This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0275
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 26 May 2011. # Residex Capital IV CV v Gemeente Rotterdam. # Reference for a preliminary ruling: Hoge Raad der Nederlanden - Netherlands. # Article 88(3) EC - State aid - Aid granted in the form of a guarantee to a lender for the purpose of enabling the latter to grant a loan to a borrower - Infringement of procedural rules - Obligation to recover - Nullity - Powers of the national court. # Case C-275/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 26 ta' Mejju 2011.
Residex Capital IV CV vs Gemeente Rotterdam.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Artikolu 88(3) KE - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija taħt forma ta’ garanzija lil min isellef sabiex ikun jista’ jagħti kreditu lil min jissellef - Ksur tar-regoli ta’ proċedura - Obbligu ta’ rkupru - Nullità - Setgħat tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-275/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 26 ta' Mejju 2011.
Residex Capital IV CV vs Gemeente Rotterdam.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - il-Pajjizi l-Baxxi.
Artikolu 88(3) KE - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija taħt forma ta’ garanzija lil min isellef sabiex ikun jista’ jagħti kreditu lil min jissellef - Ksur tar-regoli ta’ proċedura - Obbligu ta’ rkupru - Nullità - Setgħat tal-qorti nazzjonali.
Kawża C-275/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:354
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2011 (1)
Kawża C‑275/10
Residex Capital IV CV
vs
Gemeente Rotterdam
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden, (il-Pajjizi l-Baxxi)]
“Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Garanzija mogħtija għal self – Nullità tal-atti fid-dritt nazzjonali f’każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet legali imperattivi – Setgħat tal-qrati nazzjonali – It-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE”
I – Introduzzjoni
1. Awtorità pubblika tista’ titfittex bħala garanti meta hija stess kienet tat dik il-garanzija minn qabel bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea? Din id-domanda tikkostitwixxi l-kwistjoni ċentrali tal-problema legali li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
2. Fl- 2003, dipartiment tal-belt ta’ Rotterdam fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ta garanzija f’ċirkustanzi misterjużi għal self ta’ EUR 23 miljun mogħti minn Residex Capital IV CV (iktar ’il quddiem “Residex”) lil RDM Aerospace NV (iktar ’il quddiem “Aerospace”). Peress li din tal-aħħar ma ħallsitx lura s-self kollu, Residex invokat il-garanzija tal-belt u kkonċediet lill-belt imsemmija sa tmiem is-sena 2004 sabiex tħallas iktar minn EUR 10 miljun. Quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, il-belt ta’ Rotterdam iddefendiet ruħha b’mod partikolari billi invokat li l-garanzija kontenzjuża kienet ingħatat bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant skont id-dritt ċivili hija nulla.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja issa ntalbet tiddeċiedi jekk id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – b’mod iktar preċiż il-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE – jippermettix, jew ukoll jobbligax lill-qorti nazzjonali tikkunsidra bħala nulla garanzija mogħtija mill-komun li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u li ma ġietx approvata minn din tal-aħħar.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. F’din il-kawża, il-kuntest ġuridiku fid-dritt tal-Unjoni huwa ddefinit bit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE [li qabel kienet it-tielet sentenza tal-ex Artikolu 88(3) KE]. Ma’ dan jiżdiedu l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni fejn il-Kummissjoni, bħala awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, tgħarraf il-prassi amministrattiva tagħha u l-opinjonijiet ġuridiċi tagħha dwar ċerti kwistjonijiet tad-dritt fuq l-għajnuna mill-Istati. Fil-każ ineżami, huma rilevanti l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-garanziji u dik dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali.
1. Il-komunikazzjoni dwar il-garanziji
5. Mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (2) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-garanziji”) jirriżulta li garanzija marbuta ma’ self jew ma’ xi obbligu finanzjarju ieħor tista’ tikkostitwixxi għajnuna kemm għal min jissellef kif ukoll għal min isellef.
6. F’dan ir-rigward, skont il-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni “Għajnuna lil min jissellef” huwa pprovdut li:
“Normalment, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna huwa min jissellef. [...] Fejn min jissellef mhuwiex meħtieġ li jħallas il-premium, jew iħallas premium baxx, dan jikseb vantaġġ. [...] F’xi każi, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarja li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. [...]”
7. Madankollu, il-punt 2.3 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji, intitolat “Għajnuna lil min isellef” jippreċiża:
“2.3.1. Anke jekk normalment il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jkun min jissellef, ma jistax jiġi eskluż li taħt ċerti ċirkostanzi min isellef jibbenefika direttament mill-għajnuna wkoll. B’mod partikolari, pereżempju, jekk garanzija mill-Istat tingħata ex post fir-rigward ta’ self jew obbligu finanzjarju ieħor konkluż mingħajr aġġustament tat-termini ta’ dan is-self jew obbligu finanzjarju, jew jekk self garantit jintuża sabiex jitħallas lura self ieħor mhux garantit lill-istess istituzzjoni ta’ kreditu, jista’ jkun hemm ukoll għajnuna lil min isellef, u dan safejn tiżdied is-sigurtà tas-selfiet. [...]”
“2.3.2. Il-garanziji huma differenti minn miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat, bħal għotjiet u eżenzjonijiet mit-taxxa, billi, fil-każ ta’ garanzija, l-Istat jidħol ukoll f’relazzjoni ġuridika ma’ min isellef. Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi possibbli għal partijiet terzi minħabba għajnuna mill-Istat mogħti kontra l-liġi. [...] Il-kwistjoni dwar jekk l-illegalità ta’ l-għajnuna taffettwax ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istat u l-partijiet terzi hija kwistjoni li għandha tiġi eżaminata taħt il-liġi nazzjonali. Il-qrati nazzjonali jista’ jkollhom jeżaminaw jekk il-liġi nazzjonali timpedixxiex l-adempiment tal-kuntratti tal-garanzija, u f’dik l-evalwazzjoni l-Kummissjoni tikkunsidra li għandu jitqies il-ksur tal-liġi Komunitarja. [...]”
8. Fost il-“Kundizzjonijiet li Jeskludu l-Eżistenza ta’ Għajnuna”, il-punt 3.1 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji jipprovdi, fit-titolu “Kunsiderazzjonijiet Ġenerali”:
“Jekk garanzija individwali [...]ma ġġib ebda vantaġġ għal impriża, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.
[...]”
9. Essenzjalment, il-verżjoni preċedenti tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji tal-2000 (3) kellha l-istess kontenut.
2. Il-komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali
10. “Fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali” (4) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali”), hemm it-titolu 2.2. dwar l-“Għajnuna illegali mill-Istat”.
11. F’dan it-titolu, wieħed jista’ jaqra fis-subtitolu 2.2.1. intitolat “Prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna mogħtija kontra l-liġi”:
“28. Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jipproteġu d-drittijiet ta’ individwi li jkunu ġew affettwati bil-ksur tal-obbligu ta’ waqfien totali. Il-qrati nazzjonali, għalhekk, għandhom jiġbdu l-konsegwenzi legali kollha xierqa, skont il-liġi nazzjonali, fejn ikun seħħ xi ksur tal-Artikolu [108(3) TFUE]. Madankollu, l-obbligi tal-qrati nazzjonali mhumiex limitati għall-għajnuna mogħtija kontra l-liġi li tkun ġiet żburżata diġà. Dawn jestendu wkoll għal każijiet fejn il-ħlas kontra l-liġi jkun se jsir dalwaqt. [...] Fejn għajnuna mogħtija kontra l-liġi tkun se tiġi żburżata, il-qorti nazzjonali hija, għalhekk, obbligata li tevita dan il-ħlas milli jseħħ.
[...]”
12. Hemm imniżżel ukoll fis-subtitolu 2.2.2. ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Rkupru tal-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi”:
“30. Meta qorti nazzjonali tkun ikkonfrontata b’għajnuna mogħtija kontra l-liġi, din għandha tiġbed il-konsegwenzi legali kollha minn din l-illegalità skont il-liġi nazzjonali. Il-qorti nazzjonali, għaldaqstant, għandha fil-prinċipju tordna l-irkupru sħiħ mingħand il-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat li ngħatat kontra l-liġi. [...]
[...]”
B – Id-dritt nazzjonali
13. Fid-dritt Olandiż, huwa l-Artikolu 3:40(2) tal-Kodiċi Ċivili (5) (iktar ’il quddiem il-“BW”) li huwa rilevanti:
“Il-ksur ta’ dispożizzjoni legali vinkolanti jwassal għan-nullità tal-att, jew tal-inqas, jekk id-dispożizzjoni tikkontempla biss il-protezzjoni ta’ waħda mill-partijiet kontraenti f’att multilaterali, il-possibbiltà li jiġi annullat l-att, u dan f’kull każ, sakemm ma jirriżultax mill-portata tad-dispożizzjoni li għandu jkun mod ieħor”.
III – Il-fatti fil-kawża prinċipali
14. Fl-2001, Residex akkwistat azzjonijiet f’MD Helicopters Holding NV (iktar ’il quddiem “MDH”), sussidjarja ta’ Aerospace (6). Fil-kuntest ta’ dan l-akkwist, Residex kienet kisbet id-dritt li tbigħ li bis-saħħa tiegħu hija setgħet terġa’ tbigħ l-azzjonijiet f’MDH lil Aerospace skont ċerti kundizzjonijiet.
15. Fi Frar 2003, Residex eżerċitat dan id-dritt ta’ bejgħ. Madankollu, hija ma rċevietx il-ħlas tal-prezz tal-bejgħ li kien dovut lilha. Min-naħa l-oħra, f’Marzu 2003, hija kkonvertiet il-kreditu tagħha ta’ madwar EUR 8.5 miljun f’self lil Aerospace. Barra minn hekk hija pprovdiet kreditu ta’ USD 15-il miljun lil Aerospace (7). Konsegwentement, is-self globali li Aerospace rċeviet mingħand Residex kien tela’ għal madwar EUR 23 miljun.
16. Milli jidher, ir-raġuni għall-għoti ta’ dan is-self kienet l-imġiba tad-direttur ta’ dak iż-żmien tal-awtorità tal-port tal-belt ta’ Rotterdam (8) li ppropona lil Residex sabiex l-awtorità tal-port tikkostitwixxi ruħha garanti sabiex tiggarantixxi self li kellu jingħata lil Aerospace. Fil-fatt, f’Marzu 2003, l-awtorità tal-port ta’ Rotterdam ikkostitwixxiet ruħha garanti favur Residex għal ammont massimu ta’ EUR 23 012 510, miżjuda bl-interessi u l-ispejjeż tas-self.
17. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, mingħajr din il-garanzija, li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, ma ġietx awtorizzata minnha, Aerospace ma kinitx tkun tista’ tikseb dan is-self.
18. Skont Residex, Aerospace ħallset lura biss EUR 16-il miljun mis-self. Din hija r-raġuni għaliex f’Diċembru 2004, Residex invokat il-garanzija tal-belt ta’ Rotterdam għal ammont ta’ EUR 10 240 252 miżjuda bl-interessi u spejjeż tal-irkupru. Madankollu, din tal-aħħar irrifjutat li tħallas.
19. Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni bejn Residex u l-belt ta’ Rotterdam hija dwar jekk il-garanzija kkostitwita mill-amministrazzjoni tal-port hijiex valida. Minn naħa, il-kontenzjuż jirrigwarda s-setgħa ta’ rappreżentanza tad-direttur tal-awtorità tal-port u tal-kompatibbiltà tal-garanzija mad-dispożizzjonijiet tad-dritt komunali. Min-naħa l-oħra, il-belt ta’ Rotterdam tinvoka n-nullità tal-garanzija minħabba l-ksur tal-projbizzjoni kontra l-għajnuna mill-Istat fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-belt ta’ Rotterdam tikkontesta l-ammont tal-kreditu invokat minn Residex.
20. L-argumenti ta’ Residex ma ntlaqgħux kemm fl-ewwel istanza quddiem ir-Rechtbank Rotterdam kif ukoll fl-appell quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage. Dawn iż-żewġ qrati, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 3:40(2) BW, ikkunsidraw li l-garanzija kienet nulla, peress li hija tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li, b’kuntrast mat-tielet sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, din l-istess għajnuna ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.
21. Wara appell fil-kassazzjoni minn Residex, hija l-Hoge Raad der Nederlanden, li hija l-qorti tar-rinviju, li għandha quddiemha l-kawża prinċipali.
IV – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22. Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Mejju 2010, li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2010, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda li ġejja:
“L-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE [li sar l-Artikolu 108(3) TFUE] għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fejn għajnuna illegali ngħatat permezz ta’ garanzija lil min isellef – li ppermettiet lil dan tal-aħħar li jagħti kreditu lil min qed jissellef li qatt ma seta’ jissellef f’kundizzjonijiet normali tas-suq –, il-qrati nazzjonali huma obbligati li, jew tal-inqas għandhom ġurisdizzjoni biex, fil-kuntest tal-obbligu tagħhom li jevitaw il-konsegwenzi ta’ għajnuna illegali, jikkanċellaw il-garanzija kkontestata, anki jekk din il-kanċellazzjoni ma twassalx għal kanċellazzjoni tal-kreditu mogħti taħt il-garanzija?”
23. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Residex, il-belt ta’ Rotterdam, il-Gvern Olandiż, Daniż u Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali.
V – Kunsiderazzjonijiet
24. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE tippermettix jew saħansitra tobbligax lil qorti nazzjonali tikkunsidra bħala nulla garanzija komunali li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u approvata minn din tal-aħħar.
25. F’dan ir-rigward, l-opinjonijiet tal-partijiet fil-proċedura huma diverġenti. Filwaqt li Residex, bħala r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni naturalment favur il-validità tal-garanzija u filwaqt li l-belt ta’ Rotterdam, bħala konvenuta, tikkontesta dan b’daqstant qawwa, fl-osservazzjonijiet tal-parti l-kbira tal-gvernijiet implikati fil-proċedura kif ukoll f’dawk tal-Kummissjoni hemm diversi soluzzjonijiet b’diversi varjanti.
26. Jiena wkoll nixtieq hawnhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tali soluzzjoni differenti.
A – Osservazzjoni preliminari
27. Kull ma huwa magħruf mill-fatti tal-kawża prinċipali jindika li l-garanzija kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE [li qabel kien l-Artikolu 87(1) KE], li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni u lanqas ma ġiet awtorizzata minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, din hija għajnuna formalment illegali li ngħatat bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE [li qabel kienet it-tielet sentenza tal-Artikolu 88(3) KE]. Ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma kkontestat dan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
28. B’kuntrast ma dak li huwa previst fil-qasam tad-dritt Ewropew fuq l-akkordji [l-Artikolu 101(2) TFUE], id-dispożizzjonijiet tat-Trattati Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat ma jipprovdux espressament liema huma l-konsegwenzi legali skont id-dritt ċivili li jirriżultaw minn ksur tal-obbligu ta’ notifika u tal-projbizzjoni fuq l-għoti ta’ għajnuna [it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE]. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma għandu l-ebda konsegwenza.
29. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qrati nazzjonali jordnaw il-miżuri adegwati sabiex jingħata rimedju effettiv għall-effetti tal-illegalità ta’ miżura ta’ għajnuna (9). Din hija r-raġuni għaliex hija ġurisprudenza stabbilita li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li jinsiltu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (10).
30. Bħala regola ġenerali, dan għandu l-effett li l-atti kollha – inklużi l-kuntratti skont id-dritt ċivili – li ġew konklużi b’rabta mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat proċeduralment illegali jkollhom jitqiesu bħala invalidi jew nulli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-validità tal-atti li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna tintlaqat bil-ksur, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni fuq l-għoti ta’ għajnuna mingħajr awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni” (11).
31. Fl-ewwel lok, b’dan il-mod, huwa intiż li jiġi ggarantit li qatt ma tiġi implementata għajnuna li tkun inkompatibbli mas-suq intern (12). Madankollu, jekk tkun ingħatat għajnuna bi ksur tal-obbligu tan-notifika u tal-projbizzjoni fuq l-implementazzjoni tal-għajnuna, tal-inqas għandu jiġi żgurat li l-benefiċjarju jiċċaħħad mill-vantaġġ li jirriżulta minnha u li l-effetti tal-illegalità tal-miżura ta’ għajnuna jiġu rrimedjati sabiex la tirriżulta u lanqas ma tissaħħaħ ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni (13). Jeħtieġ li jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus quo ante (14).
32. Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk fil-każ ta’ garanzija mill-awtoritajiet pubbliċi mogħtija għal self privat, il-konstatazzjoni tan-nullità tal-garanzija mill-qorti nazzjonali hijiex dejjem xierqa u meħtieġa sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.
33. Kif diġà ġie indikat fid-digriet tar-rinviju, dan jiddependi prinċipalment fuq jekk min jislef – u għaldaqstant, f’dan il-każ, Residex – titqiesx hija stess bħala (ko)benefiċjarja tal-għajnuna (ara t-taqsima Ċ iktar ’il quddiem) jew jekk min jissellef biss jibbenefikax mill-għajnuna, f’dan il-każ Aerospace (ara t-taqsima B iktar ’il quddiem) (15).
B – Sitwazzjoni ġuridika fil-każ fejn il-garanzija ma tagħti ebda vantaġġ lil min jislef
34. Il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra – l-istess bħal Residex, il-belt ta’ Rotterdam u l-Gvern Daniż – li f’dan il-każ, hija biss Aerospace li ħadet vantaġġ ekonomiku mill-garanzija komunali bħala l-persuna li ssellfet u li hija għaldaqstant il-benefiċjarja tal-għajnuna.
35. Għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti tali vantaġġ għal min jissellef meta huwa ma jkollu jħallas ebda kummissjoni sabiex jikseb il-garanzija jew inkella jħallas kummissjoni inqas mill-prezz tas-suq (16). Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min jissellef tkun tant ħażina li ma jkun jista’ jikseb ebda kapital fis-suq, allura huwa possibbli li anki s-somma kollha koperta bil-garanzija titqies bħala vantaġġ ekonomiku tiegħu (17).
36. Fi kwalunkwe każ, kemm jekk jiġi kkunsidrat f’dan il-każ li huwa biss il-vantaġġ f’termini ta’ kummissjoni meta mqabbel ma’ garanzija normali tas-suq li jikkostitwixxi l-vantaġġ ta’ Aerospace u kif ukoll jekk tiġi kkunsidrata għaldaqstant is-somma kollha koperta bil-garanzija (18), il-konstatazzjoni tan-nullità tal-garanzija mill-qorti tar-rinviju ma twassalx minnha nfisha sabiex l-impriża vvantaġġjata – f’dan il-każ Aerospace – tiċċaħħad mill-vantaġġ marbut mal-garanzija. Fil-fatt, minn naħa, in-nullità tal-garanzija ma twassalx bilfors sabiex Aerospace titlef l-ammont tas-self u, min-naħa l-oħra, Aerospace ma tkunx awtomatikament obbligata tħallas lill-belt ta’ Rotterdam kummissjoni f’każ ta’ nullità tal-garanzija.
37. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk fid-dawl tal-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jistax ikun iġġustifikat li jkun hemm effett legali daqshekk qawwi għal min jislef, jiġifieri n-nullità tal-garanzija. Din il-problema ġiet eżaminata minn diversi aspetti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jiena nixtieq nesponihom fil-qosor hawn iktar ’l isfel.
1. Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall dwar il-“kanċellament permezz tal-irkurpru”
38. F’dan il-kuntest il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment hija stess għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (19). Hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din is-sentenza. Skont uħud mill-partijiet fil-proċedura, minn din is-sentenza jirriżulta li garanzija ta’ Stat li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni għandha tiġi ddikjarata nulla u/jew in-nullità tagħha għandha tiġi kkonstatata.
39. Din it-teżi ma tikkonvinċinix.
40. Il-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kellha bħala suġġett lill-kumpannija EPAC (20), kumpannija b’responsabbiltà limitata li topera fis-settur tal-agrikoltura u proprjetà tal-Istat. Fl-1996, ir-Repubblika Portugiża awtorizzat lil EPAC sabiex tieħu self sa ammont massimu ta’ PTE 50 biljun (21) mingħand konsorzju privat ta’ banek u s-somma ta’ PTE 30 biljun (22) kienet koperta b’garanzija mill-Istat. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Portugiża sabiex “tħassar l-għajnuna mogħtija lil EPAC” (23). Peress li r-Repubblika Portugiża ma osservatx din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara talba mill-Kummissjoni, ikkonstatat ksur tat-Trattat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall.
41. Huwa minnu li kemm id-Deċiżjoni 97/762 kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, jirrigwardaw il-“kanċellament” tal-“għajnuna” (24) u f’dan ir-rigward il-kelma “għajnuna” għandha tinftiehem li tirrigwarda l-garanzija tal-Istat Portugiż (25). Madankollu, jekk wieħed iħares b’iktar reqqa, jirriżulta li bil-kelma “kanċellament” tal-garanzija, fir-realtà kien ikkontemplat l-irkupru tal-vantaġġ f’termini ta’ rati ta’ interessi baxxi li kienet kisbet EPAC minħabba l-garanzija tal-Istat meta mqabbla mar-rati tas-suq (26).
42. Fl-aħħar mill-aħħar, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, kellha għaldaqstant bħala għan uniku li l-Istat Portugiż, fir-relazzjoni tiegħu ma’ min jissellef – u għaldaqstant EPAC – imissu attivament adotta l-miżuri sabiex iħassar il-vantaġġ ekonomiku illegali tagħha, jiġifieri l-vantaġġ fir-rigward tar-rati (27). Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, tibqa’ totalment silenzjuża fir-rigward tal-obbligu iktar importanti tar-Repubblika Portugiża fis-sens ta’ taħsir tal-garanzija tal-Istat, bħala tali mogħtija bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità u f’dan ir-rigward, ma ġie kkonstatat ebda ksur tat-Trattat min-naħa tar-Repubblika Portugiża.
43. B’mod iktar ġenerali, skont ġurisprudenza stabbilita, it-“tneħħija [il-kanċellament] ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha” (28). Madankollu, l-irkupru ta’ vantaġġ bl-ebda mod ma jammonta għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-att li fuqu hija bbażata.
44. F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jiddeduċi mill-ġurisprudenza attwali u b’mod partikolari mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, li jeżisti obbligu li għandha tiġi ddikjarata nulla garanzija li ngħatat bi ksur tad-dritt Ewropew fuq l-għajnuna u li fir-rigward tagħha huwa biss min jissellef li għandu jitqies bħala benefiċjarju tal-għajnuna.
2. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza
45. Il-Kummissjoni ssemmi l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Dan il-prinċipju – imsemmi wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza – jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (29). Fi kliem ieħor, sabiex jiġi implementat id-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali, ebda kundizzjoni inqas favorevoli ma tista’ tapplika fir-rigward tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali (30).
46. Skont il-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimplika li għandha titqies bħala nulla dik il-garanzija li tingħata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta jirriżulta li jeżistu dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt nazzjonali li l-ksur tagħhom jista’ wkoll iwassal għall-annullament tal-garanzija u skont l-Artikolu 3:40(2) tal-BW.
47. Dan l-argument ma huwiex fondat. Huwa jqis bħala stabbilit element li fir-realtà għad irid jiġi eżaminat, jiġifieri l-fatt li t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE teżiġi b’mod imperattiv l-annullament ta’ miżura ta’ għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, minħabba l-għan ta’ protezzjoni tagħha.
48. Fid-dritt nazzjonali jistgħu jeżistu liġijiet li, skont l-għan ta’ protezzjoni tagħhom, għandhom bħala effett li ksur tal-liġi jwassal għall-annullament fid-dritt ċivili tat-tranżazzjonijiet u jistgħu jeżistu liġijiet oħra li, skont l-għan ta’ protezzjoni tagħhom, għandhom bħala effett li l-ksur tal-liġi ma jkunx jirrikjedi tali konsegwenza legali. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. L-element deċiżiv huwa li jiġi stabbilit ma’ liema dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali wieħed għandu jipparaguna t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE: jew ma’ dawk fejn il-ksur iwassal għan-nullità, skont l-għan ta’ protezzjoni tagħhom, jew ma’ dawk li ma jwasslux għal konsegwenzi legali ta’ dan it-tip.
49. Huwa biss li kieku kellu jiġi stabbilit, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, li ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandu jwassal bilfors għan-nullità ta’ garanzija, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jkollu l-effetti msemmija mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, sa fejn, f’din il-kawża, għandu jiġi eżaminat b’mod preċiż qabel kollox jekk id-dritt tal-Unjoni jwassalx imperattivament għan-nullità ta’ garanzija, it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma tistax a priori titqies bħala ekwivalenti għal liġijiet nazzjonali oħra ta’ projbizzjoni fis-sens tal-Artikolu 3:40(2) tal-BW.
50. Konsegwentement, l-użu tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jirnexxi fil-każ ineżami.
3. Il-garanzija u s-self huma suġġetti għal xulxin
51. Skont il-belt ta’ Rotterdam, il-garanzija u s-self huma suġġetti għal xulxin b’mod li l-eventwali nullità tal-garanzija twassal għall-ħlas lura immedjat tal-ħlas lura tas-self u għar-ritorn għall-istatus quo ante (31). Dan il-punt iwassal ukoll sabiex tiġi aċċettata n-nullità ta’ garanzija li tikser it-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 3:40(2) tal-BW.
52. Wieħed jista’ jikkontesta dan l-argument billi jgħid li għalkemm huwa minnu li l-eventwali nullità tal-garanzija tista’ eventwalment twassal għall-ħlas lura dirett tal-ħlas lura tas-self, madankollu, hija ma għandhiex l-effett ċert li tħassar il-vantaġġ ta’ min jissellef li jkun kontra d-dritt tal-Unjoni.
53. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi ħlas lura ma jiggarantixxix li s-self effettivament jitħallas lura immedjatament, iktar u iktar meta min jissellef ikun diġà jinsab f’diffikultajiet finanzjarji. Min-naħa l-oħra, fil-parti l-kbira tal-każijiet il-ħlas lura tas-self kollu jmur lil hinn minn dak li jeħtieġ għat-taħsir tal-vantaġġ li jkun kontra d-dritt tal-Unjoni. Kif ġie ppreċiżat iktar ’il fuq (32), bħala regola ġenerali dan il-vantaġġ jikkonsisti biss f’differenza fil-kummissjoni meta mqabbla mal-kummissjoni tas-suq u jestendi ruħu biss b’mod eċċezzjonali għas-somma kollha koperta bil-garanzija. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li b’dan il-mod, il-vantaġġ li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni ta’ min jissellef, ma jitħallasx lura lill-awtorità pubblika li tagħtiħ dan il-vantaġġ fil-forma ta’ garanzija, iżda lil terz – lil min sellef – li ċertament ma jistħoqqlux jirċievi dan il-vantaġġ, u li jista’ joħloq distorsjonijiet ġodda fil-kompetizzjoni.
54. Konsegwentement, il-fatt li l-garanzija u s-self li hija tkopri jkunu eventwalment suġġetti għal xulxin ma jippermettix li jiġi konkluż li, f’każ ta’ ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-garanzija trid bilfors titqies bħala nulla.
4. L-impediment kontra l-implementazzjoni tal-għajnuna
55. Il-belt ta’ Rotterdam issostni li l-implementazzjoni tal-għajnuna jista’ jkun prekluż minħabba n-nullità tal-garanzija.
56. Madankollu, f’każ bħal dan, fejn is-self diġà tħallas kollu kemm hu, din l-affermazzjoni ma hijiex konvinċenti.
57. Fil-fatt, li kieku kellu jkun biss min jissellef – jiġifieri Aerospace – li għandu jitqies bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna, allura l-miżura ta’ għajnuna kontenzjuża tkun kompletament implementata malli jitħallas is-self kopert bil-garanzija. Il-fatt li sussegwentement l-awtorità pubblika tista’ titfittex bħala garanti ma jbiddel xejn mill-fatt li min jissellef jikseb kompletament kif ukoll iżomm il-vantaġġ antikompetittiv tiegħu. F’tali każ, il-konstatazzjoni tan-nullità tal-garanzija ma tistax tikkontribwixxi sabiex tipprekludi l-implementazzjoni tal-għajnuna li tkun kontra d-dritt tal-Unjoni.
5. L-eventwali dmirijiet ta’ diliġenza ta’ min isellef fil-kuntest tal-osservanza effettiva tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE
58. Ċerti partijiet fil-proċedura jenfasizzaw l-eżistenza ta’ eventwali dmirijiet ta’ diliġenza ta’ min isellef li jeħtieġu sabiex tiġi żgurata bl-aħjar mod possibbli l-effettività prattika tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Min isellef jista’ jistrieħ fuq l-eżistenza tal-garanzija biss jekk il-konformità tagħha mas-suq intern tkun ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni. Meta min isellef jagħti minn qabel is-self kopert bil-garanzija, huwa jagħmel dan b’riskju tiegħu.
59. Madankollu, lanqas dan l-argument ma jidhirli li huwa rilevanti.
60. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu tkun ġiet osservata li l-proċedura tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (33). Madankollu, jidher li, sa llum, tali dmirijiet ta’ diliġenza bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni ġew irrikonoxxuti biss fil-konfront tal-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna u mhux fil-konfront ta’ impriżi terzi, li – kif dan spiss ikun fil-każ ta’ min isellef (34) – ikunu ipparteċipaw biss fl-implementazzjoni tal-għajnuna, mingħajr ma jkunu huma stess il-benefiċjarji tal-istess għajnuna (35).
61. Ċertament, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea affermat fis-sentenza tagħha EPAC vs Il‑Kummissjoni, b’rabta mal-garanzija tal-Istat Portugiż (36) li għaliha sar riferiment iktar ’il fuq, li huwa wkoll obbligu tal-banek kredituri li għandhom juru l-prudenza u d-diliġenza neċessarja u li għandhom jagħmlu l-verifiki meħtieġa dwar il-legalità tal-għajnuna (37). Madankollu, il-Qorti Ġenerali assolutament ma mmotivatx din l-affermazzjoni (38) u ma eżaminatx b’mod partikolari l-elementi kollha li kienu s-suġġett tad-diskussjoni fil-proċedura li kellha quddiemha.
62. Ma hemmx dubju li l-ikbar effett dissważiv jista’ jintlaħaq jekk, fl-għoti ta’ garanzija mill-awtorità pubblika, id-dmirijiet ta’ diliġenza previsti fid-dritt tal-għajnuna jibqgħu japplikaw għall-persuna li ssellef li ma tkunx hija stess il-benefiċjarja tal-għajnuna. Madankollu, b’dan il-mod wieħed ikun qiegħed imur lil hinn minn dak li jeħtieġ għall-implementazzjoni effettiva tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.
63. Jekk jiġu imposti fuq min isellef dawn id-dmirijiet ta’ diliġenza sabiex jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, ikun qiegħed jiġi ttrasferit mingħajr ebda dubju r-riskju ekonomiku tal-garanzija mill-awtorità pubblika għal fuq impriża privata li ma tkunx hija stess il-benefiċjarja tal-għajnuna. Ma tkunx l-awtorità pubblika li tagħti l-garanzija li tkun qed terfa’ r-riskju ta’ insolvenza ta’ min jissellef iżda fil-fatt ikun min isellef. Dan ikun jikkostitwixxi inċentiv mhux xieraq lill-awtoritajiet pubbliċi biex jagħtu b’leġġerezza garanziji li, jekk ikun il-każ, ma jkunux konformi mad-dritt tal-Unjoni u sabiex jittrasferixxu prinċipalment għal fuq il-persuni privati li jsellfu l-oneru finanzjarju f’każ ta’ annullament tat-tranżazzjoni (39).
64. Fl-istess ħin, tali trasferiment tar-riskju għal fuq il-persuna privata li ssellef jista’ jkollu effett dissważiv (“chilling effect”) u jista’ għaldaqstant ikollu konsegwenzi negattivi fuq l-għoti ta’ finanzjament lill-kumpanniji – b’mod partikolari fil-forma ta’ self bankarju. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti wriet biċ-ċar il-gravità tal-problemi li jistgħu jinħolqu għall-iżvilupp tal-ekonomija kollha tal-Unjoni Ewropea meta l-persuni li jsellfu jdumu sabiex jagħtu s-self lill-impriżi attivi fis-suq intern.
65. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax argumenti li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mat-teżi tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza EPAC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (40). Jekk għajnuna mill-Istat tingħata fil-forma ta’ garanzija, ebda dmir ta’ diliġenza bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni ma għandu jiġi impost fuq il-persuna ta’ min isellef li ma jkunx huwa stess il-benefiċjarju tal-għajnuna.
6. Konklużjoni intermedjarja
66. Konsegwentement, kif ġie indikat iktar ’il fuq, l-implementazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma teħtieġx li garanzija mill-Istat titqies bħala nulla minħabba ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta min isellef ma jkunx huwa stess il-benefiċjarju tal-għajnuna.
67. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-qrati nazzjonali ma għandhomx setgħa diskrezzjonali sabiex iqisu l-garanzija bħala nulla minħabba l-imsemmi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-fatt, wieħed ma jistax jaċċetta li d-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew joħloq, għall-impriżi li joperaw fis-suq intern, drittijiet u obbligi differenti skont l-Istat Membru u skont il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-impriżi kollha li joperaw fis-suq intern huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li joħorġu minn qafas legali wieħed (“level playing field”) (41).
68. B’kuntrast mal-opinjoni ta’ diversi partijiet fil-kawża, is-sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, ma tippermettix konklużjoni differenti. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat sempliċement li l-qorti nazzjonali tista’ tordna r-rimbors ta’ għajnuna li tingħata bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE anki jekk hija tkun ġiet sussegwentement approvata mill-Kummissjoni (42). Kif ġie espost iktar ’il fuq (43), l-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku miksub bl-ebda mod ma huwa ekwivalenti għan-nullità taħt id-dritt ċivili tal-att marbut mal-miżura ta’ għajnuna.
Ċ- Is-sitwazzjoni ġuridika f’każ fejn il-garanzija tagħti vantaġġ lil min isellef
69. Għad irid jiġi eżaminat il-każ fejn min isellef huwa (huwa stess) wkoll benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat li tikkostitwixxi l-garanzija.
1. Indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għal min isellef
70. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jenfasizzaw ġustament li ma huwiex neċessarjament min jissellef biss li jibbenefika mill-garanzija tal-awtorità pubblika. Il-persuna li ssellef, li l-krediti tagħha kontra min jissellef ikunu koperti b’garanzija minn awtorità pubblika tista’ tikseb, hija wkoll, vantaġġi ekonomiċi konkreti minn din il-garanzija.
71. Din hija r-raġuni għalfejn huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li teżamina b’mod iddettaljat jekk, f’dan il-każ, minbarra Aerospace li ssellfet, għandhiex titqies ukoll bħala benefiċjarja tal-għajnuna Residex, li sellfet (44). Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li ssostni Residex, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fil-kawża prinċipali jinkludu elementi ċari li jindikaw li din l-impriża, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li sellfet, kisbet fil-fatt, permezz tal-garanzija tal-belt, vantaġġ ekonomiku fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat.
72. Ċertament tali vantaġġ ma huwiex biss dovut għall-fatt li amministrazzjoni tal-belt ta’ Rotterdam tat garanzija għas-self ta’ Residex. Diversi impriżi jikkonkludu tranżazzjonijiet mal-awtoritajiet pubbliċi – fil-forma ta’ kuntratti pubbliċi, operazzjonijiet ta’ kreditu jew ta’ garanziji – u dawn it-tranżazzjonijiet kollha mhux bilfors jinkludu elementi ta’ għajnuna mill-Istat ipprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (45). Huwa b’mod partikolari fil-każ ta’ garanzija mill-awtoritajiet pubbliċi għal self privat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, ċertament, min isellef jinkiseb għaldaqstant garanzija li tippermettilu jnaqqas ir-riskju tiegħu. Madankollu, fl-istess ħin, ir-rata tas-self miftehma bejn min jissellef u min isellef f’dan il-każ għandha tirriżulta ħafna iktar baxxa milli f’każ ta’ self mhux garantit.
73. Madankollu, skont il-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni dwar il-garanziji tagħha (46), min isellef għandu jitqies bħala benefiċjarju ta’ garanzija ta’ Stat b’mod partikolari f’żewġ kategoriji ta’ każijiet:
– meta l-garanzija tingħata ex post bħala garanzija għal kreditu eżistenti ta’ min isellef, mingħajr ma jiġu adottati l-kundizzjonijiet tas-self jew tal-obbligu finanzjarju;
– meta d-dejn jiġi organizzat b’mod li self garantit jintuża sabiex jitħallas self ieħor, li ma jkunx garantit, lill-istess persuna li ssellef.
74. Kif tosserva l-qorti tar-rinviju (47), fl-għoti tal-garanzija komunali, Residex kellha kreditu ta’ diversi miljuni ta’ ewro fil-konfront ta’ Aerospace fir-rigward tal-ħlas tad-dħul mill-bejgħ mill-ġdid ta’ azzjonijiet fl-MDH li Residex kienet biegħet lil Aerospace fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha biex tbigħ. Dan il-kreditu nbidel minn Residex f’self mogħti lil Aerospace, u dan grazzi għall-garanzija mogħtija mill-awtorità tal-port ta’ Rotterdam.
75. Dan kollu jindika biċ-ċar li, f’dan il-każ, il-garanzija komunali ngħatat ex post sabiex tiggarantixxi kreditu eżistenti u/jew fil-kuntest ta’ organizzazzjoni tad-dejn, li għandha bħala konsegwenza li permezz tal-garanzija komunali Residex kisbet vantaġġ ekonomiku għaliha fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ma jeżistux elementi li jindikaw li għall-vantaġġ miksub permezz tal-garanzija, Residex ħallset lill-belt ta’ Rotterdam kummissjoni bir-rata tas-suq sabiex tikseb il-garanzija. F’dan il-każ, Residex għandha titqies hija wkoll bħala benefiċjarja tal-għajnuna flimkien ma’ Aerospace.
2. Konsegwenzi f’dak li jikkonċerna l-validità tal-garanzija
76. B’kuntrast mal-każ analizzat inizjalment (48), in-nullità tal-garanzija tikkostitwixxi mezz xieraq u indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta min isellef għandu wkoll jitqies bħala benefiċjarju tal-għajnuna flimkien ma’ min jissellef.
77. L-ewwel nett, in-nullità fid-dritt ċivili tal-garanzija hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, peress li tikkontribwixxi sabiex jitħassar il-vantaġġ ekonomiku ta’ min sellef – fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju tal-għajnuna – li huwa kiseb mingħand l-awtoritajiet pubbliċi b’mod li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
78. Kull ħlas li jsir mill-belt ta’ Rotterdam minħabba l-garanzija jikkontribwixxi sabiex jiġi aggravat il-ksur tal-projbizzjoni mill-implementazzjoni tal-għajnuna prevista mid-dritt tal-Unjoni u jsaħħaħ il-vantaġġ illeġittimu li Residex tikseb eventwalment bħala benefiċjarja tal-għajnuna, mill-garanzija mogħtija. Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità tal-garanzija, dan ikun jippermetti li jiġi evitat li jkompli jippersisti l-vantaġġ ta’ Residex. B’dan il-mod, il-qorti nazzjonali tissodisfa l-obbligu tagħha li tevita l-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat li jkun kontra d-dritt tal-Unjoni (49).
79. Li kieku Residex qagħdet fuq il-validità tal-garanzija, allura dawn l-aspettattivi ma għandhomx jiġu protetti. Fil-fatt, bħala benefiċjarja tal-għajnuna, seta jiġi mistenni li fil-kuntest tad-dmir ta’ diliġenza tagħha, hija tiżgura ruħha li tiġi osservata l-proċedura prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (50). F’dan ir-rigward, l-eventwali rapporti ta’ esperti li jidhru li tqabbdu mill-belt ta’ Rotterdam (51) u li milli jidher ikkonkludew li t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ma tapplikax ma jistgħu jbiddlu xejn minn din is-sitwazzjoni. Jista’ jkun hemm aspettattivi li jeħtieġu protezzjoni dment li jkun hemm diġà deċiżjoni finali tal-Kummissjoni bħala l-awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni u li, jew tiċħad li l-garanzija għandha kwalità ta’ għajnuna, jew, fi kwalunkwe każ, tikkonstata l-konformità tagħha mas-suq intern (52).
80. Huwa preċiżament minħabba li Residex kienet suġġetta għall-imsemmija dmirijiet ta’ diliġenza li din il-kumpannija ma għadhiex tista’ ssostni li l-belt ta’ Rotterdam ma setgħetx titbiegħed mill-idea preċedenti tagħha (venire contra factum proprium) (53). Li kieku kien hemm ix-xewqa li l-belt ta’ Rotterdam tiġi involuta minħabba li l-awtoritajiet tagħha taw il-garanzija kontra d-dritt tal-Unjoni, dan ikun totalment kontra l-għan ta’ protezzjoni tad-dritt Ewropew fir-rigward tal-kompetizzjoni inġenerali kif ukoll kontra t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE b’mod partikolari. Awtorità pubblika għandha tkun tista’ tinvoka quddiem qorti li l-vantaġġ jew il-ħlas li impriża titlob mingħandha jikser id-dritt tal-Unjoni (54). Fil-każ oppost, huwa ġeneralment aċċettat li impriża tista’ tinvoka wkoll quddiem qorti li l-ħlas li hija tintalab tagħmel imur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni (55).
81. It-tieni nett, in-nullità fid-dritt ċivili ta’ garanzija mhux approvata mill-Kummissjoni hija wkoll indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.
82. Ċertament, mill-perspettiva purament teoretika, wieħed jista’ jimmaġina li din il-garanzija tiġi ddikjarata biss parzjalment nulla, jiġifieri sa fejn tinkludi vantaġġ antikompetittiv għal min isellef. F’każ bħalma huwa dak ineżami, dan ikollu l-konsegwenza li l-belt, bħala l-parti li tagħti l-garanzija, ikollha tħallas abbażi ta’ din il-garanzija u tkun tista’ eventwalment tnaqqas mis-somma dovuta minnha l-ammont li kien jikkorrispondi għall-kummissjoni bir-rata tas-suq għall-għoti tal-garanzija.
83. Madankollu, sabiex jintlaħaq l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, l-aċċettazzjoni ta’ din in-nullità parzjali tkun manifestament inqas xierqa min-nullità sħiħa.
84. Fil-fatt, minn naħa, il-qorti nazzjonali għandha l-kompitu diffiċli li teżamina x’kienet, fil-mument tal-għoti tal-garanzija, ir-rata ta’ kummissjoni fis-suq u għaldaqstant il-kummissjoni xierqa. Jekk min jissellef – bħal f’dan il-każ – ma seta’ jikseb ebda self fis-suq, allura t-total tal-ammont tas-self, jiġifieri s-somma kollha koperta bil-garanzija għandha titqies bħala vantaġġ lil min sellef, fid-dawl tal-fatt li l-kuntratt tas-self bl-ebda mod ma kien jiġi konkluż li kieku ma kienx hemm din il-garanzija (56).
85. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ nullità (sempliċiment) parzjali tal-garanzija, il-persuna li sellfet li tkun ivvantaġġjata minħabba din l-għajnuna tinħeles kompletament mill-koresponsabbiltà tagħha f’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni (57). Il-persuni li jsellfu li jkunu vvantaġġjati minħabba l-garanzija jkunu għaldaqstant inċentivati b’mod żbaljat sabiex jipparteċipaw malajr fil-finanzjament ta’ proġetti li għalihom ma hemm ebda awtorizzazzjoni skont id-dritt Ewropew tal-għajnuna.
86. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tordnax f’kull każ l-ikrupru sħiħ tal-għajnuna li tkun ingħatat bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-kawża CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, kien biżżejjed għall-Qorti tal-Ġustizzja li l-benefiċjarju tal-għajnuna ġie kkundannat fis-sens li l-vantaġġ ekonomiku li huwa kien kiseb mill-awtoritajiet pubbliċi jkun suġġett għal rata ta’ interessi xierqa, mingħajr ma kellha tiġi rrimborsata l-għajnuna bħala tali (58). Madankollu, din il-ġurisprudenza tapplika biss fil-każijiet fejn l-għajnuna mogħtija bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE tiġi sussegwentement approvata b’“deċiżjoni pożittiva” tal-Kummissjoni (59). Għaldaqstant, il-kriterju determinanti li jippermetti li jiġi stabbilit jekk il-benefiċjarju jistax jirrikjedi l-ħlas ta’ għajnuna għall-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva jew jekk jistax iżomm il-parti tal-għajnuna li diġà tħallset huwa l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (60).
3. Konklużjoni intermedjarja
87. Fil-qosor, garanzija ta’ Stat mogħtija għal self privat bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u mingħajr l-awtorizzazzjoni ex post tal-Kummissjoni Ewropea għandha titqies nulla jekk min isellef ikun huwa stess il-benefiċjarju tal-għajnuna.
VI – Konklużjoni
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej:
“Garanzija ta’ Stat mogħtija għal self privat bi ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u mingħajr l-awtorizzazzjoni ex post tal-Kummissjoni Ewropea għandha titqies nulla dment li min isellef ikun huwa stess il-benefiċjarju tal-għajnuna”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU 2008, C 155, p. 10.
3 – Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u tal-Artikolu 88 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea għal għajnuna mill-istat f’forma ta’ garanziji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 369); ara b’mod iktar partikolari l-punti 2.1.1, 2.2.1, 2.2.2 u 6.5.
4 – ĠU 2009, C 85, p. 1.
5 – Burgerlijk Wetboek.
6 – Dawn it-tliet kumpanniji huma rregolati mid-dritt Olandiż.
7 – Dak iż-żmien daqs EUR 13.9 miljun.
8 – Gemeentelijk Havenbedrijf Rotterdam.
9 – Sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, Ġabra p. I‑469, punt 46), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Wienstrom (C‑384/07, Ġabra p. I‑10393, punt 28); fl-istess sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich et (C‑368/04, Ġabra p. I‑9957, punt 50).
10 – Sentenzi Transalpine Ölleitung in Österreich (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 47), kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 41); ara, ukoll, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, (C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 12), tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 40), tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 64), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia (C‑71/04, Ġabra p. I‑7419, punt 49). Ara, barra minn hekk, il-punt 30 tal-Avviż dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali.
11 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 12 u 17) kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 73).
12 – Dan hu dak magħruf bħala “l-għan ta’ prevenzjoni” jew il-“prevenzjoni” li fuqu hija bbażata t-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE; ara f’dan ir-rigward is-sentenza CELF et ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 47 u 48).
13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Transalpine Ölleitung in Österreich (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 46 u 50), kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 38 u 46); bl-istess mod, ara s-sentenzi Banks (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 75) u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 113).
14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, hekk imsejħa “Tubemeuse” (C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 66), tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C‑24/95, Ġabra p. I‑1591, punt 23), Unicredito Italiano (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 113) kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark (C‑210/09, Ġabra p. I‑4613, punt 31).
15 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher ukoll li tibbaża ruħha fuq din id-distinzjoni fis-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 56); minn din is-sentenza jirriżulta li impriża li tipparteċipa fi tranżazzjoni ta’ kreditu tista’ titqies bħala benefiċjarja tal-għajnuna dment li hija tikseb vantaġġ ekonomiku korrispondenti.
16 – Komunikazzjoni dwar il-garanziji, punt 2.2.
17 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 31); fl-istess sens, ara, ukoll il-komunikazzjoni dwar il-garanziji, punt 4.1(a): “Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija”.
18 – Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li bl-għoti ta’ garanzija lil persuna li ssellef, Aerospace li ssellfet, setgħet tikseb mingħandha kreditu li hija qatt ma setgħet tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li Aerospace ċertament lanqas ma kisbet il-garanzija bħala tali f’kundizzjonijiet normali tas-suq – u mhux biss b’kundizzjonijiet inqas favorevoli.
19 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000 (C‑404/97, Ġabra p. I‑4897).
20 – Empresa Para a Agroalimentação e Cereais SA.
21 – Fis-26 ta’ Lulju 1996, meta EPAC ġiet awtorizzata tinnegozja self, PTE 50 biljun kienu daqs madwar ECU 255 200 000 (skont ir-rati ppubblikati fil-ĠU 1996, C 218, p. 1), fejn illum ECU 1 huwa daqs EUR 1.
22 – Fit-30 ta’ Settembru 1996, li hija l-ġurnata meta ngħatat il-garanzija, PTE 30 biljun kienu daqs madwar ECU 153 700 000 (skont ir-rati ppubblikati fil-ĠU 1996, C 288, p. 1), fejn illum ECU 1 huwa daqs EUR 1.
23 – Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/762/KE, tad-9 ta’ Lulju 1997, dwar il-miżuri adottati mill-Portugall favur EPAC (ĠU L 311, p. 25), riprodotta fil-punt 16 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).
24 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 16 u 38).
25 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 47).
26 – Fil-punt 46 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-“obbligu li tikkanċella l-għajnuna illegali permezz tal-ikrupru”, u fil-punt 48 ta’ din l-istess sentenza, hija żżid tgħid li “l-vantaġġ finanzjarju li jkun irid jiġi rkuprat [...] huwa rappreżentat fid-differenza bejn ir-rata tas-suq fuq self bankarju [...] u r-rata effettivament imħallsa minn EPAC” [...]; ara, barra minn hekk, il-punt 56 ta’ din is-sentenza fejn ġie eżaminat għal darb’oħra dak li “[huwiex] meħtieġ biex jiġi rkuprat il-vantaġġ finanzjarju msemmi fid-deċiżjoni inkwistjoni”.
27 – Fil-prassi deċiżjonali tagħha ta’ dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet għadha tibbaża ruħha fuq il-vantaġġ f’termini ta’ rata filwaqt li fil-prassi attwali tagħha, hija tibbaża ruħha pjuttost fuq il-vantaġġ f’termini ta’ kummissjoni.
28 – Sentenzi Tubemeuse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 66); Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 38); Banks (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 74); tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑110/02, Ġabra p. I‑6333, punt 41), CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 54), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑507/08, Ġabra p. I‑13489, punt 42); enfasi miżjuda. Ara fl-istess sens, il-punt 30 tal-komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali.
– Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punt 62), tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, Ġabra p. 1‑0635, punt 33), kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, Ġabra p. 1‑3189 , punt 19).30 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5), kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 46).
31 – Il-Belt tibbaża ruħha f’dan ir-rigward, minn naħa, fuq il-prassi kurrenti ta’ min isellef u, min-naħa l-oħra, fuq klawżola fil-kuntratt tas-self konkluż f’dan il-każ bejn Residex u Aerospace.
32 – Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
33 – Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 14); Alcan Deutschland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 25); tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punti 44 u 45), kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, Ġabra p. I‑1875, punt 64).
34 – Dwar il-każ partikolari fejn min isellef jitqies huwa stess bħala benefiċjarju tal-għajnuna, ara iktar ’il quddiem il-punti 69 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 – Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Alcan Deutschland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 49); Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punti 44 u 45), Atzeni et (iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punti 64 u 65, kif ukoll tat-22 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Salzgitter (C‑408/04 P, Ġabra p. I‑2767, punt 104). Ara f’dan is-sens ukoll l-opinjoni legali espressa mill-Kummissjoni fil-punt 2.3.2 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji tagħha, fejn l-effetti tal-illegalità tal-għajnuna fuq ir-rabta legali eżistenti bejn l-Istat u min isellef ġew diskussi fil-każ fejn min isellef stess huwa l-benefiċjarju tal-għajnuna. Lanqas hemm xi konklużjoni oħra li tista’ tinsilet mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1983, ta’ spiss imsemmija (ĠU C 318, p. 3), li wkoll tikkontempla biss il-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali: “il-Kummissjoni għandha tinforma [...] lill-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat b’dak li kull benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment [...] għandu eventwalment jirrimborsa”.
36 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iktar ’il fuq.
37 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummmissjoni (T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 144); fl-istess sens, ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il‑Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra p. II‑4749, punt 354).
38 – L-istess japplika għall-punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15) u għall-punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19).
39 – Ara, ukoll, is-sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 40) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja topponi għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li twassal sabiex tinċentiva n-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE [li qabel kienet it-tielet sentenza tal-Artikolu 88(3) KE].
40 – Ara f’dan ir-rigward, il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.
41 – Ara f’dan ir-rigward il-punt 169 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, Ġabra p. I‑108301).
42 – Sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 53); ara, ukoll, is-sentenza Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 29).
43 – Ara l-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
44 – Din il-kwistjoni ma tidhirx li ġiet eżaminata mill-qrati nazzjonali fil-kawża prinċipali; ara f’dan ir-rigward il-punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Keus fl-appell quddiem il-Hoge Raad.
45 – Anki l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni dwar il-garanziji tagħha, assolutament ma tqisx li l-garanziji kollha tal-awtoritajiet pubbliċi jikkostitwixxu awtomatikament għajnuna favur min isellef. Min-naħa l-oħra, mill-punti 2.2 u 2.3.1 ta’ din il-komunikazzjoni jirriżulta li bħala regola ġenerali, min isellef huwa benefiċjarju tal-għajnuna u li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li anki min isellef jibbenefika direttament mill-garanzija. Barra minn hekk il-Kummissjoni reġgħet affermat din l-opinjoni fil-proċedura orali ta’ din il-kawża.
46 – Ara f’dan ir-rigward il-punt 2.3.1 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji. Il-punt 2.2.2 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji tal-2000 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3) kien diġà jinkludi wkoll dispożizzjoni sostanzjalment simili.
47 – Ara iktar ’il fuq il-punti 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
48 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 34 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet (fuq il-pożizzjoni legali f’każ fejn il-garanzija ma tagħti ebda vantaġġ lil min isellef).
49 – F’dan is-sens, ara l-aħħar sentenza tal-punt 28 tal-komunikazzjoni dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali.
50 – Ara iktar ’il fuq il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.
51 – Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal dawn ir-rapporti fl-osservazzjonijiet tagħha. F’dan il-kuntest, ma nistax nesprimi l-iċken opinjoni dwar il-kwalità ta’ dawn ir-rapporti.
52 – F’dan is-sens, ara s-sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 66 sa 68) kif ukoll il-punt 2.3.2 tal-komunikazzjoni dwar il-garanziji; ara, barra minn hekk, is-sentenza Alcan Deutschland (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti. 25 u 49), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna bħala prinċipju jistgħu joqogħdu fuq il-legalità tal-għajnuna dment li din tingħata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE.
53 – L-istess japplika għall-prinċipju “nemo audiatur propriam turpitudinem allegans”, iċċitat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta.
54 – Dan intqal ukoll b’mod ipotetiku mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 18 b’rabta mal-punti 58 u 59), u fi Transalpine Ölleitung in Österreich (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 49).
55 – Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta ħlas parafiskali jikkostitwixxi element sħiħ minn skema ta’ għajnuna li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni: ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi van Calster et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, b’mod partikolari l-punti 54 u 65); tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, Ġabra p. I‑7529, b’mod partikolari l-punt 40), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, Ġabra, p. I‑10807). F’kawża bejn individwi, huwa possibbli wkoll li parti tinvoka l-fatt li s-servizz miftiehem jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni: ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, b’mod partikolari l-punt 24).
56 – F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet japplikaw b’analoġija.
57 – Dwar l-obbligi ta’ diliġenza tal-benefiċjarju tal-għajnuna, ara iktar ’il fuq il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-punt 33 tal-ġurisprudenza ċċitata.
58 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 52 u 53; fl-istess sens, is-sentenza Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 28 sa 30).
59 – Dan huwa enfasizzat fis-sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9) bi kliem bħal “meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni pożittiva [...]” (punt 49), “f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali [...]” (punt 52) u “meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali” (punt 55).
60 – Sentenza Wienstrom (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 31).