Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0400

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-5 ta' Ottubru 2010.
    J. McB. vs L. E..
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tal-minuri – Regolament (KE) Nruº 2201/2003 – Minuri li l-ġenituri tagħhom ma humiex miżżewġin – Dritt ta’ kustodja tal-missier – Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘drittijiet ta’ kustodja’ – Prinċipji ġenerali ta’ dritt u Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-400/10 PPU.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08965

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:582

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

    5 ta’ Ottubru 2010 (*)

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tal-minuri – Regolament (KE) Nruº 2201/2003 – Minuri li l-ġenituri tagħhom ma humiex miżżewġin – Dritt ta’ kustodja tal-missier – Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘drittijiet ta’ kustodja’ – Prinċipji ġenerali ta’ dritt u Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑400/10 PPU,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

    J. McB.

    vs

    L. E.,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat it-talba tal-qorti tar-inviju li tissottometti r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

    wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2010 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’Settembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal J. McB., minn D. Browne, SC, u D. Quinn, BL, f’isem J. McDaid, solicitor,

    –        għal L. E., minn G. Durcan, SC, kif ukoll minn N. Jackson u S. Fennell, BL,f’isem M. Quirke, solicitor,

    –        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn M. MacGrath, SC, u N. Travers, BL,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. McB, li huwa l-missier ta’ tliet minuri, u L. E., li hija l-omm ta’ dawn tal-aħħar, fir-rigward tar-ritorn ta’ dawn il-minuri fl-Irlanda, li bħalissa jinsabu fl-Ingilterra ma’ ommhom.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

    3        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), jipprovdi:

    “Din il-Konvenzjoni għandha l-għan li:

    a)      tiżgura r-ritorn malajr ta’ minuri li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment f’xi Stat Kontraenti;

    b)      tiżgura li d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess taħt il-liġi ta’ Stat Kontraenti jiġu rrispettati effettivament fl-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4        L-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illegali:

    (a)      meta dan ikun bi ksur tad-dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew korp ieħor, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu, u

    (b)      fil-waqt tat-tneħħija jew taż-żamma dan id-dritt kien ġie eżerċitat, waħdu jew konġuntement, jew kien jiġi eżerċitat li kieku ma seħħewx tali ġrajjiet.

    Id-dritt ta’ kustodja imsemmi fis-subparagrafu (a) jista’ b’mod partikolari joriġina ipso jure, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dan l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

    5        L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 huwa fformulat kif ġej:

    “L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ Stat Kontraenti jistgħu, qabel ma jordnaw ir-ritorn tal-minuri, jitolbu li l-applikant jippreżenta deċiżjoni jew determinazzjoni oħra mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza abitwali tal-minuri li tikkonstata li t-tneħħija jew iż-żamma kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, sa fejn dik id-deċiżjoni jew dik id-determinazzjoni tista’ tinkiseb f’dan l-Istat. L-Awtoritajiet ċentrali tal-Istati Kontraenti għandhom jassistu sa fejn jistgħu lill-applikant sabiex jikseb tali deċiżjoni jew determinazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

     Id-dritt tal-Unjoni

    6        Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jispjega:

    “F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-[Konvenzjoni ta’ Den Haag] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11 […]”

    7        Skont il-premessa 33 tal-imsemmi regolament:

    “Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-[Karta].”

    8        L-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi “drittijiet ta’ kustodja” bħala li jinkludu “drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’l-minuri”.

    9        L-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li t-“tneħħija nġusta [illegali] jew iż-żamma […] ta’ l-minuri” hija illegali fejn:

    “(a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

    u

    (b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

    10      L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

    “1.      Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

    […]

    3.      Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

    Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

    […]

    6.      Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [ta’ den Haag] ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti […] sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta' l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

    7.      Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali] ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

    8.      Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [ta’ Den Haag] ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

    11      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, huwa fformulat kif ġej:

    “Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

    […]

    (e)      il-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980]”.

    12      L-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Iskop ta’ l-effetti”, jipprovdi fil-paragrafu 2:

    “Il-Konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 60, u partikolarment il-Konvenzjoni ta’ l-Aja [ta’ Den Haag] ta’ l-1980, ikomplu jipproduċu l-effetti bejn l-Istati Membri li huma parti fihom, skond l-Artikolu 60.”

     Id-dritt nazzjonali

    13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Irlandiż, il-missier naturali tal-minuri ma jgawdix ipso jure minn dritt ta’ kustodja. Barra minn hekk, il-fatt li l-ġenituri mhux miżżewġa jikkoabitaw u l-missier kien involut b’mod attiv fl-edukazzjoni tal-minuri ma jippermettix, fih innifsu, tali dritt lill-missier.

    14      Madankollu, skont l-Artikolu 6 A tal-Liġi tal-1964 dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Guardianship of Infants Act 1964), kif emendata bl-Artikolu 12 tal-Liġi tal-1987 dwar l-istatus tal-minuri (Status of Cildren Act 1987), “fejn il-missier u omm ma humiex miżżewġin lil xulxin, il-qorti tista’, fuq talba tal-missier, permezz ta’ digriet taħtar tutur tal-minuri.”

    15      L-Artikolu 11(4) tal-Liġi tal-1964 dwar it-tutela ta’ minuri, kif emendata bl-Artikolu 13 tal-Liġi tal-1987 dwar l-istatus tal-minuri, jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ minuri li l-missier u l-omm ma humiex miżżewġin lil xulxin, id-dritt li, taħt dan l-artikolu, tiġi introdotta talba sew għall-kustodja tal-minuri kif ukoll għad-dritt ta’ aċċess ta’ missieru jew ta’ ommu jestendi għall-missier li ma jkunx it-tutur tal-minuri u, għal dan il-għan, ir-riferimenti magħmula minn dan l-artikolu għall-missier jew għall-ġenitur ta’ minuri għandhom jiġu interpretati bħala li jinkluduh.”

    16      Il-Liġi tal-1991 dwar il-ħtif tal-minuri u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja (Child Abduction and Enforcement of Custody Orders Act 1991), kif emendat bir-Regolament tal-2005 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u responsabbiltà tal-ġenituri) [European Communities (Judgements in Matrimonial Affairs and Matters of Parental Responsibility) Regulations 2005], jipprovdi fl-Artikolu 15 tiegħu:

    “Il-qorti tista’, fuq rikors li jsir għall-finijiet tal-Artikolu 15 tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], minn persuna li l-qorti tqis li għandha interess fil-kwistjoni, tagħmel dikjarazzjoni li t-tneħħija ta’ kwalunkwe minuri mill-Istat jew iż-żamma tiegħu barra mill-Istat kienet:

    a)      fil-każ ta’ tneħħija jew żamma fi Stat Membru, tikkostitwixxi tneħħija jew żamma illegali fis-sens tal-Artikolu 2 [tar-Regolament], jew

    b)      kien, fi kwalunkwe każ, illegali, fis-sens tal-Artikolu 3 tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980].”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

     Iċ-ċirkustanzi fattwali li taw lok għall-kawża prinċipali

    17      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali J. McB., ta’ nazzjonalità Irlandiża, u l-konvenuta fl-istess proċeduri, L. E., ta’ nazzjonalità Brittanika, li ffurmaw koppja mhux miżżewġa, għexu flimkien għal iktar minn għaxar snin fl-Ingilterra, fl-Awstralja, fl-Irlanda ta’ Fuq u, minn Novembru 2008, fl-Irlanda. Flimkien, huma kellhom tlett itfal, jiġifieri J., imwieled fl-Ingilterra fil-21 ta’ Diċembru 2000, E., imwieled fl-Irlanda ta’ Fuq fl-20 ta’ Novembru 2002, u J. C., imwielda fl-Irlanda ta’ Fuq fit-22 ta’ Lulju 2007.

    18      Peress li r-relazzjoni bejn il-ġenituri ddeterjorat fl-aħħar tal-2008 u fil-bidu tal-2009, l-omm, li b’mod partikolari allegat li kienet ġiet aggredita mill-missier, ħarbet diversi drabi, flimkien mal-minuri tagħha, f’dar ta’ kenn għan-nisa. F’April 2009, iż-żewġ ġenituri rrikonċiljaw u ddeċidew li jiżżewġu fl-10 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, il-missier skopra, fil-11 ta’ Lulju 2009, meta rritorna minn vjaġġ marbut ma’ negozju fl-Irlanda ta’ Fuq, li l-omm reġgħet telqet mid-dar tal-familja mal-minuri tagħha sabiex tgħix fl-imsemmija dar tal-kenn.

    19      Fil-15 ta’ Lulju 2009, l-avukati tal-missier ifformulaw, fuq talba tiegħu, rikors promotur quddiem il-qorti Irlandiża li għandha ġurisdizzjoni, jiġifieri d-District Court, sabiex jinkiseb id-dritt ta’ kustodja tat-tliet minuri tiegħu. Madankollu, fil-25 ta’ Lulju 2009, l-omm marret bl-ajruplan għall-Ingilterra, u ħadet magħha lit-tliet minuri msemmija hawn fuq, kif ukoll it-tifel l-ieħor tagħha, ta’ età ikbar, imwieled minn relazzjoni preċedenti. F’dak iż-żmien, l-imsemmi rikors ma kienx ġie nnotifikat lill-omm, b’tali mod li, skont id-dritt proċedurali Irlandiż, l-azzjoni ma ġietx debitament ippreżentata u l-qorti Irlandiża għaldaqstant ma kellhiex konjizzjoni tagħha.

     Il-proċeduri mibdija mill-missier fl-Ingilterra

    20      Fit-22 ta’ Diċembru 2009, J. McB ippreżenta rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit) sabiex jikseb ir-ritorn tal-minuri fl-Irlanda skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tar-Regolament Nru 2201/2003. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2009, din il-qorti talbet lill-missier, skont l-Artikolu 15 tal-istess konvenzjoni, sabiex jipproduċi deċiżjoni jew determinazzjoni mill-awtoritajiet Irlandiżi li tikkonstata li t-tneħħija tal-minuri kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni.

     Il-proċeduri mibdija mill-missier fl-Irlanda

    21      Fit-22 ta’ Diċembru 2009, .J. McB. ippreżenta rikors quddiem il-High Court (l-Irlanda) sabiex jikseb, minn naħa, deċiżjoni jew determinazzjoni li tikkonstata li t-tneħħija tat-tliet minuri tiegħu, fil-25 ta’ Lulju 2009, kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u, min-naħa l-oħra, dritt ta’ kustodja.

    22      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2010, l-imsemmija High Court ċaħdet l-ewwel talba, peress li l-missier ma kellu ebda dritt ta’ kustodja fuq il-minuri fiż-żmien tat-tneħħija tagħhom, b’tali mod li din ma kinitx illegali taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jew taħt ir-Regolament Nru 2201/2003.

    23      Il-missier appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tosserva li l-missier ma kellu l-ebda dritt ta’ kustodja fir-rigward tal-minuri tiegħu fil-25 ta’ Lulju 2009, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Madankollu, hija tosserva li l-kunċett ta’ “drittijiet ta’ kustodja” huwa issa ddefinit għall-finijiet tat-talbiet għar-ritorn tal-minuri minn Stat Membru għal ieħor abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, fl-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament.

    24      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 u lanqas dawk tal-Artikolu 7 tal-Karta ma jimplikaw li l-missier naturali tat-tfal għandu neċessarjament jiġi kkunsidrati bħala li għandu dritt ta’ kustodja tagħhom, għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura illegali jew le tat-tneħħija tal-minuri, fin-nuqqas ta’ sentenza li ttih dak id-dritt. Madankollu, hija tirrikonoxxi li l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

    “Ir-[Regolament Nru2201/2003] interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 7 tal-[Karta] jew b’mod ieħor, jipprekludi li l-liġi ta’ Stat Membru teħtieġ li l-missier ta’ wild li ma huwiex miżżewweġ ma’ omm il-wild jikseb mingħand il-qorti kompetenti deċiżjoni li tafdalu l-kustodja ta’ dan il-wild sabiex jiġi kkunsidrat li għandu “drittijiet ta’ kustodja” li jirrendu t-tneħħija tal-wild barra mill-pajjiż ta’ residenza abitwali illegali għall-finijiet tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-Regolament?”

     Fuq il-proċedura b’urġenza

    26      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    27      Hija mmotivat din it-talba billi sostniet li, skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ minuri, ir-ritorn tal-istess minuri għandu jseħħ mingħajr dewmien.

    28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kawża tirrigwarda tliet minuri, ta’ etajiet ta’ 3, 7 u 9 snin rispettivament, li ilhom separati minn missierhom għal iktar minn sena. Peress li huma involuti minuri f’età żgħira, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżgħar waħda minnhom, il-kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tagħhom tista’ taffettwa serjament ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ missierhom.

    29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Awwissu 2010, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza.

     Fuq id-domanda preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà

    30      Il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-Gvern Ġermaniż isostni li din hija inammissibbli. Huma jossservaw, essenzjalment, li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-ritorn tal-minuri, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2203, iżda l-ksib, qabel ir-ritorn, ta’ deċiżjoni li tikkonferma n-natura illegali tat-tneħħija tal-minuri skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Din il-kawża tirrigwarda, b’hekk, il-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-minuri hijiex legali mhux fis-sens tal-Artikolu 2(11) tal-imsemmi regolament, iżda fis-sens tal-Artikoli 1 u 3 tal-imsemmija konvenzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq quddiem il-qrati Irlandiżi talba sabiex dawn l-istess qrati jagħtu deċiżjoni jew determinazzjoni li tiddikjara li t-tneħħija jew iż-żamma tal-minuri tiegħu kienet illegali fis-sens tal-Artikolu 3 tal-imsemmija konvenzjoni. Huwa kien għamel din it-talba minħabba l-fatt li l-High Court of Justice (England & Wales), Family Division, talbuh jikseb tali deċiżjoni jew determinazzjoni skont l-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni.

    31      Madankollu, ir-Regolament Nru 2201/2003, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu ma jirrigwardawx il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 dwar il-konstatazzjoni tan-natura illegali tat-tneħħija ta’ minuri, iżda biss dik dwar ir-ritorn tiegħu. B’hekk, l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament isir rilevanti biss wara l-għeluq tal-proċedura taħt l-Artikolu 15 tal-imsemmija konvenzjoni u ladarba l-proċedura għar-ritorn tal-minuri tkun inbdiet, hekk li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun prematura.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressaq il-każ li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li jintervjenu li għandhom jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Brünsteiner u Autohaus Hilgert, C‑376/05 u C‑377/05, Ġabra p. I‑11383, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33      Konsegwentement, meta d‑domandi magħmula jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38; u tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald, C‑103/08, Ġabra p. I‑9117, punt 16).

    34      Minn dan isegwi li l‑preżunzjoni ta’ rilevanza li hija marbuta mad‑domandi preliminari magħmula mill‑qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss u, b’mod partikolari, meta jkun manifestament ċar li l‑interpretazzjoni mitluba tad‑dispożizzjonijiet tal‑liġi tal‑Unjoni kkunsidrati f’dawn id‑domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar‑realtà jew mas‑suġġett tal‑kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Gottwald, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tat-22 ta’ April 2010, Dimos Agios Nikolaos, C‑82/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

    35      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li teħtieġ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(11), sabiex tiddeċiedi dwar it-talba li għandha quddiemha, intiża sabiex hija tagħti deċiżjoni jew determinazzjoni li tikkonstata li t-tneħħija jew iż-żamma tal-minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet illegali. Barra minn hekk, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 15 tal-liġi tal-1991 dwar il-ħtif tal-minuri u dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ kustodja, kif emendata mir-regolament tal-2005 adottat fil-kuntest tal-Komunitajiet Ewropej (sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri), jirriżulta li, fil-każ ta’ tneħħija ta’ minuri lejn Stat Membru ieħor, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi fuq il-legalità tat-tneħħija ta’ minuri fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 meta rikorrent jitlobha tagħti tali deċiżjoni jew determinazzjoni skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

    36      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-regolament jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sa fejn dan tal-aħħar jirrigwarda kwistjonijiet irregolati minn dan ir-regolament. B’riżerva għas-supremazija ta’ dan ir-regolament, din il-konvenzjoni tkompli tipproduċi l-effetti tagħha bejn l-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tagħha, fl-osservanza tal-imsemmi Artikolu 60, skont l-Artikolu 62(2) tal-imsemmi regolament, u kif iddikjarat fil-premessa 17 tiegħu. Għaldaqstant, il-ħtif ta’ minuri minn Stat Membru lejn ieħor issa jaqa’ taħt sett ta’ regoli stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, hekk kif issupplimentati minn dawk tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li huma dawn tal-aħħar li għandhom jipprevalu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju hija irrilevanti fir-rigward tad-deċiżjoni li din il-qorti qed tintalab li tagħti.

    38      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

     Fuq il-mertu

    39      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 2201/2203 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt ta’ Stat Membru jissuġġetta l-akkwist tad-dritt ta’ kustodja mill-missier ta’ minuri, li ma huwiex miżżewweġ mal-omm tal-istess minuri, għall-ksib mill-missier ta’ deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni li tagħtih tali dritt ta’ kustodja, li tista’ tirrendi illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, it-tneħħija tal-minuri minn ommu jew iż-żamma tiegħu.

    40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi d-“drittijiet ta’ kustodja” bħala li jinkludu “d-drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’l-minuri”.

    41      Sa fejn il-kunċett ta’ “drittijiet ta’ kustodja” huwa hekk iddefinit mir-Regolament Nru 2201/2003, dan huwa awtonomu meta mqabbel mad-dritt tal-Istati Membri. Fil-fatt, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tinvolvi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, Ġabra, p. I‑6041, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess regolament, id-dritt ta’ kustodja jinkludi, fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-persuna li għandu dan dan id-dritt li jiddeċiedi l-post ta’ residenza tal-minuri.

    42      Kwistjoni kompletament separata hija dik tal-identità tal-persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(11)(a) tal-imsemmi regolament jirriżulta li n-natura illegali jew le tat-tneħħija ta’ minuri tiddependi mill-eżistenza ta’ “drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma”.

    43      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxix min hija l-persuna li għandha jkollha dritt ta’ kustodja li jista’ jrendi illegali t-tneħħija ta’ minuri fis-sens tal-Artikolu 2(11) tiegħu, iżda jirreferi għal-liġi tal-Istat Membru fejn il-minuri kien abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu fir-rigward tal-identità tal-persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja. B’hekk, huwa d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom il-missier naturali jakkwista d-dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament, jekk ikun il-każ billi jissuġġetta l-akkwist ta’ dan id-dritt għal sentenza tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni li tagħti dan id-dritt.

    44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura illegali tat-tneħħija ta’ minuri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiddependi esklużivament fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja, mogħti mid-dritt nazzjonali applikabbli, li bi ksur ta’ dan seħħet it-tneħħija.

    45      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk il-Karta, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, għandhiex impatt fuq din l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

    46      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta l-fatt li t-tneħħija ta’ minuri minn omm l-istess minuri mingħajr ma jkun jaf il-missier naturali tiegħu ma hijiex illegali taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u r-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li l-missier kien għex mal-minuri tiegħu, kif ukoll mal-omm tal-minuri mingħajr ma kienu miżżewġin, u li huwa kien ħa sehem attivament fit-trobbija tal-minuri.

    47      Fil-fehma tiegħu, l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament spjegata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tista’ twassal għal sitwazzjoni li ma tkunx kompatibbli la mad-dritt tiegħu għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u lanqas mad-drittijiet tal-minuri, stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-istess Karta. Għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, id-“drittijiet ta’ kustodja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali dritt ikun akkwistat ipso jure minn missier naturali f’sitwazzjoni fejn dan tal-aħħar jew il-minuri tiegħu jgħixu ħajja tal-familja identika għal dik ta’ familja mibnija fuq iż-żwieġ. Li kieku din l-interpretazzjoni ma kellhiex tiġi aċċettata, id-dritt “potenzjali” tal-missier, li jippermettilu li jressaq talba quddiem il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni u, jekk ikun il-każ, li jikseb dritt ta’ kustodja, jista’ jiġi mċaħħad minn kull effett minn atti mwettqa mill-omm unilateralment u mingħajr ma jkun jaf il-missier. Issa, l-effettività tad-dritt li titressaq tali talba għandha tkun protetta b’mod xieraq.

    48      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dritt Irlandiż, il-missier naturali ma għandux id-dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu, ħlief jekk dan id-dritt jingħata lilu permezz ta’ ftehim konkluż bejn il-ġenituri jew permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti, għalkemm tali dritt ta’ kustodja jappartjeni ex ufficio lill-omm mingħajr in-neċessità li jingħata lilha.

    49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-missier naturali u tal-minuri tiegħu jipprekludix l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 spjegata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

    50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tat-TUE , l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, “li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

    51      Qabel kollox, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw, skont l‑Artikolu 51(1) tiegħu, għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas “ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati”. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha.

    52      Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Karta għall-finijiet biss tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, mingħajr ma ssir evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali fih innifsu. B’mod iktar partikolari dan jirrigwarda l-verifika dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Karta jipprekludux l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament spjegata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-riferiment għad-dritt nazzjonali li din l-interpretazzjoni timplika.

    53      Barra minn hekk, mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sa fejn din il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-istess KEDB. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva. Skont l-Artikolu 7 tal-istess Karta “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB hija identika għal dik tal-imsemmi Artikolu 7, ħlief sa fejn tuża t-termini “korrispondenza tagħha” minflok “kommunikazzjonijiet tagħha”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7 jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB. Għandu għaldaqstant jingħata lill-Artikolu 7 tal-Karta l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija lill-Artikolu 8(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, Ġabra, p. I‑581, punt 48).

    54      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà eżaminat kawża li l-fatti tagħha kienu simili għal dawk tal-kawża prinċipali, fejn il-minuri ta’ koppja mhux miżżewġa kien ittieħed fi Stat ieħor minn ommu, li hija biss kellha l-awtorità ta’ ġenituri fuq il-minuri. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, essenzjalment, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, ipso jure, l-awtorità ta’ ġenituri fir-rigward ta’ tali minuri biss lill-omm ta’ dan il-minuri ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 8 tal-KEDB kif interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, sa fejn hija tippermetti lill-missier tal-minuri, li ma għandux l-awtorità ta’ ġenituri, li jitlob lill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni temenda l-għoti ta’ din l-awtorità (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni Guichard vs Franza tat-2 ta’ Settembru 2003, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2003‑X; ara wkoll, f’dan is-sens, id-deċiżjoni Balbontin vs Ir‑Renju Unit, tal-14 ta’ Settembru 1999, rikors Nru 39067/97).

    55      Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tiġi ddeterminata n-natura legali tat-tneħħija ta’ minuri, li jittieħed fi Stat Membru ieħor minn ommu, il-missier naturali ta’ dan il-minuri għandu jkollhu d-dritt li jitlob li jmur quddiem il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, qabel it-tneħħija tiegħu, sabiex jitlob li jingħata dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu, u dan jikkostitwixxi l-essenza stess tad-dritt tal-missier naturali għal ħajja privata u tal-familja fit-tali kuntest.

    56      Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħti ebda possibbiltà lill-missier naturali li jikseb il-kustodja tal-minuri tiegħu fin-nuqqas ta’ qbil mal-omm tikkostitwixxi diskriminazzjoni mhux iġġustifikata kontra l-missier u għalhekk tikser l-Artikolu 14 tal-KEDB, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Zaunegger vs Il‑Ġermanja, tat-3 ta’ Diċembru 2009, rikors Nru 22028/04, § 63 u 64).

    57      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-missier naturali ma għandux, b’mod differenti mill-omm, id-dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jaffettwax il-kontenut essenzjali tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata u tal-familja, sa fejn id-dritt stabbilit fil-punt 55 ta’ din is-sentenza huwa mħares.

    58      Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ passi meħuda minn tali missier f’waqthom sabiex jikseb dritt ta’ kustodja, huwa ma għandu ebda possibbiltà, fil-każ ta’ tneħħija tal-minuri lejn Stat Membru ieħor minn ommu, li jikseb ir-ritorn ta’ dan il-minuri fl-Istat Membru fejn hemm ir-residenza abitwali preċedenti tiegħu. Fil-fatt, tali tneħħija tirrappreżenta l-eżerċizzju legali, mill-omm li għandha l-kustodja tal-minuri, tad-dritt tagħha għall-moviment liberu, stabbilit fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE u fl-Artikolu 21(1) TFUE, u tad-dritt tagħha li tiddetermina l-post ta’ residenza tal-minuri, mingħajr ma dan iċaħħad lill-missier naturali mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu li jressaq talba sabiex sussegwentement jikseb id-dritt ta’ kustodja ta’ dan il-minuri jew dritt ta’ aċċess għal dak l-istess minuri.

    59      B’hekk, ir-rikonoxximent, lill-missier naturali, ta’ dritt ta’ kustodja tal-minuri tiegħu, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003, minkejja n-nuqqas tal-għoti ta’ tali dritt skont id-dritt nazzjonali, ikun inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali kif ukoll mal-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, f’dan il-każ dawk tal-omm. Soluzzjoni bħal din tista’, barra minn hekk, tikser ukoll l-Artikolu 51(2) tal-Karta.

    60      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 7 tal-Karta, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandha tinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri, rikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmija Karta, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt fundamentali tal-minuri li jkollu, fuq bażi regolari, relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 24(3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 58). Barra minn hekk, mill-premessa 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li dan jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta billi jħares, b’mod partikolari, li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minuri, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha. B’hekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li jmorru kontra l-imsemmi dritt fundamentali li l-osservanza tiegħu hija bla dubju marbuta mal-aħjar interessi tal-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 53 sa 55).

    61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mistħarreġ ukoll jekk l-Artikolu 24 tal-Karta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tiegħu, jipprekludix l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 kif spjegata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

    62      Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, id-diversità kbira ta’ relazzjonijiet barra ż-żwieġ u d-diversità tar-relazzjonijiet li jirriżultaw bejn il-ġenituri u l-minuri tagħhom, liema diversità tissemma mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, li jirriżulta f’rikonoxximent differenti tal-portata u tal-qsim tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri fi ħdan l-Istati Membri. B’hekk, l-Artikolu 24 tal-Karta għandu jiġu interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, għall-finijiet tal-applikazzjon tar-Regolament Nru 2201/2003, id-dritt ta’ kustodja jingħata, bħala prinċipju, esklużivament lill-omm u li l-missier naturali għandu dritt ta’ kustodja biss abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti. Tali rekwiżit jippermetti, fil-fatt, lill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni, sabiex tiddeċiedi dwar id-dritt ta’ kustodja tal-minuri, kif ukoll dwar id-drittijiet ta’ aċċess għall-istess minuri, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi madwar it-twelid tal-minuri, in-natura tar-relazzjoni bejn il-ġenituri, dik bejn kull ġenitur u l-minuri, kif ukoll id-disponibbiltà ta’ kull ġenitur li jieħu r-responsabbiltà tal-kustodja. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatti huwa tali li jipproteġi l-aħjar interessi tal-minuri, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta.

    63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta ma jipprekludux l-interpretazzjoni tar-regolament spjegata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

    64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jissuġġetta l-akkwist ta’ dritt ta’ kustodja mill-missier ta’ minuri, mhux miżżewweġ mal-omm ta’ dan tal-aħħar, għal-kisba mill-missier ta’ deċiżjoni mill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni li tagħtih tali dritt, li jista’ jirrendi illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, it-tneħħija tal-minuri minn ommu jew iż-żamma tiegħu.

     Fuq l-ispejjeż

    65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jissuġġetta l-akkwist ta’ dritt ta’ kustodja mill-missier ta’ minuri, mhux miżżewweġ mal-omm ta’ dan tal-aħħar, għall-kisba mill-missier ta’ deċiżjoni mill-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni li tagħtih tali dritt, li jista’ jirrendi illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, it-tneħħija tal-minuri minn ommu jew iż-żamma tiegħu.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top