Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CC0307

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2011.
    Chartered Institute of Patent Attorneys vs Registrar of Trade Marks.
    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of The Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks ir-Renju Unit].
    Trade marks — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri — Direttiva 2008/95/KE — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks — Ammissibbiltà — Portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.
    Kawża C‑307/10.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:784

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

    Kawża C-307/10

    Chartered Institute of Patent Attorneys

    vs

    Registrar of Trade Marks

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales) (ir-Renju Unit)]

    “Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Limitu tal-protezzjoni tat-trade mark — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa — Użu ta’ titoli ta’ klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice — Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-UASI”

    1. 

    Iż-żewġ komponenti essenzjali tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark huma, minn naħa, is-sinjal u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi li dan is-sinjal għandu jidentifika. Kull wieħed minn dawn il-komponenti jippermetti li jiġi identifikat l-għan eżatt tal-protezzjoni pprovduta mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha.

    2. 

    Fis-sentenza Sieckmann ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ġġenerat il-kundizzjonijiet li sinjal għandu jissodisfa sabiex jikkostitwixxi trade mark. Il-każ preżenti joffri, bħalissa, l-okkażjoni li jiġu identifikati r-regoli li jirregolaw l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom qed tintalab il-protezzjoni tat-trade mark u, indirettament, li japprezzaw il-portata tar-regoli applikati s’issa mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI). Din id-domanda hija ta’ importanza partikolari fi żmien meta l-uffiċċji nazzjonali ta’ trade marks u l-UASI qed jiżviluppaw prattiċi diverġenti li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni varji li jmorru kontra l-għanijiet segwiti mill-leġiżlatur tal-Unjoni.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Il-Ftehim ta’ Nice

    3.

    Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat ( 3 ), ġie adottat b’mod konformi mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali ( 4 ), li tirregola l-liġi ta’ trade marks fuq livell internazzjonali. B’mod konformi mal-ewwel artikolu tiegħu, il-Ftehim ta’ Nice għandu bħala għan li jiffaċilita r-reġistrazzjoni tat-trade marks permezz tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

    4.

    L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Nice jiddefinixxi l-portata ġuridika tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice kif ukoll l-applikazzjoni tiegħu. Dan huwa fformulat kif ġej:

    “1)   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-klassifikazzjoni hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni la torbot lill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta’ servizzi.

    2)   Kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.

    3)   L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni partikolari għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trade mark.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5.

    Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija mmexxija mill-Bureau internazzjonali tal-WIPO. Din tinkludi lista tal-klassijiet, akkumpanjata, fejn xieraq, b’noti ta’ spjegazzjoni, kif ukoll b’lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi li jifformaw parti minn kull klassi. Attwalment, din fiha lista ta’ titoli ta’ 34 klassi ta’ prodotti u ta’ 11-il klassi ta’ servizzi. L-indikazzjonijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jidhru fit-titolu tal-klassijiet jikkostitwixxu indikazzjonijiet ġenerali relatati mal-oqsma li jifformaw parti minnhom, fil-prinċipju, il-prodotti u s-servizzi msemmija ( 5 ). Id-disa’ edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, tinkludi lista alfabetika ta’ 11 600 pożizzjoni.

    6.

    Din il-klassifikazzjoni hija meħtieġa għall-applikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji.

    B – Id-Direttiva 2008/95/KE

    7.

    Id-Direttiva 2008/95/KE ( 6 ) ġiet adottata sabiex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri li setgħu jfixklu l-moviment liberu tal-prodotti kif ukoll it-twettiq liberu ta’ servizzi u jxekklu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni. Id-Direttiva tillimita dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jolqtu l-iktar direttament il-funzjonament tas-suq intern. Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark u dawk li jiddeterminaw il-protezzjoni li jgawdu minnha t-trade marks irreġistrati regolarment. B’mod konformi mal-impenji internazzjonali konklużi, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom ikunu f’armonija sħiħa ma dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u dawn ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni.

    8.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva jidentifika s-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark b’dan il-mod:

    “Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

    9.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva jelenka r-raġunijiet ta’ rifjut jew ta’ invalidità li jistgħu jiġu opposti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Pereżempju, huma ma jistgħux jiġu rreġistrati, jew jistgħu jiġu ddikjarati invalidi jekk ikunu rreġistrati trade marks li huma nieqsa minn karattru distintiv jew dawk li jikkonsistu esklużivament f’sinjali li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw l-għan tal-prodott.

    10.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva jelenka r-raġunijiet supplimentari ta’ rifjut jew ta’ invalidità f’każ ta’ kunflitt ma’ trade mark ippreżentata preċedentement.

    11.

    Fl-aħħar nett, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, “[i]t-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha” u tippermetti, pereżempju, li dan jipprojbixxi lil terzi persuni milli jużaw matul il-kummerċ sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li din hija rreġistrata għalihom.

    C – Ir-Regolamenti (KE) Nru 207/2009 u (KE) Nru 2868/95

    12.

    Sabiex jinkiseb is-suq intern, ir-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 7 ) huwa intiż sabiex jistabbilixxi, flimkien ma’ trade marks nazzjonali, trade mark Komunitarja li hija akkwistata skont proċedura unika, li tgawdi protezzjoni uniformi fi ħdan l-Unjoni u li tipproduċi l-effetti tagħha fuq it-territorji kollha tal-Istati Membri. It-trade mark Komunitarja ma tissostitwix ruħha għas-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni li jippersistu. Ir-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ din it-trademark jidħlu taħt il-kompetenza tal-UASI.

    13.

    Ir-Regolament jinkludi, fl-Artikoli 4 u 7 sa 9 tiegħu, dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva.

    14.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament jipprovdi li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tikkonsisti f’lista ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom tintalab ir-reġistrazzjoni. B’mod konformi mar-regola 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 ( 8 ), “[din] il-lista […] għandha tinkiteb b’tali mod li tindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti [jew] servizzi u li tħalli kull oġġett jew servizz li jiġi kklassifikat taħt klassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni NICE”.

    15.

    Barra minn hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament, moqri flimkien mar-regola 2(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandhom jiġu kklassifikati skont is-sistema ta’ Klassifikazzjoni ta’ Nice. Finalment, ir-regola 2(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tipprovdi dan li ġej:

    “Il-klassifika ta’ prodotti u servizzi għandha sservi esklussivament għal għanijiet amministrattivi. Għalhekk, prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li huma simili għal xulxin minħabba li jidhru fl-istess klassi taħt il-Klassifikazzjoni NICE, u prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin minħabba li jidhru fi klassijiet differenti taħt il-Klassifikazzjoni NICE.”

    D – Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-UASI

    16.

    Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-UASI ( 9 ) għandha l-għan, b’mod konformi mal-punt I tagħha, li tispjega u li tiċċara l-prattika tal-UASI “dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet u l-konsegwenzi ta’ dan l-użu meta l-applikazzjonijiet jew ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji jkunu suġġetti għal limitazzjoni jew rinunzja parzjali jew meta jkunu involuti fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ kanċellazzjoni”.

    17.

    ,Mit-tieni subparagrafu tal-punt III tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 jirriżulta li l-fatt li jintużaw l-indikazzjonijiet ġenerali jew l-intestaturi ta’ klassi sħiħa prevista fil-Klassifikazzjoni ta’ Nice jikkostitwixxi speċifikazzjoni, klassifikazzjoni u grupp korretti ta’ prodotti u ta’ servizzi f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

    18.

    B’mod partikolari, huwa speċifikat, fl-imsemmi punt, li l-“[UASI] ma tipprekludix l-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi mill-fatt li huma wisq vagi jew indefiniti, kuntrarjament għall-prattika ta’ ċerti uffiċċji nazzjonali tal-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ ċerti intestaturi ta’ klassi u ta’ ċerti indikazzjonijiet ġenerali”.

    19.

    Barra minn hekk, il-punt IV ta’ din il-Komunikazzjoni jipprovdi:

    “L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement dak l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.

    Bl-istess mod, l-użu ta’ ċerta indikazzjoni ġenerali li tinsab fl-intestatura ta’ klassi tkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha li jifformaw parti minn din l-indikazzjoni ġenerali u klassifikati b’mod korrett fl-istess klassi. […]”

    20.

    Fl-aħħarnett, il-punt V(2) tal-komunikazzjoni msemmija jistabilixxi:

    “F’dak li jirrigwarda l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ kanċellazzjoni, ir-regola li tgħid li l-użu tal-intestatura sħiħa ta’ klassi għal ċerta klassi tfisser li huma inklużi l-prodotti kollha inklużi f’din il-klassi, għandha bħala konsegwenza li meta l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni iktar riċenti tinkludi prodotti jew servizzi klassifikati b’mod korrett fl-istess klassi, il-prodotti jew servizzi jkunu identiċi għal dawk tat-trade mark preċedenti. Meta l-ispeċifikazzjoni ma tinkludix l-indikazzjonijiet ġenerali ta’ intestatura ta’ klassi partikolari, iżda biss wieħed jew xi wħud minnhom, ikun hemm biss identiċità meta l-element partikolari jkun jifforma parti mill-indikazzjoni ġenerali.

    […]”

    E – Id-dritt nazzjonali

    21.

    Il-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994, iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-1994”), li ttrasponiet id-Direttiva fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, tipprovdi, fl-Artikolu 32(2)(c) tagħha, li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tinkludi l-indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

    22.

    B’mod konformi mal-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal-1994, il-prodotti jew is-servizzi għandhom jiġu kklassifikati skont il-klassifikazzjoni stabbilita.

    23.

    Din il-liġi hija kkompletata bir-Regolament tal-2008 dwar it-trade marks (Trade Marks Rules 2008, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2008”) li jittratta l-prattika u l-proċedura quddiem il-UK Intellectual Property Office. Skont ir-regola 8(2)(b) ta’ dan ir-regolament, l-applikant għandu jispeċifika l-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark nazzjonali sabiex tintwera b’mod ċar in-natura tagħhom.

    II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24.

    Iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (iktar ’il quddiem is-“CIPA”) talbet lir-Registrar of Trade Marks (iktar ’il quddiem ir-“Registrar”), fis-16 ta’ Ottubru 2009, ir-reġistrazzjoni tal-isem IP TRANSLATOR għall-prodotti fil-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, intitolat “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment, attivitajiet sportivi u kulturali”.

    25.

    Ir-Registrar eżamina din l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 u ċaħadha. Fil-fatt, peress li l-applikazzjoni msemmija tirreferi għall-intestatura tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, ir-Registrar eżamina l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni fir-rigward tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi, li fosthom jinsabu s-servizzi ta’ traduzzjoni. Ir-Registrar qies li t-trade mark IP TRANSLATOR kienet deskrittiva fir-rigward ta’ dawn is-servizzi u, għaldaqstant, irrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha.

    26.

    Is-CIPA appellat minn din id-deċiżjoni, billi sostniet li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ma tindikax u ma kinitx maħsuba sabiex tkopri s-servizzi ta’ traduzzjoni tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Skont The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks (persuna maħtura mill-Lord Chancellor abbażi tal-Artikolu 76 tal-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks sabiex tiddeċiedi, fi grad ta’ Appell, fuq id-deċiżjonijiet tar-Reġistru tat-trade marks, ir-Renju Unit), dawn is-servizzi normalment ma humiex ikkunsidrati bħala sub-kategorija tas-servizzi ta’ “edukazzjoni”, ta’ “taħriġ”, ta’ “divertiment”, ta’ “attivitajiet sportivi” jew ta’ “attivitajiet kulturali”.

    27.

    Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minbarra l-lista alfabetika li tinkludi 167 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, id-database amministrata mir-Registrar għall-finijiet tal-Liġi tal-1994 tinkludi iktar minn 2 000 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi li jifformaw parti mill-imsemmija klassi 41, u d-database Euroace, amministrata mill-UASI għall-finijiet tar-Regolament, tinkludi iktar minn 3 000.

    28.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-approċċ tar-Registrar kien korrett, dawn l-entrati kollha, inklużi s-servizzi ta’ traduzzjoni, huma koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-CIPA. F’dan il-każ, l-applikazzjoni tkopri servizzi li ma humiex imsemmija fiha u lanqas f’xi reġistrazzjoni li tirriżulta minnha. Fil-fehma tagħha, tali interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ ċarezza u preċiżjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi differenti koperti minn applikazzjoni għal trade mark.

    29.

    Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll investigazzjoni mwettqa fl-2008 mill-Association of European Trade Mark Owners (Marques), li wriet li l-prattika tvarja skont l-Istati Membri peress li ċerti awtoritajiet kompetenti japplikaw l-approċċ interpretattiv stabbilit mill-Komunikazzjoni Nru 4/03, filwaqt li oħrajn jirrifjutaw li jagħmlu dan.

    30.

    Sabiex jitwarrbu dawn id-dubji, The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “Fil-kuntest tad-direttiva […]:

    1)

    Huwa neċessarju li d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’appplikazzjoni għal trade mark ikunu identifikati bi kjarezza u preċiżjoni, u, jekk iva, sa liema punt preċiżament?

    2)

    Huwa permissibbli l-użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi stabbilita bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Nice tal-15 ta’ Ġunju 1957 (kif rivedut u emendat) sabiex jiġu identifikati d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’applikazzjoni għal trade mark?

    3)

    Huwa neċessarju jew permessibbli li tali użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi jiġi interpretat skont il-Komunikazzjoni Nru 4/03 […]?”

    31.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit, dak Ċek, Daniż, Ġermaniż, Irlandiż, Franċiż, Awstrijak, Pollakk, Portugiż, Slovakk u Finlandiż, mill-UASI u mill-Kummissjoni Ewropea.

    III – L-analiżi tiegħi

    32.

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina r-rekwiżiti marbuta mal-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li l-applikant għal trade mark nazzjonali jitlob il-protezzjoni għalihom ( 10 ). F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar ir-rilevanza tal-indikazzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice kif ukoll dwar il-portata tal-interpretazzjoni adottata mill-President tal-UASI fil-kuntest tal-Komunikazzjoni Nru 4/03.

    A – L-osservazzjonijiet preliminari

    33.

    L-ewwel nett, nikkonstata, qabel kollox, li d-Direttiva ma fiha l-ebda dispożiżżjoni rigward l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Madankollu, it-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-premessi tad-Direttiva jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fuq dan il-punt.

    34.

    Fil-fatt, ir-raba’ premessa tad-Direttiva tistabbilixxi li l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri tikkonċerna d-“dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi li l-aktar direttament jinċidu fuq il-funzjonament tas-suq intern”. B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva hija intiża għal armonizzazzjoni ta’ regoli sostantivi ċentrali dwar dan is-suġġett ( 11 ) li fosthom hemm inklużi, fil-fehma tiegħi, dawk li jippermettu li tiġi ddetermina l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark.

    35.

    Barra minn hekk, it-tmien premessa tad-Direttiva tfakkar li l-“kisba ta’ l-għanijiet li għalihom taspira din l-approssimazzjoni tal-liġijiet [nazzjonali] tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark reġistrata ikunu ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżiti dwar id-determinazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi jikkostitwixxu tabilħaqq kundizzjoni materjali għall-ksib tad-dritt mogħti mit-trade mark ( 12 ).

    36.

    Fl-aħħar nett, l-għaxar premessa tad-Direttiva tistabbilixxi li “[h]uwa fundamentali, sabiex jiġi faċilitat l-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, li jiġi żgurat li t-trade marks reġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha”. Il-protezzjoni tat-trade mark hija essenzjalment assigurata mir-reġistrazzjoni tagħha ( 13 ). Konsegwentement, protezzjoni uniformi tat-trade mark fit-territorju kollu tal-Unjoni teskludi kundizzjonijiet varjabbli ta’ reġistrazzjoni u teħtieġ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi.

    37.

    It-tieni nett, huwa indispensabbli li titfassal strateġija komuni dwar l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi, skont jekk l-applikazzjoni tirrigwardax ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark Komunitarja.

    38.

    Huwa minnu li, kif tfakkar reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskema tat-trade mark Komunitarja hija sistema awtonoma, komposta minn numru ta’ regoli u eżekuturi tal-għanijiet speċifiċi ( 14 ). Xorta jibqa’ l-fatt li l-iskemi tat-trade mark nazzjonali u tat-trade mark Komunitarja huma bbażati fuq prinċipji ta’ bażi komuni li turi l-identiċità tal-għanijiet u tar-regoli sostantivi. Fil-fatt, ir-regoli dwar id-definizzjoni u l-ksib tat-trade mark kif ukoll dawk li jiddeterminaw l-effetti tagħha huma, essenzjalment, identiċi skont jekk jirrigwardawx trade mark nazzjonali jew trade mark Komunitarja kif jirriżulta minn paragun tal-ittri tal-Artikoli 2, 3 u 5 sa 7 tad-Direttiva u 4, 7, 9, 12 u 13 tar-Regolament. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżitatx sabiex tittrasponi l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tagħha għall-Artikolu 9 tar-Regolament ( 15 ).

    39.

    Apparti dan, għalkemm is-sistema tat-trade mark nazzjonali u dik tat-trade mark Komunitarja huma indipendenti minn xulxin, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-ħajja ta’ trade mark, dawn iż-żewġ sistemi jinteraġixxu. Sensiela ta’ eżempji turi dan il-punt.

    40.

    Għalhekk, b’mod konformi mal-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament, pereżempju, it-trade mark Komunitarja hija kkunsidrata bħala trade mark nazzjonali rreġistrata fl-Istat Membru fejn il-proprjetarju jkun stabbilit. Jekk l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tadotta approċċ iktar restrittiv minn dak tal-UASI fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tat-trade mark, ikun, għalhekk, evidenti li l-proprjetarju tat-trade mark ikollu interess ikbar sabiex jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja pjuttost milli dik ta’ trade mark nazzjonali.

    41.

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jista’ jinvoka s-senjorità ta’ din it-trade mark meta jippreżenta applikazzjoni għal trade mark Komunitarja identika għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li kienet irreġistrata għalihom it-trade mark preċedenti. Fl-aħħar nett, skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jista’ jifforma oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja meta din tkun identika u meta l-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun intalbet it-trade mark ikunu identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hija protetta. F’dawn l-aħħar żewġ eżempji, l-eżami tal-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet jiddependi mill-identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, liema ħaġa tippresupponi min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti u tal-UASI interpretazzjoni uniformi tar-regoli li jirregolaw l-identifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    42.

    Dawn l-eżempji juru li huwa għalhekk indispensabbli li jiġi ddefinit approċċ uniformi dwar l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom qed tintalab il-protezzjoni tat-trade mark, applikabbli kemm mill-uffiċċji nazzjonali kif ukoll mill-UASI. Fin-nuqqas, is-sistema tar-reġistrazzjoni tat-trade marks fl-Unjoni tista’ tbati minn inkonsistenzi, minn inċertezza legali mdaqqsa u tista’, barra minn hekk, tiffavorixxi l-forum shopping. Huwa b’mod partikolari sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib li l-Kummissjoni indikat, wara s-seduta, li fil-ġejjieni kienet ser tinbeda proċedura ta’ riforma leġiżlattiva tad-Direttiva u tar-Regolament.

    43.

    Konsegwentement, minħabba dawn l-elementi kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni uniformi tar-rekwiżiti relatati mal-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi skont jekk l-applikazzjoni tirrigwardax ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali jew dik ta’ trade mark Komunitarja u, għal dan il-għan, li tieħu bħala punt inizjali r-regoli stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament.

    B – Fuq l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni

    44.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont id-Direttiva, l-applikant huwiex meħtieġ li jidentifika b’mod ċar u preċiż il-prodotti jew is-servizzi li talab protezzjoni għalihom u, jekk dan huwa l-każ, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ.

    45.

    Għar-raġunijiet li għadni kif esponejt, ser nibbaża l-evalwazzjoni tiegħi fuq l-ewwel elementi li għandi fil-kuntest tar-Regolament.

    46.

    L-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ma għandhiex tiġi konfuża mal-klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. L-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi hija rregolata biss mill-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament u mir-regola 2(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. B’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-applikant għandu jistabbilixxi lista tal-prodotti u tas-servizzi, li għandha tippermetti li tiġi ddeterminata b’mod ċar in-natura ta’ dawn tal-aħħar.

    47.

    Konsegwentement, xejn ma jindika li l-applikant huwa meħtieġ li juża t-termini tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Din il-preċiżazzjoni hija importanti peress li, bil-Komunikazzjoni Nru 4/03, il-President tal-UASI għandu tendenza li jattribwixxi lill-Klassifikazzjoni ta’ Nice valur legali li din ma għandhiex għal dan l-iskop.

    48.

    Fil-fatt, b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Nice, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice ma għandha ebda portata ġuridika fuq l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark ħlief dik li hija attribwita minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari ( 16 ).

    49.

    Fil-kuntest tas-sistema tat-trade mark Komunitarja, il-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi skont il-Klassifikazzjoni ta’ Nice titwettaq b’għanijiet esklużivament amministrattivi. Dan jirriżulta espressament mill-qari flimkien tal-Artikolu 28 tar-Regolament u tar-regola 2(1) u (4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ( 17 ).

    50.

    Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice tippreżenta għalhekk valur essenzjalment prattiku ( 18 ). Hija tiffaċilita r-reġistrazzjoni tat-trade marks, hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Koninklijke KPN Nederland ( 19 ), kif ukoll ir-riċerka ta’ trade marks preċedenti. Fil-fatt, sa fejn il-prodotti u s-servizzi jkunu kklasifikati bl-istess mod fl-Istati kollha li jifformaw parti mill-Ftehim ta’ Nice, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice tkun tiffaċilita l-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni. Barra minn hekk, billi tistabbilixi sistema ta’ klassifikazzjoni waħda, hija tgħin lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi fir-riċerki tagħhom għal trade marks preċedenti li eventwalment jistgħu jipprekludu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida. Fl-aħħar nett, b’mod konformi mar-regola 4 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, huwa fid-dawl tan-numru ta’ klassijiet li jifformaw parti minnhom il-prodotti u s-servizzi msemmija li tiġi kkalkolata t-taxxa ta’ reġistrazzjoni.

    51.

    Konsegwentement, il-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi b’mod konformi mal-Klassifikazzjoni ta’ Nice tikkostitwixxi biss kundizzjoni ta’ forma, li l-osservanza tagħha hija importanti għal raġunijiet amministrattivi u ta’ konvenjenza evidenti.

    52.

    Min-naħa l-oħra, din ma għandhiex saħħa legali vinkolanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-trade mark. Fil-fatt, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi b’mod speċifiku fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament u fir-regola 1(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li l-applikazzjoni għandha tissodisfa. Fost dawn l-elementi hemm, b’mod partikolari, ir-riproduzzjoni tat-trade mark kif ukoll il-lista tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni, jiġifieri ż-żewġ komponenti essenzjali tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. B’hekk, l-istess bħar-riproduzzjoni tas-sinjal, l-elenkar tal-prodotti u tas-servizzi jiddelimita l-iskop tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark. Għalhekk, fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ speċjalità, it-trade mark irreġistrata hija protetta biss għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

    53.

    Fid-dawl ta’ dan, għandhom jiġu ddefiniti b’mod konkret r-rekwiżiti relatati mal-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi.

    54.

    Għal dan il-għan, huwa neċessarju li nibbażaw fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament u fuq ir-regola 2(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, imsemmija iktar ’il fuq, u li nieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ trade mark.

    55.

    L-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark għandha tiżgura l-funzjoni essenzjali tagħha, li hija dik li tippermetti li l-konsumatur jew l-utent aħħari jiddistingwi, mingħajr konfużjoni possibbli, il-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dawk offruti minn impriża oħra ( 20 ). Konsegwentement, il-prodotti jew is-servizzi għandhom ikunu identifikabbli.

    56.

    It-tieni nett, trade mark għandha tiġi rreġistrata b’mod konformi mal-prinċipju ta’ speċjalità. Dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jgħaqqad flimkien id-drittijiet esklużivi mogħtija minn trade mark lill-proprjetarju tagħha mal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan jimplika li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni b’mod li jiġu limitati d-drittijiet esklużivi għall-funzjoni stess tat-trade mark.

    57.

    It-tielet nett, id-deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark hija neċessarja sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jevalwaw l-eżistenza ta’ motivi għal rifjut stabbiliti fl-Artikoli 3 tad-Direttiva u 7 tar-Regolament ( 21 ).

    58.

    B’mod konformi mal-Artikoli 3(1)(e)(i) tad-Direttiva u 7(1)(e)(i) tar-Regolament, is-sinjali komposti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott ma jistgħux jiġu rreġistrati jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli jekk jiġu rreġistrati. Konsegwentement, dan jimplika deskrizzjoni tal-prodott.

    59.

    Bl-istess mod, il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni jekk din ir-reġistrazzjoni għandhiex tinċaħad abbażi tal-Artikoli 4 tad-Direttiva u 8 tar-Regolament, għar-raġuni li t-trade mark imsemmija hija identika jew tista’ tippreżenta probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti. B’hekk, skont l-Artikoli 4(1)(a) tad-Direttiva u 8(1)(a) tar-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tinċaħad jew tista’ tiġi ddikjarata nulla jekk tiġi rreġistrata meta tkun identika għal trade mark preċedenti u meta l-prodotti jew is-servizzi li għalihom intalbet jew ġiet irreġistrata t-trade mark ikunu identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hija protetta. Skont l-Artikoli 4(1)(b) tad-Direttiva u 8(1)(b) tar-Regolament, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tibda minn interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks bejniethom u x-xebh tal-prodotti u tas-servizzi indikati rispettivament minn dawn it-trade marks.

    60.

    Finalment, huwa wkoll minħabba l-indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li jistgħu jiġu implementati r-raġunijiet għar-revoka jew għan-nullità tagħha u li l-uffiċċji nazzjonali, b’mod konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva, u l-UASI, b’mod konformi mal-Artikoli 51 sa 53 tar-Regolament, jistgħu jillimitaw il-portata tar-revoka jew tan-nullità tat-trade mark biss għall-prodotti u servizzi li għalihom dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu applikati.

    61.

    Ir-raba’ nett, ir-reġistrazzjoni għandha tikkontribwixxi, f’dak li jirrigwarda kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-liġijiet nazzjonali, għaċ-ċertezza legali u għall-amministrazzjoni tajba ( 22 ).

    62.

    B’hekk, fis-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinxtamm, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet li r-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal meħtieġa skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104 u 4 tar-Regolament għandha tkun ċara, preċiża, minnha nnifisha kompleta, faċilment aċċessibbli, komprensibbli, durabbli, inekwivoka u oġġettiva b’tali mod li tkun tista’ tiġi identifikata b’mod preċiż ( 23 ).

    63.

    Dawn ir-rekwiżiti jindirizzaw żewġ għanijiet preċiżi. L-ewwel wieħed huwa li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jevalwaw, b’mod ċar u preċiż, in-natura tas-sinjali li jikkostitwixxu trade mark sabiex jipproċedu bl-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif ukoll bil-pubblikazzjoni u biż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks.

    64.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li l-uffiċċji nazzjonali u l-UASI jipproċedu għal kontroll strett, fil-fond u komplut tar-raġunijiet li jistgħu jsostnu rifjut ta’ reġistrazzjoni, b’mod li jiġi żgurat li t-trade marks ma jkunux irreġistrati b’mod li ma jkunx xieraq ( 24 ). B’hekk, sabiex tevalwa l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ karattru distintiv, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi eżami in concreto fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ( 25 ) u, jekk l-awtorità kompetenti tiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, id-deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi mmotivata għal kull prodott jew servizz ( 26 ). Dawn ir-rekwiżiti huma ġġustifikati fir-rigward tan-natura tal-kontroll, li huwa qabel kollox kontroll a priori, kif ukoll fir-rigward tan-numru u tan-natura dettaljata tal-ostakoli għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva kif ukoll fl-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti msemmija huma ġġustifikati fir-rigward tal-firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet disponibbli għall-applikanti meta l-awtoritajiet kompetenti jiċħdu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret reċentement, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet rikonoxxuti lill-applikanti ( 27 ).

    65.

    It-tieni għan huwa li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiżguraw, b’ċarezza u preċiżjoni, ir-reġistrazzjonijiet imwettqa jew l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom, u b’hekk li jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet ta’ terzi persuni.

    66.

    Sussegwentement, dawn ir-rekwiżiti ġew applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-reġistrazzjonijiet ta’ kulur, ta’ taħlita ta’ kuluri ( 28 ) u ta’ ħsejjes ( 29 ).

    67.

    Evidentement, dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu u dawn ir-rekwiżiti jkunu mċaħħda minn kull effettività kieku l-prodotti u s-servizzi li l-applikant jitlob protezzjoni għalihom ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar. Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Léger fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, iż-żewġ komponenti indissoċjabbli tar-reġistrazzjoni, li jippermettu d-definizzjoni eżatta tas-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, huma, minn naħa, is-sinjal u, min-naħa l-oħra, il-prodotti u s-servizzi li dan is-sinjal għandu jintuża sabiex jidentifika.

    68.

    Madankollu, ma nistgħux nittrasponu stricto sensu r-rekwiżiti sabbiliti fir-rigward tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjal, xamm jew ħoss, għall-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi. Evidentement, ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjal li minnu nnifsu ma jistax jiġi pperċepit viżwalment tqajjem problemi differenti ħafna minn dawk li jistgħu jeżistu fil-kuntest ta’ deskrizzjoni verbali ta’ prodotti u ta’ servizzi.

    69.

    Huwa evidenti li din id-deskrizzjoni għandha tkun ċara u preċiża b’tali mod li l-prodotti jew is-servizzi jkunu jistgħu jiġu identifikati b’eżattezza mill-awtoritajiet kompetenti u mill-operaturi ekonomiċi. Din iċ-ċarezza u din il-preċiżjoni jassumu, evidentement, li l-espressjonijiet użati jkunu jinftiehmu u nieqsa mill-ambigwità.

    70.

    Madankollu, ma nistgħux nirriskjaw li nillimitaw b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha billi neżiġu li dan tal-aħħar jidħol fid-dettall ta’ kull wieħed mill-prodotti u servizzi kkonċernati.

    71.

    Sabiex jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti, jeżistu, fl-opinjoni tiegħi, żewġ għażliet.

    72.

    L-ewwel waħda tikkonsisti fl-elenkar konkret ta’ kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi li għalihom l-applikant jitlob protezzjoni. B’mod konformi mal-ġurisprudenza, din l-identifikazzjoni għandha, evidentement, tinftiehem bħala li tinkludi l-prodotti jew is-servizzi li jifformaw parti mill-kompożizzjoni jew mill-istruttura tal-prodotti u tas-servizzi speċifikati b’mod konkret, bħall-partijiet ta’ sostituzzjoni, jew li huma direttament relatati ma’ dawn tal-aħħar ( 30 ).

    73.

    Madankollu, għandu jiġi ammess li lista konkreta tista’ tkun delikata fid-dawl tad-differenzi estremi li ċerti prodotti jew servizzi jistgħu jinqasmu fihom, u tista’ anki tirriskja li tillimita b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha. Effettivament, ma hijiex kwistjoni ta’ ħtieġa li l-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġdida kull darba li jibdel id-destinazzjoni tal-prodott li għalih għandu trade mark, billi jibdel, pereżempju, fi proporzjonijiet minimi, il-kompożizzjoni tiegħu jew billi jintenzjonah għal kategoriji oħra ta’ persuni. Għalhekk, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata għal lozzjoni għandu jkun jista’ jibdel id-destinazzjoni ta’ dan il-prodott skont jekk huwiex intiż għat-tfal ta’ età żgħira jew għall-adulti, mingħajr ma jkollu jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġdida.

    74.

    Din hija r-raġuni għalfejn, mingħajr ma mmorru għal lista individwali ta’ kull prodott u servizz ikkonċernat, it-tieni għażla tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi bażiċi, b’mod li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw b’eżattezza l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi essenzjali ( 31 ) tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

    75.

    Dan il-kriterju għandu jippermetti li jiġu identifikati b’mod oġġettiv in-natura tal-prodotti, b’mod konformi mar-regola 2(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw il-prodotti simili li jistgħu jiġu protetti mit-trade mark. Din is-sistema, li hija diġà applikata fil-qasam tal-klassifikazzjoni doganali tal-prodotti, tidher li tissodisfa l-għanijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni mingħajr ma tillimita l-protezzjoni li għandha tingħata lill-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata.

    76.

    Pereżempju, applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tissodisfa dawn ir-rekwiżiti meta l-applikant jitlob protezzjoni għal “xemgħat għad-dawl”. Din l-espressjoni għandha tkun tista’ tkopri x-xemgħat, il-kandiletti u l-oġġetti simili, bl-istess karatteristiċi essenzjali bħall-prodott bażiku, jiġifieri kompost minn fibri u minn xema’. F’dan l-eżempju, huwa, min-naħa l-oħra, indispensabbli li tiġi speċifikata l-funzjoni li għaliha huwa ddestinat dan il-prodotti, b’mod li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiddistingwu bejn ix-“xemgħat għad-dawl” u l-“isparking plugs” użati fis-settur awtomobilistiku.

    77.

    Din l-interpretazzjoni hija fil-linja tas-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fil-kawża Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark fil-qasam tas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, eżiġiet li l-applikant jispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati mis-servizzi msemmija meta speċifika l-“bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti ta’ kostruzzjoni, ta’ do-it-yourself u ta’ ġardinaġġ [ ( 32 )] u ta’ beni ta’ konsum oħrajn għas-settur ta ‘do-it-yourself’ [ ( 33 )]”. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-livell ta’ preċiżjoni jippermetti li tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom kienet saret applikazzjoni għal trade mark jew diġà ġiet irreġistrata mingħajr ma dawn l-indikazzjonijiet jillimitaw b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark ( 34 ).

    78.

    F’kull każ, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa għandhom jiġu evalwati każ b’każ, skont il-prodotti jew is-servizzi li l-applikant talab protezzjoni għalihom, kemm jekk it-trade mark hija nazzjonali jew Komunitarja.

    79.

    Minħabba dawn l-elementi kollha, nemmen, konsegwentement, li d-Direttiva u r-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li l-applikant jitlob protezzjoni għalihom għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw b’eżattezza l-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

    80.

    Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz ta’ elenkar konkret ta’ kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi li l-applikant jitlob protezzjoni għalihom. Dawn jistgħu jiġu sodisfatti wkoll permezz ta’ identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi bażiċi li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

    C – Fuq l-użu tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice

    81.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva tipprekludix li l-applikant għal trade mark nazzjonali milli jirreferi għall-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li talab protezzjoni għalihom.

    82.

    Kif indikajt, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija strument prattiku u l-intestaturi ta’ klassi ma għandhom, fihom infushom, l-ebda valur sostanzjali. Madankollu, xejn ma jipprekludi li l-applikant jidentifika dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi bl-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali ta’ dawn l-intestaturi ta’ klassi. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li din l-identifikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa. Din hija evalwazzjoni każ b’każ.

    83.

    Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li xi wħud minn dawn l-indikazzjonijiet ġenerali huma, fihom infushom, ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-indikazzjonijiet “sapun” jew “frieket u mgħaref” rispettivament meħuda mill-intestaturi tal-klassijiet 3 u 8 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

    84.

    Min-naħa l-oħra, indikazzjonijiet ġenerali oħrajn ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti u jagħtu informazzjoni biss dwar il-qasam li jiffurmaw parti minnu, bħala prinċipju, il-prodotti jew is-servizzi ( 35 ). L-indikazzjonijiet ġenerali msemmija, pereżempju, fil-klassi 37 (“Servizzi ta’ kostruzzjoni; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni”) u fil-klassi 45 (“servizzi legali; servizzi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-propjetà u ta’ l-individwi”) tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice huma wisq ġenerali u jkopru prodotti u servizzi wisq varji sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark. Mingħajr iktar dettalji, dawn ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti li jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mal-evalwazzjoni preliminari tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u lill-operaturi ekonomiċi li jiżguraw ruħhom b’eżattezza bir-reġistrazzjonijiet imwettqa jew bl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom. Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ħtieġet, fis-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, li l-applikant jispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati mis-servizzi permezz ta’ indikazzjonijiet li ma humiex inklużi fl-intestaturi ta’ klassi.

    85.

    Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li d-Direttiva u r-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-applikant jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li jitlob protezzjoni għalihom billi juża l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sakemm din l-identifikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

    D – Fuq l-interpretazzjoni adottata mill-President tal-UASI fil-kuntest tal-Komunikazzjoni Nru 4/03

    86.

    Fit-tieni subparagrafu tal-punt III tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 hemm indikat li “[l-UASI] ma topponix għall-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi minħabba li jkunu wisq vagi jew mhux definiti”. Barra minn hekk, il-punt IV ta’ din il-komunikazzjoni jindika li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestaturi ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi għall-UASI rivendikazzjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din l-indikazzjoni ġenerali ( 36 ) . Bl-istess mod, l-użu ta’ ċerta indikazzjoni ġenerali li tinsab fl-intestaturi ta’ klassi tkun tirrigwarda l-prodotti jew is-servizzi kollha li jifformaw parti minn din l-indikazzjoni ġenerali  ( 37 ) u kklassifikati b’mod korrett fl-istess klassi.

    87.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tipprekludix interpretazzjoni bħal dik adottata mill-President tal-UASI fil-kuntest tal-Komunikazzjoni Nru 4/03.

    88.

    Din il-komunikazzjoni ġiet adottata mill-UASI fil-kuntest tal-obbligi tiegħu abbażi tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Din ma hijiex test ta’ natura leġiżlattiva u ma għandha l-ebda valur legali vinkolanti. Din hija att ta’ organizzazzjoni interna mfassla, b’mod konformi mal-punt I tal-imsemmija komunikazzjoni, sabiex tispjega u tiċċara l-prattika amministrattiva tal-UASI. Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 hija intiża sabiex tiżgura ċertezza legali għall-partijiet interessati billi tistabbilixxi kuntest ċar u prevedibbli fuq il-mod kif dan jinterpreta l-formulazzjonijiet użati fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Din il-komunikazzjoni hija għalhekk spjegattiva u edukattiva. Bejn il-funzjoni ta’ spjegazzjoni u l-ħolqien ta’ regoli legali reali, hemm biss pass wieħed x’jinqasam. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura ruħha li dan it-test jiżgura l-osservanza tar-regoli stabbiliti mir-Regolament, hekk kif ġew interpretati wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet interessati.

    89.

    F’din il-kawża, naħseb li dan ma huwiex il-każ.

    90.

    L-ewwel nett, l-interpretazzjoni adottata mill-Komunikazzjoni Nru 4/03 tikkontradixxi l-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament.

    91.

    Fil-fatt, ir-regola 2(2) tar-Regolament tal-implementazzjoni teżiġi li “[…]l-lista ta’ prodotti u servizzi għandha tinkiteb b’tali mod li tindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti u servizzi u li tħalli kull oġġett jew servizz li jiġi kklassifikat taħt klassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni NICE.” F’dan il-punt nagħmel żewġ rimarki. Minn naħa, huwa diffiċli li din l-eżiġenza tiġi sodisfatta jekk l-UASI ma jopponix ruħu, b’mod konformi mat-termini tat-tieni subparagrafu tal-punt III tal-Komunikazzjoni Nru 4/03, għall-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi minħabba li huma wisq vagi jew mhux definiti ( 38 ). Min-naħa l-oħra, għandi nirreferi għan-noti ta’ spjegazzjoni relatati mal-Klassifikazzjoni ta’ Nice li juru li ċerti prodotti u servizzi jistgħu, fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni, jiffurmaw parti minn diversi klassijiet.

    92.

    It-tieni nett, l-interpretazzjoni adottata mill-UASI, ikkwalifikata bid-dutrina ta’ “‘class-heading-covers-all’ approach” ( 39 ), ma tiżgurax l-osservanza tal-prinċipju ta’ speċjalità peress li din ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’eżattezza l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-trade mark.

    93.

    Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal għar-rikonoxximent lill-applikant tad-drittijiet esklużivi kważi illimitati fuq il-prodotti u s-servizzi ta’ klassi. Pereżempju, meta applikant jirreferi biss għall-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassi 45 tal-Klassfikazzjoni ta’ Nice u jitlob, konsegwentement, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għal “Servizzi legali; servizzi ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-proprjetà u tal-individwi”, ir-reġistrazzjoni ta’ din trade mark tista’ tikkonferilu l-użu esklużiv ta’ sinjal għal servizzi estremament varjati, li jkopru mhux biss il-“klabbs fejn jiltaqgħu in-nies” u l-“istabbilimenti tal-oroskopju”, iżda wkoll l-“aġenziji ta’ investigaturi” u s-“servizzi ta’ kremazzjoni” ( 40 ). Fi kliem ieħor, ħafna servizzi li a priori ma jippreżentaw l-ebda karatteristika komuni. F’din l-ipotezi, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark ma hijiex determinabbbli, hija kważi invisibbli, għad-detriment tal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont il-prinċipju ta’ speċjalità, trade mark ma għandhiex tiġi protetta b’mod assolut.

    94.

    It-tielet nett, tali interpretazzjoni ma tiżgurax l-użu serju tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva u tal-Artikolu 15 tar-Regolament. Fil-fatt, ma huwiex ovvju li l-proprjetarju tat-trade mark juża s-sinjal fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha li huwa talab protezzjoni għalihom. Kif enfażizza l-Avukat Ġenerali Léger fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, il-preżentata ta’ azzjoni għar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ma hijiex xierqa meta, mill-bidu, ikun stabbilit li t-trade mark ser tintuża biss għal ċerti prodotti jew servizzi. Barra minn hekk, din is-sistema tidher li tikkontradixxi l-għanijiet espressi fid-disa’ premessa tad-Direttiva u l-għaxar premessa tar-Regolament, skont liema l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li t-trade marks irreġistrati jkunu effettivament użati taħt piena ta’ revoka. Bħal ma fakkar ġustament l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, ir-reġistri tat-trade marks ma humiex sempliċi depożiti ta’ sinjali, iżda għandhom, b’mod kuntrarju, ikunu riflessjoni leali tar-realtà u tal-indikazzjonijiet li l-impriżi jużaw fis-suq.

    95.

    Konsegwentement, għalkemm l-interpretazzjoni użata mill-UASI tidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li tiffaċilita r-reġistrazzjoni tat-trade marks fir-reġistri pubbliċi, din finalment twassal għal żieda fin-numru totali ta’ trade marks irreġistrati u protetti fl-Unjoni u, għalhekk, fin-numru ta’ kunflitti li jqumu bejniethom. Barra minn hekk, minflok ma tiżgura amministrazzjoni tajba, din ma tippermettix li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fuq is-suq.

    96.

    Ir-raba’ nett, din l-interpretazzjoni ma tiżgurax iċ-ċertezza legali. Fil-fatt, kif irrilevaw b’mod partikolari l-Gvernijiet tar-Renju Unit, Ġermaniż, Irlandiż u Franċiż fl-osservazzjonjiet tagħhom, il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija strument evoluttiv. L-għaxar edizzjoni ta’ din il-Klassifikazzjoni, li ser tidħol fis-seħħ l-1 ta’ Jannar 2012, tinkludi taħt intestaturi ta’ klassi mhux mibdula, prodotti u servizzi ġodda ( 41 ). Ma nistax nillimita l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-trade mark għal test li jista’ jinbidel skont l-iżviluppi tas-suq.

    97.

    Konsegwentement, u fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nemmen li l-Komunikazzjzoni 4/03, li biha l-President tal-UASI jindika, minn naħa, li l-UASI ma jopponix ruħu għall-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi wisq vagi jew mhux definiti u, min-naħa l-oħra, li l-użu tal-imsemmija indikazzjonijiet jikkostitwixxi rivendikazzjoni fir-rigward tal-prodotti jew servizzi kollha li jifformaw parti mill-klassi msemmija, ma tiżgurax iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, kemm jekk tkun nazzjonali jew Komunitarja.

    IV – Konklużjoni

    98.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales):

    “1)

    a)

    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/95/KE, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li l-applikant talab il-protezzjoni għalihom għandha tissodisfa rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw b’eżattezza l-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

    b)

    Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu sodisfatti permezz ta’ elenkar konkret ta’ kull prodott u servizz li l-applikant jitlob protezzjoni għalihom. Dawn jistgħu jiġu sodisfatti wkoll permezz ta’ identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi bażiċi li jippermettu lill-awtoritjaiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi essenzjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

    2)

    Id-Direttiva 2008/95/KE u r-Regolament (KE) Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-applikant jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li jitlob protezzjoni għalihom billi juża indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi li trade mark tiġi rreġistrata għalihom, sa kemm din l-identifikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

    3)

    Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji, li permezz tagħha dan jindika, minn naħa, li l-imsemmi Uffiċċju ma jipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali u tal-intestaturi ta’ klassijiet wisq vagi jew mhux definiti u, min-naħa l-oħra, li l-użu tal-imsemmija indikazzjonijiet jikkostitwixxi rivendikazzjoni fir-rigward tal-prodotti jew servizzi kollha li jifformaw parti mill-klassi msemmija, ma jiżgurax iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, kemm jekk tkun nazzjonali jew Komunitarja.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002 (C-273/00, Ġabra p. I-11737).

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”. Skont id-database tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta biss ma humiex parti mill-Ftehim ta’ Nice. Madankollu, dawn tal-aħħar jużaw il-klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom trade mark hija rreġistrata (iktar ’il quddiem il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”).

    ( 4 ) Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, riveduta fl-aħħar lok fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”).

    ( 5 ) Ara l-kummenti ġenerali u l-punt 1 tal-gwida tal-utent dwar il-Klassifikazzjoni ta’ Nice, disponibbli fuq is-sit internet tal-UASI.

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    ( 7 ) Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

    ( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”.

    ( 9 ) Komunikazzjoni tas-16 ta’ Ġunju 2003 dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji.

    ( 10 ) Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, Ġabra p. I-2439), kif ukoll għall-punti 57 sa 82 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C-418/02, Ġabra p. I-5873).

    ( 11 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tad-Direttiva.

    ( 12 ) Sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).

    ( 13 ) Sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

    ( 14 ) Sentenza Budějovický Budvar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C-323/09, Ġabra p. I-8625, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Dan il-prinċipju jissemma’ wkoll fl-Artikolu 4(1)(b) tal-protokoll dwar il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ trade marks, adottat f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989, li l-Komunità Ewropea aderixxiet miegħu abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/793/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 315).

    ( 17 ) B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija, il-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi skont il-Klassifikazzjoni ta’ Nice ma torbotx lill-eżaminatur fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-identiċità jew tax-xebh tal-prodotti u tas-servizzi, peress li prodotti u servizzi ma jistgħux jitqiesu li jixxiebhu minħabba li jkunu jidhru fi klassijiet differenti ta’ din il-klassifikazzjoni. Dan il-prinċipju jidher ukoll fl-Artikolu 9(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-liġi tat-trade marks, addottat f’Genève fis-27 ta’ Ottubru 1994.

    ( 18 ) Ara l-punti 42 u 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 19 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2004 (C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 111).

    ( 20 ) Ara l-Artikoli 2 tad-Direttiva u 4 tar-Regolament. Ara, ukoll, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Interflora u Interflora British Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell (C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 29), kif ukoll Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq (punti 33 u 34).

    ( 22 ) Sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

    ( 23 ) Ibidem (punti 46 sa 55).

    ( 24 ) Ara s-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq (punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy (C-239/05, Ġabra p. I-1455, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI (C-282/09 P, Ġabra p I-2395, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u, dwar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI (C-468/01 P sa C-472/01 P, Ġabra p. I-5141, punt 36).

    ( 27 ) Digriet CFCMCEE vs UASI, iċċitat iktar ’il fuq (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 28 ) Fis-sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kulur oranġjo, għalkemm huwa sempliċi proprjetà ta’ affarijiet, kien madankollu jista’, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ servizz, jikkostitwixxi sinjal (punt 27). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C-49/02, Ġabra p. I-6129, punt 23), fir-rigward ta’ taħlita ta’ kuluri.

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Shield Mark (C-283/01, Ġabra p. I-14313) dwar ir-reġistrazzjoni ta’ erbatax-il trade mark tal-ħoss, li ħdax minnhom kellhom bħala suġġett l-ewwel noti tal-kompożizzjoni mużikali “Für Elise” ta’ L. van Beethoven u t-tlieta l-oħra, “le chant d’un coq”.

    ( 30 ) Sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 sa 43).

    ( 31 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 32 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 33 ) Idem.

    ( 34 ) Sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq (punti 50 u 51).

    ( 35 ) Ara l-punt 1 tal-gwida tal-utent tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

    ( 36 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 37 ) Idem.

    ( 38 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 39 ) Ara Ashmead, R., “International Classification class headings: illustrative or exemplary? The scope of European Union registrations”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2007, Vol. 2, Nru 2, p. 76.

    ( 40 ) Ara, wkoll, il-klassi 37 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, intitolata “Servizzi ta’ kostruzzjoni; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni”, li tkopri l-“qerda tal-annimali li jagħmlu l-ħsara”, jew il-klassi 26 ta’ din il-Klassifikazzjoni, intitolata “bizzilla u rakkmu, żigarelli u tberfil ornamentali, buttuni, ganċijiet u qronfol, pinnijiet u labar, fjuri artifiċjali” li tinkludi l-“biċċiet tax-xagħar”.

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, il-klassi 42 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice li ser ikollha, mill-1 ta’ Jannar 2012, tmien servizzi supplimentari.

    Top