Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0218

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Marzu 2010.
SGS Belgium NV vs Belgisch Interventie- en Restitutiebureau, Firme Derwa NV, Centraal Beheer Achmea NV u Firme Derwa NV, Centraal Beheer Achmea NV vs SGS Belgium NV u Belgisch Interventie- en Restitutiebureau.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Brussel - il-Belġju.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KEE) Nru 3665/87 - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Artikolu 5(3) - Kundizzjonijiet għall-għoti - Eċċezzjoni - Kunċett ta’ ‘forza maġġuri’ - Prodotti li tħassru matul it-trasport.
Kawża C-218/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:152

Kawża C-218/09

SGS Belgium NV et

vs

Belgisch Interventie- en Restitutiebureau et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Artikolu 5(3) — Kundizzjonijiet għall-għoti — Eċċezzjoni — Kunċett ta’ ‘forza maġġuri’ — Prodotti li tħassru matul it-trasport”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Ħlas lura differenzjat

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87, Artikolu 5(3))

L‑Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87, li jistabbilixxi regoli komuni għall‑applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l‑esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament Nru 1384/95, għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-deterjorament subit minn tagħbija ta’ laħam taċ-ċanga u tal‑vitella fit-trasport ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fil-fatt, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ ħlasijiet lura fuq l‑esportazzjoni u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Peress li l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri hija kundizzjoni sine qua non sabiex ikun jista’ jiġu pretiżi ħlasijiet lura għall-merkanzija esportata li ma tiġix rilaxxata għall‑konsum fil-pajjiż terz ta’ esportazzjoni, minn dan isegwi li dan il‑kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li n-numru ta’ każijiet li jistgħu jibbenefikaw minn tali ħlas jibqa’ limitat. Issa, ir-riskju ta’ deterjorament fl-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella huwa partikolarment preżenti b’mod partikolari minħabba l-operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt bejn il-modi differenti ta’ trasport użati u t-trasport f’distanzi twal. Konsegwentement, dan it-telf jista’ jkun ikkunsidrat li jaqa’ taħt ir‑riskju kummerċjali inerenti għal operazzjonijiet bħal dawn, jiġifieri bħala ċirkustanza li ma tista’ tiġi kkwalifikata la bħala anormali fil‑kuntest tal-imsemmija operazzjonijiet kummerċjali u lanqas bħala improbabbli għal kummerċjant prudenti u diliġenti.

(ara l-punti 46, 48, 50, 52 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 3665/87 – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Artikolu 5(3) – Kundizzjonijiet għall-għoti – Eċċezzjoni – Kunċett ta’ ‘forza maġġuri’ – Prodotti li tħassru matul it-trasport”

Fil-Kawża C-218/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

SGS Belgium NV,

vs

Belgisch Interventie- en Restitutiebureau,

Firme Derwa NV,

Centraal Beheer Achmea NV,

u

Firme Derwa NV,

Centraal Beheer Achmea NV,

vs

SGS Belgium NV,

Belgisch Interventie- en Restitutiebureau,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SGS Belgium NV, minn M. Storme, avukat,

–        għal Firme Derwa NV, minn L. Misson u L. Wysen, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Burggraaf kif ukoll minn Z. Maluskova u E. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall‑applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1384/95, tad-19 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 134, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawżi dwar ħlas lura fuq l‑esportazzjoni għal laħam li nstab imħassar meta wasal fid-destinazzjoni bejn, minn naħa, SGS Belgium NV (iktar ’il quddiem “SGS Belgium”), kumpannija speċjalizzata fil-kontroll u s-sorveljanza, u l-Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (L-Uffiċċju Belġjan għall-għajnuna u għal ħlas lura, iktar ’il quddiem il‑“BIRB”) u Firme Derwa NV (iktar ’il quddiem “Firme Derwa”), kumpannija esportatriċi, kif ukoll Centraal Beheer Achmea NV (iktar ’il quddiem “Centraal Beheer Achmea”), kumpannija ta’ assigurazzjoni, u min-naħa l-oħra, Firme Derwa u Centraal Beheer Achmea u SGS Belgium u l-BIRB.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Ir-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi l-possibbiltà għall-operaturi li jesportaw laħam taċ-ċanga u tal-vitella barra mit-territorju tal-Komunità Ewropea li jibbenefikaw minn ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

4        Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 3665/87, “[...] il-ħlas lura huwa suġġett għall-produzzjoni tal-prova li l-prodotti li għalihom ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni jkunu, sa mhux iktar tard mit-terminu ta’ sittin ġurnata minn din l-aċċettazzjoni, telqu mit-territorju doganali tal-Komunità fi stat mhux mibdul” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:

“1.      Il-ħlas lura differenzjat jew mhux differenzjat huwa suġġett, minbarra għall-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, għall-kundizzjoni li l-prodott ġie, ħlief jekk ikun tħassar matul it-trasport wara każ ta’ forza maġġuri, importat f’pajjiż terz u, jekk ikun il-każ, f’pajjiż terz speċifiku fit-tnax-il xahar wara d‑data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni:

[…]

Madankollu, jistgħu jiġi stabbiliti termini supplimentari taħt il‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47.

[…]

Barra minn hekk, id-dipartimenti kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu provi supplimentari ta’ natura li juru għas-sodisfazzjon tal‑awtoritajiet kompetenti li l-prodott kien effettivament tqiegħed fuq is-suq tal-pajjiż terz ta’ importazzjoni fi stat mhux mibdul.

[…]

3.      Meta l-prodott, wara li jkun telaq mit-territorju doganali tal‑Komunità, jitħassar matul it-trasport minħabba każ ta’ forza maġġuri,

–        f’każ ta’ ħlas lura differenzjat għandu jitħallas l-ammont tal-parti tal-ħlas lura stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20,

–        f’każ ta’ ħlas lura mhux differenzjat, għandu jitħallas l‑ammont totali tal-ħlas lura” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi li “ma huwa mogħti l-ebda ħlas lura sakemm il-prodotti ma jkunux ta’ kwalità tajba, ġusta u li jistgħu jinbigħu fis-suq u, jekk dawn il-prodotti huma intiżi għall‑ikel mill-bnedmin, meta l-użu tagħhom għal dan il-għan huwa impossibbli jew kunsiderevolment imnaqqas minħabba l-karatteristiċi tagħhom jew l-istat tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Skont l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, prodott huwa kkunsidrat bħala importat meta jitwettqu l-formalitajiet doganali għar-rilaxx għall‑konsum fil-pajjiż terz.

8        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 jistabbilixxi:

“1.      Il-prova tat-twettiq tal-formalitajiet doganali tar-rilaxx għall‑konsum hija prodotta skont l-għażla tal-esportatur billi jipproduċi wieħed minn dawn id-dokumenti:

(a)      dokument doganali jew kopja jew fotokopja tiegħu; […]

(b)      ċertifikat tal-ħatt u tar-rilaxx għall-konsum imħejji minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u ta’ superviżjoni approvata minn Stat Membru [...]

2.      Jekk esportatur ma jkunx jista’ jakkwista d-dokument magħżul skont il-paragrafu 1 (a) jew (b) , anki wara li jkun ħa l-passi xierqa sabiex jikseb dan id-dokument jew jekk ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tad-dokument prodott, il-prova tat-twettiq tal‑formalitajiet doganali għar-rilaxx għall-konsum tista’ tiġi kkunsidrata li ġiet prodotta permezz tal-produzzjoni ta’ wieħed jew iktar mid-dokumenti li ġejjin:

[…]

(ċ)      ċertifikat tal-ħatt imħejji minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u ta’ superviżjoni approvata minn Stat Membru li jiċċertifika, barra minn hekk, li l-prodott telaq miż-żona portwarja jew tal‑inqas, sa fejn jaf hu, il-prodott ma reġax tgħabba sabiex jerġa’ jiġi esportat;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:

“1.      B’deroga għall-Artikolu 16 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, parti mill-ħlas lura hija mħallsa minn meta tiġi prodotta l-prova li l‑prodott telaq mit-territorju doganali tal-Komunità.

[…]

2.      Il-parti tal-ħlas lura msemmija fil-paragrafu 1 hija daqs l-ammont tal-ħlas lura li l-esportatur jirċievi fil-każ fejn il-prodott tiegħu jasal f’destinazzjoni li għaliha hija stabbilita r-rata ta’ ħlas lura l-iktar baxxa, peress li fin-nuqqas ta’ ffissar ta’ rata, hija kkunsidrata r-rata l-iktar baxxa.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Matul is-sena 1996, Firme Derwa esportat tagħbija ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella lejn il-Libanu. Fl-24 ta’ Ġunju 1996, id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni korrispondenti ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali. Fid-19 ta’ Lulju 1996, BIRB ħallas bil-quddiem lil Firme Derwa ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-ammont ta’ BEF 1 301 696 (jiġifieri EUR 32 268.20).

11      Fid-9 ta’ Lulju 1996, din it-tagħbija ta’ laħam waslet f’Bejrut, fejn, skont il-liġi doganali, id-dipartiment veterinarju ppreleva kampjuni għall-finijiet ta’ kontrolli. Huma skoprew li kien fih batterju. Għalhekk, l-imsemmija tagħbija kollha kemm hi ġiet iddikkjarata mhux adegwata għall-konsum mill-bnedmin, irrifjutata mid-destinatarju tagħha u sussegwentement inqerdet.

12      Sabiex id-dritt tagħha għal ħlas lura miksub isir definittiv, Firme Derwa kellha tipprovdi, fit-tnax-il xahar wara li tiġi aċċettata d‑dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, il-prova tal-importazzjoni fi stat mhux mibdul ta’ din l‑istess tagħbija fil-Libanu. Fit-3 ta’ Ġunju 1997, Firme Derwa talbet lil BIRB terminu supplimentari sabiex tipproduċi d‑dokumenti ta’ prova.

13      Peress li Firme Derwa ma kellhiex id-dokument meħtieġ, Centraal Beheer Achmea, bħala assiguratriċi tal-merkanzija fil-kawża prinċipali, talbet, fl-14 ta’ April 1997, lil SGS Belgium li tikkuntattja lill-korrispondenti tagħha f’Bejrut sabiex jiġi stabbilit ċertifikat skont l-Artikolu 18(1)(b) tar‑Regolament Nru 3665/87. Fis-17 ta’ Ġunju 1997, SGS Libanu rrispondiet b’faks lil SGS Belgium li din il-merkanzija ma kinitx ingħatat ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum.

14      Għaldaqstant, fid-19 ta’ Lulju 1997, SGS Belgium madankollu kkonfermat li l-imsemmija merkanzija kienet ġiet irrilaxxata mid-dwana Libaniża sabiex tiġi kkonsmata.

15      Fit-8 ta’ Ottubru 1997, il-BIRB, għaldaqstant, irrilaxxa l-garanzija mogħtija minn Firme Derwa. Madankollu, peress li din tal-aħħar kienet ipproduċiet tardivament il-prova tal-importazzjoni ta’ din l-istess merkanzija għall‑finijiet tar-rilaxx tagħha għall-konsum fil-Libanu, hija kellha tirrimborsa parti mill-ħlas lura miksub.

16      Wara investigazzjoni li saret matul l-1998 u l-1999, l-Ispettorat Ekonomiku tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi Belġjan skopra, fil‑bini ta’ SGS Belgium, il-faks, mibgħut minn SGS Libanu fis-17 ta’ Ġunju 1997, li jikkontradixxi l-konferma tar-rilaxx għall-konsum tal‑laħam esportat.

17      Fil-21 ta’ April 1999, il-BIRB bagħat ir-riżultat ta’ din l‑investigazzjoni lil SGS Belgium.

18      Fl-1 ta’ Frar 2001, il-BIRB informa lil SGS Belgium li, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, id-dritt għal ħlas lura kien skada, li l-ammont imħallas bi żball kellu jiżdied bi 15 % minħabba l-ħlas antiċipat tal-ħlas lura, li kienet tapplika multa ta’ 200 % minħabba li ġew mibgħuta intenzjonalment data żbaljati u li l-interessi bdew jiddekorru fit-8 ta’ Ottubru 1997, id-data tar-rilaxx tal-garanzija bankarja. Għalhekk, l‑ammont mitlub mill-BIRB kien jitla’ għal BEF 3 829 628 (jiġifieri EUR 94 934).

19      Fil-11 ta’ April 2001, il-BIRB ressaq azzjoni kontra SGS Belgium sabiex jikseb il-ħlas tal-ammont ta’ BEF 3 829 628 (EUR 94 934), li miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji u l‑interessi ġudizzjarji.

20      Fil-21 ta’ Settembru 2001, SGS Belgium ikkjamat fil-kawża u bħala garanti lil Firme Derwa kif ukoll lil Centraal Beheer Achmea.

21      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, Firme Derwa u Centraal Beheer Achmea ressqu azzjoni kontra l-BIRB.

22      Fil-11 ta’ April 2003, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen) iddeċidiet li kien inkontestabbilment stabbilit li l-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum tal-laħam inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux ġew sodisfatti u li, għaldaqstant, lanqas il-kundizzjonijiet li kien suġġett għalihom il-ħlas lura differenzjat ma kienu ġew issodisfatti. Għalhekk, ir‑rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen ikkundannat lil SGS Belgium tħallas lill-BIRB is-somma ta’ BEF 3 829 628, bl-interessi moratorji u l-interessi ġudizzjarji.

23      Bl-istess sentenza, Firme Derwa u Centraal Beheer Achmea ġew ikkundannati in solidum sabiex jikkumpensaw kompletament lil SGS Belgium. L-azzjonijiet ta’ Firme Derwa u ta’ Centraal Beheer Achmea min-naħa tagħhom ġew iddikkjarati infondati.

24      Fl-istanza tal-appell, il-hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet, b’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2004, li SGS Belgium ma setgħet tiġi akkużata bl-ebda aġir żbaljat, peress li d‑dikjarazzjoni tad-19 ta’ Lulju 1997, magħmula taħt l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 3665/87, kien fiha fil-fatt żball sostantiv u li din id-dikjarazzjoni setgħet isservi bħala ċertifikat tal-ħatt, fis-sens tal‑Artikolu 18(2)(ċ) tar-Regolament Nru 3665/87, li jagħti dritt ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni lil Firme Derwa.

25      Skont il-hof van beroep te Antwerpen, minn dan kien isegwi li l-ħlas lura fuq l‑esportazzjoni ma kienx tħallas lil Firme Derwa b’mod irregolari u li, b’hekk, SGS Belgium ma kienet wettqet jew ipparteċipat fit-twettiq tal-ebda irregolarità li wasslet għal danni għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew għall-baġits amministrati minnha.

26      Il-BIRB appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tal-kassazzjoni.

27      Fis-16 ta’ Marzu 2007, il-Hof van Cassatie (Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li ċertifikat tal-ħatt, fis-sens tal-Artikolu 18(2)(ċ) tar‑Regolament Nru 3665/87 jikkostitwixxi manifestament prova konfutabbli tal-fatt li l-merkanzija kienet vera waslet fis-suq tal-pajjiż ta’ destinazzjoni u kienet ġiet ikkummerċjalizzata hemmhekk. Il-Hof van Cassatie ddeċidiet li l-hof van beroep te Antwerpen kienet iddeċidiet bi żball li, peress li ċ-ċertifikat ta’ ħatt kien disponibbli, il‑kundizzjonijiet ta’ ħlas lura differenzjat kellhom jiġu kkunsidrati ssodisfatti, daqs li kieku dan iċ-ċertifikat kien jikkostitwixxi prova inkonfutabbli. Għalhekk, il-Hof van Cassatie annulla s-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen tal-21 ta’ Diċembru 2004 u rrinvija l-kawża quddiem il-hof van beroep te Brussel (Qorti tal-Appell ta’ Brussell).

28      Quddiem din il-qorti l-oħra tal-appell, SGS Belgium sostniet li, fil‑mument tal-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ta’ kwalità kummerċjali tajba u kienet ukoll tajba għall-konsum mill-bnedmin, u li, għalhekk, din il-merkanzija kellha tiġi kkunsidrata li tħassret matul it-trasport minħabba każ ta’ forza maġġuri, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87.

29      Il-BIRB ikkritika din il-bidla ta’ pożizzjoni ta’ SGS Belgium li sostniet, sa mill‑bidu tal-proċeduri, li l-imsemmija merkanzija kienet ġiet importata fil-Libanu u rilaxxata għall-konsum. Fi kwalunkwe każ, il-BIRB sostna li l-verb “jitħassar” użat f’din id‑dispożizzjoni, ma jistax ifisser “jiddeterjora”. Sabiex l-esportatur ikun jista’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tar‑Regolament Nru 3665/87, hemm bżonn li l-merkanzija stess tkun tħassret, jiġifieri li l-esportatur ikun tilef il-pussess tagħha, li jimplika li l-merkanzija ma setgħetx tilħaq id-destinazzjoni tagħha.

30      Il-hof van beroep te Brussel tammetti li l-bidla tal-pożizzjoni ta’ SGS Belgium tikxef kontradizzjoni. Madankollu, dan il-fatt ma jostakolax, skont din il-qorti, il-possibbiltà għal dan l-esportatur li jinvoka każ ta’ forza maġġuri.

31      L-imsemmija qorti tikkunsidra, fid-dawl ta’ rapport tal-grupp ta’ assigurazzjoni Lloyds prodott minn Centraal Beheer Achmea, li l-laħam inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ttrasportat f’kontenitur li jkessaħ f’ippakkjar adegwat, u li l-użu ta’ tali kontenitur kien intiż preċiżament sabiex jevita li l-laħam imur. It-temperatura ta’ din il-merkanzija inżammet ukoll kif suppost għal 0 C matul it-trasport. Fl-aħħar, mill-imsemmi rapport jirriżulta wkoll li l-imsemmija merkanzija kienet ta’ kwalità kummerċjali tajba u tajba għall-konsum mill-bnedmin fil-mument tal‑esportazzjoni u li, min-naħa l-oħra kienet diġà tħassret fil-mument li waslet f’Bejrut.

32      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

1)         “Il-frażi “force majeure”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [...], għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dannu lil-laħam taċ-ċanga matul it-trasportazzjoni tiegħu fl-ippakjar korrett u f’container imkessaħ, li jżomm it-temperatura meħtieġa b’mod kostanti, jikkostitwixxi, bħala regola, force majeure?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

33      SGS Belgium u Firme Derwa huma tal-opinjoni li r-risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fatt, minkejja li l-verżjoni bl-Olandiż tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87 użat il-kelma “verloren”, il-kunċett ta’ “telf” imsemmi f’din id‑dispożizzjoni jkopri wkoll id-“deterjorament”, kif jirriżulta minn verżjonijiet lingwisitiċi oħrajn tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, il‑verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż isemmu rispettivament it-termini “perished” u “péri”, u mhux “lost” jew “perdues”. Barra minn hekk, l‑Artikolu 114 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar sistema komuni ta’ tranżitu konkluża fl-20 ta’ Mejju 1987 bejn ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan‑Norveġja, ir-Renju tal-Isvezja, il-Konfederazzjoni Elvetika u l‑Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 226, p. 2) kif emendata bid‑Deċiżjoni Nru 1/2000 tal-Kumitat Konġunt KE-EFTA “Tranżitu Komuni”, tal-20 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2001, L 9, p. 1), jispjega f’dan ir-rigward li “merkanzija hija irrimedjabbilment mitlufa meta ma tkunx tista’ tintuża”.

34      SGS Belgium issostni li kienu ttieħdu prekawzjonijiet li jmorru lil hinn mill-eżiġenzi regolamentari għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r‑refriġerazzjoni tal-laħam f’temperatura kostanti. Għalhekk, il-preżenza ta’ batterju hija avveniment imprevedibbli u, f’dan ir-rigward, il-fatt li huwa possibbli li jsir kuntratt ta’ polza ta’ assigurazzjoni li tkopri dan it‑tip ta’ dannu ma jistax jikkontesta din id-dikjarazzjoni.

35      Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jipproponu li r-risposta għad‑domanda magħmula tkun li tali ħsara tal-merkanzija ma hijiex, bħala regola, każ ta’ forza maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar‑Regolament Nru 3665/87. Huwa biss fil-każ fejn il-kawża u ċ‑ċirkustanzi tad-deterjorament ikunu magħrufa u jkun jidher li din il-ħsara tikkostitwixxi fatt anormali u imprevedibbli, li l-esportatur jkun estranju għalih, u li madankollu rriżultaw il-konsegwenzi tiegħu, minkejja l‑prekawzjonijiet kollha possibbli li jkun ħa, li jkun hemm każ ta’ forza maġġuri.

36      Il-Kummissjoni żżid li r-riskju li jkun hemm infezzjoni batterika huwa, f’ċertu mod, inerenti għar-riskju kummerċjali inkors fil-kuntest tal‑esportazzjoni ta’ ikel li jitħassar. Għalhekk, bħala regola, infezzjoni batterika ma tistax tiġi kkunsidrata li toħloq, għall-esportatur, avveniment anormali u imprevedibbli. Hija biss l-eżistenza ta’ ċirkustanzi supplimentari u eċċezzjonali li tippermetti li tintlaħaq konklużjoni differenti. Issa, f’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni għandha disponibbli ftit informazzjoni fattwali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi f’din il-kawża. B’mod partikolari, hija tikkonstata, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet f’dak li jikkonċerna n-natura adegwata u l-istat ġenerali tal-kontenitur użat għat-trasport. Il-Kummissjoni tirreleva wkoll li kienu għaddew sittax-il ġurnata bejn id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u meta ġie misjub il-batterju, mingħajr ma huwa magħruf x’ġara fil-verità matul dan il-perijodu. Fl‑aħħar, skont l-imsemmija istituzzjoni, l-eżistenza jew le ta’ assigurazzjoni jew ta’ klawżola kuntrattwali dwar ir-riskju ta’ deterjorament tal-laħam tista’ tkun utli għall-finijiet tal-analiżi.

37      Fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-esportatur fil-kawża prinċipali, il‑Gvern Belġjan jirrileva li mir-rapport imħejji f’Bejrut mill‑grupp ta’ assigurazzjoni Lloyds jirriżulta li l-infezzjoni batterika li kienet ġiet ikkonstatata setgħet kienet ikkawżata minn interruzzjoni tal-katina ta’ kesħa waqt li l-laħam kien maħżun. Fl-aħħar nett, peress li l-kawża reali tad-deterjorament tal-merkanzija fil-kawża prinċipali ma kinitx fil‑verità ġiet stabbilita, jista’ jiġi konkluż li l-esportatur kien ħa l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha possibbli sabiex jevita dan id-deterjorament. Skont dan il-gvern, huwa possibbli li kien hemm interruzzjoni fit‑tkessiħ tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella inkwistjoni fil-kawża prinċipali, waqt it-trasport jew wara li tħatt fil-port ta’ Bejrut. Avveniment bħal dan huwa ċirkustanza normali u prevedibbli li tista’ tiġi assigurata, li l-esportatur jista’ jipprova jipprevjeni u li għalhekk ma tikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ ħlasijiet lura differenzjati fuq l-esportazzjoni għandha l-iskop li tiftaħ jew li żżomm miftuħa għall‑esportazzjoni Komunitarja s-swieq tal-pajjiżi terzi kkonċernati, fejn id-differenzjazzjoni tal-ħlas lura hija riżultat tal-volontà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta’ kull suq ta’ importazzjoni fejn il‑Komunità trid tkun preżenti (sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Boterlux, C‑347/93, Ġabra p. I‑3933, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-raison d’être tas-sistema ta’ differenzjazzjoni ma tiġix osservata jekk sempliċi ħatt fil-pajjiż terz V ta’ esportazzjoni tal-merkanzija esportata fi stat tajjeb huwa biżżejjed sabiex jagħti dritt għall-ħlas lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Boterlux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

40      Din hija r-raġuni għalfejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar‑Regolament Nru 3665/87 jipprovdi li l-ħlas lura huwa suġġett, minbarra għall-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, għall-kundizzjoni li l-prodott ikun ġie importat fil‑pajjiż terz ta’ esportazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-prodott huwa kkunsidrat importat meta jkunu sodisfatti l-formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum fil‑pajjiż terz.

41      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, l-ebda ħlas lura ma għandu jingħata meta l-prodotti ma jkunux ta’ kwalità tajba, ġusta u li jistgħu jinbigħu fis-suq, u, jekk dawn il-prodotti huma intiżi għall-ikel mill-bnedmin, meta l-użu tagħhom għal dan il‑għan ikun eskluż jew kunsiderevolment imnaqqas minħabba l‑karatteristiċi jew l-istat tagħhom.

42      B’hekk, fir-rigward ta’ ħlas lura differenzjat, l-Artikolu 20(1) u (2) tar‑Regolament Nru 3665/87 jipprovdi l-ħlas lura bażiku, ikkalkolat skont ir-rata l-iktar baxxa tal-ħlas lura applikabbli fil‑ġurnata tal-esportazzjoni, peress li l-esportatur ikun ipproduċa l‑prova li l-prodott kien telaq mit-territorju doganali tal-Komunità. Il‑ħlas tal-parti differenzjata tal-ħlas lura huwa, fir-rigward tiegħu, suġġett għall-kundizzjonijiet supplimentari ddefiniti fl-Artikoli 17 u 18 ta’ dan ir-regolament. L-esportatur għandu fil-fatt jagħti prova, fit‑tnax‑il xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, li l‑prodott kien ġie importat fil-pajjiż terz jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi li għalih il-ħlas lura huwa previst billi jipproduċi l-provi tat-twettiq tal‑formalitajiet doganali ta’ rilaxx għall-konsum f’dan il-pajjiż (ara s‑sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Dachsberger & Söhne, C‑77/08, Ġabra p. I‑2097, punt 28).

43      Għaldaqstant, b’mod ta’ deroga, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi li madankollu l-ħlas lura huwa żgurat, meta l-prodott, wara li jkun ħalla t-territorju doganali tal-Komunità, tħassar matul it-trasport wara każ ta’ forza maġġuri, anki jekk ma setax jiġi rrilaxxat għall-konsum fil-pajjiż terz ta’ esportazzjoni.

44      Minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem, b’mod ġenerali, fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux ikunu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1987, Denkavit België, 145/85, Ġabra p. 565, punt 11 u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑377/03, Ġabra p. I‑9733, punt 95).

45      F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3665/87 dwar il-forza maġġuri, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li, peress li dan il-kunċett ma għandux kontenut identiku fid-diversi setturi ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata skont il-kuntest legali li jkun intiż iħalli l-effetti legali tiegħu fih (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et, C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punt 30, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 1998, First City Trading et, C‑263/97, Ġabra p. I‑5537, punt 41).

46      Issa, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ ħlasijiet lura fuq l‑esportazzjoni u, konsegwentement, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Peress li l-eżistenza ta’ forza maġġuri hija kundizzjoni sine qua non sabiex ikunu jistgħu jiġu pretiżi ħlasijiet lura għall-merkanzija esportata li ma tiġix rilaxxata għall‑konsum fil-pajjiż terz ta’ esportazzjoni, minn dan isegwi li dan il‑kunċett għandu jiġi interpretat b’mod li n-numru ta’ każijiet li jistgħu jibbenefikaw minn tali ħlas jibqa’ limitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il-Kummissjoni, C‑38/07 P, Ġabra p. I‑8599, punt 60).

47      B’mod ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-preżenza ta’ batteri fil-lottijiet ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella ma hijiex rari. Fil-fatt, minkejja l‑eżistenza ta’ rekwiżiti sanitarji stretti, bħat-trattament preventiv tal‑annimali tal-ifrat, ir-refriġerazzjoni tal-laħam u t-traċċabbiltà, kif ukoll it-twettiq ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet sanitarji, jiġri li lottijiet ta’ laħam ikkummerċjalizzati fit-territorju tal‑Unjoni jiġu miġbura lura mill-ħwienet minħabba li jinstab batterju.

48      Riskju sanitarju bħal dan ta’ infezzjoni batterika huwa b’mod partikolari preżenti fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella peress li, qabel ma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, il‑lottijiet ta’ laħam jistgħu jgħaddu minn diversi operazzjonijiet ta’ manutenzjoni minħabba t-tagħbija u l-ħatt tagħhom bejn id-diversi modi ta’ trasport użati. Barra minn hekk, it-trasport fuq distanzi twal, b’mod partikolari bil-baħar, jista’ jimplika varjazzjonijiet sostanzjali tat‑temperatura ta’ barra u b’hekk il-materjal ta’ refriġerazzjoni neċessarju għal tali trasport jiġi espost għal rekwiżiti tekiniċi supplimentari.

49      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-operatur aġixxiex b’mod adegwat sabiex jevita kontaminazzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet eżatti tat-trasport, tal-ħażna u tal-ħatt tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li tivverifika jekk, minkejja l-eżami li għamlu l-awtoritajiet sanitarji tal‑Istat Membru ta’ esportazzjoni, il-batterju setax ikun preżenti diġà sa minn meta tgħabbiet din il-merkanzija. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, jekk it-trasport tal-laħam f’ippakkjar adegwat u f’kontenitur li jkessaħ li jżomm b’mod kontinwu t-temperatura meħtieġa ma setax iwaqqaf il‑preżenza u/jew il-proliferazzjoni tal-batterju, huwa possibbli li, fil‑verità, din kienet diġà tinsab fit-tagħbija tal-laħam, fil-mument meta din tal-aħħar telqet mit-territorju tal-Unjoni, jiġifieri qabel ma ġiet ittasportata lejn il-pajjiż terz, f’livell li ma kienx ġie osservat mill-awtoritajiet sanitarji tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni jew li ma setax ikun osservat.

50      Konsegwentement, dan it-telf jista’ jkun ikkunsidrat li jaqa’ taħt ir‑riskju kummerċjali inerenti għal operazzjonijiet bħal dawn, jiġifieri bħala ċirkustanza li ma tista tiġi kkwalifikata la bħala “anormali” fil‑kuntest tal-imsemmija operazzjonijiet kummerċjali u lanqas bħala “improbabbli” għal kummerċjant prudenti u diliġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Schwarzwaldmilch, 4/68, Ġabra p. 549, 563).

51      Barra minn hekk, kif ġustament irrelevaw il-Gvern Belġjan u l‑Kummissjoni, il-fatt li l-preżenza ta’ infezzjoni batterika li taffettwa t‑tagħbijiet esportati tista’ tkun is-suġġett, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ polza ta’ assigurazzjoni speċifika juri li tali ċirkustanza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala imprevedibbli fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni.

52      Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 3665/87 għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-deterjorament subit minn tagħbija ta’ laħam taċ-ċanga u tal‑vitella, fil-kundizzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni għall‑applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l‑esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli kif emendat bir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1384/95, tad-19 ta’ Ġunju 1995, għandu jiġi interpretat fis‑sens li d-deterjorament subit minn tagħbija ta’ laħam taċ-ċanga u tal‑vitella, fil-kundizzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxix każ ta’ forza maġġuri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top