Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0042

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ April 2011.
    Vlaamse Dierenartsenvereniging VZW u Marc Janssens vs Belgische Staat.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
    Settur veterinarju u zootekniku – Regolament (KE) Nru 998/2003 – Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi – Deċiżjoni 2003/803/KE – Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes.
    Kawżi magħquda C-42/10, C-45/10 u C-57/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:253

    Kawżi magħquda C-42/10, C-45/10 u C-57/10

    Vlaamse Dierenartsenvereniging VZW

    u

    Marc Janssens

    vs

    Belgische Staat

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Belġju))

    “Settur veterinarju u zootekniku — Regolament (KE) Nru 998/2003 — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Deċiżjoni 2003/803/KE — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għal annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri — Numerazzjoni li tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni — Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-użu tal-passaport għall-annimal domestiku mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali — Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)

    3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal — Bdil suċċessiv ta’ din il-parti li jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi — Inammissibbiltà

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 998/2003, Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803)

    4.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi — Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes — Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal — Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes — Klassifikazzjoni ta’ regoli tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34 — Esklużjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikoli 1 u 8)

    1.        L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għall-annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri, sa kemm din tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni.

    (ara l-punt 52 u d-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li b’applikazzjoni tagħha l-passaport għall-annimal domestiku jintuża mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali.

    Fil-fatt, la l-kliem u lanqas l-għan tar-regolament u tad-deċiżjoni msemmija ma jippermettu li jiġi konkluż li l-passaport għall-annimal domestiku għandu l-funzjoni unika u esklużiva li jissodisfa l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li, minħabba f’hekk, l-użu ta’ dan il-passaport, fil-livell nazzjonali, għal finijiet oħra, huwa pprojbit. B’mod kuntrarju, mill-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2003/803 u mill-passaport mudell anness mad-deċiżjoni msemmija jirriżulta li dan jinkludi fih paġni li jippermettu li titniżżel informazzjoni mhux relatata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, bħala prinċipju, l-użu ta’ dan il-passaport għal skopijiet differenti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit, sa kemm dan l-użu ma jpoġġix indiskussjoni la l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 998/2003 u tad-Deċiżjoni 2003/803 u lanqas l-għan imfittex minnhom.

    (ara l-punti 55-57, 65 u d-dispożittiv 2)

    3.        L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva 92/65, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal, fejn il-bdil suċċessiv ta’ din il-parti jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi.

    Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tikser il-ħtieġa ta’ preżentazzjoni uniformi imposta mill-passaport mudell li jidher fl-Anness I tad-deċiżjoni msemmija, li b’mod partikolari teħtieġ li l-ewwel paġna tal-passaport għall-annimal domestiku tkun tipprovdi partijiet u preżentazzjoni li tippermetti li jitniżżlu l-identità u l-indirizz ta’ tliet proprjetarji suċċessivi tal-annimal.

    Barra minn hekk, it-twaħħil suċċessiv ta’ tikketti adeżivi jipprekludi l-identifikazzjoni tal-proprjetarji suċċessivi tal-annimal, minkejja li tali identifikazzjoni hija determinanti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u minkejja li, preċiżament, ir-Regolament Nru 998/2003 u d-Deċiżjoni 2003/803 intervjenew f’dan il-qasam. Bl-istess mod, dan għandu wkoll l-effett li jostakola t-trasferiment tal-annimali domestiċi barra l-Istat Membru tal-oriġini billi jimponi, f’tali każijiet, il-ħruġ ta’ passaport ġdid fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

    (ara l-punti 62-65 u d-dispożittiv 2)

    4.        Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, min-naħa waħda, u dawk dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48, li għandhom, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni.

    Fil-fatt, il-passaporti għall-annimali domestiċi, peress li għandhom numru uniku u jidentifikaw annimal speċifiku, ma jistgħux ikunu, bħala tali, is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. B’hekk, huwa eskluż li l-passaporti msemmija jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “merkanzija”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li d-Direttiva 98/34 tapplika fil-konfront tagħhom.

    (ara l-punti 69-71 u d-dispożittiv 3)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    14 ta’ April 2011 (*)

    “Settur veterinarju u zootekniku – Regolament (KE) Nru 998/2003 – Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi – Deċiżjoni 2003/803/KE – Mudell ta’ passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes”

    Fil-Kawżi magħquda C-42/10, C-45/10 u C-57/10,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Belġju), bid-deċiżjonijiet tal-14 ta’ Jannar 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 u fit-28 ta’ Jannar 2010, fil-proċeduri

    Vlaamse Dierenartsenvereniging VZW (C-42/10, C-45/10 u C-57/10),

    Marc Janssens (C-42/10 u C-45/10)

    vs

    Belgische Staat,

    fil-preżenza ta’:

    Luk Vangheluwe (C-42/10),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Vlaamse Dierenartsenvereniging VZW, minn R. Gielen, avukat,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent, assistit minn J.-F. De Bock, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Marcoulli u B. Burggraaf, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 39, p. 75), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE, tas-26 ta’ Novembru 2003, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 198), u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet azzjonijiet bejn, min-naħa waħda, Vlaamse Dierenartsenvereniging VZW (iktar ’il quddiem “Vlaamse Dierenartsenvereniging”) u M. Janssens (Kawżi C‑42/10 u C‑45/10), kif ukoll, min-naħa l-oħra, Vlaamse Dierenartsenvereniging (Kawża C‑57/10) u Belgische Staat, liema azzjonijiet huma intiżi għall-annullament, rispettivament, tad-Digriet Irjali tal-21 ta’ Settembru 2004 li jemenda d-Digriet Irjali tal-10 ta’ Frar 1967 li jirregola s-saħħa tal-annimali fir-rigward tar-rabja (Moniteur belge tal-24 ta’ Settembru 2004, p. 69208, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-21 ta’ Settembru 2004”) (Kawża C‑42/10), tad-Digriet Irjali tat-28 ta’ Mejju 2004 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb (Moniteur belge tas-7 ta’ Ġunju 2004, p. 43185, iktar ’il quddiem id-“digriet tat-28 ta’ Mejju 2004”) (Kawża C‑45/10) kif ukoll tad-Digriet Irjali tal-5 ta’ Mejju 2004 dwar il-mudell u l-metodi ta’ distribuzzjoni tal-passaport għall-movimenti fil-Komunità ta’ qtates u nemes (Moniteur belge tal-24 ta’ Mejju 2004, p. 40130, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-5 ta’ Mejju 2004”) (Kawża C‑57/10).

    3        B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi C‑42/10, C‑45/10 u C‑57/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza, minħabba l-konnessjoni tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

     Ir-Regolament Nru 998/2003

    4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 998/2003 jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    b)      ‘passaport’ ifisser kull dokument li jgħin lill-annimal tal-gost li jkun identifikat biċ-ċar u jinkludi l-punti li jgħinu li jiġi ċċekkjat l-istatus tiegħu rigward dan ir-Regolament, li jrid jitfassal skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 17;

    […]”

    5        L-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Tieħu liema għamla tieħu s-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-annimal, għndha ssir dispożizzjoni wkoll sabiex tindika d-dettalji li jidentifikaw l-isem u l-indirizz ta’ sid l-annimal.”

    6        L-Artikolu 5 tar-regolament imsemmi jiddisponi hekk:

    “1.      Meta jkunu qegħdin jiġu mċaqalqa ninn post għall-ieħor, l-annimali tal-gost ta’ l-ispeċji elenkati fil-partijiet A u B ta l-Anness I iridu, mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 6:

    a)      jiġu identifikati skond l-Artikolu 4, u

    b)      ikunu akkumpanjati minn passaport maħruġ minn veterinaju awtorizzat mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika t-tilqim validu ta’ kontra r-rabbja, jew it-tilqim mill-ġdid, jekk japplika, skond ir-rakkommandazzjonijiet tal-laboratorju tal-fabbrikazzjoni, imwettqa fuq l-animal fil-kwistjoni b’tilqima inattivata ta’ mill-inqas unità antiġenika waħda f’kull doża (l-istandard tal-WHO).

    2.      L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-moviment ta’ l-annimali elenkati fil-partijiet A u B ta’ l-Anness I li jkunu ta’ tliet xhur għomor u mhux imlaqqma, jekk ikunu akkumpanjati minn passaport u jkunu għexu fil-post fejn twieldu mit-twelid tagħhom mingħajr kuntatt ta’ l-annimali selvaġġi li x’aktarx ikunu ġew esposti għall-infezzjoni jew ikunu akkumpanjati minn ommhom li fuqha jkunu għadhom dipendenti.”

    7        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003 jistabbilixxi:

    “Il-passaporti mudell li jridu jakkumpanjaw lill-annimali ta’ l-ispeċji elenkati fil-partijiet A u B ta’ l-Anness I li jkunu qegħdin jiċċaqalau minn post għall-ieħor għandhom jiġu mfassla skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24(2).”

    8        Il-partijiet A u B tal-Anness I tar-regolament imsemmi jirrigwardaw il-klieb, il-qtates u n-nemes.

     Id-Deċiżjoni 2003/803

    9        B’applikazzjoni tal-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2003/803 tistabbilixxi l-passaport mudell għall-movimenti tal-klieb, tal-qtates u tan-nemes bejn l-Istati Membri.

    10      B’riferiment għall-Artikolu 2 tad-deċiżjoni msemmija, l-Anness I tagħha jimponi li l-qoxra u l-ewwel tliet paġni ta’ dan il-passaport mudell ikunu fil-forma segwenti:

    Image not found

    Image not found

    11      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2003/803 jiddisponi li l-passaport mudell għandu jikkonforma mall-ħtiġijiet addizzjonali stabbiliti fl-Anness II tagħha.

    12      F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-parti A ta’ dan l-Anness II jipprovdi:

    “Il-format tal-mudell ta’ passaport għandu jkun uniformi.”

    13      Il-punt 2(ċ) tal-parti B tal-imsemmi Anness II tistabbilixxi li:

    “In-numru tal-mudell ta’ passaport, kodiċi ISO ta’ l-Istat Membru li joħorġu segwiet b’numru uniku, għandu jkun stampat fuq il-qoxra tal-mudell tal-passaport.”

    14      Il-punt 4 tal-parti Ċ tal-istess Anness II jistabbilixxi li d-daqs u l-forma tal-“kaxxi” tal-passaport mudell stabbiliti fl-Anness I huma indikattivi u ma humiex vinkolanti.

     Id-Direttiva 98/34

    15      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    1)      ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

    2)      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

    […]

    3)      ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

    […]

    4)      ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

    […]

    11)      ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

    […]”

    16      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

    “1.      Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

    Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.

    […]

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni.

    […]

    3.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    […]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    17      L-Artikolu 3(2) tad-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004 jipprovdi:

    “Kull passaport għandu jkollu numru uniku. Dan in-numru għandu jkun kompost minn tlettax-il simbolu, jiġifieri l-kodiċi ISO tal-Belġju “BE”, segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri.”

    18      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 jipprovdi:

    “Il-prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb identifikati u rreġistrati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet hija pprovduta mill-passaport, li l-mudell tiegħu huwa ffissat fl-Anness II ta’ dan id-digriet, biċ-ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 19. Il-mudell taċ-ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni huwa ffissat fl-Anness III ta’ dan id-digriet.”

    19      B’riferiment minn dan l-Artikolu 2 għall-Anness II tad-digriet imsemmi, hija stabbilita l-preżentazzjoni tal-passaport mudell għall-animal domestiku li għandu 32 paġna. It-tieni u t-tielet paġna ta’ dan tal-aħħar għandu jkollhom il-forma segwenti:

    Image not found

    Image not found

    20      L-Artikolu 20 tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 jipprovdi kif ġej:

    “Iċ-ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni huwa kkostitwit minn żewġ tikketti adeżivi li għandhom jitwaħħlu fuq il-paġni 2 u 3 tal-passaport.”

    21      L-Artikolu 21 ta’ dan id-digriet jiddisponi li:

    “Wara li tirċievi l-kopja s-safra taċ-ċertifikat provviżorju ta’ identifikazzjoni, il-persuna responsabbli mir-reġistru ċentrali għandha tirreġistra l-informazzjoni tal-kelb u tal-persuna responsabbli minnu fir-reġistru ċentrali, u għandha tibgħat lill-persuna responsabbli ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll formola intitolata ‘Bdil tal-persuna responsabbli/Emenda tal-informazzjoni/Mewt’ li l-mudell tagħha huwa stabbilit fl-Anness IV ta’ dan id-digriet. Immedjatament wara li tirċevih, il-persuna responsabbli għandha twaħħal iċ-ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fil-passaport.”

    22      L-Artikolu 22 tad-digriet imsemmi jipprovdi:

    “F’każ ta’ trasferiment ta’ kelb, il-persuna li titrasferixxi għandha timla l-formola ‘Bdil tal-persuna responsabbli/Emenda tal-informazzjoni/Mewt’ u tibgħatha fi żmien tmint ijiem lill-persuna responsabbli mir-reġistru ċentrali. Il-passaport għandu jiġi ttrasferit minnufih lill-persuna responsabbli l-ġdida. Il-persuna responsabbli mir-reġistru ċentrali għandha tibgħat il-prova tal-bidla lill-persuna responsabbli l-ġdida, kif ukoll formola ‘Bdil tal-persuna responsabbli/Emenda tal-informazzjoni/Mewt’. Immedjatament wara li tirċeviha, din għandha twaħħal fil-passaport iċ-ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni l-ġdid.”

    23      Skont l-Artikolu 23 tal-istess digriet:

    “Fil-każ tal-Artikolu 6 jew 7, l-identifikatur għandu jibgħat, mill-iktar fis possibbli u f’kull każ fi żmien tmint ijiem, il-formola ‘Bdil tal-persuna responsabbli/Emenda tal-informazzjoni/Mewt’, fejn isemmi l-marka għall-identifikazzjoni l-ġdida lill-persuna responsabbli mir-reġistru ċentrali. Kif stabbilit mir-reġistrazzjoni taħt din il-marka għall-identifikazzjoni l-ġdida, din tal-aħħar għandha tibgħat lill-persuna responsabbli l-ġdida ċertifikat definittiv ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ġdid, kif ukoll il-formola ‘Bdil tal-persuna responsabbli/Emenda tal-informazzjoni/Mewt’.”

    24      L-Artikolu 1 tad-digriet tal-21 ta’ Settembru 2004 jemenda l-Artikolu 14 tad-Digriet Irjali tal-10 ta’ Frar 1967 li jirregola s-saħħa tal-annimali fir-rigward tar-rabja (Moniteur belge tal-25 ta’ Frar 1967, p. 1966 iktar ’il quddiem id-“digriet tal-10 ta’ Frar 1967”), li llum jipprovdi b’dan il-mod:

    “§ 1.      Għal kull tilqima, il-veterinarju rikonoxxut li jwettaq it-tilqima għandu jagħti ċertifikat konformi mal-mudell anness ma dan id-digriet.

    § 2.      Għal kelb, qattus jew nemes li jkollu tpinġija jew microchip li jinqara jew li jkun identifikat fil-mument tat-tilqima, il-veterinarju rikonoxxut għandu jagħti passaport li, skont il-każ, ikun inħareġ minn persuna ġuridika rikonoxxuta b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet [tad-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004] jew mill-persuna responsabbli mir-reġistru ċentrali ta’ identifikazzjoni tal-klieb, stabbilit b’applikazzjoni tal-Artikolu 27 [tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004]. Wara l-identifikazzjoni jew wara l-verifika tal-identifikazzjoni, il-veterinarju rikonoxxut għandu jindika t-tilqima li jkun għamel fil-passaport imsemmi iktar ’il fuq.

    Fil-każ fejn il-kelb, qattus jew nemes ikollu diġà passaport kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu, il-veterinarju rikonoxxut li jkun għamel it-tilqima għandu jimla dan il-passaport bl-informazzjoni meħtieġa dwar it-tilqima li saret, u dan wara kontroll tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni.

    § 3.      Il-proprjetarji u d-detenturi ta’ annimali li għandhom jitlaqqmu huma marbuta li jippreżentaw, skont il-każ, iċ-ċertifikat tat-tilqim jew il-passaport imsemmi iktar ’il fuq, fuq kull talba ta’ waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 27.”

     Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

     Fil-Kawża C‑42/10

    25      Imressqa fil-5 ta’ Novembru 2004 mill-Vlaamse Dierenartsenvereniging u minn M. Janssens, l-azzjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑42/10 hija intiża għall-annullament tad-digriet tal-21 ta’ Settembru 2004 sa fejn dan jimponi, fl-Artikolu 14 tad-digriet tal-10 ta’ Frar 1967 emendat minnu, li tiġi indikata t-tilqima kontra r-rabja fuq passaport għal annimal domestiku li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004 jew dawk stabbiliti mid-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004.

    26      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali josservaw li d-digriet tal-21 ta’ Settembru 2004 jikser il-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-persuni, u l-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa, billi jagħti monopolju biss lill-Belgische Vereniging voor Identificatie en Registratie van Honden (iktar ’il quddiem il-“BVIRH”), kif ukoll ir-Regolament Nru 998/2003 u d-Deċiżjoni 2003/803.

    27      Fuq dan l-aħħar punt, l-imsemmija rikorrenti jsostnu li d-digriet tal-21 ta’ Settembru 2004 jipprekludi t-tniżżil tat-tilqim fuq passaport barrani għal annimal domestiku jew fuq il-passaport għal annimal domestiku, maħruġ mill-Vlaamse Dierenartsenvereniging. Dawn josservaw ukoll li r-riferiment għad-digrieti tal-5 u tat-28 ta’ Mejju 2004 ma japplikax, peress li dawn tal-aħħar jikkontjenu rekwiżiti supplimentari meta mqabbla ma dawk stabbiliti mill-passaport għall-annimal domestiku, kif stabbilit mir-Regolament Nru 998/2003. B’mod partikolari, id-digrieti msemmija jassoċjaw ma’ dan il-passaport obbligu ta’ reġistrazzjoni u ta’ traċċabbiltà. Issa, il-passaport ikkunsidrat mill-imsemmi regolament għandu funzjoni purament sanitarja. Barra minn hekk, tali żieda qatt ma kienet tifforma parti mill-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li l-identifikazzjoni tal-annimal hija neċessarja biss għall-finijiet li jiġi assoċjat miegħu ċertifikat sanitarju. Barra minn hekk, it-twaħħil tat-tikketti minn terzi fuq dokument sanitarju, hekk kif jipprovdi d-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004, ma huwiex awtorizzat. Fir-rigward tad-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004, dan jintroduċi, billi jipprovdi li l-passaporti maħruġa fil-Belġju għandu jkollhom numru uniku ta’ tlettax-il ċifra, rekwiżit mhux meħtieġ fuq il-livell tal-Unjoni.

    28      Il-konvenut fil-kawża prinċipali jirribatti li l-passaport inkwistjoni fir-Regolament Nru 998/2003 huwa qabel kollox dokument ta’ identifikazzjoni, u li huwa perfettament loġiku li huwa adotta miżuri sabiex jiżgura politika koerenti u uniformi li tagħmel obbligatorju dokument uniku, li jservi, fil-Belġju, bħala dokument ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni u, fil-movimenti fil-Komunità, bħala dokument sanitarju u ta’ identifikazzjoni. Fir-rigward tal-allegata sitwazzjoni ta’ monopolju tal-BVIRH, dan josserva li din l-assoċjazzjoni ma hijiex l-unika waħda li kienet is-suġġett ta’ rikonoxximent mill-Istat.

    29      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      L-Artikoli 3(b), 4(2), 5, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 998/2003] u l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni [2003/803], jipprekludu li sistema nazzjonali fil-qasam tal-passaporti għal qtates u għal nemes tirreferi […] għall-mudell u għar-rekwiżiti addizzjonali stabbilti bid-deċiżjoni [2003/803], iżda […] timponi b’mod addizzjonali li kull passaport ikollu numru uniku kompost minn tlettax-il simbolu, jiġifieri l-kodiċi ISO tal-Belġju “BE”, segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri?

    2)      L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 998/2003] u l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni [2003/803] jipprekludu li sistema nazzjonali tuża wkoll il-mudell ta’ passaport Ewropew għall-annimali domestiċi bħala prova tal-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ klieb, u, barra minn hekk, tistabbilixxi li terzi jagħmlu bidliet, permezz ta’ tikketti ta’ identifikazzjoni li jitwaħħlu waħedhom, li jirrigwardaw l-identifikazzjoni tas-sid u tal-annimal fil-partijiet I sa III tal-passaport Ewropew għall-annimali domestiċi u li huma vverifikati minn veterinarju rikonoxxut, bir-riżultat li tiżdied id-data tal-identifikazzjoni preċedenti?”

     Fil-Kawża C-45/10

    30      Imressqa fit-30 ta’ Lulju 2004 mill-Vlaamse Dierenartsenvereniging u minn M. Janssens, l-azzjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑45/10 hija intiża għall-annullament tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004.

    31      Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu qabel kollox li dan id-digriet joħloq sitwazzjoni ta’ monopolju favur il-BVIRH f’dak li jirrigwarda d-distribuzzjoni tal-passaporti intiżi għall-klieb, liema ħaġa għandha l-konsegwenza li tipprekludi lill-veterinarji milli jistampaw il-passaporti għal annimal domestiku tagħhom fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju. Id-digriet imsemmi huwa wkoll sors ta’ frodi u joħloq diskriminazzjoni billi jorbot l-identifikazzjoni tal-klieb li tinsab fil-passaporti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ obbligu ta’ reġistrazzjoni u ta’ traċċabbiltà filwaqt li dan l-obbligu ma jeżistix għall-qtates u għan-nemes, u dan minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni titratta lil dawn l-ispeċi ta’ annimali b’mod identiku. Barra minn hekk, l-effett dirett ta’ din il-leġiżlazzjoni jimponi fuq il-Vlaamse Dierenartsenvereniging li tagħmel kollox sabiex il-membri tagħha jkunu jistgħu josservaw il-leġiżlazzjoni msemmija, u għandha wkoll il-konsegwenza li tagħmel id-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 inapplikabbli. Sussegwentement, l-imsemmija rikorrenti josservaw li l-użu ta’ tikketti adeżivi jmur kontra l-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2003/803, li huwa dak li tippermetti kontroll faċli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti. Finalment, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma jistax jiġi invokat mill-Istat Membru kkonċernat.

    32      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali josservaw li d-dispożizzjonijiet tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004, li juża l-passaport mudell għall-annimal domestiku previst mid-Deċiżjoni 2003/803 bħala prova ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-klieb, li jipprevedu t-twaħħil ta’ tikketti adeżivi fuq il-passaport għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal u li jinjoraw l-imsemmi passaport mudell f’dak li jirrigwarda l-ispazju previst għall-informazzjoni dwar il-proprjetarju l-ġdid, jikkostitwixxu regoli tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34 li, abbażi tal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, kellhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-adozzjoni tagħhom. F’dan is-sens, ir-rikorrenti msemmija jsostnu li l-klieb akkumpanjati mill-passaport tagħhom għandhom jitqiesu bħala merkanzija.

    33      F’sentenza tad-9 ta’ Jannar 2006 (Nru 153 336), li tiċħad talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li s-sempliċi fatt li kwistjoni determinata tkun irregolata minn dispożizzjonijiet direttament vinkolanti fil-livell tal-Unjoni ma jipprekludix li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam ikkonċernat tiddeċiedi, b’mod komplimentari u bil-għan li tiddefendi l-interess nazzjonali komuni, fuq dispożizzjonijiet li jappartjenu lilha, f’dak li jirrigwarda aspetti mhux irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew meta din il-leġiżlazzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali komplimentari. Il-konvenut fil-kawża prinċipali seta’ għalhekk, skont din il-qorti, jistabbilixxi leġiżlazzjoni tad-dritt intern sakemm din ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni milli tipproduċi l-effetti tagħha b’mod sħiħ. Peress li la r-Regolament Nru 998/2003 u lanqas id-Deċiżjoni 2003/803 ma fihom dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni lill-veterinarji tal-passaporti intiżi għall-klieb, id-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 ma jmurx lil hinn mill-kuntest stabbilit mid-deċiżjoni msemmija. Bl-istess mod, fir-rigward tat-twaħħil tat-tikketti adeżivi fuq dawn il-passaporti, il-qorti msemmija kkunsidrat li la r-Regolament Nru 998/2003 u lanqas id-Deċiżjoni 2003/803 ma jipprekludu li l-indikazzjonijiet individwalizzati jitwaħħlu fuqhom permezz ta’ tikketti adeżivi, sakemm din il-prattika ma twassalx għal diverġenzi fil-konfront tal-passaport mudell stabbilit mid-Deċiżjoni 2003/803.

    34      Peress li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali baqgħu jsostnu l-argumentazzjoni tagħhom fir-rigward tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tad-digriet tat-28 ta’ Mejju 2004 mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari segwenti:

    “1)      L-Artikoli 3(b), 4(2) u 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 998/2003] u l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni [2003/803] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża wkoll il-mudell tal-passaport Ewropew għall-pets bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb u barra minn hekk tipprovdi li terzi jistgħu jagħmlulu tibdil dwar l-identifikazzjoni tas-sid tal-annimal fil-Partijiet I sa III ta’ passaport Ewropew tal-pets iċċertifikat minn veterinarju awtorizzat permezz ta’ stikers ta’ identifikazzjoni li huma sovraposti fuq id-dettalji preċedenti ta’ identifikazzjoni?

    2)      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jużaw ukoll il-mudell tal-passaport Ewropew għall-pets li jinsab fid-Deċiżjoni [2003/803] bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb u barra minn hekk tipprovdi li terzi jistgħu jagħmlulu tibdil dwar l-identifikazzjoni tas-sid u u tal-annimali fil-Partijiet I sa III ta’ dan il-passaport [permezz ta’ stikers], huma regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/34], li skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea qabel ma jiġu adottati?”

     Fil-Kawża C-57/10

    35      Imressqa fis-7 ta’ Ġunju 2004 mill-Vlaamse Dierenartsenvereniging, l-azzjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑57/10 hija intiża għall-annullament tad-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004.

    36      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li d-digriet imsemmi jikser l-Artikoli 3(ġ) KE, 30 KE, 81 KE u 82 KE, il-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital, ir-Regolament Nru 998/2003, id-Deċiżjoni 2003/803 kif ukoll id-Direttiva 98/34.

    37      Meta ffissa l-metodu ta’ determinazzjoni tan-numru uniku tal-passaport għall-annimal domestiku b’mod iktar iddettaljat minn dak li tipprovdi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, id-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004, min-naħa waħda, injora l-effett dirett rikonoxxut mill-Artikolu 249 KE lir-regolamenti u lid-deċiżjonijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi regola teknika li ma ġietx, bi ksur tad-Direttiva 98/34, ikkomunikata lill-Kummissjoni.

    38      Il-konvenut fil-kawża prinċipali josserva li, għad-determinazzjoni ta’ dan in-numru uniku, b’mod konformi mar-Regolament Nru 998/2003, l-awtoritajiet nazzjonali jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni li tawtorizzahom sabiex jadottaw deċiżjonijiet komplimentari, intiżi biex jelaboraw proċedura ta’ identifikazzjoni korretta. Dan iqis ukoll li d-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004 ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34.

    39      Fis-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2006 (Nru 136 163), li tiċħad talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet imsemmi, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li s-sempliċi fatt li kwistjoni partikolari tkun imfassla minn dispożizzjonijiet direttament vinkolanti fuq livell tal-Unjoni ma jipprekludix li l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam ikkonċernat tistabbilixxi, b’mod komplimentari u bil-għan li tiddefendi l-interess nazzjonali komuni, dispożizzjonijiet li jkunu tagħha stess, f’dak li jirrigwarda aspetti mhux irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew meta din il-leġiżlazzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali komplimentari. Il-konvenut fil-kawża prinċipali seta’ b’hekk, skont din il-qorti, jistabbilixxi leġiżlazzjoni fid-dritt intern sakemm din ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni milli toħloq b’mod sħiħ l-effetti tagħha. Peress li la r-Regolament Nru 998/2003 u lanqas id-Deċiżjoni 2003/803 ma jikkontjenu dispożizzjonijiet dwar il-produzzjoni u d-distribuzzjoni lill-veterinarji tal-passaporti intiżi għall-qtates u għan-nemes, id-digriet ikkontestat ma jmurx lil hinn mill-kuntest stabbilit mid-deċiżjoni msemmija.

    40      Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni l-argument tagħha dwar l-inkompatibbiltà tad-digriet tal-5 ta’ Mejju 2004 mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      L-Artikolu 3(b), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament [Nru 998/2003] u l-Artikoli flimkien mal-Annessi tad-Deċiżjoni [2003/803] jipprekludu li skema nazzjonali dwar passaport għal qtates u nemes tirreferi għall-mudell u għar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti bid-Deċiżjoni [2003/803], iżda jimponu wkoll li kull passaport ikollu numru uniku li jinkludi tlettax-il karattru, jiġifieri l-Kodiċi ISO tal-Belġju ‘BE’, segwit min-numru tal-identifikazzjoni tad-distributur li jikkonsisti f’żewġ numri, u warajh disa’ numri oħra?

    2)      Skema nazzjonali li, fir-rigward ta’ passaport għal qtates u nemes, tirreferi għall-mudell u għar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti bid-Deċiżjoni [2003/803], iżda li timponi wkoll li kull passaport ikollu numru uniku li jinkludi tlettax-il karattru, jiġifieri l-Kodiċi ISO tal-Belġju ‘BE’, segwit min-numru tal-identifikazzjoni tad-distributur li jikkonsisti f’żewġ numri, u warajh disa’ numri oħra, hija regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/34] li, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni […] qabel ma jiġi adottat?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet preliminari

    41      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Vlaamse Dierenartsenvereniging, rikorrenti fit-tliet kawżi prinċipali, tifformula żewġ domandi komplimentari li hija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni wkoll dwarhom minħabba l-importanza tagħhom.

    42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde-Kca-Dresden, C‑138/08, Ġabra p. I‑9889, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43      Għaldaqstant, is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (sentenza Hochtief u Linde-Kca-Dresden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44      Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħhom ikun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hochtief u Linde-Kca-Dresden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45      Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax twettaq evalwazzjoni tad-domandi komplimentari mqajma mill-Vlaamse Dierenartsenvereniging.

     Fuq l-ewwel domandi fil-Kawżi C‑42/10 u C‑57/10

    46      Bl-ewwel domandi tagħha fil-Kawżi C‑42/10 u C‑57/10, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, kif ukoll l-artikoli u l-Annessi tad-Deċiżjoni 2003/803 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi numerazzjoni għall-passaporti għall-annimali domestiċi komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tar-Renju tal-Belġju “BE” segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri.

    47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kemm minħabba n-natura tagħhom, kif ukoll minħabba l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni jew mingħajr ma jkun meħtieġ li l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta leġiżlazzjoni addizzjonali (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, Ġabra p. I‑0000, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48      Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament, anki jekk kompletati minn deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni, jistgħu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu, C‑403/98, Ġabra p. I‑103, punt 26).

    49      Dan huwa kjarament il-każ tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 998/2003, moqri flimkien mal-punt 2(ċ) tal-parti B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/803.

    50      Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-obbligu li jitniżżel in-numru ISO tal-Istat Membru tal-ħruġ fil-bidu tas-sekwenza ta’ karattri li jikkomponu n-numru uniku li għandu jitwaħħal fuq il-passaport għall-animali domestiċi, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 998/2003 u tad-Deċiżjoni 2003/803 ma jimponu ebda mudell speċifiku ta’ determinazzjoni ta’ dan in-numru. Għalhekk, dawn iħallu f’idejn l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu l-metodu ta’ determinazzjoni tiegħu.

    51      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżiti dwar in-numerazzjoni tal-passaporti stabbiliti mill-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 998/2003, moqri flimkien mal-punt 2(ċ) tal-parti B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/803. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija tipprevedi, min-naħa waħda, li kull passaport ikollu numru uniku u, min-naħa l-oħra, li l-ewwel żewġ karattri ta’ dan in-numru jkunu jirreferu għall-kodiċi ISO tar-Renju tal-Belġju “BE”. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, meta timplementa d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u meta tippreċiża, barra minn hekk, il-metodu ta’ numerazzjoni tal-karattri l-oħra li huwa kompost minnhom in-numru tal-passaport, tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

    52      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawżi C‑42/10 u C‑57/10 għandha tkun li l-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003 kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għal annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri, sakemm din tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni.

     Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑42/10 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑45/10

    53      Bit-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑42/10 u bl-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑45/10, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803 jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha, min-naħa waħda, il-passaport għall-annimal domestiku jintuża mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq l-livell nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal irreġistrati fuqu hija differenti minn dik stabbilita mid-Deċiżjoni 2003/803, u l-emenda ta’ din tal-aħħar issir permezz tat-twaħħil tal-informazzjoni l-ġdida fuq l-informazzjoni preċedenti permezz ta’ tikketti adeżivi.

    54      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-użu tal-passaport għall-annimal domestiku bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li tqum il-kwistjoni dwar l-użu tal-passaport imsemmi għal finijiet paralleli u differenti minn dawk li jirregolaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti fil-Komunità tal-annimali domestiċi nieqsa minn kull natura kummerċjali.

    55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-kliem u lanqas l-għan tar-Regolament Nru 998/2003 u tad-Deċiżjoni 2003/803 ma jippermettu li jiġi konkluż li l-passaport għall-annimal domestiku għandu l-funzjoni unika u esklużiva li jissodisfa l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li, minħabba f’hekk, l-użu ta’ dan il-passaport, fil-livell nazzjonali, għal finijiet oħra, huwa pprojbit. B’mod kuntrarju, mill-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2003/803 u mill-passaport mudell anness mad-deċiżjoni msemmija jirriżulta li dan jinkludi fih paġni li jippermettu li titniżżel informazzjoni mhux relatata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’hekk, dan jipprovdi għall-indikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tat-tilqim mhux previst mir-Regolament Nru 998/2003, kif ukoll taqsimiet intitolati “eżami kliniku” u “legalizzazzjoni” sabiex il-passaporti għall-annimal domestiku jkunu jistgħu jiġu użati wkoll għall-movimenti tal-annimali barra l-Unjoni.

    56      Għalhekk, bħala prinċipju, l-użu ta’ dan il-passaport għal skopijiet differenti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit.

    57      Madankollu, huwa importanti li dan l-użu ma jpoġġix indiskussjoni la l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 998/2003 u tad-Deċiżjoni 2003/803, u lanqas l-għanijiet imfittxija minnhom. Issa, la huwa pprovat u lanqas allegat mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li l-użu tal-passaport imsemmi għal finijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-klieb fil-livell nazzjonali għandu tali effett.

    58      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riferiment għal informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, li l-emenda tiegħu jsir permezz tat-twaħħil ta’ informazzjoni ġdida fuq l-informazzjoni l-qadima permezz ta’ tikketti adeżivi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tistabbilixxi passaport għal annimal domestiku, li l-preżentazzjoni tiegħu hija differenti mill-passaport mudell stabbilit mid-Deċiżjoni 2003/803.

    59      B’hekk, filwaqt li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/803 jipprovdi li l-ewwel paġna tal-passaport mudell għandha tinkludi tliet partijiet li jippermettu li jitniżżlu l-identità u l-indirizz ta’ tliet proprjetarji suċċessivi tal-annimal, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li l-ewwel paġna tal-passaport għall-annimal domestiku jkun fiha parti waħda biss, li fuqha għandhom jitwaħħlu b’mod suċċessiv tikketti adeżivi skont il-bdil fl-indirizz jew fl-identità tal-proprjetarju tal-annimal.

    60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzati lill-Istati Membri huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom.

    61      Barra minn hekk, mill-għan stess tad-Deċiżjoni 2003/803, mill-passaport mudell li jinsab fl-Anness I tagħha u mill-punt 1 tal-parti A tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni li jistabbilixxi li “[i]l-format tal-mudell ta’ passaport għandu jkun uniformi”, jirriżulta li din id-deċiżjoni għandha l-għan li tistabbilixxi dokument uniformi, ikun liema jkun l-Istat Membru li joħorġu, u l-forma u l-kontenut tiegħu huma obbligatorji fuq l-Istati Membri, bla ħsara għal adattazzjonijiet minuri, stabbiliti b’mod limitat fil-punt 4 tal-Anness II Ċ tad-deċiżjoni msemmija.

    62      Għaldaqstant, bl-adozzjoni ta’ preżentazzjoni tal-ewwel paġna tal-passaport għall-annimal domestiku li fuqha tidher parti waħda biss intiża sabiex jitniżżlu fiha l-identità u l-indirizz tal-ewwel proprjetarju tal-annimal u li l-emendi ulterjuri tagħha jsiru permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-ħtieġa ta’ preżentazzjoni uniformi imposta mill-passaport mudell, li b’mod partikolari teħtieġ li l-ewwel paġna tal-passaport għall-annimal domestiku tkun tipprovdi partijiet u preżentazzjoni li tippermetti li jitniżżlu l-identità u l-indirizz ta’ tliet proprjetarji suċċessivi tal-annimal.

    63      Barra minn hekk, hekk kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-twaħħil suċċessiv ta’ tikketti adeżivi jipprekludi l-identifikazzjoni tal-proprjetarji suċċessivi tal-annimal, minkejja li tali identifikazzjoni hija determinanti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali u minkejja li, preċiżament, ir-Regolament Nru 998/2003 u d-Deċiżjoni 2003/803 intervjenew f’dan il-qasam.

    64      Bl-istess mod, l-użu ta’ tikketti adeżivi bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwassal għal bdil tal-preżentazzjoni imposta mill-passaport mudell, għandu wkoll l-effett li jostakola t-trasferiment tal-annimali domestiċi barra l-Istat Membru tal-oriġini billi jimponi, f’tali każijiet, il-ħruġ ta’ passaport ġdid fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

    65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑42/10 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑45/10 għandha tkun li l-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn:

    –        ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha l-passaport għall-annimal domestiku jintuża mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali, u

    –        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal, li l-bdil suċċessiv tagħha jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi.

     Fuq it-tieni domandi fil-Kawżi C‑45/10 u C‑57/10

    66      Bit-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑45/10 u C‑57/10, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir it-tibdil relatat mal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, min-naħa waħda, u dawk dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes, min-naħa l-oħra, għandhomx jitqiesu bħala regoli tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34.

    67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-bażi legali tad-Direttiva 98/34, jiġifieri l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), kif ukoll mill-premessi 2 u 4 ta’ din id-direttiva, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ speċifikazzjonijiet u regoli tekniċi u regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija.

    68      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li huma biss il-prodotti li għandhom valur monetarju u li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 7/68, Ġabra p. 617, 626, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑65/05, Ġabra p. I‑10341, punti 23 sa 25).

    69      Issa, huwa stabbilit li l-passaporti għall-annimali domestiċi, peress li għandhom numru uniku u jidentifikaw annimal speċifiku, ma jistgħux ikunu, bħala tali, is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

    70      Għalhekk, huwa eskluż li l-imsemmija passaporti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “merkanzija”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li d-Direttiva 98/34 tapplika għalihom. Konsegwentement, speċifikazzjonijiet, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala speċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu s-suġġett, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni u, fin-nuqqas, ma jiġux applikati mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert, C‑20/05, Ġabra p. I‑9447, punti 33 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    71      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑45/10 u C‑57/10 għandha tkun li dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, min-naħa waħda, u dawk dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, li għandhom, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE, tas-26 ta’ Novembru 2003, li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi numerazzjoni għall-passaporti għall-annimal domestiku, komposta minn numru uniku li jinkludi l-kodiċi ISO b’żewġ karattri tal-Istat Membru kkonċernat segwit min-numru ta’ approvazzjoni tad-distributur awtorizzat kompost minn żewġ ċifri u minn numru sussegwenti ta’ disa’ ċifri, sakemm din tiżgura n-natura unika ta’ dan in-numru ta’ identifikazzjoni.

    2)      L-Artikoli 3(b), 4(2), 5 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 998/2003, kif ukoll l-artikoli u l-annessi tad-Deċiżjoni 2003/803 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn:

    –        ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha l-passaport għall-annimal domestiku jintuża mhux biss bħala dokument għall-ivvjaġġar, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda anki bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb fuq livell nazzjonali, u

    –        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi parti waħda fil-passaport għall-annimal domestiku intiża sabiex fiha jitniżżlu l-identità u l-indirizz tal-proprjetarju tal-annimal, li l-bdil suċċessiv tagħha jsir permezz tat-twaħħil ta’ tikketti adeżivi.

    3)      Dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-passaport għall-annimal domestiku u relatati mal-użu tiegħu bħala prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-klieb, kif ukoll mal-użu ta’ tikketti adeżivi sabiex isir tibdil fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-proprjetarju u tal-annimal, min-naħa waħda, u dawk dwar id-determinazzjoni ta’ numru uniku għall-qtates u n-nemes, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, li għandhom, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top