This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009TJ0194
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 8 February 2011. # Lan Airlines SA v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community word mark LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM - Earlier Community word and figurative marks LAN - Relative ground for refusal - No likelihood of confusion - No similarity between the signs - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 40/94 (now Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 207/2009). # Case T-194/09.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Frar 2011.
Lan Airlines SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM - Trade marks Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti LAN - Raġuni relattiva għal rifjut - Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni- Nuqqas ta’ xebh tas-sinjali - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-194/09.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Frar 2011.
Lan Airlines SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM - Trade marks Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti LAN - Raġuni relattiva għal rifjut - Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni- Nuqqas ta’ xebh tas-sinjali - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-194/09.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:34
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża T‑194/09,
Lan Airlines, SA, stabbilita f’Renca (iċ-Ċilì), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) , irrappreżentat minn M. Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI li kienet
Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, SA, stabbilita f’Manises (Spanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tad-19 ta’ Frar 2009 (Każ R 107/2008‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Lan Airlines, SA et Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, SA,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2009,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2009,
wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2009,
wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li ddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Fl-14 ta’ Ġunju 2004, Air Nostrum, Líneas Aéreas del Mediterráneo, SA ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].
2. It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM.
3. Is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Trasport; ippakkjar u ħażna ta’ oġġetti; organizzazzjoni ta’ vjaġġi”.
4. L‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑ Bullettin tat‑Trade marks Komunitarji Nru 47/2005, tal-21 ta’ Novembru 2005.
5. Fl-20 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti, Lan Airlines, SA, għamlet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.
6. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-segwenti drittijiet preċedenti:
– it-trade mark verbali preċedenti LAN, li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 3350899, tas-17 ta’ Diċembru 2004;
– it-trade mark figurattiva preċedenti, ikkulurita u li kienet is-suġġett tar-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 3694957, tal-4 ta’ Awwissu 2005, riprodotta iktar l-isfel:
>image>3
7. It-trade marks preċedenti ġew irreġistrati għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 35, 39 u 43, għat-trade mark verbali, u fil-klassi 39, għat-trade mark figurattiva, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
– klassi 35: “Reklamar; amministrazzjonijiet kummerċjali”;
– klassi 39: “Servizzi ta’ trasport ta’ passiġġiera, merkanzija, dokumenti u oġġetti ta’ valur bil-mezzi kollha; ħażna, sigurtà, ħarsien, magazzinaġġ, imballaġġ u distribuzzjoni bil-mezzi kollha ta’ kull tip ta’ merkanzija, dokumenti u oġġetti ta’ valur; servizzi ta’ informazzjoni li jikkonċernaw il-vjaġġi jew it-trasport ta’ merkanzija minn persuni intermedjarji; servizzi ta’ kurrier”;
– klassi 43: “Provvista ta’ servizzi ta’ ikel u ta’ xorb; akkomodazzjoni temporanja”.
8. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha protetti mit-trade marks preċedenti.
9. Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].
10. Fit-30 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, billi essenzjalment ikkonkludiet li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.
11. Fit-2 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.
12. B’deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors. F’din id-deċiżjoni, huwa essenzjalment ikkonkluda li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni fil-moħħ tal-konsumatur medju Ewropew li, jikkostitwixxi l-pubbliku rilevanti, peress li, jekk is-servizzi msemmija kienu identiċi, xorta jibqa’ l-fatt li dawn is-sinjali evalwati b’mod sħiħ ma kinux jixxiebhu.
It-talbiet tal-partijiet
13. Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
14. L‑UASI jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir‑rikors;
– tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.
Id-dritt
15. Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija essenzjalment issostni li, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju Spanjol, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.
16. Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.
17. Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi ddeżinjati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].
Fuq il-pubbliku rilevanti
18. Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-determinazzjoni tat-territorju li fih il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema “l-perċezzjoni rilevanti fil-każ preżenti tikkorrispondi għal dik li għandu l-pubbliku tal-Komunità Ewropea”. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni biss il-perċezzjoni tal-konsumatur Spanjol. Hija tafferma li, skont il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju Spanjol biss sabiex ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.
19. F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li huwa biżżejjed li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur li jinsab f’Stat Membru wieħed sabiex applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tiġi miċħuda, għandu jiġi rrilevat madankollu li tali kunsiderazzjoni hija mingħajr effett fuq il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa fil-moħħ tal-pubbliku li fit-territorju tiegħu it-trade mark preċedenti hija protetta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata. Issa, peress li t-trade marks preċedenti huma trade marks Komunitarji, il-Bord tal-Appell ikkunsidra korrettament li għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi preżenti fit-territorju kollu tal-Unjoni u mhux fit-territorju Spanjol biss.
20. Fir-rigward, it-tieni nett, tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernat, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].
21. F’dan il-każ, ir-rikorrenti taqbel mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi medji li huma normalment informati u raġonevolment attenti u avżati, min-naħa l-oħra l-UASI jopponi din l-evalwazzjoni billi jsostni li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti hija għolja jew, tal-inqas, ogħla mill-medja.
22. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva ġustament ir-rikorrenti, li ċerti servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni, bħas-servizzi ta’ trasport fil-klassi 39, huma indirizzati lill-pubbliku ġenerali fil-każ tax-xiri ta’ biljetti ta’ trasport bl-ajru fuq l-Internet, li fil-każ ta’ ċerti destinazzjonijiet, jistgħu jqumu biss ftit euros u li, f’tali ipoteżi, dan il-fattur kif ukoll dak tad-dati u tal-ħinjiet tat-titjiriet jipprevalu, waqt id-deċiżjoni ta’ xiri, fuq dak tal-kumpannija tal-ajru. Għalhekk, l-argument tal-UASI, li l-pubbliku rilevanti juri livell ta’ attenzjoni ogħla minn dak ta’ konsumatur medju waqt ix-xiri ta’ dawn is-servizzi għandu jiġi miċħud bħala infondat.
23. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju Ewropew, li huwa mistenni li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat.
Fuq il-paragun tas-servizzi
24. Sa fejn is-servizzi fil-klassi 39 li huma koperti mit-trade marks preċedenti jinkludu dawk li huma koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkonstata korrettament, fil-punti 15 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ddeżinjati mit-trade marks inkwistjoni kienu identiċi, ħaġa li l-partijiet ma jikkontestawx.
Fuq il-paragun tas-sinjali
25. Skont il-ġurisprudenza, l-evawlazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il‑perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globabli ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark fit-totalità tagħha u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).
26. L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ komponent wieħed ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tagħha ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t‑trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata b’mod sħiħ, li ma jeskludix li l-impressjoni sħiħa prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 25 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal-element dominanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 25 iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I‑114, punt 42). Dan jista’ jkun il‑każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l‑immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b’mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
27. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva” [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T‑359/02, Ġabra p. II‑1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].
28. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, filwaqt li t-trade mark verbali preċedenti tinkludi unikament l-element “lan” u li t-trade mark figurattiva preċedenti hija komposta mill-element verbali “lan” miktub f’ittri kapitali u segwita min stilla stilizzata, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita mill-elementi verbali “lineas aereas del mediterraneo” u “lam”.
29. L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali element dominanti jew negliġibbli li jidher fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jirrileva li l-element “lam” kien dominanti fl-impressjoni sħiħa prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-element “lineas aereas del mediterraneo”, li tiegħu l-konsumatur Ewropew jifhem it-tifsira, huwa deskrittiv tas-servizzi inkwistjoni. Ir-rikorrenti tqis bħala konsegwenza li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni biss l-element dominanti “lam” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni waqt il-paragun tas-sinjali inkwistjoni.
30. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk huwa veru li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni sħiħa prodotta minnha, xorta jibqa’ l-fatt li l-karattru dgħajjef distintiv ta’ element ta’ trade mark ma jimplikax neċessarjament, fid-dawl b’mod partikolari tad-dimensjoni jew tal-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal, li dan l-element huwa negliġibbli fl-impressjoni sħiħa prodotta minnha.
31. F’dan il-każ, huwa paċifiku li, bħal ma rrileva l-Bord tal-Appell, essenzjalment, fil-punti 22 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “lineas aereas del mediterraneo”, li l-parti li titkellem bl-Ispanjol tal-pubbliku rilevanti tifhem bħala li jagħmel riferiment għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru fil-Mediterran, jikkostitwixxi deskrizzjoni ta’ parti mis-servizzi ta’ trasport imsemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li huwa indikattiv tal-lok ġeografiku fejn dawn is-servizzi huma pprovduti. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-unika konstatazzjoni ma tistax twassal sabiex jiġi kkunsidrat, li dan l-element huwa negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, għaldaqstant, li l-element verbali “lam” huwa l-element dominanti tagħha.
32. Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, bħala ma kkonstata l-Bord tal-Appell, essenzjalment fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “lineas aereas del mediterraneo” jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi rilevanti kollha, kemm jekk ikunu persuni li jitkellmu bl-Ispanjol jew le, minħabba l-fatt li, minn naħa, dan l-element, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu dimensjoni nettament iktar sinjifikattiva minn dik tal-element “lam” u, min-naħa l-oħra, li dan l-element huwa immedjatament perċepibbli minħabba l-pożizzjoni inizjali tiegħu f’dan is-sinjal. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li mill-ġurisprudenza jirriżluta li jeżistu eċċezzjonijiet għall-prinċipju li l-attenzjoni tal-konsumatur medju hija miġbuda mill-parti inizjali ta’ trade mark, dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova konkreta li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell hija żbaljata f’dan il-każ.
33. It-tieni nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konsumaturi li jitkellmu bl-Ispanjol li jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li, bħal ma kkunsidra l-Bord tal-Appell, essenzjalment, fil-punti 22 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-konsumatur Spanjol ser jipperċepixxi t-terminu “lam” bħala l-akronimu tal-element “lineas aereas del mediterraneo”, huwa probabbli li huwa ser jibqa’ jiftakar dan l-element. Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-konsumatur jista’ jimmemorizza l-element “lineas aereas del mediterraneo”, peress li dan l-element jippermetti lil dan il-konsumatur li jifhem li l-element “lam” huwa s-sinjal ifformat mill-inizjali tal-kliem “líneas”, “aéreas” u “mediterráneo”. Min-naħa l-oħra, kif josserva wkoll l-UASI u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, peress li huwa frekwenti li t-trade marks li jkopru s-servizzi ta’ trasport bl-ajru jinkludu elementi verbali deskrittivi ta’ dawn is-servizzi u territorji li minnhom jew għad-destinazzjoni tagħhom huma prinċipalment offerti, bħat-trade marks Komunitarji American Airlines, AIR FRANCE jew LINEA AEREA CARGUERA DE COLOMBIA, dan il-kosumatur jista’ jifhem li l-element “lineas aereas del mediterraneo” jidentifika l-oriġini kummerċjali tas-servizzi ta’ trasport offerti minn kumpannija tal-ajru partikolari.
34. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-element “lineas aereas del mediterraneo” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala negliġibbli fl-impressjoni sħiħa prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti, kemm jekk jitkellem bl-Ispanjol jew le.
35. L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din l-evalwazzjoni.
36. L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2007, AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03), Ġabra p. II‑4265, punt 84), jirriżulta li huwa probabbli li konsumatur jirreferi għall-uniku akronimu li jinsab fit-trade mark ma jistax ibiddel il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 34 iktar ’il fuq, li l-element “lineas aereas del mediterraneo” ma huwiex negliġibbli fl-impressjoni sħiħa prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, fis-sentenza AMS Advanced Medical Services, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74), kien biss wara li kkonstatat li l-akronimu AMS kien jokkupa pożizzjoni ċentrali u kellu dimensjoni iktar sinjifikattiva minn dik tal-elementi l-oħra li jinsabu fit-trade mark figurattiva AMS Advanced Medical Services li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan l-akronimu kien dominanti fl-impressjoni sħiħa prodotta minn din it-trade mark. Madankollu peress li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.
37. Sussegwentement, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkonstata li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, peress li l-element verbali “lan” ta’ dawn it-trade marks u l-element verbali “lam” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jixxiebhu, dan issaħħaħ il-karattru distintiv ta’ dan tal-aħħar f’din it-trade mark, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma pprovidiet lill-Qorti Ġenerali ebda prova li tippermetti li tiġi evalwata r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi presuppost li t-trade marks preċedenti jibbenefikaw minn ċerta reputazzjoni, u għaldaqstant, li l-attenzjoni tal-konsumatur rilevanti hija miġbuda b’mod partikolari mill-element “lam” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li dan l-element u l-element verbali “lan” fit-trade marks preċedenti jixxiebhu ħafna, tali reputazzjoni tat-trade marks preċedenti madankollu ma għandhiex bħala effett li tagħmel l-element “lineas aereas del mediterraneo” negliġibbli fl-impressjoni sħiħa prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi evokati fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq.
38. Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat irrifjuta li jeżamina d-deċiżjonijiet tal-Oficina Española de Patentes y Marcas (uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks) li hija pprovdietlu, fejn fihom dan l-uffiċċju ċaħad l-applikazzjonijiet għal trade marks li jinkludu l-element “lineas aereas de”. Fil-fatt, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell hija evalwata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94 [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 37]. Minbarra dan, jekk ir-reġistrazzjonijiet diġà effettwati, skont il-każ, f’ċerti Stati Membri jikkostitwixxu biss element li, mingħajr ma huwa determinanti, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2001, Henkel vs UASI (pillola tonda ħamra u bajda) T‑337/99, Ġabra p. II‑2597, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata], l-istess japplika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ a pplikazzjonijiet għal trade marks mogħtija mill-uffiċċji nazzjonali. Għalhekk, f’dan il-każ, anki jekk id-deċiżjonijiet tal-Oficina Española de Patentes y Marcas li għalihom ir-rikorrenti tagħmel riferiment jikkostitwixxu elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jidhru li jindikaw li l-element “lineas aereas del mediterranea” huwa distintiv b’mod dgħajjef biss, xorta jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkunsidra, għar-raġunijiet esposti fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, li dan l-element madankollu ma kienx negliġibbli fl-impressjoni sħiħa prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
39. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien korrett meta eskluda, fil-punt 33 tad-deċiżjoni, li l-element “lam” kien dominanti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, għaldaqstant li huwa, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punt 26 iktar ’il fuq, ħa inkunsiderazzjoni wkoll l-element “líneas aéreas del mediterráneo” li jinsab f’din it-trade mark sabiex jiġu pparagunati s-sinjali inkwistjoni.
40. It-tieni nett, fir-rigward ta’ eventwali xebh jew differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat, fuq il-pjan viżwali u fonetiku, li r-rikorrenti taqbel mal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li t-terminu “lam” li jinsab fi tmiem it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-terminu “lan” fit-trade marks preċedenti jixxiebhu. Madankollu, bħal ma l-Bord tal-Appell irrileva korrettament fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata u, kuntrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-element “lam” biss fit-trade mark li għaliha saret l-applikzazzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-għanijiet ta’ paragun bejn it-trade marks inkwistjoni, ix-xebh eżistenti bejn l-element verbali “lam” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-element verbali “lan” fit-trade marks preċedenti huwa newtralizzat mill-fatt li dawn it-trade marks, evalwati b’mod sħiħ, huma differenti minn perspettiva kemm viżwali kif ukoll fonetika. Fil-fatt, filwaqt li t-trade marks preċedenti huma komposti minn element verbali wieħed kompost minn tliet ittri, jiġifieri “lan” u li t-trade mark preċedenti figurattiva tinkludi minbarra din stilla stilizzata, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-element verbali “lineas aereas del mediterraneo” u “lam” li jinkludu fit-total tletin ittra, b’mod li, bħal ma rrileva b’mod korrett il-Bord tal-Appell, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade marks inkwistjoni, evalwati b’mod sħiħ, huma differenti mhux biss “fin-numru ta’ kliem li jikkomponuhom, fl-istruttura tagħhom u fit-tul tagħhom” iżda wkoll fil-ħoss tagħhom. Għaldaqstant, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu fuq il-pjan viżwali u fonetiku jiġi miċħud.
41. Fuq il-pjan kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment, li, peress li, minn naħa, l-element dominanti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-element verbali “lam” u, min-naħa l-oħra, l-uniku element verbali fit-trade marks preċedenti, jiġifieri l-element “lan” ma għandhom ebda tifsira, it-trade marks in kwistjoni ma jippreżentawx differenzi kunċettwali.
42. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħal ma għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol li jagħmel parti mill-pubbliku rilevanti ser jifhem l-element “lineas aereas del mediterraneo” li jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li jagħmel riferiment għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru fil-Mediterran u li huwa jistabbilixxi rabta bejn dan l-element u l-element verbali “lam” li jikkostitwixxi l-akronimu tiegħu.
43. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħal ma l-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ma jeżistix, għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma għandhiex għarfien anki minimu tal-Ispanjol, ebda differenza jew xebh kunċettwali bejn it-trade marks inkwistjoni, il-parti mill-pubbliku rilevanti li għandha għarfien anki minimu tal-Ispanjol ser tagħraf differenza bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li dan il-pubbliku ser jifhem bħala li tagħmel riferiment għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-Mediterran, u, min-naħa l-oħra, it-trade marks preċedenti, li għalihom ma jirriżultax mill-atti tal-prċess quddiem il-Qorti Ġenerali li dan il-pubbliku ser jirrikonoxxi lilhom tifsira partikolari jew, f’kull ipoteżi, li jixbhu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
44. Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jippreċedu, hemm għalhekk lok li jiġi kkonstatat, kif il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra fil-punti 30 u 31 tad-deċiżjoni kkonktestata, li s-sinjali inkwistjoni, evalwati b’mod sħiħ, huma differenti, fid-dawl, l-ewwel nett, tad-differenzi viżwali u fonetiċi tagħhom u, it-tieni nett, kemm minħabba d-differenza kunċettwali tagħhom għall-parti mill-pubbliku rilevanti li titkellem bl-Ispanjol, kemm minħabba n-nuqqas ta’ tifsira tagħhom għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma titkellimx bl-Ispanjol.
Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni
45. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk is-servizzi msemmija mit-trade marks inkwistjoni kienu identiċi, in-nuqqas ta’ xebh bejn dawn it-trade marks kien jeskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
46. Ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti peress li, minn naħa, huma jixxiebhu fuq il-pjan viżwali u fonetiku u li huma ma għandhom ebda tifsira u, min-naħa l-oħra, is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks huma identiċi.
47. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell kien korrett meta essenzjalment ikkunsidra, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata li, minkejja l-identiċità tas-servizzi msemmija, ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti għall-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni ma jistax jiġi kkumpensat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-fatt li s-servizzi ddeżinjati huma identiċi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2009 Lee/DE vs UASI – Cooperativa italiana di ristorazione (PIAZZA del SOLE), T‑265/06, Ġabra p. II‑19, punt 56].
48. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti, li l-Bord tal-Appel naqas milli jeżamina r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ir-reputazzjoni ta’ trade mark hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u s-servizzi huwiex suffiċjenti sabiex jagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punt 65; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2009, Parfums Christian Dior vs UASI– Consolidated Artists (MANGO adorably), T‑308/08, Ġabra p. II‑147, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk, ir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fuq il-livell tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ladarba x-xebh bejn it-trade marks hija stabbilita, u mhux sabiex dan ix-xebh jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MANGO adorably, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). F’dan il-każ, peress li kien ġie konkluż, fil-punt 44 iktar ’il fuq, li ma kienx hemm xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, il-Bord ta’ Appell ma wettaq ebda żball meta ma eżaminax r-reputazzjoni possibbli tat-trade marks preċedenti. L-argument li r-rikorrenti tressaq f’dan ir-rigward għandu konsegwentement jiġi miċħud bħala infondat.
49. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għalhekk hemm lok li jiġi konkluż, bħal ma ddeċieda l-Bord tal-Appell, li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni.
50. Għaldaqstant l-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat u r-rikors miċħud.
Fuq l-ispejjeż
51. Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mill‑UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Lan Airlines, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.