Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0209

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta' Frar 2010.
    Lahti Energia Oy.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein hallinto-oikeus - il-Finlandja.
    Direttiva 2000/76/KE - Inċinerazzjoni ta’ skart - Impjant ta’ inċinerazzjoni - Impjant ta’ koinċinerazzjoni - Kumpless ikkostitwit minn fabbrika tal-gass u minn impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija - Inċinerazzjoni fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija ta’ gass mhux ippurifikat prodott mit-trattament bis-sħana tal-iskart fil-fabbrika tal-gass.
    Kawża C-209/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:98

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    25 ta’ Frar 2010 ( *1 )

    “Direttiva 2000/76/KE — Inċinerazzjoni ta’ skart — Impjant ta’ inċinerazzjoni — Impjant ta’ koinċinerazzjoni — Kumpless ikkostitwit minn fabbrika tal-gass u minn impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija — Inċinerazzjoni, fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija, ta’ gass mhux ippurifikat prodott mit-trattament bis-sħana tal-iskart fil-fabbrika tal-gass”

    Fil-Kawża C-209/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura mressqa minn

    Lahti Energia Oy,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, C. W. A. Timmermans u K. Schiemann, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Lahti Energia Oy, minn J. Savelainen, Direttur Ġenerali,

    għal Salpausselän luonnonystävät ry, minn M. Vikberg, Direttur,

    għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

    għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Koskinen u A. Marghelis, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 353-374).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Lahti Energia Oy (iktar ’il quddiem “Lahti Energia”), impriża proprjetà tal-belt ta’ Lahti, u Itä-Suomen ympäristölupavirasto (Dipartiment Ambjentali tal-Finlandja tal-Lvant, iktar ’il quddiem “ympäristölupavirasto”) dwar l-issuġġettar għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/76 ta’ kumpless ikkostitwit minn fabbrika tal-gass u minn impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2000/76

    3

    Il-ħames u s-seba’ u għoxrin premessi tad-Direttiva 2000/76 jipprovdu li:

    “(5)

    Bi qbil mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif inhuma mniżżla fl-Artikolu 5 tat-Trattat, hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Komunità. Il-prinċipju tal-prekawzjoni jipprovdi l-bażi għal iktar miżuri. Id-Direttiva tillimita ruħha għall-ħtiġiet minimi għall-impjanti ta’ inċinerazzjoni u impjanti ta’ ko-inċinerazzjoni.

    […]

    (27)

    Il-ko-inċinerazzjoni [koinċinerazzjoni] ta’ skart f’impjanti li m’humiex primarjament maħsubin biex jinċineraw skart m’għandhomx jitħallew li jikkawżaw emissjonijiet ta’ sustanzi ta’ tniġġis fil-parti ta’ ħruġ ta’ volum ta’ gass li jirrizulta minn din il-ko-inċinerazzjoni akbar minn dawk ta’ impjanti proprji li huma permessi għall-inċinerazzjoni u għalhekk għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet addatti.”

    4

    Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

    “Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

    1)

    ‘skart’: tfisser kull skart solidu u likwidu kif definit fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE [tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23)];

    […]

    4)

    ‘impjant ta’ inċinerazzjoni’: tfisser kull apparat u [jew] tagħmir tekniku stazzjonarju jew mobbli dedikat għat-trattament ta’ sħana ta’ l-iskart bi jew mingħajr l-irkupru tas-sħana ġenerata mill-kombustjoni. Dan jinkludi l-inċinerazzjoni bl-ossidazzjoni ta’ l-iskart kif ukoll proċessi ta’ trattamenti oħra tas-sħana bħal pirolisi, gassifikazzjoni jew il-proċessi tal-plasma sakemm s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament jiġu sussegwentement inċinerati.

    Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu ta’ l-inċinerazzjoni inklużi l-linji kollha ta’ l-inċinerazzjoni, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, sistemi ta’ skart tal-kombustibbli u sistemi ta’ provista ta’ l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzell, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;

    5)

    ‘impjant ta’ ko-inċenerazzjoni [koinċinerazzjoni]’: tfisser kull impjant stazzjonarju jew mobbli li l-iskop ewlieni tiegħu hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali:

    li juża skart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali; jew

    li fih l-iskart huwa ttrattat permezz tas-sħana għall-iskop ta’ tneħħija.

    Jekk il-ko-inċinerazzjoni sseħħ b’tali mod li l-iskop ewlieni ta’ l-impjant m’huwiex il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija jew produzzjoni ta’ prodotti materjali, imma jikkonċerna trattament ta’ sħana ta’ skart, l-impjant għandu jiġi meqjus bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fil-kuntest ta’ punt 4.

    Din id-definizzjoni tkopri s-sit u l-impjant kollu inklużi l-linji tal-ko-inċinerazzjoni kollha, il-post fejn jintefa’ l-iskart, il-ħżin, il-faċilitajiet ta’ trattament minn qabel fuq is-sit, is-sistemi ta’ provista ta’ l-iskart, il-kombustibbli u l-arja, boiler, faċilitajiet għat-trattamenti tal-gassijiet ta’ l-exhaust, faċilitajiet fuq is-sit għat-trattament jew ħżin tar-residwi u ta’ ilma mormi, munzelli, apparat u sistemi għall-kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljar tal-kondizzjonijiet ta’ l-inċinerazzjoni;

    […]

    12)

    ‘permess’: tfisser deċiżjoni miktuba (jew deċiżjonijiet varji bħal dawn) mibgħuta mill-awtorità kompetenti li tagħti l-awtorità biex impjant jitħaddem, li tkun soġġetta għal ċertu kondizzjonijiet li jiggarantixxu li l-impjant iħares il-ħtiġiet kollha ta’ din id-Direttiva. Permess jista’ jkopri impjant wieħed jew iżjed jew partijiet ta’ impjant fl-istess sit imħaddma mill-istess operatur;

    13)

    ‘residwu’: tfisser kull materjal likwidu jew solidu (li jinkludi rmied tal-qiegħ jew kagazza, irmied imtajjar u trab tal-boiler, prodotti solidi tar-reazzjoni mit-trattamenti tal-gass, il-ħmieġ tad-drenaġġ li joħroġ mit-trattament ta’ l-ilma mormi, katalisti spiċċuti u karbon attivat spiċċut) imfisser bħala skart fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KEE, li huwa ġġenerat mill-proċess ta’ l-inċinerazzjoni jew tal-ko-inċinerazzjoni, mill-gass ta’ l-exhaust jew mit-trattament ta’ l-ilma mormi jew minn proċessi oħrajn ġo l-impjant ta’ l-inċineazzjoni jew ko-inċinerazzjoni.”

    5

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/76, intitolat “Valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet ta’ l-arja”, jipprovdi:

    “1.   L-impjanti ta’ l-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti fl-Anness V.

    2.   L-impjanti ta’ ko-inċinerazzjoni għandhom ikunu mfassla, mgħammra, mibnija u mħaddma b’tali mod li ma jaqbżux fil-gassijiet ta’ l-exhaust il-valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet preskritti bi qbil ma’ jew mniżżla fl-Anness II.

    […]”

    Id-Direttiva 2006/12/KE

    6

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9-21), li sabiex jiċċara u jirrazjonalizza, jikkodifika d-Direttiva 75/442, il-kelma “skart” tfisser “kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

    Il-kawża prinċipali u l-proċedura għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-317/07

    7

    Lahti Energia talbet lill-ympäristölupavirasto permess tal-ambjent fir-rigward tal-attività tal-fabbrika tal-gass tagħha u l-impjant tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija. Dan il-permess jirrigwarda kumpless, ikkostitwit minn żewġ impjanti distinti sitwati fl-istess lok u li jinkludu fabbrika li tipproduċi l-gass mill-iskart kif ukoll impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija li l-bojler bil-fwar tiegħu jaħraq il-gass ippurifikat li huwa prodott fil-fabbrika tal-gass.

    8

    Il-ympäristölupavirasto ħarġet lil Lahti Energia permess tal-ambjent temporanju filwaqt li indikat il-kundizzjonijiet li fih dan il-permess ingħata. Dan id-dipartiment b’hekk ikkunsidra li l-fabbrika tal-gass li tipproduċi gass u ċ-ċentrali li taħraq dan il-gas jikkostitwixxu flimkien impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76.

    9

    Lahti Energia ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Vaasan hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Vassa), u talbet li jiġi kkonstatat li l-kombustjoni f’bojler prinċipali ta’ gass ippurifikat u raffinat f’impjant distint ta’ produzzjoni ta’ gass ma jitqiesx li huwa koinċinerazzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva 2000/76.

    10

    Il-Vaasan hallinto-oikeus ċaħdet ir-rikors. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2000/76 tista’ tiġi kompromessa jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi interpretat b’mod tant strett li l-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva ma japplikawx għall-kombustjoni ta’ skart trattat minn qabel. Mandankollu, din il-qorti tqis li, bħala entità operattiva distinta, il-fabbrika tal-gass ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala impjant ta’ inċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76, peress li l-gassifikazzjoni huwa trattament tas-sħana u li, sabiex jiġi kkunsidrat bħala impjant ta’ inċinerazzjoni, impjant għandu jkollu linja intiża għall-inċinerazzjoni.

    11

    Manadankollu, il-Vaasan hallinto-oikeus ikkunsidrat li l-fabbrika tal-gass u l-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija jikkostitwixxu flimkien impjant ta’ koinċinerazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/76.

    12

    Għalhekk, Lahti Energia appellat quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva superjuri), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/76/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2000/76/KE mhijiex applikabbli għall-inċinerazzjoni ta’ skart li tirrilaxxja l-gass?

    2)

    Impjant ta’ gassifikazzjoni, li jikseb gass minn skart, permezz ta’ proċedura ta’ piroliżi, għandu jitqies li huwa impjant ta’ inċenerazzjoni skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76/KE, anki jekk f’dan l-impjant ma jkun hemm l-ebda [linja] ta’ inċenerazzjoni?

    3)

    L-inċinerazzjoni fil-boiler ta’ ċentrali elettrika [ta’ gass] li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat wara l-proċedura ta’ gassifikazzjoni għandha titqies li hija proċedura inkluża fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE? F’dan ir-rigward, għandu rilevanza l-fatt li l-gass li jinħoloq u li jiġi ppurifikat jissostitwixxi l-karburanti fossili u li l-emissjonijiet taċ-ċentrali elettrika, għal kull unità ta’ enerġija prodotta, ikunu inqas minn dawk li jużaw karburanti oħra, billi tuża l-gass miksub minn skart li jiġi ppurifikat? Għall-finijiet tal-intepretazzjoni tal-portata tad-Direttiva 2000/76/KE, huwa rilevanti li l-impjant ta’ gassifikazzjoni u ċ-ċentrali elettrika, mil-lat tekniku u funzjonali u fid-dawl tal-distanza minn xulxin, jikkostitwixxu impjant uniku jew il-fatt li l-gass prodott, li jinħoloq fl-impjant ta’ gassifikazzjoni u jiġi ppurifikat, jintbagħat u jista’ jiġi użat jew bħala karburanti jew għal skopijiet oħra f’post ieħor, bħal pereżempju għall-produzzjoni tal-enerġija?

    4)

    Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li l-gass, li jinħoloq f’impjant ta’ gassifikazzjoni u li jiġi ppurifikat, huwa prodott b’tali mod li ma jiġix iktar inkluż mad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart?”

    13

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Lahti Energia (C-317/07, Ġabra p. I-9051), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘skart’ li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/76 […] ma jkoprix sustanzi fil-forma ta’ gass.

    2)

    Il-kunċett ta’ ‘impjant ta’ inċinerazzjoni’ previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76 jikkonċerna kull apparat u tagħmir tekniku intiż għat-trattament ta’ sħana tal-iskart li fih isir trattament tas-sħana tal-iskart, bil-kundizzjoni li s-sustanzi li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-proċess tas-sħana huma wara maħruqa, u li, f’dan ir-rigward, il-preżenza ta’ linja ta’ inċinerazzjoni mhijiex kriterju neċessarju għall-finijiet ta’ tali klassifika.

    3)

    F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

    fabbrika tal-gass għandha l-għan li tikseb prodotti fil-forma ta’ gass, f’dan il-każ gass ippurifikat, billi tissottometti skart għal trattament tas-sħana, għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘impjant ta’ koinċinerazzjoni’ fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76;

    ċentrali elettrika, li tuża, bħala kombustibbli addizzjonali minnflok tuża prinċipalment kombustibbli fossili fl-attività tagħha ta’ produzzjoni ta’ enerġija, gass ippurifikat miksub mill-koinċinerazzjoni tal-iskart f’fabbrika tal-gass, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.”

    L-iżviluppi li seħħew fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari mressqa fil-kawża preżenti

    14

    Wara s-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, il-Korkein hallinto-oikeus stiednet lill-partijiet għall-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    15

    Lahti Energia b’hekk sostniet, kuntrarjament għal dak li kienet indikat fit-talba tagħha għall-permess tal-ambjent kif ukoll fir-rikorsi tagħha quddiem il-Vaasan hallinto-oikeus u quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija ma kinitx għadha twettaq fil-fabbrika tal-gass il-proġett tagħha ta’ purifikazzjoni ta’ gass prodott mit-trattament bis-sħana applikat għall-iskart. Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li seta’ jiġi dedott mis-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, li l- kombustjoni ta’ sustanza li tirrilaxxa gassijiet f’impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija ma tammontax għal inċinerazzjoni ta’ skart fis-sens tad-Direttiva 2000/76. Skont din, impjant bħal dan jista’ jiġi kklassifikat bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni biss jekk din l-entità tuża prinċipalment is-syngas miksub mill-iskart. Issa, l-impjant ta’ Lahti Energia juża biss dan it-tip ta’ gass bħala kombustibbli addizzjonali, jiġifieri b’mod residwu, b’mod li l-attività tal-imsemmi impjant ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    16

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet mill-ġdid li tissospendi l-proċedimenti quddiema u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Għandha tiġi kkunsidrata bħala attività prevista mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/76/KE, il-kombustjoni fil-boiler ta’ impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija, bħala kombustibbli addizzjonali, ta’ gass prodott f’fabbrika tal-gass, jekk dan il-gass ma jiġix ippurifikat wara l-gassifikazzjoni?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun, fil-prinċipju tagħha, fin-negattiv, il-karatteristiċi tal-iskart għall-inċinerazzjoni jew il-kontenut ta’ partikoli jew ta’ impuritajiet oħra fil-gass intiż sabiex jiġi maħruq, għandhom impatt fuq l-evalwazzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    17

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk id-Direttiva 2000/76 tapplikax għal impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija li juża bħala kombustibbli addizzjonali, miżjud ma’ kombustibbli fossili użat prinċipalment fl-attività tiegħu ta’ produzzjoni ta’ enerġija, gass miksub mit-trattament bis-sħana applikat għal skart f’fabbrika fejn l-imsemmi gass ma ġiex ippurifikat.

    18

    F’dan ir-rigward, hekk kif ġustament sostnew il-qorti tar-rinviju, il-Gvern tal-Finlandja, il-Gvern tal-Belġju u l-Gvern tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-risposta mogħtija lit-tielet domanda preliminari fis-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, li tikkonsisti f’li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76 l-attività tal-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija, kienet marbuta mal-fatt li l-gass użat f’dan l-impjant, għalkemm prodott minn skart, kellu jiġi ppurifikat fil-fabbrika tal-gass fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ koinċinerazzjoni tal-imsemmija skart.

    19

    Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, is-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament tas-sħana, f’dan il-każ gass mhux raffinat, għandhom jiġu ffiltrati permezz ta’ filtru, liema filtru jippermetti li jinkiseb gass ippurifikat, ħieles mill-partiċelli solidi mhux mixtieqa, u li jista’, minħabba dan, jiġi użat bħala kombustibbli.

    20

    Hekk kif jirriżulta mill-punti 35, 36 u 41 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’kuntest bħal dan, sa fejn il-gass prodott fil-fabbrika tal-gass kellu, minħabba b’mod partikolari l-filtrazzjoni tiegħu fil-filtru, iżomm proprjetajiet simili għal kombustibbli fossili, l-attività tal-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija ma setgħetx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76 għar-raġuni biss li hija kellha tuża kombustibbli addizzjonali li jirriżulta minn skart.

    21

    Fil-fatt, meta l-proċess ikun twassal sal-aħħar fil-konfini tal-fabbrika tal-gass, il-gass purifikat użat fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija jkun ikkunsidrat li għandu l-kwalità ta’ “prodott” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76.

    22

    Hekk kif l-Avukat Ġenerali Kokott kienet sostniet fil-punti 91 u 93 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, il-kombustjoni fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija ta’ “prodott” veru, għalkemm miksub minn skart, twassal għal nuqqas ta’ rabta teknika-funzjonali bejn il-fabbrika tal-gass u dan l-impjant.

    23

    Madankollu, hija sitwazzjoni differenti meta, hekk kif sar fil-każ fil-kawża prinċipali, il-gass miksub mit-trattament bis-sħana applikat għal skart f’fabbrika tal-gass, mhux ippurifikat iktar fil-konfini tal-imsemmija fabbrika, iżda huwa ttrasportat f’dan l-istat sal-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija sabiex jintuża bħala kombustibbli addizzjonali f’dak l-impjant.

    24

    F’sitwazzjoni bħal din, jekk nikkunsidraw l-attività ta’ fabbrika tal-gass waħidha, il-proċess b’hekk previst ma jikkonsistix fi proċess sempliċi ta’ eliminazzjoni tal-iskart mit-trattament bis-sħana li, jekk is-sustanzi li jirriżultaw minnu jkunu sussegwentement inċinerati, jippermetti li fabbrika bħal din tiġi kklassifikata bħala “impjant ta’ inċinerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/76 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

    25

    Barra minn hekk, l-imsemmija fabbrika ma tistax tiġi waħidha kklassifikata bħala impjant ta’ koinċinerazzjoni, jiġifieri, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, impjant li għandu bħala skop ewlieni l-produzzjoni ta’ enerġija jew ta’ prodotti materjali u li jew juża l-iskart bħala kombustibbli regolari jew addizzjonali, jew jittratta l-iskart bis-sħana sabiex dawn jiġu eliminati (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Gävle Kraftvärme, C-251/07, Ġabra p. I-7047, punt 35, u Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

    26

    Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għal dak li ġie rrilevat fil-punt 36 tas-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, il-proċess tat-trattament bis-sħana tal-iskart li jibda fil-fabbrika tal-gass ma jsirx kollu fil-konfini tal-imsemmija fabbrika, peress li l-gass jiġi ttrasportat mill-imsemmija fabbrika lejn l-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija sabiex jintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, meta mgħandux iktar proprjetajiet simili għal dawk ta’ kombustibbli fossili, b’mod partikolari bħala purezza.

    27

    L-attività ta’ żewġ impjanti distinti għandha ċertament fil-prinċipju tkun is-suġġett ta’ eżami distint għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25).

    28

    Madankollu, fis-sitwazzjoni preżenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi konkluż li l-fabbrika tal-gass u l-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija jistgħu effettivament jiġu kkunsidrati bħala entità waħda li għandhom l-istess għan, mhux iktar ta’ kisba ta’ prodott, iżda tal-produzzjoni ta’ enerġija. Fil-fatt, f’din l-entità, l-iskart huwa sottopost fl-intier tiegħu, sabiex jiġi eliminat, għal trattament bis-sħana sabiex jiddekomponi f’żewġ stadji, wieħed li jseħħ fil-fabbrika tal-gass u l-ieħor li jikkonsisti fi trattament bis-sħana applikat għall-imsemmi skart, u l-ieħor li jseħħ fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija u jikkonsisti fil-kombustjoni tas-sustanzi li jirrilaxxaw gassijiet wara t-trattament bis-sħana ta’ skart li jseħħ f’din il-fabbrika.

    29

    Issa, f’sitwazzjoni bħal din, hekk kif l-Avukat Ġenerali Kokott kienet semmiet fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Lahti Energia, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-proċess ta’ produzzjoni tal-enerġija jew tal-prodott iseħħ u huwa komplut biss bit-trasferiment fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija tas-sustanzi li jirrilaxxaw gassijiet li jirriżultaw mit-trattament bis-sħana applikat għall-iskart fil-fabbrika tal-gass, il-kumpless kompost mill-fabbrika u mill-impjant għandu jiġi kkunsidrat flimkien għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/76, u dan minħabba r-rabta teknika-funzjonali li b’hekk torbot liż-żewġ impjanti. Barra minn hekk, dan huwa ġġustifikat mill-fatt li s-sustanzi noċivi li joħorġu mit-trattament bis-sħana applikati lill-iskart, trattament li jibda fil-fabbrika tal-gass, joħorġu u jiġu evakwati biss, għall-inqas parzjalment, ladarba l-gass mhux raffinat jiġi ttrasferit fl-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija.

    30

    Fir-rigward tal-argumenti ta’ Lahti Energia li l-impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikkorrispondi mal-kunċett ta’ “impjant ta’ ko-inċenerazzjoni” biss jekk, fl-attività tiegħu ta’ produzzjoni tal-enerġija, huwa kien juża l-gass mhux ippurifikat prodott fil-fabbrika tal-gass prinċipalment, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar, hekk kif jirriżulta mis-seba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/76, li l-koinċinerazzjoni ta’ skart f’impjanti li m’humiex primarjament maħsubin biex jinċineraw skart m’għandhomx jitħallew li jikkawżaw emissjonijiet ta’ sustanzi ta’ tniġġis fil-parti ta’ ħruġ ta’ volum ta’ gass li jirrizulta minn din il-koinċinerazzjoni akbar minn dawk ta’ impjanti proprji li huma permessi għall-inċinerazzjoni.

    31

    Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda li saret hija li impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija li juża bħala kombustibbli addizzjonali, ma’ kombustibbli fossili użati prinċipalment fl-attività tiegħu ta’ produzzjoni, gass miksub f’fabbrika prodott mit-trattament bis-sħana applikat lil skart għandu jiġi kkunsidrat, flimkien ma’ din il-fabbrika bħala “impjant ta’ ko-inċenerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76, meta l-imsemmi gass ma ġiex ippurifikat fil-konfini tal-imsemmija fabbrika.

    Fuq it-tieni domanda

    32

    Il-Korkein hallinto-oikeus għamlet biss it-tieni domanda tagħha fis-sitwazzjoni fejn tingħata risposta negattiva lil ewwel domanda tagħha.

    33

    Hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija lil din tal-aħħar, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Impjant ta’ produzzjoni ta’ enerġija li juża bħala kombustibbli addizzjonali, ma’ kombustibbli fossili użati prinċipalment fl-attività tiegħu ta’ produzzjoni, gass miksub f’fabbrika prodott mit-trattament bis-sħana applikat lil skart għandu jiġi kkunsidrat, flimkien ma’ din il-fabbrika bħala “impjant ta’ ko-inċenerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, meta l-imsemmi gass ma ġiex ippurifikat fil-konfini tal-imsemmija fabbrika.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top