Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0196

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta' Lulju 2011.
    Paderborner Brauerei Haus Cramer KG vs Hauptzollamt Bielefeld.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
    Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifika tat-tariffi - Intestaturi 2203 u 2208 - Bażi ta’ birra mix-xgħir intiża għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta.
    Kawża C-196/10.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-06201

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:487

    Kawża C-196/10

    Paderborner Brauerei Haus Cramer KG

    vs

    Hauptzollamt Bielefeld

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)

    “Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Intestaturi 2203 u 2208 — Bażi ta’ birra mix-xgħir intiża għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta”

    Sommarju tas-sentenza

    Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — “Malt beer base”, li għandu livell ta’ alkoħol ta’ 14 % u li jinkiseb minn birra ffermentata, ippurifikata, u wara suġġetta għal ultrafiltrazzjoni li permezz tagħha titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-ingredjenti karatteristiċi tal-birra

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I)

    Ir-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 2587/91 għandu jiġi interpretat fis-sens li likwidu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-isem ta’ “malt beer base”, li għandu livell ta’ alkoħol ta’ 14 % u li jinkiseb minn birra ffermentata, ippurifikata, u wara suġġetta għal ultrafiltrazzjoni li permezz tagħha titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ ingredjenti bħas-sustanzi morri u ta’ proteini, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2208 tan-NM li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament kif emendat.

    Minn naħa, peress li l-“malt beer base” ma hijiex prodott finali intiż għall-konsum, iżda hija prodott intermedjarju użat għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta, ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala xarba alkoħolika. Min-naħa l-oħra, il-“malt beer base” ma hijiex miksuba purament u sempliċement permezz tal-fermentazzjoni, iżda wara li ssir ultrapurifikazzjoni. Wara dan il-proċess supplimentari, il-prodott inkwistjoni, miksub minn birra ffermentata, jitlef il-proprjetajiet u l-karatteristiċi oġġettivi partikolari tal-birra li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-Nomenklatura. Il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-“malt beer base” min-naħa l-oħra jikkorrispondu għal dawk tal-alkoħol etiliku li jaqa’ taħt l-intestatura 2208 jew huma analogi għalihom.

    (ara l-punti 34, 37, 41 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    14 ta’ Lulju 2011 (*)

    “Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 2203 u 2208 – Bażi ta’ birra mix-xgħir intiża għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta”

    Fil-Kawża C-196/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2010, fil-kawża

    Paderborner Brauerei Haus Cramer KG

    vs

    Hauptzollamt Bielefeld,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, C. Toader u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Paderborner Brauerei Haus Cramer KG, minn Th. Rödder, Wirtschaftsprüfer/Steuerberater, kif ukoll minn J. Schönfeld u J. Bahns, avukati,

    –        għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki, Z. Chatzipavlou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u B.-R. Killmann, bħala aġenti.

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda tat-tariffa doganali komuni (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991 (ĠU L 259, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Paderborner Brauerei Haus Cramer KG (iktar ’il quddiem “Paderborner Brauerei”) u Hauptzollamt Bielefeld dwar erba’ deċiżjonijiet fiskali li dan adotta kontra Paderborner Brauerei li jistabbilixxu taxxa fuq l-alkoħol għal prodott imsemmi “malt beer base” li din tal-aħħar xtrat matul is-snin 2002 u 2003.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-Direttiva 92/83/KEE

    3        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206) ħolqot definizzjoni komuni għall-alkoħol u għax-xarbiet alkoħoliċi sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta, fis-suq intern, tar-rati ta’ sisa minimi applikabbli fl-Istati Membri għal dawn il-prodotti.

    4        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘birra’ jkopri kwalunkwe prodott li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2203 jew xi prodott ieħor li tkun tinsab fih taħlita ta’ birra ma’ xorb mhux alkoħoliku li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 2206, f’kull każ b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li jeċċedi 0,5 % vol.”

    5        L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jippreċiża:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:

    –        il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM.”

    6        L-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Riferenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi NM għandhom ikunu għal dawk tal-verżjoni tan-nomenklatura kombinata fis-seħħ meta din id-direttiva tkun adottata.”

    7        Id-Direttiva 92/83 ġiet trasposta fil-Ġermanja b’mod partikolari permezz tal-liġi dwar il-monopolju tal-alkoħol (Gesetz über das Branntweinmonopol) u l-liġi fiskali dwar il-birra (Biersteuergesetz). L-Artikolu 130(2) tal-liġi dwar il-monopolju tal-alkoħol jipprovdi li huma suġġetti għas-sisa fuq l-alkoħol, b’mod partikolari, il-prodotti alkoħoliċi fl-intestatura 2208 tan-NM li għandhom livell ta’ alkoħol ogħla minn 1.2 % vol. Il-paragrafu 5 tal-istess dispożizzjoni jirreferi għall-applikazzjoni tan-NM fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ottubru 1992.

     In-NM

    8        In-NM, imwaqqfa bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Mondjali tad-Dwana (iktar ’il quddiem l-“OMD”), u mwaqqfa minn Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.

    9        Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea tadotta kull sena regolament li jinkludi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni relatata, kif tirriżulta mill-miżuri deċiżi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni.

    10      Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali” li jinsabu fl-ewwel parti tagħha, Titolu I A jipprovdu b’mod partikolari:

    “A.      Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]

    Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, u l-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    […]

    4.      Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skont ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura xierqa għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu”.

    […]

    6.      [I]l-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli [subintestaturi] ta’ titlu [intestatura] għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

    11      It-taqsima IV tan-NM, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1992, kellha bħala titolu “Prodotti tal-industrija tal-ikel, xorb, likwidu alkoħoliku u ħall, tabakk u sostituti manifatturati tat-tabakk”. Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 22, li hu intitolat “Xorb, spirti u ħall”. F’dan il-kapitolu jinsabu l-intestaturi 2203 (“Birra magħmula minn xgħir”) u sa 2208 (“Alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ livell ta’ alkoħol ta’ inqas minn 80 % vol.; spirti, likuri u xarbiet spiritużi oħra; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti minn tipi użati għall-produzzjoni ta’ xorb”).

    12      Skont it-tieni inċiż tal-Artikoli 9(1)(a) u 10 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni adottat in-noti ta’ spjega tan-NM, li huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    13      Ma teżistix nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2203.

    14      In-nota ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2208 hija fformulata kif ġej:

    “Spirti, likuri u xorb ieħor spirituż ta’ titlu [tal-intestatura] 2208 huma likwidi alkoħoliċi ġeneralment intiżi għal konsum minn bnedmin u huma preparati:

    –        jekk [jew] direttament minn distillar (bi ħwawar miżjudin jew le) ta’ likwidi fermentati naturali bħal inbid jew ċidru, jew frott iffermentat minn qabel, marc, qamħ jew prodotti veġetali oħra,

    –        jew bis-sempliċi żieda ta’ varji sustanzi aromatiċi, u ġieli zokkor, ma’ alkoħol magħmul permezz ta’ distillazzjoni.

    […]

    Dan it-titlu ma jkoprix xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni (Nri 2203 00 sa 2206 00).”

     Is-SA

    15      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti għandha tiżgura li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika jkunu konformi mas-SA. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti għandha wkoll tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA, u ma għandhiex timmodifika l-portata tat-taqsimiet, tal-kapitoli, tal-intestaturi jew tas-subintestaturi.

    16      L-OMD toħroġ noti ta’ spjega dwar is-SA. Dawn huma ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali tal-OMD, jiġifieri l-Franċiż u l-Ingliż.

    17      In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2203, fil-verżjoni Maltija tagħha hija fformulata kif ġej:

    “Il-birra hija xarba alkoħolika miksuba mill-fermentazzjoni tal-maxx ippreparat ma’ xgħir jew qamħ, mgħolli fil-preżenza ta’ ilma ġeneralment ta’ ħops. [...] Iż-żieda ta’ ħops għandha l-effett li tiżviluppa elementi morri u aromatiċi u tippermetti konservazzjoni aħjar tal-prodott. [...]

    […]”

    18      Fil-verżjoni Ingliża tagħha, in-nota ta’ spjega tas-SA tal-intestatura 2203 hija fformulata kif ġej:

    “Beer is an alcoholic beverage obtained by fermenting a liquor (wort) prepared from malted barley or wheat, water and (usually) hops. […] The addition of hops imparts a bitter and aromatic flavour and improves the keeping qualities. […]

    […]”

    19      In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tipprovdi:

    “Din l-intestatura tkopri, minn naħa, u jkun xi jkun il-livell alkoħoliku:

    A)      L-ispirti […]

    B)      Il-likuri […]

    C)      Ix-xarbiet spiritużi l-oħra […]

    Min-naħa l-oħra, l-intestatura tinkludi l-alkoħol etiliku mhux żnaturat b’livell alkoħoliku ta’ inqas minn 80 % vol, kemm jekk ikun intiż għall-konsum mill-bniedem jew għal użu industrijali; anki jekk jista’ jiġi kkunsmat, l-alkoħol etiliku huwa differenti mill-prodotti msemmija f’A), B) u C) iktar ’il fuq, peress li huwa nieqes minn kull element aromatiku.

    [...]”

    20      Fil-verżjoni Ingliża, din in-nota hija fformulta kif ġej:

    “The heading covers, whatever their alcoholic strength:

    (A) Spirits […]

    (B) Liqueurs and cordials […]

    (C) All other spirituous beverages […]

    Provided that their alcoholic strength by volume is less than 80 % vol, the heading also covers undenatured spirits (ethyl alcohol and neutral spirits) which, contrary to those at (A), (B) and (C) above, are characterised by the absence of secondary constituents giving a flavour or aroma. These spirits remain in the heading whether intended for human consumption or for industrial purposes.

    [...]”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    21      Paderborner Brauerei hija birrerija. Hija xtrat mingħand Alko International BV mill-Pajjiżi l-Baxxi 99 847.33 litru fl-2002 74 745.41 litru fis-6 u t-23 ta’ Ġunju 2003 likwidu li jismu “malt beer base” li hija tuża għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta taħt l-isem “Salitos Ice”.

    22      Skont l-indikazzjonijiet tal-Finanzgericht Düsseldorf, il-“malt beer base” jinkiseb minn birra ffermentata b’kontenut alkoħoliku b’volum ta’ 14 %, li hija ppurifikata u suġġetta għal ultrapurifikazzjoni li permezz tagħha titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ ingredjenti bħas-sustanzi morri u proteini. Il-“malt beer base” għandu wkoll kontenut alokoħoliku b’volum ta’ 14 %. Huwa likwidu mingħajr kulur, ċar b’riħa ta’ alkoħol u togħma ftit morra.

    23      Peress li l-Hauptzollamt Bielefeld ikkunsidra li l-“malt beer base” għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2208 tan-NM, huwa talab lill-Paderborner Brauerei it-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol korrispondenti, skont l-Artikolu 130(2)(1) tal-liġi dwar il-monopolju tal-alkoħol. Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2003, huwa stabilixxa li Paderborner Brauerei kellha tħallas taxxa fuq l-alkoħol ta’ EUR 182 141.49 għall-“malt beer base” mixtrija fl-2002, kif ukoll taxxa ta’ EUR 136 350.74 permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal-14 ta’ Lulju 2003, għall-“malt beer base” mixtrija fis-6 u t-23 ta’ Ġunju 2003.

    24      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2009, l-awtorità doganali ċaħdet l-ilment imressaq minn Paderborner Brauerei kontra d-deċiżjonijiet tagħha. Għalhekk Paderborner Brauerei ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf.

    25      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, Paderborner Brauerei ssostni, b’mod partikolari, li l-“malt beer base” ma għandhiex tiġi kklassifikata fl-intestatura 2208 tan-NM. Ma hijiex miksuba permezz ta’ distillazzjoni jew żieda ta’ aromi jew zokkor differenti. Hija pjuttost prodott miksub permezz tal-fermentazzjoni, li, fl-Istati Membri l-oħra, kien jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2203 tan-NM. Il-merkanzija hija prodotta minn xgħir u sservi, bħala prodott intermedjarju, għall-produzzjoni ta’ taħlita ħafifa abbażi ta’ birra. L-intestatura 2203 tan-NM ma tipprovdix li l-merkanzija għandha tkun xarba li għandha tiġi kkunsmata direttament.

    26      Il-Hauptzollamt Bielefeld oppona r-rikors u jkompli jsostni li l-“malt beer base” għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

    27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “In-[NM], fil-verżjoni tagħha tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 [li temenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 [...] (ĠU L 290, p. 1) għandha tiġi interpretata fis-sens li oġġett indikat bħala ‘malt beer base’ b’kontenut alkoħoliku b’volum ta’ madwar 14 %, miksub minn birra ffermentata li ġiet ippurifikata u suġġetta għal ultrafiltrazzjoni, u li b’hekk il-konċentrazzjoni tal-ingredjenti bħas-sustanzi morri u l-proteini tnaqqsu, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2208?”

     Fuq id-domanda preliminari

    28      Preliminarjament, għandu jiġi rrelevat, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83, li l-verżjoni applikabbli tan-NM fil-kawża prinċipali hija dik tar-Regolament Nru 2587/91, li kienet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, u mhux dik tar-Regolamenti Nri 2031/2001 u 1832/2002, li tifferi għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari.

    29      Skont Paderborner Brauerei, il-“malt beer base”, bħala birra miksuba permezz tal-fermentazzjoni li tkun għaddiet minn proċess ta’ filtrazzjoni fiżika, għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2203 tan-NM, peress li l-proċess ta’ fermentazzjoni huwa l-kriterju determinanti tat-taxxa. Sabiex tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208 tan-NM, id-distillazzjoni neċessarja, bħala proċess ta’ fabrikazzjoni, hija nieqsa. Barra minn hekk, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tan-NM teħtieġ, sabiex wieħed ikun jista’ jitkellem dwar alkoħol etiliku, li dan tal-aħħar ikun “nieqes minn kull element aromatiku”, filwaqt li l-“malt beer base” għandha togħma u għalhekk elementi aromatiċi.

    30      Il-gvernijiet Elleniku u Olandiż u l-Kummissjoni jqisu, min-naħa l-oħra, li l-“malt beer base” għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 2208 tan-NM.

    31      F’dan ir-rigward, jaqbel li titfakkar ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi, kif definiti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Data I/O, C‑370/08, p. I‑4401, punt 29).

    32      In-noti ta’ spjega mħejjija, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-OMD, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Olicom, punt 17, u Data I/O, punt 30).

    33      F’dan il-każ, min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2203 tan-NM jirriżulta li l-birra għandha tiġi kkunsidrata bħala xarba alkoħolika. Il-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “xarba” fis-sens tan-NM tiddependi min-natura likwida tagħha u tad-destinazzjoni tagħha għall-konsum mill-bniedem (sentenza tas-26 ta’ Marzu 1981, Ritter, 114/80, Ġabra p. 895, punt 9).

    34      Issa, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-“malt beer base” ma hijiex prodott lest intiż għall-konsum, imma prodott intermedjarju użat għall-fabbrikazzjoni ta’ xarba mħallta bl-isem “Salitos Ice”. Għalhekk, anki jekk il-“malt beer base” hija likwida u tajba għall-konsum mill-bniedem, fis-sens li hija tajba għax-xorb, id-destinazzjoni primarja tagħha bħala prodott intermedjarju ma hijiex il-konsum mill-bniedem. Peress li dan il-prodott ma jinbiegħx bħala prodott finali għall-konsumaturi, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala xarba alkoħolika.

    35      Min-naħa l-oħra, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tindika espressament li din tkopri wkoll l-alkoħol etiliku, kemm jekk din tkun intiża għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu industrijali. Il-fatt li l-“malt beer base” hija sempliċi prodott intermedjarju ma jwassalx għall-esklużjoni tagħha minn din l-intestatura.

    36      Minkejja li huwa minnu li n-noti ta’ spjega tan-NM dwar l-intestatura 2208 jeskludu minnha x-xarbiet alkoħoliċi miksuba permezz tal-fermentazzjoni, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jitfakkar li l-“malt beer base”, bħala prodott intermedjarju, ma tistax tiġi kkonċernata f’dan ir-rigward għaliex, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, ma hijiex xarba alkoħolika.

    37      Fi kwalunkwe każ, il-“malt beer base” ma hijiex miksuba purament u sempliċement permezz tal-fermentazzjoni, iżda wara li ssir ultrapurifikazzjoni. Wara dan il-proċess supplimentari, il-prodott inkwistjoni, miksub minn birra ffermentata, jitlef il-proprjetajiet u l-karatteristiċi oġġettivi partikolari tal-birra. Viżwalment ma tixbahx lill-birra u lanqas ma għandha t-togħma morra speċifika tal-birra. Skont l-indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju l-“malt beer base” hija likwidu bla kulur, ċar, b’riħa ta’ alkoħol u togħma ftit morra, b’kontenut alkoħoliku b’volum ta’ 14 % li huwa użat għall-produzzjoni ta’ xarba mħallta bl-isem ta’ “Salitos Ice”. Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi ma jikkorrispondux għal dawk tal-birra li taqa’ taħt l-intestatura 2203 tan-NM, iżda min-naħa l-oħra jikkorrispondu għal dawk tal-alkoħol etiliku li jaqa’ taħt l-intestatura 2208 jew huma analogi għalihom.

    38      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Paderborner Baruer li jgħid li n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2208 tindika li l-alkoħol etiliku ma għandux aroma filwaqt li l-“malt beer base” għandha riħa ta’ alkoħol u togħma ftit morra, għandu jiġi rrelevat mill-ewwel li f’dan ir-rigward teżisti ċerta differenza lingwistika bejn il-verżjonijiet Franċiżi u Ingliża, verżjonijiet uffiċjali tan-noti ta’ spjega tas-SA.

    39      Madankollu, l-ebda waħda mill-imsemmija noti ma teħtieġ nuqqas totali ta’ togħma jew ta’ aroma sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala alkoħol etiliku. B’mod iktar partikolari, skont dawn iż-żewġ verżjonijiet, l-alkoħol etiliku huwa differenti mill-ispirtu, likuri u x-xorb spirituż ieħor li jaqa’ taħt is-subintestatura 2208 tan-NM peress li dawn tal-aħħar fihom prinċipji aromatiċi jew proprjetajiet ta’ togħma tipiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1974, König, 185/73, Ġabra p. 607, punt 19).

    40      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dawn l-aħħar prodotti, it-togħma u l-aroma tal-alkoħol etiliku huma elementi newtri fil-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt l-intestatura 2208 tan-NM. Għalhekk, il-fatt li l-“malt beer base” għandha riħa ta’ alkoħol u togħma ftit morra ma taffettwax il-klassifikazzjoni tagħha taħt din l-intestatura.

    41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 2658/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li likwidu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-isem ta’ “malt beer base”, li b’kontenut alkoħoliku b’volum ta’ 14 % u li jinkiseb minn birra ffermentata, ippurifikata, u wara suġġetta għal ultrafiltrazzjoni li permezz tagħha titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ ingredjenti bħas-sustanzi morri u ta’ proteini, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2208 tan-NM.

     Fuq l-ispejjeż

    42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li likwidu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-isem ta’ “malt beer base”, li għandu livell ta’ alkoħol ta’ 14 % u li jinkiseb minn birra ffermentata, ippurifikata, u wara suġġetta għal ultrafiltrazzjoni li permezz tagħha titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ ingredjenti bħas-sustanzi morri u ta’ proteini, għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 2208 tan-NM li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament kif emendat.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top