Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0260

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Frar 2011.
    Activision Blizzard Germany GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE - Suq tal-consoles tal-logħob vidjo u tal-cartridges tal-logħob tat-trade mark Nintendo - Limitazzjoni tal-esportazzjonijiet paralleli f’dan is-suq - Ftehim bejn il-produttur u d-distributur esklużiv - Ftehim ta’ distribuzzjoni li jippermetti l-bejgħ passiv - Stabbilliment ta’ qbil tal-intenzjonijiet fin-nuqqas ta’ prova dokumentarja diretta ta’ limitazzjoni ta’ dan il-bejgħ - Livell ta’ prova meħtieġ għall-istabbiliment ta’ ftehim vertikali.
    Kawża C-260/09 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:62

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    10 ta’ Frar 2011 (*)

    “Appell – Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE – Suq tal-consoles tal-logħob vidjo u tal-cartridges tal-logħob tat-trade mark Nintendo – Limitazzjoni tal-esportazzjonijiet paralleli f’dan is-suq – Ftehim bejn il-produttur u d-distributur esklużiv – Ftehim ta’ distribuzzjoni li jippermetti l-bejgħ passiv – Stabbilliment ta’ qbil tal-intenzjonijiet fin-nuqqas ta’ prova dokumentarja diretta ta’ limitazzjoni ta’ dan il-bejgħ – Livell ta’ prova meħtieġ għall-istabbiliment ta’ ftehim vertikali”

    Fil-Kawża C‑260/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-10 ta’ Lulju 2009

    Activision Blizzard Germany GmbH, li kienet CD-Contact Data GmbH, stabbilita f’Burglengenfeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. K. De Pree u E. N. M. Raedts, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, Activision Blizzard Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Activision Blizzard”), li qiegħda taġixxi bħala s-suċċessur legali ta’ CD-Contact Data GmbH (iktar ’il quddiem “CD-Contact Data”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej [li issa saret il-Qorti Ġenerali], tat-30 ta’ April 2009, CD-Contact Data vs Il‑Kummissjoni (T‑18/03, Ġabra p. II‑1021, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din naqqset il-multa imposta fuq CD-Contact Data u ċaħdet il-kumplament tar-rikors ta’ din tal-aħħar intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/675/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/35.587 PO Video Games, COMP/35.706 PO Nintendo Distribution u COMP/36.321 Omega – Nintendo) (ĠU 2003, L 255, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma intiżi sabiex jillimitaw l-esportazzjonijiet paralleli fis-suq tal-consoles tal-logħob vidjo tat-trade mark Nintendo u tal-cartridges tal-logħob intiżi għal dawn il-consoles.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2        Nintendo Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Nintendo”), kumpannija kkwotata fil-Borża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Kyoto (il-Ġappun), hija l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp ta’ kumpanniji Nintendo, li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ consoles tal-logħob vidjo u ta’ cartridges tal-logħob li jintużaw ma’ dawn il-consoles. L-attivitajiet ta’ Nintendo fiż-Żona Ekonomika Ewropea huma mmexxija, f’ċerti territorji, minn sussidjarji miżmuma 100 % minnha, fejn is-sussidjarja prinċipali hija Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem “NOE”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, NOE kienet tikkoordina ċerti attivitajiet kummerċjali ta’ Nintendo fl-Ewropa u kienet id-distributur esklużiv tagħha fil-Ġermanja. F’territorji ta’ bejgħ oħrajn, Nintendo kienet ħatret distributuri esklużivi indipendenti.

    3        CD-Contact Data, kienet id-distributur esklużiv ta’ Nintendo fil-Belġju u fil-Lussemburgu minn tal-inqas minn April 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1997.

    4        F’Marzu 1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet investigazzjoni dwar is-settur tal-logħob vidjo. B’riżultat tal-konklużjonijiet preliminari tagħha, f’Settembru 1995, hija bdiet investigazzjoni addizzjonali speċifikament dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo. Wara lment magħmul minn kumpannija li topera fis-settur tal-importazzjoni u tal-bejgħ tal-logħob elettroniku, li jgħid li, Nintendo kienet qiegħda tostakola l-kummerċ parallel u kienet qiegħda tuża sistema ta’ prezz impost għall-bejgħ mill-ġdid fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni estendiet l-investigazzjoni tagħha. Fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Mejju 1997 għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Nintendo ammettiet li wħud mill-ftehim ta’ distribuzzjoni tagħha u wħud mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha kienu jinkludu restrizzjonijiet għall-kummerċ parallel fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, Nintendo indikat lill-Kummissjoni li hija kienet saret taf bi “problema serja marbuta mal-kummerċ parallel fil-Komunità” u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni. Wara l-ammissjoni tagħha, Nintendo adottat miżuri sabiex fil-futur tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt Komunitarju u offriet kumpens finanzjarju lil terzi li kienu ġarrbu preġudizzju finanzjarju minħabba l-aġir tagħha.

    5        Permezz ta’ ittra, tad-9 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni talbet lil CD‑Contact Data tindikalha jekk id-dokumenti li kienu jikkonċernawha u li kienu jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni kellhomx data kunfidenzjali. F’din l-ittra ġie indikat ukoll li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tiftaħ proċedura formali kontra ċerti kumpanniji, fosthom CD-Contact Data. Fis-26 ta’ April 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Nintendo u lill-kumpanniji kkonċernati l-oħrajn, fejn fosthom kien hemm CD-Contact Data, fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992, (ĠU 1994, L 1, p. 3). Nintendo ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    6        Fit-30 ta’ Ottubru 2002 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li l-Artikolu 1 tagħha jiprovdi li:

    “L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea] billi pparteċipaw, għall-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma, fis-swieq tal-consoles tal-logħob speċjalizzati u tal-cartridges tal-logħob kompatibbli mal-consoles tal-logħob speċjalizzati mmanifatturati minn Nintendo, li għandhom bħala għan u effett li jirrestrinġu l-esportazzjonijiet paralleli tal-consoles u tal-cartridges tal-logħob Nintendo:

    [...]

    –      [CD-Contact Data], mit-28 ta’ Ottubru 1997 sal-aħħar ta’ Diċembru 1997 [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

    7        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, ġiet imposta fuq CD-Contact Data multa ta’ EUR 1 miljun.

    8        Fil-premessi 195 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva, għal dak li jikkonċerna l-esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju u mil-Lussemburgu li “[k]ien ċar għal [CD-Contact Data] li hija kellha tara li l-klijenti tagħha ma kinux qegħdin joperaw esportazzjonijiet paralleli”. Dan kien jirriżulta minn faks mibgħuta minn CD‑Contact Data lil NOE fit-28 ta’ Ottubru 1997, li permezz tagħha hija żgurat li ma riedet l-ebda esportazzjoni. Fil-premessa 317 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li din l-ittra turi li CD‑Contact Data u Nintendo “kienu waslu għal ‘qbil tal-intenzjonijiet’ fuq il-fatt li ma kellux ikun hemm esportazzjonijiet mit-territorju ta’ [CD‑Contact Data] u li din kellha tissorvelja l-kunsinni lill-klijenti […] li fir-rigward tagħhom seta’ jkun hemm suspett li kienu qegħdin jesportaw”. Fil-premessa 319 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li “[CD-Contact Data] produċiet provi oħrajn li jindikaw li ma kinitx aderixxiet mal-ftehim ta’ restrizzjoni tal-kummerċ parallel” u li skont din il-kumpannija “hija esportat prodotti hija stess u/jew biegħathom lil kumpanniji li kienet taf li kienu jesportawhom”. Madankollu, fil-premessa 326 tal-istess deċiżjoni l-Kummissjoni tikkonkludi li l-fatt li, fil-prattika, CD-Contact Data kienet ħalliet li jsiru ċerti esportazzjonijiet paralleli kien juri biss li hija stess kienet “qarqet”.

    9        Għal dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet paralleli fil-Belġju, fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li, minn Settembru sa Diċembru 1997, CD-Contact Data skambjat korrispondenza ma’ NOE fuq l-importazzjonijiet paralleli fit-territorju tagħha bl-għan li tinstab soluzzjoni għal din il-“problema”. F’dan ir-rigward hija tiċċita tliet ittri tal-4 ta’ Settembru, tat-3 ta’ Novembru u tal-4 ta’ Diċembru 1997, rispettivament.

     Is-sentenza appellata

    10      Permezz tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali biddlet id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ma kinitx irrikonoxxiet lil CD-Contact Data l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv tagħha fil-ksur u, konsegwentement, naqset il-multa imposta fuq din il-kumpannija għal EUR 500 000. Il-kumplament tar-rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġie miċħud.

    11      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u li l-eżami tiegħu mill-Qorti Ġenerali huwa kkritikat minn Activision Blizzard fil-kuntest ta’ dan l-appell, din ġiet miċħuda fil-punti 46 sa 70 tas-sentenza appellata.

    12      Fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, sabiex tikkonkludi li jeżisti ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għat-termini tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u CD‑Contact Data meħud bħala tali. Skont il-Qorti Ġenerali, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, f’dan ir-rigward, li “[i]t-test tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn [CD-Contact Data] u Nintendo jippermetti [lil CD-Contact Data] tesporta passivament”. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li fil-fatt, b’differenza minn dak li ġie kkonstatat fir-rigward ta’ ċerti distributuri koperti mill-imsemmija deċiżjoni, dan il-ftehim ta’ distribuzzjoni, konkluż kważi sentejn wara l-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u li jikkonċerna s-sistema ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, ma kien fih, bħala tali, ebda klawżola pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE.

    13      Wara li fil-punt 53 tas-sentenza appellata ppreċiżat li, fir-rigward ta’ CD-Contact Data, il-Kummissjoni kienet irreferiet biss għall-konklużjoni ta’ ftehim, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza li, fin-nuqqas ta’ prova dokumentarja diretta tal-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub bejn Nintendo u CD-Contact Data dwar il-limitazzjoni tal-esportazzjonijiet passivi, il-Kummissjoni kienet qieset li l-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija tal-aħħar fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE kienet murija mill-aġir tagħha, kif espress fil-korrispondenza tagħha.

    14      Fil-punt 55 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kellu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kontenut ta’ dan l-iskambju ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi l-eżistenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet bejn CD-Contact Data u Nintendo bil-għan li jillimitaw il-kummerċ parallel. F’dan ir-rigward, fil-punt 56 tal-imsemmija sentenza hija rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irreferiet għal numru ta’ provi bil-miktub, u b’mod partikolari għal faks mibgħuta minn CD-Contact Data lil NOE fit-28 ta’ Ottubru 1997.

    15      Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, f’din il-faks, CD-Contact Data kienet spjegat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi ċerti kwantitajiet ta’ prodotti lil BEM, grossista stabbilita fil-Belġju li potenzjalment setgħet twettaq kummerċ parallel. Hija kkonstatat, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet qiegħda ssostni l-Kummissjoni, mill-kliem ta’ din il-faks ma kienx jirriżulta b’mod ċar li CD-Contact Data kienet taf bil-fatt li hija kienet mistennija tostakola l-esportazzjonijiet paralleli u li hija xtaqet tiddefendi ruħha kontra l-allegazzjonijiet ta’ Nintendo France dwar tali esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju. B’mod partikolari, skont il-Qorti Ġenerali, ma setax jiġi konkluż biċ-ċertezza meħtieġa li l-“prudenza” li kienet qiegħda ssostni CD-Contact Data fir-rigward tal-klijenti li kienu jesportaw, b’mod ġenerali kienet turi li din kienet approvat il-politika ta’ limitazzjoni tal-kummerċ parallel ikkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-interpretazzjoni sostnuta minn CD-Contact Data, li tgħid li r-riferiment għall-kwantitajiet limitati ta’ prodotti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha kellu jiġi kkunsidrat bħala informazzjoni li tikkonċerna l-impossibbiltà materjali tagħha li twettaq bejgħ attiv permezz ta’ grossista stabbilit fil-Belġju, ma setgħatx tiġi a priori miċħuda.

    16      Il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata li l-faks mibgħuta minn CD-Contact Data lil NOE fit-28 ta’ Ottubru 1997 kienet madankollu ntbagħtet direttament wara li ntbagħtet l-ittra tal-24 ta’ Ottubru 1997, li permezz tagħha Nintendo France, minn naħa, kienet ilmentat dwar l-esportazzjonijiet paralleli mill-Belġju, li f’dak iż-żmien kien it-territorju li għalih CD-Contact Data kienet id-distributur esklużiv tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, kienet talbet lil NOE sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja l-“problemi” li dawn l-esportazzjonijiet kienu qed joħolqulha. Skont il-Qorti Ġenerali, CD‑Contact Data kienet għaldaqstant qieset li kien neċessarju li tiġġustifika ruħha dwar il-kwantitajiet li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha u l-kundizzjonijiet li fihom hija kienet tesporta l-prodotti inkwistjoni wara l-ilment dwar l-imsemmija esportazzjonijiet paralleli.

    17      Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fir-rigward tad-dokumenti dwar l-importazzjonijiet paralleli fil-Belġju u fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li sistema ta’ kooperazzjoni prattika u ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kummerċ parallel kienet ġiet implementata bejn Nintendo u wħud mid-distributuri approvati tagħha, fejn fosthom kien hemm CD-Contact Data. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienet tirriżulta, skont il-Qorti Ġenerali, minn diversi ittri ċċitati fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata.

    18      Fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kliem ta’ dawn id-diversi ittri kien jippermetti, b’estensjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti tal-imsemmija senteza, li jiġi konkluż li dawn l-ittri kellhom l-għan li jirrappurtaw l-importazzjoni parallela ta’ prodotti tat-trade mark Nintendo fil-Belġju u li kienu jagħmlu parti mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni implementata minn Nintendo. F’dan il-kuntest hija ċċitat, fil-punti 63 sa 66 tal-imsemmija sentenza, żewġ ittri ta’ CD-Contact Data mibgħuta lil NOE fl-4 ta’ Settembru u t-3 ta’ Novembru 1997 rispettivament, faks mibgħuta minn CD-Contact Data lil Nintendo France fit-12 ta’ Novembru 1997, kif ukoll dokument tal-4 ta’ Diċembru 1997 mibgħut minn NOE lil CD-Contact Data.

    19      Fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li CD-Contact Data kienet, fil-prattika, ipparteċipat f’kummerċ parallel billi esportat xi prodotti lil klijenti li jinsabu barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu ma kienx tali li jikkonfuta din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward hija qieset li l-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi prattika miftehma illegali skont l-Artikolu 81(1) KE ġiet stabbilita, ma kinitx aġixxiet fis-suq b’mod konformi mal-aġir miftiehem mal-kompetituri tagħha, mhux neċessarjament jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, impriża li kienet issegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politika differenti minn dik miftiehma setgħet sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha.

    20      Fir-rigward tal-provi tal-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet paralleli lejn il-Belġju u l-Lussemburgu, fil-punt 68 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li CD-Contact Data ma setgħatx tallega li l-ittri ċċitati mill-Kummissjoni kienu ġew interpretati ħażin sa fejn, permezz tagħhom, hija riedet sempliċement tiżgura ruħha li l-prezz li kienet tħallas lil Nintendo għall-prodotti inkwistjoni ma kienx għoli wisq. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, minn qari tal-ittri kollha, b’mod partikolari tal-faks tat-12 ta’ Novembru 1997 mibgħuta minn CD-Contact Data lil Nintendo France, kien jirriżulta li dawn kienu jindirizzaw il-kwistjoni tal-prezz tal-prodotti inkwistjoni b’rabta ftit jew wisq diretta mal-eżistenza tal-importazzjonijiet paralleli.

    21      Fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta kkonkludiet li CD-Contact Data pparteċipat fi ftehim li kellu bħala għan li jillimita l-kummerċ parallel u, konsegwentement, caħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn din il-kumpannija fir-rikors tagħha.

     It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22      Activision Blizzard titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata;

    –        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, għall-anqas sa fejn tikkonċernaha;

    –        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ proċeduri.

    23      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

     Fuq l-appell

    24      Insostenn tal-appell tagħha Activision Blizzard tinvoka tliet aggravji, li jikkritikaw l-eżami tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 sa 70 tas-sentenza appellata, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors, li kienet ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

     Fuq l-ewwel aggravju

     L-argumenti tal-partijiet

    25      Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell, Activision Blizzard issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi għamlet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti sabiex tikkonkludi jekk kienx jeżisti ftehim illegali, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, bejn NOE u CD-Contact Data. Dan l-iżball jirriżluta mill-fatt li matul l-eżami tal-provi invokati mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza li teżisti mill-perspettiva tal-effett ġuridiku bejn limitazzjoni tal-kummerċ parallel attiv u limitazzjoni tal-kummerċ parallel passiv.

    26      F’dan ir-rigward Activision Blizzard tenfasizza li l-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u CD-Contact Data kien jipprojbixxi l-kummerċ parallel attiv filwaqt li kien jawtorizza l-kummerċ parallel passiv. Hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonfermat fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, dan il-ftehim huwa perfettament legali fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE.

    27      Fid-dawl tal-projbizzjoni li tidħol fil-kummerċ parallel attiv stipulata fil-ftehim ta’ distribuzzjoni, ma huwiex sorprendenti li CD-Contact Data skambjat informazzjoni ma NOE dwar l-importazzjonijiet paralleli mwettqa fil-Belġju, kif tixhed il-faks mibgħuta minn CD-Contact Data lil Nintendo fit-28 ta’ Ottubru 1997, moqrija flimkien mal-ittri ċċitati fil-premessa 197 tad-deċiżjoni kkontestata.

    28      Sabiex twettaq analiżi ġuridika korretta tal-fatt, il-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina, wara li tistabbilixxi li CD-Contact Data kienet tipparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni dwar l-importazzjonijiet paralleli, jekk l-aġir inkwistjoni kienx jikkonċerna limitazzjoni tal-bejgħ parallel attiv, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni, jew jekk kienx jirrigwarda wkoll limitazzjoni illegali tal-bejgħ parallel passiv. Mingħajr ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim intiż li jmur lil hinn minn restrizzjoni tal-bejgħ attiv, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma setgħatx tasal għall-konklużjoni li CD-Contact Data kienet parti minn ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE.

    29      Minn dan Activision Blizzard tikkonkludi li, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-imsemmija analiżi, hija ma setgħatx tiddeċiedi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement li l-aġir ta’ CD-Contact Data kien intiż sabiex jillimita l-bejgħ passiv.

    30      Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li, minn tal-anqas, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn is-sentenza appellata ma tagħti l-ebda raġuni għaliex id-distinzjoni bejn kummerċ parallel attiv u kummerċ parallel passiv ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

    31      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1983/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva (ĠU L 173, p. 1), li kien applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-każ, jippermetti li d-distributur esklużiv jiġi pprojbit milli jfittex, b’mod attiv, klijenti barra mit-territorju tiegħu u li l-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn CD-Contact Data u Nintendo kien jinkludi tali projbizzjoni ta’ bejgħ attiv li, bħala tali, ma kienx kuntrarju għall-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, hija tenfasizza li l-imsemmi regolament ma japplikax meta l-partijiet jiftehmu li joħolqu sitwazzjoni ta’ protezzjoni territorjali assoluta, li fil-kuntest tagħha d-distributuri esklużivi huma kompletament ipprojbiti milli jbiegħu barra mit-territorju tagħhom jew ibiegħu lil klijenti li għandhom l-intenzjoni li jesportaw. Dan huwa l-każ hawnhekk.

    32      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi billi kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Hija tqis, b’mod partikolari li, peress li l-Qorti Ġenerali kienet stabbilixxiet l-eżistenza tal-ftehim konkluż bejn CD-Contact Data u Nintendo sabiex jillimitaw il-kummerċ parallel bħala tali, kien inutli li hija tiżviluppa iktar il-motivazzjoni tas-sentenza tagħha dwar id-distinzjoni bejn il-bejgħ attiv u l-bejgħ passiv tad-distributuri.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    33      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli teżamina jekk l-aġir ta’ CD-Contact Data, kif espress fil-korrispondenza li fuqha tibbaża d-deċiżjoni kkontestata, kellux l-uniku għan li jillimita l-bejgħ parallel attiv, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn CD-Contact Data u Nintendo, jew jekk dan l-aġir kienx jirrigwarda wkoll limitazzjoni ta’ bejgħ parallel passiv.

    34      Għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet tali eżami u li, konsegwentement, l-imsemmi aggravju ma huwiex ikkorroborata mill-fatti.

    35      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qabel xejn osservat, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-ftehim ta’ distribuzzjoni, ma kienx jinkludi, bħala tali u b’differenza għal ftehim ta’ distribuzzjoni konklużi preċedentement ma’ ċerti distributuri oħrajn ta’ Nintendo, ebda klawżola pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, peress li kien jippermetti lil CD-Contact Data tesporta b’mod passiv.

    36      Fil-punti 54 u 55 tal-imsemmija sentenza hija rrilevat, sussegwentement, li fin-nuqqas ta’ prova dokumentarja diretta tal-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub dwar il-limitazzjoni tal-esportazzjonijiet passivi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq il-korrispondenza skambjata bejn CD-Contact Data, NOE u Nintendo France, iċċitata fid-deċiżjoni kkontestata, kinitx stabbilixxietx suffiċjentement fid-dritt il-parteċipazzjoni ta’ CD-Contact Data fi ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE.

    37      Fl-aħħar nett, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet b’mod espliċitu li l-interpretazzjoni sostnuta mill-appellanti għal dak li jikkonċerna l-faks mibgħuta minn CD-Contact Data lil NOE fit-28 ta’ Ottubru 1997, li tgħid li r-riferiment għall-kwantitajiet limitati ta’ prodotti li CD-Contact Data kellha għad-dispożizzjoni tagħha kellu jiġi kkunsidrat bħala informazzjoni li tikkonċerna l-impossibbiltà materjali tagħha li twettaq bejgħ attiv permezz ta’ grossista stabbilit fil-Belġju, ma setgħatx tiġi a priori miċħuda.

    38      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali evalwat il-provi prodotti mill-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li l-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn CD-Contact Data u Nintendo kien jipprovdi l-projbizzjoni, prima facie legali, ta’ bejgħ parallel attiv u fid-dawl tal-argument ta’ CD-Contact Data, li jgħid li l-kontenut tal-imsemmija faks huwa spjegat minn dan il-fatt.

    39      Jekk fil-punt 69 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat, madankollu, il-parteċipazzjoni ta’ CD-Contact Data fi ftehim illegali, dan huwa minħabba l-fatt li, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-korrispondenza kollha invokata mill-Kummissjoni, mwettqa fil-punti 60 sa 68 tal-imsemmija sentenza, hija waslet għall-konklużjoni li din kienet turi l-eżistenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet bejn CD-Contact Data u Nintendo li kellu l-għan li jillimita mhux biss il-bejgħ attiv, iżda b’mod ġenerali, anki l-kummerċ parallel.

    40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju invokat minn Activision Blizzard għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tieni aggravju

     L-argumenti tal-partijiet

    41      Permezz tat-tieni aggravju Activision Blizzard issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi qieset li mid-dokumenti ċċitati fil-punti 56 sa 68 tas-sentenza appellata kienet tirriżulta rieda li jintlaħaq għan illegali. Hija tirreferi b’mod partikolari għall-faksijiet tal-4 ta’ Settembru 1997 kif ukoll tat-3 u tat-12 ta’ Novembru tal-istess sena, li fihom CD‑Contact Data kienet ilmentat dwar l-esportazzjonijiet li kienu qed isiru lejn il-Belġju bi ksur tad-drittijiet esklużivi li kienu ngħatawlha f’dan it-territorju mill-ftehim ta’ distribuzzjoni, fejn l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-prodotti importati intużat bħala l-mezz ta’ negozjar sabiex jinkiseb l-aħjar prezz tax-xiri mingħand NOE. Il-konklużjoni li dawn id-dokumenti kienu relatati ma’ xi ħaġa oħra minbarra ma’ restrizzjoni legali ta’ bejgħ attiv fit-territorju mogħti esklużivament lil CD‑Contact Data, jew mal-mod kif din tal-aħħar kienet tagħmel pressjoni fuq il-fornitur tagħha sabiex jitnaqqas il-prezz tax-xiri tagħha, tkun kontradizzjoni mal-formulazzjoni tal-imsemmija dokumenti.

    42      F’dan il-kuntest ir-rikorrenti ssostni li mill-faks tat-3 ta’ Novembru 1997 jirriżulta li CD-Contact Data xtaqet tirrapporta eventwali każ ta’ bejgħ attiv fis-suq Belġjan mill-Ġermanja.

    43      Għal dak li jikkonċerna l-faks tat-12 ta’ Novembru 1997 mibgħuta lil Nintendo France, il-kontenut tagħha mkien ma jindika li CD-Contact Data kienet qiegħda tagħmel pressjoni sabiex tillimita l-importazzjonijiet paralleli passivi. Ir-riferiment għal “importazzjonijiet paralleli” timplika, b’mod partikolari, li dawn l-importazzjonijet kienu legali. Barra minn hekk, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364), anki l-fatt li jiġi ostakolat il-bejgħ passiv ta’ Nintendo France kien ġie awtorizzat, peress li din tal-aħħar kienet sussidjarja tal-fornitur.

    44      Il-faks tal-4 ta’ Settembru 1997, sa fejn tista’ tikkostitwixxi prova minkejja l-fatt li kienet intbagħatet fil-perijodu li fih seħħ l-allegat ksur, ma tinkludi ebda prova tal-intenzjoni li jiġi ostakolat il-kummerċ parallel passiv. Għall-kuntrarju ta’ dan, minn din il-faks jirriżulta li CD‑Contact Data kienet pruvat tuża l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-prodotti importati bħala mezz ta’ negozjar sabiex tikseb prezz aħjar min-naħa ta’ NOE.

    45      L-appellanti tqis li l-Kummissjoni qed tipprova tinverti l-oneru tal-prova billi ssostni li dawn id-dokumenti ma kinux jistabillixxu li l-awturi tagħhom kienu jagħmlu distinzjoni bejn bejgħ attiv u bejgħ passiv, bħallikieku kienet CD-Contact Data li kellha tipproduċi l-prova li kienet aġixxiet f’konformità mal-Artikolu 81 KE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429), li l-inverżjoni tal-oneru tal-prova ma kinitx permessa f’dan ir-rigward.

    46      Barra minn hekk, l-appellanti tfakkar li għall-kuntrarju tal-kuntratti preċedenti konklużi bejn Nintendo u partijiet oħrajn li effettivament irrikonoxxew li pparteċipaw fis-sistema illegali, il-ftehim ta’ distribuzzjoni ffirmat minn CD-Contact Data kien konformi mar-riżultati tad-diskussjonijiet li kienu seħħew bejn Nintendo u l-Kummissjoni u kien jipprojbixxi biss il-bejgħ attiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqs ta’ prova kuntrarja, ma jistax jiġi preżunt li CD‑Contact Data kienet interpretat dan il-ftehim biss bħala wieħed li jipprojbixxi li prodotti jiġu offruti b’mod attiv fit-territorji mogħtija lil distributuri oħrajn u vice versa. Barra minn hekk, l-azzjonijiet meħuda minn CD-Contact Data kienu konformi ma’ din l-interpretazzjoni. Għaldaqstant, CD-Contact Data ffaċilitat bejgħ passiv fi Franza filwaqt li informat lil NOE bl-eżistenza ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv li tinsab fil-ftehim ta’ distribuzzjoni.

    47      Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat peress li l-appellanti ma ssostni l-ebda element li jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali kienet żnaturat is-sens manifest tal-provi prodotti.

    48      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-ebda wieħed mit-tliet dokumenti ċċitati mill-appellanti, jiġifieri l-faksijiet tal-4 ta’ Settembru 1997 kif ukoll tat-3 u tat-12 ta’ Novembru tal-istess sena, ma jinkludi elementi li jistabbilixxu li l-awturi tagħhom kienu jagħmlu distinzjoni bejn bejgħ attiv u bejgħ passiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma qratx dawn id-dokumenti billi iżolathom mill-kuntest tagħhom, iżda kkunsidrat il-provi kollha kemm huma. Mill-korrispondenza inkwistjoni, meta eżaminata globalment, jirriżulta li CD-Contact Data kienet ipparteċipat f’sistema ta’ informazzjoni intiża sabiex tirrapporta l-importazzjonijiet paralleli kollha, u għaldaqstant tikkonferma li din il-kumpannija kienet aderixxiet ma’ ftehim intiż sabiex jillimita l-kummerċ parallel bħala tali.

    49      Skont il-Kummissjoni, għandu jitqies il-kuntest li jagħmel parti minnu l-iskambju ta’ informazzjoni stabbilit bejn CD-Contact Data u Nintendo. Anki minn qabel l-adeżjoni ta’ CD-Contact Data man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ Nintendo, din tal-aħħar u wħud mid-distributuri tagħha kienu implementaw sistema intiża li ttejjeb il-protezzjoni mogħtija lid-distributuri esklużivi sabiex jilħqu stat ta’ protezzjoni territorjali assoluta, fejn is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-kummerċ parallel kienet element essenzjali. Barra minn hekk, Nintendo żammet l-istess aġir illegali għalkemm hija kienet taf bl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    50      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, tal-faksijiet tal-4 ta’ Settembru 1997 kif ukoll tat-3 u tat-12 ta’ Novembru tal-istess sena, mibgħuta minn CD-Contact Data lil NOE u lil Nintendo France, rispettivament.

    51      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza la li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u meta l‑prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservat, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

    52      F’dan il-każ, l-appellanti ssostni, b’mod suffiċjentement iddettaljat, li l-evalwazzjoni tal-imsemmija faksijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali tikkontradixxi l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju huwa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ammissibbli.

    53      Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54; Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

    54      Issa, għalkemm huwa possibbli li l-faksijiet inkwistjoni jiġu interpretati fis-sens li l-appellanti tipproponi, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni li hija tissuġġerixxi ma hijiex l-unika waħda li tista’ tingħata lit-test ta’ dawn il-faksijiet u li mil-evalwazzjoni differenti li l-Qorti Ġenerali għamlet ta’ dawn tal-aħħar ma jirriżulta ebda żnaturament tal-kontenut tagħhom. B’mod partikolari, l-argument żviluppat mill-appellanti insostenn tat-tieni aggravju tagħha ma juri l-ebda ineżattezza materjali fl-interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-imsemmija faksijiet.

    55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li, bil-kontra ta’ dak li tidher tissuġġerixi l-appellanti, mill-faks tat-3 ta’ Novembru 1997 imkien ma jirriżulta b’mod manifest li, permezz ta’ dan tal-aħħar CD‑Contact Data xtaqet biss tirrapporta każ ta’ bejgħ attiv imwettaq minn distributur ieħor ta’ Nintendo, bi ksur tal-ftehim ta’ distribuzzjoni.

    56      Fir-rigward tal-faksijiet tal-4 ta’ Settembru u tat-12 ta’ Novembru 1997, l-appellanti essenzjalment tikkontesta l-forza probatorja tagħhom, billi ssostni li minn dawn ma jirriżultax b’mod suffiċjentement ċar li huma kellhom għan illegali, mingħajr madankollu ma rnexxielha turi li s-sens mogħti mill-Qorti Ġenerali lil dawn il-faksijiet jikkontradixxi, b’mod evidenti, il-kontenut tagħhom.

    57      Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa dan l-aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-imsemmija faksijiet, huwa limitat għall-verifikazzjoni li, billi kkonstatat abbażi tagħhom il-parteċipazzjoni ta’ CD-Contact Data fi ftehim illegali intiż sabiex jirrestrinġi l-kummerċ parallel inġenerali, il-Qorti Ġenerali ma marritx manifestament lil hinn mill-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-faksijiet. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex tevalwa b’mod awtonomu jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx suffiċjentement fid-dritt tali parteċipazzjoni u b’hekk ħelset mill-oneru tal-prova li kellha sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda li tiddetermina jekk, billi kkonkludiet li dan kien effettivament il-każ, il-Qorti Ġenerali interpretatx l-imsemmija faksijiet b’mod li huwa manifestament kuntrarju għall-kliem tagħhom, u dan ma huwiex il-każ.

    58      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tielet aggravju

     L-argumenti tal-partijiet

    59      Permezz tat-tielet aggravju, Activision Blizzard issostni li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dokumenti ċċitati fil-punti 56 sa 68 tas-sentenza appellata jmorru lil hinn minn restrizzjoni legali tal-kummerċ attiv, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li dawn id-dokumenti kienu jikkostitwixxu prova siffiċjenti tal-eżistenza ta’ ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, konkluż bejn CD-Contact Data u NOE. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali ftehim jirrikjedi, l-ewwel nett, politika unilaterali adottata minn NOE b’għan antikompetittiv, f’għamla ta’ stedina impliċita jew espressa għat-tfittxija komuni ta’ tali għan, indirizzata lil CD-Contact Data u, it-tieni nett, minn tal-anqas, il-kunsens taċitu ta’ din tal-aħħar. Issa, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali applikat dawn il-kriterji b’mod żbaljat jew, minn tal-anqas, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigwad.

    60      Fir-rigward tal-ewwel kriterju invokat, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha, li tgħid li Nintendo kienet adottat, b’mod unilaterali, politika intiża sabiex timponi fuq CD-Contact Data l-obbligu li tostakola l-bejgħ parallel, fuq is-sempliċi fatt li Nintendo kienet żviluppat, matul is-sena 1991, sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bl-għan li tikkontrolla l-importazzjonijiet paralleli passivi. L-appellanti ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif Nintendo imponiet din il-politika illegali fuq CD-Contact Data billi stiednet lil din tal-aħħar tipparteċipha fiha.

    61      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina kwistjonijiet rilevanti bħan-nuqqas ta’ provi ċari rigward l-impożizzjoni ta’ din il-politika minn Nintendo fuq CD-Contact Data, in-nuqqas ta’ sistema ta’ sorveljanza u ta’ multi imposti fuq CD-Contact Data, id-differenza bejn il-kliem tal-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż bejn Nintendo u CD‑Contact Data u l-ftehim preċedenti konklużi bejn distributuri oħrajn u, fl-aħħar nett, il-fatt li r-relazzjonijiet bejn Nintendo u d-distributuri esklużivi tagħha kien ilhom sentejn jiġu ssorveljati mill-qrib mill-Kummissjoni, minn meta CD-Contact Data kienet saret distributur ta’ Nintendo. Minn dawn il-fatturi jirriżulta li ma huwiex probabbli wisq li Nintendo stiednet lil CD-Contact Data sabiex tipparteċipa fis-sistema illegali ta’ skambju ta’ informazzjoni u li hija applikat din is-sistema bl-istess mod kif kienet għamlet fir-relazzjonijiet tagħha mad-distributuri l-oħrajn.

    62      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kriterju invokat, Activision Blizzard tqis li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx b’mod korrett li CD-Contact Data kienet tat il-kunsens tagħha għall-politika adottata b’mod unilaterali minn Nintendo.

    63      L-appellanti tqis, b’mod partikolari, li fil-punt 67 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-fatt li CD-Contact Data kienet, fil-prattika, ipparteċipat fil-kummerċ parallel passiv billi esportat prodotti intiżi għal klijenti li jinsabu barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu ma kienx tali li jikkonfuta l-eżistenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet. Billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar il-ftehim orizzontali, jiġifieri s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni (T‑62/02, Ġabra p. II‑5057), il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każ ta’ ftehim vertikali, esportazzjonijiet bħal dawn jistgħu jimminaw il-kunsens tad-distributur għal politika illegali tal-fornitur intiża sabiex tostakola l-kummerċ parallel.

    64      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-fatturi li jikkostitwixxu provi suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ftehim orizzontali ma jistgħux, f’kull ċirkustanza, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu wkoll provi suffiċjenti tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ftehim vertikali, b’mod partikolari, peress li l-qbil tal-intenzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq il-kunsens taċitu għal politika adottata b’mod unilaterali.

    65      L-ewwel nett, bil-kontra ta’ kuntatti bejn kompetituri, il-kuntatti bejn il-fornituri u d-distributuri li jikkonċernaw il-prattiki kummerċjali huma, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva, normali u saħansitra neċessarji. It-tieni nett, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet vertikali, il-ftehim intiż sabiex jirrestringu l-kompetizzjoni ma humiex neċessarjament konklużi fl-interess tad-distributur. It-tielet nett, bid-differenza ta’ relazzjoni bejn kompetituri, f’relazzjoni vertikali, id-distributuri jiddependu fuq il-kunsinni tal-fornitur tagħhom u, konsegwentement, huma f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbla miegħu, u dan jagħmilha iktar diffiċli għal dawn id-distributuri li jidisassoċjaw ruħhom, b’mod miftuħ, mal-politika adottata mill-fornituri tagħhom.

    66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li distributur ma jiddisassoċjax ruħhu b’mod miftuħ mill-politika mmexxija mill-fornitur tiegħu ma jistax jitqies malajr wisq bħala l-kunsens tiegħu għal ftehim, b’mod partikolari jekk jista’ jiġi ppruvat li, fil-prattika, dan id-distributur ma aġixxix f’konformità max-xewqat tal-imsemmi fornitur.

    67      Il-Kummissjoni tqis li ma hemm xejn fit-Trattat KE u lanqas fil-ġurisprudenza li jsostni l-argument li jgħid li l-kawżi li jinvolvu ftehim vertikali jeħtieġu, sabiex jiġi stabbilit qbil tal-intenzjonijiet, livell ta’ prova differenti minn dak meħtieġ fil-kawżi li jinvolvu ftehim orizzontali. Id-distinzjoni bejn ftehim orizzontali u ftehim vertikali hija rilevanti sabiex jiġu evalwati l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, iżda hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat dak li jikkostitwixxi qbil tal-intenzjonijiet.

    68      Skont il-Kummissjoni, l-ebda waħda mit-tliet raġunijiet invokati mill-appellanti sabiex tiġġustifika li l-Qorti Ġenerali kellha tagħmel id-distinzjoni li hija tissuġġerixxi ma hija konvinċenti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li kien hemm ftehim minħabba li CD‑Contact Data u Nintendo kellhom xi kuntatti, iżda peress li l-kontenut tad-dokumenti msemmija fil-punti 56 sa 66 tas-sentenza appellata kien juri qbil tal-intenzjonijiet intiż sabiex jirristrinġi l-kummerċ parallel. It-tieni nett, il-ftehim antikompetittivi vertikali li jirristrinġu l-kummerċ parallel jistgħu, l-istess bħal ftehim antikompetittivi orizzontali, jkunu ta’ vantaġġ għall-parteċipanti f’dawn il-ftehim, anki jekk dawn il-parteċipanti kollha ma josservawhx. It-tielet nett, huwa diffiċli li wieħed jasal jifhem kif huwa iktar diffiċli li wieħed jiddissasoċja ruħu minn aġir antikompetittiv fil-kuntest ta’ relazzjoni vertikali milli fil-kuntest ta’ relazzjoni orizzontali.

    69      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi u mmotivat suffiċjentement is-sentenza tagħha meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet suffiċjentement fid-dritt l-eżistenza ta’ ftehim bejn CD-Contact Data u Nintendo intiż sabiex jirristrinġi l-kummerċ parallel. Barra minn hekk, hija tqis li l-appellanti tippreżenta argument li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti, u dan huwa inammissibbli.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    70      Permezz tat-tielet aggravju, Activision Blizzard prinċiparjament issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li d-dokumenti invokati mill-Kummissjoni kienu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE bejn CD-Contact Data u Nintendo. Hija takkuża b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx b’mod korrett, għall-kuntest preżenti ta’ relazzjoni vertikali, il-ġurisprudenza li tgħid li l-konklużjoni ta’ tali ftehim jippreżumi, minn naħa, l-istedina impliċita jew espressa minn waħda mill-partijiet għat-tfittxija konġunta ta’ għan antikompetittiv u, min-naħa l-oħra, l-kunsens, minn tal-anqas taċitu, tal-parti l-oħra. Sussidjarjament, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata.

    71      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li tissuġġerixxi l-appellanti, il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv fil-kuntest ta’ relazzjoni vertikali ma huwiex, bħala prinċipju, ogħla minn dak meħtieġ fil-kuntest ta’ relazzjoni orizzontali.

    72      Għalkemm huwa ċertament minnu li elementi, li jistgħu, skont il-każ, jippermettu li, fil-kuntest ta’ relazzjoni orizzontali, tinstab l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv bejn kompetituri, jistgħu ma jirriżultawx adegwati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ftehim fil-kuntest ta’ relazzjoni vertikali bejn il-produttur u d-distributur peress li, f’tali relazzjoni, ċerti skambji huma legali. Madankollu, xotra jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ ftehim illegali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku partikolar ta’ kull każ. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk prova tippermettix jew le li tiġi stabbilita l-konklużjoni ta’ ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE ma tistax tiġi deċiża b’mod astratt skont jekk tirrigwardax relazzjoni vertikali jew relazzjoni orizzontali, billi dan l-element jiġi iżolat mill-kuntest u mill-fatturi l-oħra li jikkaratterizzaw il-każ partikolari.

    73      F’dan il-każ, mill-punt 55 tas-sentenza appellata jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali analizzat il-korrispondenza li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi ddeterminat jekk din turix l-eżistenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet bejn CD-Contact Data u Nintendo bl-għan li jiġi llimitat il-kummerċ parallel. Huwa abbażi ta’ evlawazzjoni ta’ din il-korrispondenza kollha u tal-kuntest li tinsab fih li l-Qorti Ġenerali wasslet għall-konklużjoni li tali qbil tal-intenzjonijiet kien effettivament jeżisti.

    74      Issa, mill-eżami tal-argumenti invokati mill-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tagħha ma jirriżulta ebda żball ta’ liġi f’din l-evalwazzjoni.

    75      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-evalwazzjoni tal-punt jekk Nintendo kinitx stiednet, b’mod espliċitu jew impliċitu, lil CD-Contact Data għal kollaborazzjoni sabiex jiġi ostakolat il-kummerċ parallel, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tibbażax biss ruħha, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, fuq il-fatt li fis-snin disgħin Nintendo kienet żviluppat sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni sabiex tillimita l-kummerċ parallel, iżda prinċipalment fuq il-fatt li l-korrispondenza skambjata bejn NOE, Nintendo France u CD-Contact Data kienet turi li din il-kumpannija tal-aħħar kienet integrat l-imsemmija sistema, u dan neċessarjament jippreżumi stedina f’dan is-sens min-naħa ta’ Nintendo.

    76      L-appellanti lanqas ma tista’ b’mod utli takkuża lill-Qorti Ġenerali li naqset milli teżamina fatturi rilevanti fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ tali stedina.

    77      Qabel xejn, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ sistema ta’ sorveljanza u ta’ sanzjonijiet ma huwiex neċessarju f’kull każ sabiex ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE jitqies bħala konkluż (ara f’dan is-sens, b’mod paritkolari, is-sentenza tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 84).

    78      Sussegwentement, mill-punt 52 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kuntrarju tal-ftehim ta’ distribuzzjoni preċedenti konklużi minn Nintendo ma’ distributuri oħrajn, il-ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ CD-Contact Data ma jinkludi ebda klawżola pprojbita.

    79      Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti ssostni li l-korrispondenza analizzata mill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix prova suffiċjentement ċara u sa fejn in-nuqqas ta’ sistema ta’ sorveljanza, id-differenza bejn il-ftehim ta’ distribuzzjoni ta’ CD-Contact Data u dawk konklużi preċedentement, kif ukoll is-sorveljanza mill-Kummissjoni tar-relazzjonijiet bejn Nintendo u d-distributuri tagħha sa mis-sena 1995 jagħmluha improbabbli ħafna li Nintendo stiednet lil CD-Contact Data tipparteċipa f’sistema illegali ta’ skambju ta’ informazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti sempliċement tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, l-imsemmi argument huwa, skont il-ġurisprudenza ċċitatat fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, inammissibbli.

    80      Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk CD-Contact Data tatx il-kunsens, minn tal-anqas taċitu, tagħha għall-istedina li saritilha minn Nintendo sabiex tipparteċipa fi ftehim intiż sabiex jirristrinġi l-kummerċ parallel, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li, b’mod partikolari mill-punti 59 sa 66 tas-sentenza appellata jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jidher li tissuġġerixxi l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx l-eżistenza ta’ tali kunsens min-nuqqas ta’ protesti min-naħa ta’ CD-Contact Data kontra l-politika antikompetittiva ta’ Nintendo, iżda mill-korrispondenza invokata mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, mill-fatt li l-faksijiet tal-4 ta’ Settembru 1997 kif ukoll tat-3 u tat-12 ta’ Novembru tal-istess sena, mibgħuta minn CD-Contact Data lil NOE jew lil Nintendo France rispettivament, kellhom l-għan li jirrapportaw importazzjonijiet paralleli mwettqa fil-Belġju, territorju mogħti lil CD‑Contact Data.

    81      Sussegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi billi fil-punt 67 tas-sentenza appellata kkonkludiet li l-fatt li CD-Contact Data kienet, fil-prattika, ipparteċipat f’kummerċ parallel passiv billi esportat prodotti lil klijenti li jinsabu barra mill-Belġju u mil-Lussemburgu ma kienx tali li jikkonfuta l-eżistenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet.

    82      Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament minnu li dan il-fatt jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi rilevanti li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-eventwali kunsens ta’ CD-Contact Data għall-istedina ta’ Nintendo, xorta jibqa l-fatt li dan ma huwiex, waħdu, deċiżiv u li ma jistax jeskludi mill-ewwel l-eżistenza ta’ tali kunsens. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, distributur esklużiv jista’ jkollu interess mhux biss li jilħaq ftehim mal-produttur sabiex jillimita l-kummerċ parallel bl-għan li jiġi protett iktar it-territorju ta’ distribuzzjoni tiegħu, iżda wkoll li jagħmel, b’mod sigriet, bejgħ li jmur kontra dan il-ftehim sabiex jipprova juża l-istess ftehim għall-vantaġġ esklużiv tiegħu. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li minn evalwazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha u b’mod paritkolari tal-korrispondenza invokata mill-Kummissjoni, moqrija fil-kuntest speċifiku ta’ dan il-każ, jirriżulta li CD-Contact Data kienet effettivament aċċettat l-istedina ta’ Nintendo sabiex jikkollaboraw flimkien bl-għan li jillimitaw il-kummerċ parallel.

    83      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tan-natura ambigwa tal-imsemmija korrispondenza u tal-fatt li CD-Contact Data kienet wettqet esportazzjonijiet sinjifikattivi, kellha tasal għall-konklużjoni li ma kienx ġie stabbilit il-kunsens ta’ CD-Contact Data għall-politika antikompetittiva ta’ Nintendo, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, dan huwa inammissibbli peress li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali.

    84      Sa fejn sussidjarjament l-appellanti tinvoka insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża. Il‑motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑266/06 P, punt 103, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    85      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li s-sentenza appellata kienet suffiċjentement immotivata sabiex tippermetti, minn naħa, lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-appellanti li ssir taf bir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li hija kienet ipparteċipat fi ftehim li kellu l-għan li jillimita l-kummerċ parallel.

    86      Konsegwentement, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    87      Peress li l-ebda wieħed mit-tliet aggravi ppreżentati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż

    88      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Activision Blizzard tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Activision Blizzard Germany GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top