Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0431

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Ottubru 2011.
    Airfield NV u Canal Digitaal BV vs Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam) (C-431/09) u Airfield NV vs Agicoa Belgium BVBA (C-432/09).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Brussel - il-Belġju.
    Drittijiet tal-awtur - Xandir bis-satellita - Direttiva 93/83/KEE - Artikoli 1(2)(a) u 2 - Komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita - Fornitur ta’ pakkett bis-satellita - Uniċità tal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita - Imputabbiltà ta’ din il-komunikazzjoni - Awtorizzazzjoni mill-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ awtur għal din il-komunikazzjoni.
    Każijiet Magħquda C-431/09 u C-432/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09363

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:648

    Kawżi magħquda C-431/09 u C-432/09

    Airfield NV u Canal Digitaal BV

    vs

    Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam)

    u

    Airfield NV

    vs

    Agicoa Belgium BVBA

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel)

    “Drittijiet tal-awtur — Xandir bis-satellita — Direttiva 93/83/KEE — Artikoli 1(2)(a) u 2 — Komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita — Fornitur ta’ pakkett televiżiv bis-satellita — Uniċità tal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita — Imputabbiltà ta’ din il-komunikazzjoni — Awtorizzazzjoni mill-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur għal din il-komunikazzjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    Approssimazzjoni tal-liġijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 93/83 — Xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable — Awtorizzazzjoni mill-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur — Kundizzjonijiet

    (Direttiva tal-Kunsill 93/83, Artikolu 2)

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable, għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ pakkett bis-satellita għandu l-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mingħand il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-intervent tiegħu fit-trażmissjonijiet diretti u indiretti ta’ programmi televiżivi, sakemm dawn il-proprjetarji ma jkunux ftiehmu mal-korp tax-xandir ikkonċernat li x-xogħlijiet protetti ser jiġu wkoll ikkomunikati lill-pubbliku permezz tal-intermedjarju ta’ dan il-fornitur u bil-kundizzjoni, f’dan l-aħħar eżempju, li l-intervent ta’ dan tal-aħħar ma jrendix l-imsemmija xogħlijiet aċċessibbli lil pubbliku ġdid.

    (ara l-punt 84 u d-dispożittiv.)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Ottubru 2011(*)

    “Drittijiet tal-awtur – Xandir bis-satellita – Direttiva 93/83/KEE – Artikoli 1(2)(a) u 2 – Komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita – Fornitur ta’ pakkett televiżiv bis-satellita – Uniċità tal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita – Imputabbiltà ta’ din il-komunikazzjoni – Awtorizzazzjoni mill-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur għal din il-komunikazzjoni”

    Fil-Kawżi magħquda C‑431/09 u C‑432/09,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ottubru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2009, fil-proċeduri

    Airfield NV,

    Canal Digitaal BV

    vs

    Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam), (C-431/09)

    u

    Airfield NV

    vs

    Agicoa Belgium BVBA, (C-432/09)

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Airfield NV u Canal Digitaal BV, minn T. Heremans u A. Hallemans, advocaten,

    –        għal Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam), minn E. Marissens, advocaat,

    –        għal Agicoa Belgium BVBA, minn J. Windey u H. Gilliams, advocaten,

    –        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u W. Roels, bħala aġenti.

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p. 134).

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Airfield NV (iktar ’il quddiem “Airfield”) u Canal Digitaal BV (iktar ’il quddiem “Canal Digitaal”) u Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (Sabam) (société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, iktar ’il quddiem “Sabam”) (Kawża C‑431/09), kif ukoll Airfield u Agicoa Belgium BVBA (iktar ’il quddiem “Canal Digitaal”) (Kawża C‑432/09), dwar l-obbligu, għal Airfield u Canal Digitaal, li jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu b’komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        Il-premessi 5, 14, 15 u 17 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxu:

    “(5)      […] il-kisba [tal-għanijiet tal-Unjoni] għar-rigward ta’ xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra u t-ritrasmissjoni bil-cable ta’ programmi minn Stati Membri oħra preżentement għadha mxekkla b’diversi differenzi bejn regoli nazzjonali dwar drittijiet ta’ l-awtur u ċerta grad ta’ inċertezza legali; […] dan ifisser li dawk li jkollhom jeddijiet huma esposti għat-theddida li jaraw ix-xogħlijiet tagħhom sfruttati mingħajr ħlas ta’ remunerazzjoni jew li dawk l-individwi li jkollhom jeddijiet esklussivi f’diversi Stati Membri jimblukkaw l-isfruttar tal-jeddijiet tagħhom; […] l-inċertezza legali b’mod partikolari tikkostitwixxi ostakolu dirett għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ programmi fl-[Unjoni];

    […]

    (14)      […] l-inċertezza legali dwar il-jeddijiet li għandhom ikunu akkwistati li timpedixxi xandir bis-satellita minn fruntiera għal oħra għandha tkun megħluba billi jkun definit il-kunċett ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita fuq livell tal-Komunità; […] din id-definizzjoni għandha fl-istess waqt tispeċifika fejn isir l-att ta’ komunikazzjoni; […] dik it-tifsira hi meħtieġa biex tkun evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi liġijiet nazzjonali għal att wieħed ta’ xandir; […] l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ssir biss meta, u fl-Istat Membru fejn, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir fil-katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja; […] proċeduri tekniċi normali dwar is-sinjali li jwasslu l-programm m’għandhomx ikunu kunsidrati bħal interruzzjonijiet fil-katina tax-xandir;(15) […] l-akkwist fuq bażi kuntrattwali ta’ jeddijiet esklussivi ta’ xandir għandu jkun konformi ma’ kull leġislazzjoni dwar drittijiet ta’ l-awtur u jeddijiet dwar drittijiet ta’ l-awtur fl-Istati Membri li fihom isseħħ il-komunikazzjoni mal-pubbliku bis-satellita.[…]

    (17)      […] biex wieħed jasal għall-ammont tal-pagament li għandu jsir għall-jeddijiet akkwistati, il-partijiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti kollha tax-xandir, bħall-udjenza attwali, l-udjenza potenzjali u l-verżjoni tal-lingwa.”

    4        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83:

    “Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘satellita’ tfisser kull satellita li taħdem fuq faxxi ta’ frekwenza li, skond il-liġi ta’ telekomunikazzjoni, jkunu riservati għax-xandir ta’ sinjali għal reception mill-pubbliku jew li jkunu riservati għal komunikazzjoni magħluqa, point-to-point. Fil-każ ta’ l-aħħar, iżda, iċ-ċirkostanzi li fihom isseħħ ir-reception individwali ta’ sinjali għandhom ikunu kompatibbli ma’ dawk li japplikaw fl-ewwel każ.”

    5        L-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

    “a)      Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tas-satellita’ tfisser l-att li jkunu introdotti, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm maħsuba għal reception mill-pubbliku f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal sas-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

    b)      L-att ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku permezz ta’ satellita jseħħ biss fl-Istati Membri billi, taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programm huma introdotti f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja.

    ċ)      Jekk is-sinjali li jġorru programmi huma encrypted, allura jkun hemm komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita bil-kondizzjoni li l-mezzi għal decrypting ix-xandir ikunu provduti lill-pubbliku mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha.”

    6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jistabbilixxi:

    “Stati Membri li jkollhom jedd li jxandru għandhom jipprovdu jedd esklussiv għall-awtur li jawtorizza l-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tas-satellita ta’ xogħlijiet li jkollhom id-drittijiet ta’ l-awtur, bla ħsara għad-disposizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu.”

    7        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p. 230)

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.

    8        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 tispeċifika f’dan ir-rigward li “[i]s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

     Id-dritt nazzjonali

    9        Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1(1) tal-liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Wet betreffende het auteursrecht en de naburige rechten, Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297) kif emendat, jistabbilxxi:

    “L-awtur ta’ xogħol litterarju jew artistiku huwa l-uniku li għandu d-dritt li jikkomunikah lill-pubbliku bi kwalunkwe mezz (inkluż li jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalih fil-post u fil-mument li jagħżel individwalment).”

    10      L-Artikoli 49 u 50 ta’ din l-istess liġi essenzjalment tirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 93/83.

     Il-kuntest fattwali u d-domandi preliminari

    11      Airfield, li topera taħt l-isem kummerċjali TV Vlaanderen, hija kumpannija Belġjana li teżerċita l-attività ta’ fornitur tat-televiżjoni bis-satellita u li tipproponi lill-pubbliku pakkett ta’ stazzjonijiet li huma trażmessi bis-satellita, li l-abbonati tagħha jistgħu jisimgħu u jaraw konġuntament permezz ta’ dekowder tas-satellita (iktar ’il quddiem “fornitur ta’ pakkett bis-satellita”).

    12      Il-pakkett ta’ stazzjonijiet propost minn Airfield jinkludi żewġ tipi ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. Minbarra l-istazzjonijiet li jistgħu jinqabdu b’xejn, l-imsejjaħ pakkett jinkludi stazzjonijiet encrypted li wieħed jista’ jarahom biss wara li jkunu ġew decrypted. Sabiex ikun jista’ jara dawn l-istazzjonijiet, il-klijent għandu għalhekk jikkonkludi kuntratt ta’ abbonament ma’ Airfield, li tipprovdilu, wara ħlas ta’ remunerazzjoni, kard li tippermetti d-decrypting (iktar ’il quddiem il-“kard tad-decrypting”).

    13      Biex tkun tista’ tipprovdi l-pakkett ta’ stazzjonijiet, Airfield irrikorriet għas-servizzi tekniċi ta’ Canal Digitaal, kumpannija Olandiża li bħala tagħmel parti mill-istess grupp.

    14      Canal Digitaal ikkonkludiet ftehim mal-kumpannija li topera s-sistema tas-satellita Astra, li abbażi tiegħu din tal-aħħar tikri lil Canal Digitaal il-kapaċitajiet għar-radju u għat-televiżjoni diġitali fuq l-imsemmija satellita.

    15      Sussegwentement, Canal Digitaal ikkonkludiet kuntratt ta’ servizzi ma’ Airfield, li permezz tiegħu ntrabtet biex, mill-1 ta’ Jannar 2006, tagħtiha b’sullokazzjoni l-kapaċitajiet mikrija fuq is-satellita Astra, għat-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi u radjofoniċi fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ programmi televiżivi, Canal Digitaal hija marbuta li tipprovdi s-servizzi tekniċi u b’mod partikolari x-xandir, il-multiplexing, il-kompressjoni, l-encrypting u t-trażmissjoni tad-data meħtieġa biex Airfield tkun tista’ titrażmetti servizzi televiżivi diġitali fil-Belġju u fil-Lussemburgu.

    16      Airfield ikkonkludiet ukoll sensiela ta’ kuntratti ma’ korpi tax-xandir li l-istazzjonijiet tagħhom huma inklużi fil-pakkett li toffri bis-satellita. Il-modalitajiet ta’ kif issir il-kollaborazzjoni bejn Airfield u dawn l-organiżmi jvarjaw skont il-mod ta’ trażmissjoni tal-istazzjonijiet televiżivi kkonċernati, peress li dawn il-programmi jixxandru, fil-kuntest tal-imsemmi pakkett bis-satellita, jew permezz tal-mod ta’ trażmissjoni indiretta (iktar ’il quddiem it-“trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi”) jew permezz tal-mod ta’ trażmissjoni diretta (iktar ’il quddiem it-“trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi”).

     It-trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi

    17      It-trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi ssir skont żewġ modalitajiet.

    18      Skont l-ewwel minn dawn il-modalitajiet, il-korpi tax-xandir, jibagħtu, b’kollegament fiss, is-sinjali li jwasslu l-programmi tagħhom lejn l-apparat li Canal Digitaal installat f’Vilvorde (il-Belġju). Canal Digitaal tikkompressa s-sinjali u tagħtihom encryption biex tibagħthom, permezz tal-broad band, lejn l-istazzjon tagħha li jinsab fl-Olanda, li jiżgura li s-sinjali jiġu trażmessi ’l fuq lejn is-satellita Astra. Qabel ma dan l-istazzjon jxandar dawn is-sinjali lejn l-imsemmija satellita, huma jiġu encrypted. Iċ-ċavetta li tippermetti li l-pubbliku jkun jista’ jara l-programmi hija inkorporata fil-kard tad-decrypting li Canal Digitaal tpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ Airfield. Meta l-konsumatur jabbona ma’ Airfield huwa jirċievi din il-kard.

    19      Skont it-tieni minn dawn il-modalitajiet, il-korpi tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħhom permezz ta’ satellita. Canal Digitaal tirċievi dawn is-sinjali bis-satellita, li huma encrypted u inaċċessibbli għall-pubbliku, fil-Lussemburgu jew fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija eventwalment tagħmel id-decrypting tagħhom, terġa’ tagħmel l-encrypting u tibgħathom lejn is-satellita Astra. L-abbonati ta’ Airfield jistgħu jagħmlu d-decrypting ta’ dawn is-sinjali permezz ta’ kard tad-decrypting li Canal Digitaal tipprovdi lil Airfield.

    20      Airfield ikkonkludiet kuntratti msejħa “carriage” ma’ dawn il-korpi tax-xandir.

    21      Skont dawn il-kuntratti, Airfield tikri lill-imsemmija korpi tax-xandir il-kapaċitajiet tat-transponder tas-satellita bil-għan li jixxandru programmi televiżivi lit-telespettaturi residenti b’mod partikolari fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Airfield tiggarantixxi li rċeviet l-awtorizzazzjoni mill-kumpannija li topera s-satellita Astra biex tissuloka dawn il-kapaċitajiet lill-istess korpi.

    22      Barra minn hekk, Airfield intrabtet li tirċievi s-sinjal tal-programmi televiżivi ta’ dawn il-korpi f’sit ċentrali ta’ trażmissjoni ’l fuq, sabiex tikkompressa dan is-sinjal, tagħmillu l-multiplexing u l-encrypting u tibagħtu lejn is-satellita għat-trażmissjoni u r-riċezzjoni.

    23      Dawn il-korpi jħallsu kumpens lil Airfield għall-kiri u għall-provvista tas-servizzi msemmija iktar ’il fuq.

    24      Min-naħa tagħhom, l-imsemmija korpi ta’ xandir jagħtu lil Airfield l-awtorizzazzjoni biex l-abbonati tagħha, b’mod partikolari tal-Belġju u tal-Lussemburgu, ikunu jistgħu jaraw simultanjament il-programmi tagħhom imxandra permezz tas-satellita Astra.

    25      Inkambju għad-drittijiet mogħtija mill-istess korpi tax-xandir lil Airfield u għas-setgħa diskrezzjonali ta’ din tal-aħħar li toffri l-programmi televiżivi fil-pakkett tagħha, Airfield għandha tħallashom remunerazzjoni li hija bbażata fuq in-numru ta’ abbonati tagħha u l-programmi mxandra fit-territorju kkonċernat.

     It-trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi

    26      Fil-kuntest ta’ trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi permezz ta’ pakkett bis-satellita ta’ Airfield, il-korpi tax-xandir stess jagħmlu l-encrypting tas-sinjali u jibagħtuhom direttament mill-pajjiż tal-oriġini lejn is-satellita. L-intervent ta’ Airfield u ta’ Canal Digitaal huwa limitat għall-provvista taċ-ċwievet ta’ aċċess lill-korpi tax-xandir ikkonċernati, b’mod li l-kodiċi korretti jiġu applikati biex jippermettu lill-abbonati ta’ Airfield li jagħmlu d-dekowding ulterjuri tal-programmi permezz tal-kard tad-decrypting.

    27      Ma’ dawn il-korpi, Airfield ikkonkludiet kuntratt imsejjaħ “heads of agreement” li jikkonċerna, fost l-oħrajn, id-drittijiet u l-obbligi tal-korpi tax-xandir u ta’ Airfield, li huma simili għal dawk imsemmija fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza.

     Il-kawża prinċipali

    28      Sabam hija soċjetà kooperattiva Belġjana, li bħala soċjetà amministrattiva, tirrappreżenta lill-awturi billi tawtorizza l-użu, minn terzi, tax-xogħlijiet protetti tagħhom u billi tirċievi remunerazzjoni għal dan l-użu.

    29      Agicoa hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tirrappreżenta lill-produtturi Belġjani u internazzjonali ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, li tamministra d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fuq films u xogħlijiet oħra awdjoviżivi, minbarra video clips. F’dan il-kuntest, hija tirċievi r-remunerazzjonijiet.

    30      Sabam u Agicoa qiesu li Airfield qed ixxandar mill-ġdid programmi televiżivi li jkunu diġà ġew trażmessi mill-korpi tax-xandir, skont il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-ħarsien ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi, tad-9 ta’ Settembru 1886 u li, għalhekk, hija kellha tikseb awtorizzazzjoni biex tuża r-repertorji tal-awturi, li tagħhom huma kienu jamministraw id-drittijiet.

    31      Wara intimazzjoni, Airfield u Canal Digitaal sostnew li huma ma kinux qed ixandru mill-ġdid iżda sempliċiment kienu qed joffru lill-pubbliku programmi televiżivi bis-satellita f’isem il-korpi tax-xandir. Fil-fehma tagħhom, din hija xandira waħda u unika bis-satellita mill-korpi tax-xandir stess li jirrikorru għalihom f’dak li jirrigwarda l-aspett tekniku. Huma biss il-korpi tax-xandir li jwettqu operazzjonijiet li huma rilevanti għad-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikoli 49 u 50 tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati, kif emendata.

    32      Sa fejn l-ebda ftehim ma seta’ jinstab bejn il-partijiet ikkonċernati, Sabam ressqet lil Airfield u lil Canal Digitaal quddiem il-President tar-rechtbank van eerste aanleg te Brussel u Agicoa ressqet lil Airfield quddiem il-president ta’ din l-istess qorti. Dan tal-aħħar iddeċieda li Airfield u Canal Digitaal kienu kisru d-drittijiet ta’ awtur li Sabam u Agicoa kienu jiżguraw l-amministrazzjoni tagħhom.

    33      Airfield u Canal Digitaal ippreżentaw appell kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

    34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma redatti b’mod identiku fil-Kawżi C‑431/09 u C‑432/09:

    “1)      Id-Direttiva 93/83 tipprekludi l-ħtieġa li fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-dritt tal-awtur fil-każ fejn korp tax-xandir jittrasmetti s-sinjali tiegħu li jwasslu programm, b’kollegament fiss jew b’sinjal encrypted bis-satellita, lil fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita li huwa indipendenti mill-korp tax-xandir, u li dan il-fornitur għandu dawn is-sinjali encrypted u mxandra fuq satellita minn kumpannija assoċjata mal-fornitur, u sussegwentament dawn is-sinjali huma mxandra mill-ġdid, bl-awtorizzazzjoni tal-korp tax-xandir, bħala parti minn pakkett ta’ programmi televiżivi u għalhekk miġbura flimkien, lill-abbonati tal-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita, li jistgħu jaraw il-programmi simultanjament u fil-verżjoni oriġinali permezz ta’ dekowder jew smartcard ipprovduta mill-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita?

    2)      Id-Direttiva 93/83 tipprekludi l-ħtieġa li fornitur tat-televiżjoni diġitali bis-satellita għandu jikseb l-awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-dritt tal-awtur fil-każ fejn korp tax-xandir jittrasmetti s-sinjali tiegħu li jwasslu programm għal satellita, skont l-istruzzjonijiet ta’ fornitur tat-televiżjoni diġitali li huwa indipendenti mill-korp tax-xandir, u li sussegwentament dawn is-sinjali huma mxandra mill-ġdid, bl-awtorizzazzjoni tal-korp tax-xandir, bħala parti minn pakkett ta’ programmi televiżivi u għalhekk miġbura flimkien, lill-abbonati tal-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita li jistgħu jaraw il-programmi simultanjament u fil-verżjoni oriġinali permezz ta’ dekowder jew smartcard ipprovduta mill-fornitur tat-televiżjoni bis-satellita?”

    35      B’Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2010, il-Kawżi C‑431/09 u C‑432/09 ngħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għas-sentenza.

     Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/83

    36      Fil-Kawża C‑432/09, Agicoa ssostni li d-Direttiva 93/83 ma tapplikax għall-kawża prinċipali u li d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 2001/29.

    37      F’dan ir-rigward, hija l-ewwel nett issostni li l-fornitur tal-pakkett bis-satellita għandu jiġi distint mill-korp tax-xandir, peress li l-attività tiegħu tikkonsisti fit-tfassil ta’ pakkett ta’ servizzi ta’ xandir u mhux f’xandir ta’ programmi televiżivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi invokat l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83 sabiex jiġu eżaminati l-attivitajiet tiegħu huwa ineffettiv, għaliex din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-korpi tax-xandir.

    38      It-tieni nett, skont Agicoa, il-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għaliex din tirrigwarda komunikazzjonijiet li ma jagħmlux użu minn satellita fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83. Fl-aħħar nett, f’din il-kawża l-aspett transkonfinali previst f’din tal-aħħar huwa nieqes.

    39      Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jiġi rrilevat li dan jikkonċerna l-qofol stess tal-mertu ta’ din il-kawża u għalhekk dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-risposti għad-domandi preliminari.

    40      Fir-rigward tat-tieni argument, ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-komunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitwettqux permezz ta’ satellita fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/83.

    41      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet argument, mill-punti 76 sa 145 tas-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑0000), jirriżulta li l-komunikazzjonijiet lill-pubbliku bis-satellita għandhom ikunu jistgħu jinqabdu fl-Istati Membri kollha u li għalhekk, bħala regola, għandhom natura transkonfinali. Barra minn hekk, il-komunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom din in-natura għaliex fihom hemm involuti kumpanniji Belġjani u Olandiżi, Airfield u Canal Digitaal, u li s-sinjali li jwasslu l-programmi huma ddestinati b’mod partikolari għat-telespettaturi residenti fil-Belġju u fil-Lussemburgu.

    42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Agicoa għandhom jiġu injorati u d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-Direttiva 93/83.

     Fuq id-domandi preliminari

    43      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/83 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li fornitur ta’ pakkett bis-satellita huwiex obbligat li jikseb awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għal komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet mwettqa fil-kuntest ta’ trażmissjonijiet diretti u indiretti ta’ programmi televiżivi, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

     Osservazzjonijiet preliminari

    44      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 93/83 ma tikkostitwixxix l-unika strument tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intelletwali u li, minħabba r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-unità u mill-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati minn din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji stabbiliti mid-direttivi l-oħra dwar il-proprjetà intelletwali, bħalma hija, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, VEWA, C‑271/10, Ġabra p. I‑0000, punt 27).

    45      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest fattwali tad-domandi preliminari, għandu mill-ewwel jiġi ppreċiżat li t-trażmissjonijiet diretti u indiretti tal-programmi televiżivi ma humiex l-uniċi mezzi ta’ trażmissjoni tal-programmi inklużi fil-pakkett bis-satellita kkonċernat.

    46      Fil-fatt, dawn il-programmi għadhom jixxandru mill-korpi tax-xandir lil hinn mill-imsemmi pakkett, b’mezzi li jippermettulhom li jilħqu direttament lit-telespettaturi, bħalma hija x-xandira b’kollegament fiss.

    47      Għalhekk, l-imsemmija trażmissjonijiet diretti u indiretti għandhom jiżdiedu ma’ dawn il-mezzi ta’ xandir li l-għan tagħhom huwa li jitkabbar iċ-ċirku ta’ telespettaturi li jirċievu x-xandiriet ikkonċernati. Peress li dawn it-trażmissjonijiet huma paralleli u simultanji, l-intervent tal-fornitur tal-pakkett bis-satellita la għandu effett fuq il-kontenut ta’ dawn ix-xandiriet u lanqas fuq il-ħin meta dawn jintwerew.

    48      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku fil-kawżi prinċipali li l-korpi tax-xandir għandhom awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-komunikazzjoni tax-xogħlijiet tagħhom bis-satellita u li, min-naħa l-oħra, il-fornitur tal-pakkett bis-satellita ma għandu l-ebda awtorizzazzjoni komparabbli.

    49      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, f’dawn il-kawżi, Airfield u Canal Digitaal isostnu li kull waħda minn dawn it-trażmissjonijiet diretti u indiretti tal-programmi televiżivi tikkostitwixxi komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83, jiġifieri, għalhekk, komunikazzjoni indiviżibbli li tista’ tiġi attribwita biss lill-korp tax-xandir kkonċernat. Huma jiddeduċu li l-fornitur tal-pakkett bis-satellita ma jistax jitqies bħala li qed jipproċedi b’komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jistax jiġi obbligat li jikseb awtorizzazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati f’dak li jirrigwarda l-imsemmija trażmissjonijiet.

    50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi fornitur tal-pakkett bis-satellita huwiex obbligat li jikseb din l-awtorizzazzjoni, hemm lok li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk kull waħda mit-trażmissjonijiet diretti u indiretti tal-programmi televiżivi tikkostitwixxix komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita jew, bil-kontra, jekk kull waħda minn dawn it-trażmissjonijiet timplikax żewġ komunikazzjonijiet indipendenti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk l-eventwali indiviżibbiltà ta’ din il-komunikazzjoni tfissirx li dan l-istess fornitur tal-pakkett bis-satellita huwiex obbligat li jikseb awtorizzazzjoni mingħand il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-intervent tiegħu f’din il-komunikazzjoni.

     Fuq il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita

    51      Kemm it-trażmissjoni diretta kif ukoll it-trażmissjoni indiretta tikkostitwixxix komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita, meta l-kundizzjonijiet kumulattivi kollha previsti fl-Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 93/83 jiġu sodisfatti.

    52      Għalhekk, din it-trażmissjoni tikkostitwixxi komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita jekk:

    –        din tinbeda b’“att ta’ introduzzjoni” tas-sinjali li jwasslu l-programmi mwettqa “taħt il-kontroll u responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir”;

    –        dawn is-sinjali huma introdotti “f’katina mhux interrotta ta’ komunikazzjoni li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja”;

    –        dawn is-sinjali huma “maħsuba għal reception mill-pubbliku”, u

    –        il-mekkaniżmu ta’ decrypting tax-xandir jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku “mill-organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kunsens tagħha”, fejn is-sinjali mxandra, fil-kawżi prinċipali, jinsabu fi forma kkodifikata.

    53      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar, fir-rigward tat-trażmissjoni indiretta tal-programmi televiżivi, li l-korpi tax-xandir jintroduċu huma stess is-sinjali li jwasslu l-programmi fil-katina ta’ komunikazzjoni kkonċernata, billi jipprovdu dawn is-sinjali lill-fornitur tal-pakkett bis-satellita u billi jawtorizzawh li jintroduċihom fit-trażmissjoni ’l fuq tal-komunikazzjoni bis-satellita.

    54      Billi jaġixxu b’dan il-mod, il-korpi tax-xandir għandhom setgħa ta’ kontroll fuq l-att ta’ introduzzjoni tal-imsemmija sinjali fil-komunikazzjoni li twassal għas-satellita u huma jassumu r-responsabbiltà tagħha.

    55      F’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi, għandu jiġi rrilevat li l-korpi tax-xandir jintroduċu, huma stess, is-sinjali li jwasslu l-programmi direttament fit-trażmissjoni ’l fuq tal-komunikazzjoni bis-satellita, fatt li jimplika, b’mod iktar ċar, li huma għandhom is-setgħa ta’ kontroll fuq l-att ta’ introduzzjoni tal-imsemmija sinjali fil-komunikazzjoni kkonċernata u jassumu r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar.

    56      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li xejn ma jipprekludi li din is-setgħa ta’ kontroll u din ir-responsabbiltà f’dak li jikkonċerna l-imsemmija trażmissjonijiet indiretti u diretti jiġu diviżi, jekk ikun hemm bżonn, mal-fornitur tal-pakkett bis-satellita. Fil-fatt, minn naħa, minn kliem l-istess Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83 jirriżulta li l-kontroll u r-responsabbiltà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardaw mhux il-komunikazzjoni kollha, iżda biss l-att ta’ introduzzjoni tas-sinjali li jwasslu l-programmi. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma timponi li s-setgħa ta’ kontroll u r-responsabbiltà f’dak li jirrigwarda t-totalità ta’ din il-komunikazzjoni għandhom ikollhom natura esklużiva.

    57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kemm it-trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi kif ukoll t-trażmissjoni diretta tagħhom jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni prevista bl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83.

    58      F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, jirriżulta qabelxejn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 93/83 tirrigwarda sistema ta’ komunikazzjoni magħluqa, fejn is-satellita tikkostitwixxi l-element ċentrali, essenzjali u mhux sostitwibbli, b’tali mod li, f’każ li s-satellita ma taħdimx tajjeb, it-trażmissjoni ta’ sinjali tkun teknikament impossibbli u li, konsegwentement, il-pubbliku ma jirċievi l-ebda trażmissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 39).

    59      F’din il-kawża, huwa paċifiku li s-satellita tikkostitwixxi element ċentrali, essenzjali u mhux sostitwibbli kemm għat-trażmissjoni diretta tal-programmi televiżivi kif ukoll għat-trażmissjoni indiretta tagħhom, filwaqt li ż-żewġ modi ta’ trażmissjoni jikkostitwixxu t-tali sistemi ta’ komunikazzjoni magħluqa.

    60      It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li, matul it-trażmissjoni indiretta tal-programmi televiżivi, Airfield u Canal Digitaal jipproċedu b’intervent fuq is-sinjali li jwasslu l-programmi mxandra mill-korpi tax-xandir, hemm lok li jiftakkar li dan l-intervent essenzjalment jikkonsisti fl-att li jirċievu dawn is-sinjali mingħand il-korpi tax-xandir, fl-att ta’ decrypting eventwali tagħhom u r-recrypting tagħhom u li jintbagħtu lejn is-satellita kkonċernata.

    61      Issa, dan l-unika intervent jaqa’ taħt l-attivitajiet tekniċi normali ta’ preparazzjoni tas-sinjali għall-introduzzjoni tagħhom fit-trażmissjoni ’l fuq tal-komunikazzjoni bis-satellita. Dan huwa spiss meħtieġ sabiex din il-komunikazzjoni ssir possibbli jew biex jiffaċilitaha. Għaldaqstant, dan irid jiġi kklassifikat bħala proċedura teknika normali li tapplika għas-sinjali li jwasslu l-programmi u ma jistax għalhekk jitqies, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 93/83, bħala li twassal għal interruzzjonijiet fil-katina ta’ komunikazzjoni kkonċernata.

    62      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-trażmissjoni diretta ta’ programmi televiżivi, għandu jitfakkar li l-intervent ta’ Airfield u ta’ Canal Digitaal sempliċiment jipprovdi ċ-ċwievet ta’ aċċess lill-korpi tax-xandir ikkonċernati sabiex jippermetti lill-abbonati ta’ Airfield li jagħmlu d-dekoding ulterjuri tal-programmi permezz tal-kard tad-decrypting.

    63      Issa, peress li huwa paċifiku li Airfield u Canal Digitaal jipprovdu dawn iċ-ċwievet ta’ aċċess lill-korpi tax-xandir qabel ma dawn tal-aħħar jintroduċu s-sinjali li jwasslu l-programmi fil-katina ta’ komunikazzjoni kkonċernata, dan l-intervent ta’ Airfield u ta’ Canal Digitaal ma jistax jitqies li qed jinterrompi din il-katina ta’ komunikazzjoni.

    64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-trażmissjonijiet indiretti u diretti ta’ programmi televiżivi jissodisfaw it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83.

    65      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, ma huwiex ikkontestat, minn naħa li, mill-mument li dawn is-sinjali jixxandru lejn is-satellita, dawn jiġu indirizzati lill-pubbliku, jiġifieri l-pubbliku li għandu kard ta’ decrypting, ipprovduta minn Airfield.

    66      Min-naħa l-oħra, għalkemm is-sinjali li jifformaw parti mit-trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi jġarrbu ċerti aġġustamenti tekniċi, dawn jiġu qabel l-introduzzjoni tagħhom fit-trażmissjoni ’l fuq tal-komunikazzjoni bis-satellita u jikkostitwixxu – kif ġie kkonstatat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza – proċeduri tekniċi normali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija aġġustamenti ma jistgħux jitqiesu bħala li jaffettwaw id-destinazzjoni ta’ dawn is-sinjali.

    67      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali li jwasslu l-programmi, imxandra fil-kuntest ta’ trażmissjonijiet diretti u indiretti ta’ programmi televiżivi, huma ddestinati sabiex jinqabdu mill-pubbliku u li dawn it-trażmissjonijiet jissodisfaw għalhekk it-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83.

    68      Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni, huwa paċifiku li, fil-kuntest tat-trażmissjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-mekkaniżmu ta’ decrypting tat-trażmissjoni huwa mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mhux mill-korpi tax-xandir, iżda mill-fornitur tal-pakkett bis-satellita. F’dan ir-rigward, mill-proċess ma jirriżultax li dan tal-aħħar jipprovdi dan il-mekkaniżmu lill-pubbliku mingħajr il-kunsens tal-imsemmija korpi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li kemm it-trażmissjoni indiretta ta’ programmi televiżivi kif ukoll it-trażmissjoni diretta tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha kumulattivi previsti fl-Artikolu 1(2)(a) u (ċ) tad-Direttiva 93/83, u li, għalhekk, kull waħda minnhom għandha titqies bħala li tikkostitwixxi komunikazzjoni waħda lill-pubbliku bis-satellita u għalhekk bħala li hija indiviżibbli.

    70      F’dan ir-rigward, l-indiviżibbiltà ta’ din il-komunikazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2)(a) sa (ċ) ma jfissirx, madankollu, li l-intervent tal-fornitur ta’ pakkett bis-satellita f’din il-komunikazzjoni jista’ jitwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet ikkonċernati.

     Fuq l-awtorizzazzjoni tal-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita

    71      Mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 jirriżulta qabelxejn li l-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ awtur għandhom jaraw li x-xogħlijiet protetti dejjem jingħataw l-awtorizzazzjoni għal komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita.

    72      It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-awtorizzazzjoni għandha b’mod partikolari tinkiseb mill-persuna li tibda din il-komunikazzjoni jew li tintervjeni matulha, b’tali mod li tirrendi, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, ix-xogħlijiet protetti aċċessibli lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma kienx ġie kkunsiderat mill-awturi tax-xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni mogħtija lil persuna oħra (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punti 40 u 42, kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, C‑136/09, Ġabra p. I‑37, punt 38).

    73      Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-premessa 17 tad-Direttiva 93/83, li tipprovdi li l-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għandhom jiġu żgurati minn remunerazzjoni xierqa għall-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita tax-xogħlijiet tagħhom li tikkunsidra l-parametri kollha tax-xandira, bħalma huma n-numru effettiv ta’ telespettaturi u n-numru potenzjali ta’ telespettaturi ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 108 u 110).

    74      Madankollu, l-imsemmija awtorizzazzjoni ma għandhiex tinkiseb mill-persuna kkonċernata jekk l-intervent tagħha matul il-komunikazzjoni lill-pubbliku jirrigwarda sempliċiment, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, is-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi ddestinati li jippermettu jew li jwettqu l-imsemmija komunikazzjoni.

    75      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 93/83, komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija mibdija mill-korp tax-xandir li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tiegħu s-sinjali li jwasslu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita. Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan il-korp, bħala regola, irendi għalhekk ix-xogħlijiet protetti aċċessibbli lil pubbliku ġdid. Għaldaqstant, dan il-korp għandu l-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83.

    76      F’dan ir-rigward, din il-konstatazzjoni ma teskludix li operaturi oħra jintervjenu fil-kuntest ta’ komunikazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, b’mod li jrendu l-oġġetti protetti aċċessibbli għal pubbliku li jkun ikbar mill-pubbliku meqjus mill-korp tax-xandir ikkonċernat, jiġifieri pubbliku li ma kienx ġie kkunsiderat mill-awturi ta’ dawn ix-xogħlijiet meta huma kienu awtorizzaw l-użu ta’ dawn tal-aħħar lill-korp tax-xandir. F’ipoteżi bħal din, l-intervent tal-imsemmija operaturi ma huwiex għalhekk kopert mill-awtorizzazzjoni mogħtija lil dan il-korp.

    77      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta operatur ikabbar iċ-ċirku ta’ persuni li jkollhom aċċess għal din il-komunikazzjoni u jrendi għalhekk l-oġġetti protetti aċċessibbli għal pubbliku ġdid.

    78      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li fornitur ta’ pakkett bis-satellita jipproċedi, minn naħa, billi jagħmel l-encyrpting tal-komunikazzjoni kkonċernata jew billi jipprovdi lill-korpi tax-xandir iċ-ċwievet ta’ aċċess għal din il-komunikazzjoni b’mod li l-abbonati tiegħu jkunu jistgħu jagħmlu d-decrypting u, min-naħa l-oħra, iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-abbonati l-mekkaniżmu għad-decrypting korrispondenti, peress illi dawn l-operazzjonijiet jippermettu għalhekk li tiġi stabbilita r-rabta bejn il-komunikazzjoni introdotta mill-korpi tax-xandir u l-imsemmija abbonati.

    79      Issa, din l-attività ma għandhiex tiġi konfuża mas-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi ddestinati li jiggarantixxu jew li jtejbu r-riċezzjoni tax-xandira oriġinali fiż-żona li fiha din tinqabad, li taqa’ taħt l-eżempju msemmi fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, iżda tikkostitwixxi intervent li mingħajru l-persuni li għandhom il-mekkaniżmu tad-decrypting ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mix-xogħlijiet imxandra, minkejja li jkunu jinsabu fi ħdan l-imsemmija żona. Għalhekk, dawn il-persuni jifformaw parti mill-pubbliku li huwa l-mira tal-fornitur tal-pakkett bis-satellita nnifsu, fejn dan il-fornitur, permezz tal-intervent tiegħu fil-kuntest tal-komunikazzjoni bis-satellita kkonċernata, irendi x-xogħlijiet protetti aċċessibbli għal pubbliku li jiżdied mal-pubbliku li huwa fil-mira tal-korp tax-xandir ikkonċernat.

    80      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-intervent tal-fornitur tal-pakkett jirrappreżenta provvista ta’ servizz awtonomu mwettqa bl-għan li jnissel benefiċċju minnha, peress li l-prezz tal-abbonament imħallas mill-imsemmija persuni ma jmurx għand il-korp tax-xandir iżda għal dan il-fornitur. Issa, huwa paċifiku li dan il-prezz huwa dovut mhux għall-provvisti tekniċi eventwali iżda għall-aċċess għall-komunikazzjoni mwettqa bis-satellita, u għalhekk, għax-xogħlijiet jew għall-oġġetti protetti oħra.

    81      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-fornitur tal-pakkett bis-satellita ma jrendix possibbli għall-abbonati tiegħu l-aċċess għall-komunikazzjoni mwettqa minn korp ta’ xandir wieħed, iżda jiġbor diversi komunikazzjonijiet li jirriżultaw minn korpi tax-xandir differenti f’prodott awdjoviżiv ġdid, fejn il-kompożizzjoni tal-pakkett hekk maħluq hija deċiża mill-fornitur tal-pakkett bis-satellita.

    82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-fornitur tal-pakkett bis-satellita jkabbar iċ-ċirku ta’ persuni li għandhom aċċess għall-programmi televiżivi u jrendi possibbli l-aċċess ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti oħra lil pubbliku ġdid.

    83      Għaldaqstant, dan il-fornitur ta’ pakkett bis-satellita għandu l-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni mingħand il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-intervent tiegħu fl-imsemmija komunikazzjoni, sakemm dawn il-proprjetarji ma jkunux ftehmu mal-korp tax-xandir ikkonċernat li x-xogħlijiet protetti jkunu jistgħu wkoll jiġu kkomunikati lill-pubbliku permezz tal-intermedjarju ta’ dan il-fornitur u bil-kundizzjoni li l-intervent ta’ dan tal-aħħar ma jrendix l-imsemmija xogħlijiet aċċessibbli lil pubbliku ġdid.

    84      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ pakkett bis-satellita għandu l-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mingħand il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-intervent tiegħu fit-trażmissjonijiet diretti u indiretti ta’ programmi televiżivi, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sakemm dawn il-proprjetarji ma jkunux ftehmu mal-korp tax-xandir ikkonċernat li x-xogħlijiet protetti ser jiġu wkoll ikkomunikati lill-pubbliku permezz tal-intermedjarju ta’ dan il-fornitur u bil-kundizzjoni li l-intervent ta’ dan tal-aħħar ma jrendix l-imsemmija xogħlijiet aċċessibbli lil pubbliku ġdid.

     Fuq l-ispejjeż

    85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ pakkett bis-satellita għandu l-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mingħand il-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati għall-intervent tiegħu fit-trażmissjonijiet diretti u indiretti ta’ programmi televiżivi, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, sakemm dawn il-proprjetarji ma jkunux ftehmu mal-korp tax-xandir ikkonċernat li x-xogħlijiet protetti ser jiġu wkoll ikkomunikati lill-pubbliku permezz tal-intermedjarju ta’ dan il-fornitur u bil-kundizzjoni li l-intervent ta’ dan tal-aħħar ma jrendix l-imsemmija xogħlijiet aċċessibbli lil pubbliku ġdid.

    Firem


    * –Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Top