Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CO0457

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-1 ta' Marzu 2011.
    Claude Chartry vs Stat Belġjan.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de première instance de Liège - il-Belġju.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 234 KE - Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Neċessità ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni - Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-457/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:101

    Kawża C-457/09

    Claude Chartry

    vs

    État belge

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

    mit-Tribunal de première instance de Liège)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 234 KE — Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Neċessità ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Sommarju tad-digriet

    1.        Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferma n-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali nazzjonali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità — Inammissibbiltà — Kundizzjoni

    (Artikolu 234 KE)

    2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni — Suġġett tal-kawża nazzjonali li ma għandu l-ebda element ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    (Artikolu 234 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

    1.        L-Artikolu 234 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali, sa fejn in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura jkollha l-konsegwenza li żżomm, kemm qabel it-trażmissjoni ta’ domanda preliminari ta’ kostituzzjonalità lill-qorti nazzjonali li hija inkarigata li teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti dwar l-imsemmija domanda, lill-qrati nazzjonali l-oħra kollha milli jeżerċitaw il-fakultà tagħhom jew li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    (ara l-punt 20)

    2.        Meta tintalab tieħu konjizzjoni tal-kawża skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss.

    L-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-limitazzjoni ma ġietx emendata bid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona, li bih, minn dakinhar, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) UE, il-Karta għandha l-istess saħħa legali li għandhom it-Trattati. Dan l-artikolu fil-fatt jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jestendu bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.

    Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) UE, fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, ma hijiex stabbilita, meta d-deċiżjoni tar-rinviju ma tkun tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża prinċipali għandu rabta mad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 21, 23-26)







    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    1 ta’ Marzu 2011(*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 234 KE – Eżami tal-konformità ta’ liġi nazzjonali kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-Kostituzzjoni nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-natura prijoritarja ta’ proċedura inċidentali ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Neċessità ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C-457/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

    Claude Chartry

    vs

    État belge,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J.‑J. Kasel, President tal-Awla, M. Ilešič u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 UE, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll tal-Artikolu 234 KE.

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Chartry u l-Istat Belġjan, dwar il-qasam tat-taxxa.

     Il-kuntest ġuridiku

    3        L-Artikolu 26 tal-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Cour d’arbitrage (Moniteur belge tas-7 ta’ Jannar 1989), kif emendat, b’mod partikolari, permezz tal-liġi speċjali tat-12 ta’ Lulju 2009 (Moniteur Belge tal-31 ta’ Lulju 2009), jipprovdi:

    “(1) Il-Cour d’arbitrage jiddeċiedi b’mod preliminari, permezz ta’ sentenza, dwar kwistjonijiet ta’:

    [...]

    (iii) ksur minn liġi, digriet jew regola msemmija fl-Artikolu 134 tal-Kostituzzjoni, tal-Artikoli li jinsabu fit-Titolu II “Dwar il-Belġjani u d-drittijiet tagħhom”, u tal-Artikoli 170, 172 u 191 tal-Kostituzzjoni,

    [...]

    (2) Meta tali kwistjoni titqajjem quddiem qorti, hija għandha titlob lill-Cour d’arbitrage tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

    Madankollu, il-qorti ma hijiex marbuta:

    [...]

    (ii) Meta l-Cour d’arbitrage tkun digà ddeċidiet dwar kwistjoni jew rikors li jkollhom l-istess suġġett.

    [...]

    (4) Meta jiġi invokat quddiem qorti li liġi, digriet jew regola msemmija fl-Artikolu 134 tal-Kostituzzjoni tikser kompletament jew parzjalment dritt fundamentali ggarantit, li jikkorrispondi ma’ dispożizzjoni tat-Titolu II tal-Kostituzzjoni kif ukoll ma’ dispożizzjoni tad-dritt Ewropew jew tad-dritt internazzjonali, din il-qorti għandha, l-ewwel nett, tressaq domanda preliminari dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjoni tat-Titolu II tal-Kostituzzjoni quddiem il-Cour d’arbitrage

    B’deroga mill-paragrafu 1, l-obbligu li titressaq domanda preliminari quddiem il-Cour d’arbitrage ma japplikax:

    (i) fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3;

    [...]”

    4        L-Artikolu 28 tal-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989, dwar il-Cour d’arbitrage, jipprovdi:

    “Il-qorti li tkun ressqet id-domanda preliminari, kif ukoll kwalunkwe qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fl-istess kawża hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża li fiha jkunu tressqu l-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26, li tikkonforma ruħha mas-sentenza mogħtija mill-Cour d’arbitrage”.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

    5        C. Chartry, domiċiljat fil-Belġju, ħadem bħala informatur għal kumpannija stabbilita fil-Belġju, li tispeċjalizza fid-difiża tal-assigurati.

    6        Wara li sar kontroll, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana aġġustat id-dħul iddikjarat minn C. Chartry għas-snin bażi 1994, 1995 u 1996 u reġgħet ikkalkolat l-ammont ta’ taxxa dovuta minn C. Chartry għal dawn is-snin. It-taxxa addizzjonali għas-sena bażi 1994 kellha titħallas sat-18 ta’ Frar 1997, dik għas-sena bażi 1995 kellha titħallas sat-18 ta’ Settembru 1997 u dik għas-sena bażi 1996 kellha titħallas sal-25 ta’ Awwissu 1997.

    7        Fil-11 ta’ Frar u fid-9 ta’ Ottubru 1997, C. Chartry ppreżenta lmenti kontra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawn it-taxxi addizzjonali.

    8        Fit-30 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru 2001, C. Chartry ġie nnotifikat b’ordnijiet li jinterrompu l-preskrizzjoni.

    9        L-ilmenti ta’ C. Chartry ġew, fil-parti l-kbira tagħhom, miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali tas-17 ta’ Ottubru 2007.

    10      Fis-17 ta’ Jannar 2008, C. Chartry beda proċeduri quddiem it-Tribunal de première instance de Liège (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Liège). Huwa jsostni li, skont il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, it-taxxi diretti jiġu preskritti wara ħames snin mid-data ffissata għall-ħlas tagħhom u li qatt ma kien hemm att li jinterrompi l-preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 2244 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan matul il-ħames snin li jsegwu d-data ffissata għall-ħlas tat-taxxa addizzjonali mitluba mingħandu. Fir-rigward taż-żewġ ordnijiet li ġie nnotifikat bihom fl-2001, huwa jinvoka ġurisprudenza tal-Cour de cassation belge li tgħid li notifika ta’ ordni fir-rigward ta’ tali taxxa kkontestata ma għandhiex effett li tinterrompi l-preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 2244 tal-imsemmi Kodiċi Ċivili.

    11      B’risposta, l-Istat Belġjan jistqarr li, bis-saħħa tal-Artikolu 49 tal-Liġi Qafas tad-9 ta’ Lulju 2004 (Moniteur belge tal-15 ta’ Lulju 2004), anki jekk it-taxxa dovuta tiġi kkontestata, ordni għandha tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi att li jinterrompi l-preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 2244 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

    12      Il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz tas-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2005 u tal-1 ta’ Frar 2006, il-Cour d’arbitrage ddeċidiet li l-Artikolu 49 tal-Liġi Qafas tad-9 ta’ Lulju 2004 għandu effett retroattiv li jippreġudika garanziji ġudizzjarji li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini, iżda li dan huwa ġġustifikat minn ċirkustanzi eċċezzjonali u li huwa ddettat minn motivi imperattivi ta’ interess ġenerali.

    13      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 49 tal-Liġi Qafas tad-9 ta’ Lulju 1994, minħabba n-natura retroattiva tiegħu, jikkostitwixxi intervent tal-leġiżlatur matul proċedura legali, li fil-każ partikolari ta’ C. Chartry, ma huwiex ġustifikat b’bilanċ ġust bejn l-eżiġenzi tal-interess ġenerali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-interessat.

    14      Il-qorti tar-rinviju madankollu tikkunsidra li hija ma tistax tasal għal xi konklużjonijiet minn din il-konstatazzjoni minħabba l-Artikolu 26 tal-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Cour d’arbitrage, li, bħala regola, jobbliga lill-qorti li quddiemha jiġi invokat meta regola tikser dritt fundamentali ggarantit kemm minn dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni Belġjana u minn dispożizzjoni tad-Dritt Ewropew jew tad-dritt internazzjonali sabiex l-ewwel nett tressaq quddiem il-Cour d’arbitrage domanda preliminari dwar il-kostituzzjonalità tar-regola inkwistjoni. Ċertament, skont l-inċiż 1 tas-subparagrafu 2 tal-paragrafu 4 u l-inċiż 2 tas- subparagrafu 2 tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, dan l-obbligu ma huwiex impost fuqha, peress li l-Cour d’arbitrage diġà affermat, f’żewġ okkażjonijiet, il-konformità tal-Artikolu 49 tal-Liġi Qafas tad-9 ta’ Lulju 2004 mal-Kostituzzjoni Belġjana. Dawn id-deċiżjonijiet tal-Cour d’arbitrage madankollu ma jħalluhiex teżerċita stħarriġ speċifiku, individwalizzat għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ li jkollha quddiemha.

    15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de première instance de Liège ddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 6 [UE] kif ukoll l-Artikolu 234 [KE] jipprekludu liġi nazzjonali, bħalma hija dik tat-12 ta’ Lulju 2009 li temenda l-Artikolu 26 tal-liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Cour d’arbitrage, li timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li b’mod preliminari tadixxi lill-qorti kostituzzjonali meta tikkonstata li ċittadin taxxabbli jkun mċaħħad mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”], integrati fid-dritt Komunitarju permezz ta’ liġi nazzjonali oħra, jiġifieri l-Artikolu 49 tal-Liġi Qafas tad-9 ta’ Lulju 2004, mingħajr ma din il-qorti tkun tista’ tiżgura immedjatament l-applikabbiltà diretta tad-dritt Komunitarju fil-kawża li jkollha quddiemha u mingħajr ma din tkun tista’ tistħarreġ il-kompatibbiltà meta l-qorti kostituzzjonali tkun irrikonoxxiet il-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mit-Titolu II tal-Kostituzzjoni?”

     Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    16      Il-gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni Europea, li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula.

    17      Għandu jsir, sabiex tiġi vverifikata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżami tas-suġġett tad-domanda magħmula.

    18      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk l-Artikolu 234 KE jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li, minn naħa, timponi fuq il-qrati ta’ dak l-Istat Membru li jagħmlu domanda preliminari, l-ewwel nett, lill-qorti nazzjonali li hija inkarigata li teżerċita stħarriġ fuq il-kostituzzjonalità tal-liġijiet, dwar kwistjoni fuq il-konformità ta’ dispożizzjoni ta’ liġi interna ma’ dritt fundamentali ggarantit permezz tal-Kostituzzjoni fejn ikun il-każ, u fl-istess ħin, l-inkompatibbiltà totali jew parzjali ta’ din id-dispożizzjoni ma’ dritt fundamentali ggarantit permezz tad-dritt tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra, torbot lill-qrati tal-imsemmi Stat Membru fir-rigward tal-evalwazzjoni fil-liġi mill-qorti nazzjonali inkarigata li teżerċita stħarriġ fuq il-kostituzzjonalità tal-liġijiet.

    19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi żgurata s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, it-tħaddim tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit bl-Artikolu 234 KE jitlob li l-qorti nazzjonali tkun libera li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri li hija tqis li huwa xieraq, kwalunkwe domanda li jidhrilha li hija meħtieġa (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-118/10 u C-189/10, Ġabra p. I‑0000, punt 52).

    20      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 234 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi proċedura inċidentali ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet nazzjonali, sa fejn in-natura prijoritarja ta’ din il-proċedura jkollha l-konsegwenza li żżomm, kemm qabel it-trażmissjoni ta’ domanda preliminari ta’ kostituzzjonalità lill-qorti nazzjonali li hija inkarigata li teżerċita l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, wara d-deċiżjoni ta’ din il-qorti dwar l-imsemmija domanda, lill-qrati nazzjonali l-oħra kollha milli jeżerċitaw il-fakultà tagħhom jew li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    21      Madankollu, għandu xorta waħda jitfakkar li, meta tintalab tieħu konjizzjoni ta’ kawża skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE, kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tas-16 ta’ Jannar 2008, Polier C-361/07, punt 9, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2010, Asparuhov Estov et, C-339/10, Ġabra p. I‑0000, punt 11).

    22      Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn jorbtu lill-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn huma jintalbu japplikaw id-dritt tal-Unjoni (ara d-digriet Asparuhov Estov et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 13).

    23      Bl-istess mod, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati “lill-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni”.

    24      Barra minn hekk, din il-limitazzjoni ma ġietx emendata bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, li bih, minn dakinhar, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) UE l-ġdid, il-Karta għandha l-istess saħħa legali li għandhom it-Trattati. Dan l-artikolu fil-fatt jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jestendu bl-ebda mod il-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.

    25      Issa, jekk id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit bl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punti 177 u 178), u li ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-suġġett tal-kawża prinċipali għandu rabta mad-dritt tal-Unjoni. Il-kawża prinċipali, li tirrigwarda ċittadin Belġjan kontra l-Istat Belġjan dwar l-intaxxar fuq attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ma għandu l-ebda element ta’ rabta ma’ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi jew tal-kapital. Barra minn hekk, l-imsemmija kawża ma tirrigwardax l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li bihom l-Istat Membru kkonċernat qed jimplementa d-dritt tal-Unjoni.

    26      Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti ma hijiex stabbilita.

    27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba mressqa mit-Tribunal de première instance de Liège.

     Fuq l-ispejjeż

    28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tordna:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba mressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Belġju).

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top