Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0357

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-30 ta' Novembru 2009.
Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Administrativen sad Sofia-grad - il-Bulgarija.
Viża, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni - Direttiva 2008/115/KE - Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment - Artikolu 15(4) sa (6) - Perijodu tad-detenzjoni - Kunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija - Kunċett ta’ ‘prospett raġonevoli ta’ tneħħija’.
Kawża C-357/09 PPU.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11189

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:741

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Artikolu 15(4) sa (6) — Perijodu ta’ detenzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija — Kunċett ta’ ‘prospett raġonevoli ta’ tneħħija’”

Fil-Kawża C-357/09 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Said Shamilovich Kadzoev (Huchbarov),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-10 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Settembru 2009 u ġiet issuplimentata fl-10 ta’ Settembru 2009, sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 tat-Tieni Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Kadzoev, minn D. Daskalova u V. Ilareva, advokati,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Petrova u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4) sa (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija mid-direttur tal-Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern) u intiża sabiex tikseb li l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti amministrattiva ta’ Sofia) tiddeċiedi ex officio dwar il-kontinwazzjoni tad-detenzjoni ta’ M. Kadzoev (Huchbarov) fiċ-ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin tal-imsemmi direttorat li jinsab f’Busmantsi (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru ta’ detenzjoni temporanja”), li jinsab fil-kostitwenza ta’ Sofia.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 2008/115 ġiet adottata b’mod partikolari abbażi tal-punt (3)(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. Skont it-termini tal-premessa 9 tagħha:

“Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 326, p. 13), ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.”

4

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, li jaqa’ taħt il-Kapitolu dwar id-detenzjoni għall-għan ta’ tneħħija, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba, jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi”.

5

Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva, bla ħsara għall-Artikolu 13(4) tagħha, sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

6

Skont l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, din daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2009.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fid-dritt Bulgaru tirriżulta mil-Liġi dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija (DV Nru 153, tal-1998), kif emendata fil-15 ta’ Mejju 2009 (DV Nru 36, tal-2009, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”).

8

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva għadu ma huwiex traspost fil-leġiżlazzjoni Bulgara.

9

Skont l-Artikolu 44(6) tal-liġi dwar il-barranin, meta miżura amministrattiva obbligatorja ma tistax tiġi applikata għal barrani peress li l-identità tiegħu ma hijiex stabbilita, jew peress li jkun hemm riskju evidenti ta’ dissimulazzjoni, l-organu li jkun adotta din il-miżura jista’ jordna d-detenzjoni temporanja ta’ dan il-barrani f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin, sabiex tiġi organizzata d-deportazzjoni tiegħu fil-fruntiera tar-Repubblika Bulgara jew it-tkeċċija tiegħu.

10

Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni f’ċentru bħal dan ma kinitx limitata b’ebda perijodu ta’ żmien.

11

Attwalment, skont it-termini tal-Artikolu 44(8) tal-Liġi dwar il-barranin, “[i]d-detenzjoni ddum sakemm jibqgħu jeżistu ċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 6, iżda ma tistax taqbeż is-sitt xhur. Eċċezzjonalment, meta persuna tirrifjuta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, b’tali mod li jkun hemm dewmien sabiex jinksibu d-dokumenti indispensabbli għad-deportazzjoni jew għat-tkeċċija, jew il-persuna tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, il-perijodu ta’ detenzjoni jista’ jiġi estiż għal tnax-il xhar.”

12

L-Artikolu 46a (3) sa (5) tal-liġi dwar il-barranin jipprovdi:

“(3)   Kull sitt xhur, il-kap taċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja tal-barranin jippreżenta lista tal-barranin li damu fiċ-ċentru għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat-tneħħija tagħhom mit-territorju. Il-lista hija mibgħuta lill-qorti amministrattiva tal-post fejn jinsab iċ-ċentru ta’ detenzjoni.

4)   Fl-aħħar tas-sitt xhur tad-detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja, il-qorti tiddeċiedi ex officio, in camera dwar l-estensjoni, is-sostituzzjoni jew it-tmiem tad-detenzjoni. Id-deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi appellata.

5)   Ladarba l-qorti tannulla l-ordni ta’ detenzjoni kkontestata jew tordna l-liberazzjoni tal-barrani, dan huwa immedjatament illiberat miċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fil-21 ta’ Ottubru 2006, individwu ġie arrestat mill-forzi tal-ordni Bulgari viċin il-fruntiera mat-Turkija. Dan ma kellux dokumenti ta’ identità u ppreżenta ruħu bl-isem ta’ Said Shamilovich Huchbarov, imwieled fil-11 ta’ Frar 1979 fi Groznyï (iċ-Ċeċenja). Huwa ddikkjara li ma riedx li l-konsulat tar-Russja jiġi informat bl-arrest tiegħu.

14

B’deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2006, tas-servizzi tal-pulizija kompetenti, ittieħdet miżura amministrattiva obbligatorja ta’ deportazzjoni ta’ din il-persuna.

15

Il-persuna kkonċernata, fit-3 ta’ Novembru 2006, intbagħtet f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ssir possibbli, jiġifieri sakemm jinkisbu d-dokumenti li jippermettulha li tivvjaġġa f’pajjiżi oħra u l-garanzija ta’ mezzi finanzjarji biżżejjed sabiex tuża l-mezzi ta’ trasport sabiex tasal iċ-Ċeċenja. L-imsemmija deċiżjoni saret eżekuttiva fis-17 ta’ April 2008, wara stħarriġ ġudizzjarju.

16

Fl-14 ta’ Diċembru 2006, il-persuna kkonċernata ddikkjarat, quddiem l-awtoritajiet taċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, li l-isem veru tagħha ma kienx Huchbarov, iżda Kadzoev.

17

Matul iż-żewġ proċeduri amministrattivi quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad, ġie imressaq att ta’ twelid minn fejn irriżulta li Kadzoev twieled fil-11 ta’ Frar 1979 f’Moska, (l-ex Unjoni Sovjetika), minn missier Ċeċen, Shamil Kadzoev, u omm Ġeorġjana, Loli Elihvari. Madankollu, tressqet ukoll karta tal-identitià provviżorja ta’ ċittadin tar-Repubblika taċ-Ċeċenja-Ichkeria, valida sal-3 ta’ Frar 2001, li kienet inħarġet f’isem Said Shamilovich Kadzoev, imwieled fil-11 ta’ Frar 1979 fi Groznyï. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata baqgħet tippreżenta ruħha quddiem l-awtoritajiet taħt l-ismijiet ta’ Kadzoev jew ta’ Huchbarov.

18

Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2007 u x-xahar ta’ April tas-sena 2008, kien hemm skambju ta’ ittri bejn l-awtoritajiet Bulgari u Russi. Kuntrarjament għall-konvinzjonijiet tal-awtoritajiet Bulgari, l-awtoritajiet Russi sostnew li l-karta tal-identità provviżorja maħruġa f’isem Said Shamilovich Kadzoev inħarġet minn persuni u awtortitajiet mhux magħrufa fil-Federazzjoni tar-Russja u għalhekk, ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala dokument li jipprova ċ-ċittadinanza Russa tal-persuna kkonċernata.

19

Fil-31 ta’ Mejju 2007, matul is-soġġorn tiegħu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja, Kadzoev ressaq talba sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat. Ir-rikors tiegħu kontra r-rifjut tal-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li jilqgħu din it-talba ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Administrativen sad Sofia-grad tad-9 ta’ Ottubru 2007. Fil-21 ta’ Marzu 2008, il-persuna kkonċernata ressqet it-tieni talba għal ażil, li madankollu rtirat fit-2 ta’ April ta’ wara. Fl-24 ta’ Marzu 2009, Kadzoev ressaq it-tielet talba f’dan is-sens. B’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009, l-Administrativen sad Sofia-grad ċaħdet it-talba ta’ Kadzoev u rrifjutatlu l-ażil. Din l-aħħar deċiżjoni ma tistax tiġi appellata.

20

Fl-20 ta’ Ġunju 2008, l-avukat ta’ Kadzoev ressaq talba għas-sostituzzjoni tal-miżura ta’ detenzjoni b’miżura iktar ljevi, jiġifieri l-obbligu għal Kadzoev li jiffirma perjodikament reġistru miżmum mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-post tar-residenza tiegħu. Meta qiesu li dan ma kellux indirizz effettiv fil-Bulgarija, l-awtoritajiet kompetenti ċaħdu din it-talba minħabba li l-kundizzjonijiet meħtieġa ma kinux sodisfatti.

21

Fit-22 ta’ Ottubru 2008, tressqet talba simili, li wkoll ġiet miċħdua.

22

Waqt proċedura amministrattiva li nbdiet fuq talba ta’ Kadzoev quddiem il-Kummissjoni għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet u li wasslet għal proċedura quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti suprema amministrattiva), din tal-aħħar, bħall-imsemmija kummissjoni, ammettiet, fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Marzu 2009, li kien impossibbli li tiġi stabbilita b’mod ċert l-identità u ċ-ċittadinanza ta’ Kadzoev, b’mod li hija kkunsidratu bħala persuna apolida.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont iċ-Ċentru ta’ assistenza għas-superstiti tat-tortura, il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati u Amnesty International, huwa possibbli li Kadzoev kien vittima ta’ tortura kif ukoll ta’ trattamenti umiljanti u diżumani fil-pajjiż ta’ oriġni tiegħu.

24

Minkejja l-isforz li sar mill-awtoritajiet Bulgari, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi u Kadzoev stess sabiex jinstab pajjiż terz mhux perikoluż li jista’ jilqgħu, ma ntlaħaq ebda ftehim, u sa issa, għadu ma rċiviex dokumenti sabiex ikun jista’ jivvjaġġa. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Ġeorġja, li l-awtoritajiet Bulgari kienu għamlu t-talba lilhom, irrifjutaw li jilqgħu lil Kadzoev. Ir-Repubblika tat-Turkija, li l-awtoritajiet Bulgari kienu għamlu t-talba lilha wkoll, lanqas irrispondiet.

25

L-Administrativen sad Sofia-grad tippreċiża li Kadzoev għadu miżmum f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

26

Il-kawża prinċipali nbdiet permezz tad-depożitu ta’ att amministrattiv tad-direttur tad-direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, li jitlob lil din il-qorti sabiex tiddeċiedi ex officio, abbażi tal-Artikolu 46a(3) tal-liġi dwar il-barranin, dwar it-tkomplija tad-detenzjoni ta’ Kadzoev.

27

L-imsemmija qorti tirreleva li, qabel l-emenda tal-liġi dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija minħabba t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115, il-perijodu tad-detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja ma kien limitat b’ebda terminu ta’ żmien. Hija tindika li ma jeżistux regoli tranżitorji li jirregolaw is-sitwazzjonijiet fejn deċiżjonijiet ikunu ttieħdu qabel din l-emenda. Għalhekk, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tar-regoli l-ġodda li jirriżultaw minn din id-direttiva għat-termini u għar-raġunijiet tal-proroga ta’ dawn it-termini ta’ żmien għandha tiġi interpretata, b’mod partikolari minħabba li, fil-kawża prinċipali, id-dewmien massimu ta’ detenzjoni preskritta mill-imsemmija direttiva kien inqabeż qabel l-adozzjoni tagħha.

28

Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni espressa ma tippreċiża jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, it-termini ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandhomx jinftiehmu fis-sens li jinkludu l-perijodu li matulu l-barrani kien jinsab f’detenzjoni, meta kienet teżisti projbizzjoni legali ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ “deportazzjoni obbligatorja”, minħabba li kienet inbdiet proċedura minn Kadzoev sabiex jingħata status umanitarju u ta’ refuġjat.

29

Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tindika li, jekk jiġi aċċettat il-fatt li ma jeżisti l-ebda “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” fis-sens tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, il-kwistjoni tqum dwar jekk għandhiex tiġi ordnata l-liberazzjoni immedjata ta’ Kadzoev.

30

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)

meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ma jistabbilixxix perijodu massimu ta’ detenzjoni jew motivi għall-estensjoni ta’ detenzjoni qabel it-traspożizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u meta wara t-traspożizzjoni [tagħha], ma jiġix stabbilit li d-dispożizzjonijiet il-ġodda ser ikollhom effett retroattiv, il-kundizzjonijiet tal-imsemmija direttiva japplikaw biss u jwasslu sabiex il-perijodu jibda jiddekorri minn meta jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru?

b)

fil-perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil-għan ta’ tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit-territorju] tal-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba proċedura pendenti fir-rigward ta’ talba għal ażil magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan iċ-ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, jekk dan ikun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru?

2)

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-perijodi stabbiliti ta’ detenzjoni f’ċentru speċjalizzat bil-għan ta’ tneħħija, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ma għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija [mit-territorju] tal-Istat Membru skont dispożizzjoni speċifika, minħabba appell pendenti kontra l-imsemmija deċiżjoni, minkejja li matul din il-proċedura huwa jkun baqa’ jirrisjedi f’dan l-istess ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni, meta ċ-ċittadin ma jkollux dokumenti tal-identità validi, u konsegwentement ikun jeżisti dubju dwar l-identità tiegħu jew meta ma jkollux mezzi ta’ għixien jew inkella meta jkollu mġiba aggressiva?

3)

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tneħħija ma hijiex raġonevolment possibbli meta:

a)

fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu jkun irrifjuta li joħroġilha dokument tal-ivvjaġġar għar-ritorn tagħha u, sa dak il-mument, ma jkunx hemm ftehim ma’ pajjiż terz sabiex il-parti kkonċernata tintlaqa’ hemmhekk, minkejja li l-organizzazzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru jkunu qed jistinkaw sabiex jagħmlu dan?

b)

fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, ikun jeżisti ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu, iżda minħabba l-eżistenza ta’ provi ġodda — jiġifieri ċertifikat tat-twelid tal-persuna kkonċernata — l-Istat Membru ma jkunx irrefera għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tixtieq tirritorna?

c)

il-possibbiltajiet li jiġu estiżi l-perijodi ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva [2008/115] jkunu ġew eżawriti, fil-każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim ta’ riammissjoni mal-pajjiżi terzi fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni mill-qorti, fid-dawl tal-Artikolu 15(6)(b) tal-imsemmija direttiva?

4)

L-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 […] għandu jiġu interpretat fis-sens li jekk, fil-mument li fih ikun qed isir l-istħarriġ tad-detenzjoni bil-għan tat-tneħħija taċ-ċittadin lejn pajjiż terz, jiġi kkonstatat li ma jkunx jeżisti motiv raġonevoli għat-tneħħija tagħha u li l-motivi għall-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu jkunu ġew eżawriti, f’każ bħal dan:

a)

madankollu ma għandux jiġi ordnat il-ħelsien immedjat tagħha, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu kollha sodisfatti: il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokument validu tal-identità, irrispettivament mill-perijodu tal-validità tiegħu, bil-konsegwenza li jkun hemm dubju dwar l-identità tagħha, ikollha mġiba aggressiva, ma jkollha ebda mezzi ta’ għixien u ma jkun hemm l-ebda persuna terza li ntrabtet li tiggarantixxi l-għixien tagħha?

b)

fid-dawl tad-deċiżjoni dwar il-ħelsien, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikollux, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, il-mezzi neċessarji sabiex jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kif ukoll indirizz li fih ikun jista’ jirrisjedi?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

31

L-Administrativen sad Sofia-grad talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

32

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li l-kawża hija dwar jekk Kadzoev għandux jinżamm f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja jew jekk għandux jiġi liberat. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, l-imsemmija qorti indikat li jkun jaqbel li l-proċedura ma tkunx sospiża għal żmien twil.

33

It-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-avukat ġenerali, laqgħet it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta r-rinviju preliminari għall-proċedura b’urġenza u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tassenjaha lill-Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda

34

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni li huwa stabbilit għandux jinkludi wkoll il-perijodu ta’detenzjoni skontat qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkunx bdiet tiġi applikata.

35

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxi l-perijodu massimu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija.

36

Li kieku l-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, skontat qabel ma s-sistema tad-Direttiva 2008/115 ma bdiet tiġi applikata, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu massimu tad-detenzjoni, persuni f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Kadzoev ikunu jistgħu jinżammu f’detenzjoni li taqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) ta’ din id-direttiva.

37

Tali sitwazzjoni ma hijiex konformi mal-għan intiż mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, li tikkonsisti fil-garanzija, fi kwalunkwe każ, li d-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija ma taqbiżx it-tmintax-il xahar.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 japplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

39

Għalhekk, ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata.

Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda

40

Permezz tal-punt (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija stabbilit fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi inkluż il-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija ġiet sospiża minħabba l-eżami ta’ talba għal ażil imressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan, matul il-proċedura fir-rigward ta’ din it-talba, kompla joqgħod f’dan iċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

41

Għandu jiġi mfakkar li l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi li, “Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE […], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil”.

42

Skont l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101) dawk li jfittxu ażil jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru, iżda, jekk ikun neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu applikant għal post partikolari skont il-liġi nazzjonali tagħhom, pereżempju għal raġunijiet ġuridiċi jew raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

43

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/9 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet negattivi konnessi mal-għoti ta’ benefiċċji taħt din id-direttiva jew deċiżjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 7 tagħha li jolqtu individwalment lil dawk li jfittxu ażil jistgħu jkunu suġġetti għal appell ġewwa l-proċedura pprovduta fil-liġi nazzjonali. Mill-inqas fl-aħħar istanza għandha tingħata l-possibbiltà ta’ appell jew reviżjoni quddiem qorti.

44

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri ma għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa jkun applikant għall-ażil u, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, fejn applikant għal ażil ikun miżmum f’detenzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja aċċellerata.

45

Għalhekk, id-detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija rregolata mid-Direttiva 2008/115 u d-detenzjoni ordnata fil-konfront ta’ applikant għal ażil, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2003/9 u 2005/85 u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jaqgħu taħt sistemi legali differenti.

46

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk is-soġġorn ta’ Kadzoev fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja matul il-perijodu fejn kien applikant għal ażil kienx konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali fil-qasam tal-ażil.

47

Jekk jirriżulta li l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet dwar id-detenzjoni ta’ Kadzoev fiċ-ċentru ta’ detenzjoni temporanja fil-kuntest tal-proċeduri mibdija wara l-applikazzjonijiet għal ażil min-naħa tiegħu, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, u li għalhekk id-detenzjoni tiegħu baqgħet ibbażata fuq is-sistema nazzjonali preċedenti ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija jew fuq is-sistema tad-Direttiva 2008/115, il-perijodu ta’ detenzjoni ta’ Kadzoev li jikkorrispondi għall-perijodu meta kienu għaddejjin l-imsemmija proċeduri ta’ ażil għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115.

48

Għalhekk, ir-risposta għall-punt (b) tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-perijodu li matulu pesuna tkun tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m’għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

Fuq it-tieni domanda

49

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja ġiet sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna kkonċernata kontra din id-deċiżjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li filwaqt li kienet għaddejja din il-proċedura, il-persuna kkonċernata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi, b’mod partikolari, li ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti, magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza. Din l-awtorità jew il-korp għandhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn u jistgħu b’mod partikolari jissospendu temporanjament l-eżekuzzjoni tagħhom, sakemm ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

51

Issa, la l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-perijodi ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ deportazzjoni ma jistgħu jiġu inklużi fid-dewmien massimu tad-detenzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 15(5) u (6) minħabba s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

52

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li s-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontra din id-deċiżjoni ma hijiex fost ir-raġunijiet tal-proroga tal-perijodu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.

53

Għalhekk, il-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata filwaqt li kienet għaddejja l-proċedura li permezz tagħha l-legalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskop tal-kalkolu tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115.

54

Li kieku kien mod ieħor, il-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija jista’ jvarja, jekk ikun il-każ b’mod kunsiderevoli, minn każ għall-ieħor fl-istess Stat Membru jew minn Stat għal ieħor, minħabba partikolaritajiet u ċirkustanzi tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, liema fatt imur kontra l-għan intiż mill-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115, li huwa li jiġi ggarantit tul massimu ta’ detenzjoni li jkun komuni għall-Istati Membri.

55

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian et (C-19/08, Ġabra p. I-495), invokata mill-Gvern Bulgaru. Fil-fatt, f’din is-sentenza dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6 p. 109), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tal-applikant għal ażil, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru applikant tipprovdi għall-effett sospensiv ta’ rikors, it-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment imsemmi fl-Artikolu 20(1)(d) ta’ dan ir-regolament jibda jiddekorri, mhux mid-deċiżjoni ġudizzjarja provviżorja li tissospendi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment, iżda sempliċement mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċedura u li ma hijiex suxxettibbli li tostakola din l-applikazzjoni.

56

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1)(d) tar-Regolament Nru 343/2003 ma tistax tiġi trasposta fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, sakemm it-terminu inkwistjoni fis-sentenza Petrosian, iċċitata iktar ’il fuq, jiddetermina ż-żmien disponibbli għall-Istat Membru applikant sabiex jeżegwixxi t-trasferiment ta’ applikant għal ażil lejn l-Istat Membru ospitanti, it-termini massimi msemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandhom l-għan li jillimitaw iċ-ċaħda mil-libertà ta’ individwu. Barra minn hekk, dawn l-aħħar termini jimponu limitu għad-dewmien massimu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, u mhux għall-bidu tal-proċedura ta’ tneħħija bħala tali.

57

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

Fuq it-tielet domanda

58

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li jiġi ċċarat, fid-dawl tal-elementi fattwali tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sens tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, il-kunċett tal-“prospett raġonevoli ta’ tneħħija”.

Fuq il-punt (ċ) tat-tielet domanda

59

Permezz tal-punt (ċ) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jeżistix prospett raġonevoli ta’ tneħħija meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tat-termini ta’ żmien ta’ detenzjoni msemmija fil-paragrafu (6) tal-istess artikolu jiskadu, fl-ipoteżi fejn l-ebda ftehim ta’ riammissjoni ma jkun ġie konkluż mal-pajjiż terz fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

60

Għandu jiġi rrilevat li, meta t-tul massimu ta’ detenzjoni msemmi fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jintlaħaq, il-kwistjoni dwar jekk ikunx għadu jeżisti “prospett raġonevoli ta’ tneħħija”, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, ma tqumx. Fil-fatt, f’tali każ, il-persuna kkonċernata għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi immedjatament liberata.

61

Għalhekk, l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 jista’ jiġi applikat biss sakemm it-termini massimi ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(5) u (6) ma jkunux skadew.

62

Konsegwentement, ir-risposta għall-punt (ċ) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tat-termini ta’ żmien ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jiskadu fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

Fuq il-punti (a) u (b) tat-tielet domanda

63

Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tat-tielet domanda, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u l-persuna kkonċernata għandha tiġi immedjatament liberata meta jkun jidher li ma jkunx jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija minħabba raġunijiet relatati mas-sistema legali jew raġunijiet oħrajn.

64

Kif jirriżulta mill-Artikolu 15(1) u (5) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni ta’ persuna għal raġunijiet ta’ tneħħija tista’ tkompli sakemm id-deċiżjoni ta’ tneħħija tkun għadha teżisti u tkun infurzata bid-diliġenza kollha meħtieġa, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi ggarantit li t-tneħħija ssir sewwa.

65

Għalhekk, fil-mument tar-rieżami tal-legalità tad-detenzjoni mill-qorti nazzjonali, jidher li jeżisti prospett li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” fis-sens tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva.

66

Għalhekk, ma jeżistix prospett raġonevoli ta’ tneħħija meta jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl ta’ dawn it-termini ta’ żmien.

67

Għaldaqstant, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta’ tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta’ żmien.

Fuq ir-raba’ domanda

68

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix immedjatament liberata minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat Membru għal dan il-għan.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 37, 54 u 61 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 ma jawtorizza fl-ebda każ li jinqabeż it-terminu ta’ żmien massimu stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

70

Il-possibbiltà li persuna tinżamm f’detenzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika ma ssibx bażi fid-Direttiva 2008/115. Għalhekk, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mill-qorti tar-rinviju ma tista’ tikkostitwixxi fiha nfisha raġuni ta’ detenzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

71

Għalhekk, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat għal dan il-għan.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija parti, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiv 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni msemmi fid-direttiva għandu jinkludi l-perijodu ta’ detenzjoni skontat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija qabel ma s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkun bdiet tiġi applikata

 

2)

Il-perijodu li matulu pesuna tkun tqiegħdet f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-applikanti għal ażil m’għandux jiġi kkunsidrat bħala detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

 

3)

L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ deportazzjoni obbligatorja tiġi sospiża, minħabba proċedura ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-persuna interessata kontra din id-deċiżjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu ta’ detenzjoni għal raġunijiet ta’ tneħħija, peress li matul il-proċedura, il-persuna interessata kompliet toqgħod f’ċentru ta’ detenzjoni temporanja.

 

4)

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta l-possibbiltajiet ta’ proroga tal-perijodi ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jiskadu fil-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata.

 

5)

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li prospett raġonevoli li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-istess artikolu jikkorrispondi għal prospett raġonevoli ta’ tneħħija u li dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti meta jkun jidher li ma tantx huwa probabbli li l-persuna interessata tintlaqa’ f’pajjiż terz fid-dawl tal-imsemmija termini ta’ żmien.

 

6)

L-Artikolu 15(4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix, minkejja li l-perijodu massimu ta’ detenzjoni previst minn din id-direttiva jkun skada, li l-persuna interessata ma tiġix illiberata immedjatament minħabba li ma jkollhiex dokumenti validi, taġixxi b’mod aggressiv u li ma għandhiex mezzi ta’ għixien tagħha u lanqas post fejn toqgħod jew mezzi pprovduti mill-Istat għal dan il-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top