This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0520
Judgment of the Court (Second Chamber) of 29 September 2011.#Arkema SA v European Commission.#Appeal - Agreements, decisions and concerted practices - Article 81 EC and Article 53 of the EEA Agreement - European market for monochloroacetic acid - Rules on imputing a subsidiary’s anti-competitive practices to its parent company - Presumption of the actual exercise of a decisive influence - Obligation to state reasons.#Case C-520/09 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-29 ta' Settembru 2011.
Arkema SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Akkordji - Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE - Suq Ewropew tal-aċidu monokloroaċetiku - Regoli relatati mal-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha - Preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-520/09 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-29 ta' Settembru 2011.
Arkema SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Akkordji - Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE - Suq Ewropew tal-aċidu monokloroaċetiku - Regoli relatati mal-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha - Preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-520/09 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08901
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:619
Kawża C-520/09 P
Arkema SA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell — Akkordji — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq Ewropew tal-aċidu monokloroaċetiku — Regoli dwar l-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha — Preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
2. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Sussidjarja miżmuma minn kumpannija holding mhux operattiva
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
3. Appell — Aggravji — Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali
(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))
4. Appell — Aggravji — Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))
5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal- kompetizzjoni
(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
1. Il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-kunċett ta’ impriża, imqiegħed fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur. L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.
Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li skontha l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.
(ara l-punti 37, 38, 40, 41)
2. Ma huwiex eskluż li, minkejja l-fatt li ma tintervjenix direttament fis-suq, holding “mhux operattiva” tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq il politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ tmexxija finanzjarja li hija għandha, u li, għaldaqstant, in-natura effettiva ta’ tali eżerċizzju tista’ tiġi preżunta meta l kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent. Dan huwa għaliex ma huwiex biżżejjed li tiġi invokata n-natura mhux operattiva tal-kumpannija parent biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji, li tibqa’ preżunzjoni sempliċi, li tista’ tiġi kkonfutata.
(ara l-punti 48, 49)
3. Mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.
F’dan ir-rigward, anki jekk jippermetti li jiġi identifikat l-element ikkritikat tas-sentenza appellata, l-appell li fih l-argumentazzjoni żviluppata ma hijiex biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li l-elementi essenzjali ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test tat-talba stess, li hija fformulata b’mod oskur u ambigwu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha, taħt piena li tiddeċiedi ultra petita.
(ara l-punti 59-61)
4. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant, parti ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li hija ma qajmitx, peress li dan iwassal sabiex jippermettilha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża b’ambitu ikbar minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Tali motiv għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.
(ara l-punt 64)
5. Skont il-metodu ddeterminat mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-partijiet li jikkostitwixxu multa relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti, bħar-reċidività, huma kkalkolati abbażi ta’ “ammont bażiku” li huwa stess huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ “ammont inizjali” miżjud b’fattur ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur.
Essenzjalment, dan l-ammont inizjali huwa stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur u tal-impatt reali fuq il-kompetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-entità kkonċernata. Jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-entità ikkonċernata, dan l-ammont jista’ jiġi aġġustat bil-għan li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa. Skont il punti 2 u 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni, wara li tkun iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa b’kunsiderazzjoni għall-gravità u għat-tul tal-ksur, tipproċedi, skont il-każ, għal żieda u għal tnaqqis ta’ dan l-ammont abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.
Madankollu, dawn il-linji gwida jistabbilixxu biss regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prattika li għandha tiġi segwita li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
(ara l-punti 72, 73, 81, 88)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
29 ta’ Settembru 2011 (*)
“Appell – Akkordji – Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE – Suq Ewropew tal-aċidu monokloroaċetiku – Regoli dwar l-imputabbiltà ta’ prattiki antikompetittivi ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha – Preżunzjoni ta’eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑520/09 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-14 ta’ Diċembru 2009
Arkema SA, stabbilita f’Colombes (Franza), irrappreżentata minn M. Debroux, avukat,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, il-kumpannija Arkema SA (li kienet Elf Atochem SA, imbagħad Atofina SA, iktar ’il quddiem “Arkema” jew l-“appellanti”) titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tat-30 ta’ Settembru 2009, Arkema vs Il‑Kummissjoni (T‑168/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4876 finali, tad-19 ta’ Jannar 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/37.773 – AMCA) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni
2 Il-fatti li wasslu għal-kawża kif ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni, hekk kif jirriżultaw mill-punti 2 sa 31 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ dan l-appell.
3 Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, fost oħrajn, l-appellanti u l-kumpannija parent tagħha Elf Aquitaine SA (iktar ’il quddiem “Elf Aquitaine”), kienu kisru l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) minħabba l-parteċipazzjoni tal-appellanti f’akkordju illegali li jikkonċerna s-suq tal-aċidu monokloroaċetiku (iktar ’il quddiem l-“AMCA”).
4 Il-Kummissjoni imputat lil Elf Aquitaine u lill-appellanti r-responsabbiltà għall-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1984 sas-7 ta’ Mejju 1999. Filwaqt li ċaħdet l-argumenti kuntrarji ppreżentati minn Elf Aquitaine, il-Kummissjoni qieset li l‑fatt li din tal-aħħar kienet iżżomm 98 % tal-azzjonijiet ta’ Atofina SA kien biżżejjed sabiex tiġi imputata lilha r-responsabbiltà għall-atti tas-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk, hija qieset li l-fatt li Elf Aquitaine ma kinitx ipparteċipat fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-AMCA ma kienx jimpedixxi li hija tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti minn unità ekonomika mal-unitajiet operazzjonali tal-grupp.
5 L-ammont tal-multi ġie stabbilit mill-Kummissjoni skont il-Linji ta’ gwida [tagħha] dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3 iktar ’il quddiem il-“linji gwida tas-sena 1998”), u skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni”).
6 Peress li kkonstatat li Elf Atochem SA diġà kienet id-destinatarja tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] (ĠU L 239, p. 14), il-Kummissjoni qieset li kellha tiġi applikata żieda minħabba reċidività biss fuq l-appellanti u mhux fuq ELF Aquitaine għaliex din tal-aħħar ma kinitx tikkontrolla lill-appellanti fiż-żmien tal-ewwel ksur.
7 Għaldaqstant hija imponiet, minbarra l-multa ta’ EUR 45 miljun imposta flimkien u in solidum fuq Elf Aquitaine u fuq l-appellanti, multa seperata ta’ EUR 13.5-il miljun fuq l-appellanti biss sabiex tieħu konjizzjoni tal-aġir reċidiv tagħha.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
8 Hekk kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza appellata, permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti, essenzjalment, talbitha, prinċipalment, tannulla d-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn jikkonċerna lil Elf Aquitaine u, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq Elf Aquitaine kif ukoll fuqha.
9 Mill-punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti prinċipalment ressqet tmien motivi insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari l-appellanti bbażat l-ewwel motiv fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha u fuq it-trattament diskriminatorju tal-grupp Elf Aquitaine, it-tieni motiv fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija ġuridika u kummerċjali tas-sussidjarja kif ukoll il‑ħames motiv fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Sussidjarjament l-appellanti invokat ukoll d-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għall-finijiet ta’ dissważjoni sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat darbtejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema.
10 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa kemm prinċipalment kif ukoll sussidjarjament u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.
11 Fil-kuntest tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti essenzjalment, b’mod partikolari, ikkontestat l-imputabbiltà tar-responsabbiltà għall-ksur tagħha lil Elf Aquitaine, il-kumpannija parent tagħha fiż-żmien tal-ksur, billi allegat li ma segwietx politika stabbilita minn Elf Aquitaine.
12 F’dan ir-rigward, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat kif ġej:
“Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha awtriċi ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni sempliċi li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha […] u li dawn għaldaqstant jikkostitwixxu impriża waħda skont l-Artikolu 81 KE […]. Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li qed tikkontesta quddiem il-qorti Komunitarja deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għal aġir imwettaq mis-sussidjara tagħha li għandha tikkonfuta din il‑preżunzjoni billi tipproduċi provi li jistgħu juru l-awtonomija ta’ din tal-aħħar […]. Jekk il-preżunzjoni ma tistax tiġi kkonfutata, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha.”
13 Fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn kważi l‑kapital kollu tal-appellanti kien miżmum, fiż-żmien tal-ksur, minn Elf Aquitaine, il-Kummissjoni setgħet ġustament tippreżumi n-nuqqas ta’ awtonomija tal-appellanti fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha u tikkunsidra li kienet din tal-aħħar li kellha tipproduċi provi li juru li s-sussidjara tagħha kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq.
14 Fir-rigward tan-numru ta’ indizji u ta’ provi prodotti mill-appellanti bil-għan li turi l-awtonomija tagħha, il-Qorti Ġenerali qabel kollox ikkonstatat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni inkludiet, fil-premessa 267 tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-argumenti mressqa minn Elf Aquitaine fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija sussugwentement irrilevat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata li “l-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jippruvaw l-awtonomija tagħha tressqu wkoll mill-kumpannija parent tagħha, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biex jiġi ppruvat in-nuqqas ta’ eżerċizzju minnha ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha”.
15 F’dan ir-rigward, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li meta rrifjutat l-argumenti ppreżentati mill-kumpannija parent, il-Kummissjoni rrispondiet globalment liż-żewġ kumpanniji u eżaminat, skont il-ġurisprudenza, jekk il-kumpannija parent kinitx ipproduċiet, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, provi li juru li s-sussidjarja tagħha kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-linja ta’ azzjoni tagħha fis-suq.
16 Fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali segwiet ir-raġunament tagħha bil-mod kif ġej:
“76 Fir-rigward tal-fondatezza tal-provi prodotti mir-rikorrenti biex turi l‑awtonomija tagħha hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li Elf Aquitaine hija biss holding mhux operattiva, li tintervjeni minimament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi eskluż li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tar-rikorrenti partikolarment billi tikkoordina l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija holding li b’mod partikolari tikkoordina l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tiġbor flimkien holdings f’diversi kumpanniji u għandha l-funżjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari, permezz ta’ dan il-kontroll tal-baġit”
77 F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li din ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja u inqas u inqas implikazzjoni tal-ewwel fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il‑kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji.
78 Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti qatt ma implementat, favur Elf Aquitaine, politika ta’ informazzjoni speċifika fuq is-suq tal-AMCA, in-nuqqas ta’ tali informazzjoni, jekk jiġi stabbilit, ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li r‑rikorrenti kienet awtonoma fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha.
79 L-istess japplika fir-rigwrd tal-argument li l-attività tal-AMCA hija żgħira fi ħdan il-grupp Elf Aquitaine, peress li dan ma huwiex tali li jipprova l‑awtonomija [ta’ Arkema] fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha.
80 Ebda konklużjoni ma tista’ tinstilet qabel kollox mill-fatt li ż-żewġ kumpannija kienu joperaw fi swieq distinti u ma kellhomx rabtiet bħala fornituri lill-klijenti. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fil-premessa 261 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fi grupp bħal Elf Aquitaine, id-diviżjoni tal-kompiti tikkostitwixxi fenomenu normali li ma jikkonfutax il-preżunzjoni li Elf Aquitaine u Atofina [SA] jikkostitwixxu impriża waħda, skont l-Artikolu 81 KE”
17 Fil-punt 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-argument tal-appellanti li huwa impossibbli li tiġi prodotta prova diretta u inkonfutabbli tal-awtonomija ta’ aġir tagħha fis-suq u li tali prova kellha għalhekk tiġi kkwalifikata bħala “probatio diabolica”. Dan il-punt 82 jipprovdi kif ġej:
“[…] ma huwiex meħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jipproduċu prova diretta u inkonfutabbli tal-awtonomija tal-aġir tas-sussidjaja fis-suq iżda biss li huma jipproduċu provi li jistgħu juru din l-awtonomija […]. Barra minn hekk, il-fatt li r‑rikorrenti f’dan il-każ ma pproduċietx provi ta’ natura li jikkonfutaw il‑preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija ma jfissirx li din il-preżunzjoni ma tistax f’ebda każ tiġi kkonfutata. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex fondat.”
18 Billi ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv quddiemha, il-Qorti Ġenerali, ikkonkludiet fil-punt 85 tas-senetenza appellata li “l-Kummissjoni kellha d-dritt tqis li Elf Aquitaine u Arkema kienu jikkostitwixxu impriża waħda skont l‑Artikolu 81 KE u li huma setgħu għaldaqstant jinżammu responsabbli in solidum għall-aġir li huma kienu akkużati bih, peress li l-atti mwettqa minn Arkema kienu għaldaqstant imputabbli lil Elf Auitaine, u, għaldaqstant, meqjusa li twettqu minnha”.
19 Billi ċaħdet it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija ġuridika u kummerċjali tas-sussisdjara li jirriżulta mill-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 100 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li, “għalkemm iż-żamma tal-kapital kollu jew ta’ kważi l-kapital kollu tippermetti li jiġi preżunt li kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha u, għaldaqstant, li dawn jifformaw parti mill-istess impriża, din il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja tista’ tiġi kkonfutata mill-parti kkonċernata, li għandha tipproduċi provi biżżejjed […]. Għaldaqstant din il‑preżunzjoni, kif applikata f’dan il-każ, bl-ebda mod ma tqajjem dubju dwar l‑awtonomija kummerċjali tas-sussidjarja.”
20 Fil-kuntest taċ-ċaħda tagħha tal-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wieġbet għall-punti essenzjali tal-argumenti mressqa minn Elf Aquitaine. Fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat kif ġej:
“[…] il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tirrispondi għall-oġġezzjonijiet kollha tar-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, sakemm ir-risposta tal-Kummissjoni mogħtija fir-rigward tal-punti essenzjali tal-argumenti ta’ Elf Aquitaine […] ma tistax tiddiferixxi skont jekk hijiex inkwistjoni il-kumpannija parent jew is-sussidjarja tagħha, hija ma kellhiex għalfejn tirrispondi b’mod separat għall-argumenti tar-rikorenti (ara l-punt 75 iktar ’il fuq). […]”
21 Fil-punt 205 tas-sentenza appellata, fil-kuntest taċ-ċaħda tagħha tad-disa’ motiv, il-Qorti Ġenerali indikat kif ġej:
“L-argument li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat darbtejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema [sabiex] iżżid il-multi bħala dissważjoni għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hemm lok li jiġi mfakkar li l-ammont tal-multa [ta’ EUR13,5-il miljun] imposta fuq Arkema skont l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni [inkwistjoni] jikkorrispondi biss għaż-żieda minħabba r-reċidività applikata għall-ammont bażiku ipotetiku imnaqqas bit-tnaqqis ta’ 40 % mogħti mill-Kummissjoni minħabba l‑kooperazzjoni. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla oħra, jekk hija ma riditx titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida [tas-sena 1998], ħlief li tikkalkola mill-ġdid ammont bażiku ipotetiku kieku hija biss kienet ikkunsidrata responsabbli għall-ksur.”
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
23 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill‑appellanti għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà tal-prattiki antikompettivi ta’ sussidjara lill-kumpannija parent tagħha
L-argumenti tal-partijiet
24 Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha billi fakkret, minn naħa, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha hija “sempliċi” u tista’ tiġi kkonfutata jekk il-kumpannija parent u/jew is-sussidjaraja tipproduċi/jipproduċu provi li juru l-awtonomija tal-aġir tas-sussidjarja, filwaqt li affermat, min-naħa l-oħra, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li kull kumpannija holding għandha bħala funzjoni li tiżgura l-unità fit-tmexxija tas-sussidjarji fi ħdan grupp ta’ kumpanniji.
25 Skont Arkema, minn dan jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent hija fir-realtà inkonfutabbli. Il-Qorti Ġenerali, billi ħtieġet li l‑appellanti tipproduċi provi li hija stess tafferma huma ġuridikament impossibbli, imponitilha “probatio diabolica”
26 Barra minn hekk, Arkema tqis li, billi imponitilha tipproduċi tali provi, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.
27 Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli peres li dan ma jikkontestax il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 80 kif ukoll fil-punt 82 tas-sentenza appellata.
28 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti ta’ Arkema, ibbażati fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, l-appellanti ma tindikax fiex jikkonsisti l-allegat ksur.
29 F’kull każ, mill-kliem tas-sentenza appellata jirriżulta li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinati ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma hijiex inkonfutabbli. Skont il-Kummissjoni, l-appellanti tixtieq fir-realtà tkun tista’ tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tillimita ruħha tafferma li l-kumpannija parent tagħha, Elf Aquitaine, kienet “holding mhux operattiva”. Fl-opinjoni tal‑Kummissjoni, kieku s-sempliċi fatt li f’ras grupp ikun hemm “holding mhux operattiva” kien biżżejjed sabiex tiġi ikkonfutata l-preżunzjoni, din ma tibqax iktar effettiva. Barra minn hekk, il-fatt li preżunzjoni tkun konfutabbli ma jfissirx li din għandha tkun faċli li tiġi kkonfutata
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
30 Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà stabbilita fil-punt 27 ta’ din is‑sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ssostni fir-realtà li dan l‑aggravju huwa ineffettiv.
31 Issa, in-natura ineffettiva ta’ aggravju invokat tirreferi għall-kapaċità tiegħu li jiffonda l-appell u ma taffettwax l-ammissibbiltà tiegħu (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, Ġabra. P. I‑10091, punt 52, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑203/07 P, Ġabra p. I‑8161, punt 42 u 43). Minn dan jirriżulta li hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza tiġi miċħuda.
32 Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, sa fejn dan ma jikkontestax espliċitament il-punti 78 sa 80 u 82 tas-sentenza appellata, dwar l‑imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha, li fihom infushom huma biżżejjed sabiex jissostanzjaw il-konstatazzjonijiet tas-sentenza appellata.
33 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
34 Fil-fatt mis-sottomissjonijiet bil-miktub jirriżulta li l-argumentazzjoni ta’ Arkema ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 76 tas-sentenza appellata, ikkontradixxiet lilha nnifisha, billi affermat il-prinċipju ta’ preżunzjoni juris tantum li abbażi tagħha kumpannija parent li żżomm kważi l‑kapital kollu ta’ sussidjarja teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar, filwaqt li timpedixxi irrimedjabbilment lil Arekema milli tipproduċi prova kuntrarja. Jekk tali argumentazzjoni kellha tintlaqa’, id-dispożittiv tas-sentenza appellata kif ukoll, barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija punti 78 sa 80 u 82 ikunu vvizjati bl-iżball ta’ liġi allegat minn Arkema.
35 Barra minn hekk, minn nota ta’ qiegħ il-paġna fit-talba mressqa minn Arkema jirriżulta li din espliċitament ikkonfutat il-punt 82 tas-sentenza appellata.
36 Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
37 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, imqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 34 u 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Arcelor Mittal Luxembourg et , C‑201/09 P u C‑216/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 95).
38 Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58, kif ukoll General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
39 Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l‑implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 59, kif ukoll General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 38).
40 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li skontha l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita tali influwenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50; Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60; General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Arcelor Mittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is‑sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is‑sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s‑sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 29; Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Arcelor Mittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).
42 F’dan il-każ, Arkema ma tikkontestax il-legalità tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti deskritta fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza. Hija lanqas ma tikkontesta l-applikabbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tal-istess preżunzjoni f’każ fejn kumpannija parent iżżomm 98 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.
43 Arkema madankollu ssostni li r-raġunament tas-sentenza appellata jmur kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, billi tirrendi inkonfutabbli l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.
44 F’dan il-kuntest, Arkema tqis, essenzjalment, li, billi affermat fit-tieni sentenza tal-punt 76 tas-sentenza appellata, li kumpannija holding “għandha l-funżjoni” li tiżgura “l-unità fit-tmexxija” tas-sussidjarji, il-Qorti Ġenerali rrendiet ġuridikament inkonfutabbli l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent, fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, peress li kull tentattiv biex tiġi ppruvata l-awtonomija tal-aġir fis-suq tas-sussidjarja jmur kontra l-funzjoni stess li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lill-kumpanniji holding u għalhekk ikun predeterminat li jfalli.
45 Huwa veru li dan l-imsemmi punt 76 huwa fformulat b’mod li mhux faċli li jiġi rrikkonċiljat mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza.
46 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tal-appellanti stabbilita fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata fl-intier tagħha.
47 Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tiegħu l-imsemmi punt 76 jikkonċerna l‑“fondatezza tal-provi prodotti mir-rikorrenti biex turi l-awtonomija tagħha” fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari “l-fatt li Elf Aquitaine hija biss holding mhux operattiva, li tintervjeni minimament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha”. Barra minn hekk mill-elementi tal-proċess ipprovduti lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li Arkema b’mod partikolari sostniet f’dan ir-rigward li hija kienet tgawdi minn “awtonomija fuq livell finanzjarju”, peress li l-kontroll eżerċitat minn Elf Aquitaine kien limitat għall-investimenti jew għad-diżinvestimenti mwettqa minn Arkema li kellhom impatt fuq l-operazzjonijiet ta’ finanzjament fit-tul tagħha”, li qatt ma kkonċernaw l-attività tal-AMCA.
48 Fis-silta kontroversjali ta’ dan il-punt 76, il-Qorti Ġenerali illimitat ruħha fil-fatt tafferma li ma huwiex eskluż li, minkejja l-fatt li ma tintervjenix direttament fis‑suq, holding “mhux operattiva” tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq il‑politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni u ta’ tmexxija finanzjarja li hija għandha, u li, għaldaqstant, in-natura effettiva ta’ tali eżerċizzju tista’ tiġi preżunta meta l‑kapital kollu jew kważi kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent. Dan huwa għaliex, fil-loġika tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed li tiġi invokata n-natura mhux operattiva tal-kumpannija parent biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji, li tibqa’ preżunzjoni sempliċi.
49 F’dan ir-rigward minn diversi punti tas-sentenza appellata, inklużi l-punti 67 u 82, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preżunzjoni inkwistjoni setgħet tiġi kkonfutata.
50 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà lil kumpannija parent tal-prattiki tas-sussidjarja tagħha minħabba li l-Qorti Ġenerali affermat in-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma mill-kumpannija parent tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha ma huwiex fondat, peress li dan jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.
51 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq li jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma jistax jiġi aċċettat għaliex huwa bbażat fuq premessa żbaljata.
52 Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
53 Skont l-appellanti, l-affermazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is‑sussidjarja tagħha twassal ukoll għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-parteċipanti f’akkordju, skont jekk dawn jiffurmawx parti jew le minn grupp ta’ kumpanniji.
54 Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju ma tantx jinftiehem u li dan ma jikkonċerna ebda motiv tas-sentenza appellata. Għaldaqstant dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
55 Peress li dan huwa bbażat fuq l-istess qari żbaljat tas-sentenza appellata li fuqu huwa bbażat l-ewwel aggravju, it-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tad-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq
L-argumenti tal-partijiet
56 L-appellanti ssostni li, bi tweġiba għall-ħames motiv żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar eżaminat biss l-argumenti li tressqu quddiema minn Elf Aquitaine, u mhux mill-appellanti, “u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u d-dritt għal smigħ xieraq”.
57 Il-Kummissjoni preliminarjament tistaqsi dwar iċ-ċarezza tal-argumentazzjoni mressqa mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, l-appellanti ma kkritikatx fl-ewwel lok il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni prinċipalment wieġbet għall-argumenti ta’ Elf Aquitaine. Hija ssostni li t-tielet aggravju għaldaqstant jikkostitwixxi motiv ġdid, inammissibbli fl-istadju tal-appell.
58 Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat il‑motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni fid-dawl biss tal-argumenti ta’ Elf Aquitaine ma jippreġudikax lill-appellanti. Peress li l-argumenti ta’ Arkema kellhom f’kull każ jiġu miċħuda, dan l-aggravju huwa ineffettiv.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
59 Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C-407/08P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 F’dan il-każ, l-appell ċertament jippermetti li jiġi identifikat l-element ikkritikat tas-sentenza appellata, jiġifieri l-punti 121 sa 129 tiegħu.
61 Mandankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni insostenn ta’ dan l‑aggravju ma hijiex biżżejjed ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha. Fil-fatt, l-elementi essenzjali li fuqhom dan l-aggravju huwa msejjes ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha, taħt piena li tiddeċiedi ultra petita (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 106; tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 83; tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, Ġabra p. I‑275, punt 26, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 48 u 49).
62 Anki jekk kellu jiġi preżunt li dan l-aggravju għandu jiġi interpretat bħala li jinvoka ommissjoni minn naħa tal-Qorti Ġenerali li tissanzjona allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni tal-provi prodotti mill-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li tali kritika tikkostitwixxi motiv ġdid li jista’ jbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
63 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz tar-rikors tagħha l-appellanti sostniet biss fl-ewwel istanza li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet prinċipalment wieġbet għall-argumenti ta’ Elf Aquitaine.
64 Issa, skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l‑appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti quddiem l-ewwel istanza. Għaldaqstant parti ma tistax tbiddel is-suġġett ta’ din il-kawża billi tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija setgħet tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li hija ma qajmitx, peress li dan iwassal sabiex jippermettilha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża b’ambitu ikbar minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C‑266/97 P, Ġabra p. I‑2135, punt 79, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34). Tali motiv għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.
65 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-argumenti tal-partijiet
66 Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta vvalidat il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni biex tiddetermina l‑komponent kostituttiv tas-sanzjoni pekunjarja relatata mar-reċidività ta’Arkema. Dan il-metodu jimplika teħid inkunsiderazzjoni doppju tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema, fil-kalkolu tal-bażijiet rispettivi li fir-rigward tagħhom huma applikati l‑koeffiċċjenti ta’ multiplikazzjoni użati għal Elf Aquitaine u Arkema bħala fattur ta’ dissważjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx l-eżistenza ta’ dan il-kalkolu doppju, iżda ġġustifikatu bil-ħtieġa tal-Kummissjoni li timxi mal-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida, u b’hekk tat, lil dawn tal-aħħar “saħħa vinkolanti assoluta” li huma ma għandhomx.
67 Skont il-Kummissjoni, ir-raba aggravju huwa bbażat fuq ftehim ħażin tad-deċiżjoni inkwistjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
68 Dan l-aggravju huwa essenzjalment ibbażat fuq l-ilment li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona “kalkolu doppju” ipprojbit tad-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema fid-deċiżjoni inkwistjoni.
69 Madankollu, dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat kemm tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll tas-sentenza appellata.
70 Hekk kif jirriżulta mill punt 6 ta’ din is-sentenza, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-appellanti biss kellha tiġi ssanzjonata minħabba reċidività u mhux il-kumpannija parent tagħha, Elf Aquitaine, peress li din tal-aħħar ma kinitx tikkontrolla lill-appellanti fiż-żmien tal-ewwel ksur. Għaldaqstant hija imponiet, barra l-multa ta’ EUR 45 miljun imposta flimikien u in solidum fuq Elf Aquitaine u fuq l-appellanti, multa separata ta’ EUR 13.5-il miljun fuq l-appellanti biss sabiex tieħu konjizzjoni tal-aġir reċidiv tagħha.
71 Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 204 tas-sentenza appellata, billi ffissat l-ammont ta’ din l-aħħar multa, il-Kummissjoni segwiet metodu bbażat fuq dak li jirriżulta mil-linji gwida tas-sena 1998
72 Skont dan il-metodu, il-partijiet li jikkostitwixxu multa relatati ma’ ċirkustanzi aggravanti, bħar-reċidività, huma kkalkolati abbażi ta’ “ammont bażiku” li huwa stess huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ “ammont inizjali” miżjud b’fattur ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur.
73 Essenzjalment, dan l-ammont inizjali huwa stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur u tal-impatt reali fuq il-kompetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-entità kkonċernata. Jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-entità ikkonċernata, dan l-ammont jista’ jiġi aġġustat bil-għan li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa.
74 Essenzjalment, mill-punt 199 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti biss, il-Kummissjoni qagħdet attenta li tevita li tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex taġġusta, bħala dissważjoni, l-ammont inizjali li jservi ta’ bażi għal din il-multa, koeffiċjent li ma jirriflettix il-kapaċità ekonomika effettiva tal-appellanti meħuda indipendentement mill-kumpannija parent tagħha, Elf Aquitaine.
75 Għaldaqstant, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 222 tad-deċiżjoni inkwistjoni, riprodotta fil-punt 199 tas-sentenza appellata, tindika:
“[…] Il-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat għal Elf [Aquitaine], ta’ 2.5, ma huwiex inkluż fil-kalkolu. Minfloku, fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5, li kien jiġi applikat li kieku [Arkema] kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni (fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ dinji tagħha ta’ EUR 17.8-il miljun) ser jintuża għall-finijiet [tal-] kalkolu tar-reċidività. […]”.
76 Fi kliem ieħor, bil-għan li tiffissa l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa li għandha tiġi imposta fuq il-kumpannija Arkema biss, il-Kummissjoni użat fattur ta’ multiplikazzjoni ipotetiku ta’ 1.5 – differenti mill-koeffiċjent ta’ 2.5 użat fil-kalkolu tal-multa imposta flimkien u in solidum fuq Elf Aquitaine u fuq Arkema -, u dan sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iżgħar kapaċità ekonomika ta’ din l-aħħar entità kkunsidrata waħeda, indipendentement mill-kumpannija parent tagħha.
77 Sussegwentement, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 9, 16 sa 21 u 203 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni applikat dan il-fattur ta’ multiplikazzjoni ipotetiku ta’ 1.5, irreferit, fl-imsemmi punt 203, bħala “koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal finijiet ta’ dissważjoni ” lil ammont inizjali – ukoll ipotetiku fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa imposta fuq il-kumpannija Arkema biss – ta’ EUR 12-il miljun, li ġie stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni u tal-piż relatat ta’ Arkema fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur inkwistjoni. Il‑prodott ta’ dawn iż-żewġ ċifri (EUR 18-il miljun) sussegwentement żdied b’150 %, minħabba t-tul tal-ksur, li, fil-każ tal-appellanti, kien meqjus li dam mill-1 ta’ Jannar 1984 sas-7 ta’ Mejju 1999.
78 L-“ammont bażiku” li jirriżulta mill-operazzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jiġifieri EUR 45-il miljun, huwa, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 203 tas-sentenza appellata, ipotetiku. Dan iservi biss għall-kalkolu tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta biss fuq il-kumpannija Arkema minħabba aġir reċidiv.
79 Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni tfakkar ġustament, huwa biss b’koinċidenza li dan l-ammont bażiku ipotetiku huwa ekwivalenti għall-ammont finali tal-multa separata li kienet ġiet imposta flimikien u in solidum fuq l‑appellanti u fuq Elf Aquitaine.
80 Huwa biss abbażi ta’ dan l-ammont bażiku ipotetiku li l-Kummissjoni setgħet tikkalkola l-ammont dovut minħabba aġir reċidiv minn naħa tal-appellanti biss, ikkunsidrata separatament mill-kumpannija parent tagħha.
81 Hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 201 tas-sentenza appellata, skont il‑punti 2 u 3 tal-linji gwida tas-sena 1998, il-Kummissjoni, wara li tkun iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa b’kunsiderazzjoni għall-gravità u għat-tul tal-ksur, tipproċedi, skont il-każ, għal żieda u għal tnaqqis ta’ dan l-ammont abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.
82 F’dan il-każ, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 203 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni effettivament applikat koeffiċjent ta’ 50% minħabba r-reċidività tal-appellanti, lil dan l-ammont bażiku ipotetiku ta’ EUR 45-il miljun.
83 Din l-operazzjoni tat ċifra li tista’ tiġi attribwita lill-aġir reċidiv tal-appellanti biss, ikkunsidrata separatament minn Elf Aquitaine, ta’ EUR 22.5 miljun.
84 Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, peress li qieset li l-appellanti setgħet tgwadi minn tnaqqis sinjifikattiv fl-ammont tal-multa tagħha, skont l-ewwel u t-tieni inċiż tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tatha tnaqqis ta’ 40 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin–nuqqas ta’ kooperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni.
85 Għaldaqstant minn ammont ta’ EUR 22.5 miljun, l-ammont tal-multa li finalment ġiet imposta fuq Arekema, skont l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontesta, kien ta’ EUR 13.5-il miljun.
86 F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Arkema ttieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku li fuqu kienet ibbażata l-multa imposta flimkien u in solidum fuq Elf Aquitaine u fuq l‑appellanti u, min-naħa l-oħra, biex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti biss minħabba l-aġir reċidiv tagħha, il-Kummissjoni ma wettqitx, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-appellanti, “teħid inkunsiderazzjoni doppju” sproporzjonat li l-Qorti Ġenerali kien imissha ssanzjonat.
87 Barra minn hekk l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi billi interpretat il-linji gwida tas-sena 1998 bħala li għandhom forza vinkolanti assoluta.
88 Ċertament jirriżulta mill-ġurisprudenza, hekk kif tirrileva Arkema, li l-linji gwida tas-sena 1998 jistabbilixxu biss regoli ta’ kondotta indikattivi tal-prattika li għandha tiġi segwita li minnhom l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02P, C-202/02P, C-205/02P sa C‑208/02P u C-213/02P, Ġabra p. I-5425, punti 209 u 210).
89 Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanti, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma attribwiet b’mod illegali “forza vinkolanti assoluta” lil dawn il-linji gwida.
90 Fir-realtà, tali approċċ huwa bbażat fuq qari selettiv, kif ukoll żbaljat, ta’ dan il‑punt 205.
91 Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ dan l-istess punt 205, stabbilit fil-punt 21 ta’ din is‑sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċiment ikkonstatat, essenzjalment, li, “jekk hija ma riditx titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu tal-linji gwida [tas-sena 1998]”, il-Kummissjoni kienet meħtieġa ssegwi l-metodoloġija stabbilita hawn fuq, billi tikkalkola mill-ġdid “ammont bażiku ipotetiku”.
92 Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet li l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u bl-għoti ta’ motivazzjoni adatta insostenn ta’ dan, tista’ tuża metodoloġija oħra għall-kalkolu tal-multi fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni.
93 Barra minn hekk, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tapplika formola matematika preċiża u kellha setgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza fil-kapaċità ekonomika billi tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 għal Arkema u ta’ 2.5 għall-grupp ta’ Elf Aquitaine kollu, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
94 Fir-rigward tal-għażla ta’ dawn il-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 u ta’ 2.5, l-appellanti ma tikkontestax il-mod li bih dawn ġew stabbiliti lanqas il-livell tagħhom, u essenzjalment tafferma biss li l-applikazzjoni tagħhom wasslet għal teħid inkunsiderazzjoni doppju pprojbit tad-dħul mill-bejgħ tagħha.
95 Minn dan jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
96 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
97 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Arkema tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Arkema SA hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.