Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TJ0133

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-28 ta' Ġunju 2012.
    I Marchi Italiani Srl u Antonio Basile vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark Komunitarja figurattiva B. Antonio Basile 1952 - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti BASILE - Raġuni relattiva għal rifjut - Dekadenza minħabba tolleranza - Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar Artikolu 54(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009].
    Kawża T-133/09.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2012:327

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    28 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva B. Antonio Basile 1952 — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti BASILE — Raġuni relattiva għal rifjut — Dekadenza minħabba tolleranza — Artikolu 53(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009]”

    Fil-Kawża T-133/09,

    I Marchi Italiani Srl, stabbilita f’Napoli (l-Italja),

    Antonio Basile, residenti f’Giugliano in Campania (l-Italja),

    irrappreżentati minn G. Militerni, L. Militerni u F. Gimmelli, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Sempio, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Osra SA, stabbilita f’Rovereta (San Marino), irrappreżentata minn A. Masetti Zannini de Concina, R. Cartella u G. Petrocchi, avukati,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Jannar 2009 (Każ R 502/2008-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Osra SA u I Marchi Italiani Srl,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn H. Kanninen (President), N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2009,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2009,

    wara li rat in-nota tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2009,

    wara li rat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 li rrifjutat tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

    wara li rat il-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

    wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-14 ta’ Jannar 2000, it-tieni rikorrent, Antonio Basile, li aġixxa bħala negozjant individwali taħt l-isem B Antonio Basile 1952, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

    Image

    3

    Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 14, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    4

    It-trade mark Komunitarja B. Antonio Basile 1952 kienet ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2001 taħt in-Numru 1 462 555.

    5

    Fil-21 ta’ April 2006, l-intervenjenti, Osra SA, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 53(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009], għal dak li jikkonċerna l-prodotti tal-klassi 25, ibbażata fuq it-trade marks li ġejjin:

    it-trade mark verbali Taljana BASILE, irreġistrata fis-7 ta’ Marzu 1995 taħt in-Numru 738 901, (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”);

    ir-reġistrazzjoni internazzjonali R413 396 B tat-trade mark verbali BASILE, tat-13 ta’ Jannar 1995 (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti”).

    6

    Il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti u r-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kienu ġew irreġistrati jaqgħu taħt il-klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, fid-drapp ġilda, knitting jew mod ieħor, bħal ġkieket, qliezet, inklużi jeans, qomos, blużi, T-shirts, flokkijiet, pullovers, ġkieket qosra, kapotti, inċirati, kowtijiet, ilbiesi, malji tal-għawm, dresingawns”.

    7

    It-trade mark Komunitarja kienet is-suġġett ta’ assenjazzjoni parzjali favur l-ewwel rikorrenti, I Marchi Italiani Srl. Bħala riżultat tagħha, ir-reġistrazzjoni tad-Diviżjoni Numru 5 274 121 (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) saret favur din il-kumpannija għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 25: “Qomos, maljerija, ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, nisa u tfal, ħlief ħwejjeġ tal-ġilda, ingravajjet, ħwejjeġ ta’ taħt, żraben, kpiepel, kalzetti, xalpi għall-irġiel, nisa u tfal”.

    8

    Fit-2 ta’ Novembru 2006, l-UASI informat lill-intervenjenti li l-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet estiża għall-imsemmija reġistrazzjoni tad-Diviżjoni.

    9

    Fl-21 ta’ Jannar 2008, id-Diviżjoni li tiddikjara l-invalidità laqgħet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-ewwel rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI fit-18 ta’ Marzu 2008.

    10

    Bid-deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell billi kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-dekadenza minħabba tolleranza ma kinitx tapplika minħabba li l-perijodu ta’ ħames snin ma kienx skada, fit-tieni lok, li l-koeżistenza tat-trade marks inkwistjoni fl-Italja ma kinitx ġiet stabbilita u, fit-tielet lok, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark preċedenti, minħabba, minn naħa, li l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks kienu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, it-trade marks kunfliġġenti kienu simili fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali.

    It-talbiet tal-partijiet

    11

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tiddikjara r-reġistrazzjoni tat-trade mark B. Antonio Basile 1952 bħala valida u effikaċi;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    12

    L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    13

    Fis-seduta, l-ewwel rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u ttieħed nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta. Bl-istess mod, it-tieni rikorrent, li ma kienx parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, irrinunzja għat-talbiet tiegħu fis-seduta tal-kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà ta’ argumenti u ta’ dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

    14

    L-ewwel rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-kunjom Basile kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark ikkontestata tgawdi minn ċerta fama u reputazzjoni u ċ-ċaħda ta’ dan tkun “kuntrarja għat-tolleranza u għal bona fide, prinċipji ġenerali li għandhom jirregolaw kull relazzjoni ta’ negozju”.

    15

    L-UASI ssostni li l-argumenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-kunjom Basile fl-Italja, dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide kif ukoll id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi Nri 7, 13, 14 u 15 għar-rikors ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk huma inammissibbli.

    16

    Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, jappartjeni għall-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li teżamina l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti Ġenerali ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord tal-Appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, “Drie Mollen sinds 1818” vs L-UASI — Nabeiro Silveira (Galáxia), T-66/03, Ġabra p. II-1765, punt 45]. Fil-fatt, rikorrent ma jistax ibiddel quddiem il-Qorti Ġenerali t-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnu stess u minn l-intervenjent (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 43, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 122).

    17

    F’dan il-każ, jirriżulta mill-eżami tal-proċess li l-argumenti li jikkonċernaw il-fatt li l-kunjom Basile kien suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi bħala trade mark, ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma tqajmux quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, jirriżulta mill-eżami tar-rikors li l-argument dwar ir-reġistrazzjonijiet numerużi tal-kunjom Basile huwa marbut mal-argument dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-imsemmi kunjom. Issa dan huwa intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti u kien ġie ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dan l-argument jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ aggravju li tqajjem fl-appell quddiem il-Bord tal-Appell li għandu jitqies li huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, Alcon vs UASI, punt 16 supra, punt 40). Madankollu, l-argumenti relatati mar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma għandhom ebda rabta mat-termini tal-kwistjoni, tali li jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet li saru mill-ewwel rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dawn għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

    18

    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-argument tal-ewwel rikorrenti fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata jista’ jiġi interpretat bħala intiż li jistabbilixxi karattru distintiv elevat tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal jilgħab rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20). Għalhekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma hijiex parti mill-kwistjonijiet legali li għandhom neċessarjament jiġu eżaminati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Ladarba l-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata hija kwistjoni ta’ dritt li ma ġietx ippreżentata qabel quddiem l-istanzi tal-UASI u li ma teħtieġx li tiġi eżaminata sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl tar-raġunijiet u tal-argumenti ippreżentati mill-partijiet, hija ma tistax għalhekk taffetwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut, sa fejn din ma tifformax parti mill-kuntest ġuridiku tal-kwistjoni kif ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jitqies bħala inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI — Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 22].

    19

    Għal dak li jikkonċerna l-annessi tar-rikors li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI — LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T-346/04, Ġabra, p. II-4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda

    20

    L-ewwel rikorrenti titlob l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, liema trade marks għandhom koeżistenza paċifika fl-Italja, u l-għarfien nazzjonali u internazzjonali tat-trade mark ikkontestata.

    21

    L-UASI jqis li din it-talba ma hijiex iġġustifikata, għaliex, minn naħa, l-ewwel rikorrenti ma għamlitx argumenti fir-rigward tal-koeżistenza tal-imsemmija trade marks u tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta u, min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tal-persuni msejħa biex jagħtu xhieda ma ġewx speċifikati.

    22

    Hawnhekk, għandu biss jiġi kkonstatat li l-ewwel rikorrenti ma qajmet ebda argument fis-sottomissjonijiet tagħha kontra l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jinsabu fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti fis-suq Taljan, skont liema ma kinitx stabbilita l-aċċettazzjoni tal-koeżistenza fis-suq Taljan tal-imsemmija trade marks min-naħa tal-intervenjenti, u lanqas, għalhekk, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bħala konsegwenza tal-edukazzjoni ta’ dan, matul is-snin, li jipperċepixxi t-trade marks bħala sinjali distintivi ta’ negozji differenti. Huwa sempliċement talab, fir-rikors, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u li dawn it-trade marks kellhom koeżistenza paċifika fis-suq Taljan.

    23

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-ewwel rikorrenti ma ressqet fir-rikors ebda argument addizzjonali li jippermetti li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti, it-talba għall-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tiġi stabbilita li din il-koeżistenza ma hijiex ġustifikata. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-ewwel rikorrenti ma tistax tippretendi li tissupplimenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-provi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġi stabbilita din il-koeżistenza. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 hawn fuq, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk, hemm lok li t-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda mitluba mill-ewwel rikorrenti tiġi miċħuda.

    24

    Din tal-aħħar titlob, barra minn hekk, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, l-użu ta’ mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni tat-trade mark ikkontestata fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fit-tieni lok, l-attivitajiet żviluppati mill-kumpannija tat-tieni rikorrent sa mill-1970 bl-użu ta’ trade marks differenti, b’mod partikolari t-trade mark ikkontestata mill-1998, u, fit-tielet lok, l-għarfien fuq is-suq nazzjonali u internazzjonali tal-prodotti li jġibu t-trade mark ikkontestata.

    25

    Essenzjalment, jidher li t-talba għal prova permezz ta’ xhieda hija maħsuba biex tistabbilixxi r-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark ikkontestata. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa inammissibbli u hemm lok, għalhekk, li din it-talba tiġi miċħuda.

    26

    Anki jekk wieħed jassumi li l-ewwel rikorrenti kellha l-ħsieb, bit-talba tagħha għal prova permezz ta’ xhieda, li tistabbilixxi l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq u, għalhekk, id-dekadenza minħabba tolleranza, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda. Kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, l-użu rilevanti tat-trade mark ikkontestata fis-suq huwa dak wara r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Minħabba li għaddew inqas minn ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-talba għal prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq ma hijiex rilevanti.

    Fuq il-mertu

    27

    L-ewwel rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009) u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94

    28

    L-ewwel rikorrenti sostniet li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin, ikkalkolat mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

    29

    Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li ttollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata, bl-għarfien ta’ dan l-użu, ma jistax iktar jitlob dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ma tkunx saret in mala fide.

    30

    F’dan il-każ, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2001 u l-intervenjenti ressqet it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-21 ta’ April 2006, jiġifieri inqas minn ħames snin wara d-data tar-reġistrazzjoni. Madankollu, l-ewwel rikorrenti tippretendi li d-data li minnha għandu jkun ikkalkolat it-terminu ta’ ħames snin hija dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-14 ta’ Jannar 2000.

    31

    Skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ dekadenza minħabba tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni. Fl-ewwel lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, fit-tieni lok, jeħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret in bona fide mill-proprjetarju tagħha, fit-tielet lok, hija għandha tintuża fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti hija protetta u, fl-aħħar, fir-raba’ lok, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C-482/09, Ġabra p. I-8701, punti 54 u 56 sa 58).

    32

    Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, it-terminu ta’ dekadenza ma jibdiex jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti. Anki jekk din id-data tikkostitwixxi l-punt tat-tluq rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 40/94, bħall-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament [li saru l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009], li l-għan tagħhom huwa li tiġi stabbilita prijorità temporanja bejn trade marks kunfliġġenti, tali data ma tistabbilixxix il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, l-iskop tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jippenalizza lill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti li ttolleraw l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti għal ħames snin konsekuttivi, meta kienu jafu b’dan l-użu, bit-telf tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-azzjoni ta’ oppożizzjoni għal din it-trade mark, li tkun tista’ għalhekk teżisti flimkien mat-trade mark preċedenti. Huwa minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti li huwa jkollu l-possibbiltà li ma jittollerax dan u, għalhekk, li jopponi jew jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti. Ma jistax jitqies li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ttollera l-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ladarba kien jaf bl-użu tagħha, jekk huwa ma kienx f’pożizzjoni la li jopponi għall-użu tagħha u lanqas li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, b’analoġija, is-sentenza Budějovický Budvar, punt 31 iktar ’il fuq, punti 44 sa 50).

    33

    Jirriżulta mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 li d-data rilevanti għall-kalkolu tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza hija dik tal-għarfien tal-użu ta’ din it-trade mark. Din id-data tista’ tkun biss wara dik tar-reġistrazzjoni tagħha, f’liema mument id-dritt tat-trade mark Komunitarja jinkiseb (ara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 40/94) u din it-trade mark tintuża bħala trade mark irreġistrata fis-suq, biex b’hekk persuni oħra jkunu jistgħu jsiru jafu bl-użu tagħha. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, huwa mill-mument meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti, wara li tkun ġiet irreġistrata, u mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jibda jiddekorri.

    34

    F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma pproduċiet ebda provi li jippermettu li jkun stabbilit il-mument minn meta l-intervenjenti kellha għarfien tal-użu tat-trade mark ikkontestata wara r-reġistrazzjoni tagħha. Hija sempliċement affermat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata għal iktar minn ħames snin fl-Italja u li l-intervenjenti kellha tkun taf dwar dan l-użu. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 30 iktar ’il fuq, inqas minn ħames snin għaddew bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-użu tat-trade mark qabel id-data tar-reġistrazzjoni huwa irrilevanti inkwantu din kienet għadha ma ġietx irreġistrata.

    35

    Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94

    36

    Essenzjalment, l-ewwel rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna, min-naħa waħda, l-eżistenza ta’ xebh fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile, li jinstab fiż-żewġ trade marks.

    37

    Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    38

    Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    39

    F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax la d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u lanqas l-identità u xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, li għandhom barra minn hekk jiġu approvati.

    40

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, bejn dawn it-trade marks ikun hemm minn tal-inqas ugwaljanza parzjali fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-aspetti rilevanti, jiġifieri l-aspett viżiv, dak fonetiku u dak kunċettwali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T-325/06, Ġabra p. II-0174, punt 89].

    42

    L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, ix-xebh għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, u dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti ta’ trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, Ġabra p. I-0114, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    43

    F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile u, fit-tieni lok, ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti.

    – Fuq il-karattru distintiv tal-kunjom Basile

    44

    Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għall-inqas fl-Italja, il-konsumaturi kienu, ġeneralment, jattribwixxu iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade marks u kkonkluda fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunjom Basile kellu karattru distintiv superjuri għal dak tal-isem Antonio.

    45

    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-konsumatur Taljan jattribwixxi, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade mark inkwistjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI — Fusco International (ENZO FUSCO), T-185/03, Ġabra p. II-715, punt 54].

    46

    Kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, din ir-regola, ibbażata fuq l-esperjenza, ma tistax tiġi applikata awtomatikament mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi partikolari li jikkaratterizzaw il-każ [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI — Marcorossi (MARCOROSSI), T-97/05, Ġabra p. II-0054, punt 45]. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-kunjom inkwistjoni huwa rari jew, għall-kuntrarju, komuni ħafna, li jista’ jkollu effett fuq dan il-karattru distintiv kif ukoll jekk il-persuna li titlob li l-isem u l-kunjom tagħha, meħuda flimkien, jiġu rreġistrati bħala trade mark hijiex magħrufa sewwa, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C-51/09 P, Ġabra p. I-5805, punti 36 u 37).

    47

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa waħda, li ma kienx ġie stabbilit li l-kunjom Basile kien popolari ħafna fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunjom ma kienx wieħed mill-iktar komuni f’dak it-territorju. L-ewwel rikorrenti tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet mingħajr, madankollu, ma pprovdiet prova sabiex tistabbilixxi l-kuntrarju. Sabiex tikkontesta l-karattru distintiv tal-imsemmi kunjom, hija tafferma, barra minn hekk, li dan kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi. Madankollu, xejn fil-proċess ma jippermetti li dan il-fatt jiġi stabbilit, peress li l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ġew ikkunsidrati inammissibbli (ara punt 19 hawn fuq). Barra minn hekk, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-isem Antonio, li jippreċedi l-kunjom Basile fit-trade mark ikkontestata, huwa komuni ħafna fl-Italja.

    48

    Fit-tieni lok, minkejja l-affermazzjonijiet tagħha, l-ewwel rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-isem Antonio u l-kunjom Basile, meħuda flimkien, jidentifikaw persuna li tgawdi mir-reputazzjoni, tal-inqas fl-Italja, u li fl-intier tagħha hija għalhekk tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala trade mark komposta minn isem u minn kunjom li jidentifikaw lil din il-persuna u mhux bħala l-kunjom Basile li miegħu xi elementi ġew miżjuda, speċifikament l-isem Antonio.

    49

    Għalhekk, huwa korrett li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fit-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa iktar distintiv mill-isem Antonio.

    – Fuq ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti

    50

    Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti, minn naħa, ippreżentaw ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku u, min-naħa l-oħra, kienu jixxiebhu fuq il-pjan kunċettwali fir-rigward tal-element tagħhom “basile”. F’dan ir-rigward, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv qawwi tal-imsemmi element, u l-fatt li, bħala kunjom, dan żamm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

    51

    L-ewwel rikorrenti tqis li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti huwa baxx sa fejn, minn naħa, l-element komuni “basile” ma għandux karattru distintiv u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-istruttura, it-tul u l-elementi grafiċi tal-imsemmija trade marks huma differenti. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fil-każ tat-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa ppreċedut bl-ittra kapitali stilizzata “B”, li għandha karattru distintiv qawwi, u l-isem Antonio u huwa segwit bl-element “1952”, li jevoka data.

    52

    Għandu jiġi kkonstatat li l-element “basile” jidher f’kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti, li huwa l-uniku element tat-trade mark preċedenti u, kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, li l-karattru distintiv tiegħu huwa iktar qawwi minn dak tal-element “antonio”, li jippreċedih fit-trade mark ikkontestata.

    53

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “basile” ma jżommx, bħala kunjom, pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kunjom ma jżommx f’kull każ pożizzjoni distintiva awtonoma biss minħabba li huwa jiġi pperċepit bħala kunjom. Il-konstatazzjoni ta’ tali pożizzjoni tista’ tiġi bbażata biss fuq eżami tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ (sentenza Becker vs Harman International Industries, punt 46 supra, punt 38), dak li l-Bord tal-Appell ma għamilx f’dan il-każ.

    54

    Madankollu, din l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell ma għandhiex tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.

    55

    Għalhekk, hemm lok li jitqies li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku li jirriżulta mill-preżenza tal-element “basile”, li huwa, skont il-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontestata. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi marbuta mal-istruttura u t-tul differenti ta’ trade marks kunfliġġenti u maż-żieda tal-elementi grafiċi fit-trade mark kkontestata ma humiex biżżejjed sabiex tiġi skartata din il-konklużjoni.

    56

    Fil-fatt, fuq il-pjan viżiv, l-ittra kapitali stilizzata “B”, segwita b’punt, li tikkorrispondi għall-bidu tal-kunjom Basile u mqiegħda fuq l-isem Antonio u l-kunjom Basile, kif ukoll l-element “1952”, imqiegħed taħt din il-frażi miktub b’ittri iżgħar, ma humiex elementi importanti biżżejjed sabiex jiġi skartat kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, maħluq mill-koinċidenza tal-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontestata u tat-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T-137/05, Ġabra p. II-0047, punt 46]. Fil-fatt, anki jekk l-ittra kapitali stilizzata “B” hija daqs ikbar minn dak tal-elementi l-oħra tat-trade mark ikkontestata, hija ma tikkostitwixxix żieda sinjifikattiva għall-element “basile”, minħabba li din tikkorrispondi għall-inizjali tagħha jew għall-monogramm tagħha. Bl-istess mod, fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark ikkontestata u tad-daqs iżgħar tal-karattri tiegħu, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena, jokkupa pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata u ma jiġbidx l-attenzjoni tal-konsumaturi daqs l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark, mingħajr ma dan jimplika li dan l-element huwa negliġibbli.

    57

    Il-fatt li l-element “basile” huwa ppreċedut mill-element “antonio” ma jannullax din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, minkejja li huwa ċertament veru li l-parti inizjali tat-trade marks tista’ tattira iktar l-attenzjoni tal-konsumatur mill-partijiet sussegwenti, dan l-argument ma jżommx fil-każijiet kollha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI — Audi (ALLTREK), T-158/05, Ġabra p. II-0049, punt 70]. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, Antonio huwa isem komuni ħafna fl-Italja u għalhekk għandu karattru distintiv iktar baxx mill-kunjom Basile. Għalhekk, minkejja l-pożizzjoni tiegħu fil-parti inizjali tat-trade mark ikkontestata, l-element “antonio” ma jistax jiġbed iktar attenzjoni mill-konsumatur milli l-element “basile”.

    58

    Fuq il-pjan fonetiku, anki jekk it-trade mark ikkontestata, li tikkonsisti minn sitt sillabi “an”, “to”, “nio”, “ba”, “si” u “le” hija itwal mit-trade mark preċedenti, li tikkonsisti minn tliet sillabi “ba”, “si” u “le”, nofs is-sillabi tat-trade mark ikkontestata u dawk kollha tat-trade mark preċedenti, jiġifieri s-sillabi li jaqblu mal-kunjom Basile, huma identiċi. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi bejn it-trade marks kunfliġġenti marbuta maż-żieda, fit-trade mark ikkontestata, tal-ittra kapitali “B” u tal-element “1952” mal-isem Antonio u mal-kunjom Basile ma jikkonfutawx l-eżistenza ta’ ċertu xebh fonetiku, peress li, minn naħa, fil-prinċipju, l-ittra kapitali “B”, waħidha, ma tiġix ippronunzjata mill-konsumaturi, li jarawha bħala l-inizjali jew il-monogramma tal-imsemmi kunjom, u peress li, min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena mill-pubbliku rilevanti u li jieħu pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata, lanqas ma huwa, għalhekk, f’pożizzjoni li jiġi ppronunzjat mill-pubbliku rilevanti wara li jippronunzja l-frażi “antonio basile”. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt preċedenti, peress li huwa l-karattru distintiv l-iktar dgħajjef tagħha, il-fatt li l-element “antonio” tqiegħed quddiem l-element “basile” ma huwiex biżżejjed sabiex jinnewtralizza x-xebh eżistenti bejn iż-żewġ trade marks.

    59

    Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta kkonkluda, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti kellhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku.

    60

    Fuq il-pjan kunċettwali, iż-żewġ trade marks kienu jikkonsistu mill-kunjom Taljan Basile sabiex jindikaw il-prodotti kkonċernati, mingħajr ma ż-żieda tal-isem Antonio fit-trade mark ikkontestata tista’ tbiddel din il-konklużjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala li hija marbuta ma’ persuna li għandha dan il-kunjom. Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ trade marks kienu simili mil-lat kunċettwali.

    61

    Minn dan kollu premess jirriżulta li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u l-pjan fonetiku u li huma simili fuq il-pjan kunċettwali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, hemm lok għalhekk li jiġi konkluż li t-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

    – Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    62

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza Canon, punt 18 supra, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, Ġabra p. II-5409, punt 74].

    63

    Kif intqal fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-identità u l-analoġija tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma humiex ikkontestati. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 61 hawn fuq, it-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

    64

    Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

    65

    Madankollu, l-ewwel rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, bl-analiżi, b’mod partikolari, tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksub permezz tal-użu. Bl-istess mod, jidher li hija qiegħda ssostni li l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti ma twettqitx.

    66

    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-punti 26 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina bir-reqqa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dan ippermetta lill-ewwel rikorrenti li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi tippreżenta l-argumenti eżaminati iktar ’il fuq.

    67

    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar l-analiżi tal-kisba mit-trade kkontestata ta’ karattru distintiv bl-użu, għandu jitfakkar li, minkejja li dan għandu rwol fir-rigward ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut jew ta’ raġuni assoluta ta’ invalidità, dan ma huwiex, madankollu, rilevanti fil-kuntest ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut jew ta’ raġuni relattiva ta’ invalidità, bħal f’dan il-każ fil-kuntest tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Anki jekk, b’dan l-argument, l-ewwel rikorrenti riedet issostni r-reputazzjoni jew il-karattru distintiv miksub mit-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal għandu rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analogija, is-sentenzi SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 24; Canon, punt 18 iktar ’il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 18 iktar ’il fuq, punt 20).

    68

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti, sakemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ġiet evalwata fir-rigward tat-trade mark preċedenti, l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kif ukoll l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-sinjal inkwistjoni ma humiex rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2004, Metro-Goldwyn-Mayer Lion vs UASI — Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T-342/02, Ġabra p. II-3191, punt 48].

    69

    Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ddeċieda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    70

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ewwel rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

    71

    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ ta’ rinunzja għall-atti, fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, it-tieni rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Fil-Kawża T-133/09, l-isem tat-tieni rikorrent, Antonio Basile, huwa mħassar mil-lista tar-rikorrenti.

     

    2)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    I Marchi Italiani Srl hija kkundannata għall-ispejjeż, minbarra dawk marbuta mar-rinunzja għall-atti.

     

    4)

    A. Basile għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

     

    Kanninen

    Wahl

    Soldevila Fragoso

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 2012.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża T-133/09,

    I Marchi Italiani Srl, stabbilita f’Napoli (l-Italja),

    Antonio Basile, residenti f’Giugliano in Campania (l-Italja),

    irrappreżentati minn G. Militerni, L. Militerni u F. Gimmelli, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn A. Sempio, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    Osra SA, stabbilita f’Rovereta (San Marino), irrappreżentata minn A. Masetti Zannini de Concina, R. Cartella u G. Petrocchi, avukati,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Jannar 2009 (Każ R 502/2008-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Osra SA u I Marchi Italiani Srl,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn H. Kanninen (President), N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2009,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2009,

    wara li rat in-nota tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Awwissu 2009,

    wara li rat id-deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 li rrifjutat tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

    wara li rat il-modifika tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

    wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1. Fl-14 ta’ Jannar 2000, it-tieni rikorrent, Antonio Basile, li aġixxa bħala negozjant individwali taħt l-isem B Antonio Basile 1952, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

    >image>1

    3. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 14, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

    4. It-trade mark Komunitarja B. Antonio Basile 1952 kienet ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2001 taħt in-Numru 1 462 555.

    5. Fil-21 ta’ April 2006, l-intervenjenti, Osra SA, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 53(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009], għal dak li jikkonċerna l-prodotti tal-klassi 25, ibbażata fuq it-trade marks li ġejjin:

    – it-trade mark verbali Taljana BASILE, irreġistrata fis-7 ta’ Marzu 1995 taħt in-Numru 738 901, (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”);

    – ir-reġistrazzjoni internazzjonali R413 396 B tat-trade mark verbali BASILE, tat-13 ta’ Jannar 1995 (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti”).

    6. Il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti u r-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kienu ġew irreġistrati jaqgħu taħt il-klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, fid-drapp ġilda, knitting jew mod ieħor, bħal ġkieket, qliezet, inklużi jeans, qomos, blużi, T-shirts, flokkijiet, pullovers, ġkieket qosra, kapotti, inċirati, kowtijiet, ilbiesi, malji tal-għawm, dresingawns”.

    7. It-trade mark Komunitarja kienet is-suġġett ta’ assenjazzjoni parzjali favur l-ewwel rikorrenti, I Marchi Italiani Srl. Bħala riżultat tagħha, ir-reġistrazzjoni tad-Diviżjoni Numru 5 274 121 (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) saret favur din il-kumpannija għall-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 25: “Qomos, maljerija, ħwejjeġ ta’ fuq għall-irġiel, nisa u tfal, ħlief ħwejjeġ tal-ġilda, ingravajjet, ħwejjeġ ta’ taħt, żraben, kpiepel, kalzetti, xalpi għall-irġiel, nisa u tfal”.

    8. Fit-2 ta’ Novembru 2006, l-UASI informat lill-intervenjenti li l-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ġiet estiża għall-imsemmija reġistrazzjoni tad-Diviżjoni.

    9. Fl-21 ta’ Jannar 2008, id-Diviżjoni li tiddikjara l-invalidità laqgħet l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-ewwel rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI fit-18 ta’ Marzu 2008.

    10. Bid-deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell billi kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-dekadenza minħabba tolleranza ma kinitx tapplika minħabba li l-perijodu ta’ ħames snin ma kienx skada, fit-tieni lok, li l-koeżistenza tat-trade marks inkwistjoni fl-Italja ma kinitx ġiet stabbilita u, fit-tielet lok, li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark preċedenti, minħabba, minn naħa, li l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks kienu identiċi jew simili u, min-naħa l-oħra, it-trade marks kunfliġġenti kienu simili fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali.

    It-talbiet tal-partijiet

    11. Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    – tiddikjara r-reġistrazzjoni tat-trade mark B. Antonio Basile 1952 bħala valida u effikaċi;

    – tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

    12. L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tiċħad ir-rikors;

    – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    13. Fis-seduta, l-ewwel rikorrenti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u ttieħed nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta. Bl-istess mod, it-tieni rikorrent, li ma kienx parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, irrinunzja għat-talbiet tiegħu fis-seduta tal-kawża kontra d-deċiżjoni kkontestata.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà ta’ argumenti u ta’ dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

    14. L-ewwel rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-kunjom Basile kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li t-trade mark ikkontestata tgawdi minn ċerta fama u reputazzjoni u ċ-ċaħda ta’ dan tkun “kuntrarja għat-tolleranza u għal bona fide , prinċipji ġenerali li għandhom jirregolaw kull relazzjoni ta’ negozju”.

    15. L-UASI ssostni li l-argumenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-kunjom Basile fl-Italja, dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide kif ukoll id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi Nri 7, 13, 14 u 15 għar-rikors ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk huma inammissibbli.

    16. Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, jappartjeni għall-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li teżamina l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti Ġenerali ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord tal-Appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, “Drie Mollen sinds 1818” vs L-UASI — Nabeiro Silveira (Galáxia), T-66/03, Ġabra p. II-1765, punt 45]. Fil-fatt, rikorrent ma jistax ibiddel quddiem il-Qorti Ġenerali t-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnu stess u minn l-intervenjent (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 43, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 122).

    17. F’dan il-każ, jirriżulta mill-eżami tal-proċess li l-argumenti li jikkonċernaw il-fatt li l-kunjom Basile kien suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi bħala trade mark, ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma tqajmux quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, jirriżulta mill-eżami tar-rikors li l-argument dwar ir-reġistrazzjonijiet numerużi tal-kunjom Basile huwa marbut mal-argument dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-imsemmi kunjom. Issa dan huwa intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti u kien ġie ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dan l-argument jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ aggravju li tqajjem fl-appell quddiem il-Bord tal-Appell li għandu jitqies li huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, Alcon vs UASI, punt 16 supra, punt 40). Madankollu, l-argumenti relatati mar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata u l-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide ma għandhom ebda rabta mat-termini tal-kwistjoni, tali li jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet li saru mill-ewwel rikorrenti u mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, dawn għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

    18. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-argument tal-ewwel rikorrenti fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata jista’ jiġi interpretat bħala intiż li jistabbilixxi karattru distintiv elevat tagħha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal jilgħab rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20). Għalhekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma hijiex parti mill-kwistjonijiet legali li għandhom neċessarjament jiġu eżaminati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tar-raġunijiet u tat-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Ladarba l-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata hija kwistjoni ta’ dritt li ma ġietx ippreżentata qabel quddiem l-istanzi tal-UASI u li ma teħtieġx li tiġi eżaminata sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl tar-raġunijiet u tal-argumenti ippreżentati mill-partijiet, hija ma tistax għalhekk taffetwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut, sa fejn din ma tifformax parti mill-kuntest ġuridiku tal-kwistjoni kif ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jitqies bħala inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI — Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 22].

    19. Għal dak li jikkonċerna l-annessi tar-rikors li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI — LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T-346/04, Ġabra, p. II-4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Fuq it-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda

    20. L-ewwel rikorrenti titlob l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, liema trade marks għandhom koeżistenza paċifika fl-Italja, u l-għarfien nazzjonali u internazzjonali tat-trade mark ikkontestata.

    21. L-UASI jqis li din it-talba ma hijiex iġġustifikata, għaliex, minn naħa, l-ewwel rikorrenti ma għamlitx argumenti fir-rigward tal-koeżistenza tal-imsemmija trade marks u tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta u, min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tal-persuni msejħa biex jagħtu xhieda ma ġewx speċifikati.

    22. Hawnhekk, għandu biss jiġi kkonstatat li l-ewwel rikorrenti ma qajmet ebda argument fis-sottomissjonijiet tagħha kontra l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jinsabu fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti fis-suq Taljan, skont liema ma kinitx stabbilita l-aċċettazzjoni tal-koeżistenza fis-suq Taljan tal-imsemmija trade marks min-naħa tal-intervenjenti, u lanqas, għalhekk, in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bħala konsegwenza tal-edukazzjoni ta’ dan, matul is-snin, li jipperċepixxi t-trade marks bħala sinjali distintivi ta’ negozji differenti. Huwa sempliċement talab, fir-rikors, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u li dawn it-trade marks kellhom koeżistenza paċifika fis-suq Taljan.

    23. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-ewwel rikorrenti ma ressqet fir-rikors ebda argument addizzjonali li jippermetti li jiġu kkontestati l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-koeżistenza ta’ trade marks kunfliġġenti, it-talba għall-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex tiġi stabbilita li din il-koeżistenza ma hijiex ġustifikata. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-ewwel rikorrenti ma tistax tippretendi li tissupplimenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-provi ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva sabiex tiġi stabbilita din il-koeżistenza. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 hawn fuq, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk, hemm lok li t-talba għall-ammissjoni tal-prova mix-xhieda mitluba mill-ewwel rikorrenti tiġi miċħuda.

    24. Din tal-aħħar titlob, barra minn hekk, l-ammissjoni tal-prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, l-użu ta’ mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni tat-trade mark ikkontestata fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fit-tieni lok, l-attivitajiet żviluppati mill-kumpannija tat-tieni rikorrent sa mill-1970 bl-użu ta’ trade marks differenti, b’mod partikolari t-trade mark ikkontestata mill-1998, u, fit-tielet lok, l-għarfien fuq is-suq nazzjonali u internazzjonali tal-prodotti li jġibu t-trade mark ikkontestata.

    25. Essenzjalment, jidher li t-talba għal prova permezz ta’ xhieda hija maħsuba biex tistabbilixxi r-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark ikkontestata. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 17 u 18 iktar ’il fuq, dan l-argument huwa inammissibbli u hemm lok, għalhekk, li din it-talba tiġi miċħuda.

    26. Anki jekk wieħed jassumi li l-ewwel rikorrenti kellha l-ħsieb, bit-talba tagħha għal prova permezz ta’ xhieda, li tistabbilixxi l-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq u, għalhekk, id-dekadenza minħabba tolleranza, hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda. Kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, l-użu rilevanti tat-trade mark ikkontestata fis-suq huwa dak wara r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Minħabba li għaddew inqas minn ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-talba għal prova permezz ta’ xhieda sabiex jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark ikkontestata fis-suq ma hijiex rilevanti.

    Fuq il-mertu

    27. L-ewwel rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009) u, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94

    28. L-ewwel rikorrenti sostniet li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin, ikkalkolat mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

    29. Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li ttollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata, bl-għarfien ta’ dan l-użu, ma jistax iktar jitlob dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha ma tkunx saret in mala fide .

    30. F’dan il-każ, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fis-27 ta’ April 2001 u l-intervenjenti ressqet it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-21 ta’ April 2006, jiġifieri inqas minn ħames snin wara d-data tar-reġistrazzjoni. Madankollu, l-ewwel rikorrenti tippretendi li d-data li minnha għandu jkun ikkalkolat it-terminu ta’ ħames snin hija dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-14 ta’ Jannar 2000.

    31. Skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ dekadenza minħabba tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni. Fl-ewwel lok, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, fit-tieni lok, jeħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret in bona fide mill-proprjetarju tagħha, fit-tielet lok, hija għandha tintuża fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti hija protetta u, fl-aħħar, fir-raba’ lok, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C-482/09, Ġabra p. I-8701, punti 54 u 56 sa 58).

    32. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, it-terminu ta’ dekadenza ma jibdiex jiddekorri mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja sussegwenti. Anki jekk din id-data tikkostitwixxi l-punt tat-tluq rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 40/94, bħall-Artikolu 51(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament [li saru l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009], li l-għan tagħhom huwa li tiġi stabbilita prijorità temporanja bejn trade marks kunfliġġenti, tali data ma tistabbilixxix il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, l-iskop tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jippenalizza lill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti li ttolleraw l-użu ta’ trade mark Komunitarja sussegwenti għal ħames snin konsekuttivi, meta kienu jafu b’dan l-użu, bit-telf tal-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tal-azzjoni ta’ oppożizzjoni għal din it-trade mark, li tkun tista’ għalhekk teżisti flimkien mat-trade mark preċedenti. Huwa minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti li huwa jkollu l-possibbiltà li ma jittollerax dan u, għalhekk, li jopponi jew jitlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti. Ma jistax jitqies li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ttollera l-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti ladarba kien jaf bl-użu tagħha, jekk huwa ma kienx f’pożizzjoni la li jopponi għall-użu tagħha u lanqas li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità (ara, b’analoġija, is-sentenza Budějovický Budvar, punt 31 iktar ’il fuq, punti 44 sa 50).

    33. Jirriżulta mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 40/94 li d-data rilevanti għall-kalkolu tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza hija dik tal-għarfien tal-użu ta’ din it-trade mark. Din id-data tista’ tkun biss wara dik tar-reġistrazzjoni tagħha, f’liema mument id-dritt tat-trade mark Komunitarja jinkiseb (ara l-premessa 7 tar-Regolament Nru 40/94) u din it-trade mark tintuża bħala trade mark irreġistrata fis-suq, biex b’hekk persuni oħra jkunu jistgħu jsiru jafu bl-użu tagħha. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, huwa mill-mument meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti kien jaf bl-użu tat-trade mark Komunitarja sussegwenti, wara li tkun ġiet irreġistrata, u mhux fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, li t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jibda jiddekorri.

    34. F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma pproduċiet ebda provi li jippermettu li jkun stabbilit il-mument minn meta l-intervenjenti kellha għarfien tal-użu tat-trade mark ikkontestata wara r-reġistrazzjoni tagħha. Hija sempliċement affermat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata għal iktar minn ħames snin fl-Italja u li l-intervenjenti kellha tkun taf dwar dan l-użu. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 30 iktar ’il fuq, inqas minn ħames snin għaddew bejn id-data ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata u d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-użu tat-trade mark qabel id-data tar-reġistrazzjoni huwa irrilevanti inkwantu din kienet għadha ma ġietx irreġistrata.

    35. Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94

    36. Essenzjalment, l-ewwel rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna, min-naħa waħda, l-eżistenza ta’ xebh fuq il-pjan viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile, li jinstab fiż-żewġ trade marks.

    37. Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    38. Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    39. F’dan il-każ, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax la d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u lanqas l-identità u xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, li għandhom barra minn hekk jiġu approvati.

    40. L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41. Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, bejn dawn it-trade marks ikun hemm minn tal-inqas ugwaljanza parzjali fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-aspetti rilevanti, jiġifieri l-aspett viżiv, dak fonetiku u dak kunċettwali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T-325/06, Ġabra p. II-0174, punt 89].

    42. L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, ix-xebh għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, u dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti ta’ trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 40 iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, Ġabra p. I-0114, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    43. F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-karattru distintiv tal-kunjom Basile u, fit-tieni lok, ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti.

    – Fuq il-karattru distintiv tal-kunjom Basile

    44. Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għall-inqas fl-Italja, il-konsumaturi kienu, ġeneralment, jattribwixxu iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade marks u kkonkluda fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kunjom Basile kellu karattru distintiv superjuri għal dak tal-isem Antonio.

    45. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-konsumatur Taljan jattribwixxi, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade mark inkwistjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI — Fusco International (ENZO FUSCO), T-185/03, Ġabra p. II-715, punt 54].

    46. Kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, din ir-regola, ibbażata fuq l-esperjenza, ma tistax tiġi applikata awtomatikament mingħajr ma jitqiesu l-karatteristiċi partikolari li jikkaratterizzaw il-każ [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI — Marcorossi (MARCOROSSI), T-97/05, Ġabra p. II-0054, punt 45]. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-kunjom inkwistjoni huwa rari jew, għall-kuntrarju, komuni ħafna, li jista’ jkollu effett fuq dan il-karattru distintiv kif ukoll jekk il-persuna li titlob li l-isem u l-kunjom tagħha, meħuda flimkien, jiġu rreġistrati bħala trade mark hijiex magħrufa sewwa, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2010, Becker vs Harman International Industries, C-51/09 P, Ġabra p. I-5805, punti 36 u 37).

    47. F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa waħda, li ma kienx ġie stabbilit li l-kunjom Basile kien popolari ħafna fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunjom ma kienx wieħed mill-iktar komuni f’dak it-territorju. L-ewwel rikorrenti tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet mingħajr, madankollu, ma pprovdiet prova sabiex tistabbilixxi l-kuntrarju. Sabiex tikkontesta l-karattru distintiv tal-imsemmi kunjom, hija tafferma, barra minn hekk, li dan kien is-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet numerużi. Madankollu, xejn fil-proċess ma jippermetti li dan il-fatt jiġi stabbilit, peress li l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ġew ikkunsidrati inammissibbli (ara punt 19 hawn fuq). Barra minn hekk, l-ewwel rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-isem Antonio, li jippreċedi l-kunjom Basile fit-trade mark ikkontestata, huwa komuni ħafna fl-Italja.

    48. Fit-tieni lok, minkejja l-affermazzjonijiet tagħha, l-ewwel rikorrenti ma pproduċietx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-isem Antonio u l-kunjom Basile, meħuda flimkien, jidentifikaw persuna li tgawdi mir-reputazzjoni, tal-inqas fl-Italja, u li fl-intier tagħha hija għalhekk tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala trade mark komposta minn isem u minn kunjom li jidentifikaw lil din il-persuna u mhux bħala l-kunjom Basile li miegħu xi elementi ġew miżjuda, speċifikament l-isem Antonio.

    49. Għalhekk, huwa korrett li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fit-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa iktar distintiv mill-isem Antonio.

    – Fuq ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti

    50. Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti, minn naħa, ippreżentaw ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku u, min-naħa l-oħra, kienu jixxiebhu fuq il-pjan kunċettwali fir-rigward tal-element tagħhom “basile”. F’dan ir-rigward, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv qawwi tal-imsemmi element, u l-fatt li, bħala kunjom, dan żamm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata (punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

    51. L-ewwel rikorrenti tqis li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti huwa baxx sa fejn, minn naħa, l-element komuni “basile” ma għandux karattru distintiv u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-istruttura, it-tul u l-elementi grafiċi tal-imsemmija trade marks huma differenti. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, fil-każ tat-trade mark ikkontestata, il-kunjom Basile huwa ppreċedut bl-ittra kapitali stilizzata “B”, li għandha karattru distintiv qawwi, u l-isem Antonio u huwa segwit bl-element “1952”, li jevoka data.

    52. Għandu jiġi kkonstatat li l-element “basile” jidher f’kull waħda mit-trade marks kunfliġġenti, li huwa l-uniku element tat-trade mark preċedenti u, kif jirriżulta mill-punt 49 iktar ’il fuq, li l-karattru distintiv tiegħu huwa iktar qawwi minn dak tal-element “antonio”, li jippreċedih fit-trade mark ikkontestata.

    53. Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “basile” ma jżommx, bħala kunjom, pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kunjom ma jżommx f’kull każ pożizzjoni distintiva awtonoma biss minħabba li huwa jiġi pperċepit bħala kunjom. Il-konstatazzjoni ta’ tali pożizzjoni tista’ tiġi bbażata biss fuq eżami tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ (sentenza Becker vs Harman International Industries, punt 46 supra, punt 38), dak li l-Bord tal-Appell ma għamilx f’dan il-każ.

    54. Madankollu, din l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell ma għandhiex tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.

    55. Għalhekk, hemm lok li jitqies li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku li jirriżulta mill-preżenza tal-element “basile”, li huwa, skont il-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontesta ta. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi marbuta mal-istruttura u t-tul differenti ta’ trade marks kunfliġġenti u maż-żieda tal-elementi grafiċi fit-trade mark kkontestata ma humiex biżżejjed sabiex tiġi skartata din il-konklużjoni.

    56. Fil-fatt, fuq il-pjan viżiv, l-ittra kapitali stilizzata “B”, segwita b’punt, li tikkorrispondi għall-bidu tal-kunjom Basile u mqiegħda fuq l-isem Antonio u l-kunjom Basile, kif ukoll l-element “1952”, imqiegħed taħt din il-frażi miktub b’ittri iżgħar, ma humiex elementi importanti biżżejjed sabiex jiġi skartat kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, maħluq mill-koinċidenza tal-element l-iktar karatteristiku tat-trade mark ikkontestata u tat-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T-137/05, Ġabra p. II-0047, punt 46]. Fil-fatt, anki jekk l-ittra kapitali stilizzata “B” hija daqs ikbar minn dak tal-elementi l-oħra tat-trade mark ikkontestata, hija ma tikkostitwixxix żieda sinjifikattiva għall-element “basile”, minħabba li din tikkorrispondi għall-inizjali tagħha jew għall-monogramm tagħha. Bl-istess mod, fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark ikkontestata u tad-daqs iżgħar tal-karattri tiegħu, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena, jokkupa pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata u ma jiġbidx l-attenzjoni tal-konsumaturi daqs l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark, mingħajr ma dan jimplika li dan l-element huwa negliġibbli.

    57. Il-fatt li l-element “basile” huwa ppreċedut mill-element “antonio” ma jannullax din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, minkejja li huwa ċertament veru li l-parti inizjali tat-trade marks tista’ tattira iktar l-attenzjoni tal-konsumatur mill-partijiet sussegwenti, dan l-argument ma jżommx fil-każijiet kollha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI — Audi (ALLTREK), T-158/05, Ġabra p. II-0049, punt 70]. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, Antonio huwa isem komuni ħafna fl-Italja u għalhekk għandu karattru distintiv iktar baxx mill-kunjom Basile. Għalhekk, minkejja l-pożizzjoni tiegħu fil-parti inizjali tat-trade mark ikkontestata, l-element “antonio” ma jistax jiġbed iktar attenzjoni mill-konsumatur milli l-element “basile”.

    58. Fuq il-pjan fonetiku, anki jekk it-trade mark ikkontestata, li tikkonsisti minn sitt sillabi “an”, “to”, “nio”, “ba”, “si” u “le” hija itwal mit-trade mark preċedenti, li tikkonsisti minn tliet sillabi “ba”, “si” u “le”, nofs is-sillabi tat-trade mark ikkontestata u dawk kollha tat-trade mark preċedenti, jiġifieri s-sillabi li jaqblu mal-kunjom Basile, huma identiċi. Kuntrarjament għal dak li l-ewwel rikorrenti tippretendi, id-differenzi bejn it-trade marks kunfliġġenti marbuta maż-żieda, fit-trade mark ikkontestata, tal-ittra kapitali “B” u tal-element “1952” mal-isem Antonio u mal-kunjom Basile ma jikkonfutawx l-eżistenza ta’ ċertu xebh fonetiku, peress li, minn naħa, fil-prinċipju, l-ittra kapitali “B”, waħidha, ma tiġix ippronunzjata mill-konsumaturi, li jarawha bħala l-inizjali jew il-monogramma tal-imsemmi kunjom, u peress li, min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, l-element “1952”, li jista’ jiġi pperċepit bħala sena mill-pubbliku rilevanti u li jieħu pożizzjoni sekondarja fit-trade mark ikkontestata, lanqas ma huwa, għalhekk, f’pożizzjoni li jiġi ppronunzjat mill-pubbliku rilevanti wara li jippronunzja l-frażi “antonio basile”. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt preċedenti, peress li huwa l-karattru distintiv l-iktar dgħajjef tagħha, il-fatt li l-element “antonio” tqiegħed quddiem l-element “basile” ma huwiex biżżejjed sabiex jinnewtralizza x-xebh eżistenti bejn iż-żewġ trade marks.

    59. Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta kkonkluda, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti kellhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u fonetiku.

    60. Fuq il-pjan kunċettwali, iż-żewġ trade marks kienu jikkonsistu mill-kunjom Taljan Basile sabiex jindikaw il-prodotti kkonċernati, mingħajr ma ż-żieda tal-isem Antonio fit-trade mark ikkontestata tista’ tbiddel din il-konklużjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala li hija marbuta ma’ persuna li għandha dan il-kunjom. Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ trade marks kienu simili mil-lat kunċettwali.

    61. Minn dan kollu premess jirriżulta li t-trade marks kunfliġġenti għandhom ċertu xebh fuq il-pjan viżiv u l-pjan fonetiku u li huma simili fuq il-pjan kunċettwali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, hemm lok għalhekk li jiġi konkluż li t-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

    – Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    62. L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza Canon, punt 18 supra, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et ), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, Ġabra p. II-5409, punt 74].

    63. Kif intqal fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-identità u l-analoġija tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma humiex ikkontestati. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 61 hawn fuq, it-trade marks kunfliġġenti jixxiebhu.

    64. Għalhekk, kien korrett il-Bord tal-Appell meta qies, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

    65. Madankollu, l-ewwel rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, bl-analiżi, b’mod partikolari, tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata miksub permezz tal-użu. Bl-istess mod, jidher li hija qiegħda ssostni li l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti ma twettqitx.

    66. Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-punti 26 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell eżamina bir-reqqa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dan ippermetta lill-ewwel rikorrenti li tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi tippreżenta l-argumenti eżaminati iktar ’il fuq.

    67. Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argument dwar l-analiżi tal-kisba mit-trade kkontestata ta’ karattru distintiv bl-użu, għandu jitfakkar li, minkejja li dan għandu rwol fir-rigward ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut jew ta’ raġuni assoluta ta’ invalidità, dan ma huwiex, madankollu, rilevanti fil-kuntest ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut jew ta’ raġuni relattiva ta’ invalidità, bħal f’dan il-każ fil-kuntest tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Anki jekk, b’dan l-argument, l-ewwel rikorrenti riedet issostni r-reputazzjoni jew il-karattru distintiv miksub mit-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-karattru distintiv elevat ta’ sinjal għandu rwol fir-rigward tat-trade mark preċedenti u mhux fir-rigward tat-trade mark sussegwenti (ara, b’analogija, is-sentenzi SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 24; Canon, punt 18 iktar ’il fuq, punt 18, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 18 iktar ’il fuq, punt 20).

    68. Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti, sakemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ġiet evalwata fir-rigward tat-trade mark preċedenti, l-evalwazzjoni tal-prova tal-użu tar-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti kif ukoll l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tas-sinjal inkwistjoni ma humiex rilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2004, Metro-Goldwyn-Mayer Lion vs UASI — Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T-342/02, Ġabra p. II-3191, punt 48].

    69. Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta ddeċieda li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    70. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ewwel rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

    71. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ ta’ rinunzja għall-atti, fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Għalhekk, it-tieni rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1) Fil-Kawża T-133/09, l-isem tat-tieni rikorrent, Antonio Basile, huwa mħassar mil-lista tar-rikorrenti.

    2) Ir-rikors huwa miċħud.

    3) I Marchi Italiani Srl hija kkundannata għall-ispejjeż, minbarra dawk marbuta mar-rinunzja għall-atti.

    4) A. Basile għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Top