EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0296

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Novembru 2010.
Bianca Purrucker vs Guillermo Vallés Pérez.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Amtsgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Lis pendens - Rikors fuq il-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja ta’ wild u talba għal miżuri provviżorji dwar id-dritt ta’ kustodja tal-istess wild.
Kawża C-296/10.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11163

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:665

Kawża C-296/10

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Stuttgart)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Lis alibi pendens — Rikors fuq il-mertu dwar id-dritt ta’ kustodja ta’ wild u talba għal miżuri provviżorji dwar id-dritt ta’ kustodja tal-istess wild”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 19(2) u 20)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19(2))

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fid-dritt ta’ kustodja — Lis alibi pendens

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 19(2))

1.        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament Nru 1347/2000, ma humiex applikabbli fejn kawża li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru sabiex jinkisbu miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun tressqet quddiemha biss sabiex tiddeċiedi dwar miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u li sussegwentement titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fis-sens tal-istess regolament, talba għall-għoti tal‑istess miżuri, kemm jekk temporanji jew definittivi.

Fil-fatt, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tikkonferixxi ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Barra minn dan, l-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni ma għandhiex tipprevjeni t-tressiq ta’ kawża quddiem il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. L‑Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament jipprevjeni kull riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti bejn deċiżjoni li tagħti miżuri provviżorji fis-sens tal‑Artikolu 20 u deċiżjoni adottata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu billi tipprovdi li l-miżuri provviżorji fis-sens ta’ dan l-Artikolu 20(1), jieqfu milli jkollhom effett meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tkun ħadet il-miżuri li hija tikkunsidra xierqa.

(ara l-punti 70, 71, 86 u d-dispożittiv)

2.        Il-fatt li titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, b’mod partikolari għall-finijiet tad-dritt ta’ kustodja ta’ wild, jew li tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura u li minn ebda element tat-talba mressqa jew tad-deċiżjoni adottata ma jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għal miżuri provviżorji għandha ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r‑Regolament Nru 1347/2000, ma jwassalx neċessarjament għall-esklużjoni tal-eżistenza, hekk kif jista’ eventwalment jawtorizza d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, ta’ talba li fil-mertu hija relatata mat-talba għal miżuri provviżorji u li fiha elementi li jindikaw li l-qorti li quddiemha tressqet il‑kawża għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament.

F’tali kuntest, hija t-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha li għandha tivverifika jekk, id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha, li tagħti miżuri provviżorji, kienet biss deċiżjoni li għandha twassal għal deċiżjoni sussegwenti adottata fid-dawl ta’ għarfien aħjar tal‑kawża u f’ċirkustanzi li ma jkunux iktar ikkaratterizzati minn urġenza għal deċiżjoni. It-tieni qorti li tressqet talba quddiemha għandha għalhekk tivverifika wkoll jekk teżistix unità proċedurali bejn it-talba li kienet is‑suġġett tal-miżuri provviżorji u talba mressqa sussegwentement.

(ara l-punti 80, 86 u d-dispożittiv)

3.        Meta, minkejja l-isforzi mwettqa mit-tieni qorti li quddiemha tressqet il‑kawża sabiex tikseb tagħrif mill-parti li titlob il-lis alibi pendens, mill‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża u mill-awtorità ċentrali, it‑tieni qorti ma għandha l-ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat li s-suġġett u l-bażi ġuridika ta’ talba mressqa quddiem qorti oħra u intiża sabiex, b’mod partikolari, tindika l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, u li minħabba f’ċirkustanzi partikolari, l-interess tal-wild jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni suxxettibbli li tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra minbarra dak tat-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa għal din l-aħħar qorti li wara perijodu raġonevoli ta’ stennija għar-risposti għad-domandi magħmula, tkompli tikkunsidra t-talba mressqa quddiemha. It-tul ta’ dan il‑perijodu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal‑wild fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu l-għan, fl-aqwa interessi tal-wild, li jippermetti lill-qorti li hija l‑eqreb tiegħu, u li għalhekk hija l‑iktar waħda li taf tajjeb is-sitwazzjoni tiegħu u l-istat tal-iżvilupp tiegħu, li tieħu d‑deċiżjonijiet meħtieġa.

(ara l-punti 82-84, 86 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Novembru 2010 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Lis alibi pendens – Rikors fuq il‑mertu dwar id-dritt ta’ kustodja ta’ wild u talba għal miżuri provviżorji dwar id‑dritt ta’ kustodja tal-istess wild”

Fil-Kawża C‑296/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2010 li tissuġġetta l-kawża għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Purrucker, minn B. Steinacker, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Purrucker u G. Vallés Pérez fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja ta’ binhom Merlín.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Qabel ir-Regolament Nru 2201/2003 kien hemm fis-seħħ ir-Regolament (KE) tal‑Kunsill Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209). Ir-Regolament Nru 1347/2000 ġie rrevokat permezz tar-Regolament Nru 2201/2003, li għandu kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’.

4        Il-premessi 12, 16 u 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l‑ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d‑detenturi tar-responsabilità.

[…]

(16)      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri proviżorji, inkluzi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

5        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil‑ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

4)      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l‑ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

7)      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r‑responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9)      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]”

6        L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l‑Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

7        L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti”, jiddisponi:

“1.      Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess;

a)      fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)      jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

8        Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

9        L-Artikolu 19(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri [suġġett] u li tinkludi l-istess kawża [bażi ġuridika] se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it‑tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l‑ewwel.”

10      L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi”, jiddisponi:

“1.      F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il‑liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l‑qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

11      L-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi. Dan l-Artikolu 21(1), jipprovdi b’mod partikolari li sentenzi mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura.

12      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u l-proċeduri pendenti

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-fatti msemmija fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker (C‑256/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u mill-proċess tal-kawża li ntbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li f’nofs l-2005, B. Purrucker, ċittadina Germaniża, marret tgħix fi Spanja ma’ G. Vallés Pérez, ċittadin Spanjol imwieled il-Ġermanja. Fil-31 ta’ Mejju 2006, mir-relazzjoni tagħhom twieldu tewmin, Merlín, tifel, u Samira, tifla, li ġew imwielda qabel iż-żmien. G. Vallés Pérez irrikonoxxa lill-ulied. Minħabba li l‑ġenituri jgħixu flimkien, huma għandhom, skont il-liġi Spanjola, dritt ta’ kustodja konġunta. L-ulied għandhom ċittadinanza Ġermaniża u Spanjola.

14      Billi r-relazzjoni bejn B. Purrucker u G. Vallés Pérez iddeterjorat, B. Purrucker xtaqet tirritorna lejn il-Ġermanja ma’ uliedha, filwaqt li G. Vallés Pérez inizjalment oppona. Fit-30 ta’ Jannar 2007, il-partijiet laħqu ftehim notarili li kellu jiġi approvat minn qorti sabiex ikun infurzabbli, li permezz tiegħu B. Purrucker għandha tmur tgħix il-Ġermanja flimkien mal-ulied.

15      Minħabba kumplikazzjonijiet u l-ħtieġa ta’ intervent kirurġiku, Samira ma setgħetx tħalli l-isptar fil-jum tat-tluq. B. Purrucker għalhekk telqet lejn il‑Ġermanja ma’ binha Merlín fit-2 ta’ Frar 2007. Minħabba f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, fil-kawża prinċipali bejn il-partijiet, qed tiġi kkontestata l-kwistjoni dwar jekk G. Vallés Pérez kienx għadu jaqbel mat-tluq ta’ B. Purrucker ma’ Merlín.

16      Ir-residenza tal-membri tal-familja ma nbiddlitx mit-tluq ta’ B. Purrucker fit-2 ta’ Frar 2007.

17      Hemm tliet proċeduri pendenti bejn il‑partijiet fil‑kawża prinċipali:

–        l‑ewwel waħda, fi Spanja, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n. 4 de San Lorenzo de El Escorial, għandha bħala suġġett l‑għoti ta’ miżuri provviżorji, mibdija minn G. Vallés Pérez. Ma jistax jiġi eskluż li din il‑proċedura, taħt ċerti kundizzjonijiet, tidher li tista’ titqies li hija proċedura fuq il-mertu li s‑suġġett tagħha huwa l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja ta’ Merlín u Samira;

–        it‑tieni waħda, fil‑Ġermanja, mibdija minn G. Vallés Pérez, li għandha bħala suġġett l‑infurzar tas‑sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007 mogħtija mill‑Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, li tistabbilixxi miżuri provviżorji u li wasslet għas-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, u

–        it‑tielet waħda, fil‑Ġermanja, mibdija minn B. Purrucker, li għandha bħala suġġett l‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja fuq l‑istess ulied. Din hija l-proċedura li wasslet għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Il-proċeduri mibdija fi Spanja għall-għoti ta’ miżuri provviżorji dwar il-kustodja tal-ulied u eventwalment għal deċiżjoni fuq il-mertu

18      Peress li ma baqax iħossu marbut bil‑ftehim notarili tat-30 ta’ Jannar 2007, G. Vallés Pérez beda, f’Ġunju 2007, proċedura għall-finijiet tal‑għoti ta’ miżuri provviżorji u, b’mod partikolari, tad‑dritt ta’ kustodja tal-ulied, Merlín u Samira, quddiem il‑Juzgado de Primera Instancia n. 4 de San Lorenzo de El Escorial.

19      Is‑seduta saret fis‑26 ta’ Settembru 2007. B. Purrucker ippreżentat osservazzjonijiet bil‑miktub u kienet irrappreżentata.

20      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, il‑Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial ikkunsidrat li għandha ġurisdizzjoni u adottat miżuri urġenti u provviżorji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kustodja tal-ulied. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ sentenza emendatorja tat-28 ta’ Novembru 2007.

21      Skont ċerti elementi inklużi fil-proċess, fid-dritt Spanjol, meta miżuri provviżorji jiġu mitluba u jinkisbu qabel talba fuq il-mertu, l‑effetti tagħhom jieqfu biss jekk it‑talba kontenzjuża prinċipali titressaq fit‑30 ġurnata wara l‑adozzjoni ta’ dawn il‑miżuri provviżorji.

22      F’data mhux speċifikata f’Jannar 2008 u li ma tirriżulta minn ebda parti tal‑proċess ipprovdut mill-qorti tar-rinviju, G. Vallés Pérez ressaq talba fuq il‑mertu quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n. 4, de San Lorenzo de El Escorial. B. Purrucker tallega li din it-talba kienet tardiva.

23      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2008, il-Juzgado de Primera Instancia n. 4 de San Lorenzo de El Escorial iddeċidiet dwar il-kwistjoni “ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess” fis-sens tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tinnota li diġà ddeċidiet fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007 u fakkret il-fatti varji ta’ rbit iċċitati f’din is-sentenza. Hija tindika li fit-28 ta’ Ġunju 2007, laqgħet it-talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji dwar il-kustodja tal-ulied. Peress li kien biss f’Settembru 2007 li l-omm ressqet il‑kawża quddiem il-qorti Ġermaniża, il-Juzgado de Primera Instancia n. 4 de San Lorenzo de El Escorial ikkunsidrat lilha nnifisha bħala “l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess” u ddikjarat li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża skont l‑Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003.

24      Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, l-Audiencia Provincial de Madrid (Spanja), li quddiemha appellat B. Purrucker, ikkonfermat is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2008. Il-qorti tal-appell ikkunsidrat li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-ewwel talba hija t-talba għal miżuri provviżorji mressqa skont id-dritt Spanjol quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, li tressqet qabel it-talba mressqa quddiem il-qorti Ġermaniża. Barra minn dan, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, invokat minn B. Purrucker, jekk applikabbli f’din il-kawża, ma jistabbilixxi l-ebda regola dwar ġurisdizzjoni u jikkonċerna biss l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji biss f’każ ta’ urġenza, filwaqt li l-ġurisdizzjoni, li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, hija ddeterminata skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament. Din is-soluzzjoni hija wkoll konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(3) tal-liġi qafas dwar is-setgħa ġudizzjarja (Ley Orgánica del Poder Judicial).

 Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja għall-infurzar tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007 mogħtija mill-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial

25      Din hija l‑proċedura li wasslet għas-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq. G. Vallés Pérez fil‑bidu eżiġa, fost l‑oħrajn, l‑għoti lura tal-wild Merlín u ppreżenta, bħala miżura kawtelatorja, rikors intiż li tiġi ddikjarata l‑infurzabbiltà tas‑sentenza mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2007 mill‑Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial. Wara, huwa talab l-ewwel nett l‑infurzar ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, l‑Amtsgericht Stuttgart, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Lulju 2008, u l‑Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2008 meħuda b’rikors, infurzaw din is-sentenza.

26      Insegwitu għal rikors għal reviżjoni mressaq minn B. Purrucker, il‑Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) għamel domanda preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja. Bis-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, din irrispondiet li d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 21 et seq tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma japplikawx għal miżuri provviżorji, fil‑qasam tad‑dritt ta’ kustodja, li jaqgħu taħt l‑Artikolu 20 tal‑imsemmi regolament.

27      Fil-punt 76 tas-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari indikat li meta l‑ġurisdizzjoni fuq il-mertu, skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, ta’ qorti li tkun adottat miżuri provviżorji ma tirriżultax, mill‑evidenza kollha, mill‑elementi tad‑deċiżjoni adottata, jew li din id‑deċiżjoni ma tinkludix motivazzjoni li ma hijiex nieqsa minn kull ambigwità, dwar il‑ġurisdizzjoni tal‑mertu ta’ din il‑qorti, b’riferiment għall‑wieħed mill‑elementi tal‑ġurisdizzjoni msemmija fl‑Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir‑regolament, jista’ jiġi konkluż li l‑imsemmija deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata skont ir‑regoli tal‑ġurisdizzjoni stabbiliti mill‑imsemmija regolament.

 Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja għall‑għoti tad‑dritt ta’ kustodja

28      Fl-20 ta’ Settembru 2007, permezz ta’ rikors fuq il-mertu mressaq quddiem l‑Amtsgericht Albstadt (il-Ġermanja), B. Purrucker talbet li tingħata l-kustodja esklużiva tal-ulied Merlín u Samira. Din it-talba ġiet innotifikata lill-konvenut fil‑kawża prinċipali fit-22 ta’ Frar 2008 permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta. Madankollu, huwa kien diġà ġie preċedentement informat b’din it-talba, hekk kif ukoll il-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial.

29      B’mod partikolari mid-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Settembru 2007 u tad-9 ta’ Jannar 2008 tal-Amtsgericht Albstadt jirriżulta li, skont din il-qorti, it-talba ta’ B. Purrucker ma kellha l-ebda ċans ta’ suċċess. Fil-fatt, billi l-ġenituri ma kinux miżżewġin u ma kienx jidher li teżisti dikjarazzjoni ta’ kustodja konġunta, u li l-ftehim notarili tat-30 ta’ Jannar 2007 ma setax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxu tali dikjarazzjoni, B. Purrucker kellha d-dritt ta’ kustodja esklużiva fuq l-ulied, b’mod li deċiżjoni ta’ għoti tad-dritt ta’ kustodja ma kinitx meħtieġa. L-Amtsgericht Albstadt semmiet ukoll il-proċeduri pendenti fi Spanja.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2008, l-Amtsgericht Albstadt b’mod partikolari ċaħħdet, fuq nuqqas ta’ kompetenza, it-talba ta’ B. Purrucker f’dak li jirrigwarda l-wild Samira. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fil-5 ta’ Mejju 2008 mill-Oberlandesgericht Stuttgart. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Oberlandesgericht Stuttgart nnotat li dan il-wild, sa mit-twelid tiegħu, kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Spanja. Skont din il-qorti, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax għall-fatti ta’ din il-kawża u l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal‑istess regolamenti ma kinux issodisfatti.

31      Permezz ta’ deċiżjoni oħra tad-19 ta’ Marzu 2008, l-Amtsgericht Albstadt issospendiet il-proċeduri ta’ dritt ta’ kustodja f’dak li jirrigwarda l-wild Merlín skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar aspetti ċivili ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”). Dawn il-proċeduri reġgħu ssokktaw fit-28 ta’ Mejju 2008 fuq talba ta’ B. Purrucker minħabba li sa dik id-data, G. Vallés Pérez ma kienx talab għar-ritorn fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Ebda talba oħra ma ġiet ippreżentata sussegwentement.

32      Minħabba fit-talba għall-infurzar tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, tat-8 ta’ Novembru 2007, imressqa minn G. Vallés Pérez, il-proċedura li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja ġiet assenjata lill‑Amtsgericht Stuttgart, skont l-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-infurzar u l‑applikazzjoni ta’ ċerti strumenti legali fil-qasam tad-dritt internazzjonali tal‑familja (Gesetz zur Aus- und Durchführung bestimmter Rechtsinstrumente auf dem Gebiet des internationalen Familienrechts).

33      Fis-16 ta’ Lulju 2008, B. Purrucker ressqet talba, fuq il-bażi tal-Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2201/2003, quddiem l-Amtsgericht Stuttgart, sabiex tikseb miżura provviżorja li tagħtiha l-kustodja esklużiva ta’ binha Merlín, jew, sussidjarjament, id-dritt esklużiv li tiffissa r-residenza ta’ dan il-wild. Il-kuntest ta’ din it-talba kien ikkaratterizzat, b’mod partikolari, minn problemi li dehru matul kontrolli mediċi ta’ prevenzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2008, l‑eżenzjoni mitluba ġiet irrifjutata, minħabba nuqqas ta’ urġenza fis-sens tal‑Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. L-Amtsgericht Stuttgart b’mod partikolari rrilevat li l-wild kien kopert mis-sigurtà soċjali ta’ missieru fi Spanja u li, jekk meħtieġ, huwa possibbli li jiġi ordnat r-ritorn tal-karta tal-assigurazzjoni għall-mard lill-omm.

34      Mill-proċess ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li fix-xhur ta’ Awwissu, ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2008, l-Amtsgericht Stuttgart ippruvat fil-kuntest tal-proċedura fuq il-mertu pendenti quddiemha, diversi drabi u b’diversi mezzi, b’mod partikolari permezz tal-maġistrat Spanjol ta’ kuntatt fin‑netwerk ġudizzjarju Ewropew (NĠE), tagħmel kuntatt mal-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial sabiex issir taf jekk kienx hemm ukoll quddiemha proċedura fuq il-mertu. Madankollu, l-isforzi tagħha baqgħu mingħajr suċċess.

35      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, l-Amtsgericht Stuttgart adottat deċiżjoni li fiha ddeskriviet il-passi meħuda permezz tal-maġistrat Spanjol ta’ kuntatt u n-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial. Hija talbet lill-partijiet sabiex jipprovdu u jipprovaw, l-ewwel nett, id‑data tat-talba għal miżuri provviżorji mill-missier fi Spanja, it-tieni nett, in‑notifika tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, tat-8 ta’ Novembru 2007 u, it-tielet nett, it-tressiq tat-talba fuq il‑mertu mill-missier fi Spanja kif ukoll id-data tan-notifika ta’ din it-talba lill‑omm.

36      Fit-28 ta’ Ottubru 2008, il-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial adottat ukoll is-sentenza li l-kontenut tagħha huwa deskritt fil-punt 23 ta’ din is-sentenza u li fiha tirreferi għall-ittra indirizzata lilha mill-Amtsgericht Stuttgart.

37      Wara li stiednet lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni mill-ġdid, l-Amtsgericht Stuttgart adottat deċiżjoni, fit-8 ta’ Diċembru 2008. Din issemmi s-sentenza tal‑Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, tat-28 ta’ Ottubru 2008, u tal-appell ippreżentat minn B. Purrucker kontriha. Hija ħasset li ma setgħetx hija stess tiddeċiedi fuq il-kwistjoni “ta’ l-ewwel qorti li ħadet il‑pussess” għaliex din taffettwa ċ-ċertezza legali billi żewġ qrati ta’ Stati Membri differenti jistgħu jadottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti. Il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti li qalet l-ewwel li għandha ġurisdizzjoni. Għaldaqstant, l‑Amtsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 sakemm id-deċiżjoni tal-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, tat-28 Ottubru 2008 issir res judicata.

38      B. Purrucker ippreżentat rikors kontra d‑deċiżjoni tal‑Amtsgericht Stuttgart tat-8 ta’ Diċembru 2008. Fl‑14 ta’ Mejju 2009, l‑Oberlandesgericht Stuttgart annullat id‑deċiżjoni u bagħtet il‑kawża quddiem l‑Amtsgericht Stuttgart sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. L‑Oberlandesgericht Stuttgart qieset li qorti setgħet tistħarreġ hija stess il‑ġurisdizzjoni tagħha u li l‑Artikolu 19 tar‑Regolament Nru 2201/2003 ma jagħti lil ebda qorti li quddiemha tressqet il‑kawża l‑ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddetermina liema kienet l‑ewwel qorti li tressqet quddiemha l‑kawża. L‑Oberlandesgericht Stuttgart irrilevat li t‑talba dwar id‑dritt ta’ kustodja, imressqa fi Spanja f’Ġunju 2007 minn G. Vallés Pérez, tidħol fil‑kuntest ta’ proċedura intiża għall‑għoti ta’ miżuri provviżorji, filwaqt li t‑talba dwar id‑dritt ta’ kustodja, imressqa fil‑Ġermanja fl‑20 ta’ Settembru 2007 minn B. Purrucker, tikkostitwixxi rikors fuq il-mertu. Dan ir-rikors u l‑proċedura għall‑għoti ta’ miżuri provviżorji għandhom bħala suġġett kontroversji differenti jew talbiet differenti. Fejn xieraq, għandha tiġi ammessa l-eżistenza ta’ kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjoni bejn żewġ qrati.

39      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Ġunju 2009, l‑Amtsgericht Stuttgart reġgħet talbet lill‑partijiet jindikawlha f’liema stadju kienet tinsab il‑proċedura mibdija fi Spanja u stednithom jieħdu pożizzjoni fuq il‑possibbiltà li jagħmlu domanda preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar id‑determinazzjoni tal‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il‑kawża, skont l‑Artikolu 104b tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

40      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ottubru 2009, l-Amtsgericht Stuttgart issuġġerit lill‑partijiet ftehim, li huma setgħu jew jiffissaw flimkien il-post tar-residenza abitwali ta’ Merlín għand B. Purrucker u dik ta’ Samira għand G. Vallés Pérez, suġġetta għaż-żamma tad-dritt ta’ kustodja konġunta, jew jitolbu, bi ftehim bejniethom, li d-dritt ta’ kustodja ta’ Merlín jingħata lil B. Purrucker u li d-dritt ta’ kustodja ta’ Samira jingħata lil G. Vallés Pérez. Il-proposta madankollu ma ġietx aċċettata.

41      Fit-13 ta’ Jannar 2010, saret seduta quddiem l-Amtsgericht Stuttgart fil-preżenza tal-partijiet fil-kawża prinċipali, b’G. Vallés Peréz ikun irrappreżentat mill-avukat tiegħu. Il-fehmiet ta’ dawn tal-aħħar la setgħu jkunu armonizzati u lanqas rikonċiljati.

42      Fil-21 ta’ Jannar 2010, l-Audiencia Provincial de Madrid iddeċidiet l-appell ippreżentat minn B. Purrucker permezz tas-sentenza msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Din is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010 ġiet ikkomunikata lill‑Amtsgericht Stuttgart permezz ta’ ittra mill-avukat Ġermaniż ta’ G. Vallés Pérez.

 Id-deċiżjoni tar-rinviju u d-domandi preliminari

43      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Stuttgart tesponi għaliex hija tal-fehma li ma hemm l-ebda dubju raġonevoli dwar il-fatt li Merlín kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja fil-21 ta’ Settembru 2007, meta ġiet imressqa t-talba għall‑għoti tal-kustodja tiegħu minn B. Purrucker.

44      Skont din il-qorti, il-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial ma kellhiex, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, ġurisdizzjoni mingħajr interruzzjoni sal-21 ta’ Settembru 2007 billi l-membri tal‑familja qabel kellhom ir-residenza abitwali komuni tagħhom fi Spanja, għaliex la huwa kredibbli u lanqas huwa ppruvat li t-tneħħija ta’ Merlín, minn B. Purrucker, minn Spanja lejn il-Ġermanja kien illegali. Il-ftehim notarili tat-30 ta’ Jannar 2007 u, barra minn dan, in-nuqqas effettiv ta’ talba ta’ ritorn, magħmula skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, jikkostitwixxu elementi li jirribattu t-teżi ta’ tneħħija nġusta ta’ wild fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament. Il-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial, għalhekk, ma tibbażax il‑ġurisdizzjoni tagħha fuq din id-dispożizzjoni.

45      L-Amtsgericht Stuttgart tfakkar li skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitqies li tkun tressqet kawża quddiem qorti mid-data li fiha l-att promotur huwa ppreżentat fil-qorti, sakemm ir-rikorrent ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut.

46      L-Amtsgericht Stuttgart tippreċiża li r-rikors tal-20 ta’ Settembru 2007 ġie ppreżentat quddiem l-Amtsgericht Albstadt fil-21 ta’ Settembru 2007, iżda li ġie nnotifikat lill-konvenut fil-kawża prinċipali biss fit-22 ta’ Frar 2008, għal raġunijiet li B. Purrucker ma hijiex responsabbli għalihom, relatati mal‑kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti sabiex tadotta miżuri fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ bint il-partijiet fil-kawża prinċipali, Samira.

47      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li qorti ta’ Stat Membru, li l-ewwel tkun tressqet kawża quddiemha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, primarjament għandha ġurisdizzjoni għall-kuntrarju ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li sussegwentement tressqet kawża quddiemha li għandha l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika. Skont il-qorti tar-rinviju, is‑suġġett tal-kawża li wasslet għall-bidu, f’Ġunju 2007, ta’ proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti Spanjola hija identika għal dik li wasslet għar-rikors fuq il-mertu li tressqet quddiem il-qorti Ġermaniża f’Settembru 2007. Iż-żewġ proċeduri kellhom fil-fatt bħala suġġett talba għall-ksib ta’ miżuri legali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar l-istess wild. Kull waħda miż-żewġ partijiet jitolbu, f’kull każ, li jingħataw il-kustodja esklużiva. Fiż-żewġ proċeduri, il-partijiet huma identiċi.

48      Il-prijorità fiż-żmien ta’ proċedura hija apprezzata taħt l-Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 2201/2003. L-Amtsgericht Stuttgart madankollu tinnota li l‑ifformular ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn rikors fuq il‑mertu u proċeduri ta’ miżuri provviżorji, intiżi għall-għoti ta’ miżuri provviżorji. Din is-sitwazzjoni tħalli lok għal kunċetti legali differenti dwar il‑qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003.

49      Mill-approċċ legali adottat mill-Juzgado de Primera Instancia n.°4 de San Lorenzo de El Escorial u mill-Audiencia Provincial de Madrid jirriżulta li qorti Spanjola hija kkunsidrata fis-sens tal-Artikoli 16 u 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, bħala li tressqet kawża quddiemha permezz tal-introduzzjoni ta’ talba għal miżuri provviżorji. Il-proċedura għal miżuri provviżorji, flimkien ma’ rikors fuq il-mertu ppreżentat sussegwentement, jikkostitwixxu unità proċedurali. Madankollu, digriet għal miżuri provviżorji ma jibqax ipso jure kkunsidrat validu jekk rikors fuq il-mertu ma jiġix ippreżentat fit-30 ġurnata min-notifika tad-digriet ta’ miżuri provviżorji.

50      Skont id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2009 tal-Oberlandesgericht Stuttgart, madankollu, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jikkonċernax ir‑relazzjoni bejn rikors fuq il-mertu u proċeduri għal miżuri provviżorji, billi dawn il-proċeduri għandhom għanijiet differenti, anki jekk deċiżjoni dwar il‑kustodja ta’ wild għandha l-istess effetti kemm jekk mogħtija bħala miżuri provviżorji jew fuq il-mertu. Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikax għall-miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

51      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l-Amtsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn id‑domandi preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 2201/2003] huma applikabbli fil-każ fejn l-ewwel tkun tressqet kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru minn waħda mill-partijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri sabiex jinkisbu miżuri provviżorji biss u sussegwentement titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor mill-parti l-oħra li titlob li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu?

2)      Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll meta deċiżjoni adottata fir‑rigward ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji separati fi Stat Membru ma tistax tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 2201/2003?

3)      Talba għal miżuri provviżorji li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi ekwiparata ma’ talba għal deċiżjoni fuq il-mertu fis-sens tal‑Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 meta d-dritt proċedurali nazzjonali ta’ dan l-Istat jipprovdi li, sabiex jiġu evitati żvantaġġi tad-dritt proċedurali nazzjonali, għandha titressaq kawża quddiem l-imsemmija qorti, fi żmien determinat, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

52      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Stuttgart talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont Artikolu 104b tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u barra minn dan issuġġeriet li dan ir-rinviju jkun suġġett għall-istess kulleġġ li ddeċieda dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof. Permezz ta’ ittra tal-1 Lulju 2010, l‑Amtsgericht Stuttgart wettqet kjarifika tat-talba tagħha fejn ippreċiżat li din ma kinitx tirreferi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura, iżda għall-Artikolu 104a ta’ dan ir-regolament.

53      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Lulju 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

 Fuq id-domandi preliminari

54      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 19(2) tar‑Regolament Nru 2201/2003 huwa applikabbli meta qorti ta’ Stat Membru li l‑ewwel tkun tressqet kawża quddiemha minn parti waħda għall-ksib ta’ miżuri fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija biss mitluba sabiex tiddeċiedi għall‑miżuri provviżorji u li sussegwentement titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru mill-parti l-oħra għal talba li għandha l-istess suġġett sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. It-tieni domanda tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal deċiżjoni għall-miżuri provviżorji li ma tistax tiġi rikonoxxuta fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-tielet domanda tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal proċedura għall‑ksib ta’ miżuri provviżorji li eventwalment ikunu marbuta ma’ proċedura fuq il-mertu.

55      Huwa meħtieġ li dawn id-domandi jiġu eżaminati flimkien.

 Osservazzjonijiet tal-partijiet

56      Żewġ teoriji ġew żviluppati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

57      Minn naħa, B. Purrucker, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea sostnew li ma hemm l-ebda lis alibi pendens fil-każ ta’ proċedura fuq il-mertu li tiżvolġi fl-istess ħin ma’ proċedura intiża għall-ksib ta’ miżuri provviżorji li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni, anki jekk din il-proċedura tista’ tikkostitwixxi unità proċedurali mat‑talba fuq il-mertu, meta din tkun introdotta f’terminu previst mil-liġi. Kull proċedura għandha tiġi kkunsidrata bħala entità awtonoma u l-lis alibi pendens jispiċċa ladarba tittieħed deċiżjoni.

58      Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li kieku dan ma kienx il-każ, bidla tar-residenza abitwali tal-wild ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkunsidra tali bidla, li jmur kontra l-għan ta’ dan ir-regolament, li huwa li jippermetti lill-eqreb qorti għall-wild li tiddeċiedi fir-rigward tar‑responsabbiltà tal-ġenituri. Barra minn dan, il-fatt li jiġi kkunsidrat li hemm lis alibi pendens fil-każ ta’ proċedura fuq il-mertu li tiżvolġi fl-istess ħin ma’ proċedura intiża għall‑ksib ta’ miżuri provviżorji li wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tobbliga lit-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża sabiex tipproċedi għall-investigazzjonijiet fuq id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-ewwel qorti li quddiemha tressqet il‑kawża, sabiex issir taf jekk l-għoti ta’ miżuri provviżorji jimplika jew le li proċedura fuq il-mertu hija dejjem pendenti. Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż jinvoka r-riskju tad-determinazzjoni mill-istess partijiet tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (“forum shopping”) jekk jintlaqa’ l-kriterju tal-urġenza sabiex jinkiseb li qorti li tikkunsidra li għandha ġurisdizzjoni, tagħti miżuri provviżorji urġenti u tibqa’ dik il-qorti li għandha tisma’ t-talba fuq il-mertu.

59      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċek, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż isostnu li n‑natura tal-proċeduri, għall-miżuri provviżorji jew fuq il-mertu, ma taffettwax l‑applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003. Filwaqt li jfakkar il-punt 130 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża li tat lok għas-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern Franċiż jenfasizza li dan ir‑regolament kollu kemm hu ma jagħmilx distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet finali jew konkreti minn naħa, u d-deċiżjonijiet provviżorji min-naħa l-oħra, kemm jekk fil-Kapitoli 1 u 2 ta’ dan ir-regolament jew fil-Kapitolu 3 ta’ dan ddedikat għar‑rikonoxximent. Il-kriterju rilevanti huwa dak li ż-żewġ talbiet pendenti jkollhom l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika, li huwa l-każ meta żewġ ġenituri jitolbu kull wieħed minnhom il-kustodja tal-istess wild, kemm jekk bħala miżuri provviżorji jew bħala deċiżjoni finali.

60      Il-partijiet kollha kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja ppreżentaw osservazzjonijiet li jikkunsidraw li ma hemm l-ebda lis alibi pendens meta waħda mit-talbiet intiżi għall-ksib ta’ miżuri provviżorji fis-sens tal‑Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, jew meta l-ewwel l-qorti li tkun tressqet il-kawża quddiemha tkun diġà ordnat il-miżuri provviżorji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

61      Il-Kummissjoni madankollu tenfasizza li huwa diffiċli għat-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha, sabiex tiddetermina jekk il-miżuri provviżorji humiex adottati mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu jew dawn jirrigwardawx miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni ssostni l-istess argument sostnut mill-Gvern Ġermaniż, jiġifieri li proċedura għall-ksib ta’ miżuri provviżorji hija proċedura awtonoma, li tintemm bl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tagħti miżuri bħal dawn. Hija madankollu tammetti li għandu jkun hemm eċċezzjoni għal din ir-regola meta d-dritt nazzjonali jimponi lir-rikorrent li jibda proċedura għal miżuri provviżorji qabel ma jkun jista’ jibda proċedura fuq il‑mertu.

62      Il-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet indikaw li jekk ir-regola dwar il-lis alibi pendens fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 kienet l-istess bħal dik fl-Artikolu 21 tal-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 u - it-test emendat - p. 77), bil‑konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) kif ukoll mill-konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar‑Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) u l-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 107), l-għan u d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn it-testi differenti kienu wisq differenti sabiex japplikaw, fil-kuntest tar‑Regolament Nru 2201/2003, is-soluzzjonijiet eventwalment adottati fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tar-Regolament Nru 44/2001.

63      Il-Gvern Ġermaniż enfasizza b’mod partikolari li, fi kwistjonijiet tad-dritt ċivili li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, miżura provviżorja għandha saħħa eżekuttiva ta’ res judicata limitat, meta d-deċiżjoni fuq il-mertu tikseb saħħa eżekuttiva sħiħa ta’ res judicata. Dan ma huwiex il-każ għal miżura provviżorja adottata fil-qasam tal‑awtorità tal-ġenituri, li jkollha saħħa eżekuttiva ta’ res judicata formali iżda mhux materjali, fis‑sens li tista’ sussegwentement tkun suġġetta għal deċiżjoni ġdida sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi ġodda. Barra min dan, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni, ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ deċiżjonijiet huma differenti.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Ir-regoli dwar il-lis alibi pendens, fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl‑Unjoni, ifittxu li jevitaw proċeduri paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u deċiżjonijiet kunfliġġenti li jistgħu jirriżultaw (ara, f’dan is-sens, fir‑rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C‑116/02, Ġabra p. I‑14693, punt 41, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas, C‑39/02, Ġabra p. I‑9657, punt 31).

65      Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lis alibi pendens meta l‑kawżi li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild, li għandhom l-istess suġġett u bażi ġuridika, jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti. F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-kawżi jirrigwardaw l-istess partijiet.

66      Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003 u ċ-ċirkustanza li t-test tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, minflok jirreferi għat-terminu ta’ “lis [alibi] pendens” kif użat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti tal-Istati Membri, jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet materjali bħala elementi ta’ definizzjoni, wieħed irid jikkonkludi li l-kunċetti użati fl-Artikolu 19(2) sabiex jiddeterminaw sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens għandhom jitqiesu bħala awtonomi (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, Ġabra p. 4861, punt 11).

67      Il-kunċetti tal-“istess minuri [suġġett]” u l-“istess kawża [bażi ġuridika]” għandhom ikunu ddefiniti fil-kuntest tal-għan tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, li huwa li jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti.

68      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is‑suġġett tal-kawża jikkonsisti fl-iskop tat-talba (ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C‑406/92, Ġabra p. I‑5439, punt 41). Sabiex tivverifika jekk żewġ talbiet għandhomx l-istess għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑pretensjonijiet rispettivi tal-partijiet f’kull kawża (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C‑111/01, Ġabra p. I‑4207, punt 26). Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “kawża [bażi ġuridika]” bħal li tinkludi l‑fatti u r-regola ġuridika invokata bħala bażi għat-talba (ara s-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

69      Ġustament, il-partijiet kollha kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li ma jeżistix lis alibi pendens bejn talba għall-ksib ta’ miżuri provviżorji fis-sens tal‑Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u ta’ talba fuq il-mertu.

70      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 61 tas-sentenza Purrucker, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tikkonferixxi ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

71      Barra minn dan, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprevjeni t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevjeni kull riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti bejn deċiżjoni li tagħti miżuri provviżorji fis-sens tal‑Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u deċiżjoni adottata mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu billi tipprovdi li l-miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jieqfu milli jkollhom effett meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tkun ħadet il-miżuri li hija tikkunsidra xierqa.

72      Il-lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ għaldaqstant teżisti biss meta żewġ proċeduri jew iktar li għandhom l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika huma pendenti quddiem qrati differenti u li r‑rikorrenti f’dawn il-proċeduri differenti jitolbu sabiex jingħataw deċiżjoni li tkun suxxettibbli ta’ rikonoxximent fi Stat Membru ieħor ta’ qorti li titressaq kawża quddiemha minħabba li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ fuq il-mertu.

73      F’dan ir-rigward, ma jistax ikun hemm distinzjoni magħmula fuq in-natura tal‑proċeduri mibdija quddiem dawn il-qrati, jiġifieri proċeduri għal miżuri provviżorji jew proċeduri fuq il-mertu. Fil-fatt, ma jirriżulta la mill-kunċett ta’ “deċiżjoni” msemmi fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 u lanqas mill-Artikoli 16 u 19 tiegħu, li rispettivament jikkonċernaw it-tressiq ta’ kawża quddiem qorti u l-lis alibi pendens, li dan ir-regolament jagħmel distinzjoni bħal din. Dan huwa wkoll il-każ tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, bħall-Artikoli 21 u 23 tiegħu.

74      Barra minn dan, l-użu ta’ proċedura jew ta’ oħra tista’ tkun iddettata mill‑partikolaritajiet tad-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni ddiskutiet il-possibbiltà ta’ dritt nazzjonali li jipprovdi għall-obbligu li tinbeda proċedura għal miżuri provviżorji qabel ma tinbeda proċedura fuq il-mertu.

75      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari għas-sentenza Gantner Electronic, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li għalhekk huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-intenzjoni tar-rikorrent quddiem l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha huwiex li jikseb deċiżjoni minn din il‑qorti minħabba l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003.

76      It-tqabbil tal-intenzjoni tar-rikorrent quddiem din il-qorti u tar-rikorrent quddiem it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha jippermetti lil din tal-aħħar tevalwa jekk f’dan il-każ hemmx jew ma hemmx lis alibi pendens.

77      Jekk jirriżulta manifestament mis-suġġett tat-talba mressqa quddiem l-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha u miċ-ċirkustanzi fattwali li din ma fiha l-ebda element li jippermetti ġustifikazzjoni ta’ ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il‑mertu, fis-sens tar-regolament Nru 2201/2003, tal-qorti li tressqet din il-kawża quddiemha, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tkun tista’ tikkunsidra li ma hemmx lis alibi pendens.

78      Min-naħa l-oħra, jidher mit-talbiet tar-rikorrent jew mill-fatti li jinsabu fit-talba magħmula quddiem l-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha, anki jekk din kienet intiża għall-ksib ta’ miżuri provviżorji, li din ġiet imressqa quddiem qorti li mal-ewwel daqqa ta’ għajn, setgħet kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il‑mertu, hija t-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha li għandha tissospendi l‑proċeduri quddiemha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha tiġi stabbilita. Skont iċ-ċirkustanzi u jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 20 ta’ dan ir‑regolament huma ssodisfatti, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tieħu l-miżuri provviżorji meħtieġa fl-interess tal-wild.

79      L-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ qorti li tagħti miżuri provviżorji, mingħajr ma jkun ippreċiżat f’din id-deċiżjoni, jekk il-qorti li adottat dawn il-miżuri għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, ma jistax jikkostitwixxi prova, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens, tal-eżistenza ta’ talba fuq il-mertu, fin‑nuqqas ta’ dettalji dwar il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tressqet kawża quddiemha u għaċ-ċirkustanzi ta’ fatt fit-talba fuq il-mertu.

80      Madankollu, hija t-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha li għandha tivverifika jekk, id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha, li tagħti miżuri provviżorji, kienet biss deċiżjoni li għandha twassal għal deċiżjoni sussegwenti adottata fid-dawl ta’ għarfien aħjar tal-kawża u f’ċirkustanzi li ma jkunux iktar ikkaratterizzati minn urġenza għal deċiżjoni. It-tieni qorti li tressqet talba quddiemha għandha għalhekk tivverifika wkoll jekk teżistix unità proċedurali bejn it-talba li kienet is-suġġett tal-miżuri provviżorji u talba mressqa sussegwentement.

81      Skont il-possibiltajiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha, it-tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’, fejn iż-żewġ kawżi jinvolvu l-istess partijiet, tistaqsi lill‑parti li tinvoka l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens tal-eżistenza tal-allegata kawża u tal-kontenut tat-talba. Barra minn dan, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il‑qrati, din il-qorti tista’ tinforma lill-ewwel qorti li tressqet il-kawża quddiemha tat-tressiq tat-talba quddiemha, tiġbed l-attenzjoni ta’ din tal-aħħar għall‑possibbiltà ta’ lis alibi pendens, tistieden lil din tal-aħħar tikkomunikalha l‑informazzjoni dwar it-talba pendenti quddiemha u li tiddeċiedi dwar il‑ġurisdizzjoni tagħha fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 jew li tikkomunikalha kull deċiżjoni li diġà ttieħdet f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, it‑tieni qorti li tressqet kawża quddiemha tista’ tikkuntattja lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tagħha.

82      Jekk, minkejja l-isforzi mwettqa mit-tieni qorti li quddiemha tressqet il‑kawża, din ma tiddisponi minn l-ebda element li juri l-eżistenza ta’ talba mressqa quddiem qorti oħra u li tippermtti li jiġi ddeterminat is-suġġett u l-bażi ġuridika ta’ din it‑talba, u li b’mod partikolari jindika l-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra li quddiemha tressqet kawża skont ir-Regolament Nru 2201/2003, hija għandha, wara terminu raġonevoli ta’ stennija għal risposti għad-domandi minnha magħmula, tkompli għaddejja bl-eżami tat-talba mressqa quddiemha.

83      It-tul ta’ dan it-terminu raġonevoli ta’ stennija għandu jiġi stabbilit mill-qorti l‑ewwel nett skont l-interessi tal-wild. Il-fatt li huwa wild ta’ età żgħira huwa kriterju li għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, Ġabra p. I‑5271, punt 81).

84      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu l-għan, fl-aqwa interessi tal-wild, li jippermetti lill-qorti li hija l-eqreb tiegħu, u li għalhekk hija l‑iktar waħda li taf tajjeb is-sitwazzjoni tiegħu u l-istat tal-iżvilupp tiegħu, li tieħu d‑deċiżjonijiet meħtieġa.

85      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Madankollu, jekk l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t‑tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha tiddeċiedi fil-każ ta’ lis alibi pendens, dan huwa preċiżament sabiex l-ewwel qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

86      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex applikabbli fejn kawża li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru sabiex jinkisbu miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tkun tressqet quddiemha biss sabiex tiddeċiedi dwar miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u li sussegwentement titreessaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fis-sens tal-istess regolament, talba għall-għoti tal‑istess miżuri, kemm jekk temporanji jew definittivi.

–        Il-fatt li titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji jew li tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura u li minn ebda element tat-talba mressqa jew tad-deċiżjoni adottata ma jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għal miżuri provviżorji għandha ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jwassalx neċessarjament għall-esklużjoni tal-eżistenza, hekk kif jista’ eventwalment jawtorizza d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, ta’ talba li fil-mertu hija relatata mat-talba għal miżuri provviżorji u li fiha elementi li jindikaw li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament.

–        Meta, minkejja l-isforzi mwettqa mit-tieni qorti li quddiemha tressqet il‑kawża sabiex tikseb tagħrif mill-parti li titlob il-lis alibi pendens, mill‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża u mill-awtorità ċentrali, it‑tieni qorti ma għandha l-ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat li s‑suġġett u l-bażi ġuridika ta’ talba mressqa quddiem qorti oħra u intiża sabiex, b’mod partikolari, tindika l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, u li minħabba f’ċirkustanzi partikolari, l‑interess tal-wild jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni suxxettibbli li tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra minbarra dak tat-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa għal din l-aħħar qorti li wara perijodu raġonevoli ta’ stennija għar-risposti għad-domandi magħmula, tkompli tikkunsidra t-talba mressqa quddiemha. It-tul ta’ dan il-perijodu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimbors.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ma humiex applikabbli fejn kawża li titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru sabiex jinkisbu miżuri fil-qasam tar‑responsabbiltà tal-ġenituri tkun tressqet quddiemha biss sabiex tiddeċiedi dwar miżuri provviżorji skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u li sussegwentement titressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fis-sens tal-istess regolament, talba għall-għoti tal-istess miżuri, kemm jekk temporanji jew definittivi.

Il-fatt li titressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji jew li tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura u li minn ebda element tat-talba mressqa jew tad-deċiżjoni adottata ma jirriżulta li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għal miżuri provviżorji għandha ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jwassalx neċessarjament għall-esklużjoni tal-eżistenza, hekk kif jista’ eventwalment jawtorizza d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, ta’ talba li fil-mertu hija relatata mat-talba għal miżuri provviżorji u li fiha elementi li jindikaw li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament.

Meta, minkejja l-isforzi mwettqa mit-tieni qorti li quddiemha tressqet il‑kawża sabiex tikseb tagħrif mill-parti li titlob il-lis alibi pendens, mill‑ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża u mill-awtorità ċentrali, it‑tieni qorti ma għandha l-ebda element li jippermetti li jiġi ddeterminat li s‑suġġett u l-bażi ġuridika ta’ talba mressqa quddiem qorti oħra u intiża sabiex, b’mod partikolari, tindika l‑ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti skont ir‑Regolament Nru 2201/2003, u li minħabba f’ċirkustanzi partikolari, l‑interess tal-wild jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni suxxettibbli li tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra minbarra dak tat-tieni qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa għal din l-aħħar qorti li wara perijodu raġonevoli ta’ stennija għar-risposti għad-domandi magħmula, tkompli tikkunsidra t‑talba mressqa quddiemha. It-tul ta’ dan il‑perijodu raġonevoli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal‑wild fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top