EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0550

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Ġunju 2010.
Proċedura kriminali kontra E u F.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu - Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK - Regolament (KE) Nru 2580/2001 - Artikoli 2 u 3 - Inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi - Trasferiment, minn membri ta’ din l-organizzazzjoni lil din tal-aħħar, ta’ fondi li ġejjin minn atttivitajiet ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet u ta’ bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet.
Kawża C-550/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-06213

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:382

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikoli 2 u 3 – Inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Trasferiment, minn membri ta’ din l-organizzazzjoni lil din tal-aħħar, ta’ fondi li ġejjin minn attivitajiet ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet u ta’ bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet”

Fil-Kawża C-550/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2009, fil-proċeduri kriminali kontra

E,

F,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.-C. Bonichot, MP. Lindh u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 2010 li din il‑kawża ssir bil-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn V. Homann u K. Lohse, bħala aġenti,

–        għal E, minn F. Hess u A. Nagler, Rechtsanwälte,

–        għal F, minn B. Eder u A. Pues, Rechtsanwältinnen,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u L. Butel, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Z. Kupcova, E. Finnegan u R. Szostak, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, l-ewwel nett, il-validità tal‑inklużjoni tal-organizzazzjoni Devrimci Halk Kurtulus Partisi-Cephesi (DHKP-C) fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), u t-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra E u F (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“akkużati”) li bħalissa jinsabu taħt arrest preventiv fil‑Ġermanja, u li qed jiġu akkużati b’allegata sħubija fi grupp terroristiku barrani u bi ksur tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York, f’Washington u f’Pennsylvanie, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fit-28 ta’ Settembru 2001, adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001).

4        Il-preambolu ta’ din ir-riżoluzzjoni jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa tal-ġlieda bil‑mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu”. Huwa jenfasizza wkoll l-obbligu tal-Istati illi “jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni fit-territorju tagħhom, b’kull mezz leċitu, tal-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kull ta’ terroriżmu”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont il-punt 1 ta’l-imsemmija riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti:

Jiddeċiedi illi l-Istati kollha għandhom:

a) jipprevjenu u jrażżnu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi;

b) jistabbilixxu bħala reat il-provvista jew il-ġbir deliberatament, minn ċittadini tagħhom jew fuq it-territorju tagħhom, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, ta’ fondi maħsuba sabiex jintużaw jew li hu magħruf li se jintużaw sabiex jiġu kommessi atti terroristiċi;

[…]

d) jipprojbixxu liċ-ċittadini tagħhom jew lil kull persuna jew entità oħra li tinsab fit-territorju tagħhom milli jpoġġu fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi jew servizzi oħra relatati, għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni li jikkommettu jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jiffaċilitaw jew jipparteċipaw fit-twettiq ta’ atti terroristiċi, ta’ entitajiet li jappartjenu jew li huma kkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom, u ta’ persuni u ta’ entitajiet li jaġixxu għan-nom ta’ jew fuq struzzjonijiet ta’ dawn il-persuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Pożizzjonijiet Komuni 2001/931/PESK u 2002/340/PESK

6        Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

7        Skont l-ewwel, it-tieni u l-ħames premessi tal-imsemmija pożizzjoni komuni:

“(1)      Fil-laqgħa straordinarja tal-21 Settembru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li t-terroriżmu huwa sfida reali għad-dinja u għall-Ewropa u li l-ġlieda kontra terroriżmu se tkun prijorità ta’ l-Unjoni Ewropea.

(2)      Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta Riżoluzzjoni 1373(2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat‑terroriżmu.

[…]

(5)      L-Unjoni Ewropea għandha tieħu aktar miżuri biex timplimenta r‑Riżoluzzjoni tal-UNSC 1373(2001).”

8        L-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet li ġejjin:

“1.      Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem [tapplika] flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni [għall-persuni], gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

2.      Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, ‘persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi’ għandha tfisser:

–        il-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi jew jipparteċipaw jew, jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi,

–        gruppi u entitajiet ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitajiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitajiet assoċjati.

3.      Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:

[…]

iii)      tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

[…]

k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l‑forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

[…]

4.      Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti […]

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

9        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija pożizzjoni komuni, “[i]l-Komunità Ewropea, li taġixxa fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewrope għandha tassigura li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi u entitajiet elenkati fl-Anness.”

10      Din l-istess pożizzjoni komuni tinkludi anness li fih “[l]-ewwel lista tal-persuni, gruppi u entitajiet msejħa fl-Artikolu 1 [...]”. Id-DHKP-C ma tidhirx fuq din il‑lista.

11      Il-kontenut ta’ dan l-anness ġie emendat bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK, tat-2 ta’ Mejju 2002, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 116, p. 75).

12      Fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2002/340, fil-punt 19 tat-Taqsima 2 imsejħa “Gruppi u entitajiet” tissemma l-“Armata/Il-Front/Il-Partit Rivoluzzjonarju għal‑Liberazzjoni tal-Poplu (DHKP/C), [Devrimci Sol (Xellug Rivoluzzjonarju), Dev Sol]”. Din l-organizzazzjoni nżammet fil-lista prevista fl-Artikolu 1(6) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931 permezz ta’ pożizzjonijiet komuni sussegwenti tal-Kunsill u, reċentement, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1004/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l‑applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 346, p. 58).

 Ir-Regolament Nru 2580/2001

13      Skont it-tieni sal-ħames premessi tar-Regolament Nru 2580/2001:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew iddikjara li, li jiġi miġġieled l-iffinanzjar tat-terroriżmu huwa aspett deċisiv tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u sejjaħ lill-Kunsill biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jiġġieled kull forma ta’ ffinanzjar għal attivitajiet terroristiċi.

(3)      Fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1373(2001), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda fit-28 ta’ Settembru 2001 li l-Istati kollha għandhom jimplimentaw friża tal-fondi u ta’ assi finanzjarji jew risorsi ekonomiċi oħra kontra persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, atti terroristiċi jew li jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti ta’ din ix-xorta.

(4)      Minbarra dan, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li miżuri għandhom jittieħdu biex jiġi pprojbit li fondi u assi finanzjarji jew risorsi ekonomiċi oħra jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew għall-benefiċċju ta’ persuni bħal dawn, u biex jipprojbixxu li servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati jingħataw għall-benefiċċju ta’ persuni bħal dawn.

(5)      Azzjoni mill-Komunità hija neċessarja sabiex jiġu implimentati l-aspetti tal-PESK tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK.”

14      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprovi illi, “[g]ħall-għan ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1)      ‘Fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra’ tfisser assi ta’ kull xorta, sew tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, akkwistati kif akkwistati […]

[…]

4)      Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ ‘att terroristiku’ għandha tkun dik li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK;

[…]”

15      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2580/2001 jistipula:

“1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3;

[…]

3.       Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK. […]”

16      Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2580/2001 “[i]l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonalment, f’attivitajiet, li l-oġġett jew effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li taħrab mill-Artikolu 2”.

17      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprovdi illi: “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta d‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jinkisru”.

 Id-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001

18      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2001, li tistabbilixxi l‑lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83) adottat l-ewwel lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika l‑imsemmi regolament. Id-DHKP-C ma tidhirx fuq din l-ewwel lista.

19      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/334/KE, tat-2 ta’ Mejju 2002, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927 (ĠU L 116, p. 33) fl-Artikolu 1 tagħha, ipprovdiet, għall-ewwel darba, il-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika l-imsemmi regolament. F’din il-lista mogħtija, fil-punt 10 tat-Taqsima 2 imsejħa “Gruppi u entitajiet” hemm l-“Armata/Il-Front/Il-Partit Rivoluzzjonarju għal-Liberazzjoni tal-Poplu (DHKP/C), [Devrimci Sol (Xellug Rivoluzzjonarju), Dev Sol]”.

20      L-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 inżammet permezz tad-dispożizzjonijiet sussegwenti li ġejjin:

–        il-punt 18 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2002/460/KE, tas-17 ta’ Ġunju 2002, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2002/334 (ĠU L 160, p. 26);

–        il-punt 19 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2002/848/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2002, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2002/460 (ĠU L 295, p. 12);

–        il-punt 20 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2002/974/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2002, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2002/848 (ĠU L 337, p. 85);

–        il-punt 20 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2003/480/KE, tas-27 ta’ Ġunju 2003, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2002/974 (ĠU L 160, p. 81);

–        il-punt 20 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2003/646/KE, tat-12 ta’ Settembru 2003, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2003/480 (ĠU L 229, p. 22);

–        il-punt 21 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2003/902/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2003/646 (ĠU L 340, p. 63);

–        il-punt 22 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2004/306/KE, tat-2 ta’ April 2004, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/902 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 98);

–        il-punt 23 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2005/221/PESK, tal-14 ta’ Marzu 2005, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2004/306 (ĠU L 159 M, p. 233);

–        il-punt 22 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2005/428/PESK, tas-6 ta’ Ġunju 2005, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2005/221 (ĠU L 164 M, p. 118);

–        il-punt 22 tat-Taqsima 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/772/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2005, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/428 (ĠU L 173 M, p. 14);

–        il-punt 23 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2005/848/KE, tad-29 ta’ Novembru 2005, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2005/722 (ĠU L 175 M, p. 107);

–        il-punt 24 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2005/930/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2005/848 (ĠU L 175 M, p. 291), u

–        il-punt 24 tat-Taqsima 2 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2006/379/KE, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l‑Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2005/930 (ĠU L 144 M, p. 21).

21      Skont it-tielet punt tal-motivi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379 u 2006/1008 (ĠU L 169, p. 58), il-Kunsill pprovda lil kull persuna, kull grupp u kull entità li għalihom dan kien possibbli fil‑prattika b’dikjarazzjoni ta’ raġunijiet li għalihom huma ġew elenkati, b’mod partikolari, fil-lista li tinsab fid-Deċiżjoni 2006/379.

22      Kif jirriżulta mir-raba’ sas-sitt raġunijiet tad-Deċiżjoni 2007/445, il-Kunsill, permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ April 2007 (ĠU C 90, p. 1), informa lil dawn il-persuni, gruppi u entitajiet bl‑intenzjoni tiegħu li jżommhom fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll dwar il-possibbiltà li jitolbuh, jekk ikun il-każ, aċċess għad-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet. Wara reviżjoni kompleta ta’ din il‑lista, wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lilu, huwa kkonkluda illi l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness tad‑Deċiżjoni 2007/445 kienu involuti f’atti terroristiċi skont l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, li ttieħdet deċiżjoni fir-rigward tagħhom minn awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 1(4) ta’ din l-istess pożizzjoni komuni, u li huma għandhom ikomplu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fir-Regolament Nru 2580/2001.

23      Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/445, “[d]in id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea”. Din il-pubblikazzjoni saret fid-29 ta’ Ġunju 2007.

24      Fil-lista li tinsab fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni, li, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2 tagħha, tissostitwixxi, b’mod partikolari, il-lista li tinsab fid-Deċiżjoni 2006/379, id-DHKP-C tinsab fil-punt 26 tat-Taqsima 2 imsejħa “Gruppi u entitajiet”.

25      Din l-organizzazzjoni nżammet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 permezz ta’ deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kunsill, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id‑Deċiżjoni 2007/445 (ĠU L 340, p. 100), u d-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/868 (ĠU L 188, p. 21).

 Id-dritt nazzjonali

26      Il-ksur ta’ atti tal-Unjoni bħar-Regolament Nru 2580/2001 huma suġġetti għal sanzjonijiet kriminali skont l-Artikolu 34(4) tal-Liġi dwar il-Kummerċ Barrani (Außenwirtschaftsgesetz, iktar ’il quddiem l-“AWG”), kemm fil-verżjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1850) kif ukoll f’dik tas-26 ta’ Ġunju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1386).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Il-proċedura kriminali li tirrigwarda lill-akkużati hija bbażata fuq att ta’ akkuża tal-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (iktar ’il quddiem il‑“Generalbundesanwalt”), tas-6 ta’ Ottubru 2009, li biha qed jiġu akkużati illi, mit-30 ta’ Awwissu 2002 sal-5 ta’ Novembru 2008, id-data tal-arrest tagħhom, kienu membri tad-DHKP-C, li l-għan tagħha huwa, skont din l-akkuża, li twaqqa’ s-sistema statali fit-Turkija permezz ta’ ġlied armat.

28      Skont l-att tal-akkuża, matul il-perijodu kollu tas-sħubija tagħhom fid-DHKP-C, l‑akkużati, li huma akkużati illi mexxew s-subdiviżjonijiet ġeografiċi (“Bölge”) ta’ din l-organizzazzjoni fil-Ġermanja, b’konnessjoni mal-funzjoni prinċipali tagħhom li kienet li jipprovdu fondi, organizzaw kampanji annwali ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet għal din l-organizzazzjoni u bagħtu l-fondi miġbura lill-ogħla awtoritajiet tal-organizzazzjoni. Barra minn hekk, huma kellhom rwol importanti fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u fil-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet bil-għan li jinġabru fondi għad-DHKP-C u bagħtu dawn il-fondi lill-organizzazzjoni. Huma kienu jafu illi l-fondi hekk miġbura kienu intenzjonati, tallinqas parzjalment, sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi tad-DHKP-C.

29      Matul il-perijodu msemmi fl-att tal-akkuża, wieħed mill-akkużati kien ġabar u bagħat lid-DHKP-C tallinqas EUR 215 809 u l-ieħor, tallinqas, EUR 105 051.

30      Ikkonfrontata b’dubji dwar il-validità tal-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament, l‑Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-inklużjoni f’lista, abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill [...] Nru 2580/2001 [...] ta’ organizzazzjoni li ma ppreżentatx rikors kontra d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha, għandha tiġi kkunsidrata, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-proċedura emendata li tirriżulta mid-Deċiżjoni [...] 2007/445 [...] li hija effettiva (‘wirksam’) mill-bidu nett anki fil-każ fejn l-inklużjoni fil-lista ssir bi ksur tal-garanziji proċedurali bażiċi?

2)      L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill [...] Nru 2580/2001 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jkun hemm disponibbiltà, jew involviment fid-disponibbiltà ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi lill-persuni ġuridiċi, gruppi jew entitajiet inklużi fil-lista li tinsab fl‑Artikolu 2(3) ta’ dan l-istess regolament, jew parteċipazzjoni fl-attivitajiet li għandhom bħala għan il-ksur tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, anki fil‑każ fejn il-fornitur stess huwa membru tal-persuna ġuridika, tal-grupp jew tal-entità inkwistjoni?

3)      L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill [...] Nru 2580/2001, [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jista’ jkun hemm disponibbiltà, jew involviment fid-disponibbiltà ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi lill-persuni ġuridiċi, gruppi jew entitajiet inklużi fil-lista li tinsab fl‑Artikolu 2(3) ta’ dan l-istess regolament, jew parteċipazzjoni fl-attivitajiet li għandhom bħala għan il-ksur tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, anki fil‑każ fejn l-assi finanzjarji intiżi għall-persuna ġuridika, għall-grupp jew għall-entità inkwistjoni, huma diġà aċċessibbli (anki indirettament) minnu jew minnha?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet innotifikata lill-partijiet ikkonċernati fl‑1 ta’ Frar 2010, u huma ngħataw terminu għall-preżentata ta’ nota ta’ osservazzjonijiet, li kien jiskadi bejn il-15 u l-21 ta’ April 2010. Meta saret din in‑notifika, il-qorti tar-rinviju u dawn il-partijiet ġew informati bid-deċiżjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja illi tagħti prijorità lil din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

32      Permezz ta’ att separat tal-5 ta’ Frar 2010, u li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-11 ta’ Frar ta’ wara, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex din it-talba għal deċiżjoni preliminari tinstema’ bil-proċedura mħaffa. Insostenn tat-talba tagħha, hija indikat illi, permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Jannar 2010, hija kienet bdiet il‑proċedura kriminali kontra l-akkużati u ffissat seduti għall-perijodu bejn il-11 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu 2010. Hija sostniet illi, fid-dawl tat-tul prevedibbli ta’ din il-proċedura kriminali u tal-importanza tad‑domandi preliminari għall-kawża prinċipali, deċiżjoni dwar dawn id‑domandi hija kwistjoni ta’ urġenza straordinarja.

33      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Marzu 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda illi japplika l-proċedura mħaffa għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34      L-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija kkontestata peress illi hija eċċepita l-allegata kompożizzjoni irregolari tal-awla tal-qorti tar-rinviju li ressqet din it-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi, peress illi deċiżjoni tar-rinviju ġejja minn qorti, skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE, bħala regola, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja illi għandha tivverifika jekk din id-deċiżjoni ttieħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u proċedura legali.

36      Minn dan jirriżulta illi t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

37      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-inklużjoni fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 tad-DHKP-C, li din tal-aħħar ma kkontestatx ġudizzjarjament, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala effettiva mill-bidu nett minkejja illi din l-inklużjoni, fil-bidu nett, kienet saret bi ksur tal-garanziji proċedurali bażiċi.

38      Mill-indikazzjonijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta illi, fost dawn il‑garanziji, il-qorti tar-rinviju, issemmi, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni stipulat fl-Artikolu 296 TFUE. Id-dubji li hija għandha, fid-dawl tal‑eċċezzjonijiet issollevati mill-akkużati, dwar il-validità tal-imsemmija inklużjoni fir-rigward ta’ dan l-obbligu, jirriżultaw mis-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali annullat l-inklużjoni ta’ diversi persuni, ta’ gruppi jew ta’ entitajiet fl-imsemmija lista minħabba l-fatt, b’mod partikolari, illi l-Kunsill, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ma kienx ta r-raġunijiet ta’ dawn l-inklużjonijiet differenti u li għalhekk stħarriġ ġudizzjarju dwar il-mertu kien impossibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665; tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03; Al-Aqsa vs Il-Kunsill, T‑327/03; tat-3 ta’ April 2008, PKK vs Il-Kunsill, T-229/02, u Kongra-Gel et vs Il-Kunsill, T-253/04).

39      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-fatt illi d-DHKP-C ma talbitx l-annullament tal-inklużjoni tagħha fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, hemmx lok illi jiġi konkluż, għall-istess raġunijiet, illi d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, inkwantu inkludew, imbagħad żammew, lil din l-organizzazzjoni fuq din il-lista, huma invalidi.

40      Hija sussegwentement tistaqsi dwar l-effett tad-Deċiżjoni 2007/445, fid-dawl tal‑allegazzjoni, li tinsab fl-att ta’ akkuża, illi l-inklużjoni tad‑DHKP-C fuq l‑imsemmija lista, fi kwalunkwe każ, kienet ġiet validitata b’mod retroattiv permezz tal-proċedura segwita mill-Kunsill sabiex jadotta din id-deċiżjoni, matul liema ssemmew ir-raġunijiet għal din l-inklużjoni.

41      Għaldaqstant, l-ewwel domanda tirrigwarda evalwazzjoni, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, tal-validità tal-inklużjoni tad‑DHKP-C u taż-żamma tagħha fuq il-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet, identifikati fil‑punt 20 ta’ din is-sentenza, li jkopru suċċessivament il-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2002, id-data meta tibda l-akkuża msemmija fl-att ta’ akkuża u t-28 ta’ Ġunju 2007, id-data ta’ lejliet il-ġurnata meta daħlet fis-seħħ id‑Deċiżjoni 2007/445 (iktar ’il quddiem l-“inklużjoni tad-DHKP-C fuq il-lista prevista mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 matul il-perijodu qabel id‑29 ta’ Ġunju 2007”).

42      Min-naħa l-oħra, kif jaqblu l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill‑Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni ta’ F, din l-ewwel domanda ma tirrigwardax il-validità tal-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001, li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2007/445 u mid‑deċiżjonijiet tal-Kunsill sussegwenti msemmija fil-punt 25 ta’ din is‑sentenza. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża minn F, din lanqas tirrigwarda l-validità tar‑Regolament Nru 2580/2001.

43      Preliminarjament, għandu jsir enfażi fuq il-fatt li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I‑6351), li kienet tikkonċerna miżura ta’ ffriżar ta’ beni tar-rikorrenti, id‑dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ liema qed tintalab l-evalwazzjoni tal-validità f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari huma invokati insostenn ta’ akkużi dwar ksur tar-Regolament Nru 2580/2001, li huwa suġġett, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, għal sanzjonijiet kriminali ta’ ħabs.

44      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat illi l-Unjoni hija Unjoni ta’ dritt fejn l‑istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt. L‑imsemmi Trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji legali u proċeduri intiża sabiex tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, P, Ġabra p. I-6677, punti 38 u 40, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 281).

45      Minn dan isegwi illi kull parti għandha d-dritt, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, tissolleva, quddiem il-qorti adita, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni, li huma ta’ bażi għal deċiżjoni jew għal att nazzjonali meħuda fil-konfront tagħha, u titlob lill-imsemmija qorti, li ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata hija stess tali invalidità, sabiex f’dan ir-rigward tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 35, u Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

46      Ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt jippresupponi madankollu illi din il-parti ma għandiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet, li tagħhom hija tbati l-konsegwenzi iżda mingħajr ma kienet f’pożizzjoni illi titlob l-annullament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 23, u Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

47      Fil-kawża prinċipali, l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 matul il-perijodu qabel id‑29 ta’ Ġunju 2007, flimkien ma’ dan ir-regolament, tikkontribwixxi, abbażi tal-Artikolu 34(1) tal-AWG, sabiex tiġġustifika l-att ta’ akkuża kontra l-akkużati, għall-perijodu msemmi.

48      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk rikors għal annullament ippreżentat mill‑akkużati kontra tali inklużjoni kienx ikun ammissibbli mingħajr ebda dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, Ġabra p. I-5491, punt 40).

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi l-akkużati ma humiex is-suġġett ta’ din l-inklużjoni, li ssemmi biss lid-DHKP-C. Mill-bqija, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha l-ebda indikazzjoni sabiex jiġi stabbilit illi l-pożizzjoni li l‑akkużati għandhom fi ħdan id-DHKP-C tagħthom is-setgħa illi jirrapreżentaw lil din l-organizzazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni.

50      Barra minn hekk, ma għandux jiġi kkunsidrat li l-inklużjoni inkwistjoni kienet bla ebda dubju “tirrigwarda direttament u individwalment” lill-akkużati, fis-sens tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat.

51      Fil-fatt, din l-inklużjoni għandha, bħar-Regolament Nru 2580/2001, portata ġenerali. Flimkien ma’ dan ir-regolament, hija tikkontribwixxi sabiex timponi fuq numru indeterminat ta’ persuni, konformità ma’ miżuri restrittivi speċifiċi kontra d-DHKP-C (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 241 sa 244).

52      Minn dan isegwi illi, kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-akkużati ma kinux, kuntrarjament għad-DHKP-C, intitolati mingħajr ebda dubju illi jitolbu l‑annullament tal-imsemmija inklużjoni, abbażi tal-Artikolu 230 KE.

53      Fir-rigward tal-evalwazzjoni, fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 296 TFUE, tal-validità tad-dispożizzjonijiet identifikati fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat illi l-imsemmi obbligu huwa applikabbli għal inklużjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ħaġa li, barra minn hekk, ma ġietx ikkontestata minn xi parti li interveniet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja.

54      Dan l-obbligu għandu l-għan li jippermetti, minn naħa waħda, lill‑persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jkunu jistgħu jevalwaw il-fondatezza tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 73, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-370/07, Ġabra p. I-8917, punt 37).

55      F’dan il-każ, kif ikkonferma wkoll il-Kunsill waqt is-seduta, l-ebda waħda mid‑dispożizzjonijiet msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza ma kienet akkumpanjata minn motivazzjoni dwar il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001 għad-DHKP-C, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 1(4) tal‑Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif ukoll spjegazzjoni tar-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill ikkunsidra l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kienet jew baqgħet ġustifikata.

56      L-akkużati għalhekk ġew imċaħħda mill-indikazzjonijiet neċessarji sabiex jivverifikaw jekk l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament matul il-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007, b’mod partikolari l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li wasslu għal din l-inklużjoni, kinitx fondata u minkejja illi din l-istess inklużjoni kkontribwixxiet għall-motivi tal-att ta’ akkuża kontra tagħhom. Matul is-seduta, il-Kunsill irrikonoxxa li d-dritt li tkun taf ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali inklużjoni kien jestendi għall-imsemmija akkużati.

57      In-nuqqas ta’ motivazzjoni li l-imsemmija lista għandha huwa tali li kapaċi jtellef stħarriġ ġudizzjarju adegwat dwar il-legalità sostantiva, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-verifika tal-fatti kif ukoll tal-provi u tal-informazzjoni invokata insostenn tagħha. Kif enfasizza F matul is-seduta, il-possibbiltà ta’ tali kontroll hija indispensabbli sabiex ikun żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-rekwiżiti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali.

58      Madankollu, il-Generalbundesanwalt jikkunsidra illi, anki jekk l-inklużjoni tad‑DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 ma saritx b’mod legali matul il-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007, l-imsemmija inklużjoni, fi kwalunkwe każ, ġiet validitata b’mod retroattiv permezz tal‑proċedura segwita għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/445, li matulha ngħatat spjegazzjoni tar-raġunijiet għal din l-inklużjoni.

59      Madankollu, anki jekk, billi adotta d-Deċiżjoni 2007/445, il-Kunsill kellu l‑intenzjoni illi jirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-inklużjoni inkwistjoni fil-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007, din id-deċiżjoni ma tista’ bl-ebda mod tikkontribwixxi sabiex tiġġustifika, flimkien mal-Artikolu 34(4) tal-AWGU, kundanna kriminali għal fatti li jirrigwardaw l-imsemmi perijodu mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tali kundanna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punti 21 u 22; tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 44, u tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 74 sa 78).

60      Fil-fatt, li kieku d-Deċiżjoni 2007/445 setgħet, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, tagħti spjegazzjoni tar-raġunijiet insostenn tad-deċiżjonijiet identifikati fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, invalida matul il-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007, din fir‑realtà kienet tikkontribwixxi sabiex tiġġustifika kundanna kriminali għal fatti kommessi matul l-imsemmi perijodu, minkejja illi dik id-deċiżjoni ma kinitx teżisti matul dan il-perijodu.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha ma tapplikax, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 20 ta’ din is‑sentenza, li konsegwentement ma għandhomx, jikkontribwixxu sabiex jiġġustifikaw il-proċeduri kriminali kontra l-akkużati, fir-rigward tal-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun illi l-inklużjoni tad-DHKP-C fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar‑Regolament Nru 2580/2001 hija invalida u, għalhekk, ma tistax tikkontribwixxi sabiex tiġġustifika kundanna kriminali marbuta ma’ ksur allegat ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

63      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, essenzjalment, l-Artikoli 2 u 3 tar‑Regolament Nru 2580/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jirrigwardaw it-trasferiment favur persuna ġuridika, grupp jew entità li tinsab fil‑lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, minn membru ta’ din l‑istess persuna ġuridika, ta’ dan il-grupp jew ta’ din l-entità, ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra miġbura jew miksuba mingħand terzi.

64      Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn iż-żewġ domandi huma intiżi sabiex jistaqsu jekk tali atti bħal dawk li bihom l‑akkużati, bħala membri tad-DHKP-C, ittrasferew lil din l-organizzazzjoni, iktar preċiżament lill-ogħla awtoritajiet tagħha, il-fondi miksuba mingħand terzi fil‑kuntest tal-kampanji annwali ta’ ġbir ta’ donazzjonijiet, ta’ manifestazzjonijiet u ta’ bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet, ifisrux illi dawn il-fondi tpoġġew għad‑dispożizzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 2580/2001.

65      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Gvern Franċiż, li mill-kliem tal-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament, ma hemm xejn li jippermetti illi jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal atti bħal dawn.

66      Anzi, il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 2580/2001 hija miktuba b’mod partikolarment wiesa’ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C-117/06, Ġabra p. I-8361, punt 50).

67      L-espressjoni “jiġu magħmula disponibbli” għandha tifsira wiesgħa, li tinkludi kull att li t-twettiq tiegħu huwa neċessarju sabiex persuna, grupp jew entità li tidher fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, effettivament tikseb il-poter li tiddisponi kompletament mill-fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

68      Tali tifsira hija indipendenti mill-eżistenza jew le ta’ relazzjoni bejn l‑awtur u d‑destinatarju tal-att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni inkwistjoni. Kif sostna l‑Generalbundesanwalt, u kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża minn F, ir‑Regolament Nru 2580/2001, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu, ma jinkludi l-ebda element li jeskludi minn din it-tifsira t-trasferiment ta’ fondi minn membru ta’ organizzazzjoni li tidher fuq l-imsemmija lista lil din l‑organizzazzjoni bħala tali.

69      Il-kunċett ta’ “fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra” fis-sens tar‑Regolament Nru 2580/2001, għandu wkoll, bis-saħħa tad-definizzjoni li ngħatalu fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, tifsira wiesgħa li tkopri l-assi ta’ kull tip, akkwistati bi kwalunkwe mod. F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti jekk kienx hemm involuti assi proprji jew assi miġbura jew miksuba mingħand terzi.

70      Għandu jingħad ukoll illi, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 2580/2001, għandhom jiġu kkunsidrati l-kliem u l-għan tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li dan ir-regolament, skont il-ħames premessa tiegħu, huwa intiż li jimplementa.

71      Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3 ta’ din il-pożizzjoni komuni hija fformulata b’termini wiesgħa bħal dawk użati fl-Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 2580/2001. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni, li għalih jirreferi l-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolamenti, jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ “att terroristiku” li jinkludi, skont il-punt (iii) (k) tiegħu, “jiffinanzja [finanzjament] b’kull mod” tal-attivitajiet ta’ grupp terroristiku.

72      Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001 timplika, barra minn hekk, li għandhom jiġu kkunsidrati l-kliem u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1373(2001), li għaliha tirreferri t-tielet premessa ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u tad-29 ta’ April 2010, M et, C-340/08, Ġabra, p. I-0000 punt 45).

73      Il-punt 1(d) tal-imsemmija riżoluzzjoni jipprovdi projbizzjoni ġenerali li, b’mod partikolari, fondi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fil-kummissjoni, jew f’attentati ta’ kummissjoni, ta’ atti terroristiċi. Il‑punt 1(b) ta’ din l-istess riżoluzzjoni jipprovdi, barra minn hekk, illi, “jistabbilixxu bħala reat il-provvista jew il-ġbir deliberatament, minn ċittadini tagħhom jew fuq it-territorju tagħhom, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, ta’ fondi maħsuba sabiex jintużaw jew li hu magħruf li se jintużaw sabiex jiġu kommessi atti terroristiċi”.

74      Il-kliem wiesa’ u mingħajr ambigwità tad-dispożizzjonijiet msemmija fil-punti 71 u 73 ta’ din is-sentenza jikkonfermaw illi l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 jinkludi atti bħal dawk imsemmija fit-tieni u fit-tielet domandi.

75      Kif sostniet il-Kummissjoni, l-analiżi li għadha kemm saret ma hijiex ikkontestata bl-allegazzjoni tal-akkużati illi, ladarba kienu fil-pussess tagħhom, il-fondi inkwistjoni kienu diġà aċċessibbli, indirettament, għad-DHKP-C, b’tali mod illi t‑trasferiment sussegwenti tagħhom lill-ogħla awtoritajiet ta’ din l-organizzazzjoni ma kienx jikkostitwixxi li l-fondi jitqiegħu għad-dispożizzjoni ta’ din l‑organizzazzjoni, fis-sens tar‑Regolament Nru 2580/2001.

76      Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istruttura tad-DHKP-C, li, kif spjega l‑Generalbundesanwalt matul is-seduta, hija magħmula minn korpi ċentrali ta’ tmexxija u erba’ diviżjonijiet prinċipali, li huma wkoll magħmula minn subdiviżjonijiet nazzjonali reġjonali u lokali, iż-żamma, minn membri ta’ din l‑organizzazzjoni, ta’ fondi li ġew minn terzi ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat illi l-ogħla awtoritajiet li jirrapreżentaw din l-organizzazzjoni, li hija msemmija bħala tali fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, għandhom huma stess, l-imsemmija fondi. F’dan il-każ, it‑trasferiment ta’ dawn il-fondi lill-imsemmija awtoritajiet huwa neċessarju sabiex id-DHKP-C effettivament tikseb il-poter, li sa issa kien għad ma kellhiex, li tiddisponi kompletament minnhom sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha.

77      Fir-rigward taċ-ċirkustanza, allegata mill-akkużati, li ma kienx stabbilit illi l-fondi li huma ttrasferew effettivament ġew użati mid-DHKP-C sabiex tiffinanzja attivitajiet terroristiċi, għandu jiġi enfasizzat illi kemm id-definizzjoni li tinsab fil‑punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll it-termini tal‑Artikolu 2(1)(b) tiegħu, jagħmluha irrilevanti. Fondi magħmula għad‑dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni li tidher fil-lista prevista mill-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament huma, fihom infushom, riskju illi jintużaw sabiex jappoġjaw tali attivitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza M et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Tali tqegħid għad-dispożizzjoni huwa kopert bil-projbizzjoni stipulata fl-imsemmi Artikolu 2(1)(b) u huwa suġġett għal sanzjonijiet kriminali stipulati fid-dritt nazzjonali applikabbli, indipendentement mill-prova illi l-imsemmija fondi effettivament ġew użati mill-organizzazzjoni inkwistjoni għal attivitajiet ta’ dan it-tip.

78      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, F isostni wkoll il-fatt illi, għall-kuntrarju tar-Riżoluzzjoni 1373(2001), la l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u lanqas ir-Regolament Nru 2580/2001 ma jkopru l-ġbir ta’ fondi għall-benefiċċju ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, juri l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal‑Unjoni li jeskludi atti ta’ dan it-tip mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

79      Madankollu, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, u kif ikkonferma l‑Generalbundesanwalt matul is-seduta, l-att ta’ akkuża jsemmi mhux biss l‑attività tal-ġbir tal-fondi bħala tali, iżda t-trasferiment tad-dħul minn din l‑attività lill-organizzazzjoni li tagħha l-akkużati huma membri.

80      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 2580/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens illi huwa jkopri t-trasferiment lil persuna ġuridika, lil grupp jew lil entità li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir‑regolament, minn membru ta’ din il-persuna ġuridika, ta’ dan il-grupp jew ta’ din l-entità, ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra miġbura jew miksuba mingħand terzi.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-inklużjoni tad-Devrimci Halk Kurtulus Partisi-Cephesi (DHKP-C) fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, hija invalida u, għalhekk, ma tistax tikkontribwixxi sabiex tiġġustifika kundanna kriminali marbuta ma’ ksur allegat ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-perijodu qabel id-29 ta’ Ġunju 2007.

2)      L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 2580/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens illi huwa jkopri t-trasferiment lil persuna ġuridika, lil grupp jew lil entità li jinsabu fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, minn membru ta’ din il-persuna ġuridika, ta’ dan il‑grupp jew ta’ din l-entità, ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra miġbura jew miksuba mingħand terzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top