Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0331

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-14 ta' April 2011.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika tal-Polonja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Pollakka lit-Technologie Buczek Group - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha - Nuqqas ta’ implementazzjoni fit-terminu stabbilit.
    Kawża C-331/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:250

    Kawża C-331/09

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika tal-Polonja

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lit-Technologie Buczek Group — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Nuqqas ta’ implementazzjoni fit-terminu stabbilit”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat — Obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija — Terminu ta’ riferiment

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2)(KE)

    2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet u limiti

    (Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))

    3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali — Motivi ta’ difiża — Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Diffikultajiet ta’ implementazzjoni

    (Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))

    1.        Id-data rilevanti għall‑evalwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imressqa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE hija dik li kienet prevista fid-deċiżjoni li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha huwa kkontestat jew, jekk ikun il-każ, dik li l-Kummissjoni tkun iddeterminat wara. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix fażi prekontenzjuża, bil-kontra tal‑Artikolu 226 KE, u għaldaqstant il-Kummissjoni ma toħroġx opinjoni motivata li timponi terminu lill-Istati Membri biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tagħha.

    Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ skadenza tat-terminu tal-eżekuzzjoni, eventwali sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali.

    (ara l-punti 50, 52)

    2.        Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/99, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu (88) tat-Trattat KE, l-irkupru ta’ għajnuna illegali impost minn deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jitwettaq mingħajr dewmien u skont il‑proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dawn tal-aħħar jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal‑imsemmija deċiżjoni.

    Fil-każ ta’ impriżi li jirċievu għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u li jkunu fallew, l‑istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv.

    (ara l-punti 59, 60)

    3.        Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill‑Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru huwa dak ibbażat fuq l‑impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjoni ta’ rkupru. Il‑kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma tiġix issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċement jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad‑deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi inkwistjoni u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni tad‑deċiżjoni, li jistgħu jippermettu li jiġu megħluba d-diffikultajiet. Barra minn hekk, il‑biża’ ta’ diffikultajiet interni, fil-kuntest tal‑implementazzjoni ta’ deċiżjoni fil-kamp tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal Unioni.

    (ara l-punti 69, 70, 72)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ April 2011 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lit-Technologie Buczek Group – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Nuqqas ta’ implementazzjoni fit-terminu stabbilit”

    Fil-Kawża C‑331/09,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 88(2) KE, imressaq fis-17 ta’ Awwissu 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Gross u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Krasnodębska‑Tomkiel, bħala aġent,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset mill-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/344/KE, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l-Polonja implementat għall-produttur tal‑azzar Technologie Buczek Group (ĠU 2008, L 116, p. 26), ir‑Repubblika tal‑Polonja kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikoli 3, 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

    2        Il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 01, p. 339), hija redatta kif ġej:

    “Billi f’każijiet ta’ għajnuna llegali li m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien; billi huwa xieraq li r-radd lura jsir f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali; billi l-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhomx, billi jipprevjenu l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, timpedixxi l‑qawmien mill-ġdid tal-kompetizzjoni effettiva; billi sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw l-effettività tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni.”

    3        L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru°659/1999 jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu [242] tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall‑esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall‑liġi tal-Komunità.”

    4        Skont l-Artikolu 23(1), tal-istess Regolament:

    “Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej direttament f’konformità ma’ l-Artikolu [88](2) tat-Trattat.”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5        Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/344, innotifikata lir‑Repubblika tal-Polonja, fl-24 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri meħuda mir-Repubblika tal-Polonja favur it-Technologie Buczek Group (iktar ’il quddiem it-“TBG”) huma għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem “l-għajnuna inkwistjoni”).

    6        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għal din il-kawża, it-TBG kien jopera fis-settur tal-produzzjoni tal-azzar bħala produttur ta’ tubi tal‑azzar u kien ikkostitwit mill-kumpannija Technologie Buczek SA (iktar ’il quddiem “TB”), li kellha diversi sussidjarji, li tnejn minnhom, skont il-Kummissjoni, kienu wkoll benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri Buczek Automotive sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “BA”) u Huta Buczek sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HB”).

    7        L-għajnuna inkwistjoni favur it-TBG kienet tikkonsisti fin‑nuqqas ta’ infurzar tal-krediti rregolati mid-dritt pubbliku miżmuma minn diversi kredituri pubbliċi, b’mod partikolari, l-aġenzija tal‑assigurazzjoni soċjali, il-komun ta’ Sosnowiec, fejn kienet is-sede tat-TBG u l-Fond Nazzjonali għar-riabilitazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà.

    8        L-ewwel ħames artikoli tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2008/344 huma redatti kif ġej:

    “Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal PLN 20 761 643 illegalment mogħtija mill-Polonja, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat, favur [it‑TBG] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 2

    L-għajnuna mill-Istat li l-Polonja implementat għat-[TBG], li tammonta għal PLN 1 369 186 għall-perjodu bejn l-1997 u l‑2003 ma ntużatx skond il‑kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll Nru 8 tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni u għaldaqstant hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    Artikolu 3

    1. Il-Polonja għandha tiġbor l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li għamlet illegalment disponibbli lit-[TBG], b’mod partikolari mis-sussidjarji [HB] u [BA], skond il-benefiċċju attwalment miksub. Għaldaqstant, il-Polonja għandha tiġbor PLN 13 578 115 mill-[HB] u PLN 7 183 528 mill-[BA].

    2.               Il-Polonja għandha tiġbor l-għajnuna li ma ntużatx sewwa imsemmija fl-Artikolu 2 mingħand it-[TBG] b’mod partikolari mingħand it-[TB].

    3.               Is-somom li jridu jinġabru għandu jkollhom l-interesi mid-data li fiha saru disponibbli għall-benefiċjarji sakemm jinġabru attwalment.

    4.               L-interessi għandhom jiġu kkalkulati skond bażi komposta konformi mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 ta’ l-21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat‑Trattat tal-KE [...]

    Artikolu 4

    1.               Il-ġbir ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 għandha tkun immedjata u effettiva.

    2.               Il-Polonja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    1.      Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Polonja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    a)      L-ammont totali (li jinkludi l-interessi prinċipali u ta’ rkupru) li jridu jiġu koperti mill-benefiċjarji;

    b)      Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex jimxu ma’ din id-Deċiżjoni;

    (ċ) Dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l‑għajnuna.

    2.      Il-Polonja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal‑miżuri nazzjonali meħuda sabiex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru ta’ l-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 jitlesta. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq talba sempliċi mill‑Kummissjoni, l-informazzjoni fuq il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex ikunu konformi ma’ din id‑Deċiżjoni. Il-Polonja għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l‑ammonti ta’ l‑għajnuna u l-interess ta’ l-irkupru li diġà ġabret mingħand il‑enefiċjarji.”

    9        Fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, TB kienet is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment, peress li d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza seħħet fis-16 ta’ Awissu 2006. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ BA seħħet fil‑25 ta’ Ġunju 2008 u dik ta’ HB fid-29 ta’ April 2009, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

    10      Fit-8 ta’ Jannar 2008, TB, BA u HB ippreżentaw rikorsi fil-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali) intiżi sabiex jiksbu l‑annullament tad-Deċiżjoni 2008/344 (irreġistrati, rispettivament bin-numri T‑465/07, T‑1/08T, T‑440/07). Flimkien mar‑rikors tagħhom, HB u BA ressqu talba, quddiem il-President tal‑Qorti Ġenerali, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Fit-13 ta’ Frar 2008, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar il-miżuri provviżorji. Permezz ta’ żewġ ordnijiet tal-14 ta’ Marzu 2008, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni (T‑1/08 R) u Huta Buczek vs Il‑Kummissjoni (T‑440/07 R), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it‑talbiet għal miżuri provviżorji ppreżentati minn BA u HB rispettivament.

    11      Fit-18 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal-Polonja interveniet, insostenn tat-talbiet ta’ HB u ta’ BA, u talbet l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-Deċiżjoni 2008/344.

    12      Fir-rigward tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-awtoritajiet Pollakki wara l‑imsemmija deċiżjoni, ir-Repubblika tal-Polonja, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2008, indikat lill-Kummissjoni xi korpi li kellhom jieħdu passi biex jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni mill‑benefiċjarji, mingħajr madankollu, ma ppreċiżat liema kienu l-ammonti minnha li setgħu jiġu rkuprati mingħand HB u BA. Billi bbażat ruħha fuq id-diffikultajiet dovuti għall-fatt li din l‑għajnuna kienet saret disponibbli għall-benefiċjarji qabel l-adeżjoni ta’ dak l-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea, dan tal-aħħar invoka, b’mod partikolari l-ħtieġa għal terminu supplimentari biex tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni, minħabba l‑ħtieġa li jiġu investigati u eventwalment riprodotti d-dokumenti rilevanti. Barra minn hekk, fl-istess ittra, l-imsemmija awtoritajiet staqsew jekk, skont id‑Deċiżjoni 2008/344, kienx possibbli li tkun irkuprata l‑parti l-kbira ta’ dik l‑għajnuna mingħand TB matul il-proċeduri ta’ falliment u li jintalab mingħand HB u BA biss il-ħlas lura tal-ammont li jifdal.

    13       Fir-risposta tagħha tat-13 ta’ Frar 2008 għal din l-ittra, il-Kummissjoni kkontestat dan il-metodu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni, minħabba li kien inkonsistenti mal‑kontenut tad-Deċiżjoni 2008/344.

    14      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2008, l-awtoritajiet Pollakki reġgħu qajmu diffikultajiet serji ta’ natura legali u prattika fir-rigward tal‑irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u talbu l-estensjoni tat-terminu tal‑eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni sat-30 ta’ Ġunju 2008.

    15      F’dan ir-rigward, f’ittra tas-7 ta’ Marzu 2008, huma allegaw li kien hemm diffikultajiet tekniċi relatati mar-riċerka tad-dokumenti oriġinali li kienu wasslu għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Mill-perspettiva legali, huma sostnew li kien hemm riskju ta’ “rimbors doppju” minn TB u s-sussidjarji tagħha. Skont ir‑Repubblika tal-Polonja, dan ir-riskju jirriżulta mill-assenza ta’ bażi legali li tippermetti l-abbandun minn aġenziji amministrattivi, tal-krediti tagħhom fir-rigward ta’ TB li għalihom il‑likwidatur huwa obbligat li jirrimborsa dan id‑djun, inklużi ammonti li għandhom jiġu rkuprati, minn kumpanniji sussidjarji ta’ TB, li kienu fir-realtà l‑benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, skont id-dritt dwar il-falliment Pollakk, fil-każ ta’ rimbors ta’ dawn id‑djun, ma teżistix iktar, bażi legali li tippermetti li TB tkun tista’ ddur kontra s-sussidjarji tagħha biex tirkupra l-ammonti mħallsa minnha stess.

    16      Fir-risposta tagħha tal-4 ta’ April 2008, il-Kummissjoni, filwaqt li wriet id‑dispjaċir tagħha li ebda soluzzjoni għall-problema ta’ “rimbors doppju” ma ġiet proposta mill-awtoritajiet Pollakki, issuġġeriet l‑applikazzjoni provviżorja tad-Deċiżjoni 2008/344 permezz tal-ftuħ ta’ kont bankarju bblokkat li fih il‑benefiċjarji effettivi tal-għajnuna inkwistjoni jiddepożitaw l-ammonti indikati f’din id‑deċiżjoni, biż-żieda tal-interessi applikabbli, iżda hija ssuġġettat din il‑possibbiltà għall-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet jiggarantixxu li l-likwidatur ta’ TB jieħu azzjoni ta’ rkupru fil-konfronti ta’ HB.

    17      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li matul ix-xahar ta’ April 2008, il-likwidatur responsabbli għal-likwidazzjoni ta’ TB kien għamel allokazzjoni ta’ ċertu attiv fejn l-ammont totali rkuprat f’dik id-data minn din il‑kumpannija kien ta’ madwar PLN 13-il miljun, filwaqt li enfasizzaw għal darb’oħra li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna li TB kienet ibbenefikat minnha jirriżulta mid-dritt tal-falliment Pollakk. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet informata li xi ammonti addizzjonali kellhom jiġu rkuprati minn ċerti kredituri pubbliċi mingħand HB u BA.

    18      Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet rapport iddettaljat dwar l-istat tal-irkupru effettiv tal-għajnuna inkwistjoni billi poġġiet sensiela ta’ mistoqsijiet speċifiċi dwar l-ammonti mitluba mill‑kredituri individwali. Fuq il‑kwistjoni ta’ “rimbors doppju”, il‑Kummissjoni insistiet li, tkun xi tkun is‑soluzzjoni mfassla mill‑awtoritajiet Pollakki, din ma għandhiex tikser l-obbligi ddefiniti b’mod ċar fid-Deċiżjoni 2008/344 u wissiet lir-Repubblika tal-Polonja li jekk hija ma teżegwix din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri skont l-Artikolu 88(2) KE.

    19      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li l-proċeduri ta’ falliment ta’ TB ġew sospiżi wara li ġie ppreżentat appell kontra l-pjan ta’ distribuzzjoni. Fir‑rigward tas-sussidjarji ta’ TB, aġenzija waħda ħadet azzjoni legali kontra tagħhom, madankollu, peress li din it-talba ta’ eżekuzzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali, l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, f’din l-ittra, ir-Repubblika tal‑Polonja talbet li tinżamm laqgħa diretta bejn ir-rappreżentanti tagħha u dawk tal-Kummissjoni.

    20      Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni reġgħet fakkret lil dan l-Istat Membru bil-possibbiltà li tibda proċedura taħt l‑Artikolu 88(2) KE. Filwaqt li għamlet mistoqsijiet ġodda, hija ssuġġettat il-possibbiltà ta’ tali laqgħa għall-preżentazzjoni minn qabel, min-naħa ta’ dan l‑Istat Membru, ta’ proposta ta’ soluzzjoni għall‑problema ta’ “rimbors doppju”.

    21      Fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li l-ammont ta’ għajnuna li kellha tiġi rkuprata minn TB kien ikbar mill-ammont irrappurtat lill‑Kummissjoni fit-tfassil tad‑Deċiżjoni 2008/344 u li dawn kienu ser jieħdu passi biex jirkupraw l-ogħla ammont.Barra minn hekk, huma indikaw lil din l-istituzzjoni li qorti Pollakka kienet iddeċidiet dwar il‑falliment ta’ BA. L-imsemmija awtoritajiet iddikjaraw, minn naħa, it-tħejjija ta’ laqgħa mad-diversi aġenziji li jipprovdu l-għajnuna, biex jiddiskutu l‑kwistjoni ta’ “rimbors doppju” u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward. Filwaqt li inkludew kopja tad-dikjarazzjonijiet ta’ krediti tal‑kredituri kollha għall-massa ta’ attivi ta’ TB, huma ħabbru l-komunikazzjoni ta’ proposta għax-xahar ta’ Jannar 2009.

    22      Fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet Pollakki pproponew li r‑rimbors tad-dejn ta’ TB fir-rigward tal-aġenziji tal-gvern eżistenti fil‑31 ta’ Diċembru 2004, inklużi l-interessi akkumulati sal-15 ta’ Awwissu 2006, jiġifieri l‑jum qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB, isir mill-attiv tal‑falliment ta’ din il-kumpannija, skont regoli nazzjonali għal differiment tal-ħlas ta’ djun magħmula fir-rigward ta’ aġenziji tal-gvern. Min-naħa l-oħra, la HB u lanqas BA ma huma responsabbli għad-djun imsemmija hawn fuq, iżda dawn għandhom jirrimborsaw il-benefiċċju ekonomiku miksub min-nuqqas ta’ rkupru tad-djun, jiġifieri l‑“għajnuna ekwivalenti” li tikkorrispondi għad-differenza bejn l‑interessi realment imħallsa minn dawn il-kumpanniji u l-interessi li huma kien ikollhom iħallsu skont il-kundizzjonijiet tas-suq, b’mod partikolari inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni diffiċli tagħhom. Minbarra “l-għajnuna ekwivalenti” nnifisha, HB u BA jħallsu l-interessi marbuta ma’ dan l‑ekwivalenti, ikkalkolati fil-każ ta’ BA, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-24 ta’ Ġunju 2008, li huwa l-jum qabel id‑dikjarazzjoni ta’ falliment li tikkonċernaha u, fil-każ ta’ HB, sad-data tal‑ħlas.

    23      Għaldaqstant, din il-proposta kienet tipprevedi, skont l-awtoritajiet Pollakki, l‑irkupru ta’ somma ta’ PLN 22 130 829, interessi moratorji inklużi, li minnhom PLN 13 491 124.77 kienu diġà ġew rimborsati, u għaldaqstant kien baqa’ ammont ta’ PLN 7 789 272.01 x’jiġi rkuprat, li, meta jitqiesu l‑ammonti dovuti minn HB u BA, kien jaqbeż l-ammont tas-somom li riedu jiġu rkuprati indikat fid‑Deċiżjoni 2008/344.

    24      Il-Kummissjoni kkontestat dan il-kalkolu u wriet li, fl-opinjoni tagħha, l‑ammont totali ta’ rkupru li kellu jsir mingħand TB kien jammonta għal total ta’ PLN 14 570 608.06. Fir-rigward taż-żewġ kumpanniji l-oħra, l-ammont ta’ PLN 180 678.22 kellu jiġi rkuprat mingħand HB u BA, li minnu PLN 118 163.55 mingħand HB u PLN 62 514.67 mingħand BA, fejn ma’ dawn l-ammonti kellhom jiżdiedu l‑interessi.

    25      Għalhekk, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2009, id-dipartimenti tal‑Kummissjoni fakkru mill-ġdid lir-Repubblika tal-Polonja li dawn il‑miżuri kienu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/344 sa fejn l-oneru prinċipali tar-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni jkompli jkun fuq TB u mhux, kif previst minn din id‑deċiżjoni, fuq HB u BA. Fl‑istess ittra l-Kummissjoni enfasizzat ukoll li hija kienet diġà ċaħdet il‑possibbiltà ta’ rkupru parzjali, mingħand TB, tal-għajnuna li kellha tirkupra mingħand HB u BA, b’tali mod li kienu ser jittieħdu passi sabiex tibda proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE.

    26      Fis-26 ta’Ottubru 2009, l-awtoritajiet Pollakki bagħtu ittra lill-Kummissjoni fejn informawha bil-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza ta’ HB u b’dikjarazzjonijiet ta’ krediti magħmula mill-kredituri kollha skont id-Deċiżjoni 2008/344, li jippermettulhom li jitħallsu fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ HB u BA.

    27      Wara dan l-iskambju ta’ ittri u tfakkir varji oħra, il-Kummissjoni, li kkunsidrat li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx ipprocediet bl‑eżekuzzjoni korretta tad-Deċiżjoni 2008/344, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    28      Il-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2008/344, skont l-Artikoli 3 u 4 tagħha li jipprovdu terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha biex jipproċedu għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Hija ssostni f’dan ir‑rigward li iktar minn wieħed u għoxrin xahar wara d‑data li fiha r-Repubblika tal-Polonja rċeviet din id-deċiżjoni, l-ebda għajnuna ma ngħatat lura minn HB u BA u li, fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni ma ġietx informata, skont l-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni bil-miżuri meħuda minn dan l‑Istat Membru. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li TB tat biss lura porzjon tal-ammont totali dovut mingħand it-TBG. Fl-aħħar nett, hija ssostni li r-Repubblika tal‑Polonja ma invokatx ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jipprekluduha milli teżegwixxi korrettament l‑imsemmija deċiżjoni.

    29      Dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-Deċiżjoni 2008/344, il‑Kummissjoni tenfasizza li, iktar minn wieħed u għoxrin xahar wara d-data li fiha r‑Repubblika tal-Polonja rċeviet id-Deċiżjoni 2008/344 l-għajnuna mogħtija lil BA u lil HB kienet għadha ma ġietx irkuprata, b’tali mod li din tal-aħħar kompliet tgawdi mill‑benefiċċju mogħti minn din l-għajnuna. Sabiex il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-benefiċċju mogħti lil BA tneħħa, skont ġurisprudenza stabbilita kif ukoll il-punt 64 tal-Avviż tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Novembru 2007, intitolat “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU C 272, p. 4, iktar ’il quddiem “l-Avviż tal-2007”) l-għajnuna mill-Istat rimborsabbli mingħand BA, għandha tiġi rreġistrata fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment ta’ din il-kumpannija, li, skont l‑informazzjoni disponibbli għall‑Kummissjoni, ma huwiex il-każ.

    30      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li jidher li xi ammonti għadhom ma ġewx iddeterminati għalkemm l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati mill-benefiċjarji kollha huma indikati b’mod ċar fid-Deċiżjoni 2008/344 u li l-ammont tagħhom ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki nnifishom. Peress li kien f’każ wieħed biss li rċeviet informazzjoni li tikkonċerna xi tentattiv ta’ rkupru ta’ għajnuna diretta mill-kredituri mingħand HB u mingħand BA, l‑obbligu ta’ rkupru mingħand dawn tal-aħħar, tal-ammonti stabbiliti fl‑imsemmija deċiżjoni, ma ġiex sodisfatt. Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rċevew informazzjoni konfliġġenti dwar l‑ammont ta’ krediti li jistgħu jiġu rreġistrati fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment ta’ TB.

    31      Il-Kummissjoni tfakkar, fl-aħħar nett, li peress li l-preżentata ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230(2) KE ma tissospendix l‑obbligu li tiġi eżegwita d-Deċiżjoni 2008/344 u għaldaqstant li tiġi rrimborsata l-għajnuna li ġiet iddikjarata bħala illegali u inkompatibbli, din id-deċiżjoni għandha tkun eżegwita minkejja l-eżistenza tal-imsemmi rikors, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal‑Qorti Ġenerali, mogħtija skont Artikolu 242 KE, li tordna s‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tipprovdi għall‑irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni.

    32      F’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni effettiva tad-Deċiżjoni 2008/344, il‑Kummissjoni billi tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punti 17, 18 u 21 sa 24), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punti 60‑62), issostni li huma d‑dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka dwar il‑falliment li kkawżaw id‑dewmien sostanzjali fl-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u għalhekk fixklu l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din id‑deċiżjoni. Għalkemm huwa minnu li l‑awtoritajiet Pollakki qajmu l‑kwistjoni tar‑“rimbors doppju” fil‑korrispondenza tagħhom mal‑Kummissjoni fi stadju bikri tal‑proċedura, madankollu huma ma pproponewx soluzzjoni għal din il-problema, li setgħet tiżgura l‑eżekuzzjoni effettiva tal-imsemmija deċiżjoni. Il-proposti magħmula minn dawn l-awtoritajiet għandhom l‑effett li l-oneru tar‑rimbors intefa’ iktar fuq TB u mhux fuq HB u BA, u dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2008/344 fir‑rigward tal‑entità li għandha tbati l-oneru ekonomiku tal-irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni, u ma għandux l-effett li jistabbilixxu mill-ġdid il‑kundizzjonijiet tal‑kompetizzjoni.

    33      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-awtoritajiet Pollakki lanqas ma għamlu eżekuzzjoni provviżorja tad-deċiżjoni billi jagħtu lill-benefiċarji tal‑għajnuna l‑opportunità li jħallsu l-ammonti korrispondenti fil-kont bankarju bblokkat, kif kienet ipproponiet hi. Għalhekk, anki jekk ir‑Repubblika tal-Polonja affrontat xi diffikultajiet fl‑eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma ssodisfatx l‑obbligu tagħha li tipproponi soluzzjonijiet alternattivi raġonevoli, li ma segwietx is‑suġġeriment biex teżegwixxi b’mod provviżorju din id‑deċiżjoni, u li ma rrikonoxxietx il‑fatt li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod ċar il-possibilità li jiġu rkuprati l-ammonti tal-għajnuna inkwistjoni mingħand TB li kellhom jiġu rrimborsati mis-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

    34      Dwar l-aħħar oġġezzjoni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li pprekludew lir-Repubblika tal-Polonja milli teżegwixxi korrettament id‑Deċiżjoni 2008/344, il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex jiġġustifika l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-rimbors ta’ għajnuna, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinvoka biss argumenti li juru l-impossibbiltà assoluta tal-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mhux previsti u imprevedibbli waqt l‑eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni jew isir konxju ta’ konsegwenzi mhux previsti mill‑Kummissjoni, huwa jkun obbligat, taħt il-punt 28 tal-Avviż tal-2007, li jesponi dawn il-problemi għall-evalwazzjoni ta’ dik l‑istituzzjoni billi jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, skont il‑prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li fuqu huwa bbażat, b’mod partikolari, l‑Artikolu 10 KE, jikkooperaw b’rieda tajba biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u, b’mod partikolari dawk rigward l-għajnuna.

    35      Il-Kummissjoni, billi rreferiet, minn naħa, għal ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, għall-punt 29 tal‑Avviż tal‑2007 issostni li għalkemm huwa veru li l-awtoritajiet Pollakki ltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ natura teknika u legali, madankollu huma ma invokawx l-“impossibbiltà assoluta” li jeżegwixxu d-Deċiżjoni 2008/344. Il-kriterju ta’ impossibbiltà assoluta ma jkunx sodisfatt meta l-Istat Membru jinvoka ċirkustanzi legali, politiċi jew prattiċi li jipprekluduh milli jeżeġwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni mingħajr, barra minn hekk, ma jkun ipprova jirkupra l-għajnuna u lanqas ma jkun ippreżenta lill-Kummissjoni xi soluzzjonijiet alternattivi raġonevoli biex tkun tista’ tiġi eżegwita din id‑deċiżjoni u li jippermettu li jintgħelbu d‑diffikultajiet. Madankollu, f’dan il-każ, l‑awtoritajiet Pollakki ma pproponew l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti biex isolvu l‑problema ta’ “rimbors doppju”.

    36      Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta l-ewwel nett li fil-mument tal‑ifformular tar-risposta tagħha, il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri TB, HB u BA, kienu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza u li l‑kredituri kollha li għandhom krediti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kif iddefiniti fid-Deċiżjoni 2008/344 kienu ddikkjaraw il-krediti tagħhom sabiex jitħallsu fil‑kuntest ta’ dawn il-proċeduri varji. Dan l-Istat Membru jsostni li huwa pprovda lill‑Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa inkonnessjoni mal‑imsemmija proċeduri ta’ insolvenza, b’tali mod li jista’ leġittimament jiġi argumentat li din id-deċiżjoni diġà ġiet eżegwita integralment skont il-kontenut tagħha.

    37      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li s-somma sħiħa speċifikata fid-Deċiżjoni 2008/344 ma ġietx irkuprata, peress li l-krediti kollha ġew iddikjarati fil-massa tad-debituri kollha msemmija mill-Kummissjoni u li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza, fejn it‑tkomplija tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni għandha tiġi effettwata skont id‑dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza li qegħdin isiru. Dan l‑argument huwa bbażat fuq il-kliem tal‑Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

    38      L-awtoritajiet Pollakki jsostnu wkoll li, anki jekk il-pagamenti li diġà saru sal-lum ma kinux meqjusa bħala rimbors tal-għajnuna inkwistjoni, dan ma għandux jaffettwa l-konklużjoni li d-Deċiżjoni 2008/344 ġiet eżegwita minħabba d‑dikjarazzjonijiet tal-kredituri fil-kuntest tal‑proċeduri ta’ insolvenza varji li qed isiru, konklużjoni li hija sostnuta wkoll mill-punt 64 tal-Avviż tal-2007.

    39      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta wkoll il-pożizzjoni tal‑Kummissjoni rigward ir-“rimbors doppju”, filwaqt li tenfasizza li hija ppreżentat il-problemi relatati mal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344 mhux bħala tali li jagħmlu l-irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni impossibbli, iżda bħala tali li jimplikaw li din ser tiġi rrimborsata darbtejn, u dan jista’ jwassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ta’ kumpanniji li ħallsu, għall-attiv akkwistat, il-prezz tas-suq u li għalhekk ma jkunu ħadu l-ebda benefiċċju minħabba l-għajnuna mill-Istat disponibbli għal TB. Din il-kwistjoni tikkorrispondi mas-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li fil-kuntest tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat fid‑dettall għaliex, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni wettqet żball billi estendiet ir-responsabbiltà tar-rimbors tal-għajnuna lil terzi, jiġifieri, lil HB u lil BA.

    40      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-proposta tal-25 ta’ Jannar 2008 indirizzata lill‑Kummissjoni kellha l-għan li tiġi evitata sitwazzjoni fejn, minn naħa, il‑likwidatur tal-massa tal-attiv ta’ TB, li kellu riżorsi suffiċjenti biex iħallas it‑totalità tal-krediti ddikjarati, ma jkunx jista’ jirrifjuta li jħallas il-krediti ddikjarati lilu fil-proċeduri ta’ insolvenza ta’ din il‑kumpannija, minkejja li, barra minn hekk, dan il-pagament ma jaffettwax l-obbligu li jiġu rkuprati l-istess ammonti mingħand HB u mingħand BA. Dan l-Istat Membru qed jibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq id-digriet Huta Buczek vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li jikkonferma l‑ewwel nett il‑possibbiltà, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, tal‑eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344 skont l-imsemmija proposta tal-awtoritajiet Pollakki.

    41      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra bħala infondata l‑oġġezzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni. 2008/344 fit-terminu previst fl-Artikolu 4(2) tagħha, sa fejn il‑Kummissjoni ma stabbilixxietx data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni ta’ din id‑deċiżjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, ikkalkolata mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tikkostitwixxi d-data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni tagħha. Dan it-terminu msemmi fil-punt 42 tal-Avviż tal-2007, ċertament jindika l‑ħtieġa li tiġi eżegwita malajr kemm jista’ jkun tali deċiżjoni tal‑Kummissjoni, iżda ma jistax ikun vinkolanti. Il-Kummissjoni kellha, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, tiffissa terminu ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat vinkolanti, u dan hija ma għamlitux.

    42      Bħala risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni, fir-replika tagħha, issostni l-argumenti kollha ppreżentati fir-rikors tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li kull dokument ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Kummissjoni wara l‑preżentata tar-rikors, jiġifieri s‑17 ta’ Awwissu 2009, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala irrilevanti għall-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li għandha r-Repubblika tal-Polonja.

    43      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li hija ma kinitx stabbilixxiet data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni 2008/344. Billi bbażat ruħha fuq il-punt 53 tas‑sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑485/03 sa C‑490/03, Ġabra p. I‑11887), hija ssostni li t-termini jirriżultaw b’mod ċar minn din id-deċiżjoni u li kienu xierqa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    44      Il-Kummissjoni tqis ukoll li r-Repubblika tal-Polonja tirreferi għal informazzjoni u avvenimenti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors li, barra minn hekk, juru biss id-dikjarazzjonijiet tal‑krediti għall-massa tal-falliment ta’ TB u mhux l‑irkupru tagħhom.

    45      Fl-aħħar nett, din l-istituzzjoni ssostni li skont prattika stabbilita bbażata fuq il‑punti 66 u 67 tal-Avviż tal-2007, fil-każ ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarju li jkun falla, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall‑eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru għandhom jappellaw minn kull deċiżjoni tal-amministratur tal-likwidazzjoni ġudizzjarja jew ta’ qorti tal-falliment li tawtorizza t-tkomplija tal-operat tal‑benefiċjarju li jkun falla lil hinn mit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni li tkun ordnat dan l‑irkupru. Il-qrati nazzjonali, fil-preżenza ta’ tali sitwazzjoni għandhom jikkunsidraw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-Kummissjoni tqis, għalhekk, li dawn tal‑aħħar ma għandhomx jippermettu t-tkomplija tal-operat ta’ benefiċjarji falluti fin-nuqqas ta’ rimbors sħiħ tal‑għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, meta jiġi propost xi pjan ta’ tkomplija tal‑operat tal‑benefiċjarju lill-kumitat tal-kredituri, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux jaċċettaw dan il-pjan ħlief jekk ikun imfassal b’tali mod li l‑għajnuna tiġi rrimborsata kompletament fit-terminu previst mid‑deċiżjoni li tkun ordnat l-irkupru.

    46      Ir-Repubblika tal-Polonja essenzjalment issostni fil‑kontroreplika tagħha, l‑argument tagħha li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    47      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jtenni li huwa pprovda lill‑Kummissjoni l‑informazzjoni kollha meħtieġa, anki jekk huwa għamel dan permezz tar-risposta tiegħu. Peress li ma sostnietx fir-risposta tagħha li xi informazzjoni, li tinkludi d‑dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ HB, qajmet xi ċirkustanzi jew fatti ġodda li ma kinux magħrufa qabel, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li l-informazzjoni mogħtija ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża minħabba li din il‑komunikazzjoni ngħatat wara d-data tat-tressiq tar‑rikors, ma hijiex fondata peress li l-Kummissjoni kienet taf b’din l‑informazzjoni f’din id-data.

    48      Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru jsostni li d-data tas-17 ta’ Awwissu 2009, indikata mill-Kummissjoni bħala d-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti lil dan tal-aħħar għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, ma tqis bl-ebda mod iċ-ċirkustanzi partikolari marbuta mal-eżekuzzjoni tagħha, fejn tali data kellha pjuttost titqies bħala dik li fiha l-Kummissjoni temmet it-tfassil tar-rikors tagħha.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

     Fuq il-ksur tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/344

    49      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344. Peress li t-terminu ta’ erba’ xhur ikkalkolat mid-data tan-notifika tagħha ma jistax ikun vinkolanti, l-iskadenza ta’ tali terminu ma tistax titqies li kkostitwixxiet data ta’ skadenza għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-data rilevanti għall‑evalwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE ma tistax tkun, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, u minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix fażi prekontenzjuża, kuntrarjament għall‑Artikolu 226 KE, u li għaldaqstant il-Kummissjoni ma toħroġx opinjoni motivata li timponi terminu lill-Istati Membri biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tagħha, ħlief dik li kienet prevista fid-deċiżjoni li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha hija kkontestata jew, jekk ikun il-każ, dik li l-Kummissjoni tkun iddeterminat wara (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑378/98, Ġabra p. I‑5107, punt 26; tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑499/99, Ġabra p. I‑6031, punt 28; tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-207/05, punt 31, u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-232/05, Ġabra p. I‑10071, punt 32.

    51      F’dan il-każ, l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2008/344 jimponi terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha biex jippermetti lir‑Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri meħtieġa għall-finijiet tal-irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni. Għalhekk dan it-terminu għandu jitqies, fl‑assenza ta’ terminu ġdid stabbilit mill‑Kummissjoni, bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu .

    52      Madankollu, il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digrieti tat-13 ta’ Frar 2008, issospenda l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344 fuq talba ta’ BA u ta’ HB sal-adozzjoni tad-digrieti li jtemmu l-proċeduri għal miżuri provviżorji. Permezz taż-żewġ digrieti ċċitati iktar ’il fuq, Buczek Automotive vs Il‑Kummissjoni u Huta Buczek vs Il‑Kummissjoni, il‑President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet għal miżuri provviżorji mressqa minn BA u HB, u dan ippermetta li jittawwal it-terminu previst fl‑Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2008/344 fir-rigward ta’ BA u HB.

    53      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu madankollu jiġi kkonstatat li fl‑iskadenza tal-imsemmi terminu l-azzjonijiet meħuda mill‑awtoritajiet Pollakki ma rriżultawx fl-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha.

    54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif sostniet il‑Kummissjoni, li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u li din il-konsegwenza ma tistax tiddependi fuq il-forma li fiha ngħatat l‑għajnuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑183/91, Ġabra p. I‑3131, punt 16; u tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C-404/97, Ġabra p. I‑4897, punt 38, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑507/08, Ġabra p. I‑0000, punt  42).

    55      Għaldaqstant, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa obbligat, bis-saħħa tal-Artikolu 249 KE, li jieħu l-miżuri kollha adattati biex jiżgura l-eżekuzzjoni tal‑imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑209/00, Gabra p. I‑11695, punt 31; tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/00, Ġabra p. I‑6695, punt 21, u Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Dan għandu jwassal għal irkupru effettiv tas-somom dovuti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, Ġabra p. I-3875, punt 44, u Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    56      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu tal-Istat Membru li jneħħi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni huwa intiż biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti fis-suq tal‑Unjoni (sentenzi tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑350/93, Ġabra p. I‑699, punt 21, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 64). Sakemm l-għajnuna ma tkunx irkuprata, il‑benefiċjarju tagħha jista’ jżomm fondi li jiġu mill-għajnuna ddikjarata inkompatibbli u jibbenefika mill-vantaġġ kompetittiv indebitu li jirriżulta (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    57      Għalhekk, Stat Membru li, bis-saħħa ta’ tali deċiżjoni tal‑Kummissjoni jsib ruħu obbligat li jirkupra għajnuna illegali, huwa liberu li jagħżel il-mezzi li bihom iwettaq dan l-obbligu, sakemm il-miżuri magħżula ma jikkawżawx dannu għall‑portata u għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; tal-20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark, C‑210/09, Ġabra p. I‑4613, punt 21, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, iċċitata iktar ’il fuq punt 51).

    58      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li Stat Membru ma jistax jissodisfa tali obbligu ta’ rkupru ħlief jekk il-miżuri li jadotta jkunu adatti sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-kundizzjonijiet normali tal‑kompetizzjoni li jkunu ġew distorti mill-għoti tal-għajnuna illegali li l-irkupru tagħha jkun ordnat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 35, kif ukoll Scott u Kimberly Clark, punt 22).

    59      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/99, l-irkupru ta’ għajnuna illegali impost minn deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jitwettaq mingħajr dewmien u skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dawn tal-aħħar jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-imsemmija deċiżjoni.

    60      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza dwar l‑impriżi li jirċievu għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u li jkunu fallew, l‑istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi l-kreditu relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 52/84 Ġabra p. 89, punt 14; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punti 60 sa 62, u tad-29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 85).

    61      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti tar-Repubblika tal‑Polonja għandhom jiġu evalwati.

    62      L-ewwel nett, l-imsemmi Stat Membru jsostni li d-debituri kollha tal‑għajnuna inkwistjoni kienu suġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza u li l-kredituri kollha li għandhom krediti msemmija minn din l-għajnuna ddikjarawhom sabiex jitħallsu fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri varji. Il-Kummissjoni ġiet informata mill-awtoritajiet Pollakki bid-dikjarazzjonijiet ta’ insolvenza li jikkonċernaw dawn id‑debituri u bid‑dikjarazzjonijiet ta’ krediti relatati magħhom, b’tali mod li d‑Deċiżjoni 2008/344 ġiet eżegwita kompletament skont il-kontenut tagħha.

    63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ insolvenza, fid-data tal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2008/344 u b’kunsiderazzjoni tal-estensjoni ta’ dan it-terminu permezz tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni mogħtija mill-President tal-Qorti Ġenerali, TB biss kienet is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment, peress li d‑dikjarazzjoni ta’ insolvenza seħħet fis-16 ta’ Awissu 2006. Id‑dikjarazzjonijiet ta’ insolvenza ta’ BA u HB seħħew fil-25 ta’Ġunju 2008 u fid-29 ta’ April 2009 rispettivament, jiġifieri wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

    64      Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx, fl-iskadenza tal‑imsemmi terminu, ipprovdiet dokumenti li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li t-TBG kien fi stat ta’ insolvenza u f’sitwazzjoni ta’ waqfien tal-operat sa tali punt definittiv u komplet, li s-sempliċi inklużjoni tal-krediti relatati mal-irkupru tal-għajnuna fl-iskeda tal-passiv relattiv għall-kumpanniji ta’ dan il-grupp, setgħet tkun suffiċjenti biex tikkonforma mad-Deċiżjoni 2008/344.

    65      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ BA u ta’ HB, il-ġurisprudenza dwar il‑benefiċjarji tal-għajnuna ddikjarati falluti ma tistax tapplika b’tali mod li r-reġistrazzjoni tal-imsemmija krediti wara l-iskadenza tat‑terminu msemmi iktar ’il fuq ma tikkostitwixxix eżekuzzjoni korretta tal‑obbligi tar‑Repubblika tal-Polonja taħt l‑Artikoli 4 u 5 tad‑Deċiżjoni 2008/344.

    66      Fir-rigward ta’ TB, għandu jiġi osservat li permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika tal-Polonja informat lill-Kummissjoni li fix-xahar ta’ April 2008, somma ta’ madwar PLN 13-il miljun kienet ġiet irkuprata mingħand TB, fejn tali rkupru kien ġie effettwat bħala eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni 2008/344.

    67      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li din is-somma tista’ titqies bħala rkupru tal-għajnuna inkwistjoni bħala eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, il-fatt jibqa’ li ma tikkorrispondix mal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati kif iffissat minn din id-deċiżjoni.

    68      It-tieni nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li r-Repubblika tal‑Polonja tinvoka, biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni 2008/344, u għalhekk in‑nuqqas ta’ rkupru tal‑għajnuna inkwistjoni mogħtija lit-TBG, dan l-Istat Membru jsostni li d-dewmien fir-rigward tal-irkupru tagħha huwa essenzjalment dovut għall-applikazzjoni konġunta kemm tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt proċedurali Pollakk relatati mal-falliment kif ukoll ta’ dawk ta’ din id‑deċiżjoni, li rriżultat f’riskju ta’ rkupru doppju tal-krediti. Barra minn hekk, hija ssostni li hemm diffikultajiet oħra legali, politiċi u prattiċi ġġenerati mill‑implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    69      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq l‑impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjoni ta’ rkupru (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, Ġabra p. I‑8357, punt 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    70      Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni għall-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni ma tiġix issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċement jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implementazzjoni tad‑deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand l-impriżi inkwistjoni u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi għall-implementazzjoni tad‑deċiżjoni, li jistgħu jippermettu li jiġu megħluba d-diffikultajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 74, u tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 46).

    71      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja, għalkemm tinvoka “diffikultajiet serji”, “problemi” u “ostakoli kbar” li ltaqgħet magħhom waqt l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, hija stess spjegat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li hija ma tikkunsidrax il-problemi eżistenti bħala tali li jrendu impossibbli l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

    72      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ippreżentat mill-Istat Membru dwar l‑eżistenza potenzjali ta’ riskju potenzjali ta’ rimbors doppju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-biża’ ta’ diffikultajiet interni, fil-kuntest tal‑implementazzjoni ta’ deċiżjoni fil-kamp tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal‑Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1995, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑52/95, Ġabra. p. I‑4443, punt 38; tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑265/95 Ġabra p. I‑6959, punt 55; tad-29 ta’ Jannar 1998, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑280/95, Ġabra p. I‑259, punt 16, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, Ġabra p. I‑8887, punt 43.

    73      Minn dak li ntqal jirriżulta li għandu jiġi kkonstatat li fl-iskadenza tat‑terminu stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2008/344 u, f’dak li jirrigwarda lil BA u HB, wara li tiġi kkunsidrata l-estensjoni ta’ dan it-terminu minħabba s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal‑proċeduri għal miżuri provviżorji, l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Pollakki ma kinux wasslu għal irkupru effettiv tal-għajnuna inkwistjoni u li, għaldaqstant, il‑kundizzjonijiet kompetittivi normali ma kinux ġew stabbiliti mill-ġdid f’dan it‑terminu.

     Fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2008/344

    74      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-kap tat-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2008/344 u intiżi sabiex ir‑Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata li ma informatx lill‑Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u maħsuba għall‑finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan l-Istat Membru effettivament ma pproċediex għall‑eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi fit-terminu previst (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑177/06, Ġabra p.I‑7689, punt 54, u tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67).

    75      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fit‑terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2008/344, ir‑Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll l‑Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    76      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/344 KE, tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-għajnuna mill-istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l‑Polonja implimentat għall-produttur tal-azzar Technologie Buczek Group, ir-Repubblika tal‑Polonja naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll l‑Artikoli 3 u 4 tal‑imsemmija deċiżjoni.

    2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    *  Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top