Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0439

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Ottubru 2011.
John Robert Purvis vs il-Parlament Ewropew.
Regoli dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew - Skema ta' pensjoni addizzjonali - Rifjut li parti mill-benefiċċju ta' pensjoni addizzjonali volontarja tingħata fil-forma ta' kapital - Eċċezzjoni ta' illegalità - Drittijiet miksuba - Aspettattivi leġittimi - Proporzjonalità.
Kawża T-439/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-07231

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:600

Kawża T-439/09

John Robert Purvis

vs

Il-Parlament Ewropew

“Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Skema ta’ pensjoni addizzjonali — Rifjut li parti mill-benefiċċju ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tingħata fil-forma ta’ kapital — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Drittijiet miksuba — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta li tagħti lil Membru parti mill-benefiċċju ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tiegħu fil-forma ta’ kapital

(Artikoli 230 KE u 241 KE)

2.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Drittijiet miksuba — Ksur — Assenza

3.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ kontinwità tal-kuntratti — Ksur — Assenza

4.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Kompetenza tal-Bureau sabiex jadotta l-emenda għal dawn ir-regolamenti li sservi ta’ bażi għall-imsemmija deċiżjoni

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE)

5.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Nuqqas ta’ retroattività — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Ksur — Assenza

6.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il‑pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Ksur — Assenza

7.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Ksur — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1292/2004)

8.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Ksur — Assenza

9.      Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Obbligu li jiġu kkonsultati s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u l-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Ksur — Assenza

(Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 21(2))

10.    Parlament — Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti minn din il-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital — Prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti — Ksur — Assenza

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta li tagħti lil Membru parti mill-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali (volontarja) tiegħu fil-forma ta’ kapital, il-motivi invokati mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu għandhom jiġu interpretati bħala invokati esklużivament insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li ġiet formalment imqajma separatament kontra d-deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li fuqha kienet tibbaża l-imsemmija deċiżjoni.

Fil-fatt, peress li l-Artikolu 4 tar-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri, li kien jipprovdi l-possibbiltà għal Membru tal-Parlament li jibbenefika minn parti tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital, ġie mħassar minn din id-deċiżjoni tal-Bureau, id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u ebda possibbiltà oħra ħlief li jiċħad it-talba tar-rikorrent ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 29, 31)

2.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tad-drittijiet miksuba tiegħu sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li l-fatt li jagħti lok għad-dritt għal pensjoni addizzjonali huwa ddefinit mill-Artikolu 1(1) tar-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali bħala l-jum li fih il-Membru jtemm il-funzjonijiet tiegħu u l-fatt li kien għadu ma temmx il-funzjonijiet tiegħu meta daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni, huwa kien għadu ma kisibx id-dritt tiegħu għall-imsemmija pensjoni.

Fil-fatt, il-prinċipju li jipprovdi li rikorrent ma jistax jinvoka dritt miksub ħlief jekk il-fatt li ta lok għad-dritt tiegħu seħħ taħt leġiżlazzjoni preċedenti għall-emenda li saret lil din l-iskema u li huwa jikkontesta bir-rikors tiegħu, għalkemm ġie stabbilit fil-ġurisprudenza li tirrigwarda lill-uffiċjali Ewropej, huwa għandu japplika b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, għall-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tagħhom għandha l-istess element ewlieni karatteristiku bħall-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej, peress li ż-żewġ sistemi jiddefinixxu kalkolu attwarjali li, fil-kuntest tiegħu, il-kontribuzzjoni annwali għandha tikkorrispondi għal terz tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-istess sena.

(ara l-punti 44-46)

3.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali “marbuta mal-kuntratt ta’ pensjoni addizzjonali” u tal-prinċipju ta’ kontinwità ta’ kuntratti sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital.

Fil-fatt, it-twaqqif tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll l-emenda tagħha fil-każ ta’ bżonn għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ organizzazzjoni interna intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Parlament Ewropew u jaqgħu, minħabba f’dan, taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati. Effettivament, f’kull sistema Parlamentari, waħda mill-kwistjonijiet essenzjali hija dik li tiġi żgurata l-indipendenza, inkluża l-indipendenza finanzjarja tal-Membri bħala rappreżentanti tal-poplu, liema Membri huma mistennija jservu l-interess ġenerali ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, il-garanzija ta’ kumpens finanzjarju xieraq, li jiżgura l-indipendenza tal-Membru, ma għandux ikun limitat biss għas-sempliċi tul tal-mandat iżda għandu jkopri wkoll, sa fejn huwa xieraq, perijodu tranżitorju wara t-tmiem ta’ dan il-mandat u jipprovdi pensjoni, skont iż-żmien li fih il-Membru għamel parti mill-Parlament.

Minn dan isegwi li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kkontestata tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan, fl-interess ġenerali, li jiżguraw l-indipendenza finanzjarja tal-Membri.

Għaldaqstant, id-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn din l-iskema għall-Parlament u għall-Membri jagħmlu parti mill-kuntest ta’ rabta legali li tgħaqqadhom u għaldaqstant ma humiex kuntrattwali iżda jaqgħu taħt id-dritt pubbliku. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmi Membru jkun aderixxa volontarjament mal-imsemmija skema, ma jbiddilx in-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-Parlament, li tibqa’ rregolata mid-dritt pubbliku.

(ara l-punti 59-62)

4.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, billi jibbaża ruħu fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Bureau biex jadottaha.

Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni tidħol fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, hija taqa’ fil-kamp tal-kompetenza tiegħu u tal-miżuri li għandu jieħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE. Issa, l-istituzzjoni u, skont il-każ, l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri għandhom jitqiesu bħala tali miżuri.

(ara l-punt 64)

5.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li t-tħassir ta’ din il-possibbiltà ma japplikax ħlief mid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni lill-Membri kollha u li dawk li temmew il-funzjonijiet tagħhom qabel din id-data u li b’hekk kisbu drittijiet għall-pensjoni addizzjonali, ma ġewx affettwati minn din id-deċiżjoni li ma kellhiex elementi retroattivi.

(ara l-punti 65, 66)

6.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li l-informazzjoni li huwa jinvoka sabiex jistabbilixxi tali ksur ma hijiex preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-possibbiltà li parti minn pensjoni addizzjonali titħallas fil-forma ta’ kapital kienet teżisti fiż-żmien tal-adeżjoni tal-imsemmi Membru, mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, ma jistax jitqies bħala garanzija, min-naħa tal-Parlament, li l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema mhux ser jiġu emendati fil-futur. Bl-istess mod, la jistgħu jitqiesu bħala informazzjoni tali li tiġġustifika l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata, kalkoli proviżjonali tal-pensjoni tagħha stabbiliti mill-amministrazzjoni tal-Parlament, la kalkoli mwettqa f’dan ir-rigward bħala eżempju mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew” u lanqas ir-rikonoxximent min-naħa tal-Bureau tal-Parlament, ta’ obbligu li tiġi ggarantita l-osservanza tal-impenji meħuda fir-rigward tal-persuni li aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali indipendentement mis-sitwazzjoni tal-fond.

(ara l-punti 70-75)

7.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital billi jibbaża ruħu fuq paragun bejn l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri li saret wara li daħlet fis-seħħ din id-deċiżjoni u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-Membri tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Membri tal-Qrati tal-Unjoni li saret wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1292/2004, li jemenda r-Regolamenti Nru 422/67/KEE u Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi s-salarji tal-President u tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-President, l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, il-Membri u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fil-fatt, bil-kontra tal-emendi tal-iskema ta’ pensjoni tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni introdotta mir-Regolament Nru 1292/2004, l-emendi tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri li saru wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 ma kinux jaffettwaw il-valur attwarjali tal-pensjoni li l-affiljati f’din l-iskema tal-aħħar setgħu jistennew.

Għaldaqstant, peress li l-Membri tal-Parlament Ewropew, minn naħa, u l-Membri tal-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li huma essenzjalment differenti għal dak li jikkonċerna l-impatt tal-emendi tal-iskemi ta’ pensjoni tagħhom li saru wara d-dħul fis-seħħ, rispettivament, tal-imsemmija deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament u tar-Regolament Nru 1292/2004, setgħu jingħataw trattament differenti għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 86, 87, 89)

8.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital peress li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu sabiex jirregola l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri, il-Parlament seta’ jipprova jilħaq l-għanijiet, imsemmija f’din id-deċiżjoni, b’mod leġittimu, peress li l-miżuri meħuda fil-kuntest tagħha sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu kienu adatti għal dan u peress li l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital kienet il-miżura l-inqas restrittiva għall-affiljati tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

(ara l-punti 93, 94, 114, 116, 117)

9.      Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-Artikolu 29 tar-regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri, li jipprovdi li l-Kwesturi u s-Segretarju Ġenerali għandhom jiżguraw, fuq l-istruzzjonijiet tal-President, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni stretta tal-imsemmija regolamenti, sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża biss għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u mhux għall-emendi tagħhom u li l-Bureau kellu l-kompetenza sabiex jemenda dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li temenda ttieħdet fuq proposta tal-imsemmi Segretarju Ġenerali u, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, il-Kwesturi jipparteċipaw għal-laqgħat tal-Bureau f’kapaċità konsultattiva.

(ara l-punti 121-123)

10.    Membru tal-Parlament Ewropew ma jistax jnvoka ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti sabiex jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bureau ta’ din l-istituzzjoni li temenda r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri, misjuba fl-Anness VII tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri u li telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital, peress li r-relazzjonijiet bejn l-imsemmi Membru u l-Parlament jagħmlu parti mir-rabta statutorja li torbot lill-Membru mal-Parlament u għaldaqstant jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati.

(ara l-punti 124-126)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2011(*)

“Regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Skema ta’ pensjoni addizzjonali – Rifjut li parti mill-benefiċċju ta’ pensjoni addizzjonali volontarja jingħata fil-forma ta’ kapital – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Drittijiet miksuba – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑439/09,

John Robert Purvis, residenti f’Saint-Andrews (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn H. Krück, A. Pospíšilová Padowska u G. Corstens, sussegwentement minn N. Lorenz, Pospíšilová Padowska u M. Corstens, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Awwissu 2009, li tirrifjuta li parti mill-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali volontarja jingħata lir-rikorrent fil-forma ta’ kapital,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-Bureau tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Bureau”), huwa korp tal-Parlament Ewropew. Skont l-Artikolu 22(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża preżenti (ĠU 2005, L 44, p. 1), intitolat “Dmirijiet tal-Bureau”, il-Bureau jirregola, fost oħrajn, affarijiet li jikkonċernaw finanzi, organizzazzjoni u amministrazzjoni li jirrigwardaw lill-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Membri”).

2        Għal dan il-għan, il-Bureau adotta r-regolamenti dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti PEAM”).

3        Fit-12 ta’ Ġunju 1990, il-Bureau adotta r-regolamenti dwar l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri (iktar ’il quddiem, ir-“regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990”), li jinsabu fl-Anness VII tar-Regolamenti PEAM.

4        Ir-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, fil-verżjoni tagħhom applikabbli f’Marzu 2009, kienu jipprovdu, b’mod partikolari:

“Artikolu 1

1.       Sakemm jiġi adottat Statut uniku tal-Membri, u indipendentetement mid-drittijiet għall-pensjoni previsti fl-Annessi I u II, kull Membru tal-Parlament Ewropew li ħallas kontribuzzjonijiet, għal mill-inqas sentejn, fl-iskema volontarja ta’ pensjoni għandu d-dritt, wara li jtemm il-funzjonijiet tiegħu, għal pensjoni tul ħajtu kollha mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun għalaq 60 sena. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]

Artikolu 2

1.       Il-pensjoni tiżdied, għal kull sena sħiħa ta’ mandat, b’3.5 % ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u, għal kull xahar sħiħ, għal 1/12 ta’ dan l-ammont.

2.       L-ammont massimu tal-pensjoni huwa ta’ 70 % (l-ammont minimu huwa ta’ 10.5 %) ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.       Il-pensjoni hija kkalkolata u mħallsa f’Euro [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Artikolu 3

L-ex Membri jew il-Membri li rriżenjaw qabel l-età ta’ 60 sena jistgħu jitolbu sabiex il-pensjoni tagħhom tiġi mħallsa lilhom immedjatament, jew f’kwalunkwe mument bejn ir-riżenja tagħhom u l-età ta’ 60 sena, taħt il-kundizzjoni li jkunu għalqu l-età ta’ 50 sena. F’dan il-każ tal-aħħar, il-pensjoni hija ugwali għall-ammont ikkalkolat fuq il-bażi tal‑Artikolu 2(1), immultiplikat permezz ta’ koeffiċjent ikkalkolat skont l-età tal-Membru fiż-żmien meta jibda jirċievi l-pensjoni tiegħu, skont l-iskala li ġejja […] [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Artikolu 4 (ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital)

1.       Massimu ta’ 25 % ta’ drittijiet għall-pensjoni kkalkolati fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) jistgħu jitħallsu fil-forma ta’ kapital lill-Membri affiljati jew li kienu affiljati mal-iskema ta’ pensjoni volontarja.

2.       Din l-għażla għandha titwettaq qabel id-data li fiha jibdew il-ħlasijiet u hija irrevokabbli.

3.       Suġġett għall-massismu previst fil-paragrafu 1, il-ħlas ta’ kapital la jaffettwa u lanqas inaqqas id-drittijiet għall-pensjoni tal-konjuġi superstiti jew tat-tfal dipendenti tal-affiljat.

4.       Il-ħlas tal-kapital huwa kkalkolat permezz tal-età tal-Membru fid-data li fiha tibda l-pensjoni, skont it-tabella li ġejja […]

5.       Il-kapital huwa kkalkolat u mħallas f’Euro. Il-ħlas jitwettaq qabel l-ewwel ħlas tal-pensjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[…]”

5        Il-fond għal pensjoni addizzjonali nħoloq bit-twaqqif, mill-Kwesturi tal-Parlament Ewropew, tal-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew” (iktar ’il quddiem, l-“AMSQ”) li, minn naħa tiegħu, ħoloq kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli rregolata bid-dritt Lussemburgiż, immsemija “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew, Kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli” (iktar ’il quddiem is-“SICAV”, li ġiet inkarigata bl-amministrazzjoni teknika tal-investimenti.

6        L-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri”), u daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2009, l-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura.

7        L-Istatut tal-Membri stabbilixxa skema ta’ pensjoni definittiva għall-Membri, li abbażi tagħha dawn għandhom id-dritt, mingħajr ma jħallsu kontribuzzjonijiet, għal pensjoni ta’ irtirar fl-età ta’ 63 sena.

8        L-Istatut tal-Membri jipprovdi miżuri tranżitorji applikabbli għall-iskema ta’ pensjoni addizzjonali. L-Artikolu 27 tal-imsemmi Statut jipprovdi, f’dan ir-rigward:

“1.      Il-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f’dak il-fond.

2.      Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista’ jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda.

3.      Il-Membri li jirċievu salarju [stabbilit mill-Istatut] ma jistgħu jiksbu l-ebda drittijiet jew jeddijiet futuri ġodda fuq il-fond għall-pensjoni volontarja.

4.      Il-fond m’għandux ikun miftuħ għal Membri li jiġu eletti għall-ewwel darba fil-Parlament wara li dan l-Istatut isir applikabbli.

[…]”

9        B’deċiżjonijiet tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, il-Bureau adotta l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri (ĠU C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni”). Skont l-Artikolu 73 tagħhom, il-miżuri ta’ implementazzjoni daħlu fis-seħħ fl-istess ġuranta li daħal fis-seħħ l-Istatut tal-Membri, jiġifieri, fl-14 ta’ Lulju 2009.

10      L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jipprovdi li, suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fit-Titolu IV tagħhom, ir-Regolamenti PEAM jieqfu japplikaw fid-data li fiha l-Istatut tal-Membri jidħol fis-seħħ.

11      L-Artikolu 76 intitolat “Pensjonijiet addizzjonali”, tal-miżuri ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“1.       Il-pensjoni addizzjonali tal-età (volontarja) mħallsa skont l-Anness VII tar-Regoli PEAM għandha tkompli titħallas, skont dak l-Anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik il-pensjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri].

2.       Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri] skont l-Anness VII imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Dawn għandhom jiġu osservati skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness.

3.       Jistgħu jibqgħu jiksbu d-drittijiet il-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri], u bi qbil mal-Anness VII imsemmi hawn fuq, il-Membri parlamentari eletti fl-2009 li:

a)       kienu Membri parlamentari taħt leġiżlatura preċedenti; u

b)       u li jkunu diġà kisbu jew kienu qed jiksbu d-drittijiet fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali; u

ċ)       li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru fejn ġew eletti diġà adotta deroga skont l-Artikolu 29 tal-Istatut [tal-Membri], jew li, skont l‑Artikolu 25 tal-[imsemmi] [S]statut, għażlu skema nazzjonali; u

d)       mhumiex intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea minħabba t-twettiq tal-mandat tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

4.       Il-Membri għandhom iħallsu l-kontributi tagħhom fil-fond tal-pensjoni addizzjonali mid-dħul personali tagħhom.”

12      Fid-9 ta’ Marzu 2009, wara konstatazzjoni ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni fakultattiva, il-Bureau ddeċieda:

–        “li jikkostitwixxi grupp ta’ ħidma […] sabiex ilaqqa’ r-rappreżentanti tal-Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-fond ta’ pensjonii sabiex jevaljaw is-sitwazzjoni;

–        […], b’effett immedjat, li, bħala miżura kawtelatorja u ta’ prekawzjoni, il-possibbilità li jiġu applikati l-Artikoli 3 u 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti PEAM [ġiet] sospiża;

–        […] li dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni ser jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Bureau waqt il-laqgħa li jmiss, fid-dawl tal-fatti stabbiliti u tar-riżultati tal-kuntatti u l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma.” [traduzzjoni mhux ufficiali]

13      Fl-1 ta’ April 2009, il-Bureau ddeċieda li jemenda r-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. L-emendi kien fihom, b’mod partikolari, il-miżuri li ġejjin:

–        żieda b’effett mill-ewwel ġurnata tas-seba’ leġiżlatura, jiġifieri, l-14 ta’ Lulju 2009, tal-età tal-irtirar minn 60 għal 63 sena (Artikolu 1 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti mid-drittijiet ta’ pensjoni fil-forma ta’ kapital (Artikolu 3 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ irtirar minn qabel, mill-età ta’ 50 sena (Artikolu 4 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990).

14      Sabiex jiġġustifika dawn il-miżuri, il-Bureau invoka, fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, deterjorament sinjifikanti tal-fond ta’ pensjoni, dovut għall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali kif ukoll għall-perspettiva li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri f’Lulju 2009, minħabba l-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tal-affiljati u tal-insuffiċjenza tar-rendiment tal-invesitmenti, il-likwidità disponibbli tal-fondi kienet qiegħda tirriskja li ma tkunx suffiċjenti, sa mill-2010, sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ ħlas tal-pensjonijiet. Skont il-Bureau, il-fond ta’ pensjoni kien qed jirriskja, konsegwentement, li jkollu jillikwida l-attiv, u din hija r-raġuni għaliex kellhom jittieħdu miżuri sabiex il-likwidità tal-fond tinżam fil-livell massimu.

15      Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata mill-amministrazzjoni tal-Parlament lill-Membri kollha permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2009.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      Ir-rikorrent, John Robert Purvis kien Membru tal-Parlament minn 1979 sa Lulju 1984 u minn Lulju 1999 sa Lulju 2009. Huwa ssieħeb fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali u ħallas kontribuzzjoni fil-fond għal għaxar snin, minn Awwissu 1999 sa Lulju 2009.

17      Fit-8 ta’ Jannar 2009, id-diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tal-Parlament bagħtet żewġ kalkoli provviżorji lir-rikorrent li kienu jipprovdu li mill-1 ta’ Awwissu 2009 huwa kien intitolat jew għal pensjoni ta’ EUR 2 706.20 fix-xahar jew għal 25 % tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital, jiġifieri EUR 81 429.56 flimkien ma’ pensjoni ta’ EUR 2 029.65 fix-xahar.

18      Fl-24 ta’ April 2009 ir-rikorrent talab parti mill-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali tiegħu, sa mit-tmiem tas-sitt leġiżlatura, fil-forma ta’ kapital u parti minnu fil-forma ta’ pagamenti perijodiċi, skont il-kalkolu msemmi iktar ’il fuq.

19      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrent ġie informat biċ-ċaħda tat-talba tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din l-ittra, il-kap tad-diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tal-Parlament fakkru, b’mod partikolari, li l-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti mid-drittijiet għall-pensjoni fil-forma ta’ kapital kienet ġiet abolita permezz tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009. Huwa kkonkluda li “peress li r-regolamenti fis-seħħ ma [kinux jippermettu] iktar il-ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital, id-dritt tiegħek għall-pensjoni [kien] ġie kkalkolat, mill-1 ta’ Awwissu 2009, mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni t-talba tiegħek għal ħlas ta’ 25 % fil-forma ta’ kapital”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

21      Peress li r-rikorrent pproduċa provi ġodda matul is-seduta tad-29 ta’ Marzu 2011, il-Parlament ingħata terminu ta’ gimgħatejn sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-8 ta’ April 2011. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2011, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-osservazzjonijiet tal-Parlament tat-8 ta’ April 2011.

22      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara bħala illegali d-deċiżjonijiet tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009 sa fejn jemendaw l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali u jeliminaw il-metodi speċjali ta’ ħlas tal-pensjoni addizzjonali;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

23      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-konsegwenzi tas-sentenza preżenti

24      Ir-rikorrent jiddikjara li, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2009, il-Bureau ddeċida, b’mod partikolari, li s-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża, ser tapplika għal kull Membru tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali.

25      Il-Parlament isostni li r-rikors preżenti ġie nnotifikat lilu biss fid-19 ta’ Novembru 2009 u li għaldaqstant, ma setax jieħu tali impenn fis-17 ta’ Ġunju 2009.

26      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni Ewropea li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, toħroġ inġunzjonijiet kontra l-istituzzjonijiet jew tissostitwixxi ruħha għal dawn tal-aħħar, iżda huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni kkonċernata li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 53, u tat-12 ta’ Diċembru , SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, T‑155/04, Ġabra p. II‑4797, punt 28).

27      Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-konsegwenzi tas-sentenza preżenti, tali talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet miksuba u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti PEAM u, r-raba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Barra minn hekk, huwa jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità intiża, b’mod partikolari, għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009.

 Fuq il-konnessjoni tal-motivi u tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

29      L-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors ħlief sa fejn ġie rrifjutat li r-rikorrent ikun jista’ jibbenefika minn 25 % tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital. Issa, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni relatata. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 4 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li kien jipprovdi l-possibbiltà għal Membru tal-Parlament li jibbenefika minn parti (li setgħet tammonta sa 25 %) tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital, ġie mħassar bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni u ebda possibbiltà oħra ħlief li jiċħad it-talba tar-rikorrent ibbażata fuq din id-dispożizzjoni.

30      Barra minn hekk, kif il-Parlament ġustament irrileva, ir-rikorrent ma jressaq l-ebda motiv speċifiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, iżda sempliċement jikkontesta, permezz tal-erba’ motivi dwar il-mertu, il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn huwa rrifjutat li r-rikorrent ikun jista’ jibbenefika minn 25 % tal-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital. Issa, bħalma għadu kif ġie rrilevat, tali kontenut huwa ddeterminat mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009. Għaldaqstant, ir-rikors ikun jista’ jintlaqa’ biss fil-każ fejn l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija fondata. Min-naħa l-oħra, jekk ma tista tiġi kkonstatata l-ebda illegalità rigward l-imsemmija deċiżjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-erba’ motivi invokati mir-rikorrent għandhom jiġu interpretati bħala invokati esklużivament insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li ġiet formalment imqajma separatament.

 Fuq il-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

32      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża fuq id-deċiżjoniijiet tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009. Dawn huma t-tnejn illegali inkwantu jeliminaw il-possibbiltà għal Membru li jibbenefika minn parti tal-pensjoni fil-forma ta’ kapital.

33      Il-Parlament iqis li hija biss id-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’April 2009 li tista’ tkun koperta mill-eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fehma tiegħu, din għandha natura definittiva u għaldaqstant “tinkludi fiha” d-deċiżjoni provviżorja tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu 2009.

34      Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet jaqblu li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija intiża biss għall-eliminazzjoni tal-possibbiltà, prevista mill-ex Artikolu 4 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li Membru jitħallas parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital. Min-naħa l-oħra, iż-żieda fl-età tal-pensjoni kif ukoll l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li Membru jibbenefika minn irtirar antiċipat mill-età ta’ ħamsin sena, prevista wkoll mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April2009, ma humiex is-suġġett tal-kawża preżenti.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun ristretta għal dak li huwa neċessarju sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 241 KE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors. Għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et. vs Il‑Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, il-kwistjoni tqum dwar liema hija d-data rilevanti sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli u, konsegwentement, liema huma d-deċiżjonijiet koperti mill-eċċezzjoni ta’ illegalità. Tliet dati jistgħu jitqiesu għal dan ir-rigward, l-24 ta’ April 2009, id-data li fiha r-rikorrent għamel it-talba tiegħu sabiex jibbenefika mill-pensjoni addizzjonali, l-14 ta’ Lulju 2009, id-data li fiha temm il-funzjonijiet tiegħu u b’hekk ta lok għad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni addizzjonali, u s-7 ta’ Awwissu 2009, id-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

37      Il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li għandha titqies id-data tal-14 ta’ Lulju 2009. Fil-fatt, il-fatt li joħloq id-dritt tal-pensjoni addizzjonali huwa ddefinit mill-Artikolu 1(1) tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 bħala l-jum li fih il-Membru jtemm il-funzjonijiet tiegħu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), u dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti temm il-funzjonijiet tiegħu f’din id-data. Apparti dan, għandu jiġi rrilevat li fl-24 ta’ April 2009, ma kienx possibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza d-drittijiet tiegħu għal pensjoni peress li, f’ din id-data, it-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru u t-tul totali tal-kontribuzzjonijiet tiegħu ma kinux għandhom ċerti inkwantu r-rikorrent seta’ jerġa jiġi elett fil-Parlament, jew anki jtemm il-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu, permezz tad-dimissjoni jew tal-mewt tiegħu. Minn dan isegwi li, qabel l-14 ta’ Lulju 2009, kwalunkwe kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrent kien, għaldaqstant, neċessarjament provviżorju. Għalhekk, għandha titqies id-data tal-kisba, mir-rikorrent, tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni, jiġifieri l-14 ta’ Lulju 2009, bħala d-data rilevanti għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli f’dan il-każ.

38      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-drittijiet għal pensjoni tal-Membri li huma affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ma hijex biss deċiżjoni relatata, fis-sens li l-amministrazzjoni tal-Parlament ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali rigward id-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni, iżda għandha natura esklużivament deklaratorja fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li tipprovdi li “[…] kull Membru tal-Parlament Ewropew li ħallas kontribuzzjonijiet, għal mill-inqas sentejn, fl-iskema [ta’ pensjoni addizzjonali] għandu d-dritt, wara li jtemm il-funzjonijiet tiegħu, għal pensjoni tul ħajtu kollha mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun għalaq 60 sena”, ma jistax jiġi interpretat ħlief fis-sens li d-drittijiet għal pensjoni tal-Membri huma dovuti lilhom ipso jure permezz tas-sempliċi applikazzjoni tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 ladarba l-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk ikunu sodisfatti. F’tali ċirkustanzi, id-deċizjoni li biha l-Parlament jistabbilixxi d-drittijiet għal pensjoni ta’ Membru li huwa affiljat fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali għandha biss l-effett li tgħarraf lill-imsemmi Membru sa fejn jestendu d-drittijiet tiegħu għal pensjoni, u b’dan il-mod ittih il-possibbiltà, fil-każ ta’ diverġenza dwar il-kontenut eżatt ta’ dawn id-drittijiet, li jitlob lill-qrati tal-Unjoni sabiex jistħarrġu l-applikabbiltà tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, u li jiġġustifika fi ħdan l-amministrazzjoni l-pagamenti li jridu jsiru skont l-imsemmija drittijiet.

39      Min-naħa l-oħra, jekk id-data ta’ meta jippreżenta t-talba sabiex jibbenefika mill-pensjoni addizzjonali kellha titqies bħala d-data rilevanti, din tirriskja li twassal għall-applikazzjoni ta’ drittijiet differenti għal persuni li d-dritt tagħhom għal pensjoni nħoloq, madankollu, fl-istess waqt. Fil-fatt, fil-każ fejn żewġ Membri li temmew il-funzjonijiet tagħhom fl-14 ta’ Lulju 2009 għamlu tali talbiet, wieħed qabel id-9 ta’ Marzu 2009 u l-ieħor wara din id-data, l-ewwel wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-ħlas ta’ parti bħala kapital u l-ieħor le. Issa, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni ta’ trattament differenti għal żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tagħhom ma humiex essenzjalment differenti tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2-297 u II‑A‑2‑1527, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-istess argument jippermetti li tiġi eliminata d-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, jiġifieri fis-7 ta’ Awwissu 2009. Fil-fatt, l-għażla tad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-talba għall-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali tirriżulta f’li d-dritt applikabbli jiddependi fuq il-veloċità tal-amministrazzjoni matul l-ipproċessar tat-talba tal-Membri, u b’dan jiġi introdott element ta’ arbitrarjetà u anki jinħolqu l-possibbiltajiet ta’ manipulazzjoni jew ta’ abbuż. B’mod partikolari, ikun possibbli li żewġ Membri, li jtemmu l-funzjonijiet tagħhom fl-istess waqt u li jagħmlu t-talba għal pensjoni fl-istess mument, jiġu applikati għalihom drittijiet differenti, minħabba s-sempliċi fatt li l-Parlament ikun iddeċieda fuq dawn it-talbiet rispettivi, f’żewġ dati differenti.

41      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, għandha għaldaqstant titqies l-14 ta’ Lulju 2009 bħala d-data rilevanti għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli. Peress li d-deċiżjoni tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu 2009 ma kellhiex iktar effett legali f’din id-data, hija ma setgħetx isservi ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata u hemm lok, għall-finijiet tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, li tiġi analizzata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 biss.

 Fuq l-ewwel motiv

42      L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrent jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba

43      Ir-rikorrent jinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li, bħala prinċipju, ma huwiex possibbli li d-drittijiet miksuba jiġu mminati. Huwa jsostni li jiddependi mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tat-tmiem tal-funzjonijiet ta’ Membru li d-drittijiet tiegħu għal pensjoni għandhom jiġu ddeterminati. Fil-fehma tiegħu, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni tingħata fil-forma ta’ kapital tikser l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri u tippreġudika l-metodi ta’ ħlas fir-rigward tad-drittijiet għal pensjoni miksuba, li ma jistgħux jiġu sseparati mid-drittijiet miksuba għal pensjoni. Huwa jenfasizza l-eżistenza ta’ riskju li huwa speċifiku għall-Membri, li jiddistingwi de facto l-iskema tagħhom minn dik tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Eworpej (iktar ’il quddiem l-“uffiċjali Ewropej”) u li jiġġustifika l-fatt li jiġi kkunsidrat il-ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital bħala element essenzjali tal-pensjoni.

44      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka dritt miksub ħlief jekk il-fatt li ta lok għad-dritt tiegħu seħħ taħt leġiżlazzjoni preċedenti għall-emenda li saret lil din l-iskema u li huwa jikkontesta bir-rikors tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punt 5, u s-sentenza Campoli vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 78). Fil-fatt, għalkemm din il-ġurisprudenza tirrigwarda lill-uffiċjali Ewropej, il-prinċipju li ssemmi għandu japplika b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, għal dan il-każ. Barra minn hekk, applikazzjoni tal-prinċipju impost minn din il-ġurisprudenza hija proposta mill-partijiet.

45      Barra minn hekk, l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri għandha l-istess element ewlieni karatteristiku bħall-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej. Fil-fatt, l-iskema ta’ pensjoni tal-imsemmija uffiċjali ssegwi, bħala prinċipju, mudell ta’ kapitalizzazzjoni, li jista’ jiġi kklassifikat bħala skema bbażata fuq fondi “virtwali”, peress li minkejja li fir-realità, il-kontribuzzjonijiet ta’ dawn l-uffiċjali jmorru fil-baġit tal-Unjoni, u li l-kontribuzzjonijiet tal-persuna li tħaddem ma humiex effettivament imħallsa u li l-ispejjeż għall-ħlas tal-pensjonijiet skont din l-iskema huma koperti mill-imsemmija baġit, il-bilanċ attwarjali tal-iskema huwa kkalkolat bħal kieku jeżisti fond ta’ pensjoni. Dan jimplika, b’mod partikolari, li t-total tal-kontribuzzjonijiet annwali ta’ uffiċjal Ewropew u tal-ipotetika kontribuzzjoni tal-persuna li tħaddem għandu jikkorrispondi għall-valur attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn dan l-uffiċjal fl-istess sena, li hija karatteristika essenzjali ta’ skema ta’ pensjoni “ibbażata fuq fond”. Għaldaqstant, il-karatteristiċi tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej huma qrib ħafna ta’ dawk tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri, peress li ż-żewġ sistemi jiddefinixxu kalkolu attwarjali li, fil-kuntest tiegħu, il-kontribuzzjoni annwali għandha tikkorrispondi għal terz tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-istess sena (il-kontribuzzjoni tal-persuna li tħaddem, jiġifieri f’dan il-każ, il-kontribuzzjoni tal-Parlament, tkopri ż-żewġ terzi li jibqa’).

46      Fl-aħħar nett, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-fatt li jagħti lok għad-dritt għall-pensjoni addizzjonali huwa ddefinit mill-Artikolu 1(1) tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 bħala l-jum li fih il-Membru jtemm il-funzjonijiet tiegħu. Issa, ir-rikorrent temm il-funzjonijiet tiegħu fl-14 ta’ Lulju 2009. Minn dan isegwi li, meta daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, innotifikata lill-Membri kollha fit-18 ta’ Mejju 2009, li eliminat b’mod partikolari l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas f’kapital, ir-rikorrent kien għadu ma kisibx id-dritt tiegħu għall-pensjoni. Għaldaqstant, huwa ma jistax isostni, f’dan ir-rigward, ksur tad-drittijiet miksuba tiegħu.

47      L-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrent ma jippermettux li tiġi mminata din il-konklużjoni.

48      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrent li l-funzjoni ta’ Membru tippreżenta riskju speċifiku meta mqabbla ma’ dik tal-uffiċjali Ewropej, jiġifieri l-ħtieġa ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali wara t-tmiem tal-mandat ta’ Membru u li l-ħlas parzjali fil-forma ta’ kapital jippermetti li jiġi megħlub dan ir-riskju, għandu jiġi miċħud għal diversi raġunijiet.

49      L-ewwel nett, ir-Regolamenti PEAM jipprovdu diġà, fl-Anness V tagħhom, għal allowance tranżitorja tal-aħħar tal-mandat imħallas lill-Membri li jtemmu l-mandat, jew mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, jew mill-Parlament innifsu. Huwa veru li ma jirriżultax espressament mir-Regolamenti PEAM li din l-allowance hija intiża sabiex tiffaċilita r-reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali wara tmiem il-mandat. Madankollu, l-Istatut tal-Membri, li ilu fis-seħħ mill-14 ta’ Lulju 2009 u li ħassar ir-Regolamenti PEAM, għadu jipprovdi għall-ħlas ta’ allowance tranżitorja,. F’dan ir-rigward, il-premessa 13 tad-deċiżjoni tal-Parlament li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew tipprovdi li “[l]‑allowance tranżitorju pprovdut fl-Artikoli 9(2) u 13 [tal-Istatut] huwa maħsub, b’mod partikulari, sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn meta jintemm il-mandat ta’ Membru u meta dan jieħu kariga ġdida”. Jista’ jiġi preżunt li r-raġuni għall-din l-allowance tranżitorja ma nbidlitx mal-adozzjoni tal-Istatut tal-Membri u li, diġà qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi statut, l-għan ta’ din l-allowance kienet għaldaqstant li tiġi ffaċilitata r-reintegrazzjoji fil-ħajja professjonali. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ din l-allowance, ma hemmx lok li l-metodi speċjali ta’ ħlas tal-pensjoni addizzjonali jiġu ġġustifikati permezz tar-riskju ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali, għall-inqas, anki jekk huwa konċepibbli li l-ħlas ta’ parti mill-imsemmija pensjoni fil-forma ta’ kapital setgħet, fil-passat, isservi għal tali finijiet f’każijiet konkreti.

50      It-tieni nett, il-Membri jiksbu d-dritt tagħhom għall-pensjoni addizzjonali fl-età tal-irtirar, iffissata għal 60 sena, skont l-Artikolu 1 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. Ħlas tal-pensjoni parzjalment fil-forma ta’ kapital għall-finijiet ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali, għaldaqstant, ma tidhirx li hija meħtieġa, peress li Membru li jirtira ma huwiex, bħala prinċipju, meħtieġ li jerġa’ jibda attivitajiet professjonali ġodda

51      It-tielet nett, il-modalità speċifika ta’ ħlas tal-pensjoni parzjalment f’kapital ġiet introdotta biss f’Marzu 1999, jiġifieri diversi snin wara t-twaqqif tal-imsemmija skema tat-12 ta’ Ġunju 1990. Peress li din ma kinitx oriġinarjament tagħmel parti mill-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, din il-modalità speċifika ma tistax tikkostitwixxi natura essenzjali tal-imsemmija skema.

52      It-tieni nett, ir-rikorrent jinvoka n-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tal-24 ta’ Novembru 2005, fejn fiha tfakkret il-projbizzjoni tal-ksur tad-drittijiet miksuba. Is-siltiet rilevanti ta’ din in-nota huma fformulati kif ġej:

“21.  Mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, l-Artikolu 27 tal-Istatut ser ikun il-bażi legali għall-Fond ta’ pensjnoi. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, ‘[d]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista’ jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda’.

22.       F’din il-perspettiva u għal perijodu interim determinat, il-Bureau jista’, suġġett għall-osservanza tal-bażi legali tal-Artikolu 199 KE, jemenda l-Iskema ta’ pensjoni għall-futur, iżda għandu jżomm id-drittijiet miksuba, b’mod partikolari tal-ex Membri li jirċievu diġà pensjoni jew li kkonribixxew fil-Fond u għadhom qed jistennew il-ħlas tal-pensjoni. Kif jirriżulta [minn analiżi tal-portata tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet miksuba], dan il-prinċipju ma jipprekludix li, għall-Membri fil-kariga, il-bidla tal-parametri tista’ jkollha effetti fuq id-drittijiet tagħhom ta’ pensjoni mid-dħul fis-seħħ tal-emendi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li n-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tal-24 ta’ Novembru 2005, hija tali li tikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament iktar milli dik tar-rikorrent. Fil-fatt, kif ir-rikorrent innifsu rrileva fil-punt 29 tar-rikors, fl-imsemmija nota, issir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ persuni: l-ex Membri li jirċievu pensjoni diġà, l-ex Membri li kkontribixxew fil-fond u għandhom qed jistennew il-ħlas tal-pensjoni u l-Membri fil-kariga li attwalment jikkontribwixxu fil-fond. Fid-data tal-24 ta’ Novembru 2005, id-data ta’ meta ġiet ippubblikata din in-nota, eżattament bħal fid-data tal-1 ta’ April 2009, ir-rikorrent kien jagħmel parti mit-tielet kategorija, dik tal-Membri fil-kariga. Issa, fin-nota inkwistjoni, huwa ppreċiżat b’mod ċar li, għalkemm l-ewwel żewġ kategoriji jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet miksuba, dan il-prinċipju ma jipprekludix li l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni għall-futur jista’ jkollha effetti fuq id-drittijiet għal pensjoni tal-Membri li jagħmlu parti mit-tielet kategorija, u dan mid-dħul fis-seħħ tal-emendi adottati mill-Bureau.

54      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri dwar il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba. Madankollu, peress li l-imsemmi statut daħal fis-seħħ biss fl-14 ta’ Lulju 2009, hekk kif ir-rikorrent jenfasizza huwa stess fil-punt 26 tar-rikors, dan l-Artikolu ma kienx japplika għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, li daħlet fis-seħħ qablu – apparti l-fatt li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 46 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma seta’ jipproduċi prova tal-ebda dritt miskub li kellu jiġi protett qabel it-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru, fl-14 ta’ Lulju 2009. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jibbaża argument fuq l-Artikolu 27(2) tal-Istatut tal-Membri.

55      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent iqajjem argument dwar in-nuqqas abbużiv ta’ miżuri tranżitorji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan l-istadju, li dan l-argument ma huwiex rilevanti fil-kuntest tal-motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba. Għaldaqstant, dan ser ikun is-suġġett ta’ analiżi fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba, tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

57      Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rikorrent isostni żewġ argumenti prinċipali. L-ewwel nett, ir-rikorrent jiddikjara li, billi adotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau kiser iċ-ċertezza legali marbuta ma’ “kuntratt ta’ pensjoni addizzjonali” kif ukoll il-prinċipju ta’ kontinwità tal-kuntratti. It-tieni nett, skont ir-rikorrent, il-Bureau ma kienx kompetenti sabiex jemenda r-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata għandha effetti retroattivi.

58      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali taqa’ esklużivament taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati.

59      Fil-fatt, f’kull sistema Parlamentari, waħda mill-kwistjonijiet essenzjali hija dik li tiġi żgurata l-indipendenza, inkluża l-indipendenza finanzjarja tal-Membri bħala rappreżentanti tal-poplu, liema Membri huma mistennija jservu l-interess ġenerali ta’ dan tal-aħħar. Hekk kif inhu indikat fil-premessa 4 tal-Istatut tal-Membri, it-testi tal-liġi primarja ma jsemmux il-libertà tal-Membru u l-indipendenza tiegħu. Madankollu, l-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jipprovdi li “[i]l-Membri […] għandom jeżerċitaw il-mandat tagħhom b’mod indipendenti”. Bl-istess mod, l-Artikolu 2(1) tal-Istatut tal-Membri jipprovdi li “[i]l-Membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti” u l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi Statut jipprovdi li “[i]l-Membri għandhom ikunu intitolati għal salarju xieraq sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza tagħhom”. Anki jekk dan l-Istatut daħal fis-seħħ biss fl-14 ta’ Lulju 2009 u għaldaqstant ma huwiex applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet u b’mod partikolari, l-aħħar waħda, jirriżultaw minn prinċipju ġenerali inerenti għal kull sistema ta’ rappreżentazzjoni parlamentari demokratika. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-garanzija ta’ kumpens finanzjarju xieraq, li jiżgura l-indipendenza tal-Membru, ma għandux ikun limitat biss għas-sempliċi perijodu tal-mandat iżda għandu jkopri wkoll, sa fejn huwa xieraq, perijodu tranżitorju wara t-tmiem ta’ dan il-mandat u jipprovdi pensjoni, skont iż-żmien li fih il-Membru għamel parti mill-Parlament. Tali kunċett tal-garanzija tal-indipendenza finanzjarja tal-Membri hija, barra minn hekk, ikkonfermata fir-regolamenti relatati mal-membri tal-Kummissjoni u mal-membri tal-qrati tal-Unjoni, li għalihom jeżisti bżonn simili li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza totali meta mqabbla mal-interessi partikolari.

60      Minn dan isegwi li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, li hija s-suġġett tal-kawża preżenti, tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan, fl-interess ġenerali, li jiżguraw l-indipendenza finanzjarja tal-Membri. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, il-Membri kienu suġġetti, b’mod partikolari għal dak li kien jikkonċerna s-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, għal dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1981, Bruce of Donington, 208/80, Ġabra p. 2205, punti 12 u 21), li bejniethom kien hemm diskrepanzi kbar, b’mod partikolari, fir-rigward tas-salarju għall-kariga u ta’ skemi ta’ pensjoni. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ġiet stabbilita b’mod tranżitorju sakemm jidħol fis-seħħ Statut uniku tal-Membri, sabiex jiżgura kopertura minima, b’mod partikolari, għall-Membri li ġejjin minn Stati Membri li fihom l-iskema ta’ pensjoni prevista għall-Membri ma kinitx biżżejjed. Barra minn hekk, din il-funzjoni tranżitorja tirriżulta espressament mill-Artikolu 1(1) tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, li jistabbilixxu l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali “[s]akemm jiġi adottat Statut uniku tal-Membri”.

61      Għaldaqstant, it-twaqqif tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kif ukoll l-emenda tagħha fil-każ ta’ bżonn għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ organizzazzjoni interna intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Parlament u jaqgħu, minħabba f’dan, taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati. Konsegwentement, id-drittijiet u obbligi li jirriżultaw minn din l-iskema għall-Parlament u għall-Membri jagħmlu parti mill-kuntest ta’ rabta legali li tgħaqqadhom u għaldaqstant ma humiex kuntrattwali iżda jaqgħu taħt id-dritt pubbliku. Barra minn hekk, peress li l-kuntest legali u, b’mod partikolari, id-drittijiet u obbligi li jistgħu jirriżultaw mill-adeżjoni tar-rikorrenti mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali ġew iddeterminati b’mod unilaterali mill-Parlament, il-fatt li r-rikorrent aderixxa volontarjament mal-imsemmija skema, ma jbiddilx in-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-Parlament, li tibqa’ rregolata mid-dritt pubbliku.

62      Konsegwentement hemm lok li l-argumenti tar-rikorrent, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali “marbuta mal-kuntratt ta’ pensjoni addizzjonali” u tal-prinċipju ta’ kontinwità ta’ kuntratti, jiġu miċħuda.

63      Bl-istess mod, hemm lok li l-argument tar-rikorrent, imqajjem fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bureau sabiex jemenda r-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, jiġi miċħud.

64      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta leġiżlazzjoni tidħol fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, hija taqa’ fil-kamp tal-kompetenza tiegħu u tal-miżuri li għandu jieħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE (ara f’dan is-sens, is-sentenza Bruce of Donington, punt 60 iktar ’il fuq, punt 15). Issa, hekk kif għadu kemm ġie espost, l-istituzzjoni u, skont il-każ, l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ organizzazzjoni interna intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-Parlament. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li r-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 jagħmlu parti mir-Regolamenti PEAM, adottati mill-Bureau fuq il-bażi tal-Artikolu 22(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża, li jawtorizzaw lill-Bureau sabiex jirregola, fost oħrajn, kwistjonijiet li jikkonċernaw finanzi, organizzazzjoni u amministrazzjoni li jirrigwardaw lill-Membri (ara l-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq). Ir-Regoli ta’ Proċedura, min-naħa tagħhom, ġew adottati fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 199 KE, li jipprovdi li l-Parlament għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bureau sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 ma tistax tiġi milqugħa.

65      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrent kellu l-intenzjoni li jqajjem ukoll l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali barra l-kuntest kuntrattwali, għandu jitfakkar li r-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali, fl-espressjonijiet differenti tagħha, huwa intiż li jiżgura li sitwazzjonijiet u relazzjonijiet ġuridiċi koperti mid-dritt Komunitarju jkunu prevedibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra p. II‑381, punt 29, u tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, T‑20/03, Ġabra p. II‑2305, punt 136). Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, b’mod partikolari, li att Komunitarju jkollu l-punt ta’ tluq tiegħu ffissat għal data li tiġi qabel il-pubblikazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 88, u tal-14 ta’ Lulju 1983, Meiko‑Konservenfabrik, 224/82, Ġabra p. 2539, punt 12; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Mejju 2007, Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, T‑357/02, Ġabra p. II‑1261, punt 95). Fil-kawża preżenti, mill-proċess ma jirriżultax li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 ipproduċiet effetti qabel in-notifika tagħha lill-Membri kollha, fit-18 ta’ Mejju 2009. Fil-fatt, it-tħassir tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital ma japplikax ħlief minn din id-data. Għaldaqstant, il-Membri li temmew il-funzjonijiet tagħhom qabel din id-data u li b’hekk kisbu drittijiet għall-pensjoni addizzjonali, ma ġewx affettwati mill-imsemmija deċiżjoni.

66      Konsegwentement, bil-kontra tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex elementi retroattivi.

67      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud, bħala infondat, fl-intier tiegħu.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

68      Qabel kollox, ir-rikorrent jenfasizza li huwa kkontribwixxa fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali għal għaxar snin, billi bbaża ruħu fuq il-kundizzjonijiet ċari u stabbiliti minn qabel tali li ġiegħluh jemmen, b’mod leġittimu, li seta’ jikseb parti mill-pensjoni tiegħu fil-forma ta’ kapital. Għaldaqstant, l-għan li ried jintlaħaq mill-Bureau ma jistax jieħu preċedenza fuq l-interess tiegħu li jżomm id-drittijiet miksuba tiegħu. Barra minn hekk, din l-aspettattivi leġittima ġiet imsaħħa mill-kalkolu provviżorju tal-pensjoni tiegħu, stabbilit f’Jannar 2009 mill-amministrazzjoni tal-Parlament, u mill-kalkoli mwettqa bħala eżempju fis-27 ta’ April 2001 mill-AMSQ. Dawn il-kalkoli kollha jsemmu l-possibbiltà li parti mill-pensjoni tiegħu tingħata fil-forma ta’ kapital. Fl-aħħar nett, il-Parlament irrikonoxxa, fid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, li kellu jiggarantixxi l-osservanza tal-impenji meħuda fil-konfront tal-persuni li aderixxew mal-skema ta’ pensjoni addizzjonali, u dan indipendentement mis-sitwazzjoni tal-fond.

69      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex individwu jkun jista’ jinvoka l-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, l-amministrazzjoni għandha tkun ipprovditlu garanziji preċiżi u tatu speranzi fondati. Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tikkostitwixxi tali garanzija (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 u 107, u l-ġurisprudenza ċċitata, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs Il-Kummissjoni, T‑273/01, Ġabra p. II‑1093, punt 26).

70      Fl-ewwel lok, il-fatt li l-possibbiltà li parti mill-pensjoni addizzjonali titħallas fil-forma ta’ kapital kienet teżisti fiż-żmien tal-adeżjoni tar-rikorrent, f’Lulju 1999, mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, ma jistax jitqies bħala garanzija, min-naħa tal-Parlament, li l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema mhux ser jiġu emendati fil-futur.

71      Fit-tieni nett, fir-rigward tal-istimi pprovduti mill-AMSQ fis-27 ta’ April 2001, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dawn ma joriġinawx mill-Parlament. Għaldaqstant, dawn ma jirrigwardawx sors amministrattiv awtorizzat u affidabbli fis-sens tal-ġurisprudenza, b’tali mod li l-imsemmija kalkoli ma humiex tali li jiġġustifikaw l-apsettattivi leġittimi tar-rikorrent. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, dawn il-kalkoli li jidhru taħt it-titolu “Nota ta’ gwida Ċ”, kienu indirizzati lill-Membri kollha jew lill-ex Membri, affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, kif jirriżulta mill-kliem ta’ introduzzjoni tad-dokument. Barra minn hekk, l-imsemmi dokument kien jinkludi biss eżempji ta’ kalkoli tal-AMSQ li kienu jippreċiżaw, b’mod ċar, li l-imsemmija stimi kienu intiżi biss għall-Membri li kienu għadhom fil-kariga. Fl-aħħar nett, l-ebda element ta’ dawn il-kalkoli ma kien nominattiv, preċiż jew mingħajr kundizzjoni. Konsegwentement, dan jirrigwarda nota ta’ gwida purament indikattiva, ta’ portata ġenerali, maħruġa bħala eżempju u li għaldaqstant ma setgħetx tiġġustifika aspettattivi leġittimi tar-rikorrent fil-metodu ta’ ħlas tal-pensjoni addizzjonali.

72      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kalkoli pprovduti mill-amministrazzjoni fit-8 ta’ Jannar 2009, kien espressament imsemmi fit-titolu tad-dokument trażmess li l-imsemmija kalkoli kienu sempliċement kalkoli provviżorji. Dawn il-kalkoli kienu ġew ipprovduti fil-każ fejn ir-rikorrent kien ser jirtira wara t-tmiem tas-sitt leġiżlatura, peress li l-1 ta’ Awwissu 2009 huwa indikat bħala d-data li fiha d-drittijiet għall-pensjoni huma miksuba u minħabba li l-kontribuzzjonijiet magħmula mir-rikorrent huma meħuda inkunsiderazzjoni sax-xahar ta’ Lulju 2009. Minn dan jirriżulta li l-kalkoli inkwistjoni kienu ta’ natura ipotetika, inkwantu l-Parlament la seta’ jimpenja ruħu rigward id-data ta’ tmiem il-mandat tar-rikorrent u lanqas rigward iż-żamma fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990 fosthom, b’mod partikolari, il-metodi speċjali ta’ ħlas. Konsegwentement, il-kalkoli mwettqa mill-amministrazzjoni fit-8 ta’ Jannar 2009 ma setgħux jikkostitwixxu garanziji fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li r-rendikonti dwar id-drittijiet tal-pensjoni tagħhom, ipprovduti lill-uffiċjali Ewropej għall-informazzjoni tagħhom mid-dipartimenti kompetenti tal-Awtorità tal-Ħatra, ma għandhomx in-natura ta’ atti li joħolqu drittijiet fil-konfront tad-destinatarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1970, Richez-Parise et vs Il-Kummissjoni, 19/69, 20/69, 25/69 u 30/69, Ġabra p. 325, punti 18 sa 20). Din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, mutatis mutandis, għal dan il-każ.

73      Fir-raba’ lok, huwa minnu li matul il-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau mhux biss adotta d-deċiżjoni tal-istess jum iżda ħa wkoll l-impenn, f’isem il-Parlament, li jiggarantixxi “id-dritt tal-Membri affiljati fl-iskema ta’ pensjoni li jirċievu pensjoni addizzjonali li tibqa’ miksuba fil-fond wara li jkun ġie eżawrit u li, bl-istess mod, kull kapital li jibqa’ fil-fond wara l-ħlas tad-drittijiet kollha għal pensjoni għandhom jiġu ttrasferiti lill-Parlament Ewropew”. Madankollu, dan l-impenn huwa intiż biss sabiex, fil-każ probabbli fejn il-fond jiġi eżawrit qabel il-ħlas tat-totalità tad-drittijiet għal pensjoni akkumulati mill-Membri, jiggarantixxi d-drittijiet miksuba għal pensjoni tal-Membri. Issa, kif ġie espost fil-punti 46 sa 51 hawn fuq, il-metodi speċjali ta’ ħlas ma jagħmlux parti minn dawn id-drittijiet miksuba, b’tali mod li l-impenn meħud fl-1 ta’ April 2009 mill-Parlament ma setax ħoloq aspettattiva leġittima tar-rikorrent f’dan ir-rigward.

74      Fl-aħħar nett, is-silta tan-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal‑24 ta’ Novembru 2005 li ġiet iċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, li r-rikorrent invoka huwa stess, issemmi espressament l-eventwalità li emendi tal-leġiżlazzjoni relatata mal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali jistgħu jaffetwaw id-drittijiet għal pensjoni addizzjonali tal-Membri fil-kariga, li r-rikorrent kien jagħmel parti minnhom. Minn dan isegwi li l-informazzjoni li r-rikorrent irċieva min-naħa tal-amministrazzjoni ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tkun konsistenti fis-sens li l-metodi speċjali ta’ ħlas jinkisbu minnu.

75      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-informazzjoni li jinvoka r-rikorrent ma kinitx preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq u għaldaqstant, ma tippermettix li jintwera, f’dan il-każ, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

76      Konsegwentement, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jiġi miċħud, u għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

77      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni provviżorja tal-Bureau, tad-9 ta’ Marzu 2009 hija diskriminatorja, sa fejn hija telimina l-possibbiltà li parti mill-pensjoni tingħata fil-forma ta’ kapital mingħajr ma tipprovdi miżuri tranżitorji. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jagħti żewġ eżempji, relatati mal-emendi ta’ skemi ta’ pensjoni Komunitarji, li għalihom il-Kunsill ippreveda miżuri tranżitorji mhux biss fir-rigward tal-kisba ta’ drittijiet ġodda, iżda wkoll għall-kundizzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għal pensjoni.

78      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

79      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tagħhom ma tkunx essenzjalment differenti, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑100/92, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑275, punt 50, u tas-16 ta’ April 1997, Kuchlenz-Winter vs Il-Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 55; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il-Kummissjoni, T‑251/02, ĠabraSP p. I‑A‑359 u II‑1643, punt 123).

80      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 tapplika bl-istess mod għall-Membri kollha jew l-ex Membri li huma affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali. Fil-fatt, il-Membri kollha li rtiraw wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li ma humiex essenzjalment differenti u jingħataw trattament identiku.

81      Madankollu, ir-rikorrent jagħmel paragun bejn l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej li saret wara li daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130) u l-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-membri tal-Kummissjoni Ewropea u tal-membri tal-Qrati Kommunitarji li saret wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1292/2004, tat-30 ta’ April 2004, li jemenda r-Regolamenti Nru 422/67/KEE u Nru 5/67/Euratom li jistabbilixxi s-salarji tal-President u tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-President, l-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, il-Membri u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 116). Huwa għandu l-intenzjoni li, b’dan il-mod, juri li huwa kellu jibbenefika minn miżuri tranżitorji bħall-persuni msemmija minn dawn ir-regolament.

82      Madankollu, is-sitwazzjoni tar-rikorrent ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni msemmija mir-regolamenti invokati minnu. Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-emenda tal-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali Ewropej, ir-rikorrent jirreferi biss għall-argument taż-żmien tagħhom għal pensjoni li ġie introdott mir-Regolament Nru 723/2004. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, la l-argument tal-età tal-irtirar u lanqas l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li jingħata rtirar antiċipat, previsti mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009, ma huma s-suġġett tal-kawża preżenti. Għaldaqstant, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-uffiċjali Ewropej invokata minnu u, konsegwentement, ma jistax jibbaża l-argument fuq trattament differenti tagħhom.

83      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1292/2004, iċċitat fir-rikors, l-emendi li saru fl-iskema ta’ pensjoni tal-membri tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni jinkludu tnaqqis tar-rati ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni u, konsegwentement, tnaqqis tal-ammont stess tal-pensjoni li dawn il-persuni setgħu jistennew. Il-miżuri tranżitorji adottati f’dan ir-rigward żammew fis-seħħ ir-rata ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni għall-membri tal-istituzzjonijiet inkwistjoni fl-1 ta’ April 2004. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, la l-ammont tal-pensjoni tar-rikorrent u lanqas ir-rata ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ma ġew emendati mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009. Fil-fatt, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni tingħata fil-forma ta’ kapital, telimina biss metodu ta’ ħlas tal-pensjoni mingħajr madankollu ma taffettwa l-valur attwarjali tal-pensjoni li jistgħu jistennew il-Membri li huma affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

84      F’dan ir-rigward il-Parlament irrileva, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrent, li l-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital kienet oriġinarjament maħsuba sabiex tkun in abstracto finanzjarjament newtrali meta mqabbla mal-ħlas integrali tal-pensjoni ta’ kull xahar. Barra minn hekk, in-newtralità attwarjali ta’ dan il-metodu speċjali ta’ ħlas hija enfasizzata wkoll fl-informazzjoni intiża għall-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, stabbilita fis-27 ta’ April 2001 mill-AMSQ u intitolata “Nota ta’ gwida Ċ” (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), li r-rikorrent ipproduċa huwa stess. Is-silta inkwistjoni hija fformulata kif ġej:

“Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-irtirar antiċipat u s-somma f’daqqa huma, t-tnejn li huma, kkalkolati b’mod li jkunu finanzjarjament newtrali mill-fond. Fi kliem ieħor, għalkemm dawn l-għażliet jistgħu jirrappreżentaw ‘qligħ’ għal ċerti affiljati li, pereżempju, ikunu eżerċitaw l-għażliet ‘rtirar antiċipat’ u/ jew ‘somma f’daqqa’, u wara jmutu qabel iż-żmien, waħda jew l-oħra minn dawn l-għażliet, jew it-tnejn li huma, jirrappreżentaw ‘telf’ għal affiljati oħra, li jibqgħu ħajjin għal perijodu eċċezzjonalment twil.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

85      Għaldaqstant, dan id-dokument għandu jitqies bħala fatt mhux ikkuntestat mill-partijiet li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tivverifika hija nnifisha. Għalhekk, hemm lok li ssir il-preżunzjoni li t-tnaqqis tal-ammont annwali tal-pensjoni, fil-każ ta’ ħlas parzjali f’kapital, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fl-Artikolu 4(4) tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, jirrifletti l-valur attwarjali ġust tal-ħlas f’kapital. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li din il-preżunzjoni hija vijabbli tkun xi tkun l-età tal-Membru peress li l-imsemmja tabella tvarja l-valur tal-ħlas f’kapital skont l-età tal-Membru fil-mument tad-data effettiva tal-pensjoni tiegħu, u għaldaqstant tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattiva individwali tal-għomor tiegħu.

86      Minn dan isegwi li, bil-kontra tal-emendi tal-iskema ta’ pensjoni tal-membri tal-Kummissjoni u tal-qrati tal-Unjoni introdotta mir-Regolament Nru 1292/2004, l-emendi tal-iskema ta’ pensjoni addizzjonali tal-Membri li saru wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 ma kinux jaffettwaw il-valur attwarjali tal-pensjoni li l-affiljati f’din l-iskema tal-aħħar setgħu jistennew.

87      Għaldaqstant, peress li l-Membri, minn naħa, u l-membri tal-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi li huma essenzjalment differenti għal dak li jikkonċerna l-impatt tal-emendi fuq il-valur attwarjali tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni, setgħu jingħataw trattament differenti għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji.

88      F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent, imqajjem fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jipprovdi li l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mill-Parlament, bil-preżunzjoni li din teżisti, huwa abbużiv fid-dawl tan-nuqqas ta’ miżuri tranżitoriji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, minn naħa, ir-rikorrent ma setax jinvoka drittijiet miksuba fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Bureau tal‑1 ta’ April 2009 (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital ma kellhiex impatt fuq il-valur attwarjali tal-pensjoni li huwa seta’ jistenna (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

89      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’proporzjonalità

90      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-interessi tiegħu b’mod sproporzjonat. Huwa jqis li l-parti tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni mħallsa fil-forma ta’ kapital setgħet titnaqqas u mhux tiġi eliminata, mingħajr ma dan joħloq problemi ta’ finanzjament tal-fond. Barra minn hekk, huwa jitlob lill-Parlament informazzjoni preċiża rigward in-numru ta’ membri, ta’ ex membri u ta’ aventi kawża tagħhom, affettwati mid-deċiżjonijiet tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009.

91      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi li hija timplementa jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l‑għan leġittimament segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel, bħala prinċipju, dik l-inqas restrettiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il‑Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II-427, punt 69).

92      Barra minn hekk, skont il-prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu jeżistu fil-mument meta jkun ġie adottat dan l-att (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 R u T‑253/03 R, Ġabra p. II‑4771, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑296/97, Ġabra p. II‑3871, punt 86). Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li sostna r-rikorrent matul is-seduta, eventwali żvilupp ulterjuri pożittiv tal-attiv tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri meħuda fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009.

–       Fuq il-leġittimità tal-għan li jrid jintlaħaq

93      Fir-rigward tal-leġittimità tal-għan li jrid jintlaħaq, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta’ April 2009, il-Bureau ressaq erba’ għanijiet li riedu jintlaħqu, jiġifieri:

–        jiġi żgurat li l-Membri li kkontribwixxew fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali volontarja jirċievu pensjoni skont l-imsemmija skema;

–        jiġi evitat sa fejn huwa possibbli kull impatt finanzjarju fuq il-kontribwenti Ewropej;

–        jiġi żgurat li l-ispejjeż kollha jitqassmu b’mod ġust u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li d-deċiżjonijiet jiġu spjegati lill-pubbliku;

–        tinżamm, sa fejn huwa possibbli, il-likwidità tal-fond ta’ pensjoni.

94      Hemm lok li jitqies li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li jirregola l-iskema ta’ pensjoni addizzjonali (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), il-Parlament seta’ jipprova jilħaq dawn l-għanijiet b’mod leġittimu.

–       Fuq in-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq l-għan intiż

95      Għal dan li jikkonċerna n-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq l-għan intiż, għandha titfakkar is-sitwazzjoni ekonomika tal-fond ta’ pensjoni fil-bidu tas-sena 2009, kif deskritta, b’mod partikolari, fil-punti 4 sa 6 tan-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-1 ta’ April 2009 intiża għall-Membri tal-Bureau kif ukoll fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009. Din is-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata minn deterjorament sinjifikattiv, dovut għall-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u mill-perspettiva li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri f’Lulju 2009, minħabba l-waqfien tal-kontribuzzjonijiet tal-affiljati u tal-insuffiċjenza tar-rendiment tal-invesitmenti, il-likwidità disponibbli kienet qiegħda tirriskja li ma tkunx suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ ħlas tal-pensjonijiet.

96      B’mod partikolari, l-evoluzzjoni tal-valur tal-attiv tal-fond mill-aħħar tal‑2006 sal-bidu tas-sena 2009 naqas b’28.3 %, kif jirriżulta mit-tabella li ġejja:

 

31/12/2006

30/06/2007

30/06/2008

30/09/2008

31/12/2008

28/02/2009

Valur tal-attiv (EUR)

202 153 585

218 083 135

189 406 299

180 628 488

159 047 636

144 973 916


97      Bl-istess mod, ir-rata tal-kopertura tal-pensjonijiet li riedu jitħallsu, li kienet ta’ 92 % fit-30 ta’ Ġunju 2007, ma kinitx tilħaq iktar minn 63 % fil-31 ta’ Diċembru 2008.

98      Barra minn hekk, skont in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tal-1 ta’ April 2009, l-ispiża ta’ kull xahar tal-pensjonijiet li riedu jitħallsu kienet stmata għal EUR 1 000 000 mix-xahar ta’ Awwissu 2009. Fil-kuntest tar-risposta tiegħu għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Parlament ippreċiża li, fid-data tal-1 ta’ April 2009, kien ġie stamt li 105 Membri, li kienu affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali kienu ser jitolbu jibbenefikaw mill-irtirar tagħhom fit-tieni parti tas-sena 2009. Din iċ-ċifra ġiet iddeterminata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni biss l-affiljati li kellhom jilħqu l-età ta’ 60 sena fit-tieni parti tal-2009 u billi ttieħed inkunsiderazzjoni r-rata medja tat-tiġdid tal-mandat tal-Membri li kien ta’ 50 %. Kieku l-105 Membri kollha talbu li jirċievu 25 % tal-pensjoni addizzjonali tagħhom f’kapital, dan kien jirrappreżenta spiża addizzjonali ta’ madwar EUR 7 900 000 għall-fond, u dan kien jobbligah jillikwida parti mill-attiv tiegħu bi prezz baxx ħafna minħabba l-kriżi ekonomika, fid-dawl tal-ftit likwidità disponibbli. F’dan ir-rigward, mir-rapporti dwar il-likwidità tal-fond ta’ pensjoni fid-data tat-28 ta’ Frar 2009, ipprovduti mill-Parlament, jirriżulta li r-riżorsi finanzjarji akkumulati tal-AMSQ u tas-SICAV, jiġifieri l-valuri disponibbli immedjatament u mingħajr spejjeż addizzjonali sabiex jiġu osservati l-obbligi ta’ dak iż-żmien, kieku ta’ madwar EUR 5 000 000 f’dik id-data.

99      Hemm lok li jitqies li l-kalkoli u previżjonijiet esposti mill-Parlament huwa plawżibbli. B’mod partikolari, l-ammont totali ta’ EUR 7 900 000 li jindika, fil-każ fejn il-105 Membri kollha li setgħu jitolbu sabiex jibbenefikaw mill-irtirar tagħhom fit-tieni parti tas-sena 2009, talbu sabiex jibbenefikaw minn 25 % tal-pensjoni tagħhom f’kapital, jidher realistiku. Fil-fatt, dan jikkorrispondi għal mejda ta’ madwar EUR 75 250 għal kull affiljat, li jaqa’ fl-istess livell tal-kapital ta’ ftit iktar minn EUR 81 400 li r-rikorrent seta’ jistenna, abbażi tal-Artikolu 4 tar-regolamenti tat-12 ta’ Ġunju 1990, imħassar mid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009.

100    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jidher li d-deċiżjoni tal-Bureau tal‑1 ta’ April 2009 u, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni tingħata fil-forma ta’ kapital, setgħet tevita, f’dak iż-żmien immedjat, kriżi ta’ likwidità tal-fond ta’ pensjoni, likwidazzjoni ta’ titoli taħt kundizzjonijiet sfavorevoli u nuqqas ta’ qligħ sinjifikanti. B’dan il-mod, l-imsemmija deċiżjoni setgħet twettaq ir-raba’ għan minn dawn imsemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, din il-miżura setgħet għall-inqas tippromwovi t-tliet għanijiet l-oħra, anki jekk hija ċertament ma kinitx suffiċjenti sabiex tilħaqhom. Fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, hekk kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq.

101    Ir-rikorrent ma kkontestax, b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni ekonomika tal-fond ta’ pensjoni, kif deskritta fil-punti 95 sa 98 iktar ’il fuq, iżda sostna tliet argumenti sabiex jikkontesta l-ħtieġa tal-miżuri meħuda fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009.

102    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jirreferi għall-opinjoni tal-esperti attwarjali indipendenti tal-Parlament, espressa fil-kuntest ta’ studju mwettaq minn kumpannija ta’ kumpannija ta’ konsultazzjoni attwarjali. Dan l-istudju, sponsorjat mill-Parlament u li sar f’Novembru 2007, janalizza s-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni, fil-perspettiva tal-implikazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri mill-2009. Il-punt 4 tas-sommarju ta’ dan ir-rapport huwa fformulat kif ġej:

“Il-fatturi ta’ konverżjoni użati għall-ħlas fil-forma ta’ kapital, ipparagunati mal-fatturi ta’ konverżjoni korrispondenti li jinsabu fit-tabelli relattivi għar-Renju Unit, diviżi b’erbgħa, huma kważi newtrali. Jekk Membru jagħżel ħlas f’kapital fl-età tal-irtirar, dan ma jikkontribwixxi għal ebda żbilanċ fil-finanzjament u ma jaffettwax ir-rata ta’ konrtibuzzjoni mħallsa mill-Parlament Ewropew u l-Membri tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-istudju ġie ffinalizzat f’Novembru 2007, fuq il-bażi ta’ data aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2007. Kif ġie espressament ippreċiżat fih, huwa jibbaża fuq preżunzjonijiet li huma differenti, skont il-probabbiltà kollha, tal-iżvilupp effettiv fil-futur. Pereżempju, l-awturi tal-istudju jitilqu mill-preżunzjoni, ibbażata fuq projezzjoni lejn il-futur tal-iżvilupp qabel it-30 ta’ Ġunju 2007, li jipprovdi li l-attiv tal-fond kellu jipproduċi rendiment annwali ta’ 6.99 %. Issa, kif jirriżulta mit-tabella riprodotta fil-punt 96 iktar ’il fuq, l-evoluzzjoni tal-valur tal-attiv kienet negattiva, b’mod konstanti, mit‑30 ta’ Ġunju 2007 sat-28 ta’ Frar 2009, b’tali mod li l-preżunzjonijiet ta’ rendiment ġew iffalsifikati mill-iżvilupp effettiv.

104    Għaldaqstant, il-konklużjonijiet tal-istudju attwarjali, ibbażati fuq id-data manifestament mhux aġġornatau u fuq preżunzjonijiet li kienu żbaljati fl-1 ta’ April 2009, ma għandhom l-ebda rilevanza fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-istess jum. B’mod partikolari, huma ma jistgħux jimminaw il-kalkoli provviżorji mwettqa fi Frar 2009, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja kif kienet f’dak il-mument.

105    Għaldaqstant, hemm lok li l-argument ibbażat fuq l-opinjoni espressa mill-awturi tal-istudju attwarjali jiġi miċħud.

106    Fit-tieni lok, matul is-seduta r-rikorrent ippreżenta l-minuti ta’ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tas-SICAV tat-3 ta’ Diċembru 2008. Taħt il-punt 10 tal-imsemmija minuti, li huwa intitolat “Rapport tal-Kumitat tal-Investiment”, hemm indikat kif ġej:

“Ġie rrapportat u nnotat li, wara l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2009, il-fond ser jintalab iħallas madwar EUR 6 sa 7 miljun f’kapital lill-Membri tal-iskema li jkunu għadhom kif irtiraw. Konsegwentement, [il-bank li jamministra l-fondi] ser ikollu bżonn biżżejjed attiv f’likwidità disponibbli fi ħdan il-fond sabiex jissodisfa dawn it-talbiet għal ħlas f’kapital f’Awwissu 2009.”

107    Skont ir-rikorrent, minn din is-silta jirriżulta li, sa minn din id-data, ġew adottati dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà, f’Awwissu 2009, ta’ biżżejjed likwidità sabiex jiġu ssodisfatti t-talbiet għal ħlas f’kapital li setgħu jiġu mistennija min-naħa tal-Membri li jkunu għadhom kif irtiraw fosthom l-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

108    Issa, bħalma l-Parlament ġustament irrileva matul is-seduta kif ukoll fl-osservazzjonijiet tiegħu fit-8 ta’ April 2011, is-silta ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq ma tagħmel xejn ħlief turi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ likwidità addizzjonali kien neċessarju sabiex il-fond ta’ pensjoni jkun jista’ jiffaċċja t-talbiet prevedibbli għal ħlas fil-forma ta’ kapital f’Awwissu 2009 u li kellhom jiġu likwidati xi titoli għal dan il-għan. Fil-fatt, jekk kellu jkun mod ieħor, ma kienx ikun neċessarju li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, din is-silta ma turix li l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li ssir talba sabiex parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital ma setgħatx issalva lill-fond ta’ pensjoni milli jkun obbligat jillikwida, fl-2009, titoli taħt kundizzjonijiet sfavorevoli.

109    Għaldaqstant, hemm lok li l-argument ibbażat fuq il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tas-SICAV, tat-3 ta’ Diċembru 2008, jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-mezz ta’ prova.

110    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-valur tar-riżorsi finanzjarji tal-fond ta’ pensjoni kienu ta’ madwar EUR 8 000 000 fit-28 ta’ Frar 2009 u mhux ta’ madwar EUR 5 000 000 bħalma jiddikjara l-Parlament (ara l-punt 97 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, minn naħa, matul is-seduta huwa ppreżenta l-verżjoni kompleta tar-rapport fuq il-valur tal-assi tal-fond ta’ pensjoni fit-28 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem ir-“rapport 02/2009’), li r-rapporti dwar il-likwidità pprovduti mill-Parlament (ara l-punt 97 iktar ’il fuq) jagħmlu parti minnu. Fil-fehma tiegħu, ir-rapport 02/2009 juri li l-assi f’likwidità tas-SICAV kienu ta’ EUR 6 921 988 minflok ta’ EUR 3 869 848,69 indikati fir-rapport ippreżentat mill-Parlament. Min-naħa l-oħra, mal-osservazzjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrent ehmeż skambju ta’ ittri bid-data ta’ Marzu 2001. L-ewwel ittra ġiet indirizzata, fit-30 ta’ Marzu 2011, minn membru tal-Kumitat ta’ Investiment tal-fond ta’ pensjoni lill-amministratur tal-fond ta’ pensjoni u tinkludi, b’mod partikolari, is-silta li ġejja:

“Il-livell totali ta’ likwidità fl-aħħar ta’ Frar 2009 kien ta’ madwar EUR 8 miljun:

Flus SICAV UR 6 885 045 (li tinkludi EUR 3 869 848 (paġna 11 tal-pakkett 2009 02 27 NAV)

Flus AMSQ EUR 1 172 163”.

111    F’dan ir-rigward, fl-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrent li jipprovdi li l-ammont ta’ EUR 6 921 988 indikat fl-aħħar tal-linja “CASH amount” (ammont fi flus) tat-tabella intitolata “Asset distribution” (distribuzzjoni tal-attiv) inkluża fir-rapport 02/2009 kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji tas-SICAV, għandu jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Parlament matul is-sedta, din iċ-ċifra evidentement ma tirreferix għal riżorsi tas-SICAV disponibbli immedjatament iżda għal ammonti li hija kellha f’muniti differenti fuq kontijiet ta’ investiment u li għaldaqstant, fit-totalità tagħhom, disponibbli immedjatament mingħajr ħlas. Fil-fatt, jekk kellu jkun mod ieħor, kien ikun mistenni li dawn l-ammonti jiġu inklużi fir-rapport dwar il-likwidità tas-SICAV, li jagħmel parti mir-rapport 02/2009. Għaldaqstant għandu jitqies, għall-kuntrarju ta’ dan, li l-ammont ta’ EUR 3 869 848,69 indikat fir-rapport dwar il-likwidità tas-SICAV jagħmel parti mill-ammont ta’ EUR 6 921 988 indikat fl-aħħar tal-linja “CASH amount” tat-tabella intitolata “Asset distribution”.

112    It-tieni nett, għalkemm il-valur tar-riżorsi fnanzjarji tal-AMSQ, indikat fl-ittra tat-30 ta’ Marzu 2011 iċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, ta’ EUR 1 172 163, jikkorrispondi għal dak indikat fir-rapport 02/2009, l-ammont ta’ EUR 6 885 045 indikat għar-riżorsi finanzjarji tas-SICAV ma jikkorrispondi għall-ebda data li tidher fir-rapport 02/2009. Peress li l-partijiet ma kkontestawx l-eżattezza materjali taċ-ċifri indikati fir-rapport 02/2009, kif prodott mir-rikorrent matul is-seduta, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni min-naħa tar-rikorrent rigward il-bażi ta’ kalkolu tal-ammont ta’ EUR 6 885 045 u rigward ir-raġuni li għaliha din iċ-ċifra għandha tipprevali meta mqabbla mad-data inkluża fir-rapport 02/2009, l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija ittra ma tistax timmina l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 98 iktar ’il fuq rigward il-valur tar-riżorzi finanzjarji tal-fond ta’ pensjoni fit-28 ta’ Frar 2009.

113    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2011, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-Parlament għax-xahar ta’ Frar 2009, l-istess bħal dak tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri tal-fond ta’ pensjoni għal dan ix-xahar, huma elenkati taħt il-kategorija “Kontribuzzjonijiet” tar-rapport dwar il-likwidità tal-AMSQ, li jagħmel parti mir-rapport 02/2009.

114    Għaldaqstant, hemm lok li l-argumenti bbażati fuq ir-rapport 02/2009 u d-dokumenti pprovduti mir-rikorrent bħala anness għall-osservazzjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2001, jiġu miċħuda mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn tal-aħħar bħala mezzi ta’ prova.

–       Fuq l-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva

115    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva, ir-rikorrent jipprovdi li huwa sproporzjonat li tiġi eliminata kwalunkwe possibbiltà għall-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali li jiksbu parti mill-pensjoni tagħhom fil-forma ta’ kapital filwaqt li seta’ eventwalment jiġi previst li tiġi limitata l-perċentwali tal-pensjoni li setgħet tiġi kkapitalizzata b’mod antiċipattiv jew f’daqqa.

116    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-kalkoli approssimattivi li jinsabu fil-punt 98 iktar ’il fuq jissoponu li l-105 ex Membri kollha, li kienu affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali, li setgħu jitolbu li jibbenefikaw mill-pensjoni tagħhom fit-tieni parti tas-sena 2009, kienu ser jagħżlu li jirċievu r-rata massima, jiġifieri 25 % tal-pensjoni tagħhom fil-forma ta’ kapital. Għaldaqstant huwa veru li dawn iċ-ċifri kienu jikkorrispondu għall-agħar ipoteżi u li kien possibbli li l-ispejjeż reali tal-fond, fit-tieni parti tal-2009, ikunu inqas. Madankollu, fi kwalunkew każ, din l-ipoteżi ma setgħetx tiġi eskluża. Barra minn hekk, fis-sitwazzjoni ekonomika tal-fond ta’ pensjoni, kif deskritta iktar ’il fuq, kien hemm bżonn approċċ prudenti u li jżomm il-likwidità fil-livell massimu tal-fond għal żmien qasir. Dan japplika iktar jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt, irrilevat fil-punt 100 iktar ’il fuq, li l-miżuri meħuda kienu fil-fatt insuffiċjenti sabiex jintlaħqu tlieta minn erba’ għanijiet immirati minnha u, b’mod partikolari, iż-żewġ għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi evitat kull impatt finanzjarju fuq il-kontribwenti Ewropej. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-eliminazzjoni tal-ħlas fil-forma ta’ kapital kienet newtrali mill-perspettiva attwarjali. Min-naħa l-oħra, miżuri oħrajn li setgħu jitqiesu, bħal tnaqqis tal-pensjonijiet jew żieda fil-kontribuzzjonijiet, li ċertament setgħu jippromwovu ħafna iktar, jew anki li jilħqu t-tliet għanijiet l-oħra, setgħu jinvolvu tnaqqis tal-valur attwarjali tal-pensjonijiet li l-affiljati setgħu jistennew. Konsegwentement, l-eliminazzjoni tal-metodi speċjali ta’ ħlas u, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li parti mill-pensjoni titħallas fil-forma ta’ kapital kienet il-miżura l-inqas restrittiva għall-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni addizzjonali.

117    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eliminazzjoni tal-possibbiltà tal-ħlas ta’ parti mill-pensjoni fil-forma ta’ kapital kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

118    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti PEAM

119    Ir-rikorrent jiddikjara li l-Bureau kiser l-Artikolu 29 tar-Regolamenti PEAM, sa fejn ma kkonsultax is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u l-Kulleġġ tal-Kwesturi tal-Parlament qabel ma adotta d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

120    Preliminarjament għandu jitfakkar li l-Artikolu 29 tar-Regolamenti PEAM, li jippreċiża li “[i]l-Kewsturi u s-Segretarju Ġenerali għandhom jiżguraw, skont l-istruzzjonijiet tal-President, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni stretta tar-Regolamenti PEAM” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

121    Minn dan il-kliem jirriżulta ċarament li l-Artikolu 29 huwa intiż biss għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolamenti PEAM u mhux għall-emendi tagħhom. Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-Bureau kellu l-kompetenza sabiex jemenda r-Regolamenti PEAM.

122    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta min-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, tal-1 ta’ April 2009, id-deċiżjoni tal‑1 ta’ April 2009 ittieħdet mill-Bureau, fuq proposta tal-imsemmi Segretarju Ġenerali, u li, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża, il-Kwesturi jipparteċipaw għal-laqgħat tal-Bureau f’kapaċità konsultattiva.

123    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv tar-rikorrent jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

124    Billi jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejnu u bejn il-Parlament, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet tal-Bureau tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009 mhux biss jippermettu ksur ta’ kuntratt iżda huma anki ekwivalenti għal ksur ta’ kuntratt. Huwa jżid jgħid li, minkejja l-oriġini kuntrattwali tad-drittijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali tibqa’ kompetenti sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li hija separata mill-kuntratt li jorbtu mal-Parlament.

125    Dan il-motiv jibbaża fuq il-premessa li tipprovdi li r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrent u l-Parlament huma ta’ natura kuntrattwali. Issa, kif ġie espost fil-punti 58 sa 61 iktar ’il fuq, dawn ir-relazzjonijiet jagħmlu parti mir-rabta statutorja li torbot lir-rikorrent mal-Parlament u għaldaqstant jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika li l-Parlament għandu sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu mit-Trattati.

126    Konsegwentement, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

127    Peress li l-motivi kollha li r-rikorrent invoka insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ April 2009 ġew miċħuda, l-imsemmija eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 kienet bażi valida għad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, skont dak li ġie espost fil-punt 30 iktar ’il fuq, ir-rikors gaħandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      John Robert Purvis huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2011.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-konsegwenzi tas-sentenza preżenti

2.  Fuq il-mertu

Fuq il-konnessjoni tal-motivi u tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

Fuq il-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

Fuq l-ewwel motiv

Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba

Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’proporzjonalitŕ

–  Fuq il-leġittimità tal-għan li jrid jintlaħaq

–  Fuq in-natura xierqa tal-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq l-għan intiż

–  Fuq l-għażla tal-miżura l-inqas restrittiva

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti PEAM

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top