Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0085

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Marzu 2011.
    Telefónica Móviles España SA vs Administración del Estado u Secretaría de Estado de Telecomunicaciones.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
    Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet - Direttiva 97/13/KE - Awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali - Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali - Artikolu 11(2) - Interpretazzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix allokazzjoni speċjali għal taxxa - Żieda tat-taxxa għas-sistemi diġitali, mingħajr ma tkun emendata għas-sistemi analoġiċi tal-ewwel ġenerazzjoni - Kompatibbiltà.
    Kawża C-85/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:141

    Kawża C-85/10

    Telefónica Móviles España SA

    vs

    Administración del Estado

    u

    Secretaría de Estado de Telecomunicaciones

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

    “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet — Direttiva 97/13/KE — Awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali — Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali — Artikolu 11(2) — Interpretazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix allokazzjoni speċjali għal taxxa — Żieda tat-taxxa għas-sistemi diġitali, mingħajr ma tkun emendata għas-sistemi analoġiċi tal-ewwel ġenerazzjoni — Kompatibbiltà”

    Sommarju tas-sentenza

    Approssimazzjoni tal-liġijiet — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Kuntest komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali — Direttiva 97/13 — Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali — L-aħjar użu ta’ riżorsi skarsi — Impożizzjoni ta’ tariffa fuq id-detenturi ta’ liċenzji individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13, Artikolu 11(2))

    Ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, dwar qafas komuni għall‑awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas‑servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, li jgħidu li tariffa imposta fuq l‑operaturi ta’ servizzi tat‑telekomunikazzjonijiet għall-użu ta’ riżorsi skarsi għandha tfittex l-għan li tiżgura użu aħjar ta’ riżorsi bħal dawn u tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u ta’ kompetizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑impożizzjoni ta’ tariffa fuq operaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni detenturi ta’ liċenzji individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, mingħajr ma tipprevedi allokazzjoni speċifika tad-dħul miksub minn din it-tariffa, u li żżid b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ din fir-rigward ta’ teknoloġija speċifika mingħajr ma tibdel dan l-ammont fir-rigward ta’ oħra.

    F’dan ir-rigward, minn ebda element tad-Direttiva 97/13 ma jirriżulta li dawn ir-rekwiżiti jimplikaw li tali tariffa għandha tkun allokata għal għan partikolari jew li għandu jsir użu partikolari, a posteriori, mill-prodott ta’ din mill-Istat Membru kkonċernat. Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru jista’ juża dan il-prodott liberament.

    Barra minn dan, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jipprekludu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu, meta jiddeterminaw l-ammont ta’ din it-tariffa, distinzjoni, anki jekk sinjifikattiva, bejn minn naħa, teknoloġija diġitali jew analoġika użata u, min-naħa l-oħra, fi ħdan kull teknoloġija, l-użi differenti li jsiru minnhom, sakemm l-ugwaljanza fl‑opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi differenti hija żgurata.

    Barra minn dan, dawn ir-rekwiżiti, fil-prinċipju, ma jipprekludux lill‑Istati Membri milli jżidu, anki b’mod sinjifikattiv, l-ammont tal-ħlas li għandu jsir taħt din it‑tariffa għal teknoloġija speċifika skont l-iżviluppi kemm teknoloġiċi u ekonomiċi li jseħħu fis-suq għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, mingħajr ma jbiddluha għal teknoloġija oħra sakemm l-ammonti differenti imposti jirriflettu l‑valuri ekonomiċi rispettivi tal-użu magħmul tar-riżorsa skarsa.

    Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li din iż-żieda fl-ammont tat-tariffa hija sostanzjali, ma jwassalx, fih innifsu, għal inkompatibbiltà mal‑għan, taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, tal-ħlas ta’ tariffa għall-użu ta’ riżorsi skarsi, sakemm ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-għan huma sodisfatti, jiġifieri li l-ammont ta’ din it-tariffa la jkun eċċessiv u lanqas baxx ħafna.

    (ara l-punti 32, 34-36, 40 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    10 ta’ Marzu 2011 (*)

    “Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttiva 97/13/KE – Awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali – Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali – Artikolu 11(2) – Interpretazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix allokazzjoni speċjali għal taxxa – Żieda tat-taxxa għas-sistemi diġitali, mingħajr ma tkun emendata għas-sistemi analoġiċi tal‑ewwel ġenerazzjoni – Kompatibbiltà”

    Fil-Kawża C‑85/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

    Telefónica Móviles España SA

    vs

    Administración del Estado,

    Secretaría de Estado de Telecomunicaciones,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Telefónica Móviles España SA, minn M. Lanchares Perlado, Procurador, assistit minn J. García Muñoz u A. Moreno Rebollo, avukati,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u C. Vrignon kif ukoll minn G. Braun, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Telefónica Móviles España SA (iktar ’il quddiem “Telefónica Móviles”) u l-Administración del Estado u s‑Secretaría de Estado de Telecomunicaciones fir-rigward ta’ avviż ta’ rkupru, dwar il-perijodu mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2001, li jikkonċerna l‑ħlas ta’ taxxa fuq ir-riżervazzjoni tal-frekwenzi pubbliċi tar-radju neċessarja sabiex jiġi pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

     Id-Direttiva 97/13

    3        Jirriżulta mill-ewwel premessa tad-Direttiva 97/13 li din tfittex “liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi u tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet minn issa sal-1 ta’ Jannar 1998, b’perijodi ta’ tranżizzjoni għal ċerti Stati Membri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4        Permezz tat-tielet premessa ta’ din id-direttiva, “huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali mogħtija mill-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5        Skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 97/13, “huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet jiġu mehmuża mal-awtorizzazzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku għall-benefiċċju tal-utenti tat-telekomunikazzjonijiet”. Barra minn dan, skont din il-premessa, is-sistema legali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet “għandha tikkunsidra l-bżonn li tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda kif ukoll l-applikazzjoni mifruxa tal-progress teknoloġiku”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6        Il-ħames premessa ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li din “konsegwentement, sejra tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għad-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq, fil‑kuntest tal-iżvilupp tas-soċjetà ta’ informatika”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 97/13 tipprovdi li “kull taxxa jew tariffa imposta fuq l-impriżi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun bbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8        Fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ numru ta’ liċenzji individwali, l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

    “L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw in-numru ta’ liċenzji individwali għal kategorija ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, tkun xi tkun, u għall‑istabbiliment u/jew it-tħaddim ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet, ħlief sa fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi ggarantit l-użu effikaċi tal-frekwenzi tar‑radju jew għal żmien li jkun meħtieġ biex ikun jista’ jingħata ammont suffiċjenti ta’ numri, b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9        Fir-rigward tat-taxxi u tat-tariffi applikabbli għal-liċenzji individwali, l‑Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 jipprovdi:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull taxxa imposta fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun intiża biss biex tkopri l‑ispejjeż ta’ amministrazzjoni marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta’ xogħol involut u għandhom jiġu ppublikati b’mod xieraq u suffiċjentement dettaljat sabiex l‑informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.

    2.      Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ fejn se jintużaw riżorsi skarsi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom sabiex jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it‑tariffi għandhom ikunu nondiskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal‑kompetizzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Id-Direttiva 2002/20/KE

    10      Il-premessa 32 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), tistabbilixxi:

    “Minbarra l-ħlasijiet amministrattivi, tariffi għall-użu jistgħu jiġu imposti fuq l‑użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri bħala strument li jiżgura l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawk it-tariffi m’għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u l-kompetizzjoni fis-suq. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-għan li għalih it-tariffi għad-drittijiet ta’ użu jintużaw. Dawk it-tariffi jistgħu per eżempju jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma jistgħux jiġu koperti bil-ħlasijiet amministrattivi. […]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    11      Fir-rigward tat-taxxa fuq ir-riżervazzjoni ta’ frekwenza pubblika tar-radju, l‑Artikolu 73 tal-Liġi ġenerali 11/1998, dwar it-telekomunikazzjonijiet (Ley General de Telecomunicaciones), tal-24 ta’ April 1998 (BOE Nru 99, tal-25 ta’ April 1998, p. 13909, iktar ’il quddiem il-“Liġi 11/1998”), fil-verżjoni oriġinali tagħha, tistabbilixxi:

    “1.      Ir-riżervazzjoni ta’ frekwenza pubblika tar-radju favur persuna waħda jew iktar minn persuna waħda jew entitajiet huma suġġetti għall-ħlas ta’ taxxa annwali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. L-ammont ta’ din it-taxxa ser ikun użat għall-iffinanzjar tar-riċerka u tat-taħriġ fil-qasam tat‑telekomunikazzjonijiet, kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku previst taħt l-Artikoli 40 u 42 ta’ din il-Liġi.

    Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-taxxa li persuni taxxabbli għandha tħallas, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq tal-użu tal-frekwenza rriżervata u tal-profitt li jista’ jikseb minnha l-benefiċjarju.

    Sabiex jiġi ddeterminat dan il-valur tas-suq u l-profitt eventwali miksub mill‑benefiċjarju tal-frekwenza rriżervata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-parametri li ġejjin:

    1°      il-grad ta’ użu u l-konġestjoni tal-frekwenzi differenti, skont iż-żoni ġeografiċi differenti;

    2°      it-tip ta’ servizz li għalih il-frekwenza hija rriżervata u, b’mod partikolari, jekk din twassal għall-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti fit-Titolu III;

    3°      il-banda ta’ frekwenza jew is-sub-banda tal-ispettru;

    4°      il-materjal u t-tekonoloġija użata

    5°      il-valur ekonomiku li jirriżulta mill-użu jew mill-operat tal-qasam pubbliku rriżervat.

    2.      L-ammont tat-taxxa dovuta huwa kkalkulat billi jiġi mmultiplikat n-numru ta’ unità ta’ riżervazzjonijiet ta’ frekwenzi tar-radju [iktar ’il quddiem l-“URR”] minn fost il-frekwenzi pubbliċi rriżervati mal-valur mogħti lil kull unità. Fil‑gżejjer, is-superfiċje li għandha tintuża għall-kalkolu ta’ frekwenzi tar-radju użati sabiex tiġi ddeterminata t-taxxa korrispondenti hija ddeterminata billi tiġi eskluża kopertura mhux mitluba li testendi sa fuq iż-żona marittima. Għall‑iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan il-paragrafu, it‑terminu [URR] jinftiehem bħala kejl konvenzjonali, li jikkorrispondi għall‑okkupazzjoni vera jew potenzjali, fuq perijodu ta’ sena, ta’ banda ta’ kilohertz fuq territorju ta’ kilometru kwadru.

    3.      Il-valur tal-parametri ċċitati iktar ’il fuq huwa ddeterminat mid-digriet ministerjali msemmi fl-Artikolu 16, ħlief meta n-numru ta’ liċenzji huwa limitat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20 u 21. F’dan il-każ, id-determinazzjoni hija magħmula mid-digriet ministerjali li japprova l-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt tas-sejħa għal offerti korrispondenti.

    [...]

    8.      L-ammont tat-taxxa li huwa s-suġġett ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex ikopri l‑ispejjeż sostnuti mill-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzjar prevista f’din il-liġi meta t-taxxi u t-tariffi msemmija fl-Artikoli 71, 72 u 74 huma insuffiċjenti.”

    12      Skont l-Artikolu 73(3) tal-Liġi 11/1998, id-Digriet tal-Ministru tal-Iżvilupp tat‑Territorju, tat-22 ta’ Settembru 1998, li jistabbilixxi s-sistema applikabbli għal-liċenzji individwali għas-servizzi u n-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu mid-detenturi tagħhom, iddefinixxa fl-Anness II tiegħu, il-ħames parametri li jagħmlu t-taxxa, kif previst fl‑Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi, imsemmija rispettivament koeffiċjenti C1 sa C5, billi assenjalhom valur. L-URR għalhekk ġie stabbilit għal ammont ta’ ESP 0.0544, ekwivalenti għal EUR 0.000327.

    13      L-Artikolu 73 tal-Liġi 11/1998 ġie emendat bl-Artikolu 14 tal-Liġi 14/2000, dwar miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali (Ley 14/2000 de Medidas fiscales, administrativas y del orden soċjali), tad-29 ta’ Diċembru 2000 (BOE Nru 313, tat‑30 ta’ Diċembru 2000, p. 46631), fost oħrajn, bit-tneħħija tat‑tieni frażi tal‑ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, kif ukoll tal-paragrafu 8. Barra minn dan, il‑paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ġie emendat b’mod illi jagħti lil‑Liġi dwar il‑finanzji l-kompitu li jipproċedi bid-determinazzjoni tal-valur tal‑ħames parametri li jagħmlu t-taxxa.

    14      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Artikolu 66 tal-Liġi 13/2000, dwar il-finanzji għas-sena 2001 (Ley 13/2000 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2001), tat-28 ta’ Diċembru 2000 (BOE Nru 312, tad-29 ta’ Diċembru 2000, p. 46513), stabbilixxa l-valur ta’ dawn il-parametri għas-sena 2001. L-ammont li jirriżulta dovut għall-użu tal-ispettru minn sistemi tat-telefon diġitali tat-tieni ġenerazzjoni (GSM u DCS-1800) ġie miżjud għas-sena 2001 meta mqabbel mal‑livell milħuq fis-sena 2000 filwaqt li dak li jirrigwarda l-użu tal-ispettru minn teknoloġija analoġika ma nbidilx.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15      Telefónica Móviles tipprovdi servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-suq Spanjol. Fl-1998, hija kkonkludiet kuntratt ta’ ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi mal-Istat Spanjol, li kellu bħala għan tiegħu l-provvista ta’ “servizz ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ valur miżjud” għal komunikazzjonijiet ċellulari personali tat-tip DCS-1800 fuq it‑territorju nazzjonali kollu.

    16      Telefónica Móviles ngħatat il-konċessjoni tal-qasam tar-radju pubbliku meħtieġa sabiex tipprovdi dan is-servizz u kien ġie miftiehem li t-tariffa applikabbli tkun il‑prodott tan-numru ta’ URR skont il-prezz unitarju fis-seħħ fil-mument tal-ħlas.

    17      Wara li ressqet ilment kontra avviż ta’ rkupru li jikkonċerna l-perijodu mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2001, li ġie miċħud mill-korp amministrattiv kompetenti, Telefónica Móviles ippreżentat appell amministrattiv li ġie wkoll miċħud. Billi sostniet li l-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli matul il-perijodu rilevanti kien kuntrarju għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13, hija ppreżentat appell għal kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

    18      Peress li s-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 97/13, it-Tribunal Supremo ddeċieda jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [97/13] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi skarsi u li jiġu promossi servizzi innovattivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissepara miżata [tariffa] miġbura fuq dan it-tip ta’ riżorsa (it-taxxa fuq ir-riżervazzjoni tal-frekwenzi pubbliċi tar-radju) mill-għan speċifiku li għalih hija kienet preċedentement allokata (il-finanzjament tar-riċerka u tat-taħriġ fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku), mingħajr ma tallokaha għal għan ieħor?

    2)      L-imsemmi Artikolu 11(2) [tad-Direttiva 97/13] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi skarsi u li jiġu promossi servizzi innovattivi, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni apparenti u b’mod kunsiderevoli, iżżid l-ammont tat-taxxa fir-rigward ta’ sistema numerika [diġitali] DCS-1800, mingħajr ma żżidha wkoll fir-rigward tas-sistemi analoġiċi tal-ewwel ġenerazzjoni bħalma hija s-sistema TACS?”

     Fuq id-domandi preliminari

    19      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tfittex li ssir taf jekk ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad‑Direttiva 97/13, li jgħidu li tariffa imposta fuq l-operaturi ta’ servizzi tat‑telekomunikazzjonijiet għall-użu ta’ riżorsi skarsi għandha tfittex l-għan li tiżgura użu ottimali ta’ riżorsi bħal dawn u tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u ta’ kompetizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑impożizzjoni ta’ tariffa fuq operaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni detenturi ta’ liċenzji individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, mingħajr ma jipprovdu allokazzjoni speċifika tad-dħul miksub minn din it-tariffa, u li żżid b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ din fir-rigward ta’ teknoloġija speċifika mingħajr ma tibdel dan l-ammont fir-rigward ta’ oħra.

    20      Hekk kif jirriżulta mill-premessi 1, 3, 4 u 5 tad-Direttiva 97/13, din hija parti mill‑miżuri meħuda għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi u tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet qafas komuni applikabbli għas-sistemi ta’ awtorizzazzjonijiet intiż li jiffaċilita b’mod sinjifikattiv id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda. Dan il-qafas jipprovdi, minn naħa, regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet u l-kontenut tagħhom u, min-naħa l-oħra, regoli dwar in-natura jew il-limiti tal-piżijiet finanzjarji relatati ma’ dawn il-proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, C‑292/01 u C‑293/01, Ġabra p. I‑9449, punti 35 u 36).

    21      Il-qafas komuni, li d-Direttiva 97/13 hija intiża li timplementa, ma tkun ta’ ebda effett jekk l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-piżijiet fiskali li għandhom iħallsu l-impriżi fis-settur (sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jirċievu taxxi jew tariffi oħra taħt il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, għajr dawk previsti mid‑Direttiva 97/13 (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Nuova società di telecomunicazioni, C‑339/04, Ġabra p. I‑6917, punt 35).

    22      Dawn il-piżijiet għandhom, hekk kif ippreċiżat fil-premessa 12 tad‑Direttiva 97/13, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti. Barra minn dan, dawn ma għandhomx ikunu ta’ natura li jostakolaw l‑għan tal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq li timplika ftuħ sħiħ ta’ dan għall‑kompetizzjoni (sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    23      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-taxxi imposti mill-Istati Membri lill‑impriżi detenturi ta’ liċenzji individwali skont l-Artikolu 11 tad‑Direttiva 97/13, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li t-taxxi għandhom biss l-għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta max-xogħol kkawżat mill‑implementazzjoni ta’ dawn il-liċenzji (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i‑21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 28).

    24      Fil-każ ta’ użu ta’ riżorsi skarsi, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jawtorizza lill‑Istati Membri li jiffissaw, b’żieda mat-tariffi intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi, tariffa addizzjonali maħsuba bil-għan li jkun żgurat użu ottimali ta’ tali riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, ISIS Multimedia Net u Firma O2, C‑327/03 u C‑328/03, Ġabra p. I‑8877, punt 23). Barra minn dan, din l-aħħar tariffa, skont it-termini ta’ din id‑dispożizzjoni, ma għandhiex tkun diskriminatorja u għandha tiegħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.

    25      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, għalhekk jiffissa r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta jiġi ddeterminat l-ammont ta’ tariffa għall‑użu ta’ riżors skars, mingħajr ma espliċitament jipprovdi mod konkret ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ din it-tariffa jew ta’ użu li għandu jsir minn din, a posteriori.

    26      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 11(2) tad‑Direttiva 97/13, imsemmija mid-domandi preliminari, jirrikjedux l-użu li jistgħu jagħmlu l-Istati Membri mid-dħul miksub taħt din it-tariffa inkwistjoni jew l-ammonti speċifiċi fir-rigward tat-teknoloġiji differenti.

    27      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea, l‑awtorizzazzjoni għall-użu ta’ proprjetà pubblika li tikkostitwixxi riżorsa skarsa tippermetti lid-detentur tagħha li jikseb benefiċċji ekonomiċi sinjifikattivi u jagħtih vantaġġ fuq operaturi oħra li jixtiequ wkoll jagħmlu użu minn din ir‑riżorsa, u dan jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tariffa li tirrifletti b’mod partikolari l‑valur tal-użu tar-riżorsa skarsa inkwistjoni.

    28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif sostnew l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, l‑għan li jiġi żgurat li l-operaturi jużaw b’mod ottimali r-riżorsi skarsi li għandhom aċċess għalihom, ifisser li l-ammont ta’ din it-tariffa jkun iffissat fuq livell adegwat li b’mod partikolari jirrifletti l-valur tal-użu ta’ dawn ir-riżorsi, li jeħtieġ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u teknoloġika tas-suq ikkonċernat.

    29      Fil-fatt, livell eċċessiv fl-ammont ta’ din it-tariffa jista’ jiskoraġġixxi l-użu tar‑riżorsi skarsi inkwistjoni u għalhekk iwassal għal nuqqas ta’ użu ta’ dawn. Bl‑istess mod, livell baxx fl-ammont tat-tariffa jaf ikun ta’ detriment għall-użu effiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi.

    30      Fir-rigward tar-rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li jiġi promoss l‑iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni, dan jimplika li l-ammont tat-tariffa ma jkollux l-effett li jostakola l-aċċess ta’ operaturi ġodda fis-suq jew li jnaqqas il-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-operaturi tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 125). Barra minn dan, dan jimplika li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta, li jista’ biss jiġi ggarantit jekk tiġi żgurata l-ugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi differenti (ara, f’dan is-sens, sentenza ISIS Multimedia Net u Firma O2, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

    31      Għalhekk, fil-prinċipju, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw tariffi differenti għall-operaturi li qed jikkompetu għall-użu ta’ riżorsi skarsi li l-valuri tagħhom jidhru ekwivalenti f’termini ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, ISIS Multimedia Net u Firma O2, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

    32      Madankollu, minn ebda element tad-Direttiva 97/13, li tfittex l-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni sħiħa fis-suq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ma jirriżulta li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, imsemmija fid-domandi preliminari, jimplikaw li t-tariffa inkwistjoni għandha tkun allokata għal għan partikolari jew li għandu jsir użu partikolari, a posteriori, minn din mill-Istat Membru kkonċernat. Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru jista’ juża din liberament.

    33      Din il-konstatazzjoni hija wkoll ikkorroborata mid-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, anki jekk hija inapplikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, billi l‑premessa 32 tistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ numri, sabiex ikun żgurat użu ottimali tar-riżorsi, mingħajr ma’ din id-direttiva tkun ta’ ħsara għall-għan li għalihom dawn it-tariffi għad-drittijiet tal-użu huma imposti.

    34      Barra minn dan, ir-rekwiżiti li jistabbilixxu li tariffa imposta fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għall-użu ta’ riżorsi skarsi għandha tkompli tiżgura użu ottimali ta’ tali riżorsi u tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi promoss l‑iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni, ma jistgħux, fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, jipprekludu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu, meta jiddeterminaw l-ammont ta’ din it-tariffa, distinzjoni, anki jekk sinjifikattiva, bejn minn naħa, teknoloġija diġitali jew analoġika użata u, min-naħa l-oħra, fi ħdan kull teknoloġija, l-użi differenti li jsiru minnhom, sakemm l-ugwaljanza fl‑opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi differenti huwa żgurat.

    35      Barra minn dan, dawn ir-rekwiżiti fil-prinċipju, ma jipprekludux lill‑Istati Membri milli jżidu, anki b’mod sinjifikattiv, l-ammont tal-ħlas li għandu jsir taħt din it‑tariffa fir-rigward ta’ teknoloġija speċifika skont l-iżviluppi kemm teknoloġiċi u ekonomiċi li jseħħu fis-suq għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, mingħajr ma jbiddlu dan l-ammont fir-rigward ta’ teknoloġija oħra, sakemm l-ammonti differenti imposti jirriflettu l‑valuri ekonomiċi rispettivi tal-użu magħmul tar-riżorsa skarsa inkwistjoni.

    36      Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li din iż-żieda fl-ammont tat-tariffa hija sostanzjali, li f’dan il-każ mhux ikkontestata mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jwassalx, fih innifsu, għal inkompatibbiltà mal‑għan, taħt l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, tal-ħlas ta’ tariffa għall-użu ta’ riżorsi skarsi, sakemm ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-għan huma sodisfatti, jiġifieri li l-ammont ta’ din it-tariffa la jkun eċċessiv u lanqas baxx ħafna.

    37      Madankollu, hija kompetenza tal-qorti ta’ rinviju li tevalwa, jekk ikun il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tosservax il-kundizzjonijiet indikati fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza.

    38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, imsemmija mid-domandi preliminari, ċertament jaffettwaw il‑livell ta’ tali tariffa, iżda ma jimponux lill-Istati Membri li jallokaw it-tariffa għal għan partikolari jew li jużaw il-qligħ minnha b’mod partikolari.

    39      Il-fatt li Stat Membru jkun preċedentement ippreveda fil-leġiżlazzjoni tiegħu, allokazzjoni tat-tariffa mħallsa għall-użu ta’ riżorsi skarsi għall-iffinanzjar tar‑riċerka u tat-taħriġ fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, bħal fit-tieni frażi tal‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 73(1) tal-Liġi 11/1998, fil-verżjoni oriġinali tagħha, ma taffettwax l-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/13 u għalhekk ma taffettwax l-evalwazzjoni preċedenti.

    40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija, huwa meħtieġ li għad-domandi magħmula tingħata r-risposta li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, li jgħidu li tariffa imposta fuq l-operaturi ta’ servizzi tat‑telekomunikazzjonijiet għall-użu ta’ riżorsi skarsi għandha tfittex l-għan li tiżgura użu ottimali ta’ riżorsi bħal dawn u tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u ta’ kompetizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑impożizzjoni ta’ tariffa fuq operaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni detenturi ta’ liċenzji individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, mingħajr ma tipprevedi allokazzjoni speċifika tad-dħul miksub minn din it-tariffa, u li żżid b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ din fir-rigward ta’ teknoloġija speċifika mingħajr ma tibdel dan l-ammont fir-rigward ta’ oħra.

     Fuq l-ispejjeż

    41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall‑awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas‑servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, li jgħidu li tariffa imposta fuq l‑operaturi ta’ servizzi tat‑telekomunikazzjonijiet għall-użu ta’ riżorsi skarsi għandha tfittex l-għan li tiżgura użu ottimali ta’ riżorsi bħal dawn u tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tippromwovi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u ta’ kompetizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall‑impożizzjoni ta’ tariffa fuq operaturi ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni detenturi ta’ liċenzji individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, mingħajr ma tipprevedi allokazzjoni speċifika tad-dħul miksub minn din it-tariffa, u li żżid b’mod sinjifikattiv l-ammont ta’ din fir-rigward ta’ teknoloġija speċifika mingħajr ma tibdel dan l-ammont fir-rigward ta’ oħra.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top