This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0493
Opinion of Advocate General Trstenjak delivered on 22 September 2011.#N. S. (C-411/10) v Secretary of State for the Home Department and M. E. and Others (C-493/10) v Refugee Applications Commissioner and Minister for Justice, Equality and Law Reform.#References for a preliminary ruling: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - United Kingdom and High Court of Ireland - Ireland.#European Union law - Principles - Fundamental rights - Implementation of European Union law - Prohibition of inhuman or degrading treatment - Common European Asylum System - Regulation (EC) No 343/2003 - Concept of ‘safe countries’ - Transfer of an asylum seeker to the Member State responsible - Obligation - Rebuttable presumption of compliance, by that Member State, with fundamental rights.#Joined cases C-411/10 and C-493/10.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ppreżentati f* 22 ta’ Settembru 2011.
N. S. (C-411/10) vs Secretary of State for the Home Department u M. E. et. (C-493/10) vs Refugee Applications Commissioner u Minister for Justice, Equality and Law Reform.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit u High Court of Ireland - l-Irlanda.
Dritt tal-Unjoni - Prinċipji - Drittijiet fundamentali - Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni - Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti - Sistema Ewropea komuni tal-ażil - Regolament (KE) Nru 343/2003 - Kunċett ta’ pajjiż bla perikolu - Obbligu li l-persuna li tfittex l-ażil tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli - Preżunzjoni konfutabbli li dan l-Istat Membru ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali.
Każijiet Magħquda C-411/10 u C-493/10.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ppreżentati f* 22 ta’ Settembru 2011.
N. S. (C-411/10) vs Secretary of State for the Home Department u M. E. et. (C-493/10) vs Refugee Applications Commissioner u Minister for Justice, Equality and Law Reform.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit u High Court of Ireland - l-Irlanda.
Dritt tal-Unjoni - Prinċipji - Drittijiet fundamentali - Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni - Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti - Sistema Ewropea komuni tal-ażil - Regolament (KE) Nru 343/2003 - Kunċett ta’ pajjiż bla perikolu - Obbligu li l-persuna li tfittex l-ażil tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli - Preżunzjoni konfutabbli li dan l-Istat Membru ser jirrispetta d-drittijiet fundamentali.
Każijiet Magħquda C-411/10 u C-493/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:611
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2011 (1)
Kawża C‑493/10
M. E.,
A. S. M.,
M. T.,
K. P.,
E. H.
vs
Refugee Applications Commissioner
Minister for Justice, Equality and Law Reform
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda))
“Regolament Nru 343/2003 – Trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil għall-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil – Obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 – Kompatibbiltà tat-trasferiment ta’ min ifittex l-ażil mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għall-ażil”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
2. Id-dritt sekondarju
a) Ir-Regolament Nru 343/2003
b) Id-Direttiva 2001/55
c) Id-Direttiva 2003/9
d) Id-Direttiva 2004/83
e) Id-Direttiva 2005/85
III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – L-argumenti tal-partijiet
VI – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Rimarki Introduttivi
B – L-obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltŕ għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jekk min qed ifittex l-ażil jiġi ttrasferit fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli
C – L-Istat Membru li jittrasferixxi huwa obbligat, qabel it-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003, jevalwa jekk id-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, humiex iggarantiti fl-Istat Membru li jirċievi
VII – Konklużjoni
I – Introduzzjoni
1. Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għal applikazzjoni għal ażil iddepożitata fl-Unjoni huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (2). Karatteristika fundamentali tas-sistema għall-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet f’każijiet ta’ ażil introdotta minn dan ir-Regolament hija li, fil-prinċipju, Stat Membru wieħed huwa responsabbli għal kull applikazzjoni għal ażil iddepożitata fl-Unjoni Ewropea. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għall-ażil fi Stat Membru li mhux primarjament responsabbli biex jeżamina dik l-applikazzjoni skont ir-Regolament Nru 343/2003, ir-regolament jipprovdi għal mekkaniżmi għat-trasferiment ta’ min ikun qed ifittex l-ażil lejn l-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.
2. Madankollu, fid-dawl tal-kriżi kurrenti li qed tolqot lis-sistema tal-ażil Griega, tqum il-kwistjoni, għall-Istati Membri l-oħra, dwar jekk dawk li jfittxu l-ażil, jistgħux jiġu ttrasferiti għall-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 jekk ma għadux jista’ jiġi ggarantit li dawk li jfittxu l-ażil se jintlaħqu u li l-applikazzjonijiet tagħhom se jiġu eżaminati fil-Greċja skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jagħti lill-Istati Membri d-dritt, b’deroga mid-dispożizzjonijiet normali li jirregolaw ir-responsabbiltà, li jassumu l-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil iddepożitata fit-territorju tagħhom, iktar milli fl-Istat Membru primarjament responsabbli, tqum il-kwistjoni dwar jekk “id-dritt” tal-Istati Membri “li jassumu responsabbiltà għall-eżami huma stess” jistax isir “obbligu li jassumu responsabbiltà għall-eżami” jekk l-l-Istat Membru li għandu r-responsabbiltà primarja ma għadux jista’ jittratta lil dawk li jfittxu l-ażil skont ir-rekwiżiti stipulati fid-dritt tal-Unjoni Ewropea.
3. Fil-proċeduri ewlenin, il-qorti tar-rinviju qed tintalab tieħu deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet li, fihom, ħames persuni li qed ifittxu l-ażil li daħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali mill-Greċja, iżda li talbu ażil fl-Irlanda, qed jikkontestaw ir-ritorn tagħhom mill-Irlanda għall-Greċja.
4. Din il-kawża hija relatata mill-qrib mal-Kawża C-411/10 N.S., li dwarha qed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess ġurnata ta’ din il-kawża. F’N.S., il-kwistjoni prinċipali hija t-trasferiment ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil mir-Renju Unit għall-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003 u dik il-kawża ingħaqdet ma’ din il-kawża b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza. Madankollu, minħabba raġunijiet ta’ ċarezza qed nagħmel konklużjonijiet separati għal din il-kawża u għall-kawża N.S. Minkejja dan, dawn il-konklużjonijiet jinkludu diversi riferimenti għall-konklużjonijiet tal-kawża N.S.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
5. L-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi, taħt l-intestatura “Is-dinjità [Id-dinjità] tal-bniedem”:
“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”
6. L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taħt l-intestatura “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” jipprovdi:
“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattament inumani jew degradanti.”
7. L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taħt l-intestatura “Id-dritt għall-asil”, jipprovdi:
“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.
8. L-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taħt l-intestatura “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, jipprovdi:
“1 It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.
2. Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.”
2. Id-dritt sekondarju
9. Il-Kunsill Ewropew, waqt laqgħa speċjali tiegħu li saret f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem għat-twaqqif ta’ Sistema Ewropea Komuni għall-Ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”); b’hekk jiġi affermat il-prinċipju ta’ non-refoulement u jiġi żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għall-persekuzzjoni. Matul din il-laqgħa speċjali, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa wkoll il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni temporanja għall-persuni spostati abbażi tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri.
10. Il-miżuri adottati sabiex jiġu implementati l-Konklużjonijiet ta’ Tampere kienu jinkludu r-regolament li ġej u d-direttivi li ġejjin (3):
– Ir-Regolament Nru 343/2003,
– Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (4),
– Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (5),
– Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (6),
– Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (7),
11. Dan ir-regolament u dawn id-direttivi jipprovdu speċifikament kif ġej:
a) Ir-Regolament Nru 343/2003
12. Fl-Artikolu 1, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.
13. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.
2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.
3. Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt, skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu, li jibgħat lil persuna tfittex l-ażil lejn pajjiż terz, f’konformità mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
4. Il-persuna tfittex l-ażil għandha tkun infurmata bil-miktub f’lingwa li hi tista’ tkun mistennija li tifhem dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-limiti ta’ żmien tiegħu u l-effetti tiegħu.”
14. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 343/2003, jipprovdi:
“1. Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għal ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.
2. Applikazzjoni għal ażil għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant għall-ażil jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat.Fejn applikazzjoni ma tintgħamilx [ssirx] bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.
[…]”
15. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi li:
“1. Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.
2. L-Istat Membru responsabbli skond il-kriterji għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-persuna li tfittex l-ażil iddepożitat għall-ewwel darba l-applikazzjoni tagħha għand Stat Membru.”
16. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003, jipprovdi:
“1. Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000, li persuna tfittex l-ażil tkun qasmet b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li tkun ġiet minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil. Din ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha il-qsim irregolari tal-konfini ikun ġara.
2. Meta Stat Membru ma jistax jew ma jkunx jista’ jinżamm responsabbli skond il-paragrafu 1, u fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 18(3), li l-persuna tfittex l-ażil - li tkun daħlet fit-territorji ta’ l-Istati Membri b’mod irregolari jew li ċ-ċirkostanzi tad-dħul tagħha ma jistgħux ikunu stabbiliti - fiż-żmien li tkun iddepożitat l-applikazzjoni kienet toqgħod minn qabel għal perjodu kontinwu ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil.
Jekk l-applikant kien joqgħod għal perjodi ta’ żmien ta’ għall-inqas ħames xhur fi Stati Membri diversi, l-Istat Membru fejn dan kien l-aktar reċentement il-każ għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.”
17. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:
“Fejn ebda Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal ażil ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li għandu l-applikazzjoni għal ażil kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.”
18. L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:
“1. L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:
a) jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19, ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;
b) itemmu l-eżami tal-applikazzjoni għal ażil;
[…]
3. L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.
[…]”
19. L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:
“1. Fejn Stat Membru li għandu ienet [kienet] iddepożitata applikazzjoni għal ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant.
Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien perjodu ta’ tliet xhur, ir-responsibilita biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għal ażil għandha tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.
[…]”
20. L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi:
“1. L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.
[…]
7. Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perjodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ riċeviment tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu l-persuna, inklużi l-provvedimenti għal arranġamenti xierqa għal wasla.”
21. L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003 jipprovdi kif ġej:
“1. Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għal ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.
2. Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi [l-implementazzjoni] tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.
3. It-trasferiment ta’ l-applikant mill-Istat Membru li fih applikazzjoni għal ażil kienet iddepożitata għall-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit skond il-liġi nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, kemm jista’ malajr ikun prattiku, u sa l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba li jittieħed inkarigu jew mid-deċiżjoni fuq appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv.
[…]
4. Fejn it-trasferiment ma jsirx fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għal ażil tkun iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.
[…]”
b) Id-Direttiva 2001/55
22. Skont l-Artikolu 1, l-għan tad-Direttiva 2001/55 huwa li jiġu stabbiliti l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux jistgħu jmorru lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom u li tippromwovi bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu lil dawn il-persuni u jġorru l-konsegwenzi tagħhom.
23. Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/55, “protezzjoni temporanja” tfisser proċedura ta’ natura eċċezzjonali sabiex tipprovdi, fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiżi terzi li ma jkunux kapaċi jerġgħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, protezzjoni immedjata u temporanja lil dawn il-persuni, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll ir-riskju illi din is-sistema ta’ ażil ma tkunx kapaċi li tipproċessa dan l-influss mingħajr effetti negattivi għall-ħidma effiċjenti tagħha, fl-interess tal-persuni kkonċernati u ta’ persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni.
24. Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/55 jinkludi regoli dwar it-tul taż-żmien u l-implementazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Il-Kapitolu III jikkonċerna l-obbligi tal-Istati Membri lejn il-persuni li jgawdu l-protezzjoni temporanja. Kapitolu IV tad-Direttiva jirregola l-aċċess għall-proċedura tal-ażil fil-kuntest tal-protezzjoni temporanja. Kapitolu 5 tad-Direttiva jikkonċerna ir-ritorn u l-miżuri wara li tkun intemmet il-protezzjoni temporanja. Kapitolu VI jikkonċerna id-distribuzzjoni tal-piżijiet u r-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri fi spirtu ta’ solidarjetà fl-Unjoni Ewropea.
c) Id-Direttiva 2003/9
25. L-Artikolu 1 jgħid li l-għan tad-Direttiva 2003/9 huwa li tippreskrivi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fi Stati Membri.
26. L-istandards minimi stipulati fid-Direttiva 2003/9 huma relatati mal-obbligi tal-Istati Membri li jagħtu informazzjoni lil dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 5), li jipprovdu dokumentazzjoni għal dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 6), ir-residenza u l-libertà tal-moviment għal dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 7), il-konservazzjoni tal-unità tal-familja ta’ dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 8), it-tagħlim u l-edukazzjoni tal-minorenni (Artikolu 10), l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 11), il-formazzjoni professjonali [it-taħriġ vokazzjonali] (Artikolu 12) u kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali u kura tas-saħħa għal dawk li qed iffitxu ażil (Artikoli 13 et seq).
27. L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi, taħt l-intestatura “Appelli” li, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għotja ta’ benefiċċji taħt din id-Direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell taħt il-proċedura preskritta fil-liġi nazzjonali. Għall-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibilità ta’ appell jew reviżjoni quddiem korp ġudizzjarju.
28. Skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/9, l-Istati Membri għandhom, b’rispett dovut għall-istruttura kostituzzjonali tagħhom, jiżguraw li jiġu stabbiliti gwida, monitoraġġ u kontroll xierqa tal-livell ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza. Skont l-Artikolu 24(2), l-Istati Membri għandhom ukoll jallokaw ir-riżorsi meħtieġa b’rabta mal-provvedimenti nazzjonali ppromulgati biex tiġi implementata din id-direttiva.
d) Id-Direttiva 2004/83
29. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/83, l-għan tad-Direttiva huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.
30. Il-Kapitoli II, III u V tad-Direttiva 2004/83 jinkludu għadd ta’ regoli u kriterji relatati mal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja u relatati mal-kwalifiki li għandhom ikollhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jingħataw status ta’ refuġjat jew biex jitqiesu eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja. Il-Kapitolu IV jinkludi, l-ewwel nett, dispożizzjoni li tgħid li l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li jikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III (Artikolu 13). It-tieni nett, il-Kapitolu jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-revoka, u it-tmiem ta’ jew ir-rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat (Artikolu 14). Il-Kapitoli VI, jinkludi r-regoli rilevanti għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja (Artikolu 18) u dwar ir-revoka ta’, it-tmiem ta’ jew ir-rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja (Artikolu 19). Il-Kapitolu VII jinkludi l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, inkluża l-protezzjoni mir-refoulement (Artikolu 21). Il-Kapitolu VIII jirregola kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Skont l-Artikolu 36, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fost affarijiet oħra, li awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplementaw din id-direttiva jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ.
e) Id-Direttiva 2005/85
31. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi li l-għan tad-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat.
32. Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-ażil magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri u għall-irtirar tal-status ta’ refuġjat. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat tal-applikazzjonijiet skont din id-Direttiva.
33. Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85 jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi li fuqhom jissejsu dawn il-proċeduri u l-garanziji li għandhom jingħataw dawk li qed ifittxu ażil f’dan ir-rigward. Il-Kapitolu III tad-Direttiva jinkludi regoli speċifiċi dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat u jintroduċi wkoll il-kunċett tal-pajjiż terz bla periklu (Artikolu 27) u l-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu (Artikolu 31). Il-Kapitolu V jinkludi regoli dwar id-dritt għal rimedju effettiv għal dawk li qed ifittxu ażil (Artikolu 39).
III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
34. Il-proċeduri prinċipali jikkonċernaw rikorsi mressqa minn ħames persuni li qed ifittxu l-ażil mid-deċiżjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner (iktar ’il quddiem, “l-ewwel konvenut fil-proċeduri prinċipali”) biex, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil tagħhom, dawk li qed ifittxu l-ażil jiġu ttrasferiti għall-Greċja skont ir-Regolament Nru 343/2003.
35. Ir-rikorrenti, li ma għandhom l-ebda konnessjoni bejniethom, ivvjaġġaw mill-Greċja u hemmhekk ġew arrestati għal dħul illegali. Huma kollha rġiel adulti u ma għandhom l-ebda vulnerabbiltà jew diżabbiltà partikolari. Kull rikorrent telaq mill-Greċja mingħajr ma talab l-ażil u vvjaġġa lejn l-Irlanda, fejn kull wieħed minnhom applika għall-ażil.
36. Il-ħames rikorrenti qegħdin jistqarru li ġejjin mill-Afganistan, mill-Iran u mill-Alġerija. Kull wieħed mir-rikorrenti qiegħed jirreżisti li jmur lura l-Greċja. Huma qegħdin jargumentaw li fil-Greċja ma hemmx proċeduri u kundizzjonijiet adegwati għal dawk li qed ifittxu l-ażil u li għal dik ir-raġuni, l-Irlanda għandha l-obbligu li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 sabiex taċċetta r-responsabbiltà għall-eżami u għad-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom.
37. L-ewwel konvenut fil-proċeduri prinċipali rrifjuta li jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, u l-Minister for Justice and Law Reform (iktar ’il quddiem, “it-tieni konvenut fil-proċeduri prinċipali”) ħareġ ordnijiet ta’ trasferiment fil-ħames każijiet b’konformità mar-Regolament Nru 343/2003. Madankollu, dawn it-trasferimenti ġew sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-proċeduri legali quddiem il-qorti tar-rinviju li jikkontestaw il-validità tar-rifjut, mill-ewwel konvenut fil-proċeduri prinċipali, li jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2).
38. Minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ bħalma hija l-kawża prinċipali, hija ssospendiet il-proċeduri prinċipali u rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Istat Membru li jittrasferixxi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 huwa obbligat jevalwa l-konformità tal-Istat Membru li jirċievi mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-UE, mad-Direttivi tal-Kunsill 2003/9/KE, 2004/83/KE u 2005/85/KE u mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003?
2. F’każ ta’ risposta affermattiva, u jekk jinsab li l-Istat Membru li jirċievi ma jikkonformax ma’ waħda jew ma’ iktar minn waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat Membru li jittrassferixxi huwa obbligat jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
39. Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2010. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2010, il-kawżi C-411/10 u C-493/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u, b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2011, għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll għas-sentenza.
40. Fil-proċedura bil-miktub tressqu osservazzjonijiet mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Amnesty International Limited u AIRE (Advice on Individual Rights in Europe) Centre bħala intervenjenti, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, l-Irlanda, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni Ewropea. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Amnesty International Limited u AIRE (Advice on Individual Rights in Europe) Centre, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, ħadu sehem fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011.
V – L-argumenti tal-partijiet
41. Fl-opinjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Amnesty International Limited u AIRE Centre, l-ewwel domanda, li tistaqsi jekk l-Istat Membru li jittrasferixxi skont ir-Regolament Nru 343/2003 huwiex obbligat li jevalwa l-konformità tal-Istat Membru li jirċievi mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u mar-Regolament Nru 343/2003, għandha tingħatalha risposta fl-affermattiv. Amnesty International Limited u AIRE Centre, jenfasizzaw ukoll li l-Istat Membru li jagħmel it-trasferiment għandu jevalwa l-konformità tal-Istat Membru li jirċievi mad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
42. Il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja u ta’ Franza, il-Kummissjoni u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jgħidu f’dan ir-rigward li, meta japplika r-Regolament Nru 343/2003, l-Istat Membru li jittrasferixxi jista’ jassumi li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tal-ażil se jaġixxi b’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għalkemm dik il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli. Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza li obbligu tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru li jirċievi mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u r-Regolament Nru 343/2003 jista’ jinħoloq f’ċirkustanzi straordinarji biss, b’mod partikolari meta l-preżunzjoni li l-Istat Membru responsabbli se jaġixxi skont id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt tal-Unjoni Ewropea tkun b’mod ċar konfutabbli.
43. Fl-opinjoni tal-Irlanda u tal-Gvernijiet tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar-Repubblika Ċeka, tal-Polonja u tal-Finlandja, l-ewwel domanda għandha tingħatalha risposta fin-negattiv. F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet tal-Greċja u tal-Polonja jargumentaw li skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru ma jistax janalizza l-konformità tal-azzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma’ dak id-dritt.
44. Il-Gvern Awstrijak jargumenta li l-Istat Membru li jeżamina l-legalità ta’ trasferiment għall-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003 għandu jieħu inkunsiderazzjoni jekk, fil-prinċipju, l-Istat Membru li jirċievi josservax l-istandards minimi, li l-konformità magħhom tkun il-bażi biex wieħed jassumi li trasferiment huwa kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
45. Skont l-Amnesty International Limited u l-AIRE Centre, it-tieni domanda, li tistaqsi jekk l-Istat Membru li jittrasferixxi huwiex obbligat jaċċetta r-responsabbiltà biex jeżamina applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 fejn l-Istat Membru li jirċievi ma jikkonformax mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew ma’ dispożizzjoni waħda jew iktar tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u r-Regolament Nru 343/2003, għandha tingħatalha risposta fl-affermattiv. L-Amnesty International Limited u l-AIRE Centre jenfasizzaw ukoll li l-obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li wieħed jassumi responsabbiltà għall-eżami hija applikabbli fil-każijiet kollha fejn fl-Istat Membru li jirċievi hemm riskju ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ waħda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta.
46. Fl-opinjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, il-Kummissjoni u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, l-Istat Membru li jittrasferixxi huwa obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 meta jkun hemm prova ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-Istat Membru li jirċievi. Il-Gvern tal-Finlandja jagħmel osservazzjonijiet simili fis-sens li l-obbligu li jkun eżerċitat id-dritt biex wieħed jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jista’ jinħoloq b’mod eċċezzjonali f’każijiet meta huwa ċar li t-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil jirriżulta fi ksur tad-drittijiet ta’ dik il-persuna kif stabbiliti fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
47. Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tal-Gvernijiet tal-Greċja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istat Membru li jittrasferixxi ma huwiex obbligat li jeżerċita d-dritt li jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 meta l-Istat Membru li jirċievi ma jikkonformax mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew ma’ dispożizzjoni waħda jew iktar tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u r-Regolament Nru 343/2003. Fl-opinjoni tal-Gvernijiet tal-Polonja u tas-Slovenja, ukoll, mhux possibbli li mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 343/2003 jiġi dedott obbligu li Stat Membru jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami. Madankollu, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi josservaw li min ikun qed ifittex l-ażil ma jistax jiġi ttrasferit fi Stat Membru fejn hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
48. Minħabba li l-Irlanda u l-Gvern tal-Italja rrispondew l-ewwel domanda fin-negattiv, fl-opinjoni tagħhom ma hemmx bżonn li jirrispondu t-tieni domanda. Il-Gvern tar-Renju Unit ukoll iqis li mhux neċessarju, fid-dawl tar-risposta tiegħu għall-ewwel domanda, li jirrispondi t-tieni domanda.
49. Fl-opinjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera (8), ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod inerenti jinkludi preżunzjoni konfutabbli li l-Istati parteċipanti se jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB). Madankollu, fejn f’każ speċifiku, dik il-preżunzjoni tiġi kkonfutata u fejn mhux iggarantit li fl-Istat responsabbli, min qed ifittex l-ażil se jkun trattat skont id-dritt internazzjonali, it-trasferiment għal dak l-Istat huwa prekluż u d-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, b’mod eċċezzjonali, isir obbligu.
VI – L-evalwazzjoni ġuridika
A – Rimarki Introduttivi
50. Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex li tiżgura jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi, Stat Membru huwa obbligat li jeżamina applikazzjoni għal ażil ta’ min qed ifittex l-ażil, filwaqt li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, meta t-trasferiment għall-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli jesponi lil min qed ifittex l-ażil għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu kif stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew għal riskju li dak l-Istat Membru ma jikkonformax mal-obbligi skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u r-Regolament Nru 343/2003.
51. Il-qorti tar-rinviju qed tagħmel dawn id-domandi minħabba li għandha prova ċara li hemm distakk kbir bejn, minn naħa, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-Greċja fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistema tal-ażil tagħha u l-proċedura tal-ażil tagħha, u min-naħa oħra, it-trattament reali ta’ dawk li jfittxu l-ażil fil-Ġreċja, b’tali mod li saħansitra jista’ jkun hemm riskju li d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil ikunu miksura jekk dawn jiġu ttrasferiti lejn il-Greċja.
52. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li jkun kuntrarju għall-għan tar-Regolament Nru 343/2003 li Stat Membru jew il-qrati nazzjonali jeżaminaw l-effettività tas-sistemi tal-ażil fi Stat Membru ieħor meta japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li t-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil joħloq riskju ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-KEDB, fil-prinċipju, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi jekk għandux jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. Mhuwiex kompitu tal-qrati nazzjonali li jiddeterminaw meta u kif l-Istat Membru għandu jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu.
53. Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li dawn il-konstatazzjonijiet huma kkonfermati bid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta’ Diċembru 2008 f’K.R.S vs Ir-Renju Unit (9)fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet mitluba tiddeċiedi dwar applikazzjoni taħt l-KEDB minn ċittadin tal-Iran li kellu jiġi ttrasferit mir-Renju Unit għall-Ġreċja skont ir-Regolament Nru 343/2003. L-Iranjan li qed ifittex l-ażil b’mod partikolari argumenta li t-trasferiment għall-Greċja jikser l-Artikolu 3 tal-KEDB. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet dan l-ilment minħabba li manifestament huwa infondat.
54. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk, u jekk huwa l-każ, b’liema mod, l-interpretazzjoni proposta tar-Regolament Nru 343/2003 hija kompatibbli mad-dritt għall-ażil kif stabbilit fid-dritt primarju permezz tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. F’dan l-isfond, hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiggwidaha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każijiet fejn isiru affermazzjonijiet li huma appoġġjati minn opinjonijiet esperti ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ħżiena u/jew proċeduri tal-ażil mhux effettivi.
55. Fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem żviluppat iktar l-evalwazzjoni legali u fattwali tagħha tat-trasferimenti għall-Greċja ta’ dawk li jfittxu l-ażil, abbażi tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2008, f’K.R.S. vs Ir-Renju Unit, minn meta ġiet iddepożitata it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fis-sentenza prinċipali tal-21 ta’ Jannar 2011 f’M.S.S. vs Il-Belġju u l-Greċja (10), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ għixien ta’ persuna mill-Afganistan li kienet qed tfittex ażil fil-Greċja, kellhom jitqiesu bħala ksur mill-Greċja tal-Artikolu 3 tal-KEDB. F’dak il-każ, in-nuqqasijiet identifikati fl-eżami tal-applikazzjoni ta’ min qed ifittex l-ażil, ir-riskju ta’ refoulement dirett jew indirett lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu mingħajr ebda eżami serju tal-merti tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu u n-nuqqas ta’ rimedju effettiv, wasslu wkoll sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB, mill-Greċja. Abbażi ta’ dawk il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat ukoll li t-trasferiment mill-Belġju għall-Greċja tal-persuna li qed tfittex l-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003 jikkostitwixxi ksur, mill-Belġju, tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 13, flimkien mal-Artikolu 3, tal-KEDB.
56. Għal diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-mod kif dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kompatibbiltà (jew in-nuqqas tagħha) ta’ trasferimenti għall-Greċja ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil, mal-KEDB, jaffettwa l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali trasferimenti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jsir riferiment għall-opinjonijiet espressi fil-Konklużjonijiet tiegħi f’N.S. F’dawn il-Konklużjonijiet, enfasizzajt li skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jkun żgurat li l-protezzjoni ggarantita mill-Karta, fl-oqsma fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkoinċidu mad-dispożizzjonijiet tal-KEDB, mhijiex inferjuri għall-protezzjoni mogħtija mill-KEDB. Sa fejn il-portata u l-għan tal-protezzjoni mogħtija mill-KEDB kienu kkjarifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dik il-ġurisprudenza għandha tingħata sinjifikat u importanza kbira fir-rigward tal-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. (11).
57. Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, ser neżamina ż-żewġ domandi msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari iktar ’il fuq. Nibda billi nindirizza t-tieni domanda, li tistaqsi f’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ jkun obbligat, fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, biex jeżamina applikazzjoni għal ażil ta’ min qed tfittex l-ażil li primarjament huwa responsabbli għaliha Stat Membru ieħor. Imbagħad, filwaqt li nirrispondi l-ewwel domanda, se nikkunsidra l-problema tal-mod kif Stat Membru huwa obbligat, f’dan ir-rigward, li jevalwa l-konformità ta’ Stati Membri oħra mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
B – L-obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 f’każ ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali jekk min qed ifittex l-ażil jiġi ttrasferit fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli
58. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar jekk Stat Membru huwiex obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, u b’hekk jassumi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil iddepożitata fit-territorju tiegħu, jekk ikun stabbilit li l-Istat Membru li hu primarjament responsabbli għall-eżami ta’ dik l-applikazzjoni ma jistax jiggarantixxi l-konformità mar-rekwiżiti relatati mat-trattament ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom, kif stabbilit bl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u bid-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jew bir-Regolament Nru 343/2003.
59. Kif diġà spjegajt fil-Konklużjonijiet tiegħi f’N.S., ir-Regolament Nru 343/2003 ma jagħmel riferiment speċifiku għat-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom fl-Istat Membru li jirċievi, la fl-istabbiliment tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil u lanqas fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil bejn l-Istati Membri. Dan għandu jkun ikkunsidrat fl-isfond tal-fatt li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri għandhom jissodisfaw standards minimi sostantivi skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u li l-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-KEDB u tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, bir-riżultat li jiġi żgurat, minn perspettiva ġuridika, li t-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom f’kull Stat Membru jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u tal-KEDB (12).
60. Jekk għal kwalunkwe raġuni, Stat Membru ma jkunx jista’ jikkonforma mar-regoli stabbiliti bid-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 jew mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali jew mid-dritt internazzjonali fir-rigward tat-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil jew tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom, ikun hemm, madankollu, riskju de facto li, jekk dawk li jfittxu l-ażil ikunu ttrasferiti f’dak l-Istat Membru, dawn se jkunu esposti għal trattament li huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem.
61. Is-saturazzjoni totali tas-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru tista’ għalhekk, f’ċerti ċirkustanzi, tfisser li d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu ażil, stabbiliti bl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma għadhomx iggarantiti.
62. Skont l-Artikolu 18 tal-Karta, id-dritt għall-ażil huwa ggarantit b’osservanza tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, tat-TUE u t-TFUE. Wieħed mill-elementi ċentrali tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra huwa l-projbizzjoni tal-espulsjoni diretta jew indiretta jew ir-ritorn ta’ refuġjat fi Stat fejn hemm il-persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 33 ta’ dik il-Konvenzjoni, li huwa msemmi bħala l-prinċipju ta’ non-refoulement. Minkejja li l-għan preċiż ta’ din il-projbizzjoni tar-ritorn huwa suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil, għandu jkun preżunt li jagħti lir-refuġjati (13) mhux biss protezzjoni kontra d-deportazzjoni diretta lejn Stat fejn hemm il-persekuzzjoni, iżda wkoll protezzjoni mid-deportazzjoni katina, fejn it-trasferiment isir għal Stat li fih hemm riskju ta’ deportazzjoni lejn Stat Membru fejn hemm il-persekuzzjoni (14). Skont din id-definizzjoni wiesgħa tal-projbizzjoni tar-ritorn, immedjatament jidher ċar li s-saturazzjoni tas-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru u n-nuqqasijiet li jistgħu jirriżultaw minnha bħala konsegwenza fl-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil, jistgħu jwasslu, f’każijiet individwali, għal deportazzjonijiet li huma inkompatibbli ma’ din il-projbizzjoni tar-ritorn, u għalhekk inkompatibbli wkoll mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
63. Jekk is-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru tkun saturata, jista’ jkun hemm ukoll biża’ ta’ ksur tad-dritt ta’ dawk li jfittxu l-ażil għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u l-protezzjoni tagħha kif stabbilit bl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament degradanti ta’ dawk li jfittxu l-ażil inkluż fl-Artikolu 4 tal-Karta (15).
64. Kieku jkun hemm riskju serju, fi Stat Membru li huwa primarjament responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 3(1) flimkien mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil, kif stabbiliti bl-Artikoli 1, 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jittrasferixxu lil dawk li jfittxu l-ażil f’dak l-Istat Membru, iżda fil-prinċipju, huma obbligati li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jassumu r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003.
65. Dan l-obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għall-eżami jsegwi, l-ewwel nett, l-obbligu tal-Istati Membri li japplikaw ir-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali (16). It-tieni nett, isegwi l-fatt li t-trasferiment ta’ min ifittex l-ażil għal Stat Membru li fih hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali kif stabbilit bl-Artikolu 1, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-prinċipju jikkostitwixxi wkoll ksur ta’ dawk id-drittijiet fundamentali mill-Istat Membru li jittrasferixxi (17). Meta l-Istati Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jassumu r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ir-riskju ta’ ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġi eliminat għal kollox.
66. Għall-kuntrarju, riskji serji ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jew tar-Regolament Nru 343/2003 fl-Istat Membru li jirċievi li ma jikkostitwixxux ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil li jkunu ttrasferiti, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mhumiex biżżejjed biex joħolqu obbligu min-naħa tal-Istat Membru li jittrasferixxi li jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għal tali eżami.
67. F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jingħad li, interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali ma tistax tirrikjedi li Stat Membru jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami taħt l-Artikolu 3(2) meta l-Istat Membru primarjament responsabbli jikser dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85, jew tar-Regolament Nru 343/2003 iżda ma jiksirx id-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, it-trasferiment, ta’ persuna li tkun qed tfittex l-ażil, fi Stat Membru fejn ma hemmx riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, kif stabbilit fil-Karta, normalment jitqies bħala konsistenti mad-drittijiet fundamentali.
68. Barra minn hekk, ikun diffiċli li ssir rikonċiljazzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Nru 343/2003 jekk kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 jew ir-Regolament Nru 343/2003 ikun biżżejjed biex jiġi ostakolat it-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil fi Stat Membru li huwa primarjament responsabbli skont l-Artikolu 3(1), flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, tar-Regolament Nru 343/2003 (18). Ir-Regolament Nru 343/2003 huwa intenzjonat li jistabbilixxi metodu ċar u li jaħdem biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil, liema metodu jagħmilha possibbli li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ssir mingħajr dewmien (19). Sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-Regolament Nru 343/2003 jistabbilixxi dispożizzjoni li tgħid li r-responsabbiltà għall-eżami ta’ kull applikazzjoni għal ażil iddepożitata fl-Unjoni Ewropea taqa’ fuq Stat Membru wieħed, li jiġi ddeterminat abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Dawk il-kriterji oġġettivi jinkludu, pereżempju, l-eżistenza ta’ ħolqa, fir-rigward tal-liġi dwar l-ażil u ċ-ċittadini barranin, bejn min qed jfittex l-ażil jew membru tal-familja u Stat Membru (20). Fil-każ ta’ dħul illegali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru fejn isir l-ewwel dħul huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003 (21).
69. Jekk kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jew tar-Regolament Nru 343/3003 min-naħa tal-Istat Membru li għandu responsabbiltà primarja, issa kellu jfisser li l-Istat Membru li fih min qed ifittex l-ażil iddepożita applikazzjoni għal ażil kien rikjest li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għall-eżami nnifisha skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, dan joħloq kriterju ġdid li huwa kriterju ta’ esklużjoni li jġib miegħu ħafna konsegwenzi – minbarra l-kriterji oġġettivi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament – permezz ta’ liema kriterju anki ksur minuri tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 jew 2005/85 jew tar-Regolament Nru 343/2003 fi Stati Membri individwali jista’ jfisser li dawk l-Istati Membri jistgħu jinħelsu mir-responsabbiltajiet tagħhom skont ir-Regolament Nru343/2003 u l-obbligi relatati. Dan jista’ jirriżulta mhux biss fil-fatt li r-regoli dwar ir-responsabbiltà fformulati fir-Regolament Nru 343/2003 jiġu kompletament ippreġudikati, iżda jista’ jikkomprometti wkoll l-għan ta’ dawk ir-regoli, li huwa li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitati fl-Unjoni Ewropea jiġi determinat mingħajr dewmien.
70. Dawn l-osservazzjonijiet iwassluni biex nikkonkludi li ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u tar-Regolament Nru 343/2003 fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, jista’ joħloq obbligu ta’ eżerċitar tad-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 fil-każ biss meta dak il-ksur tad-dritt sekondarju jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
71. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tieni domanda għandha tingħata risposta fis-sens li Stat Membru huwa obbligat jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jekk ikun stabbilit li trasferiment għal Stat Membru li huwa primarjament responsabbli skont l-Artikolu 3(1), flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, jesponi lil min qed ifittex l-ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għall-kuntrarju, riskji serji ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jew tar-Regolament Nru 343/2003 fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, li ma jikkostitwixxux ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ min qed ifittex l-ażil li se jiġi ttrasferit, kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mhumiex biżżejjed biex joħolqu obbligu ta’ eżerċizzju tad-dritt li Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għal dak l-eżami.
C – L-Istat Membru li jittrasferixxi huwa obbligat, qabel it-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil skont ir-Regolament Nru 343/2003, jevalwa jekk id-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, humiex iggarantiti fl-Istat Membru li jirċievi
72. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Istat Membru li fih min qed ifittex l-ażil iddepożita applikazzjoni għal ażil li l-eżami tagħha huwa primarjament responsabbli għalih Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 3(1), flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, għandux jevalwa, qabel it-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil għall-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, jekk id-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, humiex iggarantiti f’dak l-Istat Membru u jekk dak l-Istat Membru jikkonformax mar-rekwiżiti tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u tar-Regolament Nru 343/2003.
73. Mill-osservazzjonijiet preċedenti tiegħi huwa ċar, l-ewwel nett, li t-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil għal Stat Membru fejn hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bir-riżultat li l-Istat Membru li fih min qed ifittex l-ażil iddepożita l-applikazzjoni għal ażil tiegħu huwa obbligat, f’dan il-każ, li jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003. It-tieni nett, ikkonkludejt li (riskju serju ta’) ksur ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 jew tar-Regolament Nru 343/2003 fl-Istat Membru li jirċievi, jista’ joħloq obbligu min-naħa tal-Istat Membru li jittrasferixxi, li jeżerċita d-dritt li jassumi r-responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biss meta dak il-ksur tad-dritt sekondarju jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
74. Minn dawn il-konstatazzjonijiet, immedjatament jidher ċar li l-Istat Membru li jittrasferixxi huwa obbligat, qabel ma jsir it-trasferiment ta’ min qed ifittex l-ażil, li jevalwa jekk min qed ifittex l-ażil huwiex espost għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu, kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli. B’dan il-mod biss jista’ jkun iggarantit li l-Istat Membru li jittrasferixxi japplika r-Regolament Nru 343/2003 b’mod konsistenti mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, għandu jiġi miċħud l-obbligu distint li jkun evalwat jekk l-Istat Membru li jirċievi jikkonformax mad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85, u tar-Regolament Nru 343/2003.
75. L-obbligu tal-Istat Membru li jevalwa jekk it-trasferiment ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil għal Stat Membru ieħor huwiex konsistenti mad-drittijiet fundamentali, madankollu, ma jfissirx li l-Istat Membru li jittrasferixxi għandu, qabel it-trasferiment ta’ kwalunkwe persuna li qed tfittex l-ażil, jiżgura b’mod attiv li d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġu verament iggarantiti fl-Istat Membru li jirċievi. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx riskju li d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil ma jiġux rispettati fl-Istat Membru li għandu r-responsabbiltà primarja, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu abbażi ta’ preżunzjoni konfutabbli li d-drittijiet fundamentali ta’ dak li qed ifittex l-ażil se jkunu osservati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.
76. Il-leġittimità ta’ tali preżunzjoni konfutabbli skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea hija ssuġġerita l-ewwel nett mill-fatt li t-trattament ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-eżami tal-applikazzjonijiet tagħhom skont id-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 għandhom jissodisfaw standards minimi sostantivi f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha għandhom josservaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (22) u – bħala Stati Kontraenti – il-KEDB u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u għalhekk, għandhom jirrispettaw ukoll id-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil u d-drittijiet tal-bniedem stipulati fihom. Fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni li għalhekk huwa (legalment) żgurat, huwa raġonevoli, fir-rigward tat-trasferiment ta’ dawk li jfittxu l-ażil, li wieħed jipproċedi mill-preżunzjoni konfutabbli li dawk li jfittxu l-ażil ikunu trattati b’mod konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom għall-ażil (23). Għalhekk, il-premessa 2 fil-preambolu tar-Regolament Nru 343/2003, tgħid b’mod ċar li l-Istati Membri, li kollha jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, huma kkunsidrati bħala pajjiżi sikuri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (24).
77. Madankollu, kieku l-Istati Membri kellhom jiddeċiedu li japplikaw din il-preżunzjoni konfutabbli, huma għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ effettività, li jgħid li l-implementazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ma tistax tkun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (25). Għalhekk, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu preżunzjoni konfutabbli, dawk li jfittxu l-ażil għandhom jingħataw il-possibbiltà proċedurali li attwalment jikkonfutaw dik il-preżunzjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (26), il-forma speċifika tal-provi disponibbli u d-definizzjoni tar-regoli u l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi, huma kwistjoni li taqa’ taħt l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri individwali, bil-kundizzjoni li r-regoli dwar l-infurzar tad-drittijiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jrendux tali infurzar prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
78. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li Stat Membru li, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, jixtieq jittrasferixxi lil min qed ifittex l-ażil għall-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil, huwa obbligat li jevalwa jekk f’dak l-Istat Membru li jkollu responsabbiltà primarja hemmx riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Istat Membru li jittrasferixxi ma għandux obbligu separat li jevalwa jekk l-Istat Membru li jirċievi jikkonformax mad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83 u 2005/85 u tar-Regolament Nru 343/2003. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx riskju li d-drittijiet fundamentali ta’ min qed ifittex l-ażil jistgħux ma jiġux rispettati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu abbażi ta’ preżunzjoni konfutabbli li d-drittijiet fundamentali ta’ min qed ifittex l-ażil se jkunu rispettati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.
VII – Konklużjoni
79. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari b’dan il-mod:
1) Stat Membru huwa obbligat li jeżerċita d-dritt tiegħu li jassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jekk ikun stabbilit li trasferiment għal Stat Membru li huwa primarjament responsabbli skont l-Artikolu 3(1), flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, jesponi lil min qed ifittex l-ażil għal riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Riskji serji ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil, tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’refuġjat, jew tar-Regolament Nru 343/2003 fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli,li ma jikkostitwixxix ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ min qedifittex l-ażil li se jiġit trasferit, kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għall-kuntrarju, ma humiex biżżejjed biex joħolqu obbligu li jkun eżerċitat id-dritt skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003 li Stat Membru jassumi responsabbiltà għal dik l-eżami.
2) Stat Membru li, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, jixtieq jittrasferixxi lil min qed ifittex l-ażil għall-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil, huwa obbligat li jevalwa jekk f’dak l-Istat Membru li għandu responsabbiltà primarja hemmx riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ min qed ifittex l-ażil, kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Istat Membru li jittrasferixxi ma għandux obbligu separat li jevalwa jekk l-Istat Membru li jirċievi jikkonformax mad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttivi 2003/9, 2004/83, u 2005/85 u tar-Regolament Nru 343/2003. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx riskju li d-drittijiet fundamentali ta’ min qed ifittex l-ażil jistgħux jinkisru fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu abbażi ta’ preżunzjoni konfutabbli li d-drittijiet fundamentali ta’ min qed ifittex l-ażil se jkunu rispettati fl-Istat Membru li huwa primarjament responsabbli.
1 – Lingwa oriġinali tal-konklużjonijiet: il-Ġermaniż. Lingwa tal-Kawża: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109
3 – Minbarra r-regolament u d-direttivi msemmija hawnhekk, hemm ħafna atti oħra ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li huma relatati mat-twaqqif ta’ sistema komuni għall-ażil, il-politika tal-immigrazzjoni legali, u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, bħar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, p. 11) jew id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU, L 348, 2008, p.98).
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04 p. 162.
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 06, p 101.
6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 07 p. 96.
7 – ĠU L 175M, p. 168.
8 – Abbażi tal-Ftehim bejn il-Komunità Svizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (ĠU 2008, L 53, p. 5), il-Konfederazzjoni Svizzera tipparteċipa fis-sistema tal-Unjoni għall-istabbiliment tal-Istati responsabbli għall-applikazzjonijiet għall-ażil. Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dak il-Ftehim, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha d-dritt tissottometti noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet fejn qorti ta’ Stat Membru tkun għamlet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003.
9 – Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2008, K.R.S. vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 32733/08).
10 – Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja (Rikors Nru 30696/09).
11 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża C-411/10 N.S. (iċċitati fil-punt 4 iktar ’il fuq), punt 142 et seq.
12 – Ibid, punt 95 et seq.
13 – Minħabba li l-projbizzjoni tar-ritorn skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tapplika għar-refuġjati, l-għan tal-protezzjoni stabbilita bl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dan ir-rigward huwa influwenzat mill-kunċett ta’ ‘refuġjat’ fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (ara Jarass, D., Charta der Grundrechte der Europäischen Union, Munich 2010, Artikolu 18, paragrafu 5). Fil-kuntest tal-projbizzjoni tar-ritorn skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-kunċett ta’ ‘refuġjat’ ikopri mhux biss lil dawk li diġà huma rikonoxxuti bħala refuġjati, iżda wkoll lil dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent bħala refuġjati. Ara: Lauterpacht, E./Bethlehem, D., ‛The scope and content of the principle of non-refoulement: Opinion’, in Refugee Protection in International Law (Editur, Feller, E./Türk, V./Nicholson, F.), Cambridge 2003, p. 87, paragrafu 116 et seq.
14 – Ara Lauterpacht, E./Bethlehem, D., op. cit., p. 122, u Hailbronner, K., Asyl- und Ausländerrecht, It-Tieni Edizzjoni, Stuttgart 2008, paragrafu 655.
15 – Ara l-punt 111 et seq.tal-Konklużjonijiet tiegħi f’N.S. (iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 4).
16 – Ibid, punt 117 et seq.
17 – Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil stabbiliti bl-Artikolu 1 u l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali, dan jirriżulta mill-funzjoni protettiva pożittiva inerenti f’dawk id-drittijiet fundamentali. Fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dan jirriżulta mill-fatt li dak id-dritt fundamentali jipproteġi mhux biss kontra r-ritorn b’mod dirett lejn Stat fejn hemm il-persekuzzjoni, iżda wkoll ritorn b’mod indirett. Ara l-punt 112 et seq tal-Konklużjonijiet tiegħi f’N.S. (iċċitat fil-punt 4 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-Artikolu 19(2) tal-Karta, f’dan ir-rigward jipprovdi espliċitament li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jiġi estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew kastig inuman jew degradanti.
18 – Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li mhux biss ikun ikkunsidrat il-kliem, iżda anki l-kuntest li fih jokkorri u l-għan segwit mir-regoli li d-dispożizzjoni tifforma parti minnhom; Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C-19/08, Ġabra. 2009, I‑495, punt 34).
19 – Ara l-premessa 3 et seq fil-preambolu għar-Regolament Nru 343/2003.
20 – Ara l-Artikoli 6(1), 7, 8 u l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003
21 – Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003. Madankollu, dik ir-responsabbiltà tiskadi 12-il xhar wara d-dħul illegali
22 – Fir-rigward tal-kontenut u l-portata tal-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u r-Renju Unit, ara l-punt 167 et seq.tal-Konklużjonijiet tiegħi f’N.S. (iċċitati iktar ’il fuq fil-punt 4).
23 – Pereżempju, fid-Deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2008, K.R.S. vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkonstatat li għandu jkun preżunt li l-Greċja se tikkonforma mal-obbligi tad-Direttivi 2005/85 u 2003/9.
24 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Protokoll Nru 24 dwar l-ażil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dak il-protokoll l-ewwel nett, jinnota li, minħabba l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom ikunu meqjusa bħala li jikkostitwixxu pajjiżi sikuri fir-rigward ta’ xulxin għall-finijiet legali u prattiċi kollha relatati mal-kwistjonijiet dwar l-ażil. F’dan l-isfond, il-Protokoll jgħid li kwalunkwe applikazzjoni għal ażil imressqa minn ċittadin ta’ Stat Membru tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u tiġi ddikjarata ammissibbli għall-ipproċessar minn Stat Membru ieħor biss skont il-kundizzjonijiet ristrettivi ħafna stipulati fil-Protokoll.
25 – Dwar il-prinċipju ta’ effettività, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 43); tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et. (C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28); tat-2 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 57), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).
26 – Fir-rigward tal-importanza ta’ dan il-prinċipju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 343/2003, ara Petrosian et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), punti 47 u 52.