Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0419

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2011.
    Wolfgang Hofmann vs Freistaat Bayern.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.
    Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet irtirata fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.
    Kawża C-419/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:723

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

    Kawża C-419/10

    Wolfgang Hofmann

    vs

    Freistaat Bayern

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja))

    “Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet irtirata fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”

    1. 

    Permezz ta’ din id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, għall-ewwel darba, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan ( 2 ), li tfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan ( 3 ).

    2. 

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi li l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.

    3. 

    Madankollu, teżisti eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li Stat Membru jista’ jirrifjuta ( 4 ) li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu, lil persuna suġġetta għal restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tal-liċenzja tas-sewqan, il-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tissostitwixxi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 li jindika li Stat Membru jista’ jirrifjuta ( 5 ) li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa taħt dawn il-kundizzjonijiet.

    4. 

    Fid-dawl tad-differenza fit-terminoloġija użata f’dawn iż-żewġ artikoli, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata taħt id-Direttiva 91/439 tapplikax bl-istess mod għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2006/126.

    5. 

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, bis-saħħa tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru sempliċement għaliex id-detentur tagħha kien suġġett għal miżura ta’ rtirar jew ta’ kanċellament ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, meta l-projbizzjoni temporanja fuq il-ħruġ ta’ liċenzja ġdida li tiġi ma’ din il-miżura tkun skadiet qabel id-data tal-għoti tal-liċenzja mill-Istat Membru l-ieħor ( 6 ).

    6. 

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-bidla fil-kliem timponix, minn issa ’l quddiem, fuq Stat Membru l-ħtieġa li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa b’dawn l-istess kundizzjonijiet.

    7. 

    F’dawn il-konkluzjonijiet, jien ser nindika r-raġunijiet li għalihom naħseb li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta d-detentur tagħha tkun itteħditlu l-liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat Membru minħabba li nstab isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol u ma ġiex suġġett, fl-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja, għall-verifiki neċessarji marbuta mal-ħiliet tiegħu fis-sewqan, kif previsti fil-punt 14.1 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Il-liġi tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 91/439

    8.

    Bl-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan il-Komunità jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuni jkunu kisbu l-liċenzji tas-sewqan tagħhom, id-Direttiva 91/439 stabbilixxiet il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan ( 7 ).

    9.

    Madankollu, teżisti eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor meta d-detentur tagħha jkun suġġett fit-territorju tal-ewwel Stat Membru għal miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir tad-dritt tas-sewqan.

    2. Id-Direttiva 2006/126

    10.

    Fl-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2006/126 tfakkar li l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.

    11.

    Skont l-Artikolu 7(1)(e) ta’ din id-direttiva, il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan.

    12.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi illi Stat Membru għandu jirrifjuta milli jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun is-suġġett, fit-territorju tiegħu, ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, jew ta’ rtirar, il-validità ta’ kwalunkwe liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

    13.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/126, l-ebda dritt għal sewqan maħruġ qabel id-19 ta’ Jannar 2013 ma għandu jitneħħa jew ikun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    14.

    Il-punt 14.1 tal-Anness III tal-istess direttiva jindika li ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lil applikanti jew sewwieqa li huma dipendenti fuq l-alkoħol jew li ma humiex kapaċi jieqfu mix-xorb u jsuqu. Wara perijodu vverifikat taż-żmien ta’ astinenza u bla ħsara għall-opinjoni medika awtorizzata u spezzjonijiet mediċi regolari, il-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu jew jiġġeddu lill-applikanti jew lis-sewwieqa li fl-imgħoddi kienu dipendenti fuq l-alkoħol.

    15.

    L-Artikolu 16 (1) tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Jannar 2011, il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw b’effett mid-19 ta’ Jannar 2013 ( 8 ) u d-Direttiva 91/439 tiġi rtirata b’effett immedjat minn din l-istess data ( 9 ).

    16.

    Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 huma applikabbli qabel din l-imsemmija data. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, l-Artikoli 2(1) 5, 6(2)(b), 7(1)(a), 9,11(1)(3) sa (6), l-Artikolu 12 kif ukoll l-Annessi I sa III tal-imsemmija direttiva huma applikabbli mid-19 ta’ Jannar 2009.

    B – Il-liġi nazzjonali

    17.

    Il-Liġi dwar l-aċċess tal-persuni għas-sewqan fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straβenverkehr), fil-verżjoni fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“FeV”), tipprovdi, fl-Artikolu 28(1) tagħha, li d-detenturi ta’ liċenzja valida tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li għandhom ir-residenza normali tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew 7(2) tal-FeV, fil-Ġermanja, huma awtorizzati li jsuqu vetturi bil-mutur fuq it-territorju nazzjonali fil-limiti awtorizzati mil-liċenzji tas-sewqan tagħhom, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 28.

    18.

    L-ewwel sentenza tal-punt 3 tal-Artikolu 28(4) tal-FeV tindika li din l-awtorizzazzjoni tas-sewqan ma tapplikax għal detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni jew taż-ŻEE meta l-liċenzja tagħhom tkun ġiet suġġetta, fuq it-territorju Ġermaniż, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv meħuda minn qorti jew għal miżura ta’ rtirar immedjatament eżekuttiva jew definittiva meħuda minn awtorità amministrattiva, jew meta l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni definittiva jew meta ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li huma jkunu, fil-frattemp, irrinunzjaw għaliha.

    II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

    19.

    W. Hofmann, ċittadin Ġermaniż, kiseb liċenzja tas-sewqan Ġermaniża fit-13 ta’ Ottubru 1960. B’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 1996, l-Amtsgericht Memmingen irtiratlu din il-liċenzja. Din l-istess liċenzja ngħatatlu lura fil-31 ta’ Awwissu 1998.

    20.

    Wara li nstab ħati li saq taħt l-effett tal-alkoħol, W. Hofmann ġie kkundannat iħallas multa u l-liċenzja tas-sewqan tiegħu tneħħietlu mill-ġdid. Id-digriet kriminali tal-Amtsgericht Memmingen sar definittiv fit-8 ta’ Mejju 2007. Din il-piena kienet akkumpanjata wkoll minn projbizzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida sas-7 ta’ Awwissu 2008.

    21.

    Fid-19 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Ċeki kompetenti ħarġu liċenzja tas-sewqan lil W. Hofmann. Fuq din il-liċenzja, bħala post ta’ residenza tniżlet il-belt ta’ Lazany (ir-Repubblika Ċeka).

    22.

    Matul kontroll tat-traffiku mwettaq fis-17 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonstataw li W. Hofmann kien fil-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan Ċeka. Waqt kontroll ieħor tat-traffiku li sar fil-25 ta’ Marzu 2009, din il-liċenzja nżammet mill-pulizija Ġermaniża, li sussegwentement għaddietha lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti fil-qasam tal-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan.

    23.

    F’ittra tal-20 ta’ April 2009, dawn tal-aħħar informaw lil W. Hofmann li l-liċenzja tas-sewqan Ċeka ma kinitx tawtorizzah isuq fit-territorju Ġermaniż u li jekk jinqabad isuq vettura fuq dan it-territorju kien ser jinstab ħati tar-reat ta’ sewqan mingħajr liċenzja. Huma informawh ukoll li, jekk ma kienx ser jaqbel mal-fatt li tiġi indikata fuq il-liċenzja l-projbizzjoni milli jsuq fuq it-territorju Ġermaniż, kien ser jiġi adottat att dikjaratorju.

    24.

    Peress li W. Hofmann irrifjuta li jkollu din it-twissija fuq il-liċenzja tas-sewqan Ċeka tiegħu, il-Landratsamt Unterallgäu, b’deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009, iddeċidiet illi l-liċenzja tas-sewqan tiegħu, maħruġa mill-awtoritajiet Ċeki kompetenti, ma kinitx tawtorizzah isuq vetturi fuq it-territorju Ġermaniż.

    25.

    Fit-13 ta’ Awwissu 2009, W. Hofmann ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Augsburg sabiex din id-deċiżjoni tiġi annullata. Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors b’sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2009, għaliex il-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel sentenza tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 28(4) tal-FeV ġew sodisfatti, u kienu r-raġuni għall-irtirar tal-liċenzja Ġermaniża ta’ W. Hofmann. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jistax jagħmel użu, fuq territorju Ġermaniż, minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

    26.

    W. Hofmann ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Prinċipalment, hu talab it-tħassir tal-imsemmija sentenza kif ukoll it-tħassir tas-sentenza mogħtija mil-Landratsamt Unterallgäu fil-15 ta’ Lulju 2009.

    III – Id-domanda preliminari

    27.

    Wara li tqajmu dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domanda preliminari segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja :

    “L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni applikabbli għaliha meta l-liċenzja ta’ din il-persuna kienet ġiet irtirata fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u meta din il-persuna, fiż-żmien tal-ħruġ tal-liċenzja, kellha r-residenza normali tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja?”

    IV – L-analiżi tiegħi

    A – L-osservazzjonijiet preliminari

    28.

    Il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 tqajmet mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u mill-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, u għalhekk jixraq li, preliminarjament, jiġu spjegati r-raġunijiet li għalihom naħseb li dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt japplikaw għall-kawża prinċipali.

    29.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 91/439 ġiet imħassra b’effett mid-19 ta’ Jannar 2013. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 b’effett minn din l-istess data ( 10 ). Madankollu, intwera li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, ċerti artikoli għandhom japplikaw b’effett mid-19 ta’ Jannar 2009. Dan hu l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikoli 2 (1) u 11(4) tal-imsemmija direttiva.

    30.

    Issa, W. Hofmann kiseb il-liċenzja tas-sewqan Ċeka fid-19 ta’ Jannar 2009. Għalhekk, ma hemmx dubju illi, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan il-każ huma dawk tad-direttiva l-ġdida dwar il-liċenzji tas-sewqan, jiġifieri l-Artikoli 2(1) u 11(4) tad-Direttiva 2006/126, applikabbli b’effett minn din l-istess data.

    31.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva joħloqx ostakolu għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, bis-saħħa ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, l-ebda dritt għas-sewqan mogħti qabel id-19 ta’ Jannar 2013 ma huwa ristrett jew suġġett għal kwalunkwe restrizzjonijiet abbażi tad-Direttiva 2006/126.

    32.

    Għalhekk, W. Hofmann iqis li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva ma japplikax qabel id-19 ta’ Jannar 2013 u li l-liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel din id-data ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar.

    33.

    Għandu jitfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 16(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, u partikolarment l-Artikolu 13, ma japplikawx qabel id-19 ta’ Jannar 2013.

    34.

    Fi kwalunkwe każ, kif josserva wkoll il-Gvern Ġermaniż, il-pożizzjoni tal-Artikolu 13 fil-qafas tad-Direttiva 2006/126 turi li dan jirreferi biss għal drittijiet miksuba għas-sewqan ta’ kategoriji partikolari ta’ vetturi u mhux għal miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan.

    35.

    Fil-fatt din id-direttiva tistabbilixxi mudell uniku tal-liċenzji tas-sewqan Komunitarju, mudell intiż li jissostitwixxi l-liċenzji tas-sewqan differenti li jeżistu fl-Istati Membri ( 11 ). F’dan ir-rigward, din tistabbilixxi u tiddefinixxi l-kategoriji differenti ta’ liċenzji tas-sewqan ( 12 ). Qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, kull Stat Membru kien stabbilixxa l-kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan tiegħu; issa kull Stat Membru jrid jistabbilixxi ekwivalenzi bejn dawn tal-aħħar u dawk stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea.

    36.

    L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/126, bit-titolu “Ekwivalenzi bejn mudelli ta’ liċenzja mhux Komunitarji”, huwa intiż biss li jirregola din il-kwistjoni tal-ekwivalenzi tal-kategoriji differenti tal-liċenzji tas-sewqan.

    37.

    Barra minn hekk, dan jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji. Fil-fatt, kienet fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew li ġie miżjud l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva ( 13 ). Il-Parlament iġġustifika din iż-żieda billi ppreċiża li l-bidla tal-liċenzji tas-sewqan antiki ma għandha fl-ebda każ tirriżulta f’telf jew f’restrizzjoni tad-drittijiet miksuba f’dak li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni għas-sewqan ta’ diversi kategoriji ta’ vetturi ( 14 ).

    38.

    Analiżi simili għal dik li jipproponi W. Hofmann ikollha barra minn hekk il-konsegwenza li Stat Membru ma jkunx jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu marbuta mar-restrizzjoni, mas-sospensjoni, mal-irtirar jew mal-kanċellament tad-dritt tas-sewqan għal sewwieqa li jkunu kisbu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom qabel id-19 ta’ Jannar 2013. Dan imur totalment kontra l-għan tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq segwit mid-Direttiva 2006/126.

    39.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jien inqis illi l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva.

    B – Dwar id-domanda preliminari

    40.

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta d-detentur tagħha kien is-suġġett, fuq it-territorju tal-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan preċedenti, anki meta l-effetti ta’ din il-miżura jiġu eżawriti u l-kundizzjoni tar-residenza tkun sodisfatta.

    41.

    Fil-verità, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ġurisprudenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sa issa, taħt id-Direttiva 91/439 ( 15 ), tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet bħal dik ta’ W. Hofmann, irregolati bid-Direttiva 2006/126.

    42.

    Ma jidhirx li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet li ġejjin.

    43.

    Mix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għad-Direttiva 2006/126 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu x-xewqa li jsaħħaħ il-ġlieda kontra t-turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan, u, bl-istess mod, il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq.

    44.

    Fil-fatt, il-bidla fit-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva hija xogħol il-Parlament Ewropew. Matul il-bidla tad-Direttiva 91/439, dan tal-aħħar kien ippropona li tiġi stabbilita r-rikonoxxenza reċiproka tal-pieni fil-konfront ta’ sewwieqa perikolużi. Għal dan il-għan, hu indika li, sabiex jiġi żgurat li l-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru wieħed ikun validu fl-Istati Membri kollha, dawn tal-aħħar kellhom ikollhom l-obbligu li jirrikonoxxu l-miżuri kollha ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew kanċellament imposti minn Stat Membru ieħor u li jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità ta’ liċenzji tas-sewqan li jkunu suġġetti għal din it-tip ta’ miżura ( 16 ).

    45.

    Il-Parlament Ewropew ried jiżgura li t-turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan jitnaqqas kemm jista’ jkun ( 17 ). Skont il-Kummissjoni għat-Trasport u t-Turiżmu ta’ din l-istituzzjoni, it-turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan jista’ jiġi ddefinit bħala att minn ċittadin, li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kienet ġiet irtirata fl-Istat Membru tiegħu wara reat gravi, biex jikseb liċenzja tas-sewqan ġdida fi Stat Membru ieħor ( 18 ).

    46.

    Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew ippunta subgħajh lejn il-fatt li l-persuni li jkollhom il-liċenzja tas-sewqan tagħhom irtirata fi Stat Membru, l-iktar għaliex ikunu nstabu jsuqu fi stat ta’ intossikazzjoni jew taħt l-influwenza tad-droga, jistgħu jiksbu faċilment residenza falza fi Stat Membru u jiksbu liċenzja tas-sewqan minn hemm, u b’hekk jevitaw il-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti għal kisba ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida ( 19 ).

    47.

    Għalhekk, għalija jidher ċar li l-bidla fil-formulazzjoni tat-termini użati fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 turi r-rieda li tissaħħaħ il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq li tmur lil hinn minn dik stabbilita bid-Direttiva 91/439. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma jagħti lill-Istati Membri l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, u jimponi, minn issa ’l quddiem, ir-rifjut tar-rikonoxximent tal-validità tal-liċenzji kollha tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta d-detentur tagħhom ikun suġġett għal miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa preċedentement fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

    48.

    Fil-fehma tiegħi, il-konsegwenza ta’ dan huwa li, fil-każ ta’ W. Hofmann, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti għandhom raġun li ma jirrikonoxxux il-liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet Ċeki kompetenti.

    49.

    Fil-fatt, mill-miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti mill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti jirriżulta li l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida, wara t-tmiem tal-perijodu tal-projbizzjoni sabiex tintalab din it-tip ta’ liċenzja, kien jiddependi mill-ħruġ ta’ rapport mediko-psikoloġiku minn espert dwar il-ħiliet ta’ W. Hofmann fis-sewqan.

    50.

    Ma hemmx dubju li, għal ċerti reati li statistikament iwasslu għal numru kbir ta’ inċidenti gravi fit-toroq, bħas-sewqan fi stat ta’ intossikazzjoni ( 20 ), il-fatt li t-tiġdid tad-dritt tas-sewqan irid jiġi suġġett għal ċertu livell ta’ kompetenza jikkostitwixxi mezz ta’ prevenzjoni effikaċi sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq. F’dan id-dawl, il-miżura nazzjonali tidher li hija adegwata fir-rigward ta’ wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2006/126 li hu t-titjib tas-sigurtà fit-toroq ( 21 ).

    51.

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret kemm hu importanti li teduka, li tifforma, li titħarreġ u, jekk ikun il-każ, li tissanzjona lill-utent tat-toroq, peress illi dan tal-aħħar huwa l-ewwel ħolqa fil-katina għas-sigurtà fit-toroq ( 22 ).

    52.

    Għalhekk, li jitqies li l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi kellhom dritt jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Ċeki jidhirli li mhux biss huwa konformi mal-ispirtu tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll mat-test tagħha f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet applikabbli fid-19 ta’ Jannar 2009.

    53.

    Fil-fatt, fil-fehma tiegħi għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-Anness III tagħha hu applikabbli wkoll b’effett mid-19 ta’ Jannar 2009. Issa, il-punt 14 ta’ dan l-Anness jippreċiża li l-konsum tal-alkoħol jikkostitwixxi periklu serju għas-sigurtà fit-toroq u li, fid-dawl tal-gravità tal-problema, wieħed irid jimponi sorveljanza qawwija fuq il-livell mediku. Barra minn hekk, il-punt 14.1 tal-imsemmi anness jistabbilixxi li persuna fi stat ta’ dipendenza fuq l-alkoħol ma tistax tinħarġilha liċenzja tas-sewqan u li persuna li diġà kienet f’dan l-istat ta’ dipendenza ma tistax tikseb liċenzja ġdida ħlief taħt ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju fuq parir mediku.

    54.

    L-għan tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009 li tolqot lil W. Hofmann hu, fil-fehma tiegħi, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-punt 14.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126. Li kieku dawn il-miżuri ta’ kontroll kienu ġew applikati u li kieku saru t-testijiet kollha li jippermettu li jiġi żgurat li W. Hofmann hu mill-ġdid kapaċi jsuq, il-liċenzja tas-sewqan Ċeka kienet tiġi rrikonoxxuta bħala valida mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, għaliex tissodisfa r-rekwiżiti mitluba fuq livell tal-Unjoni biex jindirizzaw it-tħassib komuni dwar is-sigurtà.

    55.

    Jien naħseb li l-fatt li l-awtoritajiet Ċeki kompetenti injoraw id-deċiżjoni ta’ rtirar mogħtija mill-Amtsgericht Memmingen ma jaffettwax is-soluzzjoni li qed nipproponi. Fil-fatt, dan in-nuqqas ġej jew mill-fatt li W. Hofmann ħeba l-eżistenza ta’ tali kundanna, jew li l-awtoritajiet kompetenti Ċeki ma kkonsultawx mal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi. Fl-ewwel każ, huwa ċar li l-ħabi ta’ W. Hofmann ma jistax iwassal sabiex hu jibbenefika minnu. Fit-tieni każ, l-iżball eventwali ta’ amministrazzjoni ma jistax iwassal għall-ħolqien ta’ dritt, partikolarment fir-rigward tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor, u, iktar u iktar, meta direttiva timponi fuq dan l-Istat Membru li japplika l-liġi nazzjonali tiegħu fil-qafas ta’ eċċezzjoni rrikonoxxuta minn din id-direttiva bħala parti mill-ekwilibriju ġenerali li hi tistabbilixxi.

    56.

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fil-każ tal-kawża prinċipali, l-iskema li kellha tikkonsisti, għall-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi sabiex imbagħad, wara li jkun eżamina l-problemi tal-alkoħol ta’ W. Hofmann, japplika l-miżuri mfassla fil-punt 14.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, setgħet titqies bħala konformi mal-ispirtu ta’ din id-direttiva u għalhekk għandha, bħala effett, li tirrendi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa mir-Repubblika Ċeka vinkolanti għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    57.

    Min-naħa tiegħi jien tal-fehma li tali skema tippermetti, mill-perspettiva ta’ prevenzjoni, li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jingħaqdu flimkien mal-prinċipju ta’ rikonoxxenza reċiproka bbażat fuq kunfidenza reċiproka li ma tistax tiġi kkontestata, f’sitwazzjoni fejn il-miżuri stabbiliti fil-punt 14.1 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva, applikabbli fis-27 Stat Membru, ikunu ġew osservati.

    58.

    Ċertament il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li tali skema, li teħtieġ għalhekk li jkun hemm konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti, tidher li hija kumplessa u ma kinitx espressament maħsuba. Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 91/439 mhux biss stabbilixxa li l-Istati Membri għandhom jassistu b’mod reċiproku fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jiskambjaw, jekk meħtieġ, l-informazzjoni neċessarja dwar liċenzji tas-sewqan li jkunu rreġistraw, iżda, barra minn hekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126 għal darba oħra jisħaq fuq din il-ħtieġa ta’ assistenza reċiproka mill-perspettiva tal-ħolqien ta’ netwerk ulterjuri għal-liċenzji tas-sewqan. Fil-fehma tiegħi, il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri huma l-muftieħ li jippermettu, billi jsaħħu l-kunfidenza reċiproka, li jinkisbu l-għanijiet li l-Unjoni stabbilixxiet fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq. Mill-bqija, l-implementazzjoni ta’ netwerk tal-liċenzji tas-sewqan ma tidhirx għaliha li tkun iktar ikkumplikata min-netwerking li diġà qed jitħaddem bejn ċerti Stati Membri, jiġifieri ta’ fajls dwar rekords kriminali.

    59.

    Bħala konsegwenza, is-soluzzjoni li qed nipproponi tidher li hija l-iktar waħda li kapaċi twieġeb għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hi li tissaħħaħ il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq, u li tagħti effett utli lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, fejn it-test tiegħu nbidel espressament għal din ir-raġuni.

    60.

    F’dan ir-rigward, l-aġir ta’ W. Hofmann juri dan li qed ngħid. Dan tal-aħħar, fil-fatt, ma kkontrollax il-problemi tiegħu mal-alkoħol, għaliex fis-16 ta’ April 2009, jiġifieri kważi tliet xhur wara li ngħatatlu l-liċenzja tas-sewqan Ċeka, hu kien arrestat u twaqqaf mill-pulizija Ġermaniża, li sabitlu livell għoli ta’ alkoħol fid-demm. Il-konsegwenza ta’ dan l-aġir perikoluż għall-utenti kollha tat-triq kien l-irtirar, permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva fil-5 ta’ April 2011, tal-liċenzja tas-sewqan Ċeka tiegħu għal perijodu ta’ 18-il xahar. Jien naħseb li, li kieku l-awtoritajiet Ċeki kienu konxji mill-problemi tal-alkoħol tiegħu, il-probabbiltà hi li ma kinux joħorġu liċenzja tas-sewqan lil W. Hofmann.

    61.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jaħdem, għaldaqstant, kif innota l-Gvern Ġermaniż, bħala valvola ta’ sigurtà, li ma jippermettix individwi perikolużi jiċċirkulaw fit-territorju tal-Istati Membri.

    62.

    Tista’ titressaq l-oġġezzjoni li dan it-tip ta’ raġunament ma jistax jiġi applikat għall-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri meta l-miżura tieħu l-forma tal-kanċellament ta’ liċenzja tas-sewqan. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, Stat Membru jista’ jirrifjuta ( 23 ) li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kkanċellata fi Stat Membru ieħor. Madankollu, bħall-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, jien tal-fehma li l-kanċellament, li huwa għalhekk differenti minn miżuri ta’ sospensjoni, ta’ restrizzjoni u ta’ rtirar, ma jikkonċernax il-ħila fis-sewqan tad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan, iżda l-elementi ta’ forma li wasslu għall-għoti ta’ din il-liċenzja.

    63.

    L-għan tad-Direttiva 2006/126 ma huwiex li toffri liċ-ċittadin tal-Unjoni xi forum shopping tal-liċenzji tas-sewqan, li permezz tiegħu l-kundizzjonijiet tal-ħruġ ta’ tali liċenzja jkunu inqas stretti fi Stat Membru transkonfinali ( 24 ), iżda li, minn naħa, tippermetti lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan li jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru li ħariġlu din il-liċenzja, mingħajr ma jkollu jgħaddi minn xi test tas-sewqan jew mingħajr ma jkollu għalfejn jibdel l-imsemmija liċenzja u, min-naħa l-oħra, li tiżgura li l-utenti tat-triq ikunu siguri fit-territorju tal-Unjoni ( 25 ).

    64.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jien naħseb li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta d-detentur tagħha tkun ittiħditlu l-liċenzja tas-sewqan fl-ewwel Stat Membru, minħabba li hu jkun instab li saq taħt l-effett tal-alkoħol, u ma jkunx ipproċeda, fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja, għall-verifiki neċessarji marbuta mal-ħila tiegħu fis-sewqan, kif stabbilit fil-punt 14.1 tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva.

    V – Konklużjoni

    65.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht:

    “L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta d-detentur tagħha tkun ittiħditlu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa fl-ewwel Stat Membru, minħabba li hu jkun instab isuq taħt l-effett tal-alkoħol, u ma jkunx ipproċeda, fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja, għall-verifiki neċessarji marbuta mal-ħila tiegħu fis-sewqan, kif stabbilit fil-punt 14.1 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU L 403, p. 18.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317.

    ( 4 ) Enfasi tiegħi.

    ( 5 ) Idem.

    ( 6 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper (C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 78), kif ukoll id-digrieti tas-6 ta’ April 2006, Halbritter (C-227/05), u tat-28 ta’ Settembru 2006, Kremer (C-340/05).

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

    ( 8 ) Artikolu 16 (2) tal-imsemmija direttiva

    ( 9 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/126.

    ( 10 ) Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva

    ( 11 ) Ara l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

    ( 12 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126.

    ( 13 ) Ara l-emenda 13 tar-rapport tat-3 ta’ Frar 2005 dwar il-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan (tfassil mill-ġdid) (A6-0016/2005, iktar ’il quddiem ‘ir-rapport’).

    ( 14 ) Idem.

    ( 15 ) Ara l-punt 5 tal-konklużjonijiet preżenti.

    ( 16 ) Ara l-emenda 57 tar-rapport kif ukoll l-espożizzjoni tal-motivi p. 59.

    ( 17 ) Ara l-ġustifikazzjoni għal din l-emenda.

    ( 18 ) Ara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-21 ta’ Settembru 2006 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill bi ħsieb li tadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan [2003/0252(COD), punt 2.1].

    ( 19 ) Ara l-ġustifikazzjoni għall-emenda 57 tar-rapport.

    ( 20 ) Fl-2009, iktar minn 35 000 persuna mietu fuq it-toroq tal-Unjoni, jiġifieri l-ekwivalenti tal-popolazzjoni ta’ villaġġ medju, u mhux inqas minn 1500000 sfaw feruti (komunika tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolat “Lejn spazju Ewropew għas-sigurtà fit-toroq mill-2011 sal-2020” [COM(2010) 389 finali, p. 2]. Huwa stmat illi inċident wieħed minn tlieta hu riżultat dirett tal-alkoħol.

    ( 21 ) Ara l-premessa 2 ta’ din id-direttiva.

    ( 22 ) Ara p. 5 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

    ( 23 ) Enfasi tiegħi.

    ( 24 ) Huwa minnu li fuq il-liċenzja tas-sewqan Ċeka, W. Hofmann għandu residenza fir-Repubblika Ċeka. Madankollu, huwa magħruf li ċerti skejjel tas-sewqan inqas skruplużi speċjalizzaw irwieħhom fil-provvista ta’ residenza lil residenti Ġermaniżi, bl-għan uniku li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 46 tal-konklużjonijiet preżenti).

    ( 25 ) Ara l-premessa 2 ta’ din id-direttiva.

    Top