 tan-NM, huwa meħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni, anki, in-noti ta’ spjega, anki jekk dawn jirreferu għas-subintestaturi 8536 69 10 sa 8536 69 90 NM, kif emendati bir-Regolament Nru 1214/2007. Fil-fatt, peress li l-kliem ta’ dawn is-subintestaturi huma identiċi għal dawk tal-istess subintestaturi tan-NM, kif emendati mir-Regolament Nru 1810/2004, Regolament Nru 1719/2005 u Regolament Nru 1549/2006, ma huwiex meħtieġ, bħala prinċipju, li din tal-aħħar tingħata tifsira differenti minn dik li għandha tingħata lil dik tal-ewwel., meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni n-noti ta’ spjega.

27      Min-noti ta’ spjega dwar is-subintestaturi 8536 69 10 sa 8536 69 90 tan-NM u, b’mod partikolari, mill-ewwel subparagrafu tagħhom jirriżulta li dawk is‑subintestaturi għandhom jiġu interpretati bħala li jinkludu plaggs u sokits li jippermettu li jsiru konnessjonijiet tal-elettriku bejn tagħmir, kejbils, u bords ta’ konnessjoni eċċ., sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggs fis-sokits mingħajr l-ebda xogħol ta’ muntaġġ.

28      Minn dan isegwi li l-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti taħt is‑subintestatura 8536 69 tan-NM jikkonsistu, kif issuġġerit mill-kliem tagħhom u kif ikkonfermat fin-noti ta’ spjega, fil-fatt li jippermettu konnessjonijiet tal-elettriku b’mod speċifiku, jiġifieri sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggs fis-sokits mingħajr l-ebda xogħol ta’ muntaġġ.

29      Issa, peress li jeżistu prodotti jippermettu tali konnessjonijiet b’dan il-mod, għandu jiġi kkunsidrat li huma jaqgħu taħt is-subintestatura 8536 69 tan-NM, mingħajr ma jkunu rilevanti, fihom infushom, iċ-ċirkustanzi illi dawk l-istess prodotti ma jiżgurawx l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni jew li jirrappreżentaw biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement. Fil-fatt, peress li dik is-subintestatura ma tinkludi l-ebda referenza għal tali ċikustanzi, għandu jiġi dedott li dawn ma humiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dawn il-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1989, Weber, 40/88, Ġabra p. 1395, punt 16 u X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

30      Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li s‑subintestatura 8536 69 tan-NM kif emendata għas-snin 2005, 2006 u 2007, rispettivament, permezz tar-Regolamenti Nru 1810/2004, Nru 1719/2005 u Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konnekters tal-elettriku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex esklużi minn din is‑subintestatura minħabba li ma jiżgurawx l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni jew li jirrapreżentaw biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement, peress illi jippermettu konnessjonijiet tal-elettriku bejn tagħmir, kejbils, u bords ta’ konnessjoni eċċ., sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggs fis-sokits mingħajr l-ebda xogħol ta’ muntaġġ.

  Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Is-subintestatura 8536 69 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana kif emendat għas-snin 2005, 2006 u 2007 rispettivament permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004, tas-7 ta’ Settembru 2004, Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 u Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konnekters tal-elettriku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex esklużi minn din is‑subintestatura minħabba li ma jiżgurawx l-iżolazzjoni tal-pajp fil-punt ta’ konnessjoni jew li jirrappreżentaw biss parti mill-plaggs u sokits immanifatturati sussegwentement, peress illi jippermettu konnessjonijiet tal-elettriku bejn tagħmir, kejbils, u bords ta’ konnessjoni, eċċ., sempliċiment billi jkunu pplaggjati l-plaggs fis-sokits mingħajr l-ebda xogħol ta’ muntaġġ.

(Firem)


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top