EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0404

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-24 ta' Novembru 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 85/337/KEE - Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent - Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-habitats naturali - Fawna u flora selvaġġa - Minjieri tal-faħam miftuħa - Sit ‘Alto Sil’ - Żona ta’ protezzjoni speċjali - Sit ta’ importanza Komunitarja - Ors kannella (Ursus arctos) - Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).
Kawża C-404/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:768

Kawża C-404/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitats naturali — Fawna u flora selvaġġa — Minjieri tal-faħam miftuħa — Sit ‘Alto Sil’ — Żona ta’ protezzjoni speċjali — Sit ta’ importanza Komunitarja — Ors kannella (Ursus arctos) — Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus)”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni minn qabel tal-awtorizzazzjoni — Proġetti dwar minjieri miftuħa

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3))

2.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni ta’ protezzjoni speċjali — Obbligi tal-Istati Membri — Proġetti dwar minjieri miftuħa li jinsabu fi jew qrib ħafna ta’ sit ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 79/409

(Direttivi tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, u 92/43, Artikoli 6(2) sa (4), u 7)

3.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni ta’ protezzjoni speċjali — Obbligi tal-Istati Membri — Proġetti dwar minjieri miftuħa li jinsabu fi jew qrib ħafna ta’ sit ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 79/409

(Direttivi tal-Kunsill 79/409, kif emendata bid-Direttiva 97/49, u 92/43, Artikoli 6(2) sa (4), u 7)

4.        Ambjent — Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa — Direttiva 92/43 — Żoni ta’ protezzjoni speċjali — Obbligi tal-Istati Membri — Proġetti dwar minjieri miftuħa li jinsabu fi jew qrib ħafna ta’ sit ikklassifikat bħala żona ta’ importanza Komunitarja

(Direttiva tal-Kunsill 92/43, Artikolu 6(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813)

1.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Stat Membru li jawtorizza minjieri miftuħa mingħajr ma jkun issuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta’ minjieri miftuħa eżistenti, ħlief għal dak li jikkonċerna waħda mill-minjieri, fir-rigward tal-ors kannella (Ursus arctos).

(ara l-punt 197, u d-dispożittiv 1)

2.        Mid-data meta sit ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva 97/49, jonqos milli jwettaq, fir-rigward tal-imsemmi sit, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, Stat Membru li awtorizza minjieri miftuħa li jinsabu fi jew qrib ħafna tas-sit ikkonċernat mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett minkejja r-riskju li l-proġett imsemmi jista’ jirrappreżenta għas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), li jikkostitwixxi wieħed mir-rikkezzi naturali li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit inkwistjoni bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku importanti u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000.

(ara l-punt 197, u d-dispożittiv 2)

3.        Mid-data meta sit ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva 79/409, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva 97/49, jonqos milli jwettaq, fir-rigward tal-imsemmi sit, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tagħha, Stat Membru li ma jadottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil kunsiderevoli għas-serduq selvaġġ, li l-preżenza tiegħu fuq is-sit ikkonċernat kienet waħda mill-motivi wara l-klassifikazzjoni tal-imsemmija żona ta’ protezzjoni speċjali, ikkawżati mill-minjieri miftuħa li jinsabu fi jew qrib ħafna ta’ dan is-sit.

(ara l-punt 197, u d-dispożittiv 2)

4.        Mid-data ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni 2004/813, li tadotta, skont id-Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, il-lista tas-siti ta’ importanza għall‑Komunità tar-reġjun bijoġeografiku atlantiku, jonqos milli jwettaq, fir-rigward ta’ sit iddisinjat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, Stat Membru li ma jadottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil ikkawżat lill-ispeċi minn ċerti minjieri li jinsabu fi jew qrib ħafna tal-imsemmi sit.

(ara l-punt 197, u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Novembru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 85/337/KEE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Fawna u flora selvaġġa – Minjieri tal-faħam miftuħa – Sit ‘Alto Sil’ – Żona ta’ protezzjoni speċjali – Sit ta’ importanza Komunitarja – Ors kannella (Ursus arctos) – Serduq selvaġġ (Tetrao urogallus)”

Fil-Kawża C‑404/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta’ Ottubru 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia kif ukoll minn F. Castillo de la Torre u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), K. Schiemann, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara:

–        billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta’ minjieri miftuħa eżistenti, ħlief għal dak li jikkonċerna l-minjiera “Ladrones”, fir-rigward tal-ors kannella,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151, iktar’il quddiem id-“Direttiva 85/337 emendata”).

–        mis-sena 2000, is-sena meta s-sit “Alto Sil” ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) skont id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, tad-29 ta’ Lulju 1997, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 344, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”),

–        billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett minkejja r-riskju li l-proġett msemmi għas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), li jikkostitwixxi waħda mir-rikkezzi naturali li mmotivaw il-klassifikazzjoni taż-ŻPS “Alto Sil”, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku importanti u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000, u

–        billi ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil sinjifikattiv għas-serduq selvaġġ, li l-preżenza tiegħu fis-sit kienet waħda mill-motivi wara l-klassifikazzjoni tal-imsemmija ŻPS, ikkawżati mill-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia”,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward taż-ŻPS “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”), moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tagħha;

–        billi, sa minn Jannar 1998, ma adottax, fir-rigward tal-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”, il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġi l-interess ekoloġiku nazzjonali li s-sit “Alto Sil”, propost bħal sit ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) skont id-Direttiva “habitats”, ippreżentat, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-sit propost “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva, kif interpretata mis-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et (C‑117/03, Ġabra p. I‑167), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, Ġabra p. I‑8445),

–        sa mix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004,

–        billi awtorizza l-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’minjieri miftuħa (mill-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”) li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq ir-rikkezzi naturali li ddeterminaw il-klassifikazzjoni tas-SIK “Alto Sil”, mingħajr ma għamel evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti ta’ dawn il-minjieri u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett, minkejja r-riskju li dawn jinvolvu fil-konfront tar-rikkezzi naturali li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil”, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku importanti u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza tan-netwerk Natura 2000, u

–        billi ma adottax, fir-rigward ta’ dawn il-proġetti, il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil li l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín” jikkawżaw lill-ispeċi,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-SIK “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 95/337 emendata

2        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 emendata:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

3        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

–        il-bniedem, il-fawna u l-flora;

–        il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

–        il-beni materjali u l-wirt kulturali;

–        l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

4        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/337 emendata jispeċifika li, “Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.”

5        L-Anness I tad-Direttiva 85/337 emendata tinkludi l-lista tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1). B’hekk, il-punt 19 ta’ dan l-anness isemmi “Il-barrieri u x-xogħol fil-minjieri miftuħa fejn il-wiċċ ta’ l-art jaqbeż il‑25 ettaru, jew l-estrazzjoni tal-pit (“peat”), fejn il-wiċċ ta’ l-art fuq il-post jaqbeż il‑150 ettaru”

6        Għal dak li jirrigwarda t-tipi l-oħra ta’ proġetti, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva emendata jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)      eżami każ b’każ,

jew

b)      l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

[...]”

7        Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, il-punt 13 tal-Anness II tagħha jsemmi “Kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337 emendata jipprovdi li:

“1.      Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV billi:

a)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju mogħti tal-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikolari jew ta’ tip ta’ proġett partikolari u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x’aktarx jiġu affettwati;

b)      l-Istati Membri jikkunsidraw illi żviluppatur jista’ raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif billi jqis, fost ħwejjeġ oħra, l-għarfien u l-metodi korrenti ta’ l-istima.

[...]

3.      It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

–        deskrizzjoni tal-proġett li jikkomprendi tagħrif dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tal-proġett,

–        deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti,

–        il-fatti magħrufa (‛data’) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

–        il-punti prinċipali (‛outline’) ta’ l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent,

–        sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fl-inċiżi ta’ qabel.

–        [...]”

9        L-Anness IV tad-Direttiva 85/337 emendata jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“1.      Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b’mod partikolari:

–        id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu u tal-ħtiġijiet ta’ l-użu ta’ l-art matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet,

–        id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewliena tal-proċessi tal-produzzjoni, per eżempju, in-natura u l-kwalità tal-materjali użati,

–        l-estimu, skond it-tip u l-kwantità, tal-fdalijiet u l-emissjonijiet mistennija (ilma, arja u ħamrija, tinġis, ħoss, vibrazzjoni, dawl, sħana, radjazzjoni, eċċ.) li jirriżultaw mix-xogħlijiet tal-proġett propost.

2.      Il-punti prinċipali (‛outline’) ta’ l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent.

3.      Id-deskrizzjoni ta’ l-aspetti fl-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati sinifikament mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.

4.      Id-deskrizzjoni ta’ l-effetti x’aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

–        l-eżistenza tal-proġett,

–        l-użu tar-riżorsi naturali,

–        l-emissjoni ta’ oġġetti ta’ tniġġis, il-ħolqien ta’ irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni ta’ l-iskart,

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur dwar il-metodi tat-tbassir użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

5.      Id-deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jipprevjenu, inaqqsu u fejn possibbli jikkontrobilanċjaw kull effett avvers sinifikanti fuq l-ambjent.

6.      Sommarju mhux tekniku tat-tagħrif ipprovvdut skond l-intestaturi ta’ hawn fuq.

7.      Indikazzjoni ta’ kull diffikultà (defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta’ kompetenza fis-sengħa) li jiltaqa’ magħha l-iżviluppatur fil-ġbir tat-tagħrif meħtieġ.”

10      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “deskrizzjoni” li jinsab fil-punt 4 tal-imsemmi Anness IV, dan jispeċifika li “[din] id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, ta’ skond qasir, medju jew fit-tul, permanenti u temporanju u negattiv tal-proġett”.

 Id-Direttiva “għasafar”

11      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikklassfikaw bħala ŻPS it-territorji l-iktar xierqa għall-protezzjoni tal-ispeċi tal-għasafar imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva u tal-għasafar li jemigraw.

12      L-Anness I tad-Direttiva “għasafar” isemmi b’mod partikolari s-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus).

13      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” tispeċifika l-protezzjoni li għandhom jibbenefikaw minnha ż-ZPS:

“Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu.”

 Id-Direttiva “habitats”

14      Skont is-sitt premessa tad-Direttiva “habitats”, “sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata”.

15      Is-seba’ premessa ta’ din id-direttiva hija redatta b’dan il-mod:

“[...] ż-żoni kollha nominati, inklużi dawk li issa huma klassifikati jew fil-ġejjieni se jkunu klassifikati bħala żoni speċjali mħarsa skond id-Direttiva [‘għasafar’], jkollhom jiġu nkorporati f’network ekoloġiku Ewropew koerenti”.

16      Id-disa’ premessa tad-Direttiva “habitats” tirrileva li “jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

17      L-Artikolu 3 tad-Direttiva “habitats” jipprovdi li:

“1.      Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [‘għasafar’].

2.      Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

[...]”

18      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. [...]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. [...]

2.      Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ)(iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-[SIK] għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[...]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

[...]

4.      Ladarba [SIK] jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr [...].

5.      Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

19      L-Artikolu 6(2) sa (4) ad-Direttiva “habitats”jipprovdi li:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

20      L-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” jipprovdi li:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [’għasafar’] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [’għasafar’], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

21      L-Anness IV tad-Direttiva “habitats”, bit-titolu “Annimali u speċi ta’ pjanti ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib” isemmi taħt il-punt a) tiegħu, l-ispeċi tal-ors kannella (Ursus arctos) bħala speċi ta’ prijorità.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

22      Is-sit “Alto Sil”, li jinsab fil-Majjistral tar-reġjun ta’ Castilla y Léon, qrib reġjuni ta’ Galicia u ta’ Asturias, jestendi fuq iktar minn 43 000 ettaru madwar it-tributarju tax-xmara Sil.

23      Matul ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1998, ir-Renju ta’ Spanja ppropona dan is-sit bħala SIK skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “habitats”.

24      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, dan l-Istat Membru barra minn hekk ikklassifika dan is-sit bħala ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”, minħabba l-preżenza fih ta’ diversi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, fosthom popolazzjoni riproduttriċi tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ.

25      Fis-7 ta’ Diċembru 2004, permezz tad-Deċiżjoni 2004/813/KE li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 150), il-Kummissjoni inkludiet is-sit “Alto Sil” f’dan l-elenku taħt il-Kodiċi ES 0000210.

26      Il-formularju standard tad-data dwar dan is-sit, mibgħut mir-Renju ta’ Spanja lill-Kummissjoni matul il-proposta ta’ dan is-sit bħala SIK, jindika, fost l-oħrajn, il-preżenza ta’ 10 sa 15-il eżemplar ta’ ors kannella u ta’ 42 sa 47 eżemplar raġel tas-sottospeċi ta’ Cantabria tas-serduq selvaġġ (tetrao urogallus cantabricus).

27      Dan il-formularju jsemmi wkoll, b’mod partikolari, it-tipi ta’ habitats li ġejjin:

–        4030 – Heaths niexfa Ewropej (50 % tas-superfiċje tas-sit),

–        4090 – Heaths oro-Mediterran endemiku bil-ġinestrun (6 % tas-superfiċje tas-sit),

–        6160 – Mergħat ta’ art tal-Iberja Siliceous Festuca indigesta (1 % ta-superfiċje tas-sit),

–        8230 – Blat siliċiku b’veġetazzjoni pijuniera tas-Sedo-Scleranthion jew tas-Sedo albi-Veronicion dillenii (13 % tas-superfiċje tas-sit) u

–        9230 – Boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica (6 % tas-superfiċje tas-sit).

28      Ġie indikat fih ukoll li l-popolazzjoni tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ preżenti fis-sit hija ta’ importanza reġjonali (50 % tal-eżemplari raġel tal-komunità awtonoma ta’ Castilla-Léon,) u nazzjonali (2 % tal-eżemplari raġel preżenti fit-territorju Spanjol).

29      Madankollu skont dan il-formularju, il-vulnerabbiltà tas-sit “hija dovuta fondamentalment għall-minjieri miftuħa”.

30      Matul is-sena 2001, il-Kummissjoni ġiet informata bl-eżistenza ta’ diversi minjieri tal-faħam miftuħa, ġestiti mill-impriża Minero Siderúrgica de Ponferrada SA, attwalment imsemmija Coto Minero Cantábrico SA, li jinsabu fi jew qrib ħafna tas-sit “Alto Sil”.

31      Mill-proċess jirriżulta li l-minjieri miftuħa involuti f’dawn il-proċeduri jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi.

32      L-ewwel grupp ta’ minjieri jinsab fit-Tramuntana tax-xmara Sil u tal-komun ta’ Villablino (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“minjieri tat-Tramuntana”). Huma jinsabu kollha ġewwa s-SIK “Alto Sil”.

33      L-ewwel nett dan jirrigwarda l-minjiera miftuħa msemmija “Feixolín”, li ġiet awtorizzata fl-1 ta’ Jannar 1986 b’superfiċje ta’ 95.86 ettaru u li kienet operattiva bejn is-sena 2000 u s-sena 2008. Hija bħalissa qed tiġi “rinaturalizzata”.

34      Il-minjiera miftuħa msemmija “Ampliación de Feixolín”, li l-proġett tal-użu tagħha jkopri superfiċje totali ta’ 93.9 ettari, tifforma parti wkoll minn dan il-grupp ta’ minjieri tat-Tramuntana.

35      Fir-rigward ta’ din il-minjiera, l-awtoritajiet Spanjoli imponew sanzjoni, fid-9 ta’ Novembru 2009, u ordnaw ċertu numru ta’ miżuri minħabba l-fatt li l-użu tagħha kien diġà seħħ fuq 35.24 ettaru għalkemm din il-minjiera kienet għadha ma ġietx awtorizzata.

36      L-użu ta’ din il-minjiera fuq parti tas-superfiċje tal-proġett ta’ użu, jiġifieri 39.62 ettaru, madankollu ġie awtorizzat fil-11 ta’ Ġunju 2009. Fis-7 ta’ Ottubru, ġew ordnati miżuri sabiex jiġu limitati u kkumpensati l-effetti ta’ dan l-użu fuq l-ambjent.

37      It-tielet minjiera tat-Tramuntana hija msemmija “Fonfría”. Hija tkopri 350 ettaru u ġiet awtorizzata fil-21 ta’ Lulju 1999. L-estrazzjoni ta’ faħam fuq dan is-sit seħħ mix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2001 u ntemm matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2010.

38      Fin-Nofsinhar tax-xmara Sil u fil-Lbiċ tal-komun ta’ VillaSeca de LacianA jinsabu l-minjieri l-oħra tal-faħam miftuħa li huma s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“minjieri tan-Nofsinhar”).

39      L-ewwel nett dan jirrigwarda l-minjieri kollha msemmija “Salguero-Prégame-Valdesegadas” li jestendu fuq 196 ettaru. Dawn ġew awtorizzati bejn is-sena 1984 u s-sena 2002. Il-parti l-kbira minnhom ma ntużawx iktar mill-2002. Huma bħalissa qed jiġu “rinaturalizzati”.

40      Sussegwentement, għandha tissemma l-minjiera msemmija “Nueva Julia” li ġiet awtorizzata fis-16 ta’ Settembru 2003 b’superfiċje totali ta’ 405 ettari u li ntużat mis-sena 2006.

41      Fl-aħħar nett, il-minjiera msemmija “Ladrones” ġiet awtorizzata fl-24 ta’ Diċembru 2003 b’superfiċje totali ta’ 117-il ettaru. L-użu tagħha għadu ma nbedix.

42      Dawn il-minjieri tan-Nofsinhar imissu kollha ma’ xulxin, waħda mal-oħra. Fost dawn il-minjieri, il-minjiera “Ladrones” biss hija inkluża fil-limiti tas-SIK “Alto Sil”, il-minjieri l-oħra jinsabu fil-fruntiera ta’ barra tal-imsemmi SIK.

43      Peress li, għal dak li jirrigwarda dawn il-minjieri, l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 85/337 emendata u d-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-informazzjoni mibgħuta minn dawn l-awtoritajiet, indirizzat, fit-18 ta’ Lulju 2003, ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja.

44      Peress li kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-possibbli tfixkil ikkawżat lill-ors kannella u li l-effetti kumulattivi tal-minjieri ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, il-Kummissjoni, wara li eżaminat l-osservazzjonijiet li r-Renju ta’ Spanja għamel għall-ittra ta’ intimazzjoni, fit-22 ta’ Diċembru 2004, indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru.

45      B’risposta, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta, fost l-oħrajn, rapport li jeżamina l-effetti tad-diversi proġetti u li jipproponi miżuri ta’ protezzjoni tas-sit (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-2005”).

46      B’mod partikolari, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dragaggi et u Bund Naturschutz in Bayern et, fid-29 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Renju ta’ Spanja.

47      B’ittra tas-7 ta’ Mejju 2008, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda billi invoka, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ tfixkil sinjifikattiv għall-ambjent imputabbli għall-minjieri miftuħa, filwaqt li esprima l-intenzjoni tiegħu li jiżviluppa pjan strateġiku li jippermetti li jrendi kompatabbli l-kontinwazzjoni tal-attività tal-minjiera miftuħa ġewwa ż-żona “Alto Sil” mas-sistema ta’ protezzjoni tar-rikkezzi naturali stabbilita bid-dritt Komunitarju.

48      Fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata addizzjonali, li fiha hija rrepetiet l-ilmenti mqajma fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tagħha u stiednet ir-Renju ta’ Spanja sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċeviha.

49      Peress li kkunsidrat, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet u tad-dokumenti pprovduti mir-Renju ta’ Spanja b’risposta għal din l-opinjoni motiva addizzjonali, li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċjenti, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq it-talba intiża għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja u, sussidjarjament, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

50      B’att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2011, ir-Renju ta’ Spanja talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tordna miżura istruttorja skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, sussidjarjament, sabiex tipproċedi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikoli 61 ta’ dawn ir-regoli.

51      Insostenn tat-talba tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, mill-proċess ma jirriżultax, kif dan l-Istat Membru diġà indika fir-risposta u l-kontroreplika tiegħu, li l-minjieri tal-faħam miftuħa “Ampliación de Feixolín” u “Ladrones” kienu diġà s-suġġett ta’ attivitajiet ta’ minjieri.

52      Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-analiżi tal-Avukat Ġenerali hija bbażata fuq premessi fattwali ineżatti.

53      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tawtorizzah jipproduċi provi ġodda dwar is-sitwazzjoni fattwali tal-minjieri miftuħa “Ampliación de Feixolín” u “Ladrones” u, sussidjarjament, sabiex tipproċedeċi għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mill-proċess u b’mod partikolari mit-tabella bit-titolu “Minjieri attivi” li tinsab fil-paġna 50 tar-Rapport tal-2005 jirriżulta li l-minjiera miftuħa “Ampliación de Feixolín” kienet fil-fatt diġà s-suġġett ta’ ċerti attivitajiet tal-minjiera li kienu wasslu għall-qerda tal-habitats, b’mod partikolari ta’ 19.9 ettari tal-Habitat  9230 – Boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica. Għalkemm mill-proċess jirriżulta li, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2009, l-operatur ta’ din il-minjiera ġie ordnat sabiex jieqaf jopera minnha u ġie sanzjonat talli kompla jopera mingħajr ma kiseb awtorizazzjoni minn qabel f’dan is-sens, madankollu l-użu xorta waħda seħħ fuq superfiċje ta’ 35.24 ettaru. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat minn rapport ta’ żjara fuq il-post prodott mir-Renju ta’ Spanja fl-anness tal-kontroreplika tiegħu li jikkonferma li, għalkemm l-attivitajiet ta’ estrazzjoni ta’ faħam ma tidhirx li saret fuq dan is-sit, attivitajiet oħra waslu għall-qerda tal-veġetazzjoni.

55      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jirriżultax li dawn huma bbażati fuq il-premessa li l-minjiera miftuħa “Ladrones” kienet diġà użata. Kuntrarjament, l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-minjiera, eżaminati mill-Avukat Ġenerali, jirrigwardaw in-nuqqasijiet li kienet ivvizzjata bihom l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett tal-minjieri. Kuntrarjament għal ilmenti oħra, dawn l-ilmenti jirrigwardaw konsegwentement il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ din il-minjiera u mhux l-eventwali attivitajiet tal-minjiera fuq is-sit ta’ din il-minjiera mwettqa wara l-awtorizzazzjoni tagħha.

56      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi ordnata l-miżura istruttorja mitluba mir-Renju ta’ Spanja.

57      Fir-rigward tat-talba, ifformulata sussidjarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta mill-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 46, u tas-26 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑306/08, Ġabra p. I‑0000, punt 60).

58      Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

59      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li f’din il‑kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argumenti li ma kinux ġew diskussi quddiemha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il‑ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva 85/337 emendata għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ta’ minjieri miftuħa “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ladrones”

 L-argumenti tal-partijiet

60      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li jirrigwardaw il-minjieri “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ladrones” kienu jippreżentaw lakuni sinjifikattivi b’tali mod li huma evalwazzjonijiet inadegwati u mhux konformi mad-Direttiva 85/337 emendata.

61      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 4 tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari għal nota li tirrigwarda l-kunċett ta’ “deskrizzjoni” li jinsab fl-imsemmi punt, li timplika li l-proġetti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għandhom ikunu akkumpanjati minn deskrizzjoni tal-effetti sinjifikattiv ta’ dawn il-proġetti fuq l-ambjent, li tesponi “l-effetti diretti u kull effett indirett, [...] kumulattiv, ta’ skond qasir, medju jew fit-tul, permanenti u temporanju” tagħhom.

62      Minn dan hija ddeduċiet li, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti tal-minjieri kkonċernati għandhom jinkludu analiżi tal-effetti kumulattivi sinjifikattivi li d-distanza ta’ diversi minjieri miftuħa użati simultanjament fil-wied ta’ Laciana jistgħu jkollhom. Issa, ir-Rapport tal-2005 jikkonferma li tali analiżi ma saritx qabel l-awtorizzazzjoni tat-tliet minjieri inkwistjoni.

63      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva n-nuqqasijiet speċifiċi tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li jirrigwardaw it-tliet minjieri li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment:

–        Fir-rigward tal-minjiera “Fonfría”, ma hemm xejn fl-evalwazzjoni inizjali li jindika li kienet saret l-evalazzjoni tat-tfixkil possibbli għas-serduq selvaġġ, anki jekk l-awtoritajiet ma jinjorawx il-preżenza ta’ din l-ispeċi fuq art ta’ tgħammir li tinsab qrib iż-żona ta’ estrazzjoni mill-minjiera. Barra minn hekk, ir-Rapport tal-2005 jikkonferma mingħajr spjegazzjoni oħra li din il-minjiera tinsab ġewwa l-pjan ta’ ristabbiliment tal-ors kannella;

–        Għalkemm il-minjiera “Ladrones” hija qrib ħafna artijiet ta’ tgħammir tas-serduq selvaġġ, fatt li jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ żona kritika fil-pjan ta’ ristabbiliment ta’ din l-ispeċi, ma hemm ebda element li jindika li din il-preżenza ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni inizjali ta’ din il-minjiera. Fir-rigward tal-ors kannella, din l-evalwazzjoni ddikjarat biss li l-minjiera tinsab ġewwa l-pjan ta’ ristabbiliment ta’ din l-ispeċi, iżda li mhux ser ikun hemm tfixkil sinjifikattiv għaliha peress li l-estrazzjoni mill-minjiera “ma tikkawżax ħsara lil ebda żona kritika u ma twassal għal ebda effett ta’ barriera bejn id-diversi sottopopolazzjonijiet”.

–        rigward il-minjiera “Nueva Julia”, l-evalwazzjoni ma tinkludi ebda informazzjoni fuq iż-żewġ speċi l-iktar problematiċi, jiġifieri s-serduq selvaġġ u l-ors kannella. L-effetti ta’ din il-minjiera, li tinsab ġewwa s-SIK, jistgħu ovvjament jinħassu minn distanza ta’ diversi kilometri u jistgħu għaldaqstant jaffettwaw habitats u speċi ġewwa s-SIK. Din l-eventwalità ma tidhirx li ttieħdet inkunsiderazzjoni.

64      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, l-ewwel nett, rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deskrizzjoni” li jinsab fil-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337 emendata, li l-użu tal-kundizzjonali fin-nota li tirrigwarda dan il-punt, fir-rigward tal-fatt li “[din] id-deskrizzjoni għandha tkopri”, tindika li d-deskrizzjoni meħtieġa ma għandhiex neċessarjament issemmi l-effetti kumulattivi tad-diversi proġetti fuq l-ambjent, iżda li huwa biss mixtieq li hija tinkludi tali deskrizzjoni. Il-formulazzjoni użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva jikkonfermaw din l-interpretazzjoni.

65      Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, tali deskrizzjoni tal-effetti kumulattivi ma kinitx neċessarja f’dan il-każ, peress li l-minjieri inkwistjoni kienu ġew awtorizzati fi żminijiet differenti ħafna u ż-żoni tas-SIK li huma jaffettwaw huma wkoll differenti.

66      Fi kwalunkwe każ, ir-Rapport tal-2005 jinkludi evalwazzjoni dettaljata tal-effetti potenzjali ta’ kull minjiera inkwistjoni u tal-effetti potenzjali kumulattivi li dawn jistgħu jipproduċu flimkiem ma’ minjieri oħra.

67      Għal dak li jirrigwarda l-minjiera “Fonfría”, l-imsemmi Rapport tal-2005 jikkonkludi, wara deskrizzjoni tal-effetti kumulattivi, li ma kien hemm ebda tfixkil sinjifikattiv fis-SIK tal-ispeċi protetti.

68      Dan huwa wkoll il-każ għall-minjiera “Nueva Julia”. Rigward l-ors kannella, fir-Rapport tal-2005 ġie konkluż, wara evalwazzjoni tal-effetti kumulattivi fuq l-ambjent tal-minjieri u tal-proġetti kkonċernati, li l-ebda żona kritika jew żona ta’ konnessjoni ma hija mfixkla, b’tali mod li l-effett ta’ dan il-proġett fuq din l-ispeċi ma jkunx sinjifikattiv.

69      Għal dak li jirrigwarda l-ispeċi ta’ għasafar protetti skont iż-ŻPS, u minħabba dan il-fatt, tas-SIK “Alto Sil”, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ebda speċi ma kienet imfixkla b’mod sinjifikattiv. Għal dak li jirrigwarda l-minjiera “Ladrones”, fir-Rapport tal-2005 ġie konkluż li ma kien hemm ebda impatt sinjifikattiv fuq il-habitat 4020, identifikat bħala habitat ta’ prijorità tas-serduq selvaġġ fil-pjan ta’ ristabbiliment ta’din l-ispeċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-proġett tal-minjiera tal-faħam miftuħa “Fonfría”, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11, jibqgħu japplikaw għat-talbiet għal awtorizzazzjoni mressqa qabel it-tmien tat-terminu ffissat fl-imsemmi Artikolu 3, jiġifieri qabel l-14 ta’ Marzu 1999.

71      Mill-proċess jirriżulta li t-talba għal awtorizzazzjoni tal-proġett tal-minjiera “Fonfría” tressqet fil-11 ta’ Marzu 1998.

72      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337 emendata għal dak li jikkonċerna l-proġett.

73      Barra minn hekk, l-ilment tal-Kummissjoni li jirrigwarda dan il-proġett ma jistax jinftiehem bħala intiż għall-konstazzjoni ksur tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11.

74      Dan huwa speċjalment minnu peress li ċerti emendi introdotti bid-Direttiva 97/11 huma direttament rilevanti sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan l-ilment. Dan japplika, b’mod partikolari għall-inserzjoni, fil-punt 19 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, tal-minjieri miftuħa b’superfiċje ta’ 25 ettaru, li jimplika li dawn għandom dejjem ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 emendata biss meta huma jikkonċernaw talbiet għal awtorizzazzjoni mressqa wara l-14 ta’ Marzu 1999.

75      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jirreferi għall-minjiera “Fonfría”.

76      Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent, imwettqa skont id-Direttiva 85/337 emendata, tal-proġetti li jirrigwardaw il-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” humiex inadegwati, kif issostni l-Kummissjoni, peress li dawn ma jinkludux analiżi tal-effetti kumulattivi fuq l-ambjent li jistgħu jiġu prodotti minn dawn il-proġetti u minn minjieri oħra, bħall-minjieri tal-faħam miftuħa li joperaw jew l-attività tagħhom hija awtorizzata jew waslet biex tiġi awtorizzata.

77      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi dedott mill-użu tal-kundizzjonali, fin-nota li tirrigwarda l-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337 emendata, fir-rigward tal-fatt li “[din] id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effett [..] kumulattiv [..] tal-proġett”, li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma għandhiex neċessarjament tkopri l-effetti kumulattivi tad-diversi proġetti fuq l-ambjent , iżda li tali analiżi hija biss mixtieqa.

78      Il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 emendata, li jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-bniedem, il-fawna u l-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ, il-beni materjali u l-wirt kulturali, kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi.

79      Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa u tal-għan wiesa’ ħafna tad-Direttiva 85/337 emendata, li jirriżultaw mill-Artikoli 1(2), 2(1) u (3) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punti 30 u 31), is-sempliċi fatt li jista’ jkun hemm inċertezza dwar it-tifsira eżatta tal-użu tal-kundizzjonali fil-frażi “[din] id-deskrizzjoni għandha tkopri”, użata fin-nota li tirrigwarda l-punt 4 tal-Anness IV tad-Direttiva 85/337 emendata, u għalkemm din tinsab ukoll fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, ma jistax iwassal li ma tiġix aċċettata interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 3 tagħha.

80      Għaldaqstant, dan l-artikolu għandu jinftiehem fis-sens li, peress li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha, b’mod partikolari, tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa b’mod xieraq l-effetti indiretti ta’ proġetti, din l-evalwazzjoni għandha wkoll tinkludi analiżi tal-effetti kumulattivi fuq l-ambjent li jista’ jipproduċi dan il-proġett jekk dan jitqies flimkien ma’ proġetti oħra, sa fejn tali analiżi hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni tkopri l-eżami tal-effetti sinjifikattivi kollha fuq l-ambjent tal-proġett inkwistjoni.

81      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, f’dan il-każ, tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa peress li l-minjieri kkonċernati huma ’l bogħod minn xulxin u kienu awtorizzati fi żminijiet differenti ħafna.

82      Madankollu, mill-proċess jirriżulta li dan huwa l-każ fir-rigward b’mod partikolari tal-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones”, peress li dawn il-minjieri tan-Nofsinhar jinsabu qrib xulxin u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tagħhom saru paralellament.

83      Barra minn hekk, anki jekk, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, ir-Rapport tal-2005 għandu jinkludi tali analiżi kumulattiva, dan ir-rapport ma jistax jirrimedja għan-nuqqas ta’ din l-analiżi fil-kuntest tal-evalwazzjoni inizjali, peress li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 emendata jeħtieġ li l-evalwazzjoni ssir qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett.

84      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-effetti possibbli u speċifiċi tal-proġetti ta’ minjieri tal-faħam miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” fuq is-serduq selvaġġ u l-ors kannella kinux ġew eżaminati b’mod xieraq fl-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li jirrigwardaw dawn il-proġetti.

85      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-proġett li jirrigwarda l-minjiera “Nueva Julia”, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-25 ta’ Awwissu 2003 tirreferi biss għall-impatt ta’ dan il-proġett fuq ċerti anfibji. Din l-evalwazzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni li l-evalwazzjoni fil-fatt saret fir-rigward tal-effetti tal-imsemmi proġetti fuq l-ors kannella u s-serduq selvaġġ.

86      Analiżi tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq dawn l-ispeċi hija meħtieġa, peress li, minn naħa, l-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jinjoraw il-preżenza tal-imsemmija speċi fit-territorju tas-sit “Alto Sil”. Fil-fatt, matul is-sena 1998, ir-Renju ta’ Spanja kien ippropona l-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala SIK għar-raġuni, b’mod partikolari, tal-preżenza fuq dan is-sit ta’ dawn iż-żewġ speċi u dan l-istess Stat Membru kien, b’effett mis-sena 2000, ikklassifika dan is-sit f’ŻPS minħabba l-preżenza fuqu tas-serduq selvaġġ.

87      Min-naħa l-oħra, anki jekk din il-minjiera tinsab barra s-SIK, huwa paċifiku li din hija eżattament maġenb dan is-sit, b’tali mod li jkun possibbli li hija jkollha effetti fuqu.

88      Il-ħtieġa ta’ tali analiżi hija meħtieġa iktar u iktar, peress li, fil-formularju standard ta’ data li tirrigwarda s-sit “Alto Sil”, mibgħut lir-Renju ta’ Spanja lill-Kummissjoni meta kien propost li jiġi kklassifikat dan is-sit bħala SIK, dan l-Istat Membru kien irrileva li l-vulnerabbiltà tal-imsemmi sit kienet dovuta b’mod fondamentali għall-minjieri miftuħa.

89      Fir-rigward, sussegwentement, tal-proġett li jikkonċerna l-minjiera tal-faħam miftuħa “Ladrones”, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-impatt ambjentali tad-9 ta’ Ottubru 2003 tirrapporta l-preżenza tal-ors kannella fis-sit “Alto Sil” propost bħala SIK, iżda tikkonkludi li, kif jirriżulta minn Rapport tal-5 ta’ Ġunju 2001, il-minjiera tikkawża biss telf żgħir tal-habitat favorevoli għal din l-ispeċi, ma taffettwa ebda żona kritika tal-ispeċi u ma toħloq ebda effett ta’ barriera bejn id-diversi sottopopolazzjonijiet.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ors kannella, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda dokument li jista’ jqiegħed fid-dubju n-natura adegwata ta’ din l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett.

91      Fir-rigward tas-serduq selvaġġ, huwa msemmi f’din id-dikjarazzjoni ta’ impatt ambjentali li rappreżentant ta’ assoċjazzjoni għad-difiża tal-ambjent kien b’mod partikolari rrileva l-impatt possibbli tal-proġett fuq din l-ispeċi, li din l-allegazzjoni kienet ikkontestata mill-promotur u li din kienet ġiet eżaminata u evalwata b’mod sodisfaċenti. Madankollu mill-imsemmija dikjarazzjoni u lanqas minn dokumenti oħra ma jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq is-serduq selvaġġ ma kienet effettivament saret. Issa, għal raġunijiet diġà esposti fil-punt 86 u 88 ta’ din is-sentenza, analiżi tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq din l-ispeċi ma hijiex manifestament meħtieġa.

92      Konsegwentement, in-natura inadegwata ta’ din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonstatata għal dak li jikkonċerna s-serduq selvaġġ.

93      Fl-aħħar nett, in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li jirrigwardaw il-proġetti tal-minjiera “Nueva Julia” u “Ladrones” ma jistgħux jitqiesu bħala paċuti bir-Rapport tal-2005 peress li, kif diġà tfakkar fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 95/337 emendata jeħtieġ li l-evalwazzjoni ssir qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett.

94      Sussegwentement, l-ewwel ilment, sa fejn huwa intiż sabiex jikkonstata nuqqas tal-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva 85/33 emendata fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent li jirrigwardaw proġetti tal-minjiera miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” għandu, ħlief għal dan il-proġett tal-aħħar, għal dak li jikkonċerna l-ors kannella, jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats” għal dak li jikkonċerna s-serduq selvaġġ kif protett sa mill-klassifikazzjoni mis-sena 2000 tas-sit “Alto Sil” bħala-ŻPS

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni lment

–       L-argumenti tal-partijiet

95      Il-Kummissjoni ssostni li, billi awtorizza l-minjiera “Nueva Julia” u “Ladrones”, ir-Renju ta’ Spanja kiser l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats”, fid-dawl tal-protezzjoni li jibbenefika minnha s-serduq selvaġġ sa mill-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala ŻPS mis-sena 2000.

96      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-evalwazzjonijiet tal-proġetti tal-imsemmija minjieri jinkludu evalwazzjoni adegwata tal-eventwali effetti ta’ dawn il-proġetti fuq din l-ispeċi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97      Mill-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” jirriżulta li l-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” mid-data tal-implementazzjoni tad-Direttiva “habitats” jew mid-data tal-klassifikazzjoni minn Stat Membru skont id-Direttiva “għasafar” jekk id-data tal-aħħar tiġi iktar tard (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 173).

98      F’dan il-każ, l-ilment li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-effetti tal-proġetti “Nueva Julia” u “Ladrones” fuq l-ispeċi protetti taħt iż-ŻPS “Alto Sil”, b’mod partikolari fuq is-serduq selvaġġ, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” għal dak li jikkonċerna dawn il-proġetti li fuqhom huwa paċifiku li t-talbiet għal awtorizzazzjoni relatati magħhom tressqu wara li s-sit “Alto Sil” kien ikklassifikat bħala ŻPS.

99      Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat mill-pjan jew mill-proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività fis-sit protett biss jekk ikollhom iċ-ċertezza li din ma għandhiex effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ tali effetti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 243).

100    Evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” ma tistax titqies bħala xierqa jekk tinkludi lakuni u ma tinkludix konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fiż-ŻPS ikkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/05, Ġabra p. I‑7495, punt 69).

101    F’din il-kawża, il-protezzjoni tas-serduq selvaġġ tikkostitwixxi b’mod ċar għan ta’ konservazzjoni li wassal lir-Renju ta’ Spanja sabiex jikklassifika s-sit “Alto Sil” bħala ŻPS mis-sena 2000.

102    Barra minn, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet nazzjonali kienu indikaw, waqt il-proposta, ifformulata matul is-sena 1998, sabiex dan is-sit jiġi kklassifikat bħala SIK, li l-populazzjoni tas-serduq selvaġġ preżenti fuq dan is-sit kienet ta’ importanza reġjonali kif ukoll nazzjonali u li l-vulnerabbiltà ta’ dan l-istess sit kienet fondamentalment dovuta għall-minjiera miftuħa.

103    Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tat-trattament tal-ewwel ilment li jirrigwarda d-Direttiva 85/337 emendata, b’mod partikolari fil-punti 76 sa 93 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa qabel l-approvazzjoni tal-proġetti tal-minjieri “Nueva Julia” u “Ladrones” ma jinkludu ebda analizi tal-eventwali effetti kumulattivi ta’ diversi minjieri fuq is-serduq selvaġġ, għalhekk, f’dan il-każ, tali analiżi kienet meħtieġa. Bl-istess mod, dawn l-evalwazzjonijiet lanqas jinkludu indikazzjonijiet biżżejjed li jippermettu li jiġi vverfikat li l-effetti ta’ dawn il-minjieri fuq il-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ preżenti fiż-ŻPS “Alto Sil” kienu effettivament evalwati.

104    Barra minn hekk, ir-Rapport tal-2005 ma jistax jikkumpensa għall-imsemmija nuqqasijiet peress li kien ġie redatt qabel l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija proġetti u għaldaqstant ma jistax jitqies bħala rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

105    Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjonijiet li jirrigwardaw il-proġetti tal-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Ladrones” ma jistgħux jitqiesu bħala xieraq peress li huma kkaratterizzati minn lakuni u min-nuqqas ta’ konstatazzjonijiet u ta’ konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti ta’ dawn il-proġetti fuq iż-ŻPS “Alto Sil” b’mod partikolari fuq il-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ li l-konservazzjoni tiegħu tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ta’ din iż-żona.

106    Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, qabel l-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-minjieri, kienu ġew identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-imsemmija evalwazzjonijiet ma jirriżultax li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti seta’ jkollhom iċ-ċertezza li dawn il-minjieri ma għandhomx effetti ta’ ħsara fuq l-integrità ta’ dan is-sit.

108    Minn dan isegwi li l-awtoritajiet tal-imsemmija proġetti ma kinux konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

109    Lir-Renju ta’ Spanja, li jinvoka l-importanza tal-attivitajiet tal-minjieri għall-ekonomija lokali, għandu jitfakkar li, jekk din il-kunsiderazzjoni tista’ tikkostitwixxi raġuni importanti ta’ interess pubbliku akbar fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn l-effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxu kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4) għaliex, fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet eventwali obbligatorji ta’ interess pubbliku akbar u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċar fir-rigward tad-danni kkawżati lis-sit mill-pjan jew mill-proġett ikkunsidrati. Minbarra dan, sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, id-danni għall-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali ma kellhomx din id-data fil-mument meta ttieħdu d-deċiżjonijiet li jingħataw l-awtorizzazzjonijiet ikkonċernati. Minn dan jirriżulta li dawn l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”.

111    Konsegwentement, dawn l-awtorizzazzjonijiet ma kinux konformi mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni lment għandu jitqies bħala fondat.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni lment

–       L-argumenti tal-partijiet

113    Il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja li kiser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, peress li dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjeni li l-użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia”, wara x-xahar ta’ Jannar tas-sena 2000, id-data li minnha l-klassifikazzjoni bħala ŻPS tas-sit “Alto Sil” saret effettiva, ma jaffettwax dan is-sit u, b’mod partikolari, l-ispeċi tas-serduq selvaġġ protetta bis-saħħa ta’ din iż-ŻPS.

114    Hija tirreferi għall-pjan ta’ ristabbiliment tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria, approvat bid-Digriet 4/2009 tal-Junte de Castilla y León, tal-15 ta’ Jannar 2009 (BOC. y L Nru 13, p. 1540). Dan id-digriet jikkonsata li, matul is-sena 1982, il-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria kienet għadha madwar 1 000 eżamplari u li r-rata ta’ okkupazzjoni tal-artijiet ta’ tgħammir kienet ta’ 85 %. Matul is-sena 2002, din il-popolazzjoni ma eċċedix madankollu iktar minn 500 sa 600 eżamplari, maqsuma bejn żewġ naħat ta’ katina ta’ muntanji, u r-rata ta’ okkupazzjoni tal-artijiet ta’ tgħammir kienet ta’ 45 %. Matul dan il-perijodu ta’ 20 sena, nofs din il-popolazzjoni kienet tinsab fil-komunità awtonoma ta’ Castilla y León. Skont l-imsemmi pjan ta’ ristabbiliment, fl-2005, il-popolazzjoni preżenti f’din il-komunità awtonoma kienet tammonta approssimattivament għal 164 eżemplari adult u kienet f’riskju ta’ estinzjoni qabel għoxrin sena.

115    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li ċerti artijiet ta’ tgħammir tas-serduq selvaġġ jinsabu qrib il-minjieri kkonċernati. Dan japplika għall-art ta’ tgħammir magħruf bħala “Robledo El Chano”, li tinsab qrib il-minjiera “Fonfría” u kienet għadha okkupata matul is-sena 1999.

116    Rigward ir-Rapport tal-2005, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-konklużjoni li tipprovdi li l-effett tal-minjieri miftuħa fuq is-serduq selvaġġ għandha titqies bħala mhux sinjifikattiva ma hijiex koerenti. Fil-fatt, dan ir-rapport ikkonferma r-riskji ta’ effetti “supralokali” li jistgħu jitnisslu mill-minjieri miftuħa kif ukoll mill-esklużjoni tal-possibbiltà, daqstant sinjifikattiva għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li habitat abbandonat jista’ jiġi użat mill-ġdid jekk il-kwalità tiegħu tippermetti dan.

117    Hija ssostni wkoll li mill-istudji xjentifiċi jirriżulta li l-frammentazzjoni taż-żoni forestrali disponisbbli għas-serduq selvaġġ fiż-żona “Alto Sil” kienet manifestament aggravata mill-possibbiltà ta’ “effett ta’ barriera” ipprovokat mill-bidu ta’ użu simultanjament u mingħajr interruzzjoni ta’ diversi minjieri.

118    Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li s-serduq selvaġġ ta’ Cantabria ġarrab tinqis sinjifikativ, iżda jirrileva li l-popolazzjonijiet li ġarrbu it-tnaqqis l-iktar sinjifikattiv fir-reġjun ta’ Castilla y León huma dawk li jinsabu f’żoni suġġetti għall-ogħla livelli ta’ protezzjoni, bħal parkijiet naturali, filwaqt li l-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ preżenti fis-sit “Alto Sil” hija l-iktar fir-reġjun u ġarrbet biss tinqis żgħir. Barra minn hekk, huwa sinjifikattiv it-tinqis tal-ispeċi fuq dan is-sit kien ferm ikbar fiż-żoni li huma ’l bogħod mill-baċir tal-minjieri.

119    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, barra minn hekk li fiż-żoni affettwati mill-minjieri miftuħa kkonċernati minn dan l-ilment, il-preżenza tas-serduq selvaġġ hija antika u marġinali. F’dawn iż-żoni, hemm biss art ta’ tgħammir magħrufa, jiġifieri dik ta’ “Robledo El Chano” li, skont l-istrateġija nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ispeċi, tifforma parti minn żona kritika għas-salvagwardja tas-serduq ta’ Cantabria. Madankollu, din l-art ta’ tgħammir kienet ġiet abbandunata sa mit-tmien tas-snin tmenin u, għaldaqstant, ma setgħetx tiġi affettwata mill-minjiera “Fonfría”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” japplikax għall-attivitajiet tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría”, “Salguero-Prégame-Valdesesgadas”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia” li seħħew qabel il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala ŻPS, b’effett mis-sena 2000.

121    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, rigward il-minjiera “Nueva Julia”, peress li ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni lment, li l-awtorizzazzjoni għal din il-minjiera ngħatat b’mod mhux konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ksur tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jista’ jiġi stabbilit jekk ikun stabbilit deterjorament ta’ habitat jew tfixkil li jaffettwa l-ispeċi li għalihom iż-żona inkwistjoni ġiet ikklassifikata (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

122    Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-minjiera “Ampliación de Feixolín”, għandu jitfakkar li pjan jew proġett ġie awtorizzat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” irendi superfluwa, fir-rigward tal-attività li għandha ssir fis-sit protett skont l-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett, applikazzjoni konkomitanti tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali stabbilita fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 250).

123    Minn dan isegwi li, peress li l-użu tal-minjiera “Ampliación de Feixolín” li tikkritika l-Kummissjoni seħħ fi żmien meta din kienet għadha ma ġietx awtorizzata, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, din tal-aħħar tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

124    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” japplika għall-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, minkejja l-fatt li l-użu tagħhom kien ġie awtorizzat qabel ma’ l-iskema ta’ protezzjoni prevista bid-Direttiva “habitats” ma ssir applikabbli għas-sit “Alto Sil” minħabba l-klassifikazzjoni tagħha bħala ŻPS.

125    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk tali proġetti ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, stabbiliti bid-Direttiva “habitats”, l-eżekuzzjoni tagħhom taqa’ madankollu taħt il-koperta tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, Ġabra p. I‑131, punti 48 u 49).

126    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment li jipprovdi li, għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet tal-minjieri miftuħa kkonċernati, ir-Renju ta’ Spanja ma osservax l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, għandu jitfakkar li attività hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni biss jekk jiġi garantit li hija ma toħloq ebda tfixkil li jista jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, Ġabra p. I‑1697, punt 32).

127    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, l-istatus legali ta’ protezzjoni taż-ŻSP għandu jiggarantixxi, f’dawn, li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll tfixkil sinjifikattiv li jirrigwarda l-ispeċi li għalihom dawk iż-żoni ġew ikklassifikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑535/07, Ġabra p. I‑9483, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Minn dan jirriżulta li dan l-ilment huwa fondat biss jekk il-Kummissjoni turi b’mod suffiċjent skont il-liġi li r-Renju ta’ Spanja ma ħax il-miżuri ta’ protezzjoni xierqa, li jikkostitwixxu li jiġi evitat li l-attivitajiet tal-minjieri “Feixolín”, “Fonfría”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia”, peress li huma twettqu qabel il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala ŻPS mis-sena 2000, ma jipproduċux deterjoramenti tal-habitats tas-serduq selvaġġ kif ukoll tfixkil ta’ din l-ispeċi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-imsemmija speċi.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-minjieri kkonċernati jokkupax superfiċji li jikkostitwixxu habitats xierqa għas-serduq selvaġġ iżda li ma jistgħux jiġi użati iktar minn din l-ispeċi matul l-użu ta’ dawn il-minjieri, anki matul ir-“rinaturalizzazzjoni” konsekuttiva tagħhom.

130    Il-Kummissjoni ssostni li dan huwa l-każ b’mod partikolari fir-rigward tal-habitat 9230, kompost minn boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica.

131    F’dan ir-rigward, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 u 82 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-qerda ta’ dan il-habitat wara l-klassifikazzjoni tas-sit “Also Sil” bħala ŻPS għal dak li jikkonċerna l-minjiera “Fonfría”. Mir-rapport tal-2005 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-użu li nbeda mis-sena 2001, superfiċje ta’ 17. 92 ettaru tat-tip ta’ habitat 9230 kienet effettivament inqerdet.

132    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan it-telf ta’ habitat ma huwiex importanti għall-konservazzjoni tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ, peress li ż-żona kkonċernata ma tinkludi ebda art ta’ tgħammir.

133    Dan l-argument ma jistax jintlaqa peress, anki fil-każ li din iż-żona ma tintużax bħala art ta’ tgħammir, ma jistax jiġi eskluż li hija tista’ tiġi użata minn din l-ispeċi bħala habitat għal finijiet oħra, b’mod partikolari bħala żona ta’ soġġorn jew fejn iqattgħu x-xitwa.

134    Barra minn hekk, jekk dan l-użu ma seħħx fuq din iż-żona, ma jistax jiġi eskluż li, wara miżuri meħuda mill-awtoritajiet għal dan il-għan, din iż-żona setgħet tintuża bħala art ta’ tgħammir.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni taż-ŻPS ma għandhiex tkun limitata għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati ħsarat u tfixkil estern ikkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, skont is-sitwazzjoni attwali, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-istat tas-sit (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li l-minjieri kkonċernati, minħabba l-istorbju u l-vibrazzjonijiet li huma jipproduċu u li jinħass ġewwa ż-ŻPS “Also Sil”, jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv il-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ protetta minn din iż-ŻPS.

137    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li, kif irrilevat l-Avukat Ġeneral fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tad-distanzi relattivament limitati bejn diversi żoni kritiċi għas-serduq selvaġġ u l-minjieri miftuħa inkwistjoni, storbju u vibrazzjonijiet ikkawżati minn dawn il-minjieri jistgħu jiġu pperċepiti f’dawn iż-żoni.

138    Minn dan isegwi li dawn l-inkonvenjenzi jistgħu jikkawżaw tfixkil ta’ natura li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-serduq selvaġġ.

139    Dan huwa speċjalment veru tant li huwa paċifiku li s-serduq selvaġġ huwa speċi sensibbli u partikolarment eżiġenti rigward it-trankwillità u l-kwalità tal-habitats tiegħu. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-grad ta’ iżolament u ta’ trankwillità li teħtieġ din l-ispeċi jikkostitwixxi fattur ta’ ordni ogħla, peress li għandu effett notevoli fuq il-kapaċitajiet ta’ riproduzzjoni tagħha.

140    Ir-Renju ta’ Spanja għandu dubji f’dan ir-rigward billi joġġezzjona li t-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-imsemmija speċi, inkluż fis-sit “Alto Sil”, huwa osservat ukoll barra ż-żona tal-minjiera u hemmhekk hija saħansitra ikbar. Dan huwa kkonfermat bir-Rapport tal-2005, li jindika li ma hemmx relazzjoni ta’ kawża u ta’ effett bejn l-eżistenza ta’ minjieri u l-abbandun ta’ artijiet ta’ tgħammir tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria, u dan il-fenominu tal-aħħar huwa iktar sinjifikattiv fiż-żoni li jinsabu lil hinn minn dawk li jmissu mal-minjieri.

141    Madankollu, dan il-fatt, fih innifsu, ma jimpedix li l-imsemmija inkonvenjenzi prodotti ġewwa ż-ŻPS mill-minjieri inkwistjoni ma jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq din il-kawża, anki jekk it-tnaqqis tal-imsemmija speċi kien eventwalment iktar sinjifikattiva għal popolazzjonijiet relattivament distanti minn dawn il-minjieri.

142    Sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, il-Kummissjoni ma għandhiex, barra minn hekk, tipprova relazzjoni ta’ kawża u ta’ effett bejn minjiera u tfixkil sinjifikattiv ikkawżat lis-serduq selvaġġ. Fid-dawl tal-fatt li l-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats” u l-paragrafu 3 ta’ dan artikolu huma intiżi sabiex jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni, huwa biżżejjed li din il-minjiera tikkawża tfixkil sinjifikattiv għal din l-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura, C‑2/10, Ġabra p. I‑0000, punt 41).

143    Fi kwalunkwe każ, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 92 tal-konklużjonijet tagħha, mill-proċess jirriżulta li l-abbandun tal-art ta’ tgħammir “Robledo El Chano”, li kienet għadha okkupata mis-serduq selvaġġ matul is-sena 1999, jirriżulta mill-użu tal-minjiera miftuħa “Fonfría” mis-sena 2001.

144    Din il-konstatazzjoni tikkonferma li l-użu tal-minjieri kkonċernati, b’mod partikolari l-istorbju u l-vibrazzjonijiet prodotti, jista’ jikkawża tfixkil sinjifikattiv għal din l-ispeċi.

145    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-attivitajiet tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia” huma kuntrarji għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” minħabba storbju u vibrazzjonijiet li huma jipproduċu u li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ.

146    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li l-minjieri miftuħa jikkontribwixxu sabiex jiżolaw is-sottopopolazzjonijiet tas-sriedaq selvaġġi, minħabba li huma jibblokkaw il-konnessjonijiet ta’ komunikazzjoni li jgħaqqdu dawn is-sottopopolazzjonijiet ma’ popolazzjonijiet oħra. Hija tirreferi għar-Rapport ta’ Diċembru 2004 dwar l-effett tal-attivatajiet tal-minjieri fuq is-serduq selvaġġ ta’ Cantabria, redatt mill-Ministeru tal-Ambjent mill-koordinaturi tal-istrateġija għall-konservazzjoni tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria fi Spanja.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-perizja, minn esperti magħrufa fil-qasam tas-serduq selvaġġ ta’ Cantabria tal-Ministeru Nazzjonali tal-Ambjent kif ukoll tal-Ministeru tal-Ambjent tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y León, tikkonkludi li jeżisti riskju li l-minjieri li qed joperaw, fosthom il-minjieri “Feixolín” u “Fonfría”, flimkien ma’ proġetti li l-eżekuzzjoni tagħhom hija imminenti, bħall-minjiera “Ampliación de Feixolín”, jifformaw barriera kontinwa fid-direzzjoni tal-Lvant-Punent għas-serduq selvaġġ, jistgħu jwasslu għall-iżolament ta’ sottopopolazzjoni ta’ din l-ispeċi, u, finalment, għall-għejbien tas-sottopopolazzjoni fin-Nofsinhar ta’ din il-barriera.

148    Peress li r-Renju ta’ Spanja ma pproduċiex provi li jikkonfutaw il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, li l-valur xjentifiku tiegħu ma jistax jiġi kkontestat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-minjieri “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín” jistgħu jipproduċu effett ta’ barriera li jikkontribwixxi għall-frammentazzjoni tal-habitat tas-serduq selvaġġ u għall-iżolament ta’ ċerti sottopopolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi.

149    Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ksur hekk ikkonstatat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jistax jiġi attribwit lir-Renju ta’ Spanja f’dak li jirrigwarda l-minjiera miftuħa “Ampliación de Feixolín”.

150    Fil-fatt, kuntrarjament għall-minjieri l-oħra kkonċernati minn dan l-ilment, il-minjiera miftuħa “Ampliación de Feixolín” ma kinitx awtorizzata fil-mument li fih l-attivitajiet tal-minjieri, ikkritikati mill-Kummissjoni, kienu seħħew. Barra minn hekk, l-awtoritajiet issanzjonaw l-operatur ta’ din il-minjiera talli użaha mingħajr ma kien kiseb awtorizzazzjoni minn qabel u ordnawlu sabiex jieqaf jużaha.

151    Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm l-awtoritajiet kienu informati bl-użu effettiv ta’ din il-minjiera tal-inqas mis-sena 2005, mill-proċess jirriżulta li huma waqqfuha biss fix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2009, wara spezzjoni mwettqa matul ix-xahar ta’ Settembru tal-istess sena.

152    Għalhekk, billi ppermetta li tibqa’ sejra għall-inqas erba’ snin sitwazzjoni li kkawżat tfixkil sinjifikattiv fiż-ŻPS “Alto Sil”, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jieħu, kemm jista’ jkun malajr, il-miżuri neċessarji sabiex iwaqqaf dan it-tfixkil. Għaldaqstant, il-ksur ikkonstatat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jista’ jiġi attribwit lir-Renju ta’ Spanja peress li jikkonċerna l-minjiera miftuħa “Ampliación de Feixolín”.

153    Fl-aħħar nett, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-ksur hekk ikkonstatat tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” jistax jiġi ġġustifikat minħabba l-importanza tal-attivitajiet tal-minjieri għall-ekonomija lokali li jsemmi r-Renju ta’ Spanja.

154    Tali motiv jista’ fil-fatt jiġi invokat minn Stat Membru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”. Jekk il-kundizzjonijiet imposti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, l-applikazzjoni tagħha tista’ twassal għall-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet li, kif diġà tfakkar fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu iktar ikkunsidrati fid-dawl tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu.

155    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni minn qabel previsti mid-Direttiva “habitats” ma japplikawx għal proġetti bħall-proġetti “Feixolín” u “Fonfría”, peress li huma kienu ġew awtorizzati qabel ma’ l-iskema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva “habitats” saret applikabbli għas-sit “Alto Sil” minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu, bħala ŻPS.

156    Rigward dawn il-proġetti, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru, b’analoġija mal-proċedura derogatorja prevista fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, jinvoka, fi proċedura ta’ dritt nazzjonali ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ konservazzjoni ta’ sit, raġuni ta’ interess pubbliku u jista’, jekk huwa essenzjalment issodisfa l-kundizzjonijiet preskritti minn din id-dispożizzjoni, jawtorizza attività li, konsegwentement, ma tkunx iktar ipprojbita mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

157    Madankollu, kif diġà tfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” humiex sodisfatti, l-effetti tal-pjan jew tal-proġett għandhom, minn qabel, ikunu ġew analizzati skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

158    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, waqt l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-proġetti “Feixolín” u “Fonfría” imwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dritt nazzjonali, it-tfixkil sinjifikattiv li dawn il-proġetti jistgħu jikkawżaw lis-serduq selvaġġ, u li ġew ikkonstatati fil-punti 131, 145 u 148 ta’ din is-sentenza, ma setgħux jiġu analizzati, peress li r-Renju ta’ Spanja ma identifikahomx u kkontesta wkoll l-eżistenza tagħhom, anki waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dritt nazzjonali, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” ma setgħux jiġu vverifikati.

160    Għaldaqstant, il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” ma jistax jiġi ġġustifikat minħabba l-importanza tal-attivitajiet tal-minjieri għall-ekonomija lokali.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw, skont id-Direttiva “habitats”, mill-proposta tas-sit “Alto Sil” bħala SIK għal dak li jikkonċerna l-użu tal-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Nueva Julia”

–       L-argumenti tal-partijiet

161    Bit-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju ta’ Spanja ma ħax, sa mix-xahar ta’ Jannar 1998, il-miżuri meħtieġa, għal dak li jikkonċerna l-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, u “Nueva Julia”, sabiex jipproteġi l-interess ekoloġiku li s-sit propost “Alto Sil” għandu fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ors kannella, u għalhekk ma osservax l-obbligi imposti skont id-Direttiva “habitats” kif speċifikati fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dragaggi et u Bund Naturschutz in Bayern et.

162    Ir-Renju ta’ Spanja jirrispondi li huwa osserva l-imsemmija obbligi u josserva f’dan ir-rigward li, skont id-data uffiċjali ta’ ċensiment, il-popolazzjoni tal-ors kannella, b’mod partikolari fis-sottopopolazzjoni tal-Punent li jifforma parti minnha s-sit “Alto Sil”, esperjenzat żieda sinjifikattiva matul l-aħħar għaxar snin.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

163    Skont id-Direttiva “habitat”, l-Istati Membri għandhom, fir-rigward tas-siti li jinkludu tipi ta’ habitat naturali u/jew speċi ta’ prijorità u li ġew identifikati sabiex jiġu inklużi fil-lista Komunitarja, jieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa sabiex iżommu l-karatteristiċi tal-imsemmija siti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dawn is-siti. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta intervent jista’ jwassal għall-eliminazzjoni ta’ speċi ta’ prijorità preżenti fis-siti kkonċernati (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑308/08, Ġabra p. I‑4281, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-ors kannella huwa speċi ta’ prijorità li hija preżenti fis-sit “Alto Sil” u li konservazzjoni tagħha kienet għan tar-Renju ta’ Spanja waqt il-proposta ta’ klassifikazzjoni ta’ dan is-sit bħala SIK.

165    Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-attivitajiet tal-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Nueva Julia”, sa fejn huma twettqu waqt il-perijodu ta’ protezzjoni proviżorju bejn ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1998, meta kien ġie propost li dan is-sit jiġi kklassifikat bħala SIK, u x-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, meta l-imsemmi sit kien ġie effettivament ikklassifikat bħala SIK, jistgħux jitqiesu bħala interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dan is-sit u, fir-rigward b’mod partikolari tal-ispeċi ta’ prijorità tal-ors kannella, li jirriskjaw li jwasslu għall-eliminazzjoni ta’ din l-ispeċi fuq dan is-sit.

166    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta, u b’mod partikolari mid-dokumenti li għalihom tirreferi l-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-minjieri li jinsabu fin-Nofsinhar tax-xmara Sil, b’mod partikolari “Fonfría” u “Feixolín”, ikkawżaw tfixkil għall-ors kannella, speċjalment peress li ħolqu jew aggravaw “effett ta’ barriera” li jirriskja li jfixkel jew li jrendi iktar diffiċli l-aċċess għall-konnessjoni ta’ Leitariegos, peress li dan tal-aħħar huwa żona ta’ passaġġ Tramuntana-Nofsinhar ta’ importanza kbira għall-popolazzjoni tal-Punent tal-ors kannella tal-Cantabria li tifforma parti minnha s-sottopopolazzjoni tal-ors kannella preżenti fis-sit “Also Sil”.

167    Madankollu, fid-dawl tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, ma jistax jitqies li dan l-“effett ta’ barriera” ikkomprometta b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-imsemmi sit għal dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-istat ta’ konservazzjoni tal-ors kannella.

168    Fil-fatt, kif sostna r-Renju ta’ Spanja mingħajr ma kien kontradett mill-Kummissjoni, bejn is-sena 1998 u s-sena 2004, l-evoluzzjoni demografika tal-popolazzjoni tal-Punent tal-ors kannella ta’ Cantabria, li tifforma parti minnha s-sottopopolazzjoni tal-ors preżenti fis-sit “Also Sil”, turi tendenza b’mod ċar pożittiva.

169    Għalkemm, kif ikkonfermat mill-proċess, bejn is-sena 1982 u s-sena 1995, din il-popolazzjoni naqset b’madwar 4 sa 5 % fis-sena, minn dak iż-żmien hija esperjenzat żieda annwali u mingħajr interruzzjoni ta’ 7.5 % , li rriżultat minn total ta’ madwar 50 sa 65 eżemplar fil-bidu tas-snin 90 għal total ta’ madwar 100 sa 130 eżemplar matul is-sena 2008. Hija bħalissa titqiesu li tikkostitwixxi popolazzjoni li tinsab f’riskju, iżda vijabbli. Madankollu, skond l-istudji, il-popolazzjoni tal-Lvant tal-ors kannella ta’ Cantabria tibqa’ prekarja l-iktar minħabba l-iżolament tagħha mill-popolazzjoni tal-Punent. Hija għadha ma setgħetx tistabbilixxi ruħha mill-ġdid għal livell meqjus vijabbli, peress li n-numru ta’ individwi f’din il-popolazzjoni żdied biss b’total ta’ madwar 20 sa 25 eżemplar għal total ta’ 30 matul l-imsemmi perijodu.

170    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fid-dawl tal-istudji xjentifiċi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura dwar il-popolazzjoni tal-Punent tal-ors kannella ta’ Cantabria li tifforma parti minnha l-popolazzjoni tal-ors kannella preżenti fis-sit “Also Sil”, ma jeżistux indizji suffiċjenti li juru li l-attivitajiet tal-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas” u “Nueva Julia”, sa fejn huma twettqu waqt il-perijodu ta’ protezzjoni proviżorju bejn ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 1998, meta kien ġie propost li jiġi kklassifikat dan is-sit bħala SIK, u x-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, meta l-imsemmi sit kien ġie effettivament ikklassifikat bħala SIK, jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dan is-sit u, fir-rigward b’mod partikolari tal-ispeċi ta’ prijorità tal-ors kannella, jirriskjaw li jwasslu għall-eliminazzjoni ta’ din l-ispeċi fuq dan is-sit.

171    Konsegwentement, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mill-iskrizzjoni matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004 tas-sit “Alto Sil” bħala SIK, tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Diretiva “habitats”

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ lment

172    Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” billi awtorizza proġetti ta’ użu ta’ minjieri miftuħa – jiġifieri l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría” u “Nueva Julia” mingħajr ma saret evalwazzjoni minn qabel tal-effetti li seta’ jkollhom dawn il-proġetti u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma ġew osservati l-kundizzjonijiet li taħthom dawn il-proġetti setgħu jitwettqu minkejja l-effetti negattivi tagħhom.

173    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-minjieri kkonċernati minn dan l-ilment kien ġew awtorizzati kollha qabel ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, u għaldaqstant qabel li s-sit “Alto Sil” kien ikklassifikat bħala SIK.

174    Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, proġetti, li kienu ġew awtorizzati qabel ma’ l-iskema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva “habitats” saret tapplika għal sit, ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti li jirrigwarda l-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, redatti mid-Direttiva “habitats”.

175    Għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “habitats” ma kienx applikabbli għall-proġetti ta’ użu tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría” u “Nueva Julia”, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tattribwixxi lir-Renju ta’ Spanja ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

176    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tar-raba’ lment

–       L-argumenti tal-partijiet

177    Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li r-Renju ta’ Spanja ma adottax, għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ wara l-klassifikazzjoni matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004 tas-sit “Alto Sil” bħala SIK tal-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín”, il-miżuri obbligatorji skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

178    Hija ssostni li dawn il-minjieri qerdu habitats protetti bħala SIK, fosthom dak tat-tip 9230 – boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, li għandu importanza partikolari għall-ors kannella peress li huwa frekwentament użat minn din l-ispeċi bħala żona ta’ passaġġ.

179    Hija ssostni wkoll li l-minjieri inkwistjoni jipproduċu “effett ta’ barriera”, li kkontribwixxa għall-egħluq tal-konnessjoni ta’ Leitariegos li hija żona ta’ passaġġ ta’ importanza kbira għall-popolazzjoni tal-Punent tal-ors kannella ta’ Cantabria li tifforma parti minnha s-sottopopolazzjoni tal-ors kannella preżenti fis-sit “Alto Sil”, li għandu bħala konsegwenza li jkisser l-habitat ta’ din il-popolazzjoni u li jiżola wħud mis-sottopopolazzjoni tagħha.

180    L-“effett ta’ barriera” li joħolqu dawn il-minjieri jrendi barra minn hekk iktar diffiċli wkoll l-iskambju bejn il-popolazzjonijiet tal-Punent u tal-Lvant tal-ors kannella ta’ Cantabria, fatt li jkompli l-frammentazzjoni tal-ispeċi u ma jippermettix li l-popolazzjoni tal-Lvant ta’ din l-ispeċi terġa tistabbilixxi ruħha mill-ġdid f’numru suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tagħha.

181    Ir-Renju ta’ Spanja jirrispondi li l-minjieri jinsabu f’żoni li ma humiex bil-boskijiet, il-parti l-kbira komposti minn xagħri, fejn l-orsijiet qatt ma marru biex irabbu ż-żgħar tagħhom, u dan mhux minħabba l-preżenza ta’ dawn il-minjieri, iżda pjuttost minħabba n-nuqqas ta’ habitat favorevoli għat-trobbija, fatt li ma għandu ebda rabta mat-tfixkil potenzjali li l-minjieri jistgħu jikkawżaw għat-trobbija taż-żgħar tagħhom.

182    Il-komunità awtonoma Castilla y Léon adottat, barra minn hekk, numru ta’ miżuri intiżi għat-titjib tal-habitat tal-ors kannella, fosthom ir-ristabbiliment tal-habitat ta’ dan tal-aħħar fiż-żona tal-konnessjoni ta’ Leitariegos.

183    Ir-Renju ta’ Spanja jqis li għalkemm il-parti tat-Tramuntana tas-sit “Alto Sil” hija importanti għall-ors kannella, tirrigwarda madankollu żona li tinsab sew fit-Tramuntana tal-minjieri, f’altitudni superjuri għal 1 800 metru, li hija magħluqa bejn il-provinċji ta’ Asturies u ta’ Léon, u fejn l-orsijiet jieklu fil-Ħarifa u fir-Rebbiegħa. Dawn tal-aħħar ma jiċċaqalqux fil-punt tan-Nofsinhar ta’ dan is-sit fejn jinsabu l-minjieri, peress li l-habitat hemmhekk huwa kompletament differenti.

184    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-telf tat-tip tal-Habitat 9230 – boskijiet tal-ballut Galicio-Portuguese bil-Quercus robur u Quercus pyrenaica, dawn tal-aħħar jirrappreżentaw superfiċje ta’ 17.92 ettaru għall-minjiera “Fonfría” u ta’ 19. 90 ettaru għall-minjiera “Ampliación de Feixolín”. Peress li s-superfiċje totali ta’ dan l-habitat fis-sit “Alto Sil” tammonta, skont l-aħħar studji, għal 4 000 ettaru, u anki għal 8 000 ettaru, u mhux għal 2 600 ettaru kif dan kien indikat inizjalment waqt il-proposta ta’ klassifikazzjoni tas-sit bħala SIK, tali telf ikun relattivament injorat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

185    Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li, bi ksur tal-Aritkolu 2 tad-Direttiva “habitats”, habitats protetti bis-saħħa tas-SIK “Alto Sil” inqerdu wara li s-sit “Alto Sil” kien ġie kklassifikat bħala SIK matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004.

186    F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġeneralli fil-punti 144 u 145 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-proċess jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tabella tal-minjieri attivi rrapportata fir-Rapport tal-2005, li, jekk il-minjieri “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín” ikkawżaw tali ħsara lil dan is-sit, din il-ħsara seħħet, għal dak li jikkonċerna din il-minjiera tal-aħħar, wara x-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, u dan fuq superfiċje tal-inqas 19-il ettaru.

187    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li fiż-żoni li jmissu mal-minjieri kkonċernati, l-istorbju u l-vibrazzjonijiet prodotti mill-attivitajiet tal-minjieri kkawżaw tfixkil sinjifikattiv għall-ors kannella, speċi ta’ prijorità protetta bis-saħħa tal-klassifikazzjoni bħala SIK.

188    F’dan ir-rigward, mir-Rapport Ambjentali tas-7 ta’ Novembru 2008 fuq il-proġett tal-minjiera tal-faħam miftuħa fil-muntanji ta’ Orallo (Villablino, Léon) “Feixolín”, promoss mill-impriża Minero Siderúrgica de Ponferrada, prodott f’anness mar-rikors tal-Kummissjoni, jirriżulta li t-telf ta’ habitats tal-ors kannella ta’ Cantabria kkawżat mill-minjiera “Feixolín” kien sinjifikattiv fil-post imsemmi l-“konnessjoni ta’ Leitariegos”, li l-orsijiet jitbiegħdu minn 3.5 sa 5 kilometri miż-żoni ta’ impatt tal-istorbju u tal-vibrazzjonijiet iġġenerati mill-minjieri u li l-minjiera timpedixxi jew tirrendi iktar diffiċli li l-ors kannella jaċċedi għall-imsemmi konnessjoni peress li dan tal-aħħar huwa passaġġ tat-Tramuntana-Nofsinhar ta’ importanza kritika għall-popolazzjoni tal-Punent ta’ din l-ispeċi.

189    Dan huwa kkonfermat mir-Rapport tal-2005, fejn huwa indikat, fil-kuntest ta’ analiżi tal-effetti tal-minjieri tat-Tramuntana, fosthom dawk ta’ “Feixolín” u “Fonfría”, li l-konnessjoni ta’ Leitariegos, b’wisà ta’ 10 kilometri, huwa passaġġ ta’ importanza kbira għall-popolazzjoni tal-Punent tal-imsemmija speċi, li jippermetti b’mod partikolari l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ sottopopolazzjonijiet ta’ riproduzzjoni importanti ħafna.

190    Dan ir-rapport jafferma li r-riskju ta’ detorjament u ta’ għeluq ta’ din il-konnessjoni jikkostitwixxi waħda mit-theddidiet ewlenin fuq ir-ristabbiliment tal-ors kannella ta’ Cantabria, inkwantu jista’ jirriżulta minn dan li l-popolazzjoni tal-Punent tkun maqsuma f’żewġ sottopopolazzjonijiet u anki jekk l-ispeċi hija fl-aħħar nett diviża fi tliet popolazzjonijiet.

191    Konsegwentement, l-istorbju u l-vibrazzjonijiet iġġenerati mill-minjieri miftuħa “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín” kif ukoll l-għeluq tal-konnessjoni ta’ Leitariegos minħabba dan l-użu, jikkostitwixxu tfixkil tas-SIK “Alto Sil”, li huma sinjifikattivi fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ors kannella.

192    Peress li l-minjieri miftuħa “Feixolín” u “Fonfría” kienu ġew awtorizzati qabel mal-iskema ta’ protezzjoni stabbilita bid-Direttiva “habitats” saret applikabbli għas-sit “Alto Sil” minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala SIK fix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, tqum il-kwistjoni dwar jekk, bħalma ntqal fil-punt 156 ta’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-ħsarat subiti mis-serduq selvaġġ minħabba minjieri awtorizzati qabel ma’ dan is-sit ma kien ġie kklassifikat bħala ŻPS matul is-sena 2000, huwiex possibbli li jiġu ġġustifikati dawn it-tfixkil permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” fil-kuntest tal-proċedura nazzjonalil li minnha jirriżulta li ksur tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jistax jiġi attribwit lill-Istat Membru kkonċernat.

193    Ir-Renju ta’ Spanja, billi jibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq l-analiżi li tinsab fir-Rapport tal-2005, jinvoka għal dan il-għan raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku importanti għaż-żamma tal-minjieri – jiġifieri s-sigurtà tal-provvista, iż-żamma tal-impjiegi u n-natura definittiva tal-awtorizzazzjonijiet, kif ukoll proposti għal miżuri intiżi sabiex itejbu l-habitat tal-ors kannella, b’mod partikolari miżuri ta’ vegetazzjoni tal-konnessjoni ta’ Leitariegos.

194    Madankollu, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” jirriżulta li meta s-sit ikkonċernat huwa sit li jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġu invokati huma dawk marbuta mas-saħħa tal-bniedem jew mas-sigurtà pubblika jew dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent, jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku importanti.

195    Minn dan isegwi li, peress li dan l-ilment jikkonċerna l-ors kannella bħala speċi ta’ prijorità protetta bis-saħħa tas-SIK “Alto Sil” mis-sena 2004 u peress li r-Renju ta’ Spanja ma invokax kunsiderazzjonijiet tal-istess natura bħal dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, it-tfixkil ikkonstatat fil-punt 191 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi ġġustifikat bis-saħħa ta’ proċedura nazzjonali derogatorja analoga għal dik prevista f’din id-dispożizzjoni.

196    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ lment għandu jintlaqa’ fir-rigward tal-minjieri tat-Tramuntana kkonċernati minn din il-parti jiġifieri “Feixolín”, “Fonfría” u “Ampliación de Feixolín”.

197    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li:

–        billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta’ minjieri miftuħa eżistenti, ħlief għal dak li jikkonċerna l-minjiera “Ladrones”, fir-rigward tal-ors kannella,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva 85/337 emendata;

–        mis-sena 2000, is-sena meta s-sit “Alto Sil” ġie kklassifikat bħala ŻPS skont id-Direttiva “għasafar”

–        billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett minkejja r-riskju li l-proġett msemmi għas-serduq selvaġġ, li jikkostitwixxi waħda mir-rikkezzi naturali li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala ŻPS, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku importanti u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000, u

–        billi ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil kunsiderevoli għas-serduq selvaġġ, li l-preżenza tiegħu fis-sit kienet waħda mill-motivi wara l-klassifikazzjoni tal-imsemmija ŻPS, ikkawżati mill-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia”,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward taż-ŻPS “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats”, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tagħha; u

–        sa mix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, billi awtorizza l-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil li l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín” jikkawżaw lill-ispeċi, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-SIK “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

 Fuq l-ispejjeż

198    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

199    F’din il-kawża, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti lmenti tal-Kummissjoni ma ntlaqgħux.

200    Konsegwentement, hemm lok li r-Renju ta’ Spanja għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, iż-żewġ terzi mill-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Los Ladrones” mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta’ minjieri miftuħa eżistenti, ħlief għal dak li jikkonċerna l-minjiera “Ladrones”, fir-rigward tal-ors kannella, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997.

2)      Mis-sena 2000, is-sena meta s-sit “Alto Sil” ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, tad-29 ta’ Lulju 1997,

–        billi awtorizza l-minjieri miftuħa “Nueva Julia” u “Los Ladrones”, mingħajr ma ssuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi għal evalwazzjoni xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f’kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ proġett minkejja r-riskju li l-proġett msemmi għas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), li jikkostitwixxi waħda mir-rikkezzi naturali li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit “Alto Sil” bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, jiġifieri n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, l-eżistenza ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku importanti u l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea tal-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000, u

–        billi ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil kunsiderevoli għas-serduq selvaġġ, li l-preżenza tiegħu fis-sit kienet waħda mill-motivi wara l-klassifikazzjoni tal-imsemmija żona ta’ protezzjoni speċjali, ikkawżati mill-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Ampliación de Feixolín” u “Nueva Julia”,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward taż-żona ta’ protezzjoni speċjali, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tagħha.

3)      Sa mix-xahar ta’ Diċembru tas-sena 2004, billi awtorizza l-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat, inklużi dawk tal-ispeċi, u t-tfixkil li l-minjieri “Feixolín”, “Salguero-Prégame-Valdesegadas”, “Fonfría”, “Nueva Julia” u “Ampliación de Feixolín” jikkawżaw lill-ispeċi, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-SIK “Alto Sil”, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, iż-żewġ terzi mill-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top