This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CC0162
Opinion of Advocate General Trstenjak delivered on 29 June 2011. # Phonographic Performance (Ireland) Limited v Ireland and Attorney General. # Reference for a preliminary ruling: High Court (Commercial Division) - Ireland. # Copyright and related rights - Directive 2006/115/EC - Articles 8 and 10 - Concepts of ‘user’ and ‘communication to the public’ - Installation in hotel bedrooms of televisions and/or radios to which the hotelier distributes a broadcast signal. # Case C-162/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 29 ta' Ġunju 2011.
Phonographic Performance (Ireland) Limited vs l-Irlanda u Attorney General.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court (Commercial Division) - l-Irlanda.
Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2006/115/KE - Artikoli 8 u 10 - Kunċett ta’ ‘utent’ u ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ - Xandir ta’ fonogrammi permezz ta’ apparat tat-televiżjoni u/jew tar-radju installat fil-kmamar ta’ lukandi.
Kawża C-162/10.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 29 ta' Ġunju 2011.
Phonographic Performance (Ireland) Limited vs l-Irlanda u Attorney General.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court (Commercial Division) - l-Irlanda.
Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2006/115/KE - Artikoli 8 u 10 - Kunċett ta’ ‘utent’ u ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ - Xandir ta’ fonogrammi permezz ta’ apparat tat-televiżjoni u/jew tar-radju installat fil-kmamar ta’ lukandi.
Kawża C-162/10.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:432
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2011 ( 1 )
Kawża C-162/10
Phonographic Performance (Ireland) Ltd
vs
L-Irlanda et
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Commercial Division) (l-Irlanda)]
“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttivi 92/100/KEE u 2006/115/KE — Drittijiet tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u ta’ produtturi ta’ fonogrammi — Artikolu 8(2) — Komunikazzjoni lill-pubbliku — Komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi fil-kuntest ta’ xandiriet riċevuti fuq apparat tar-radju jew tat-televiżjoni fi kmamar ta’ lukandi — Komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ apparat ta’ riproduzzjoni jew ta’ fonogrammi fi kmamar ta’ lukandi — Utenti — Remunerazzjoni ekwa — Artikolu 10(1)(a) — Limitazzjoni tad-drittijiet — Użu privat”
Werrej
I – Introduzzjoni |
|
II – Id-dritt applikabbli |
|
A – Id-dritt internazzjonali |
|
1. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma |
|
2. It-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi |
|
B – Id-dritt tal-Unjoni |
|
1. Id-Direttiva 92/100 |
|
2. Id-Direttiva 2006/115 |
|
3. Id-Direttiva 2001/29 |
|
C – Id-dritt nazzjonali |
|
III – Il-fatti |
|
IV – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari |
|
V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
VI – Osservazzjonijiet preliminari |
|
VII – L-ewwel u t-tieni domandi preliminari |
|
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet |
|
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt |
|
1. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 |
|
2. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 |
|
a) Fuq il-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni |
|
b) Il-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni |
|
c) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku |
|
i) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni |
|
ii) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” |
|
iii) Konklużjoni |
|
d) Il-kunċett ta’ utent |
|
e) L-obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa unika |
|
i) It-tifsira ta’ “jew” u “uniku” |
|
ii) In-natura ekwa ta’ remunerazzjoni addizzjonali |
|
iii) Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri |
|
iv) L-effetti ta’ miżata għal xandir |
|
v) Konklużjoni |
|
3. Konklużjoni |
|
VIII – It-tielet domanda preliminari |
|
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet |
|
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt |
|
IX – Ir-raba’ domanda preliminari |
|
A – Argumenti prinċipali tal-partijiet |
|
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt |
|
1. Il-kunċett ta’ komunikazzjoni |
|
2. Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” |
|
3. Il-kunċett ta’ utent |
|
4. Konklużjoni |
|
X – Il-ħames domanda preliminari |
|
A – Argumenti prinċipali tal-partijiet |
|
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt |
|
XI – Konklużjoni |
I – Introduzzjoni
1. |
L-istess bħal ma l-invenzjoni tal-istamperija minn Gutenberg wasslet fl-aħħar għal protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet bil-miktub, l-invenzjoni tal-fonografu minn Edison mhux biss saħħet l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali, imma wkoll fetħet it-triq għall-introduzzjoni tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur għall-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u għall-produtturi ta’ fonogrammi. L-użu ta’ fonogramma ma jikkonċernax biss id-dritt tal-awtur fuq ix-xogħol protett imma wkoll id-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u tal-produtturi ta’ fonogrammi. |
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tikkonċerna d-dritt għal remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 2 ) jew tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) ( 3 ) li għandhom jitħallsu għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma li tkun diġà ġiet ippubblikata għal finijiet ta’ kummerċ. |
3. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk dan id-dritt jeżistix ukoll fejn lukandier jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti, settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju li lilhom jibgħat sinjal tax-xandir. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq jekk, f’tali każ, l-operatur jużax il-fonogrammi mxandra fil-qasam ta’ xandiriet bir-radju u bit-televiżjoni għall-komunikazzjoni lill-pubbliku. |
4. |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali lukandier, meta ma jqiegħedx settijiet tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar, imma jqiegħed apparat ta’ riproduzzjoni u l-fonogrammi korrispondenti, ikunx ukoll qiegħed juża dawk il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku. |
5. |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk Stat Membru li ma jipprovdix għal remunerazzjoni ekwa f’każijiet bħal dawn, jistax jinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprovdu limitazzjonijiet għad-dritt għal remunerazzjoni ekwa fil-każ ta’ użu privat. |
6. |
Fil-mertu, dawn id-domandi huma simili għal dawk indirizzati fis-sentenza SGAE ( 4 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-ewwel nett li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 5 ) meta operatur ta’ lukanda jibgħat sinjal permezz ta’ apparat ta’ televiżjoni mqiegħed fil-kmamar, u dan, tkun xi tkun it-teknika ta’ xandir tas-sinjal li tkun ġiet utilizzata. Barra minn hekk, hija kkonstatat li n-natura privata tal-kmamar tal-lukanda ma tipprekludix in-natura pubblika tal-komunikazzjoni. F’dan il-każ, għandha b’mod partikolari ssir id-domanda jekk din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hijiex applikabbli għall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115, li jagħmel riferiment għad-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu, u għall-produtturi ta’ fonogrammi. |
7. |
Barra minn hekk, din il-kawża hija simili għall-Kawża C-135/10, SCF Consorzio Fonografici, li fiha ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess jum. Fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici, il-kwistjoni hija b’mod partikolari li jkun magħruf jekk dentist li jippremetti lill-pazjenti tiegħu jisimgħu xandiriet tar-radju permezz ta’ apparat tar-radju mqiegħed fil-klinika tiegħu għandux iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 għaliex ikun qiegħed jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fil-kuntest tax-xandira tar-radju. |
II – Id-dritt applikabbli
A – Id-dritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma
8. |
L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ nies li jagħtu servizz, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”) , jipprovdi: “Meta fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ, jew kopja ta’ dik il-fonogramma, hija użata direttament għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-publiku, remunerazzjoni ġusta u unika għandha titħallas mill-utent lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu, u lill-produtturi ta’ fonogrammi jew lilhom it-tnejn. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn il-partijiet, tiddetermina l-kundizzjonijiet tat-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
9. |
Skont l-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma: “L-Istati kontraenti kollha għandhom il-fakultà li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jipprovdu għal eċċezzjonijiet għall-protezzjoni mogħtija b’din il-Konvenzjoni fil-każijiet li ġejjin:
|
10. |
L-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jaqra kif ġej: “Meta jiffirmaw din il-Konvenzjoni, l-Istati kollha jaċċettaw l-obbligazzjonijiet kollha u jgawdu l-vantaġġi kollha li hija tipprovdi. B’danakollu, Stat jista’ f’kull waqt jispeċifika, f’dikjarazzjoni li tiġi ddepożitata mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti:
|
11. |
L-Irlanda hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma; madankollu, hija bagħtet notifika skont l-Artikolu 16(1)(a)(ii). |
12. |
L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Huma biss l-Istati Membri li jistgħu jsiru partijiet kontraenti. |
2. It-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi
13. |
It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (Genève, 1996) (iktar ’il quddiem id-“WPPT”), tal-20 ta’ Settembru 1996 ( 7 ) fih dispożizzjonijiet ta’ dritt internazzjonali dwar id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur li jmorru lil hinn minn dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. |
14. |
L-Artikolu 1 tad-WPPT jipprovdi hekk: “Relazzjoni ma’ Konvenzjonijiet oħra (1) Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Prestaturi, Produtturi tal-Fonogrammi u Organizzazzjonijiet ta’ Xandir, magħmula f’Ruma, fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”). (2) Il-protezzjoni mogħtija taħt dan it-trattat tħalli l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur f’xogħlijiet litterarji u artistiċi bla mittiefes u bl-ebda mod ma tolqotha. Għalhekk, l-ebda disposizzjoni ta’ dan it-Trattat ma tista’ tkun interpretata li qed tippreġudika tali protezzjoni. (3) Dan it-Trattat mhux se jkollu x’jaqsam ma’ trattati oħrajn, u lanqas se jippreġudika drittijiet u obbligi taħt trattati oħrajn.” |
15. |
L-Artikolu 2(f) u (g) tad-WPPT li jagħti definizzjonijiet, jipprovdi hekk: “Għall-għanijiet tat-Trattat:
|
16. |
Il-Kapitolu II tad-WPPT jittratta d-drittijiet ta’ artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu, u l-Kapitolu III, id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi. Il-Kapitolu IV fih dispożizzjonijiet komuni għall-artisti u għall-produtturi ta’ fonogrammi. L-Artikolu 15 tad-WPPT li jifforma parti minn dan l-aħħar kapitolu, jikkonċerna d-dritt għal remunerazzjoni għax-xandir u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, u jipprovdi: “(1) Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku. (2) Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba. (3) Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’ l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet. (4) Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.” |
17. |
L-Artikolu 16 tad-WPPT, imsejjaħ “Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet”, jipprovdi: “(1) Partijiet kontraenti jistgħu, fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, idaħħlu l-istess tip ta’ limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet rigward il-protezzjoni tal-prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi li għandhom, fil-leġislazzjoni nazzjonali taghom, għall-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ l-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi. (2) Partijiet kontraenti se jorbtu kull limitazzjoni tad-drittijiet jew eċċezzjonijiet lid-drittijiet previsti f’dan it-Trattat ma’ ċerti kazi speċjali li ma joħolqux konflitti ma’ sfruttament normali tal-prestazzjoni jew fonogramma u li ma jippreġudikawx b’mod irraġjonevoli l-interessi leġittimi tal-prestatur jew tal-produttur tal-fonogramma.” |
18. |
L-Irlanda u l-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti fid-WPPT. La waħda u lanqas l-oħra ma ppreżentaw notifika fit-termini tal-Artikolu 15(3) tad-WPPT. |
B – Id-dritt tal-Unjoni ( 8 )
1. Id-Direttiva 92/100
19. |
Il-premessi 5, 7 sa 10, 15 sa 17 u 20 tad-Direttiva 92/100 jipprovdu dan li ġej: “[...]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
20. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/100 huwa intitolat “Xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”. Huwa jipprovdi: “(1) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprevjenu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, minbarra fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġa wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar. (2) L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm[a] [t]jixxandar għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ d[i]n il-fonogramm[a], tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[a], jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom. (3) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ dritt tad-dħul.” |
21. |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/100 jipprovdi: “Limitazzjonijiet għad-drittijiet. (1) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija fil-Kapitolu II rigward ta’:
[…] (2) Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jipprovdi għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk kif hemm provvdut rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi. Madankollu, jistgħu jkunu provvduti għal liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma. (3) Il-paragrafu 1(a) għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull leġislazzjoni eżistenti jew futura dwar ħlas għal riproduzzjoni għal użu privat.” |
2. Id-Direttiva 2006/115
22. |
Id-Direttiva 2006/115 ikkonsolidat id-Direttiva 92/100. Il-premessi 3, 5 sa 7, 12, 13 u 16 tad-Direttiva 2006/15 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
|
23. |
Il-Kapitolu II tad-Direttiva jirregola d-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur. L-Artikolu 8, li jirrigwarda x-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, jipprovdi: “(1) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġa wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar. (2) L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk [t]jintuża fonogramm[a] ippubblikat[a] għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ d[i]n il-fonogramm[a], għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[a], jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom. (3) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.” |
24. |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva huwa intitolat “Limitazzjoni għad-drittijiet” u jgħid dan li ġej: “(1) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija f’dan il- Kapitolu rigward ta’:
[…] (2) Irrispettivament mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jagħmel dispożizzjoniet għall-istess tipi ta’ limitazzjonijiet rigward il-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi, organizzazzjonijiet tax-xandir u ta’ produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, hekk bħad-dispożizzjonijet previsti fil-liġi tiegħu rigward il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur f’xogħlijiet letterarji u artistiċi. Madankollu, jistgħu jkunu previsti liċenzji obbligatorji, biss sal-punt fejn ikunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma. (3) Il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tal-materja u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.” |
25. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva huwa intitolat “Tħassir” u jipprovdi: “Id-Direttiva 92/100/KEE hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta’ l-Anness I. Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.” |
3. Id-Direttiva 2001/29
26. |
Il-premessi 9 sa 12, 15, 23, 24 u 27 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
27. |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi: “(1) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. (2) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:
[…]
|
C – Id-dritt nazzjonali
28. |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinsabu fil-Liġi tal-2000 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Act 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2000”). |
29. |
It-tieni parti tal-Liġi tal-2000 hija intitolata “Drittijiet tal-Awtur”. |
30. |
Fir-rigward tal-fonogrammi, l-Artikolu 17(2)(b) tal-Liġi tal-2000 jipprovdi li d-dritt tal-awtur jeżisti fuq ir-reġistrazzjonijiet ta’ smigħ. Skont l-Artikolu 21(a) u l-Artikolu 23(1) il-produttur ta’ reġistrazzjoni ta’ smigħ huwa l-awtur u għalhekk l-ewwel proprjetarju tad-dritt tal-awtur fuq dik ir-reġistrazzjoni. |
31. |
Ir-raba’ kapitolu tal-Liġi tal-2000 huwa intitolat “Drittijiet tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur”. |
32. |
Skont l-Artikolu 37(1)(b) ta’ dan il-kapitolu, il-proprjetarju ta’ dritt tal-awtur fuq xogħol (inkluż il-produttur ta’ fonogramma) għandu d-dritt esklużiv li “jqiegħed ix-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”. Għalhekk, fid-dritt Irlandiż, produttur ta’ fonogramma għandu, sa ċertu punt, iktar drittijiet minn dawk li ngħatawlu mid-Direttivi 92/100 jew 2006/115. |
33. |
Skont l-Artikolu 37(2) tal-Liġi tal-2000, kull min, mingħajr il-permess mingħand il-proprjetarju tad-dritt, iwettaq xi atti ristretti mid-dritt tal-awtur jew jippermetti lil xi persuna oħra twettaq tali atti, jikser id-dritt tal-awtur. |
34. |
Madankollu, l-Artikolu 38 tal-Liġi tal-2000 jippermetti drittijiet ta’ użu għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi lill-pubbliku u għall-użu tagħhom minn servizzi ta’ xandir jew ta’ distribuzzjoni ta’ programmi bil-kejbil. Skont din id-dispożizzjoni, kulħadd għandu d-dritt jagħmel dan l-użu jekk huwa lest li jħallas remunerazzjoni ekwa għad-distribuzzjoni jew għall-użu waqt xandir jew servizz ta’ programm bil-kejbil u josserva l-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-Artikolu 38 tal-Liġi tal-2000. |
35. |
Is-sitt kapitolu tal-Liġi tal-2000 jirregola l-atti li jistgħu jitwettqu rigward xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur. |
36. |
L-Artikolu 97 ta’ dan il-kapitolu jipprovdi kif ġej: “1) Salv kif ipprovdut fil-paragrafu 2, ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-awtur fuq reġistrazzjoni ta’ smigħ, xandir jew servizz ta’ programm bil-kejbil il-fatt li tinstema’ reġistrazzjoni ta’ smigħ, tintwera xandira jew servizz bil-kejbil meta din tinstema’ jew tintwera
(2) Il-paragrafu 1 ma huwiex applikabbli għall-partijiet ta’ stabbilimenti koperti bid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu jekk jintalab ħlas moderat għad-dħul għal dik il-parti mill-istabbiliment fejn tinstema’ jew tintwera r-reġistrazzjoni, ix-xandira jew il-programm”. |
37. |
It-tielet parti tal-Liġi tal-2000 tirrigwarda d-drittijiet tal-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu. L-Artikolu 246 tal-Liġi tal-2000, li nsibu f’din il-parti jipprovdi eċċezzjoni rigward l-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu paragunabbli għal dik stipulata fl-Artikolu 97. |
38. |
Ma teżisti ebda diżpożizzjoni simili għal dik ipprovduta fl-Artikoli 97 u 246 għall-awturi ta’ xogħlijiet letterarji, artistiċi, teatrali jew mużikali fis-sens tad-Direttiva 2001/29. |
III – Il-fatti
39. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija ta’ amministrazzjoni kollettiva. Il-membri tagħha huma produtturi ta’ fonogrammi li huma proprjetarji ta’ drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur fuq fonogrammi. Ir-rikorrenti tipproteġi, fl-interess tal-membri tagħha, id-drittijiet tagħhom riżultanti mill-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom. |
40. |
Il-konvenut fil-kawża prinċipali huwa l-Istat Irlandiż. |
41. |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Irlanda naqset milli tittrasponi korrettement id-Direttivi 92/100 u 2006/115. L-Artikolu 97(1) tal-Liġi tal-2000 ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, jew tad-Direttiva 2006/115, sa fejn ma jipprovdix dritt għal remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi li ssir permezz ta’ apparat tar-radju, tat-televiżjoni jew ta’ riproduzzjoni ta’ ħsejjes li jitqgħedu fi kmamar tal-lukandi jew ta’ guesthouses Irlandiżi bħala parti mis-servizzi li jingħataw minn dawn tal-aħħar. |
42. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra l-Irlanda, fejn l-ewwel nett, hija talbet li jiġi kkonstatat li meta l-Irlanda adottat l-Artikolu 97 tal-Liġi tal-2000, hija kisret l-Artikolu 10 KE u, it-tieni nett, hija talbet kumpens għall-preġudizzju li sofriet konsegwentement. |
IV – Il-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali u d-domandi preliminari
43. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa prevista fl-Artikoli 97(1)(a) u 246 tal-Liġi tal-2000 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew tad-Direttiva 2006/115 fejn hija teżenta il-komunikazzjoni ta’ fonogrammi, ta’ xandiriet mingħajr fili u tax-xandir bil-kejbil fil-kmamar ta’ lukandi jew ta’ guesthouses mill-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa. Kien għalhekk li l-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
44. |
Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-kawża ma tirrigwardax dawk il-partijiet mil-lukandi u mill-guesthouses li huma aċċessibbli għall-pubbliku imma biss il-kmamar. Barra minn hekk, il-kawża la tirrigwarda t-trażmissjonijiet interattivi u lanqas dawk li jsiru fuq talba tal-klijent. |
V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
45. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2010. |
46. |
Matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Grieg, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. |
47. |
Rappreżentanti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ta’ SCF, ta’ Marco del Corso, tal-Irlanda, tal-Gvern Taljan, dak Irlandiż, Grieg u Franċiż, kif ukoll tal-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta komuni għal din il-kawża u għall-Kawża C-135/10, SCF Consorzio Fonografici, li saret fis-7 ta’ April 2011. |
VI – Osservazzjonijiet preliminari
48. |
Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti tressaq talba għall-ħlas tad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-Irlanda għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali dritt għal kumpens jeżisti bħala prinċipju ġenerali fid-dritt tal-Unjoni meta r-regola tad-dritt tal-Unjoni li tiġi miksura jkollha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwu, meta l-ksur ta’ dik ir-regola huwa suffiċjentement serju u meta teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi ( 9 ). Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju volontarjament illimitat ruħha għall-punt li ssir taf jekk l-Irlanda naqsitx mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jew 2006/115. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għal din id-domanda fid-dawl tal-fatti esposti iktar ’il quddiem, dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, allura hija għandha, sa fejn hija tixtieq tibbaża ruħha fuq ir-responsabbiltà tal-Istat prevista mid-dritt tal-Unjoni, teżamina wkoll jekk jissussistux il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ dik ir-responsabbiltà. |
49. |
Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ sempliċità, jiena ser nirreferi biss għad-Direttiva 2006/115 fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ċertament, il-kwistjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna kemm l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, id-Direttiva 2006/115 ma hijiex ħlief verżjoni kkodifikata tad-Direttiva 92/100, tant li l-Artikolu 8(2) huwa identiku fiż-żewġ direttivi. Huwa għalhekk li, iktar tard jiena ser insemmi biss l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100. Bl-istess mod, ukoll għal raġunijiet ta’ sempliċità, iktar tard jiena ser insemmi biss il-lukandi, anki jekk dawn l-osservazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għall-operaturi ta’ guesthouses. |
VII – L-ewwel u t-tieni domandi preliminari
50. |
Meta għamlet it-tieni domanda preliminari, il-qorti ta’ rinviju staqsiet jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li lukandier li jqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar tal-klijenti u jittrasmettilhom sinjal tax-xandir għandux iħallas remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni indiretta ta’ fonogrammi użati fil-kuntest tax-xandiriet. |
51. |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa meta fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ, jew riproduzzjoni ta’ dik il-fonogramma, tintuża għal xandira permezz ta’ mezzi mingħajr fili jew għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nirreferi biss għall-każ li jirrigwarda fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ; madankollu, l-osservazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għal riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma. |
52. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq qabel xejn tkun taf jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier jagħmilx “komunikazzjoni lill-pubbliku” u jekk huwiex “utent” fis-sens ta’ din id-diżpożizzjoni. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf jekk tali obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa jeżistix ukoll meta x-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu tal-fonogrammi fil-kuntest tax-xandiriet tiegħu. |
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
53. |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Franċiż, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa. |
54. |
L-ewwel nett, hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Dan il-kunċett jifforma kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat bħala l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Il-fatt li l-formulazzjoni użata fiż-żewġ dispożizzjonijiet hija l-istess jimmilita f’dan is-sens. Id-differenzi li jeżistu fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ma jipprekludux interpretazzjoni identika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Skont l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandha titħallas remunerazzjoni ekwa mhux biss lill-awturi imma wkoll lill-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, fejn lil dawn tal-aħħar għandha tiġi ggarantita remunerazzjoni ekwa għall-investimenti riskjużi tagħhom fil-produzzjoni ta’ fonogrammi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż josserva li l-għan tad-Direttiva 2001/29, li huwa dak li jevita distorsjonijiet minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali differenti, jimmilita favur interpretazzjoni identika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Id-distorsjonijiet dovuti għall-fatt li l-Istati Membri kellhom diġà l-fakultà li jipprovdu għal eċċezzjonijiet u għal limitazzjonijiet jissaħħu jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku titħalla fid-diskrezzjoni libera tal-Istati Membri. Interpretazzjoni unika tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku hija meħtieġa wkoll għaliex hija wkoll importanti mill-perspettiva tal-perijodu ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati skont id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati ( 10 ). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tosserva li t-trażmissjonijiet indiretti huma wkoll involuti. Fis-sentenza SGAE vs Rafael Hoteles, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, f’kawża simili, li kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Huwa biżżejjed li l-programm tar-radju jew tat-televiżjoni jkun aċċessibbli permezz ta’ apparat tar-radju jew tat-televiżjoni li lilhom jiġi trażmess sinjal tar-radju. Ma huwiex rilevanti jekk il-klijenti tal-lukanda kinux effettivament użaw jew le dak l-appart. Fil-fatt, bil-fatt li jippermettu l-aċċess għall-programm tar-radju u tat-televiżjoni, l-operaturi tal-lukandi jkunu qed jipprovdu servizz supplimentari u jkunu wkoll qegħdin isegwu għan ta’ qligħ. |
55. |
It-tieni nett, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u skont il-Gvern Franċiż, il-fatt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi biss għal pagament ta’ remunerazzjoni waħda ma jipprekludix l-obbligu għall-pagament ta’ remunerazzjoni ekwa. Fil-fatt, dan ma jfissirx li operatur ta’ lukanda ma għandux iħallas remunerazzjoni għal komunikazzjoni lill-pubbliku meta x-xandar jkun diġà ħallas remunerazzjoni. Għall-kuntrarju, għandu jkun hemm ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa għal kull użu li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, u dan, kemm jekk l-użu jkun dirett, kif ukoll jekk ikun indirett. Ir-riferiment fid-dispożizzjoni għal ħlas wieħed ifisser biss li l-operatur ta’ lukanda għandu jħallas biss remunerazzjoni waħda li għandha sussegwentement tinqasam bejn il-produtturi u l-artisti li jinterpretaw jew jeżegwixxu. Is-sentenza SENA ( 11 ) ma tipprekludix din l-interpretazzjoni peress li kienet tittratta biss dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-portata tar-remunerazzjoni. |
56. |
Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-operatur tal-lukanda huwa obbligat li jħallas remunerazzjoni ekwa. |
57. |
L-ewwel nett, skont l-Irlanda, huwa fid-dawl tal-liġi nazzjonali li għandha tingħata risposta għad-domanda jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku. |
58. |
It-tieni nett, skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Huma l-komunikazzjonijiet f’diskoteka, f’kunċert jew f’bar biss li huma koperti. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tosserva li l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma tistax tiġi interpretata kif ġiet interpretata fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fis-sentenza SGAE vs Rafael Hoteles. L-ewwel nett, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-awturi. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-produtturi ta’ fonogrammi biss għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku, filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi biss għal dritt ekonomiku għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, dawn id-drittijiet jinsabu f’kuntesti differenti. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tad-WPPT huwa iktar ristrett mill-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” użata fl-Artikolu 8 tad-WPPT fuq id-dritt tal-awtur (iktar ’il quddiem id-“WCT”). F’dan ir-rigward, l-Irlanda tosserva li, skont l-Artikolu 2(g) tad-WIPO, il-fonogrammi għandhom ikunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku u dan jista’ jsir biss meta l-apparat tar-radju jew tat-televiżjoni jkun effettivament mixgħul. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-fatt li dan il-kunċett ikopri wkoll id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprovdix għal remunerazzjoni ekwa għat-“tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” ta’ fonogramma. Għalhekk, il-premessi tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u dawk tad-Direttiva 2006/115, min-naħa l-oħra, jargumentaw kontra interpretazzjonijiet identiċi tal-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Barra minn hekk, matul il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 92/100, ebda riferiment għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma kien ġie inkluż fid-Direttiva 2006/115 u ma kienx ġie ppreċiżat li l-komunikazzjonijiet indiretti kienu wkoll koperti. Għandu jingħad ukoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Ruma u d-WPPT jagħtu l-possibbiltà li jiġu pprovduti eċċezzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprovdu drittijiet usa’ jipprekludi interpretazzjonijiet identiċi. Il-Gvern Grieg iżid li interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku twassal għal riżultati mhux mixtieqa għaliex l-installazzjoni ta’ antenna ċentrali f’post residenzjali u l-kiri ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni jistgħu allura jiġu kkunsidrati bħala komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, f’din il-kawża, dan huwa biss każ ta’ riċezzjoni ta’ trażmissjoni, protetta mid-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-settur tat-turiżmu. |
59. |
It-tielet nett, skont il-Gvern Grieg u dak Ġermaniż, f’każ bħal dak inkwisjoni, lukandier ma huwiex l-utent fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. L-Irlanda qabel xejn tosserva li l-lukandier jillimita ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni l-apparat u għajnuna teknika għar-riċezzjoni tas-sinjali tar-radju. Sakemm dan l-apparat ma jinxtegħlx, huwa ma jkunx utent. Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kuntrarjament għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 isemmi l-utent. Skont il-Gvern Grieg, huwa biss ix-xandar li jkun l-utent, peress li l-lukandier jippermetti biss ir-riċezzjoni tax-xandira. Din ir-riċezzjoni hija protetta mid-drittijiet fundamentali u għalhekk ma hijiex milquta mid-drittijiet tal-awtur. |
60. |
Ir-raba’ nett, skont il-Gvern Grieg u dak Irlandiż, għandu jiġi miċħud id-dritt għal remunerazzjoni ekwa wkoll għaliex, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, lukandier ma għandux iħallas remunerazzjoni addizzjonali meta x-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu. Skont l-Irlanda, dan jirriżulta mill-użu tat-termini “jew” u “uniku”, kif ukoll mill-istruttura tal-paragrafi differenti tal-Artikolu 8. Tali ħlas lanqas ikun ekwu għaliex ix-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni. Skont il-Gvern Grieg, ir-remunerazzjoni li jkun ħallas ix-xandar ikun ikopri wkoll ir-riċezzjoni tax-xandira fuq l-apparat tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar tal-lukanda. Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li f’uħud mill-Istati Membri, bħall-Greċja, trid diġà titħallas miżata sabiex jistgħu jiġu riċevuti programmi tar-radju u tat-televiżjoni. Din il-miżata titħallas ukoll mil-lukandi u konsegwentement, indirettament mill-klijenti meta huma jħallsu l-prezz tal-kamra. |
61. |
Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, Stat Membru huwa obbligat li jipprovdi għal remunerazzjoni ekwa. |
62. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma tistax tiġi applikata bħala tali għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Filwaqt li awtur għandu jingħata l-livell ta’ protezzjoni l-iktar għoli u dritt esklużiv, il-produttur ta’ fonogrammi jista’ jingħata biss dritt iktar dgħajjef għal remunerazzjoni ekwa. Barra minn hekk, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, iż-żewġ dispożizzjonijiet jinsabu f’kuntesti differenti. |
63. |
Skont il-Kummissjoni, f’każ bħal dak inkwistjoni, minkejja dawn id-differenzi, għandu jiġi kkunsidrat li teżisti komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Qabel kollox, din id-dispożizzjoni ssemmi wkoll trażmissjonijiet indiretti. Sussegwentement, mill-Artikolu 2(g) tad-WIPO jirriżulta li, sabiex tissussisti komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-WIPO, ikun biżżejjed li l-fonogramma tkun tista’ tinstema’. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni għandha tkun waħda pubblika. In-natura pubblika tal-komunikazzjoni tkun tiddependi fuq jekk il-post li minnu l-fonogramma tkun għaddiet ikunx ta’ natura privata jew pubblika, u jekk il-komunikazzjoni għandhiex valur ekonomiku, kif ukoll id-daqs taċ-ċirku tas-semmiegħa. Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din il-kawża, kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, bħal fis-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq. |
64. |
Madankollu, il-Kummissjoni tqis li, f’din il-kawża, ma jkunx ekwu li l-lukandier iħallas remunerazzjoni addizzjonali. L-ewwel nett, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirriżulta mill-fakultà mogħtija lilhom mid-dritt internazzjonali, li jipprovdu restrizzjonijiet u eċċezzjonijiet. Dan jippermettilhom mhux biss li jiddeċiedu meta remunerazzjoni hija ekwa, iżda wkoll jekk verament hemmx lok li titħallas din ir-remunerazzjoni. It-tieni nett, jekk, bħal fil-każ inkwistjoni, fejn ix-xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa, il-lukandier kellu jħallas remunerazzjoni addizzjonali, dan ma jkunx kompatibbli mal-livelli differenti mogħtija, minn naħa, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Għall-kuntrarju, ftit jimporta jekk il-pubbliku kellux jew le interess fil-komunikazzjoni. |
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt
65. |
Dawn id-domandi preliminari saru fil-kuntest tas-sentenza SGAE ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li lukandier li jqassam sinjal ta’ xandir permezz ta’ apparat ta’ televiżjoni mqiegħed fil-kmamar tal-klijenti jikkomunika lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ix-xogħlijiet użati fil-kuntest tax-xandir tat-televiżjoni. Din id-dispożizzjoni tirregola d-dritt esklużiv ta’ awtur li jippermetti jew li jipprojbixxi l-komunikazzjoni pubblika tax-xogħlijiet tiegħu. F’din il-kawża, il-kwistjoni tirrigwarda jekk din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, hijiex applikabbli għall-istess espressjoni użata fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Huwa għalhekk li jiena sejjer qabel xejn nittratta s-sentenza SGAE (taħt is-subtitolu 1), qabel ma nittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 (taħt is-subtitolu 2). |
1. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29
66. |
Fis-sentenza SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li x-xandira, minn lukanda, ta’ sinjal ta’ xandira permezz ta’ apparat tat-televiżjoni mqiegħed fil-kmamar tal-klijenti tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tkun xi tkun it-teknika ta’ trażmissjoni użata. L-imsemmija sentenza hija mmotivata bil-mod li ġej: |
67. |
L-ewwel nett, hija tirreferi għall-premessi tad-Direttiva 2001/29. Qabel xejn, hija rreferiet għall-premessa 23, minn fejn jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jinftiehem f’sens wiesa’ ( 13 ). Sussegwentement, hija indikat li dik l-interpretazzjoni hija indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan riżultanti mill-premessi 9 u 10, li huwa dak li jiġi stabbilit livell ta’ protezzjoni, favur l-awturi, li jippermettilhom jiksbu remunerazzjoni ekwa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom ( 14 ). |
68. |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-ġurisprudenza tagħha dwar dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
69. |
It-tielet nett, hija bbażat ruħha fuq l-effetti ta’ akkumulazzjoni li jirriżultaw mill-fatt li, normalment, il-klijenti ta’ lukandi jinbidlu ta’ spiss fil-kmamar tal-lukandi u li, konsegwentement, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet jista’ jakkwista importanza kunsiderevoli ( 16 ). |
70. |
Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11a(ii) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, din tkun komunikazzjoni lill-pubbliku awtonoma, magħmula minn organizzazzjoni ta’ xandir differenti mill-organizzazzjoni oriġinali ( 17 ). B’hekk, din it-trażmissjoni ssir lil pubbliku differenti mill-pubbliku indirizzat mill-att ta’ komunikazzjoni oriġinali tax-xogħol, jiġifieri pubbliku ġdid. |
71. |
Il-ħames nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet in-natura pubblika ta’ komunikazzjoni indiretta billi għamlet riferiment għall-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Berna żviluppata mid-WIPO. Meta jawtorizza x-xandir tax-xogħol tiegħu, l-awtur jieħu inkunsiderazzjoni biss l-utenti diretti, jiġifieri dawk li għandhom apparat ta’ riċezzjoni li, individwalment jew fl-isfera privata jew familjari, jirċievu x-xandiriet. Skont din il-gwida, peress li din ix-xandira hija mmirata lejn udjenza ikbar, u forsi għal finijiet ta’ lukru, parti ġdida mill-pubbliku li jirċeviha għandu l-possibbiltà li jibbenefika mis-smigħ jew mill-viżjoni tax-xogħol u l-komunikazzjoni tax-xandira permezz ta’ lawdspiker jew strument simili ma tibqax iktar sempliċi riċezzjoni tax-xandira nnifisha, iżda att indipendenti li bih ix-xogħol imxandar jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid ( 18 ). |
72. |
Is-sitt nett, hija kkonstatat li l-klijentela ta’ lukanda tifforma tali pubbliku ġdid. Il-lukanda hija organizzazzjoni li topera, bl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti aċċess għax-xogħol protett lill-klijenti tagħħa ( 19 ). |
73. |
Is-seba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, li x-xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li l-persuni li jiffurmaw il-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalih ( 20 ). |
74. |
It-tmien nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jingħata aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għoti ta’ servizz addizzjonali bil-għan li jittieħed xi benefiċċju. Lukanda ssegwi b’hekk skop ta’ lukru, għaliex l-offerta ta’ dan is-servizz jinfluwenza l-livell tal-lukanda, u, għalhekk, il-prezz tal-kmamar ( 21 ). |
75. |
Madankollu, id-disa’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li s-sempliċi provvista ta’ apparat ta’ riċezzjoni ma tikkostitwixxix, fiha innifisha, komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, jekk, permezz tas-settijiet tat-televiżjoni hekk installati, il-lukanda tqassam is-sinjal lill-klijenti tagħha alloġġjati fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment, ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti li ssir magħrufa t-teknika tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiġi użata ( 22 ). |
2. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115
76. |
Qabel ma neżamina l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” (c) u ta’ “utent” (d) użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, kif ukoll l-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa (e), jien nixtieq li qabel xejn niċċara li dawn huma espressjonijiet awtonomi tad-dritt tal-Unjoni (a) li għandhom jiġu interpretati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom fid-dritt internazzjonali (b). |
a) Fuq il-kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni
77. |
Uħud mill-partijiet josservaw li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix interpretazzjoni uniformi ta’ uħud mill-kunċetti użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, bħall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu dawn il-kunċetti. |
78. |
F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċetti użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jsegwi li huma għandhom jiġu interpretati b’manjiera uniformi ( 23 ). Dan huwa l-uniku mod li bih jista’ jintlaħaq l-għan stabbilit fil-premessa 6 tad-Direttiva 2006/115, jiġifieri li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ kreazzjoni, artistiċi u ta’ intrapriża billi titpoġġa fis-seħħ protezzjoni ġuridika armonizzata fil-Komunità. |
79. |
Madankollu, f’ċerti każijiet, jista’ jkun li l-armonizzazzjoni tkun limitata ħafna, minkejja li l-intensità normattiva tal-kunċett hija baxxa ħafna. F’każijiet bħal dawn, id-dritt tal-Unjoni jimponi biss qafas regolatorju wiesa’ li sussegwentement l-Istati Membri għandhom jikkompletaw ( 24 ). Huwa dan li ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-remunerazzjoni ekwa fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ( 25 ). Madankollu, peress li l-intensità normattiva ta’ kull kunċett użat f’dispożizzjoni għandha tiġi evalwata individwalment, huwa impossibbli li jinġibdu konklużjonijiet fir-rigward tal-kunċetti l-oħra użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. |
b) Il-kuntest tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni
80. |
Barra minn hekk, id-dispożizzjoni dwar id-dritt għal remunerazzjoni ekwa tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha fid-dritt internazzjonali. |
81. |
Fil-fatt, id-dritt għal remunerazzjoni ekwa huwa rregolat mid-dritt internazzjonali permezz tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u permezz tal-Artikolu 15 tad-WPPT. Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpratat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali. |
82. |
Fir-rigward tad-WPPT, dan jirriżulta mill-fatt li l-Unjoni nnifisha hija parti kontraenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta huma jfittxu li jimplementaw ftehim internazzjonali ffirmat mill-Unjoni ( 26 ). |
83. |
Ċertament, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi osservat li l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti. Madankollu, mill-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115, li tindika li l-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu approssimati fl-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma msejsa l-liġijiet dwar id-dritt tal-awtur u dwar id-drittijiet relatati ta’ ħafna mill-Istati Membri, jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. |
c) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku
84. |
Skont il-formulazzjoni tiegħu, fil-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu jiġu distinti żewġ elementi. L-ewwel nett, għandu jkun hemm komunikazzjoni. It-tieni nett, din il-komunikazzjoni għandu jkollha natura pubblika. |
i) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni
85. |
Ċertament, id-Direttiva 2006/115 ma tiddefinixxix b’mod speċifiku x’għandu jinftiehem bit-terminu “komunikazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2006/115. Madankollu, il-formulazzjoni u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdu indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħatalu. |
86. |
Kif spjegajt hawn fuq ( 27 ), il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretatat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tal-Artikolu 15 tad-WPPT. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 2(g) tad-WPPT huma partikolarment importanti. L-Artikolu 15(1) jipprovdi li l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom dritt għal remunerazzjoni ekwa u unika meta l-fonogrammi ppubblikati għal finijiet ta’ kummerċ jintużaw direttament jew indirettament għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku. Fl-Artikolu 2(g) tad-WPPT, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma huwa ddefinit bħala trażmissjoni lill-pubbliku, b’kull mezz ieħor barra x-xandir, ta’ ħsejjes ġejjin minn interpretazzjoni jew minn eżekuzzjoni jew ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes iffissati fuq fonogramma. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat li, għall-finijiet tal-Artikolu 15, it-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” jinkludi wkoll il-fatt li jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku l-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet ta’ ħsejjes iffissati fuq fonogramma. |
87. |
Dan jippermetti li jinsiltu l-konklużjonijiet li ġejjin dwar il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115: |
88. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ikopri l-komunikazzjonijiet indiretti u diretti. Dan jirriżulta qabel xejn mill-formulazzjoni miftuħa u mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mill-oriġini tad-Direttiva 92/100 li ma kienx meqjus neċessarju li jiġi ċċarat iktar il-kunċett ta’ komunikazzjoni billi jiżdiedu l-kliem “indiretti jew diretti”, peress li, meta jintuża dan it-terminu, huwa ċar li dan jinkludi wkoll il-komunikazzjonijiet indiretti ( 28 ). Issa, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, l-Artikolu 15 tad-WPPT, li jipprovdi li d-dritt jeżisti wkoll f’każ ta’ komunikazzjoni indiretta, jargumenta favur din l-interpretazzjoni ( 29 ). |
89. |
It-tieni nett, sabiex ikun hemm komunikazzjoni, huwa suffiċjenti li l-ħsejjes iffissati fuq fonogramma jkunu jinstemgħu. Huwa ta’ ftit importanza jekk il-ħsejjes ikunux instemgħu jew le mill-klijent. Qabel xejn, l-Artikolu 2(g) tad-WIPO, li jipprovdi li l-ħoss ikun jinstema’, jargumenta f’dan is-sens. Sussegwentement, skont l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 2006/115, għandu jkun suffiċjenti li l-konsumatur ikollu l-possibbiltà ġuridika u effettiva li jgawdi l-fonogrammi ( 30 ). Din l-interpretazzjoni għandha wkoll il-vantaġġ li tikkorrispondi għal dik tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. |
90. |
Fl-implementazzjoni ta’ dawn il-provvedimenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm komunikazzjoni meta lukandier iqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar u jibgħatilhom sinjal ta’ xandir. Fil-fatt, f’dan il-każ, hemm komunikazzjoni indiretta u ftit jimporta f’dan ir-rigward jekk il-klijenti jkunux jew le effettivament irċevew il-programm tat-televiżjoni jew tar-radju. |
91. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma għandux jiġi interpretat f’sens usa’ mill-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni lid-drittijiet tal-awtur milli lid-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u li, għalhekk, ikun kuntrarju għas-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li jingħataw drittijiet iktar estensivi lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 milli lill-awturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Huwa għalhekk li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29. |
92. |
Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix milli jiġi kkunsidrat li hemm komunikazzjoni. Fil-fatt, din għandha tinftiehem fis-sens li persuni, li jqegħdu għad-dispożizzjoni apparat ta’ riproduzzjoni mingħajr ma jkollhom fl-istess ħin kontroll fuq l-aċċess għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur, ma jwettqux b’daqshekk komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan ikun il-każ meta, pereżempju, fil-bejgħ jew fil-kiri ta’ apparat ta’ televiżjoni jew ta’ radju jew meta fornitur ta’ servizzi tal-internet jipprovdi biss l-aċċess għall-internet. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier ma jillimitax ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni l-apparat ta’ riproduzzjoni. Fil-fatt, huwa jipprovdi lill-klijent aċċess għall-fonogrammi, indirettament biss, iżda b’mod intenzjonat ( 31 ). |
93. |
Skont il-Kummissjoni, li tinvoka l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, ir-riċezzjoni biss ta’ sinjal ta’ xandir lill-apparat ta’ riċezzjoni ma jikkostitwixxix komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115; madankollu dan ftit huwa rilevanti fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, f’dan il-każ, il-lukandier ma llimitax ruħu sabiex jirċievi s-sinjal ta’ xandir iżda huwa huwa stess xandru wkoll ( 32 ). |
ii) Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”
94. |
Id-Direttiva 2006/115 lanqas ma tiddefinixxi x’għandu jinftiehem bin-natura “pubblika” tal-komunikazzjoni. |
95. |
F’dan ir-rigward, b’differenza mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ komunikazzjoni, id-definizzjoni legali tal-komunikazzjoni lill-pubbliku mogħtija lill-Artikolu 2(g) tad-WPPT ma hija ta’ ebda għajnuna. Fil-fatt, in-natura pubblika, li tifforma l-element li għandu jiġi ddefinit, ma hijiex iċċarata iktar. Hemm indikat biss li l-fonogramma għandha tkun tista’ tinstema’ mill-pubbliku, hekk li, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni hija mneżża mis-sustanza. |
96. |
Madankollu, għandu jiġi mistoqsi jekk, f’dan ir-rigward, huwiex possibbli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq ( 33 ) dwar il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li tipprovdi li komunikazzjoni fi kmamar ta’ lukanda jista’ jkollha natura pubblika, meta t-tibdil ta’ spiss ta’ klijenti f’dawk il-kmamar iwassal għal użu sinjifikattiv tax-xogħol protett. |
97. |
Fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din il-mistoqsija ( 34 ). |
98. |
L-ewwel nett, l-użu tal-istess espressjoni fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jargumenta f’dan is-sens. Ċertament l-Irlanda topponi li, wara li ngħatat is-sentenza SGAE, meta d-Direttiva 2006/115 ikkodifikat id-Direttiva 92/100, ma ġiex ippreċiżat li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva għandu jinftiehem bl-istess mod bħall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Madankollu, din l-oġġezzjoni ma tikkonvinċinix. Għall-kuntrarju, il-fatt li, wara li ngħatat is-sentenza SGAE, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kien inżamm mingħajr ebda kumment ieħor, jidhirli li ġustament jargumenta favur interpretazzjoni identika ta’ dan il-kunċett fiż-żewġ dispożizzjonijiet. |
99. |
It-tieni nett, ir-rabtiet mill-qrib, f’termini tal-mertu u tad-dritt, bejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi jargumentaw favur interpretazzjoni identika ta’ dan il-kunċett fiż-żewġ każijiet. |
100. |
Fil-fatt, għandu qabel xejn jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2006/115 u d-Direttiva 2001/29 huma marbuta safejn id-drittijiet tal-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu u tal-produtturi ta’ fonogrammi ma humiex irregolati biss mid-Direttiva 2006/115, imma wkoll mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti dritt esklużiv lill-artisti u lill-produtturi ta’ fonogrammi fil-każ partikolari tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd jista’ jkollu aċċess fil-post u fil-ħin magħżul minnu individwalment, filwaqt li tal-ewwel tagħti d-dritt għal remunerazzjoni ekwa biss fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk jidhirli li ma hemmx raġuni li jingħataw interpretazzjonijiet differenti lill-espressjonijiet identiċi użati f’dawn id-direttivi. |
101. |
Sussegwentement, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet mill-qrib f’termini tal-mertu bejn id-dritt tal-awtur, minn naħa, u d-drittijiet relatati tal-artisti li jinterpretaw jew il jeżegwixxu kif ukoll tal-produtturi ta’ fonogrammi, min-naħa l-oħra. Ta’ spiss, ix-xogħlijiet mużikali protetti bid-drittijiet tal-awtur, jitqegħdu għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ artist li jinterpreta jew li jeżegwixxi irreġistrata fuq fonogramma. Peress li din il-kontribuzzjoni tal-arti għandha ġustament titħallas, dan jipprovdi inċentiv qawwi sabiex tingħata l-istess interpretazzjoni lill-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta din tintuża fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. |
102. |
It-tielet nett, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, li tindika li l-artisti għandhom jirċievu remunerazzjoni ekwa u l-produtturi ta’ fonogrammi għandhom ikunu jistgħu jifdu l-investiment tagħhom, targumenta wkoll f’dan is-sens. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib, imsemmija qabel, bejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, ma jidhirx li jkun loġiku li f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma l-awtur igawdi dritt esklużiv skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda li, għall-kuntrarju, l-artisti u l-produtturi ta’ fonogrammi ma jirċevux remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u ma jiksbu xejn. |
103. |
Għall-kuntrarju, l-argumenti kontra din l-interpretazzjoni identika ma humiex konvinċenti. |
104. |
Fl-ewwel lok, jien ma narax għaliex il-fatt li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi dritt esklużiv lill-awturi filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jagħti biss dritt ekonomiku lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu, kif ukoll lill-produtturi ta’ fonogrammi għandu jiġġustifika interpretazzjonijiet differenti lill-kunċett ta’ natura pubblika. |
105. |
Il-partikolarità ta’ dritt esklużiv mogħti skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 hija dik li tippermetti lill-awtur jipprojbixxi l-użu tal-mużika tiegħu minn persuni mhux awtorizzati. Fir-rigward ta’ fonogrammi li jkunu diġà ġew ippubblikati għal finijiet kummerċjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jagħmel l-istess anki fir-rigward tad-drittijiet relatati tal-produtturi u l-arti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu li huma jirrapreżentaw. Madankollu, bħala korrispettiv, huwa tahom id-dritt għal remunerazzjoni ekwa. Għalhekk, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tista’ tinftiehem bħala forma ta’ liċenzja obbligatorja ( 35 ). Jekk jitqiesu dawn l-idejat ta’ korrispettiv u ta’ liċenzja obbligatorja, jidher loġiku li, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma, jingħata d-dritt għal remunerazzjoni ekwa lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretawhom u jeżegwuhom kull darba li l-awtur igawdi minn dritt esklużiv. |
106. |
It-tieni nett, il-fatt li, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, l-awtur għandu jgawdi minn livell ogħla ta’ protezzjoni, filwaqt li, skont il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, l-artisti għandhom igawdu biss minn livell xieraq ta’ protezzjoni ma jwassalx neċessarjament sabiex jiġi konkluż li n-natura pubblika tal-komunikazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod iktar ristrett fil-każ ta’ drittijiet relatati. Jidhirli iktar loġiku li dan għandu jinftiehem bħala li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv lill-awtur, filwaqt li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jagħtix dritt esklużiv lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, iżda biss dritt għal remunerazzjoni ekwa. |
107. |
It-tielet nett, ġie invokat l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat l-interpretazzjoni tat-terminu “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fuq il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 li titlob li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jiġi interpretat f’sens wiesa’. Billi ma teżisti ebda premessa simili fid-Direttiva 2006/115, f’din tal-aħħar, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku għandu jiġi interpretat f’sens iktar ristrett. |
108. |
Fl-aħħar mill-aħħar, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll. |
109. |
Ċertament, huwa minnu li fis-sentenza SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-fatt ibbażat ruħha fuq din il-premessa u li ma tinstabx premessa simili fid-Direttiva 2006/115. |
110. |
Madankollu, dan ma jiġġustifikax li tingħata interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ natura pubblika fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u l-għanijiet tar-remunerazzjoni ekwa tal-proprjetarji tad-drittijiet imsemmija fil-premessi 3, 4 u 5 tad-Direttiva 2006/115 diġà jikkonfermaw l-argument li għandha tingħata interpretazzjoni identika lill-espressjoni “lill-pubbliku” meta din tintuża fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u meta tintuża fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll għall-garanzija ta’ remunerazzjoni xierqa lill-awturi rikjesta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29 sabiex tiġġustifika n-neċessità. Issa, il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, li tikkorrispondi għall-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29, titlob li tiġi żgurata remunerazzjoni ekwa lill-proprjetarji ta’ drittijiet relatati jew il-possibbiltà li jifdu l-investimenti tagħhom. |
111. |
Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “lill-pubbliku” użata fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ( 36 ) għandha bħala prinċipju tiġi interpretata bħal dik fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, in-natura pubblika tal-komunikazzjoni hija ġejja mill-fatt li, fil-kmamar ta’ lukanda, it-tibdil ta’ spiss tal-klijenti fil-kmamar jista’ jwassal għal użu sinjifikattiv tax-xogħol protett. |
iii) Konklużjoni
112. |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li lukandier, li jqiegħed apparat tar-radju u tat-televiżjoni fil-kmamar u jibgħatilhom sinjal tax-xandir, jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni. |
113. |
F’dan ir-rigward, nixtieq niġbed l-attenzjoni li l-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm ukoll komunikazzjoni lill-pubbliku mingħajr skop ta’ lukru ġiet diskussa waqt is-seduta. Madankollu, f’din il-kawża, fejn, bil-fatt li jsemma’ l-fonogrammi, il-lukandier jipprovdi servizz addizzjonali li għandu effett fuq il-livell tal-lukanda u fuq il-prezz tal-kmamar, jeżisti skop ta’ lukru, tant li ma hemmx lok li dan il-punt jiġi approfondit f’din il-kawża ( 37 ). |
d) Il-kunċett ta’ utent
114. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier huwiex “utent” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi li utent huwa responsabbli għar-remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni lill-pubbliku. |
115. |
Fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva utent huwa kwalunkwe persuna li tuża fonogramma għax-xandir b’mezz mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku. |
116. |
Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Irlanda il-fatt li l-espressjoni “utent” tintuża fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, iżda ma tintużax fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi interpretata restrittivament. Fil-fatt, ir-raġuni għal din id-differenza ta’ formulazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija din li ġejja: l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti dritt esklużiv li l-awtur jista’ jsostni fil-konfront ta’ kulħadd. Għalhekk, f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi indikat id-debitur tal-obbligu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jagħtix id-dritt esklużiv imma biss dritt għal remunerazzjoni ekwa. Għalhekk, f’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ ukoll li jiġi indikat id-debitur tal-obbligu. |
117. |
Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi deċiż li lukandier li jikkomunika fonogrammi indirettament lill-pubbliku huwa utent fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u għalhekk debitur tal-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa msemmi f’dik id-dispożizzjoni. |
e) L-obbligu li titħallas remunerazzjoni ekwa unika
118. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi fix-xandira, lukandier li, fil-kmamar tal-lukanda, jipprovdi lill-klijenti tiegħu aċċess għal xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni u, b’hekk, jikkomunika lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet, għandux ukoll jħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi. |
119. |
L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li remunerazzjoni ekwa unika għandha titħallas mill-utent meta fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni oħra lill-pubbliku, u biex jiġi żgurat it-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi tal-fonogrammi kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogramma, jistipulaw il-kundizzjonijiet għat-tqassim ta’ din ir-remunerazzjoni bejniethom. |
120. |
Mill-formulazzjoni u mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’każ bħal dan, il-lukandier ukoll għandu jħallas din il-remunerazzjoni ekwa. |
121. |
Fil-fatt, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Irlanda, ma jidhirx li mit-termini “jew” jew “uniku” li jissemmew f’dan il-każ, lukandier ma għandux iħallas dan il-ħlas (i). Sussegwentement, la l-opinjoni tal-Irlanda u tal-Kummissjoni, li jikkunsidraw li l-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali ma jkunx xieraq (ii), u lanqas ir-riferiment tal-Kummissjoni għad-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri (iii) ma huma konvinċenti. Fl-aħħar nett, il-fatt, invokat mill-Gvern Grieg, li f’xi Stati Membri, ix-xandara xorta waħda jħallsu d-drittijiet, ma jistax waħdu jiġġustifika eżenzjoni mill-obbligu tal-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa (iv). |
i) It-tifsira ta’ “jew” u “uniku”
122. |
Skont l-Irlanda, mit-termini “jew” u “uniku” użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li lukandier ma għandux ikun obbligat iħallas remunerazzjoni għall-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi ġaladarba xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ dawn il-fonogrammi fix-xandiriet tiegħu. |
123. |
Din it-teżi ma hijiex konvinċenti. |
124. |
Bl-użu tat-terminu “uniku” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried biss jesprimi li ma għandhiex titħallas remunerazzjoni lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u remunerazzjoni oħra lill-produtturi ta’ fonogrammi, iżda biss remunerazzjoni waħda li għandha sussegwentement tinqasam bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi. |
125. |
L-ewwel nett, il-formulazzjoni u l-istruttura tad-dispożizzjoni jargumentaw f’dan is-sens, b’mod partikolari b’rabta mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li tirregola t-tqassim tar-remunerazzjoni ekwa unika bejn il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu. |
126. |
It-tieni nett, din l-interpretazzjoni jidhirli li hija l-unika waħda kompatibbli ma’ dak espost hawn fuq, li d-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) għandu jinftiehem bħala forma ta’ liċenzja obbligatorja. Jekk tintuża bħala bażi din l-interpretazzjoni, meta fonogramma tintuża fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri kemm fil-każ ta’ xandira kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku biss, għandu jitħallas kumpens għall-ksur tad-drittijiet relatati, minkejja li dan il-fatt jagħti lok kull darba għad-dritt għal remunerazzjoni ekwa. |
127. |
It-tielet nett, id-dispożizzjoni ta’ dritt internazzjonali tal-Artikolu 15 tad-WPPT, minn fejn jirriżulta li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għandu wkoll ikopri l-komunikazzjonijiet indiretti, jidhirli li targumenta kontra l-opinjoni tal-Irlanda. Fil-każ ta’ komunikazzjoni indiretta, min ikun xandar jew ikkomunika indirettament il-fonogrammi diġà jkollu l-obbligu ta’ remunerazzjoni ekwa. Jekk, f’dan il-każ, jiġi kkunsidrat li min jikkomunika indirettament il-fonogrammi ma jkunx marbut b’dan l-obbligu, għaliex tkun diġà tħallset remunerazzjoni ekwa għax-xandira jew għall-komunikazzjoni diretta, allura, ġeneralment, il-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ma tagħtix id-dritt għal remunerazzjoni ekwa. Dan ma jidhirlix li huwa konsistenti mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 15 tad-WPPT. |
128. |
Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, it-termini “jew” u “uniku” użati fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludux l-obbligu tal-lukandier li jħallas remunerazzjoni ekwa. |
ii) In-natura ekwa ta’ remunerazzjoni addizzjonali
129. |
L-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li, f’każ bħal dak inkwistjoni, ma jkunx ekwu fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li jiġi impost fuq il-lukandier il-ħlas ta’ remunerazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, il-produtturi ta’ fonogrammi u l-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu jistgħu diġà jsostnu dritt għal remunerazzjoni mingħand ix-xandara. |
130. |
Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. |
131. |
L-ewwel nett, ma huwiex kompatibbli mal-idea, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li, peress li l-fonogrammi jkunu jinstemgħu minn parti addizzjonali mill-pubbliku, din tagħti lok għal remunerazzjoni. Fil-fatt, il-kumpens ekwu mħallas għall-użu ta’ fonogramma fil-kuntest ta’ xandira tar-radju jew tat-televiżjoni jkopri biss ir-riċezzjoni tax-xandira fiċ-ċirku familjari jew privat. Il-ftuħ ta’ ċirku ġdid ta’ semmiegħa, bħal dak tal-klijenti ta’ lukanda, imur lil hinn minn dak l-użu u jikkostitwixxi b’hekk użu addizzjonali taħt il-forma ta’ komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku. Skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 fis-sens li jipprovdi tip ta’ liċenzja obbligatorja bħala kumpens, għandha titħallas remunerazzjoni ekwa addizzjonali. |
132. |
It-tieni nett, din l-opinjoni ma jidhirlix li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali tal-Artikolu 15 tad-WPPT. Kif diġà spjegajt ( 38 ), din id-dispożizzjoni tipprovdi li, anki fil-każ ta’ komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogramma, hemm lok għall-pagament ta’ remunerazzjoni ekwa. Ma jidhirlix li huwa kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali li jiġi kkunsidrat li l-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa għal komunikazzjoni indiretta ma huwiex ekwu għaliex diġà kellha titħallas remunerazzjoni għall-komunikazzjoni diretta. |
133. |
It-tielet nett, dan l-approċċ tal-Irlanda u tal-Kummissjoni jidhirli li x’aktarx iwassal għal differenzi ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, l-operatur stess ta’ bar, ta’ ristorant jew ta’ diskoteka li jgħaddi fonogrammi għandu jħallas remunerazzjoni ekwa għal dan. Madankollu, l-istess operatur ma għandu jagħti ebda ħlas jekk huwa jsemma’ stazzjon tar-radju li sempliċement idoqq fonogrammi. |
iii) Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri
134. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jiddeċiedu jekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, jimponux ukoll il-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa fuq il-lukandier, b’żieda ma’ dik impost fuq ix-xandar. |
135. |
Dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
136. |
L-ewwel nett, għandi nikkonstata li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 li jippermetti l-preżunzjoni li l-Istati Membri għandu jkollhom din il-flessibbiltà. Ċertament, minħabba l-intensità normattiva baxxa tal-kunċett ta’ natura ekwa ( 39 ), l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa sabiex jevalwaw liema kumpens huma jikkunsidraw ekwu. Madankollu, id-dispożizzjoni ma tagħtihomx marġni ta’ diskrezzjoni fuq il-punt dwar jekk huma għandhomx jipprovdu kumpens. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu remunerazzjoni ekwa kemm fil-każ ta’ fonogramma użata għal xandiriet kif ukoll fil-każ jekk din tal-aħħar tiġi użata għal komunikazzjoni lill-pubbliku. |
137. |
It-tieni nett, interpretazzjoni li biha l-Istati Membri għandhom jipprovdu remunerazzjoni, iżda li jistgħu jillimitawha għal żero, hija diffiċilment kompatibbli mal-limiti stabbiliti mill-formulazzjoni. Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din tidher inkompatibbli mal-għan tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, li huwa li jiggarantixxi lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjoni tal-fonogrammi li tikkostitwixxi theddida addizzjonali lid-drittijiet relatati tagħhom. |
138. |
It-tielett nett, l-argument tal-Kummissjoni li, biex titkejjel il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom taħt id-dritt internazzjonali, lanqas ma huwa konvinċenti. |
139. |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq il-flessibbiltà mogħtija mid-dritt internazzjonali meta d-dritt tal-Unjoni tissuġġettah għal dispożizzjonijiet iktar stretti. Għalhekk l-approċċ innifsu tal-Kummissjoni jidhirli li huwa żbaljat. |
140. |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Unjoni Ewropea nnifisha hija parti kontraenti tad-WPPT u hija, għalhekk, suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw minnu. Skont il-prinċipju ta’ lealtà, Stat Membru għandu joqgħod lura minn xi att li x’aktarx iwassal lill-Unjoni sabiex tonqos mill-obbligi tagħha taħt id-dritt internazzjonali. |
141. |
L-Unjoni għandha tosserva l-Artikolu 15 tad-WPPT li jipprovdi wkoll id-dritt għal remunerazzjoni ekwa għall-komunikazzjonijiet indiretti. Hija ma hijiex sejra tinvoka xi eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 15(3) tad-WPPT huwa irrilevanti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti tista’ tiddikjara, b’notifika ppreżentata lid-Direttur Ġenerali tad-WIPO, li hija sejra tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) biss għar-rigward ta’ xi utenti partikolari, jew li sejra tillimita l-applikazzjoni bi kwalunkwe mod ieħor, jew li mhux ser tapplika ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-Unjoni Ewropea ma ppreżentat ebda notifika f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, huwa wkoll impossibbli għaliha li tinvoka l-Artikolu 16 tad-WPPT. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti lill-partijiet kontraenti jipprovdu biss, fir-rigward tad-drittijiet relatati, limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet li huma diġà previsti għad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, din ma hijiex dispożizzjoni li tipprovdi limitazzjoni indipendenti u xi eċċezzjonijiet għad-drittijiet relatati biss. It-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni lanqas ma jista’ waħdu jservi bħala bażi għal limitazzjoni jew għal eċċezzjoni. Fil-fatt, dan ma jipprovdix għal possibbiltà ta’ limitazzjoni jew eċċezzjoni imma għall-kuntrarju jillimita l-flessibbiltà tal-partijiet kontraenti rigward l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-WPPT. |
142. |
Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi deċiż li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-flessibbiltà li għandhom l-Istati Membri għandu wkoll jiġi miċħud. |
iv) L-effetti ta’ miżata għal xandir
143. |
Fl-aħħar nett, meta l-Gvern Grieg josserva li, f’xi Stati Membri, titħallas miżata għal xandir, li l-lukandi wkoll huma obbligati jħallsu, din l-indikazzjoni ma hijiex, fiha nnifisha, konvinċenti. Fil-fatt, safejn din il-miżata ma tintużax sabiex tingħata remunerazzjoni ekwa lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u lill-produtturi ta’ fonogrammi, bħall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, l-eżistenza ta’ dik il-miżata ma tistax tiġi invokata għad-detriment tal-imsemmija artisti. |
v) Konklużjoni
144. |
Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn xandar ikun diġà ħallas remunerazzjoni ekwa għall-użu ta’ fonogrammi fix-xandira, lukandier li, fil-kmamar tal-lukanda, jipprovdi lill-klijenti tiegħu b’aċċess għal xandiriet tar-radju u tat-televiżjoni u, b’hekk, jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati f’dawk ix-xandiriet, għandu wkoll iħallas remunerazzjoni ekwa għal dan. |
3. Konklużjoni
145. |
Fil-qosor, għandu jiġi deċiż li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li lukandier li jqiegħed apparat tat-televiżjoni jew tar-radju fil-kmamar u jittrasmetti sinjal lilhom għandu minħabba f’hekk iħallas remunerazzjoni ekwa peress li huwa jikkomunika indirettament lill-pubbliku l-fonogrammi użati fix-xandiriet, anki jekk, min-naħa tagħhom ix-xandara jkunu diġà ħallsu remunerazzjoni ekwa talli jkunu użaw dawk il-fonogrammi fix-xandiriet tagħhom. |
VIII – It-tielet domanda preliminari
146. |
Meta tagħmel it-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw lukandiera mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu”. Dan jimplika li l-komunikazzjoni indiretta lill-pubbliku ta’ fonogrammi permezz tal-apparat tar-radju u tat-televiżjoni jikkostitwixxi “użu privat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
147. |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 ma huwiex applikabbli f’każ bħal dan. Bħala riżultat tas-sentenza SGAE, f’dan il-każ, ma hemmx użu privat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-lukanda tuża l-fonogrammi għall-finijiet kummerċjali għaliex hija tikkomunikahom lill-pubbliku għal skop ta’ lukru. In-natura privata tal-użu mill-klijent tal-lukanda jew tal-post tal-użu ftit hija importanti. Xorta waħda, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115, li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, ma jippermettix restrizzjonijiet għad-dritt ta’ remunerazzjoni ekwa u għalhekk ma huwiex eċċezzjoni wiesgħa daqs id-dispożizzjoni Irlandiża. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva. |
148. |
Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jippermetti lil Stat Membru jipprovdi eċċezzjoni bħad-dispożizzjoni Irlandiża. L-Irlanda u l-Gvern Grieg l-ewwel nett josservaw li l-użu mill-klijenti ta’ lukanda ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni li jitqiegħed fil-kmamar ta’ lukanda jiffurmaw parti mill-isfera privata protetta mid-drittijiet fundamentali. Skont l-Irlanda, dan għandu jkun ibbażat fuq it-telespettaturi individwali fi kmamar differenti. Is-sentenza SGAE ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Xorta waħda, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx bħala inkompatibbli li l-kmamar ta’ lukanda jkollhom natura privata u l-fatt li xorta hemm komunikazzjoni lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li d-Direttiva 2006/115 ma tipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ użu privat u li, għalhekk, Stat Membru huwa liberu li jiddefinixxi ċerti żoni bħala privati fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2006/115. Barra minn hekk, skont l-Irlanda u l-Kummissjoni, it-tliet kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2006/115 ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a). |
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt
149. |
L-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitazzjonijiet għad-drittijiet imsemmija fil-Kapitolu II, li jinkludu wkoll id-dritt għal remunerazzjoni ekwa previst fl-Artikolu 8(2), meta jkun hemm użu privat. |
150. |
Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dan, huwa impossibbli li l-obbligu ta’ lukandier li jħallas remunerazzjoni ekwa jiġi limitat għall-komunikazzjoni ta’ fonogrammi lill-pubbliku. |
151. |
Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, dak li jgħodd huwa l-evalwazzjoni tal-użu rispettiv. Sussegwentement, hija n-natura pubblika jew privata tal-użu rispettiv, u mhux dak tal-post ta’ dak l-użu, li hija deċiżiva ( 40 ). |
152. |
L-użu tal-fonogrammi li, f’din il-kawża, jagħti lok għad-dritt ta’ remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, huwa l-użu mil-lukandier fil-forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan l-użu ma jidhirx li jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, għaliex użu minn lukandier fil-forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ma tantx jista’ jiġi kkunsidrat fl-istess waqt bħala użu privat mill-istess persuna. Fil-fatt, it-termini “privat” u “pubbliku” huma manifestament opposti għal xulxin ( 41 ). |
153. |
Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir ta’ klijent ta’ lukanda fil-kamra tiegħu tistax tiġi kkunsidrata bħala użu privat ma hijiex rilevanti f’din il-kawża. Din il-kawża ma tirrigwardax l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva għal użu minn klijent, iżda l-użu minn lukandier. Fil-fatt, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-użu tal-fonogrammi minn lukandier jista’ jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, filwaqt li, għall-klijent tal-lukanda, jista’ jkun każ ta’ użu privat. Jidhirli li huwa wkoll f’dan is-sens li għandhom jiftehmu l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE, fejn, minkejja r-riferiment għan-natura privata tal-kmamar ta’ lukanda, hija kkunsidrat li kien hemm komunikazzjoni lill-pubbliku ( 42 ). |
154. |
Sabiex tiġi opposta din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 ma jistax jiġi argumentat li din ser ittellef kull effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar tibqa’ żżomm kamp ta’ applikazzjoni awtonomu, u dan, għal użi oħra minbarra komunikazzjoni lill-pubbliku, bħall-iffissar fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/115. |
155. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-approċċ tal-Kummissjoni li, minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni legali tal-kunċett ta’ użu privat fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, l-Istati Membri għandhom bħala regola ġenerali d-dritt li jiddefinixxu ċerti żoni bħala privati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-ewwel nett, il-kunċett ta’ użu privat fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha ( 43 ). Għalhekk, in-nuqqas ta’ definizzjoni fid-Direttiva ma jfissirx neċessarjament li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jinterpretaw il-kunċett ta’ użu privat. Kif spjegajt iktar ’il fuq, f’din il-kawża, din ma hijiex dispożizzjoni li għandha intensità normattiva tant baxxa li tippermetti lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa sabiex jagħtuha kontenut fil-qafas iffissat mid-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ użu privat huwa wieħed ċar u preċiż daqs il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”, għaliex kull wieħed minnhom jeskludi lill-ieħor. |
156. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn lukandier jikkomunika fonogrammi lill-pubbliku, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li huwa jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jħallas remunerazzjoni ekwa, għaliex dan ma huwiex każ ta’ użu privat mil-lukandier. |
IX – Ir-raba’ dritt domanda preliminari
157. |
Fir-raba’ domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier li jipprovdi, fil-kamra ta’ klijent, mezz (minbarra apparat tat-televiżjoni jew tar-radju) u fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali, li jistgħu jiġu mxandra jew jinstemgħu bl-għajnuna ta’ dak il-mezz, huwiex “utent” li jwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku” tal-fonogrammi fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. |
A – Argumenti prinċipali tal-partijiet
158. |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv. Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, f’każ bħal dan, lukandier ikun iwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku lejn il-klijenti tal-lukanda li, kieku kien mod ieħor, ma kienx ikollhom aċċess għal dawn il-fonogrammi. F’dan il-każ, ma għandniex sempliċement tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet għal komunikazzjoni li, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, ma għandux jitqies bħala komunikazzjoni. |
159. |
Skont l-Irlanda, il-Gvern Grieg, kif ukoll skont il-Kummissjoni, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Il-Gvern Grieg jirreferi għall-kummenti tiegħu dwar l-ewwel domanda. L-Irlanda u l-Kummissjoni jikkunsidraw li ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku meta l-lukandier iqiegħed apparat ta’ riproduzzjoni u fonogrammi għad-dispożizzjoni tal-klijent u li, għalhekk, il-lukandier ma’ jkunx utent li għandu jħallas remunerazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/155. |
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt
160. |
Meta tagħmel ir-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk lukandier li jipprovdi, fil-kamra ta’ klijent, mezz (minbarra apparat tat-televiżjoni jew tar-radju) u fonogrammi f’forma fiżika jew diġitali għandux iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija tippreċiża li dan ma jirrigwardax il-każijiet ta’ trażmissjoni interattiva jew ta’ trażmissjoni fuq talba. F’dan ir-rigward, huwa wkoll importanti li jkun magħruf jekk, f’dan il-każ, il-lukandier jużax il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Ser neżamina qabel xejn il-kunċett ta’ komunikazzjoni (1), qabel ma neżamina l-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” (2). |
1. Il-kunċett ta’ komunikazzjoni
161. |
Kif diġà spjegajt hawn fuq ( 44 ), hemm komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 meta jkun hemm trażmissjoni indiretta jew diretta tal-ħsejjes iffissati f’fonogramma jew rappreżentazzjoni tal-ħsejjes b’xi mezz ieħor, li tinkludi wkoll il-fatt li jkunu jistgħu jinstemgħu lill-pubbliku il-ħsejjes jew ir-rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes iffissati fuq fonogramma. Għalhekk, ma tantx huwa importanti li l-ħsejjes fissi fuq il-fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu ( 45 ). |
162. |
Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-lukandier iqiegħed għad-dispożizzjoni lill-klijenti mhux biss il-mezzi ta’ riproduzzjoni, iżda wkoll il-fonogrammi, jidhirli li l-elementi li jikkostitwixxu komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 huma preżenti. |
163. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, bħala prinċipju, il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 ma għandux jiġi interpretat f’sens usa’ mill-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprovdi livell ogħla ta’ protezzjoni lid-drittijiet tal-awtur milli lid-drittijiet relatati tal-produtturi ta’ fonogrammi u tal-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u li, għalhekk, ikun kuntrarju għas-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li jingħataw drittijiet ikbar lill-produtturi ta’ fonogrammi u lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 milli lill-awturi skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-premessi 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29. |
164. |
Madankollu, f’din il-kawża, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix li jiġi kkunsidrat li hemm komunikazzjoni. Fil-fatt, din il-premessa għandha tinftiehem fis-sens li l-persuni li jqegħdu għad-dispożizzjoni apparat ta’ riproduzzjoni mingħajr ma, fl-istess ħin, jikkontrollaw l-aċċess għax-xogħlijiet protetti, ma jwettqux, b’danakollu, komunikazzjoni lill-pubbliku. Pereżempju dan huwa l-każ meta apparat tat-televiżjoni jew tar-radju jinbigħ jew jinkera jew meta min jipprovdi servizzi tal-internet sempliċiment jipprovdi l-aċċess għall-internet. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-lukandier ma jillimitax ruħu sabiex iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu l-apparat ta’ riproduzzjoni. Għall-kuntrarju, huwa jqiegħed ukoll, b’mod intenzjonat, fonogrammi għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu u jipprovdilhom ukoll aċċess dirett għall-ħsejjes irreġistrati fuq il-fonogrammi. |
165. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li lukandier li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu mhux biss l-apparat ta’ riproduzzjoni, imma wkoll il-fonogrammi jagħmel aċċessibbli u disponibbli għas-smigħ ix-xogħlijiet protetti li huma ffissati fuq il-fonogrammi, b’tali mod li jkun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku kemm fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. |
2. Il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku”
166. |
Kif spjegajt iktar ’il fuq ( 46 ), bħala regola, il-kunċett ta’ komunikazzjoni “lill-pubbliku” użat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat b’mod identiku fiż-żewġ dispożizzjonijiet, b’tali mod li huwa possibbli li jiġu applikati l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE. |
167. |
Anki meta apparat u fonogrammi jkunu pprovduti f’forma fiżika jew diġitali, il-fonogrammi jkunu kkomunikati lil udjenza ġdida, li, fil-każ ta’ tibdil ta’ spiss ta’ klijenti f’lukanda, iwassal għal effett kumulattiv u għal disponibbiltà sinjifikattiva. |
168. |
Barra minn hekk, il-fatti huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza SGAE, peress li lukandier, li fl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu jipprovdi lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħlijiet protetti għandu l-għan li jagħti pjaċir lil udjenza wiesgħa. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-fatt li jiġi pprovdut l-aċċess għal xogħlijiet protetti huwa servizz addizzjonali pprovdut bil-għan li jsir xi qligħ, u, għalhekk, x’aktarx li jaffettwa l-prezz tal-kamra. |
169. |
Il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 lanqas ma tista’ tipprekludi l-kunsiderazzjoni li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. |
170. |
L-ewwel nett, din il-premessa hija maħsuba biss biex tippreċiża li l-espressjoni “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma għandhiex tkopri r-rappreżentazzjonijiet jew l-eżekuzzjonijiet diretti tax-xogħol ( 47 ). F’din il-kawża, ma hemmx rappreżentazzjoni jew eżekuzzjoni diretta ta’ xogħol. |
171. |
It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, huwa impossibbli li din l-idea tiġi applikata għall-komunikazzjoni ta’ fonogramma fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-kunċett ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 2(g) tad-WPPT. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, hemm komunikazzjoni ta’ fonogrammi meta l-ħsejjes iffissati fuq fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku. B’din id-definizzjoni, il-partijiet kontraenti tad-WPPT riedu jippreċiżaw li hemm komunikazzjoni lill-pubbliku wkoll fis-sens tal-Artikolu 15 tal-WPPT meta l-komunikazzjoni ta’ fonogramma ssir quddiem pubbliku li jkun preżenti fil-post tal-komunikazzjoni ( 48 ). |
172. |
Għal eżami iktar iddettaljat tat-tifsira tal-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 għall-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, nirreferi għall-punti 90 sa 109, kif ukoll 114 sa 125, tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici. |
173. |
Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, hemm ukoll komunikazzjoni “lill-pubbliku”. |
3. Il-kunċett ta’ utent
174. |
Kif spjegajt hawn fuq ( 49 ), kull persuna li tikkomunika l-fonogrammi lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 għandha tiġi kkunsidrata bħala utent għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni. |
4. Konklużjoni
175. |
Għalhekk, għandu jiġi deċiż bħala konklużjoni li lukandier li jipprovdi, fil-kmamar tal-klijenti, apparat ta’ riproduzzjoni u fonogrammi fil-forma fiżika jew diġitali, juża dawk il-fonogrammi għal komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 u għandu, għalhekk, iħallas remunerazzjoni ekwa skont l-imsemmija dispożizzjoni. |
X – Il-ħames domanda preliminari
176. |
Meta tagħmel il-ħames domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115 jippermettix lill-Istati Membri li jeżentaw lill-operaturi ta’ lukandi mill-obbligu li jħallsu “ħlas uniku ekwu” peress li dan huwa “użu privat” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115. |
A – Argumenti prinċipali tal-partijiet
177. |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, għall-istess raġunijiet li japplikaw għat-tielet domanda. Skont l-Irlanda u l-Gvern Grieg, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. L-Irlanda ssostni li, f’każ bħal dak inkwistjoni, hemm użu privat. Il-Gvern Grieg jirreferi għall-argumenti tiegħu invokati fir-rigward tat-tielet domanda. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tar-risposta għar-raba’ domandi preliminari, ma huwiex neċessarju li din l-aħħar domanda tiġi eżaminata. |
B – Kunsiderazzjonijiet ta’ dritt
178. |
Ir-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. Kif diġà rriżulta mill-osservazzjonijiet rigward it-tielet domanda, meta hemm użu f’forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, ir-restrizzjoni rigward użu privat, prevista fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, ma tistax tiġi applikata. |
XI – Konklużjoni
179. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120.
( 3 ) ĠU L 376, p. 28.
( 4 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006 (C-306/05, Ġabra p. I-11519).
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.
( 6 ) Nota li ma hijiex rilevanti għall-verżjoni Maltija.
( 7 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Marzu 2000, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).
( 8 ) Billi bbażajt fuq it-terminoloġija użata fit-TUE u t-TFUE, jiena nuża l-frażi “dritt tal-Unjoni” sabiex nirreferi kemm għad-dritt Komunitarju kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni. Iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser niċċita d-dispożizzjonijiet ta’ liġi primarja applikabbli ratione temporis.
( 9 ) Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 31); u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Combinatie Spijker Infrabouw vs De Jonge Konstruktie et (C-568/08, Ġabra p. I-12655, punt 87).
( 10 ) ĠU L 372, p. 12.
( 11 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003 (C-245/00, Ġabra p. I-1251).
( 12 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
( 13 ) Ibidem, punt 36.
( 14 ) Ibidem, punt 36.
( 15 ) Ibidem, punt 37. F’dan ir-rigward, hija qabelxejn invokat is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel (C-89/04, Ġabra p. I-4891, punt 30), fejn, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), hija interpretat il-kunċett ta’ xandir tat-televiżjoni fis-sens li x-xandir ta’ programmi televiżivi mmirati lill-pubbliku għandhom ikunu intiżi għal numru mhux determinat ta’ telespettaturi potenzjali. Sussegwentement, hija invokat is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast (C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 31), fejn, fir-rigward tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), hija interpretat il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita fis-sens li din għandha tkun intiża għal numru mhux determinat ta’ telespettaturi potenzjali.
( 16 ) Sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 et seq.
( 17 ) Ibidem, punt 40.
( 18 ) Ibidem, punt 41.
( 19 ) Ibidem, punt 42.
( 20 ) Ibidem, punt 43.
( 21 ) Ibidem, punt 44.
( 22 ) Ibidem, punti 45 et seq.
( 23 ) Sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.
( 24 ) Sentenza SENA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 11, punt 34.
( 25 ) Ibidem, punti 34 sa 38.
( 26 ) Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52); u SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 35). Ara f’dan ir-rigward F. Rosenkranz, “Die völkerrechtliche Auslegung des EG-Sekundärrechts dargestellt am Beispiel des Urheberrechts”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2007, p. 238 et seq, b’mod partikolari p. 239 et seq.
( 27 ) Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) J. Reinbothe u S. Lewinski, The E.C. Directive on Rental land Lending Rights and on Piracy, Sweet & Maxwell 1993, p. 97.
( 29 ) L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi għal dritt bħal dan biss fil-każ ta’ trażmissjoni diretta. F’dan ir-rigward, il-partijiet kontraenti tad-WPPT marru lil hinn mill-Konvenzjoni ta’ Ruma.
( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 67 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, tat-13 ta’ Lulju 2006, fil-Kawża SGAE (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), kif ukoll il-punt 22 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola, tad-9 ta’ Settembru 1999, fil-Kawża Egeda (sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, C-293/98, Ġabra p. I-629).
( 31 ) Sentenza SGAE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 45 et seq).
( 32 ) F’dan ir-rigward, jiena nirreferi għall-punti 90 sa 109, u wkoll għal punti 114 sa 125 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici, fejn jiena nittratta din il-kwistjoni.
( 33 ) Ara l-punti 66 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) F’dan is-sens ukoll, M. Walter u S. Lewinsky, European Copyright Law, Oxford University Press, 2010, p. 989.
( 35 ) WIPO, WIPO Intellectual Property Handbook, 2004, p. 318.
( 36 ) Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-espressjoni “lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fil-każ ta’ apparat ta’ riċezzjoni u jekk din l-interpretazzjoni tistax tiġi applikabbli għall-espressjoni “lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, ara l-punti 114 sa 125 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF Consorzio Fonografici.
( 37 ) Għal iktar dettalji, nirreferi għall-punti 128 sa 135 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża SCF, fejn neżamina din il-kwistjoni.
( 38 ) Ara l-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Ara l-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara F. E. Mahr, “Die öffentliche Wiedergabe von Rundfunksendung im Hotelzimmer”, Medien und Recht, 2006, p. 372 et seq, b’mod partikolari, p. 376, li josserva li ma huwiex il-post tal-komunikazzjoni li huwa deċiżiv, iżda l-att tal-isfruttar. Fil-fatt, in-natura privata tiddependi mil-limitazzjonijiet tekniċi tal-każ fil-kawża.
( 41 ) Din it-teżi hija wkoll imsaħħa mid-duttrina fir-rigward ta’ espressjonijiet simili fid-dritt internazzjonali, ara S. Ricketon, u J. Ginsburg, International Copyright and Neighbouring Rights, Vol. I, Oxford, Edizzjoni II 2006, punt 12.02; li tirrigwarda madankollu t-Trattat ta’ Berna.
( 42 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 50 sa 54.
( 43 ) Ara l-punti 78 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara l-punti 85 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ara wkoll il-punt 89 tal-konklużjonijiet.
( 46 ) Ara l-punti 94 sa’ 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 47 ) Ara l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE rigward il-pożizzjoni komuni meħuda mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni ta’ diversi aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (SEC/2000/1734 finali).
( 48 ) S. Lewinsky, International Copyright and Policy, Oxford University Press, 2008, p. 481.
( 49 ) Ara l-punti 114 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.