Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0248

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-29 ta' Lulju 2010.
    Pakora Pluss SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās tiesas Senāts Administratīvo lietu departaments - il-Latvja.
    Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea - Unjoni doganali - Miżuri tranżitorji - Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali - Merkanzija li fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja kienet qegħda tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità estiża - Formalitajiet tal-esportazzjoni - Dazji fuq l-importazzjoni - VAT.
    Kawża C-248/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07701

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:457

    Kawża C-248/09

    Pakora Pluss SIA

    vs

    Valsts ieņēmumu dienests

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts Administratīvo lietu departaments)

    “Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea — Unjoni doganali — Miżuri tranżitorji — Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali — Merkanzija li fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja kienet qiegħda tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità mkabbra — Formalitajiet tal-esportazzjoni — Dazji fuq l-importazzjoni — VAT”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Unjoni doganali — Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali — Att ta’ Adeżjoni tal-2003

    (Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, Kapitolu 5, Punt 1; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 448)

    2.        Unjoni doganali — Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali — Att ta’ Adeżjoni tal-2003

    (Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, Kapitolu 5, Punt 1; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93)

    3.        Unjoni doganali — Dazji fuq l-importazzjoni — Portata — Taxxa fuq il-valur miżjud

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 4(10); Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388, Artikoli 2(2), 11 B(3)(a), u 21(2))

    1.        Peress li l-merkanziji kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, tapplika l-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, bl-esklużjoni tal-proċeduri doganali oħra. Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din, peress li l-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni hija eżawrjenti, l-Artikolu 448 tar-Regolament 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2787/2000 li jirrigwarda l-proċeduri ssimplifikati għat-trasport bil-baħar bejn l-Istati Membri, ma japplikax fil-kuntest tal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità. Konsegwentement, l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament għall-Implementazjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-formalitajiet tal-esportazzjoni msemmija fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, inkluż meta ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija mill-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni ġewx ikkompletati, ma huwiex rilevanti jekk l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament Nru 2454/93 kinux imwettqa, anki fil-każ fejn ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija.

    (ara l-punti 32-35, u d-dispożittiv 1)

    2.        Ir-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97 u r-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2787/2000, japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma jista’ jiġi invokat il-benefiċċju tal-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, meta l-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ma ġewx ikkompletati għal merkanziji li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea.

    (ara l-punt 41, u d-dispożittiv 2)

    3.        L-Artikolu 4(10) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha tinġabar fuq l-importazzjoni tal-oġġetti. Barra minn hekk, peress li t-taxxa fuq il-valur miżjud trid titħallas fuq merkanzija importata, l-obbligu li titħallas din it-taxxa jaqa’ fuq il-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

    (ara l-punti 47, 49, 52, u d-dispożittivi 3, 4)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    29 ta’ Lulju 2010 (*)

    “Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – Unjoni doganali – Miżuri tranżitorji – Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali – Merkanzija li fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja kienet qiegħda tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità mkabbra – Formalitajiet tal-esportazzjoni – Dazji fuq l-importazzjoni – VAT”

    Fil-Kawża C‑248/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts Administratīvo lietu departaments (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

    Pakora Pluss SIA

    vs

    Valsts ieņēmumu dienests,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, M. Ilešič, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Pakora Pluss SIA, minn I. Petrova, membru tal-bord tad-diretturi,

    –        għal Valsts ieņēmumu dienests, minn D. Jakāns, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drēviņa u K. Krasovska, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Sauka u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), tal-Artikolu 448 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2787/2000, tal-15 ta’ Diċembru 2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament għall-implementazzjoni”, kif ukoll tal-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pakora Pluss SIA (iktar ’il quddiem “Pakora Pluss”) u Valsts ieņēmumu dienests (l-Awtorità fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar il-ħlas tad-dazji doganali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), li din il-kumpannija ġiet suġġetta għalihom minħabba l-importazzjoni bil-baħar, fit-3 ta’ Mejju 2004, ta’ vettura bil-mutur, mill-Ġermanja lejn il-Latvja.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

     Il-Kodiċi Doganali

    3        Skont l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali, “Dazji fuq l-importazzjoni” tfisser:

    “–      dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija,

    –        ħlasijiet fuq l-importazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta’ l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli.”

    4        L-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

    “Ħelsien għal ċirkolazzjoni libera jagħti lil merkanzija mhux tal-Komunità l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Komunità.

    Dan għandu jinvolvi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, kompletar ta’ formalitajiet oħra stipulati fir-rigward ta’ importazzjoni ta’ merkanzija u l-impożizzjoni ta’ kull dazju legalment dovut.”

    5        L-Artikolu 161 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

    “1.      Il-proċedura ta’ l-esportazzjoni għandha tippermetti li merkanziji tal-Komunità jħallu t-territorju doganali tal-Komunità.

    L-esportazzjni għandha tinvolvi l-applikazzjoni ta’ formalitajiet tal-ħruġ inklużi miżuri ta’ politika kummerċjali u, fejn huwa xieraq, dazji fuq l-esportazzjoni.

    2.      Bl-eċċezzjoni ta’ merkanziji mqiegħda taħt il-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ jew proċedura tal-ġarr skond l-Artikolu 163, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 164, il-merkanziji kollha tal-Komunità maħsuba għall-esportazzjoni għandhom jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ l-esportazzjoni.

    […]

    4.      Il-każ li fih u l-kondizzjonijiet li taħthom il-merkanziji li jkunu ħerġin mit-territorju doganali tal-Komunità ma jkunux soġġetti għal dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura tal-kumitat.

    5.      Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali responsabbli għas-sorveljanza tal-post fejn l-esportatur huwa stabbilit jew fejn il-merkanziji ġew ippakkjati jew mgħobbija għall-ġarr fuq vapur. Derogi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.”

    6        L-Artikolu 162 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

    “Il-ħelsien għall-esportazzjoni għandu jingħata bil-kondizzjoni li l-merkanziji kkonċernati jħallu t-territorju doganali tal-Komunità fl-istess kondizzjoni bħal meta d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni ġiet aċċettata.”

     Ir-Regolament għall-implementazzjoni

    7        Skont l-Artikolu 448 tar-regolament għall-implementazzjoni:

    “1.      Kumpannija ta’ imbarkazzjoni tista’ tkun awtorizzata li tuża manifest waħdieni bħala dikjarazzjoni ta’ transitu kemm-il darba hija topera numru sinifikanti ta’ vjaġġi regolari bejn l-Istati Membri (proċedura simplifikata - livell 2).

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 373(1)(a), kumpanniji ta’ imbarkazzjoni m’humiex meħtieġa li jkunu stabbiliti fil-Komunità kemm-il darba jkollhom UFFIĊĊJU reġjonali hemm.

    2.      Malli jirċievu applikazzjoni għal awtoriżazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra li fit-territorju tagħhom jkun hemm il-portijiet tat-tluq u tad-destinazzjoni.

    Sakemm ebda oġġezzjoni ma tkun riċevuta fi żmien sittin jum mid-data tan-notifikazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom joħorġu l-awtoriżazzjoni.

    Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha konċernati u tapplika biss għal operazzjonijiet ta’ transitu fil-Komunità bejn il-portijiet li tirreferi għalihom.

    3.      Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, il-kumpannija ta’ imbarkazzjoni tista’ tuża manifest waħdieni għall-oġġetti kollha mġorrin; fejn din tagħmel dan, hija għandha ddaħħal kontra l-partiti [l-artikoli] rilevanti fil-manifest:

    a)      is-simbolu “T1” fejn l-oġġetti huma mqiegħda taħt proċedura esterna ta’ transitu tal-Komunità;

    b)      is-simbolu “TF” fejn l-oġġetti huma mqiegħda taħt proċedura nterna ta’ transitu tal-Komunità skond l-Artikolu 340c(1);

    ċ)      l-ittri “TD” għal oġġetti diġà mqiegħda taħt proċedura ta’ transitu, jew mġorrin taħt l-ipproċessar internmagazzinaġġ doganali [il-proċedura ta’ pproċessar intern, ta’ maħżen doganali] jew proċedura ta’ ammissjoni temporanja. F’dawk każijiet, il-kumpannija ta’ imbarkazzjoni għandha iddaħħal ukoll l-ittri “TD” fid-dokument ta’ imbarkazzjoni korrispondenti jew dokument kummerċjali ieħor xieraq kif ukoll bħala riferenza għall-proċedura wżata, in-numru tar-riferenza u d-data tad-dikjarazzjoni ta’ transitu jew d-dokument tat-trasferiment u l-isem ta’ l-UFFIĊĊJU li ħarġu;

    d)      l-ittra “Ċ” (ekwivalenti għal “T2L”) għal oġġetti li l-istatus tal-Komunità tagħhom jista’ jiġi ppruvat;

    e)      l-ittra “X” għal oġġetti tal-Komunità li għandhom ikunu esportati u li ma kinux mqiegħda taħt proċedura ta’ transitu.

    Il-manifest għandu ukoll jinkludi l-informazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 447(4).

    4.      Il-proċedura ta’ transitu tal-Komunità għandha tkun ikkunsidrata magħluqa meta l-manifest u l-oġġetti jkunu ppresentati lill-awtoritajiet doganali fil-port tad-destinazzjoni.

    Ir-rekords miżmuma mill-kumpannija ta’ imbarkazzjoni skond l-Artikolu 373(2)(b) għandu jkun fihom ta’ l-inqas l-informazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3.

    Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet doganali fil-port tad-destinazzjoni għandhom jittrasmettu d-dettalji rilevanti tal-manifesti lill-awtoritajiet doganali fil-port tat-tluq għall-verifika.

    5.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 365 u 366, l-Artikoli 450a sa 450d u t-Titolu VII tal-Kodiċi, għandhom isiru n-notifikazzjonijiet li ġejjin:

    a)      il-kumpannija ta’ imbarkazzjoni għandha tinnotifika lill-awtoritajiet doganali bl-offiżi u bl-irregolaritajiet kollha;

    b)      l-awtoritajiet doganali fil-port tad-destinazzjoni għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet doganali fil-port tat-tluq u lill-awtorità li ħarġet l-awtorizzazzjoni bl-offiżi u l-irregolaritajiet kollha ma’ l-ewwel opportunità.”

     L-Att ta’ Adeżjoni

    8        L-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

    “Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”

    9        Skont l-Artikolu 22 tal-Att ta’ Adeżjoni:

    “Il-miżuri mniżżla fl-Anness IV ta’ dan l-Att għandhom ikunu applikati skond il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.”

    10      L-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni”. Il-Kapitolu 5a tal-imsemmi anness intitolat “L-Unjoni Doganali” jipprovdi li:

    “[…] [Il-Kodiċi Doganali u r-Regolament għall-implementazzjoni] għandhom japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda skond id-disposizzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

    1.      Minkejja l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, merkanzija li fid-data ta’ l-adeżjoni tinsab maħżuna temporanjament jew taħt xi waħda mit-trattamenti jew il-proċeduri tad-dwana li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(15)(b) u (16)(b) sa (g) ta’ dak ir-Regolament fil-Komunità mkabbra, jew li tkun qed tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità imkabbra wara li tkun għaddiet mill-formalitajiet ta’ l-esportazzjoni, għandha tkun meħlusa mid-dazji doganali u miżuri doganali oħra meta titħalla tiċċirkola b’mod liberu sakemm tiġi ppreżentata xi waħda min dawn li ġejjin:

    a)      prova ta’ oriġini preferenzjali maħruġa kif suppost, qabel id-data ta’ l-adeżjoni, taħt xi wieħed mill-Ftehim ta’ l-Ewropa (imniżżlin hawn taħt) jew il-ftehim preferenzjali ekwivalenti milħuq bejn l-Istati Membri l-ġodda bejniethom, u li jipprojbixxi r-radd lura jew l-eżenzjoni mid-dazji doganali fuq materjal mhux oriġinarju użat fil-manifattura tal-prodotti li għalihom hija maħruġa jew magħmula prova ta’ oriġini (regola “li ma hemmx radd lura”);

    b)      xi waħda mill-provi ta’ status Komunitarju li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 314 ċ u 315 tar-Regolament (KEE) Nru. 2454/93.

    […]”

     Is-Sitt Direttiva

    11      Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) abrogat u ssostitwiet, mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti dwar il-VAT, jiġifieri s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). Madankollu, id-Direttiva 2006/112, li daħlet fis-seħħ wara li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, ma tapplikax.

    12      L-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), jipprovdi li l-importazzjoni tal-oġġetti hija suġġetta għall-VAT.

    13      L-Artikolu 7(1)(a) tas-Sitt Direttiva, intitolat “Importazzjoni”, jipprovdi li:

    “1.      ‘Importazzjoni ta’ merkanzija’ tfisser:

    a)      id-dħul fil-Komunità ta’ merkanzija li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea [...]”

    14      L-Artikolu 11B (3)(a) tas-Sitt Direttiva dwar l-importazzjoni tal-oġġetti jipprovdi li:

    “3.      L-ammont taxxabbli irid ikun fih, sakemm mhux diġa qegħdin fih:

    a)      taxxi, dazji, levi u spejjeż dovuti oħrajn barra mill-Istat Membru li qed jimporta u dawk dovuti minħabba importazzjoni, minbarra [l-VAT] li trid [tinġabar];

    […]”

    15      L-Artikolu 21(2) tas-Sitt Direttiva, intitolat “Persuni responsabbli biex iħallsu t-taxxa lill-awtoritajiet”, jipprovdi li l-VAT hija dovuta, fuq l-importazzjoni, mill-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    16      Skont il-punt 3 tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (likums par pievienotās vērtības nodokļi, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 49), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), l-importazzjonijiet tal-merkanziji huma tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT fil-kuntest ta’ attivitajiet ekonomiċi.

    17      L-Artikolu 2(8) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li:

    “Matul tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ merkanzija, il-valur taxxabbli huwa l-valur doganali tal-merkanziji, il-valur tas-servizzi tat-trasport mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea sad-destinatarju tagħhom (jew sal-ewwel lok ta’ trasbord fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja indikat fid-dokumenti mehmuża magħhom), id-dażji doganali, id-dazji tas-sisa u taxxi u ħlasijiet oħrajn dovuti, meta dawn ikunu previsti minn atti leġiżlattivi speċifiċi, minbarra l-[VAT] u dan jinkludi wkoll il-valur tas-servizzi msemmija fl-ewwel parti tal-Artikolu 7(2) ta’ din il-liġi, jekk dan il-valur ma jkunx inkluz fil-valur doganali.

    […]”

    18      L-Artikolu 12(2) tal-Liġi dwar il-VAT, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-irkupru tat-taxxa, jipprovdi:

    “Matul l-importazzjoni ta’ merkanziji, it-taxxa hija dovuta minn kull persuna li tirrilaxxa l-merkanziji għaċ-ċirkolazzjoni libera. It-taxxa fuq il-merkanziji importati hija dovuta meta d-dazji doganali huma dovuti wkoll.”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-30 ta’ April 2004, ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija fil-Ġermanja għat-trasport bil-baħar ta’ vettura bil-mutur lejn il-Latvja. Rata tal-VAT ta’ 0 % ġiet applikata għal din l-operazzjoni fil-Ġermanja.

    20      Fit-3 ta’ Mejju 2004, Pakora Pluss issottomettiet lill-imsemmija vettura għall-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju fil-kapaċità ta’ debitur prinċipali. Il-proċedura doganali ma ntemmitx.

    21      Fl-1 ta’ Marzu 2006, permezz ta’ deċiżjoni tal-Valsts ieņēmumu dienesta galvenā muitas pārvalde (Direttorat Ġenerali tad-Dwana tal-VID), Pakora Pluss ġiet ikkundannata tħallas lit-Teżor Pubbliku somma minħabba d-dażji doganali u taxxi oħra għar-raġuni li ma kinitx ippreżentat dokumenti li jiċċertifikaw it-tlestija tal-proċedura doganali. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-VID fil-21 ta’ April 2006.

    22      Permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 2007, l-Administratīvā rajona tiesa (Qorti Amministrattiva Distrettwali) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Pakora Pluss kontra din id-deċiżjoni.

    23      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2008, l-Administratīvā apgabaltiesa (Qorti Amministrattiva Reġjonali) annullat din is-sentenza.

    24      Pakora Pluss appellat fuq punt ta’ liġi quddiem l-Augstākās tiesas Senāts Administratīvo lietu departaments (Diviżjoni tal-każijiet amministrattivi tas-Senat tal-Qorti Suprema). B’mod partikolari hija sostniet li l-qorti tal-appell kienet applikat l-Artikoli 447 u 448 tar-Regolament għall-implementazzjoni, dwar it-tranżitu bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-manifest ta’ tagħbija inkwistjoni kien ġie stabbilit qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja mal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-qorti tal-appell applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali billi nnominatha bħala l-prinċipal responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

    25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts Administratīvo lietu departaments iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Il-formalitajiet tal-esportazzjoni jistgħu jitqiesu li kienu kompleti għall-finijiet tal-punt 1 [tal-Kapitolu 5 tal-Anness IV] tal-Att ta’ Adeżjoni, meta lista tat-tagħbija kienet redatta iżda l-atti msemmija fl-Artikolu 448 tar-Regolament Nru 2453/93 ma kinux imwettqa (is-servizzi tad-dwana Ġermaniża ma nnotifikawx debitament bit-talba tal-Kumpannija Marittima lis-Servizzi tad-Dwana Litwana)?

    2)       F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, ir-regoli relatati mal-proċeduri doganali (ir-Regolamenti Nru 2913/92 u 2454/93) jistgħu jitqiesu li mhumiex assolutament applikabbli?

    3)       F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att tal-Adeżjoni [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk merkanzija ttrasportata fil-Komunità mkabbra wara li kienet is-suġġett ta’ formalitajiet tal-esportazzjoni mhijiex irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera, hija ma tibbenefikax mill-eżenzjoni ta’ dazji tad-dwana jew miżuri doganali oħra minkejja li mhemmx dubju fuq in-natura Komunitarja ta’ din il-merkanzija? Fi kliem ieħor, hija deċiżiva fiċ-ċirkustanza tal-kawża li l-proċedura ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera kinitx kompleta?

    4)       It-taxxa fuq il-[VAT] għandha tkun inkluża fost id-dazji tal-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(10) tar-Regolament Nru 2913/92 ?

    5)       F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-obbligu li titħallas [il-VAT] li hija dovuta, skont id-dażji tad-dwana għall-importazzjoni tal-merkanzija, jaqa’ fuq id-debitur prinċipal jew fuq id-destinatarju [finali] tal-merkanzija? Dan l-obbligu jista’ jinqasam, u f’liema ċirkustanzi?

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    26      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ġewx kompletati, meta ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija iżda l-atti msemmija fl-Artikolu 448 tar-Regolament għall-implementazzjoni ma kinux imwettqa.

    27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanzija li, fid-data tal-adeżjoni, tkun qed tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità mkabbra wara li tkun għaddiet mill-formalitajiet tal-esportazzjoni, għandha tkun meħlusa mid-dazji doganali u miżuri doganali oħra meta titħalla tiċċirkola b’mod liberu sakemm tiġi ppreżentata prova ta’ oriġini preferenzjali maħruġa kif suppost, qabel id-data tal-adeżjoni, jew xi waħda mill-provi ta’ status Komunitarju li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 314 ċ u 315 tar-Regolament għall-implementazzjoni.

    28      Għaldaqstant, il-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma jippermettix l-importazzjoni fi Stat Membru ġdid, meħlusa mid-dażji doganali u miżuri doganali oħra, tal-merkanzija li tkun qed tiġi ttrasportata fi ħdan il-Komunità mkabbra fl-1 ta’ Mejju 2004, ħlief jekk tliet kundizzjonijiet kumulattivi jkunu sodisfatti.

    29      L-ewwel nett, il-merkanziji li jitilqu mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn Stat li għadu ma huwiex membru tal-Unjoni, għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura tal-esportazzjoni. Il-formalitajiet li għandhom jiġu sodisfatti huma, għaldaqstant, dawk previsti fl-Artikoli 161 u 162 tal-Kodiċi Doganali dwar l-esportazzjoni.

    30      It-tieni nett, fil-każ li t-transport tlesta wara d-data tal-adeżjoni, il-merkanziji importati f’Stat Membru tal-Unjoni għandhom jiġu rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera sabiex jiksbu l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Komunità, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali.

    31      It-tielet nett, għandha tiġi prodotta l-prova tal-origini preferenzjali tal-merkanziji jew tal-istatus Komunitarju, kif hemm referenza għalihom fl-Artikoli 314 ċ u 315 tar-Regolament għall-implementazzjoni.

    32      Peress li l-merkanziji jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni, il-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tapplika, bl-esklużjoni tal-proċeduri doganali oħra.

    33      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din, peress li l-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni hija eżawrjenti, l-Artikolu 448 tar-Regolament għall-implementazzjoni li jirrigwarda l-proċeduri ssimplifikati għat-trasport bil-baħar bejn l-Istati Membri, ma japplikax fil-kuntest tal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità.

    34      Konsegwentement, l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament għall-Implementazjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-formalitajiet tal-esportazzjoni msemmija fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, inkluż meta ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija taħt il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju.

    35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ġewx kompletati, ma huwiex rilevanti jekk l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament għall-implementazzjoni kinux imwettqa, anki fil-każ fejn ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija.

     Fuq it-tieni domanda

    36      Peress li għall-ewwel domanda ngħatat risposta negattiva, hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda.

    37      Din id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li essenzjalment tirrigwarda sa liema punt il-Kodiċi Doganali u r-Regolament għall-implementazzjoni japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni fil-każ fejn il-formalitajiet tal-esportazzjoni previsti fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma twettqux għall-merkanziji li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni f’dawn l-Istati Membri l-ġodda.

    38      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Kapitolu 5 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li l-Kodiċi Doganali u r-Regolament għall-implementazzjoni “għandhom japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda skond id-disposizzjonijiet speċifiċi”, fejn fosthom jinsab il-Punt 1 ta’ dan il-kapitolu.

    39      Minn din id-dispożizzjoni, meta moqrija mal-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni, jirriżulta li mill-1 ta’ Mejju 2004, il-Kodiċi Doganali u r-Regolament għall-implementazzjoni kienu applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda, sakemm fid-data tal-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea, il-merkanziji kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra. F’dan il-każ, il-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni japplika.

    40      Bil-kontra, meta l-formalitajiet tal-esportazzjoni ma ġewx kompletati għal merkanziji li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra, il-benefiċċju tal-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att, ma jistax jiġi invokat.

    41      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Kodiċi Doganali u r-Regolament għall-implementazzjoni japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda, mill-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma jista’ jiġi invokat il-benefiċċju tal-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni meta l-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ma ġewx kompletati għal merkanziji li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni Ewropea.

     Fuq it-tielet domanda

    42      Peress li t-tielet domanda ġiet magħmula fil-każ li r-risposta tal-ewwel domanda tkun pożittiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

     Fuq ir-raba’ domanda

    43      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni jinkludu l-VAT li għandha tinġabar għall-importazzjoni tal-oġġetti.

    44      Skont l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali, d-dażji fuq l-importazzjoni jinkludu, b’mod partikolari, id-dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija.

    45      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-importazzjonijiet tal-oġġetti huma suġġetti għall-VAT. L-Artikolu 11 B (3)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża, b’mod partikolari, li taxxi, dazji, levi u spejjeż dovuti oħrajn minħabba l-importazzjoni, minbarra l-VAT li trid tinġabar, huma inklużi fil-bażi taxxabbli, sa fejn ma jkunux diġà inklużi fiha.

    46      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-dazji fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali, huma inklużi fil-bażi taxxabbli tal-VAT li trid tinġabar fuq l-importazzjoni tal-oġġetti.

    47      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma jinkludux il-VAT li għandha tinġabar fuq l-importazzjoni tal-oġġetti.

     Fuq il-ħames domanda

    48      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk fil-każ fejn merkanżija hija importata, l-obbligu li titħallas il-VAT jaqax fuq id-debitur prinċipal jew fuq id-destinatarju finali tal-merkanzija u jekk dan l-obbligu jistax jinqasam.

    49      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-VAT ma hijiex inkluża fid-dazji fuq l-importazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali, din hija dovuta fil-każ ta’ importazzjoni tal-oġġetti, skont l-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva.

    50      Għaldaqstant, għalkemm il-ħames domanda ġiet magħmula biss fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun pożittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis opportun li tirrispondiha.

    51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(2) tas-Sitt Direttiva, il-VAT hija dovuta fuq l-importazzjoni, mill-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

    52      Konsegwentement, ir-risposta għal ħames domanda għandha tkun li fil-każ fejn merkanzija hija importata, l-obbligu li titħallas il-VAT jaqa’ fuq il-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

     Fuq l-ispejjeż

    53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Il-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-ATT li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ġewx kompletati, ma huwiex rilevanti jekk l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2787/2000, tal-15 ta’ Diċembru 2000, kinux imwettqa, anki fil-każ fejn ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija.

    2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, u bir-Regolament Nru 2454/93, kif emendat, japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda, mill-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma jista’ jiġi invokat il-benefiċċju tal-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni meta l-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ma ġewx kompletati għal merkanziji li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni Ewropea.

    3)      L-Artikolu 4(10) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha tinġabar fuq l-importazzjoni tal-oġġetti.

    4)      Fil-każ fejn merkanzija hija importata, l-obbligu li titħallas il-VAT jaqa’ fuq il-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Top