Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“
Dokumentas 62009CJ0490
Judgment of the Court (Second Chamber) of 27 January 2011.#European Commission v Grand Duchy of Luxemburg.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Article 49 EC - Freedom to provide services - Non-reimbursement of costs relating to laboratory analyses and tests carried out in Member States other than the Grand Duchy of Luxembourg - National rules not providing for acceptance of liability in the form of a reimbursement of the costs paid for such analyses and tests - National rules making acceptance of liability for health care benefits subject to compliance with the conditions laid down by those rules.#Case C-490/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-27 ta' Jannar 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Nuqqas ta’ rimbors ta’ spejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stati Membri minbarra fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid ta’ responsabbilità għalihom fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal tali analiżijiet u eżamijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbilità għal servizzi tal-kura tas-saħħa għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dik il-leġiżlazzjoni.
Kawża C-490/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-27 ta' Jannar 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Nuqqas ta’ rimbors ta’ spejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stati Membri minbarra fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu - Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid ta’ responsabbilità għalihom fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal tali analiżijiet u eżamijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbilità għal servizzi tal-kura tas-saħħa għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dik il-leġiżlazzjoni.
Kawża C-490/09.
Europos teismų praktikos identifikatorius (ECLI): ECLI:EU:C:2011:34
Kawża C-490/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 KE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Nuqqas ta’ rimbors ta’ spejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stati Membri oħra minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid ta’ responsabbiltà għalihom fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal tali analiżijiet u eżamijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għal servizzi tal-kura tas-saħħa għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din il-leġiżlazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi sostnuti fi Stat Membru ieħor
(Artikolu 49 KE)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Oneru tal-Kummissjoni — Preżentazzjoni ta’ provi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikoli 10 KE u 226 KE)
1. Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE meta ma jipprovdix, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali, il-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal dawn l-analiżijiet u l-eżamijiet, iżda jipprovdi biss sistema ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard.
Sa fejn l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni effettivament teskludi l-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ analiżijiet u ta’ eżamijiet tal-laboratorju, imwettqa minn kważi l-fornituri kollha tas-servizzi mediċi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jew saħansitra minn kollha, din tiskoraġġixxi, jew anki tipprekludi, lill-persuni affiljati mas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat Membu milli jirrikorru għal tali fornituri u tikkostitwixxi, kemm għalihom kif ukoll għall-fornituri, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
(ara l-punti 41, 48 u d-dispożittiv 1)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni fil-qasam tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u li, għall-eżami tal-fajls, hija tiddependi fuq it-tweġibiet u l-kollaborazzjoni tal-Istati Membri, ma jistax jawtorizzaha tiddevja mill-obbligu msemmi iktar ’il fuq, jekk hija ma tallegax li l-Istat Membru naqas mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 10 KE.
(ara l-punti 49, 57, 58 u 60)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
27 ta’ Jannar 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Nuqqas ta’ rimbors ta’ spejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stati Membri oħra minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid ta’ responsabbiltà għalihom fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal tali analiżijiet u eżamijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għal servizzi tal-kura tas-saħħa għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din il-leġiżlazzjoni”
Fil-Kawża C‑490/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-30 ta’ Novembru 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Rozet u E. Traversa, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn A. Rodesch, avukat,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), A. Rosas, U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2010,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż, li jeskludi r-rimbors ta’ spejjeż ta’ analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa fi Stat Membru ieħor u li jipprevedi biss it-teħid ta’ responsabbiltà għal dawk l-analiżijiet permezz ta’ terz li jħallas kif ukoll l-Artikolu 12 tal-Istatuti tal-Unjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa li jissuġġetta r-rimbors tal-analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa fi Stat Membru ieħor għall-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti mill-ftehim nazzjonali Lussemburgiżi, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu [49] KE.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża (Mémorial A 2008, p. 790, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tas-sigurtà soċjali”), jipprevedi:
“Il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa jingħataw, kemm fil-forma ta’ rimbors mill-fond nazzjonali għas-saħħa [ex Unjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa] u mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard lil persuni assigurati li jkunu ħallsu l-ispejjeż, kif ukoll fil-forma ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fond nazzjonali tas-saħħa u f’dan l-aħħar każ il-benefiċjarju tal-kura jkollu biss dritt ta’ azzjoni kontra l-persuna assigurata għall-parteċipazzjoni statutorja eventwali ta’ din tal-aħħar. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tispeċifika mod ieħor, il-metodu tat-teħid dirett ta’ responsabbiltà japplika biss għal atti, servizzi u provvisti iktar ’il quddiem:
– L-analiżijiet u eżamijiet tal-laboratorju;
[...]”
3 Huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża dwar is-sigurtà soċjali ma tipprevedix il-possibbilità ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal analiżijiet u eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, fil-forma ta’ rimbors ta’ spejjeż imħallsa għal dawk l-analiżijiet u eżamijiet mill-persuni assigurati.
4 Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 12 tal-Istatuti tal-Unjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mit-test ikkoordinat applikabbli fl‑1 ta’ Jannar 1995 (Mémorial A 1994, p. 2989, iktar ’il quddiem l-“Istatuti”):
“Is-servizzi u l-provvisti koperti mill-assigurazzjoni għall-mard fil-Lussemburgu huma limitati għal dawk previsti mill-Artikolu 17 tal-Kodiċi [tas-sigurtà soċjali] u huma stabbiliti fin-nomenklaturi msemmija fl-Artikolu 65 tal-istess kodiċi jew fil-listi previsti minn dawn l-Istatuti.
Is-servizzi jistgħu jintalbu mill-assigurazzjoni għall-mard biss jekk dawn ikunu twettqu b’mod konformi mal-istipulazzjonijiet tar-regoli msemmija fl-Artikoli 61 u 75 tal-Kodiċi [tas-sigurtà soċjali].”
Il-proċedura prekontenzjuża
5 Il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti dwar każijiet ta’ rifjut ta’ rimbors fir-rigward ta’ pazjenti li huma affiljati mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża għal spejjeż ta’ analiżijiet ta’ bijoloġija medika mwettqa fi Stati Membri oħra minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
6 F’wieħed minn dawn il-każijiet, ir-rimbors tal-ispejjeż ġie rrifjutat minħabba l-fatt li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi t-teħid ta’ responsabbiltà b’mod dirett għal spejjeż marbuta ma’ dawn l-analiżijiet mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, il-fond tal-assigurazzjoni għall-mard ma kienx awtorizzat jipproċedi bir-rimbors fin-nuqqas tat-tariffi tas-servizz.
7 Skont il-Kummissjoni, fil-każ l-ieħor, ir-rimbors ta’ analiżijiet tad-demm u permezz tal-ultra-sound imwettqa fil-Ġermanja ġie rrifjutat minħabba li huma biss dawk is-servizzi previsti fl-Istatuti li jistgħu jiġu rrimborsati u s-servizzi għandhom jitwettqu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-diversi ftehim nazzjonali applikabbli. F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti għar-rimbors ta’ dawn l-analiżijiet ma setgħux jiġu sodisfatti mil-lanjant minħabba raġunijiet ta’ differenzi bejn is-sistema tas-saħħa Lussemburgiża u dik Ġermaniża. Il-Kummissjoni tindika, bħala eżempju, li l-kampjuni ttieħdu direttament mit-tabib, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża teżiġi li dawn jittieħdu f’“laboratorju separat”. Din il-kundizzjoni ma tistax tiġi sodisfatta fil-Ġermanja.
8 Wara l-imsemmija lmenti, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ottubru 2007, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu fejn sostniet li ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali u tal-Artikolu 12 tal-Istatuti ma hijiex konformi mal-Artikolu 49 KE.
9 Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2007, dan l-Istat Membru wieġeb għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni billi sostna li huwa kien konxju mill-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u li huwa kien beħsiebu, minn naħa, li jipprovdi soluzzjoni ta’ natura ġenerali għall-problema mqajma mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jittratta “b’mod pragmatiku” il-“każijiet iżolati” li jirriżultaw fil-frattemp.
10 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu madankollu semma diversi diffikultajiet tekniċi sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija obbligi. Huwa bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq l-impossibbiltà għall-Unjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa li tapplika tariffa b’analoġija għar-rimborsi tal-ispejjeż sostnuti barra l-pajjiż, fuq il-kundizzjonijiet nazzjonali specifiċi ta’ rimbors ta’ spejjeż ta’ analiżijiet ta’ bijoloġija medika kif ukoll fuq il-fatt li l-emendar tal-Istatuti jaqa’ taħt il-kompetenza tal-imsieħba soċjali.
11 Billi kkunsidrat li ma kienet kisbet l-ebda impenn sod min-naħa tal-awtoritajiet Lussemburgiżi fir-rigward tal-eliminazzjoni tan-nuqqas allegat, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil Gran Dukat tal-Lussemburgu fis‑16 ta’ Ottubru 2008, fejn stednitu jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE f’terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri min-notifika ta’ din l-opinjoni.
12 Wara skambju ta’ ittri bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni, fejn dan l-Istat Membru sostna, b’mod partikolari, li l-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard fil-Lussemburgu ntalbu jirrimborsaw l-ispejjeż tal-analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa barra t-territorju Lussemburgiż b’applikazzjoni ta’ tariffa ffissata b’analoġija għat-tariffi Lussemburgiżi, li l-Unjoni tal-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa ntalbet temenda l-Istatuti u li l-emenda tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali ma ssirx b’mod iżolat, iżda fil-kuntest ta’ riforma ġenerali eventwali, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienet ġiet adottata l-ebda dispożizzjoni li temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata u, għaldaqstant, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2010, ir-Renju tad-Danimarka ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
14 Wara li r-Renju tad-Danimarka informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien qiegħed jirrinunzja għall-intervent tiegħu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Lulju 2010, ordna t-tħassir ta’ dan l-Istat Membru bħala intervenjent fil-kawża.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
15 Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali u l-Artikolu 12 tal-Istatuti jwasslu għal restrizzjoni mhux ġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE.
16 Hija ssostni li s-servizzi tas-saħħa huma servizzi fis-sens tal-imsemmi Artikolu 49 KE u li dan jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi fi ħdan l-istess Stat Membru. Il-Kummissjoni tqis ukoll li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri xorta waħda għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tal-imsemmi dritt.
17 Is-sistema ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà ta’ spejjeż marbuta ma’ analiżijiet u eżamijiet tal-laboratorju mill-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma tapplikax fil-każ fejn il-laboratorju li għalih jirrikorri affiljat tas-sigurtà soċjali tal-Lussemburgu jkun stabbilit barra mit-territorju Lussemburgiż. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-imsemmija servizzi jistgħu jkunu koperti biss minn dik is-sistema jeskludi għaldaqstant il-possibbiltà ta’ rimbors lil tali affiljat tal-ispejjeż li jirriżultaw minn analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa fi Stat Membru ieħor minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
18 Issa, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri li jkunu stabbilixxew sistema ta’ servizzi in natura għandhom jipprovdu mekkaniżmi ta’ rimbors a posteriori tal-kura mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak li fih ikun irreġistrat l-assigurat.
19 Barra minn dan, anki fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet Lussemburgiżi japplikaw sistema ta’ rimbors fil-każ ta’ analiżijiet jew ta’ eżamijiet mwettqa fi Stati Membri oħra minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-ispejjeż marbuta ma’ dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu rrimborsati jekk dawn ma jkunux twettqu b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, sabiex l-imsemmija servizzi jkunu rrimborsati, jeħtieġ li dawn jitwettqu fi ħdan “laboratorju ta’ analiżi[jiet] separat”. Issa, fil-Ġermanja, iżda wkoll fi Stati Membri oħra, it-tobba jwettqu huma stess tali analiżijiet.
20 Il-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ responsabbiltà previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għaldaqstant joħolqu diskriminazzjoni abbażi tal-metodu ta’ kura tas-saħħa fl-Istati Membri. Għaldaqstant, affiljat mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża jista’ jiġi rrimborsat jew le skont l-Istat Membru li fih huwa jkun ibbenefika minn kura tas-saħħa. Bħala ezempju, il-Kummissjoni ssostni li, jekk affiljat mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża jingħata kura fi Franza jew fil-Belġju, fejn ġeneralment l-analiżijiet jitwettqu f’“laboratorji separati”, jingħata rimbors lil dan l-affiljat. Il-Kummissjoni ssostni li, b’mod kuntrarju, jekk dan tal-aħħar jingħata kura fil-Ġermanja, kif kien il-każ f’wieħed mill-ilmenti li tressaq quddiemha, dan ma jiġix irrimborsat.
21 Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ servizzi tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni jibqgħu applikabbli għal pazjenti li jirċievu kura fi Stat Membru ieħor, iżda dawn la għandhom ikunu diskriminatorji u lanqas jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni. Issa, il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża huma marbuta direttament mal-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw il-provvista tal-kura tas-saħħa u jkun għalhekk impossibbli li l-pazjenti jeżerċitaw kwalunkwe influwenza fuq il-mod ta’ kif tingħata din il-kura. B’mod kuntrarju, in-natura ta’ analiżi tibqa’ inoltrata, indipendentement minn jekk dik l-analiżi titwettaqx minn tabib fl-uffiċċju tiegħu, fi sptar jew f’“laboratorju separat”.
22 L-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali u l-Artikolu 12 tal-Istatuti għandhom ukoll bħala effett li jiskoraġġixxu lill-affiljati mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża milli jirrikorru għal fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti fi Stati Membri differenti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u għaldaqstant jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ma huwiex iġġustifikat.
23 Fir-rigward tar-riskju għas-sistema kuntrattwali, dwar il-fatt li l-fornituri li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma għandhomx iktar interess li jaċċettaw prezzijiet innegozjati jekk is-servizzi jiġu rrimborsati bl-istess tariffa, indipendentement minn jekk il-fornituri jkunux jaħdmu fuq bażi kuntrattwali jew le, il-Kummissjoni ssostni li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma pproduċa l-ebda prova f’dan ir-rigward. Barra minn dan, is-sistema tat-teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard hija ta’ benefiċċju għall-fornituri li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali, peress li, loġikament, il-fornituri li jaħdmu fuq bażi mhux kuntrattwali ma jistgħux jipproponuhom lill-pazjenti tagħhom.
24 Fir-rigward tal-istruzzjonijiet mogħtija lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard sabiex jirrimborsaw l-ispejjeż tal-analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa barra t-territorju Lussemburgiż, il-Kummissjoni tqis li prassi amministrattiva, li min-natura tagħha tista’ tiġi mmodifikata skont kif tkun tixtieq l-amministrazzjoni u li ma tgawdix minn pubbliċità adegwata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
25 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li r-rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard tal-analiżijiet imwettqa f’laboratorju stabbilit fi Stat Membru ieħor ma huwiex konformi mal-Artikolu 49 KE.
26 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu madankollu jsostni li l-Istati Membri jibqgħu esklużivament kompetenti fir-rigward tal-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u jistaqsi jekk l-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-ispejjeż ta’ dawk is-servizzi mingħajr ma għandhom dritt ta’ skrutinju minn qabel jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE. Dak l-obbligu jippreġudika l-prerogattivi sovrani tal-Istati Membri fil-qasam inkwistjoni u jimponi fuq il-Gran Dukat tal-Lussemburgu tibdil radikali tal-organizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa tiegħu.
27 L-imsemmi Stat Membru jsostni, barra minn dan, li s-sistema tas-saħħa tiegħu hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ kuntrattar obbligatorju u tal-inklużjoni fil-baġit tal-istabbilimenti tal-isptarijiet. Dik is-sistema tieħu kont tal-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali billi tipproponi vantaġġi identiċi kemm liċ-ċittadini f’qagħda modesta kif ukoll lil dawk li għandhom dħul għoli. Din tista’ tinżamm biss jekk numru kbir ta’ assigurati soċjali effettivament jużawha peress li l-mekkaniżmu tat-teħid dirett tar-responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard huwa mezz sabiex jintlaħaq dak ir-riżultat.
28 Madankollu, li kieku l-assigurati soċjali l-iktar sinjuri jitħallew jirċievu liberament kura tas-saħħa fl-Istati Membri li jinsabu fil-qrib tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tiġi ppreġudikata s-solidarjetà neċessarja għall-funzjonament tas-sistema tas-saħħa Lussemburgiża. Il-fornituri tas-servizzi tas-saħħa stabbiliti f’dak l-Istat Membru wkoll jirrifjutaw li jissuġġettaw ruħhom għall-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema kuntrattwali. Fil-fatt, sabiex tinżamm is-sistema kuntrattwali ma’ ċerti fornituri, ingħataw żidiet tariffarji matul negozjati kollettivi.
29 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jesponi madankollu li huwa ma jopponix li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet ikkontestati mir-rikors tal-Kummissjoni. Tali emendi għandhom isiru fil-kuntest ta’ riforma ġenerali tal-qasam ikkonċernat u fil-frattemp, l-Ispettorat ġenerali tas-sigurtà ġenerali ħareġ struzzjonijiet ċari, preċiżi u restrittivi, li jobbligaw lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard jirrimborsaw l-analiżijiet tal-laboratorju mwettqa fi Stati Membri oħra u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom iwassal għas-sospensjoni, jew anki għall-annullament tad-deċiżjoni kuntrarja. Dan jiżgura l-osservanza tal-Artikolu 49 KE.
30 Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Il-Kummissjoni tallega li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE billi dan l-Istat Membru, minn naħa, ma pprevediex, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali, għall-possibbilità tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-analiżijiet u għal eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, imwettqa fi Stat Membru ieħor, fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-assigurati soċjali għal dawk l-analiżijiet, iżda ppreveda biss għat-teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard. Hija tilmenta, min-naħa l-oħra, li dak l-Istat Membru jissuġġetta, fi kwalunwe każ, skont l-Artikolu 12 tal-Istatuti, ir-rimbors mill-imsemmija fondi tal-ispejjeż tal-analiżijiet tal-bijoloġija medika mwettqa fi Stat Membru ieħor għall-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti mill-ftehim nazzjonali msemmija f’dan l-artikolu.
32 Jeħtieġ jitfakkar qabel kollox li għalkemm huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ servizzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, Ġabra p. I‑5473, punti 44 sa 46; tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 100; tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 92, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, Ġabra p. I-00000, punt 40).
33 F’dan ir-rigward l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 33, u tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I-5267, punt 55).
34 Skont ġurisprudenza stabbilita, is-servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 29, u Elchinov, punt 36) mingħajr ma jkun hemm għalfejn issir distinzjoni bejn jekk il-kura tkunx ingħatat f’kuntest ta’ sptarijiet jew barra minn tali kuntest (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C‑368/98, Ġabra p. I‑5363, punt 41; Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, kif ukoll tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑512/08, Ġabra p. I-00000, punt 30).
35 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l-libertà tad-destinatarji tas-servizzi, b’mod partikolari tal-persuni li għandhom jirċievu l-kura medika, li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Watts, punt 87; Elchinov, punt 37, u Il-Kummissjoni vs Franza, punt 31).
36 Barra minn dan, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali u iktar speċifikament, tipprevedi, fir-rigward ta’ assigurazzjoni għall-mard, għal benefiċċju in natura iktar milli rimbors, ma jfissirx illi t-trattamenti mediċi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-libertà fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Müller-Fauré u van Riet, punt 103; Watts, punt 89, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 47).
37 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rikors tal-Kummissjoni sa fejn dan jikkonċerna n-nuqqas ta’ possibbiltà tat-teħid ta’ repsonsabbiltà ta’ analiżijiet u eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal dawk l-analiżijiet u eżamijiet, jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li dan jirrigwarda biss it-teħid ta’ responsabbiltà tal-kura tas-saħħa mogħtija minn fornituri ta’ servizzi mediċi li ma jkunux ikkonkludew kuntratt mal-fondi Lussemburgiżi tal-assigurazzjoni għall-mard, peress li l-ispejjeż sostnuti għall-kura tas-saħħa huma koperti permezz tas-sistema ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà minn dawn il-fondi sakemm din il-kura tingħata minn fornitur approvat.
38 F’dan ir-rigward, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali ma tipprekludix lill-assigurati soċjali mill-possibbilità li jirrikorru għal fornitur ta’ servizzi mediċi stabbilit fi Stat Membru ieħor minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, xorta jibqa’ l-fatt li din ma tippermettix ir-rimbors tal-ispejjeż tal-kura mogħtija minn fornitur mhux approvat, meta dak ir-rimbors jikkostitwixxi l-uniku mezz ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal tali kura.
39 Issa, sa fejn huwa stabbilit li s-sistema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża hija bbażata fuq sistema ta’ kuntrattar obbligatorju ta’ fornituri, il-fornituri li kkonkludew kuntratt mal-fondi Lussemburgiżi tal-assigurazzjoni għall-mard huma prinċipalment dawk stabbiliti f’dak l-Istat Membru.
40 Fil-fatt, huwa ċertament possibbli għall-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard ta’ Stat Membru li jikkonkludu kuntratti ma’ fornituri li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali. Madankollu fil-prinċipju ma tantx huwa probabbli li numru sinjifikattiv ta’ fornituri li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra jikkonkludu kuntratti mal-imsemmija fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, peress li l-prospettivi tagħhom li jilqgħu pazjenti assigurati minn dawk il-fondi jibqgħu inċerti u limitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
41 Konsegwentement, sa fejn l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża inkwistjoni effettivament teskludi l-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà ta’ analiżijiet u ta’ eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, imwettqa minn kważi l-fornituri kollha tas-servizzi mediċi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jew saħansitra minn kollha, din tiskoraġġixxi, jew anki tipprekludi, lill-persuni affiljati mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża milli jirrikorru għal tali fornituri u tikkostitwixxi, kemm għalihom kif ukoll għall-fornituri, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
42 Fir-risposta tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni li s-sistema tiegħu ta’ assigurazzjoni għall-mard tista’ tiġi ppreġudikata jekk ikun permess li l-affiljati jiksbu liberament kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra, peress li jkun biss numru insuffiċjenti minn dawk l-affiljati li jirrikorru għal fornituri tas-servizz tas-saħħa stabbiliti fil-Lussemburgu u li dawn tal-aħħar jirrifjutaw li jissuġġettaw ruħhom għall-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema kuntrattwali.
43 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li l-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptarijiet ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd ukoll jista’ jikkostitwixxi waħda mid-derogi, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, previsti mill-Artikolu 46 KE, sa fejn tali għan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 50; Müller-Fauré u van Riet, punti 67 u 71 kif ukoll Watts, punt 104), u, min-naħa l-oħra, li ma jistax jiġi eskluż li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi Kohll, punt 41; Müller-Fauré u van Riet, punt 73, Watts, punt 103, kif ukoll Elchinov, punt 42).
44 Madankollu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma wriex l-eżistenza ta’ tali riskju u lanqas ma spjega r-raġuni għalfejn in-nuqqas ta’ rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-analiżijiet u mal-eżamijiet tal-laboratorju mwettqa minn fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti fi Stati Membri oħra huwa intiż li jiżgura l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma jeċċedix dak li huwa oġġettivament neċessarju għal dak il-għan.
45 Barra minn dan, b’risposta għall-argument li l-Istati Membri jiġu mġiegħla jirrinunzjaw għall-prinċipji u għall-ekonomija tas-sistema tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard u li dan jippreġudika kemm il-libertà tagħhom li jistabbilixxu sistema ta’ sigurtà soċjali tal-għażla tagħhom kif ukoll il-funzjonament ta’ dik is-sistema, b’mod partikolari jekk dawn ikollhom idaħħlu fil-metodu ta’ organizzazzjoni tagħhom tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, mekkaniżmi ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ tali kura mwettqa fi Stati Membri oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 102 tas-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kisba tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE tobbliga b’mod inevitabbli lill-Istati Membri sabiex jadottaw tibdiliet għas-sistema tagħhom ta’ sigurtà soċjali, mingħajr madankollu ma jikkunsidraw li minħabba dan il-fatt ġiet ppreġudikata l-kompetenza sovrana tagħhom f’dan il-qasam.
46 Barra minn dan, fil-kuntest stess tal-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), dawk l-Istati Membri li stabbilixxew sistema ta’ benefiċċji in natura, jew anki servizz nazzjonali tas-saħħa, għandhom jipprovdu mekkaniżmi għar-rimbors a posteriori għall-kura pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105). F’dan ir-rigward, xejn ma jwaqqaf lill-Istat Membru kompetenti li għandu sistema ta’ benefiċċji in natura, milli jiddetermina l-ammonti ta’ rimbors li pazjenti li jkunu ngħataw kura fi Stat Membru ieħor jistgħu jitolbu, sakemm dawk l-ammonti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti (sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).
47 Finalment, fir-rigward tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Ispettorat ġenerali tas-sigurtà soċjali li jirreferi għalihom il-Gran Dukat tal-Lussemburgu bil-għan li juri l-ineżistenza tan-nuqqas allegat, ikun suffiċjenti li jitfakkar li sempliċi prassi amministrattiva li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tali istruzzjonijiet, li min-natura tagħha tista’ tiġi mmodifikata skont il-volontà tal-amministrazzjoni u ma tingħatax pubbliċità adegwata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑465/05, Ġabra p. I‑11091, punt 65).
48 Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi ma pprevediex, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali, għall-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, imwettqa fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal dawk l-analiżijiet u eżamijiet, iżda billi ppreveda biss sistema ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
49 Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rikors tal-Kummissjoni sa fejn dan jikkonċerna l-Artikolu 12 tal-Istatuti, jeħtieġ qabel xejn jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, Ġabra p. I-3713, punt 116 u Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).
50 Barra minn dan, mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors jiġu indikati b’mod koerenti u jkunu jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 103; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑508/08, Ġabra p. I-00000, punt 16).
51 Jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, fir-rigward tal-Artikolu 12 tal-Istatuti, il-Kummissjoni tilmenta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu jissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż tal-analiżi tal-bijoloġija medika mwettqa fi Stat Membru ieħor għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu f’dan ir-rigward. Hija ssostni wkoll li dawk il-kundizzjonijiet huma “manifestament sproporzjonati”.
52 F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni stess fir-rikors promotur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu, bħalma huma wkoll kompetenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-kopertura tal-assigurazzjoni żgurata mis-sigurtà soċjali, sakemm dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji u lanqas ma jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni, jibqgħu applikabbli fejn il-kura tiġi pprovduta fi Stat Membru differenti minn dak tal-affiljazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).
53 Issa, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżit li l-Kummissjoni identifikat kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors tagħha li hija dik li l-“analiżijiet tal-bijoloġija medika” għandhom isiru minn “laboratorju separat”, il-Kummissjoni mkien ma indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha liema huma l-imsemmija kundizzjonijiet. Hija lanqas ma ppreċiżat liema huma, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Lussemburgiż li jippreveduhom.
54 Barra minn dan, il-Kummissjoni ma pproduċietx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika n-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn il-kundizzjonijiet mal-Artikolu 49 KE.
55 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma identifikatx id-dispożizzjoni tad-dritt Lussemburgiż li tipprevedih u la ddeterminat kjarament u bi preċiżjoni l-portata eżatta ta’ dak ir-rekwiżit u lanqas is-servizz mediċi li japplika għalihom.
56 F’dak ir-rigward, la d-deskrizzjoni tal-ilment li wasal għand il-Kummissjoni u lanqas l-informazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar waqt is-seduta ma ċċaraw dawk l-aspetti.
57 Fuq dak il-punt, il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li hija ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni fil-qasam tan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u li hija tiddependi, għall-eżami tal-fajl, fuq it-tweġibiet u l-kollaborazzjoni tal-Istati Membri.
58 Madankollu, dan is-sempliċi fatt ma jistax jawtorizza lill-Kummissjoni tiddevja mill-obbligi msemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza.
59 Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta jikkooperaw in bona fide f’kull investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 226 KE u li jgħaddulha kull informazzjoni mitluba għal dan il-għan (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑82/03, Ġabra p. I‑6635, punt 15 u tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C‑221/08, Ġabra p. I-1669, punt 60).
60 Madankollu, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kummissjoni talbet lil Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex iforniha bil-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas li dik l-istituzzjoni attribwixxiet lil dak l-Istat Membru n-nuqqas li jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 10 KE.
61 Finalment, il-Kummissjoni lanqas ma wriet in-natura restrittiva fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tar-rekwiżit imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, iżda sempliċement irreferiet għad-diverġenzi bejn is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali li jibqgħu jeżistu fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1986, Pinna, 41/84, Ġabra p. 1, punt 20, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
62 F’dawk il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma stabbilitixxietx li, billi żamm fis-seħħ l-Artikolu 12 tal-Istatuti, li jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard għal servizzi u provvisti tas-saħħa għall-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti mill-ftehim nazzjonali msemmija f’dak l-artikolu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
63 Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni, sa fejn dan jikkonċerna l-Artikolu 12 tal-Istatuti, għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
64 Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqassam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, b’mod partikolari, jekk il-partijiet jitilfu fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma pprevediex, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali, għall-possibbiltà ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż marbuta ma’ analiżijiet u ma’ eżamijiet tal-laboratorju, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali Lussemburgiż, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din il-kawża, imwettqa fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal dawn l-analiżijiet u eżamijiet, iżda billi ppreveda biss sistema ta’ teħid dirett ta’ responsabbiltà mill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.