This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0483
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 15 September 2011.#Criminal proceedings against Magatte Gueye (C-483/09) and Valentín Salmerón Sánchez (C-1/10).#References for a preliminary ruling: Audiencia provincial de Tarragona - Spain.#Police and judicial cooperation in criminal matters - Framework Decision 2001/220/JHA - Standing of victims in criminal proceedings - Domestic crimes - Obligation to impose as an ancillary penalty an injunction prohibiting the offender from approaching the victim of the offence - Choice of forms of penalty and level of penalty - Compatibility with Articles 2, 3 and 8 of the Framework Decision - Provision of national law excluding mediation in criminal cases - Compatibility with Article 10 of the Framework Decision.#Joined cases C-483/09 and C-1/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Settembru 2011.
Proċeduri penali kontra Magatte Gueye (C-483/09) u Valentín Salmerón Sánchez (C-1/10).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Audiencia provincial de Tarragona - Spanja.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA - Drittijiet tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali - Reati mwettqa f’ambjent familjari - Obbligu ta’ piena anċillarja biex tinżamm id-distanza li tipprojbixxi lill-ikkundannat milli jersaq lejn il-vittma tiegħu - Għażla tat-tipi ta’ pieni u tal-livell tagħhom - Kompatibbiltà mal-Artikoli 2, 3 u 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas - Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-medjazzjoni kriminali - Kompatibbiltà mal-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni qafas.
Każijiet Magħquda C-483/09 u C-1/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Settembru 2011.
Proċeduri penali kontra Magatte Gueye (C-483/09) u Valentín Salmerón Sánchez (C-1/10).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Audiencia provincial de Tarragona - Spanja.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA - Drittijiet tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali - Reati mwettqa f’ambjent familjari - Obbligu ta’ piena anċillarja biex tinżamm id-distanza li tipprojbixxi lill-ikkundannat milli jersaq lejn il-vittma tiegħu - Għażla tat-tipi ta’ pieni u tal-livell tagħhom - Kompatibbiltà mal-Artikoli 2, 3 u 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas - Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-medjazzjoni kriminali - Kompatibbiltà mal-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni qafas.
Każijiet Magħquda C-483/09 u C-1/10.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08263
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:583
** AFFAIRE C-483/9 **
*A9* Audiencia Provincial de Tarragona, Sección cuarta, auto de 15/09/2009 (479/2009)
** AFFAIRE C-1/10 **
*A9* Audiencia Provincial de Tarragona, 4ème section spéciale (délits de violence contre la femme), auto de 18/12/2009 (523/09)
Kawżi magħquda C-483/09 u C-1/10
Proċeduri kriminali
kontra
Magatte Gueye
u
Valentín Salmerón Sánchez
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia provincial de Tarragona)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA — Drittijiet tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — Reati mwettqa f’ambjent domestiku — Obbligu ta’ piena anċillari ta’ tbegħid li tipprojbixxi lill-ikkundannat milli javviċina lill-vittma tiegħu — Għażla tat-tipi ta’ pieni u tal-livell tagħhom — Kompatibbiltà mal-Artikoli 2, 3 u 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas — Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-medjazzjoni kriminali — Kompatibbiltà mal-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni qafas”
Sommarju tas-sentenza
1. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Status tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Rwol tal-vittma fil-proċedura
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikoli 2, 3 u 8)
2. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Status tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — Deċiżjoni Qafas 2001/220 — Obbligu ta’ promozzjoni tal-medjazzjoni — Portata
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220, Artikolu 10(1))
1. L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li sanzjoni ta’ tbegħid obbligatorja għal żmien minimu, prevista fil-liġi kriminali ta’ Stat Membru bħala piena anċillarja, tiġi imposta kontra awturi ta’ vjolenzi mwettqa f’ambjent domestiku, minkejja li l-vittmi tagħhom jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni.
Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, dawn huma intiżi li jiżguraw li l-vittma tkun tista’ tieħu sehem effettiv fil-proċeduri kriminali b’mod xieraq, li ma jimplikax li miżura ta’ tbegħid obbligatorja ma tkunx tista’ tingħata kontra l-fehma tal-vittma. Min-naħa l-oħra, id-dritt proċedurali għal smigħ skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess Deċiżjoni Qafas ma jagħti l-ebda dritt fir-rigward tal-għażla lill-vittmi dwar it-tipi ta’ pieni u lanqas dwar il-livell ta’ dawn il-pieni. Il-protezzjoni kriminali mill-atti ta’ vjolenza domestika ma hijiex intiża biss li tipproteġi l-interessi tal-vittma iżda wkoll interessi oħra iktar ġenerali tas-soċjetà. Finalment, il-protezzjoni tal-Artikolu 8, li b’mod partikolari hija intiża li tipproteġi b’mod xieraq lill-vittma mill-awtur tar-reat matul il-proċedura kriminali, ma tistax tinftiehem fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta wkoll li jipproteġu lill-vittmi mill-effetti indiretti li jipproduċu, fi stadju ulterjuri, il-pieni imposti mill-qorti nazzjonali.
Barra minn hekk, l-obbligu li tingħata miżura ta’ tbegħid b’konformità mad-dritt sostantiv inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.
(ara l-punti 56, 60, 61, 66, 67, 69, 70 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kategorija partikolari tal-ksur imwettaq f’ambjent domestiku, li jeskludi r-rikors għall-medjazzjoni fil-proċeduri kriminali kollha relatati ma’ tali ksur.
F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li l-Artikolu 34(2) UE jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-forma u tal-metodi neċessarji sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-deċiżjonijiet qafas, l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas jillimita ruħu li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfittxu li jippromwovu l-medjazzjoni għar-reati li huma jqisu adattati, b’mod li l-għażla tar-reati li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija applikabbli taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.
(ara l-punti 72, 76 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Settembru 2011(*)
“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA – Drittijiet tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Reati mwettqa f’ambjent domestiku – Obbligu ta’ piena anċillari ta’ tbegħid li tipprojbixxi lill-ikkundannat milli javviċina l-vittma tiegħu – Għażla tat-tipi ta’ pieni u tal-livell tagħhom – Kompatibbiltà mal-Artikoli 2, 3 u 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas – Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-medjazzjoni kriminali – Kompatibbiltà mal-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni qafas”
Fil-Kawżi magħquda C‑483/09 u C‑1/10,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 35 UE mressqa mill-Audiencia Provincial de Tarragona (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet, waħda, tal-15 ta’ Settembru 2009, emendati bid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru sussegwenti, u l-oħra, tat-18 ta’ Diċembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2009 u fl-4 ta’ Jannar 2010 rispettivament, fil-proċeduri kriminali kontra
Magatte Gueye (C‑483/09),
fil-preżenza ta’:
X,
u
Valentín Salmerón Sánchez (C‑1/10),
fil-preżenza ta’:
Y,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn S. Unzeitig, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili u L. Ventrella, avvocati dello Stato,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. De Ree, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,
– għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz u S. Johannesson, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker u J. Stratford, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’Mejju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 8 u 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 72, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).
2 Dawn it-talbiet saru fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra M. Gueye u V. Salmerón Sánchez rispettivament, li tħarrku minħabba ksur tal-projbizzjoni, imposta bħala piena anċillari, li jersqu lejn il-vittmi femminili tagħhom li, f’ambjent domestiku, batew trattament ħżiena i li għalihom ġew imposti wkoll sanzjonijiet prinċipali fuqhom.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Id-Deċiżjoni Qafas ġiet adottata fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 31(1)(ċ) UE, li jipprovdi li, l-azzjoni komuni f’dik li hija kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja kriminali għandha tinkludi, fost oħrajn, li tiżgura kompatibbiltà fir-regoli applikabbli fl-Istati Membri, kif jista’ jkun meħtieġ biex tittejjeb din il-kooperazzjoni.
4 Mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li l-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere (il-Finlandja), matul il-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, stipula li għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari dwar l-aċċess tal-vittmi tal-kriminalità għall-ġustizzja u d-dritt tagħhom għall-kumpens għad-danni.
5 Il-premessi 4, 8 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas jaqraw kif ġej:
“(4) L-Istati Membri għandhom iqarrbu l-liġijiet u r-regolamenti tagħom safejn ikun hemm bżonn sabiex jinkiseb l-għan li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw l-għola livell ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu.
[…]
(8) Ir-regoli u l-prattiċi rigward il-posizzjoni u d-drittijiet prinċipali tal-vittmi għandhom jiġu mifhuma, id-dritt għall-protezzjoni fil-fażijiet kollha tal-proċedura […]
(9) Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru madankollu ma’ jimponux obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-vittma tkun trattata b’mod ekwivalenti għal dak ta’ parti mill-proċeduri.”
6 Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, għall-finijiet tagħha:
“a) “vittma” għandha tfisser persuna fiżika li tkun sofriet danni [...] kawżati direttament minn atti jew ommissjonijiet li bi ksur tal-liġi kriminali ta’ Stat Membru;
[…]
ċ) “proċeduri kriminali” għandha tinftiehem b’mod konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli;
[…]
e) “medjazzjoni fil-każi kriminali” għandha tinftiehem bħala t-tfittxija, qabel jew matul il-proċeduri kriminali, għal-soluzzjoni negozjata bejn il-vittma u l-awtur tar-reat, medjata minn persuna kompetenti.”
7 L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rispett u rikonoxximent”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi jkollhom rwol sinifikanti u xieraq fis-sistema legali kriminali tieghu. Dan għandu jkompli jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-vittmi jkunu trattati bir-rispett dovut għad-dinjità ta’ l-individwu matul il-proċeduri u għandu jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi b’refernza partikolari għall-proċeduri kriminali.”
8 L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Seduti, u l-provvista ta’ provi”, fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi, li “[k]ull Stat Membru għandhu jissalvagwardja l-possibbiltà għall-vittmi li jinstemgħhu matul il-proċeduri u li jkunu fornuti provi”.
9 L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Id-dritt għall-protezzjoni”, jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi u, fejn ikun xieraq, lill-familji tagħhom jew persuni f’posizzjoni simili, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidraw li jkun hemm riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom.
2. Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 4, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li jkun possibli li jadotta, jekk ikun hemm bżonn, bħala parti mill-proċeduri fil-qrati, miżuri appropjati sabiex jitħarsu l-privatezza u l-immaġni fotografika tal-vittmi u l-familji tagħhom jew perdsuni f-posizzjoni simili.
3. Kull Stat Membri għandhu barra minn hekk jiżgura li jiġi evitat kull kuntatt bejn il-vittmi u l-ħatja fil-bini tal-qrati, sakemm il-proċeduri kriminali ma jkunux jitolbu dan il-kuntatt. Fejn ikun xieraq għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu progressivament jipprovdi li l-bini tal-qrati jkollhom żoni ta’ stennija apposta għall-vittmi.
4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fejn ikun hemm bżonn li jiġu protetti l-vittmi - partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli - mill-effetti tax-xhieda fil-qorti miftuħa, il-vittmi jistgħu, permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-qorti, ikunu intitolati jixhdu b’mod li jippermetti li jintlaħaq dan il-għan, b’kull mezz xieraq kompatibbli mal-prinċipji legali bażiċi.”
10 Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas, “[k]ull Stat Membru għandu jfittex li jippromwovi il-medjazzjoni fil-każi kriminali għal dawk ir-reati li tqis addattati għal din it-tip ta’ miżura.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Il-Kodiċi Kriminali (Código Penal), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Organika 15/2003 li temenda l-Liġi Organika 10/1995 (Ley Orgánica 15/2003 por la que se modifica la Ley Orgánica 10/1995), tal-25 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 283, tas-26 ta’ Novembru 2003, p. 41842, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), jinkludi l-Artikolu 48, li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jistabbilixxi l-effetti ta’ piena anċillari ta’ tbegħid li tipprojbixxi lill-kundannat milli jersaq, b’mod partikolari, lejn il-vittma tiegħu.
12 L-Artikolu 57 tal-Kodiċi Kriminali, bil-frażijiet li ġejjin jippreċiża l-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom projbizzjoni jew għadd ta’ projbizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 48, rispettivament, jistgħu (paragrafu 1) jew għandhom (paragrafu 2) jiġu imposti:
“1. Għar-reati ta’ omiċidju, abort, ta’ leżjoni, kontra l-libertà, ta’ torturi, u kontra l-integrità morali, il-libertà sesswali, l-intimità, id-dritt għad-dehra personali u għall-invjolabbiltà tar-residenza [...], il-qrati jew it-tribunali jistgħu, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-fatti jew tal-periklu li jippreżenta l-awtur tal-fatti, jipprovdu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, għal projbizzjoni jew numru ta’ projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 48 […]
[…]
2. Fir-rigward tar-reati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, li kienu twettqu kontra dak li hu, jew li kien, il-konjuġi, jew kontra persuna li hija, jew li kienet, marbuta mal-kundannat, anki fin-nuqqas ta’ koabitazzjoni, permezz ta’ relazzjoni intima analoga […], tiġi applikata, fi kwalunkwe każ, il-piena prevista fl-Artikolu 48(2) [jiġifieri l-projbizzjoni li jersaq lejn il-vittma tiegħu] jew dik ta’ perijodu li ma jaqbiżx l-għaxar snin, f’każ ta’ reat serju, u ħames snin fir-rigward ta’ reat inqas serju [...]”.
13 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-piena ta’ projbizzjoni obbligatorja tapplika għal perijodu li jaqbeż minn tal-inqas sena ż-żmien tal-piena ta’ ħabs imposta, jew għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur u inqas minn ħames snin jekk il-piena imposta hija ta’ xorta oħra.
14 Iż-żmien minimu ffissat għal sitt xhur jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitnaqqas għal xahar b’konformità mal-Artikolu 40(3) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 33(6) tiegħu.
15 L-Artikolu 468(2) tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tiegħu emendata bil-Liġi Organika 1/2004 fuq il-miżuri ta’ protezzjoni totali mill-vjolenza fuq in-nisa (Ley Orgánica 1/2004 de Medidas de Protección Inegral contra la Violencia de Género), tat-28 ta’ Diċembru 2004 (BOE Nru 313, tad-29 ta’ Diċembru 2004, p. 42166, iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 1/2004”), jipprovdi għal piena ta’ ħabs minn sitt xhur sa sena għal kull persuna li ma tosservax waħda mill-pieni previsti fl-Artikolu 48 tal-Kodiċi Kriminali, imposta għal ksur kriminali fejn il-vittma tagħha hija waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 173(2) tal-Kodiċi Kriminali. Din l-aħħar dispożizzjoni ssemmi, b’mod partikolari, il-konjuġi jew il-persuna marbuta permezz ta’ rabtiet affettivi analogi, anki mingħajr koabitazzjoni.
16 Il-Liġi Organika 6/1985 dwar is-setgħa ġudizzjarja (Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial), fil-verżjoni tagħha emendata bil-Liġi Organika 1/2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Organika 6/85”), fl-Artikolu 82(1) tagħha tipprovdi li l-Audiencias Provinciales għandhom kompetenza fil-qasam kriminali, b’mod partikolari fuq “azzjonijiet stabbiliti bil-liġi kontra d-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam kriminali mill-Juzgados de Violencia sobre la Mujer (qrati kompetenti fil-qasam tal-vjolenza fuq in-nisa) tal-provinċja”.
17 L-Artikolu 87b(5) tal-Liġi Organika 6/85, introdott bil-Liġi Organika 1/2004, jipprojbixxi l-medjazzjoni fil-każijiet kollha ta’ ksur imwettqa f’ambjent domestiku.
18 B’konformità mal-Artikolu 792(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (Ley de Enjuiciamento Criminal), l-ebda azzjoni fil-qrati ordinarji ma hija ammissibbli kontra deċiżjonijiet bħalma huma dawk li jkollha tagħti fl-appell il-qorti tar-rinviju fil-kawżi li tressqu quddiemha.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
19 Permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija fl-2008 mill-Juzgado de lo Penal N 23 de Barcelona (Awla Kriminali Nru 23 tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Barcelona) u fl‑2006 mill-Juzgado de Instrucción nº 7 de Violencia Sobre la Mujer de El Vendrell (qorti kriminali tal-ewwel istanza Nru 7 ta’ El Vendrell, awla speċjalizzata fuq reati ta’ vjolenza fuq in-nisa), M. Gueye u V. Salmerón Sánchez ġew ikkundannati għal maltrattament imwettaq f’ambjent domestiku, taħt, fost sanzjonijiet oħrajn, piena anċillari ta’ projbizzjoni li jżommu rispettivament distanza ta’ 1000 metru u ta’ 500 metru mill-vittma tagħhom jew li jagħmlu kuntatt magħha, għal perijodu ta’ 17-il xahar fl-ewwel każ u ta’ 16-il xahar fit-tieni.
20 Minkejja li kienu jafu b’dawn il-projbizzjonijiet imposti skont l-Artikolu 57(2) tal-Kodiċi Kriminali, iż-żewġ ikkundannati, relattivament ftit taż-żmien wara li ngħataw dawn il-pieni anċillari, reġgħu bdew jgħixu flimkien mal-vittmi rispettivi tagħhom fuq talba ta’ dawn il-vittmi. Huma komplew jikkoabitaw magħhom sal-arrest tagħhom fit-3 ta’ Frar 2009 fir-rigward ta’ M. Gueye u fil-5 ta’ Diċembru 2007 fir-rigward ta’ V. Salmerón Sánchez.
21 Permezz ta’ sentenzi, mogħtija fil-11 ta’ Frar 2009 u fis-27 ta’ Marzu 2008 rispettivament, il-Juzgado de lo Penal nº 1 de Tarragona (Awla Kriminali Nru 1 tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Tarragona) ikkundannat lil M. Gueye u lil V. Salmerón Sánchez għan-nuqqas ta’ osservanza tal-piena anċillari ta’ projbizzjoni li jersqu lejn il-vittma tagħhom skont l-Artikolu 468(2) tal-Kodiċi Kriminali.
22 Fil-kuntest tal-appelli minn dawn is-sentenzi, il-qorti tar-rinviju semgħet ix-xhieda tal-persuni li kienu f’relazzjoni ma M. Gueye u V. Salmerón Sánchez għal numru ta’ snin qabel ma ġew imposti dawn is-sanzjonijiet fuqhom, u wkoll fil-ħin tal-arrest ta’ dawn tal-aħħar.
23 Fil-kuntest ta’ din ix-xhieda, il-persuni kkonċernati ddikjaraw li kienu huma stess, b’mod pjenament konxju u volontarju, li ddeċidew li jerġgħu jibdew jikkoabitaw mal-ikkundannati, minkejja l-fatt li dawn it-tnejn kienu ġew ikkundannati kriminalment talli kienu aggredewhom preċedentement.
24 Skont dawn il-persuni, il-koabitazzjoni ma’ M. Gueye u V. Salmerón Sánchez imxiet b’mod normali għal għadd ta’ xhur, sad-data tal-arrest ta’ dawn tal-aħħar.
25 Permezz tal-appelli tagħhom, ippreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenzi mogħtija mill-Juzgado de lo Penal nº 1 de Tarragona, l-ikkundannati jfittxu li jiġi kkonstatat li l-bidu mill-ġdid ta’ koabitazzjoni bil-kunsens liberu tas-sieħba tagħhom ma jikkostitwixxix reat ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ piena anċillari ta’ tbegħid.
26 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konferma eventwali tal-pieni imposti fl-ewwel istanza tiddependi mill-punt dwar jekk in-natura obbligatorja tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tbegħid f’każijiet ta’ reati ta’ vjolenza domestika, minkejja li l-vittmi huma kontra dawn il-miżuri, hijiex kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas.
27 Skont l-imsemmija qorti, jidher li ma hemm l-ebda dubju li, f’ċerti sitwazzjonijiet, miżuri ta’ tbegħid jistgħu jiġu imposti, anki kontra l-volontà tal-vittmi. Madankollu hija tqis li l-livell ta’ protezzjoni li huwa xieraq, essenzjalment, li jingħata lill-vittmi ta’ reati mwettqa f’ambjent domestiku, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur minuri, ma jistax jirriżulta fl-impożizzjoni, mingħajr eċċezzjoni, ta’ miżura ta’ tbegħid meħuda mingħajr evalwazzjoni preċedenti taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Tarragona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma fformulati f’termini identiċi fiż-żewġ kawżi C‑483/09 u C‑1/10:
“1) Id-dritt tal-vittma li jkun mifhum, li jinsab fil-Premessa 8 tal-preambolu tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], għandu jiġi interpretat bħala obbligu pożittiv tal-awtoritajiet tal-Istat responsabbli mill-prosekuzzjoni u l-piena tal-aġir kriminali, li jippermetti li l-vittma tesprimi l-evalwazzjonijiet tagħha, ir-riflessjoni u l-fehma tagħha fuq l-effetti diretti fuq il-ħajja tagħha li jistgħu jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ pieni fuq il-ħati li miegħu l-vittma kellha relazzjoni familjari jew relazzjoni emozzjonali qawwija?
2) L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati [Membri] li jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittma jfisser li l-Istati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fehma tal-vittma meta l-pieni li jirriżultaw mill-proċess kriminali jistgħu jippreġudikaw b’mod ċentrali u direttament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-iżvilupp ħieles tal-personalità tagħha u tal-ħajja privata u tal-familja tagħha?
3) L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tal-Istat ma jistgħux jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni r-rieda ħielsa tal-vittma meta topponi għall-impożizzjoni jew għaż-żamma fis-seħħ ta’ ordni li ma tavviċinax il-vittima meta l-ħati huwa membru tal-familja u ma tirriżulta ebda sitwazzjoni oġġettiva ta’ riskju ta’ ripetizzjoni tar-reat, u fejn jista’ jiġi evalwat li hemm livell ta’ kompetenza personali, soċjali, kulturali u emozzjonali li jeskludi kwalunkwe possibbiltà ta’ sottomissjoni għall-ħati, jew, għall-kuntrarju, li tali ordni għandha tiġi kkunsidrata xierqa f’kull każ fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati?
4) Meta l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [...], jipprovdi li l-Istati [Membri] għandhom jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni lill-vittma, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-impożizzjoni ġenerali u vinkolanti ta’ miżuri ta’ projbizzjoni ta’ avviċinament jew ta’ projbizzjoni ta’ kull kuntatt taħt pieni aċċessorji fil-każijiet kollha fejn il-persuna hija l-vittma ta’ reati kommessi fil-familja, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati, jew, għall-kuntrarju, li l-imsemmi Artikolu 8 jirrikjedi li ssir evalwazzjoni b’mod individwali li biha jista’ jiġi identifikat, każ b’każ, il-livell xieraq ta’ protezzjoni fid-dawl tal-interessi kunfliġġenti inkwistjoni?
5) L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi eskluża b’mod ġenerali l-medjazzjoni fil-proċessi kriminali li jinvolvu reati kommessi fil-familja fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reati jew, għall-kuntrarju, il-medjazzjoni għanda tiġi permessa wkoll f’dawn it-tip ta’ proċeduri, billi każ b’każ, jintiżnu l-interessi kunfliġġenti inkwistjoni?”
29 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2010, il-kawżi C‑483/09 u C‑1/10 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
30 Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja għamel dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(3)(a) UE li permezz tagħha huwa aċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza preliminari, b’konformità mal-Artikolu 35(3)(a) UE, fuq talba ta’ kwalunkwe qorti ta’ dan l-Istat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali.
31 Skont l-Artikolu 792(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-qorti tar-rinviju fil-proċeduri f’kawża prinċipali ma għandhomx rimedju ġudizzjarju ordinarju skont il-liġi nazzjonali.
32 Skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ma nbidlux fir-rigward ta’ atti bħalma hija d-Deċiżjoni Qafas, li ġiet adottata qabel dan id-dħul fis-seħħ, inkluż fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) UE.
33 Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 35(1) UE sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-domandi tal-qorti tar-rinviju li jfittxu l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
34 Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Taljan, prinċipalment isostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli.
35 Filwaqt li jippreċiża li, fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, ma hemm l-ebda kwistjoni li tiġi imposta piena ta’ tbegħid skont l-Artikolu 57(2) tal-Kodiċi Kriminali, il-Gvern Spanjol l-ewwel nett isostni li ma huwiex neċessarju li wieħed jistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas tipprekludix l-adozzjoni obbligatorja ta’ tali miżura. Peress li dawn il-proċeduri jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ piena skont l-Artikolu 468(2) tal-Kodiċi Kriminali, dwar il-ksur ta’ miżura ta’ tbegħid imposta preċedentement, id-domandi preliminari magħmula huma purament ipotetiċi.
36 It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija domandi jirreferu għall-Artikolu 468(2) tal-Kodiċi Kriminali, il-Gvern Spanjol jippreċiża li l-problema mqajma fil-kawża prinċipali ma tirriżultax minn din id-dispożizzjoni fiha nfisha, iżda minn interpretazzjoni tagħha magħmula mis-Sala de lo Penal del Tribunal (Awla Kriminali tal-Qorti Suprema) fi “ftehim mhux vinkolanti” tal-25 ta’ Novembru 2008 u li minnu jirriżulta li “l-kunsens tal-mara ma jeskludix in-natura punibbli skont l-Artikolu 468 tal-Kodiċi Kriminali”. Għalhekk, fir-realtà, id-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex l-inkarigu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuqha.
37 Barra minn hekk, il-Gvern Taljan josserva li kull interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas li twassal għal kunflitt bejnha u d-dritt nazzjonali ma tistax tiġi solvuta b’interpretazzjoni tiegħu b’konformità mal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Tali interpretazzjoni konformi tista’, l-iktar l-iktar, tintervjeni contra legem, ħaġa li d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix. Konsegwentement, id-domandi preliminari huma mingħajr interess u huma ta’ natura ipotetika.
38 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, l-istess bħall-Artikolu 267 KE, l-Artikolu 35(3)(a) UE jissuġġetta d-domandi preliminari li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali jew “[t]ikkonsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista’ tagħti verdett [sentenza]”, b’mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE, tista’, bħala prinċipju, tiġi trasposta għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 35 UE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 29).
39 Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li tkun ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).
40 Madankollu, fir-rigward tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE, din ma tistax tiddeċiedi fuq domandi magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun manifestament ċar li, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz, C‑404/07, Ġabra p. I‑7607, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 F’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi li jiddeterminaw jekk is-sanzjoni ta’ tbegħid obbligatorja imposta bħala piena anċillari hijiex hija stess kompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, din il-qorti tqis li huwa neċessarju li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-pieni ta’ tbegħid imposti preċedentement, jiġi vverifikat li dawn il-pieni, ta’ natura obbligatorja u li fuqhom hija għandha tibbaża l-kundanni tagħha, ma jiksrux id-Deċiżjoni Qafas huma stess. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, id-domandi magħmula ma jidhrux li huma ipotetiċi.
42 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-finijiet tar-risposti tagħha għad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, mingħajr ma tkun tista’ tikkontestaha jew tivverifika l-eżattezza tagħha.
43 Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol indika li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 468(2) tal-Kodiċi Kriminali li s-Sala de lo Penal del Tribunal Supremo għamlet fil-ftehim tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2008 ma ċċaħħadx, fil-prinċipju, il-qrati mill-possibbiltà li jiskartaw, b’motivazzjoni, tali interpretazzjoni. Għalhekk, fl-eventwalità fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula li d-Deċiżjoni Qafas tipprekludi miżura nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidhirx b’mod ċar li, fil-kawża prinċipali, interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali b’konformità mad-Deċiżjoni Qafas hija, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, neċessarjament impossibbli.
44 Taħt dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex ovvju li l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew li l-problema mressqa hija ta’ natura ipotetika.
45 Għaldaqstant, id-domandi preliminari huma ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda
46 Qabel jiġu eżaminati l-ewwel erba’ domandi, għandu jiġi osservat li l-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas, li hija s-suġġett tal-ewwel domanda, ma għandha, bħala tali, l-ebda valur legali vinkolanti (ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, C‑562/08, Müller Fleisch, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
47 Barra minn hekk, fuq il-livell formali, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju llimitat it-tieni sar-raba’ domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, tali sitwazzjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż, f’dan il-każ, dawk li jirrigwardaw dispożizzjoni oħra tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni għall-kawżi li tressqu quddiemha, irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).
48 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk l-Istati Membri huma marbuta li jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, madankollu huwa b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, li huma għandhom jiggarantixxu l-possibilità ta’ smigħ matul il-proċeduri kriminali.
49 Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li sanzjoni ta’ tbegħid obbligatorja għal żmien minimu, prevista fil-liġi kriminali ta’ Stat Membru bħala piena anċillari, tkun mogħtija lil awturi ta’ vjolenzi mwettqa f’ambjent domestiku, minkejja li l-vittmi tagħhom jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni.
50 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-Deċiżjoni Qafas ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-tipi ta’ pieni u l-livell tagħhom li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għalihom fil-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jiġi ssanzjonat ksur kriminali.
51 Ma’ dan jiżdied il-fatt li, barra minn hekk, id-Deċiżjoni Qafas ma tinkludi l-ebda indikazzjoni oħra li abbażi tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-limiti tal-kompetenzi li ġew mogħtija lilu mit-Trattat UE, kellu l-intenzjoni li jarmonizza, jew tal-inqas iqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-tipi u tal-livelli tas-sanzjonijiet kriminali.
52 Hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 u l-premessa 4 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas hija intiża biss li tistabbilixxi, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħal kif iddefiniti fl-Artikolu 1(ċ) tagħha, regoli minimi għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ ksur kriminali u li toffrilhom livell għoli ta’ protezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.
53 Barra minn hekk, il-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas tippreċiża li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jimponux lill-Istati Membri jiggarantixxu lill-vittmi trattament ekwivalenti għal dak tal-partijiet fil-proċeduri.
54 Fir-rigward tal-istruttura tagħha u l-kontenut tagħha, id-Deċiżjoni Qafas hija kkaratterizzata mill-fatt li, b’mod ġenerali, fl-Artikolu 2 tagħha hija ssemmi l-għanijiet prinċipali li hija għandha l-intenzjoni timplementa għall-protezzjoni tal-vittmi u tippreċiża, fl-artikoli segwenti, drittijiet differenti ta’ natura prinċipalment proċedurali li minnhom il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw matul il-proċeduri kriminali.
55 Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati b’tali mod li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, fosthom, b’mod partikolari, għandu jiġi indikat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċtati iktar il fuq, Pupino, punt 59, u Katz, punt 48).
56 L-obbligi msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas huma intiżi li jiggarantixxu li l-vittma tkun tista’ tieħu sehem effettiv fil-proċeduri kriminali b’mod xieraq, li ma jimplikax li miżura ta’ tbegħid obbligatorja bħalma hija dik fil-kawża prinċipali ma tkunx tista’ tingħata kontra l-fehma tal-vittma.
57 Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, filwaqt li jimponi lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu l-possibbiltà li l-vittmi jinstemgħu matul il-proċeduri kif ukoll li jiġu prodotti provi, huwa jħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodi konkreti għall-implementazzjoni ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Katz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
58 Madankollu, taħt piena li tiġi eskluża parti kbira mill-effett utli tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas u bi ksur tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw, fi kwalunkwe każ, li l-vittma tkun tista’ tagħti x-xhieda tagħha fil-proċeduri kriminali u li din ix-xhieda tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova (sentenza Katz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
59 Għalhekk, sabiex jiġi ggarantit li l-vittma tkun effettivament tista’ tieħu sehem fil-proċeduri kriminali b’mod xieraq, id-dritt għal smigħ għandu jtiha, minbarra l-possibbiltà li tiddeskrivi b’mod oġġettiv kif seħħew il-fatti, iċ-ċans li tesprimi l-perspettiva tagħha.
60 Dan id-dritt proċedurali għal smigħ fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas ma jagħti l-ebda dritt fir-rigward tal-għażla lill-vittmi dwar it-tipi ta’ pieni li jġarrbu l-awturi tal-fatti skont ir-regoli tal-liġi kriminali nazzjonali u lanqas dwar il-livell ta’ dawn il-pieni.
61 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni kriminali mill-atti ta’ vjolenza domestika li jiżgura Stat Membru meta jeżerċita s-setgħa repressiva tiegħu ma hijiex intiża biss li tipproteġi l-interessi tal-vittma kif tipperċepixxihom iżda wkoll interessi oħra iktar ġenerali tas-soċjetà.
62 Minn dan isegwi li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi, b’mod partikolari meta interessi oħra barra dawk tal-vittma għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, pieni obbligatorji għal perijodu minimu.
63 Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, mill-Artikolu 8(1) tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż li jiggarantixxi “livell xieraq ta’ protezzjoni għall-vittmi”, partikolarment rigward is-sigurtà tagħhom u l-protezzjoni tal-privatezza tagħhom, b’mod partikolari fejn l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li jkun hemm “riskju serju ta’ tpattija jew evidenza serja ta’ l-intenzjoni li ssir intrużjoni fil-privatezza tagħhom”.
64 Għal dan il-għan, il-miżuri ta’ protezzjoni preventiva u prattika, bħalma huma dawk imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 8, huma intiżi li jiggarantixxu li l-vittma tkun tista’ tieħu sehem fil-proċeduri kriminali b’mod xieraq mingħajr ma din il-parteċipazzjoni tkun kompromessa minn riskji għas-sigurtà u l-ħajja privata tagħha.
65 L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas, bħall-Artikoli 2 u 3 tagħha, ma jinkludi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jipprovdu dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali kriminali li jippermettu lill-vittma li tinfluwenza l-pieni li l-qorti nazzjonali tista’ timponi fuq l-awtur tal-offiża.
66 Il-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 8 hija intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi b’mod “xieraq” lill-vittma jew xi persuna ta’ madwarha mill-awtur tal-offiża matul il-proċeduri kriminali.
67 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi mifhum fis-sens li l-Istati Membri huma wkoll marbuta jipproteġu lill-vittmi mill-effetti indiretti li jipproduċu, fi stadju ulterjuri, il-pieni imposti mill-qorti nazzjonali fuq l-awturi tal-ksur.
68 Għalhekk, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jillimita l-għażla tal-Istati Membri tas-sanzjonijiet kriminali li huma jistabbilixxu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom.
69 Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, bħala tali, li tingħata miżura ta’ tbegħid b’konformità mad-dritt sostantiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, u, għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
70 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel erba’ domandi tkun li l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li sanzjoni ta’ tbegħid obbligatorja għal żmien minimu, prevista fil-liġi kriminali ta’ Stat Membru bħala piena anċillari, tiġi imposta kontra awturi ta’ vjolenzi mwettqa f’ambjent domestiku, minkejja li l-vittmi tagħhom jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni.
Fuq il-ħames domanda
71 Permezz tal-ħames domanda f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kategorija partikolari tal-ksur imwettaq fl-ambjent domestiku, li jeskludu r-rikors għal medjazzjoni fil-proċeduri kriminali kollha relatati ma’ tali ksur.
72 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt li l-Artikolu 34(2) UE jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-metodi neċessarji sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mid-deċiżjonijiet qafas, l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas jillimita ruħu li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfittxu li jippromwovu l-medjazzjoni għall-offiżi li huma “[j]qis[u] addattati”, b’mod li l-għażla tal-offiżi li fir-rigward tagħhom il-medjazzjoni hija applikabbli taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Istati Membri (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Eredics u Sápi, C‑205/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).
73 Għalhekk, l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu r-rikors għal medjazzjoni għall-offiżi kollha mwettqa f’ambjent domestiku, hekk kif previst fl-Artikolu 87b(5), tal-Liġi Organika 6/1985.
74 Fil-fatt mill-kliem stess tal-Artikolu 10 u mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li d-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-metodi konkreti tal-implementazzjoni tal-għanijiet tagħha jirriżulta li, billi ddeċieda li jeskludi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ medjazzjoni għal tip partikolari ta’ ksur, għażla li hija essenzjalment ibbażata fuq motivi ta’ politika kriminali, il-leġiżlatur nazzjonali ma eċċediex is-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu (ara, b’analoġija, is-sentenza Eredics u Sápi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
75 Għandu jingħad ukoll li l-evalwazzjoni tal-Istati Membri tista’ tkun limitata bl-obbligu li jintużaw kriterji oġġettvi sabiex jiġi ddeterminat il-ksur li għalih huma jqisu li l-medjazzjoni ma hijiex xierqa. Madankollu, xejn ma jindika li l-esklużjoni tal-medjazzjoni prevista bil-Liġi Organika 6/1985 għandha tkun ibbażata fuq kriterji nieqsa minn oġġettività.
76 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għall-ħames domanda tkun li l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kategorija partikolari tal-ksur imwettaq f’ambjent domestiku, li jeskludi r-rikors għall-medjazzjoni fil-proċeduri kriminali kollha relatati ma’ tali ksur.
Fuq l-ispejjeż
77 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) L-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2001/220/JHA, tal‑15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li sanzjoni ta’ tbegħid obbligatorja għal żmien minimu, prevista fil-liġi kriminali ta’ Stat Membru bħala piena anċillari, tiġi imposta kontra awturi ta’ vjolenzi mwettqa f’ambjent domestiku, minkejja li l-vittmi tagħhom jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni.
2) L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, fid-dawl tal-kategorija partikolari tal-ksur imwettaq f’ambjent domestiku, li jeskludi r-rikors għall-medjazzjoni fil-proċeduri kriminali kollha relatati ma’ tali ksur.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.