EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0208

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Ilonka Sayn-Wittgenstein vs Landeshauptmann von Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Ċittadinanza Ewropea - Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fl-Istati Membri - Liġi ta’ Stat Membru li għandha status kostituzzjonali rigward l-abolizzjoni tan-nobbiltà f’dan il-pajjiż - Kunjom ta’ persuna maġġoreni, ċittadina tal-imsemmi Stat, miksub permezz ta’ adozzjoni fi Stat Membru ieħor, li fih hija tirrisjedi - Titolu ta’ nobbiltà u prefiss nobbli formanti parti mill-kunjom - Reġistrazzjoni mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru fir-reġistru tal-istat ċivili - Korrezzjoni ex officio tar-reġistrazzjoni - Irtirar tat-titolu u tal-prefiss nobbli.
Kawża C-208/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13693

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:806

Kawża C-208/09

Ilonka Sayn-Wittgenstein

vs

Landeshauptmann von Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof – L-Awstrija)

“Ċittadinanza Ewropea — Moviment liberu u residenza libera fl-Istati Membri — Liġi ta’ Stat Membru li għandha status kostituzzjonali li tabolixxi n-nobbiltà f’dan l-Istat — Kunjom patronimiku ta’ persuna maġġorenni, ċittadina tal-imsemmi Stat, miksub permezz ta’ adozzjoni fi Stat Membru ieħor, li fih hija tirrisjedi — Titolu ta’ nobbiltà u prefiss nobbli li jagħmel parti mill-kunjom — Reġistrazzjoni mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru fir-reġistru tal-istat ċivili — Korrezzjoni ex officio tar-reġistrazzjoni — Irtirar tat-titolu u tal-prefiss nobbli”

Sommarju tas-sentenza

Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Regoli nazzjonali li għandhom status kostituzzjonali li jimpedixxu t-titolu ta’ nobbiltà

(Artikolu 21 TFUE)

L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpertat fis-sens li ma jipprekludix lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif ġie stabbilit fit-tieni Stat Membru, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, matul l-adozzjoni tiegħu bħala adult minn ċittadin ta’ dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-kunjom patronimiku fih titolu ta’ nobbiltà li ma huwiex aċċettat fl-ewwel Stat Membru skont id-dritt kostituzzjonali tiegħu, peress li l-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet f’dan il-kuntest huma ġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, jiġifieri li huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma jridu jiggarantixxu u proporzjonali għall-għan leġittimament segwit.

Fil-fatt, ma kienx jidher sproporzjonat li Stat Membru jfittex illi jilħaq għan li jippreżerva l-prinċipju ta’ trattament ugwali billi jipprojbixxi kull akkwist, pussess u użu, miċ-ċittadini tiegħu, ta’ titoli ta’ nobbiltà jew ta’ elementi nobbli li jistgħu jwasslu sabiex wieħed jaħseb li min għandu dak l-isem għandu tali unur. F’dawk il-kundizzjonijiet, tali rifjut ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura li tikkawża preġudizzju inġustifikat għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(ara l-punti 93, 94 u 95 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Ċittadinanza Ewropea – Moviment liberu u residenza libera fl-Istati Membri – Liġi ta’ Stat Membru li għandha status kostituzzjonali li tabolixxi n-nobbiltà f’dan l-Istat – Kunjom patronimiku ta’ persuna maġġorenni, ċittadina tal-imsemmi Stat, miksub permezz ta’ adozzjoni fi Stat Membru ieħor, li fih hija tirrisjedi – Titolu ta’ nobbiltà u prefiss nobbli li jagħmel parti mill-kunjom – Reġistrazzjoni mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru fir-reġistru tal-istat ċivili – Korrezzjoni ex officio tar-reġistrazzjoni – Irtirar tat-titolu u tal-prefiss nobbli”

Fil-Kawża C‑208/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Ilonka Sayn-Wittgenstein

vs

Landeshauptmann von Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sayn-Wittgenstein, minn J. Rieck, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u E. Handl‑Petz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn D. Hadroušek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Sayn‑Wittgenstein, ċittadina Awstrijaka residenti fil-Ġermanja, u l-Landeshauptmann von Wien (il-kap tal-gvern tal-Land ta’ Vjenna) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar intiża sabiex jikkoreġi r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-istat ċivili tal-kunjom Fürstin von Sayn‑Wittgenstein, miksub fil-Ġermanja wara adozzjoni minn ċittadin Ġermaniż, sabiex jinbidel bil-kunjom Sayn‑Wittgenstein.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-liġi Awstrijaka

 Il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà u d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni

3        Il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, l-ordnijiet sekulari tal-kavallieri u ta’ ċerti titoli u onorefiċenzi (Gesetz vom 3. April 1919 über die Aufhebung des Adels, der weltlichen Ritter- und Damenorden und gewisser Titel und Würden) tat-3 ta’ April 1919 (StGBl. 211/1919), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (StGBl. 1/1920, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà”), għandha valur ta’ liġi kostituzzjonali skont l-Artikolu 149(1) tal-Liġi kostituzzjonali federali (Bundes-Verfassungsgesetz).

4        L-Artikolu 1 tal-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà jipprovdi:

“In-nobbiltà, il-privileġġi onorefiċi esterjuri tagħha, kif ukoll it-titoli u l-unuri mogħtija sempliċement sabiex jiddistingwu lil persuna li lilha ngħataw u li ma humiex relatati ma’ funzjoni uffiċjali, mal-professjoni jew ma’ kompetenzi xjentifiċi jew artistiċi, kif ukoll il-privileġġi relatati ma’ tali titoli u unuri mogħtija lil ċittadini Awstrijaċi, huma aboliti.”

5        L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Id-deċiżjoni dwar it-titoli u l-unuri li għandhom jiġu kkunsidrati bħala aboliti skont l-Artikolu 1 hija fil-kompetenza tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Interni u Istruzzjoni Pubblika.”

6        Id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni meħuda mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Interni u Istruzzjoni Pubblika kif ukoll mis-Segretarjat għall-Ġustizzja, bi ftehim mas-Segretarjati tal-Istat l-oħra kkonċernati, dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà kif ukoll ta’ ċerti titoli u unuri (Vollzugsanweisung des Staatsamtes für Inneres und Unterricht und des Staatsamtes für Justiz, im Einvernehmen mit den beteiligten Staatsämtern vom, über die Aufhebung des Adels und gewisser Titel und Würden) tat-18 ta’ April 1919 (StGBl. 237/1919) fl-Artikolu 1 tagħhom jipprovdu:

“L-abolizzjoni tan-nobbiltà, tal-privileġġi onorefiċi esterjuri tagħha, kif ukoll tat-titoli u tal-unuri mogħtija sempliċement sabiex jiddistingwu lil persuna li lilha ngħataw u li ma humiex relatati ma’ funzjoni uffiċjali, mal-professjoni jew ma’ kompetenzi xjentifiċi jew artistiċi u privileġġi relatati, tirrigwarda liċ-ċittadini Awstrijaċi kollha, indipendentement minn jekk l-imsemmija privileġġi ġewx miksuba fil-pajjiż jew fl-esteru.”

7        L-Artikolu 2 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“L-Artikolu 1 tal-[liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà] abolixxa:

1.      id-dritt tal-użu tal-prefiss nobbli ‘von’ (‘ta’’);

[…]

4.      id-dritt tal-użu ta’ titoli ta’ nobbiltà bħal kavallier (‘Ritter’), baruni (‘Freiherr’), konti (‘Graf’) u prinċep (‘Fürst’), it-titolu ta’ duka (‘Herzog’), kif ukoll titoli korrispondenti oħra, nazzjonali jew barranin; […]

[…]”

8        L-Artikolu 5 tal-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni jipprovdi diversi sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-projbizzjoni.

Ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat

9        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tal-liġi federali dwar id-dritt internazzjonali privat (Bundesgesetz über das internationale Privatrecht) tal-15 ta’ Ġunju 1978 (BGBl. 304/1978), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. I 58/2004), tipprovdi illi l-istatus personali ta’ persuna fiżika huwa stabbilit mil-liġi tal-Istat li tagħha dik il-persuna hija ċittadina.

10      Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din il-liġi, l-użu tal-isem ta’ persuna huwa rregolat mir-regoli dwar l-istatus personali, tkun xi tkun il-bażi li fuqu ikun ġie akkwistat dak l-isem.

11      L-Artikolu 26 tal-imsemmija liġi jipprovdi illi r-rekwiżiti tal-adozzjoni huma rregolati mil-liġi li tirregola l-istatus personali tal-persuna li tadotta u tal-persuna adottata, filwaqt li, fil-każ ta’ adozzjoni minn persuna waħda, l-effetti tagħha huma rregolati mil-liġi li tirregola l-istatus personali tal-persuna li tadotta. Skont l-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika tal-Awstrija u l-awturi ċċitati minnha, l-effetti hekk rregolati huma biss dawk illi jaqgħu taħt id-dritt tal-familja u ma jinkludux kif jiġi stabbilit l-isem tal-persuna adottata, li jibqa’ rregolat mill-Artikolu 13(1) tal-imsemmija liġi federali dwar id-dritt internazzjonali privat.

 Ir-regoli tad-dritt ċivili

12      L-Artikolu 183(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 25/1995), jipprovdi:

“Meta wild adottat jiġi adottat minn persuna waħda u r-rabta familjari mal-ġenitur l-ieħor ma tibqax fis-seħħ skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 182(2), il-wild adottat jikseb il-kunjom tal-persuna li tadotta […]”

 Il-liġi dwar l-istat ċivili

13      L-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar l-istat ċivili (Personenstandsgesetz, BGBl. 60/1983) jirrikjedi li reġistrazzjoni tiġi kkorreġuta jekk tkun inkorretta meta tkun saret.

 Il-liġi Ġermaniża

Ir-regoli dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà

14      L-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni tal-Imperu Ġermaniż (Verfassung des Deutschen Reichs), adottata fil-11 ta’ Awwissu 1919 f’Wiemar, abolixxa, b’mod partikolari, il-privileġġi kollha marbuta mat-twelid jew mal-istatus soċjali u stipula li t-titoli tan-nobbiltà minn issa ’l quddiem ser ikunu kkunsidrati biss bħala parti minn kunjom patronimiku u li ma setgħux jingħataw iktar ġodda.

15      Skont l-Artikolu 123(1) tad-dritt Kostituzzjonali (Grundgesetz), din id-dispożizzjoni għadha applikabbli sal-lum, u għandha l-istatus ta’ liġi federali ordinarja (sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht tal-11 ta’ Marzu 1966 u tal-11 ta’ Diċembru 1996).

Ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat

16      L-Artikolu 10(1) tal-liġi li tintroduċi l-Kodiċi Ċivili (Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“EGBGB”) jipprovdi:

“L-isem ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li tiegħu hija ċittadina.”

17      L-Artikolu 22(1) u (2) tal-EGBGB jipprovdi illi l-adozzjoni u l-effetti tagħha fuq ir-relazzjonijiet legali bejn dawk ikkonċernati, li jaqgħu fil-kamp tad-dritt tal-familja, huma rregolati mil-liġi tal-Istat li tiegħu l-persuna li tadotta hija ċittadina.

18      Fid-deċiżjoni tar-rinviju ġie indikat, kif ġie kkonfermat mill-Gvern Ġermaniż, illi l-effetti tal-adozzjoni f’dak li jirrigwarda l-isem madankollu huma evalwati skont il-liġi tal-Istat li tiegħu l-wild adottat huwa ċittadin, skont l-Artikolu 10(1) tal-EGBGB. Id-dritt internazzjonali privat Ġermaniż jistipula illi ċ-ċittadinanza ta’ persuna hija l-element ta’ rabta fl-għażla tal-liġi applikabbli sabiex jiġi stabbilit il-kunjom patronimiku.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twieldet fi Vjenna (l-Awstrija) fl-1944 u hija ċittadina Awstrijaka.

20      Permezz ta’ digriet mogħti fl-14 ta’ Ottubru 1991, skont l-Artikoli 1752 u 1767 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch), il‑Kreisgericht Worbis (il-Ġermanja) iddeċieda favur l-adozzjoni, minn ċittadin Ġermaniż, Lothar Fürst von Sayn‑Wittgenstein, tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Huwa paċifiku illi l-adozzjoni ma kellhiex effett fuq iċ-ċittadinanza ta’ din tal-aħħar.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tgħix fil-Ġermanja fil-mument tal-adozzjoni tagħha u għadha tirrisjedi hemm. Il-qorti tar-rinviju ma tindikax taħt liema titolu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrisjedi fil-Ġermanja. Madankollu, matul is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjara illi din tal-aħħar kienet teżerċita attività professjonali prinċipalment fil-Ġermanja, iżda wkoll barra dan l-Istat Membru, fil-qasam tal-proprjetà immobbli ta’ prestiġju. Fil-bejgħ ta’ kastelli u djar kbar sinjorili fil-kampanja, hija kienet topera, b’mod partikolari, bl-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein.

22      Permezz ta’ digriet supplimentari tal-24 ta’ Jannar 1992, il-Kreisgericht Worbis ippreċiża illi, wara l-adozzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet kisbet bħala isem tat-twelid, il-kunjom patronimiku tal-missier adottiv, jiġifieri “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein”, li kellu jkun l-isem tagħha.

23      L-awtoritajiet Awstrijaċi pproċedew bir-reġistrazzjoni ta’ dan il-kunjom patronimiku fir-reġistru tal-istat ċivili Awstrijak.

24      Fil-kuntest tat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-seduta kif ukoll wara s-seduta, jidher li r-rikorrenti ngħatat liċenzja tas-sewqan Ġermaniża taħt l-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein u ħolqot kumpannija taħt dan l-isem fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-passaport Awstrijak tagħha ġġedded tal-anqas darba, fis-sena 2001, u nħarġu żewġ ċertifikati ta’ ċittadinanza mill-awtoritajiet konsulari Awstrijaċi fil-Ġermanja, u dawn id-dokumenti kollha nħarġu taħt l-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn‑Wittgenstein.

25      Fis-27 ta’ Novembru 2003, il-Verfassungsgerichtshof (qorti Kostituzzjonali) (Awstrija) tat sentenza f’kawża li tirrigwarda sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Filwaqt li għamlet sunt tal-istat tad-dritt Awstrijak, il-qorti ddeċidiet illi l-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, li għandha status ta’ liġi kostituzzjonali u li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan il-qasam, timpedixxi lil ċittadin Awstrijak milli jakkwista kunjom patronimiku li fih titolu antik ta’ nobbiltà, permezz ta’ adozzjoni minn ċittadin Ġermaniż li legalment għandu dan it-titolu ta’ nobbiltà bħala element kostitwenti ta’ ismu. Fil-fatt, skont il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, iċ-ċittadini Awstrijaċi ma jistax ikollhom titoli ta’ nobbiltà, anki jekk ikunu ta’ oriġni barranija. Barra minn hekk, din is-sentenza kkonfermat il-ġurisprudenza preċedenti illi tgħid illi, kuntrarjament għal-liġi Ġermaniża, il-liġi Awstrijaka ma tippermettix illi l-kunjomijiet patronimiċi jiġu ffurmati skont regoli differenti għall-irġiel u għan-nisa.

26      Wara din is-sentenza, il-Landeshauptmann von Wien kkunsidra illi l-att tat-twelid tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara l-adozzjoni kien skorrett. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ April 2007, li tirreferi għal din l-istess sentenza, huwa informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-intenzjoni tiegħu illi jikkoreġi l-kunjom patronimiku li jinsab fir-reġistru tal-istat ċivili f’“Sayn-Wittgenstein”.

27      Minkejja l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li invokat b’mod partikolari, id-dritt, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, li tivvjaġġa fl-Istati Membri mingħajr il-ħtieġa li tibdel l-isem, il-Landeshauptmann von Wien iddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Awwissu 2007, li l-kunjom tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellu issa jiġi reġistrat, permezz ta’ korrezzjoni, bħala “Sayn‑Wittgenstein” fir-reġistru tal-istat ċivili.

28      Peress li r-rikors amministrattiv tagħha kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet l-annullament tagħha quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

29      Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka b’mod partikolari, id-drittijiet tagħha tal-moviment liberu u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif iggarantiti mit-trattati.

30      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-effetti tal-adozzjoni fir-rigward tal-liġi li tirregola l-isem hija ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni għaliex hija jkollha tuża kunjomijiet patronimiċi differenti fi Stati Membri differenti. Hija tqis, fir-rigward tal-ordni pubbliku, li l-Istati Membri jobbligaw reċiprokament lil xulxin sabiex jillimitaw l-applikazzjoni tagħha għall-każijiet l-iktar neċessarji u l-iktar serji u, għall-kumplament, jagħtu l-ikbar fiduċja possibbli lid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri l-oħra u sabiex dawn id-deċiżjonijiet jiġu rikonoxxuti. L-applikazzjoni tal-ordni pubbliku tissoponi wkoll rabta mill-qrib li ċ-ċittadinanza biss ma hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi.

31      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali targumenta, barra minn hekk, li bidla fil-kunjom patronimiku “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” li hija użat b’mod kontinwu matul ħmistax-il sena tikkostitwixxi preġudizzju għad-dritt tar-rispett tal-ħajja familjari ggarantit bl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Diċembru 1950. Hija tirrikonoxxi li huwa veru li din hija liġi li tippermetti li jiġi kkawżat preġudizzju għal dan id-dritt, f’dan il-każ il-liġi Awstrijaka fuq l-istat ċivili, imma f’dan il-każ dan huwa preġudizzju għal dritt akkwistat b’mod leġittimu u in bona fide, li għalih ma jistax ikun hemm preġudizzju fin-nuqqas ta’ ħtieġa partikolari.

32      Quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, il-Landeshauptmann von Wien talab li r-rikors jiġi miċħud. Huwa sostna, b’mod partikolari, illi f’din il-kawża ma teżisti l-ebda ċirkustanza illi twassal għal ksur tad-dritt tal-moviment liberu stipulat fl-Artikolu 21 TFUE u għall-eżistenza ta’ inkonvenjenzi serji għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħal dawk deskritti fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, Ġabra p. I‑7639). Fil-fatt ir-rikorrenti ma ntalbitx tuża ismijiet differenti, iżda sempliċement illi tirtira l-element nobbli “Fürstin von” mill-kunjom patronimiku Sayn‑Wittgenstein, li jibqa’ ma jinbidilx. Anki jekk il-bidla fir-reġistru tal-istat ċivili twassal għal inkonvenjenzi fuq livell professjonali jew personali għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn l-inkonvenjenzi ma għandhomx jingħataw sinjifikat tali illi jiġġustifikaw li tiġi injorata l-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, li għandha status kostituzzjonali, akkumpanjat il-ħolqien tar-Repubblika tal-Awstrija u implementat, f’dan il-qasam, il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Li kieku ma kienx hekk, minn dan jirriżulta ksur gravi tal-valuri fundamentali li fuqhom tistrieħ is-sistema legali Awstrijaka.

33      Finalment, il-Landeshauptmann von Wien isostni illi, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ġermaniżi, l-isem ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li tiegħu din il-persuna hija ċittadina. Bl-applikazzjoni korretta ta’ din il-liġi, il-Kreisgericht Worbis kellu jasal għal konklużjoni illi l-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellu jiġi stabbilit bl-applikazzjoni tal-liġi Awstrijaka. Il-forma “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” ma kinitx awtorizzata bil-liġi Awstrijaka, filwaqt li l-liġi Ġermaniża kienet tikkunsidra wkoll illi l-applikazzjoni tagħha fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet skorretta.

34      Il-Verwaltungsgerichtshof iqis li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Awstrijaka li tirrisjedi fil-Ġermanja, tista’, bħala regola, tinvoka l-Artikolu 21 TFUE. Filwaqt li jiġi rrilevat illi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx iddeċidiet dwar kwistjonijiet relatati mal-ordni pubbliku meta hija ppreċiżat li ostakolu għall-moviment liberu ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jekk kien proporzjonat mal-għan leġittimament segwit, huwa mistoqsi jekk, f’din il-kawża, restrizzjoni għall-moviment liberu li tista’ tirriżulta mill-bidla tal-kunjom patronimiku tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax xorta tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-projbizzjoni, li għandha saħħa ta’ dispożizzjoni kostituzzjonali, tal-użu ta’ titolu ta’ nobbiltà, peress illi din ir-regola tipprojbixxi liċ-ċittadini Awstrijaċi milli jużaw titoli simili, anki jekk dawn huma bbażati fuq il-liġi Ġermaniża.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 18 KE jipprekludi regola li tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jirrifjutaw milli jirrikonoxxu kunjom [patronimiku], li ġie ddefinit fi Stat Membru ieħor, ta’ tifla adottata (adulta) meta dan il-kunjom [patronimiku] jinkludi titolu ta’ nobbiltà li mhux aċċettat fl-ewwel Stat Membru (anki skont id-dritt kostituzzjonali ta’ dan l-Istat)?”

 Fuq id-domanda preliminari

36      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jirrifjutaw li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif ġie stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, matul l-adozzjoni tiegħu bħala adult minn ċittadin ta’ dan it-tieni Stat Membru, peress illi dan il-kunjom patronimiku jinkludi titolu ta’ nobbiltà li ma huwiex aċċettat fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa tad-dritt kostituzzjonali tiegħu.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni

37      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat illi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni.

38      Jekk, skont is-sitwazzjoni preżenti tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli li jirregolaw il-kunjom patronimiku ta’ persuna u l-użu ta’ titoli ta’ nobbiltà jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar xorta waħda għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan sens, is-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

39      Huwa stabbilit illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina ta’ Stat Membru u, bħala ċittadina tal-Unjoni, eżerċitat id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant hija korrettament invokat il-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

40      Barra minn hekk, matul is-seduta ġie indikat illi r-rikorrenti, fil-Ġermanja, għandha attività professjonali ta’ provvista ta’ servizzi lil destinatarji fi Stat Membru ieħor jew iktar. Għalhekk, bħala regola, hija korrettament invokat il-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 56 TFUE.

41      Huwa stabbilit illi, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE moqri flimkien mas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, u n-nuqqas ta’ rikonoxximent fi Stat Membru ta’ kunjom patronimiku miksub fi Stat Membru ieħor, indipendentement mill-eżerċizzju jew le ta’ attività ekonomika mill-persuna kkonċernata. Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju ma tqisx utli li tindika taħt liema titolu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrisjedi fil-Ġermanja. Permezz tad-domanda tagħha, hija essenzjalment trid tkun taf jekk raġunijiet ta’ natura kostituzzjonali jistgħux jawtorizzaw Stat Membru sabiex ma jirrikonoxxix fl-elementi kollha tiegħu isem miksub minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu fi Stat Membru ieħor u mhux jekk il-fatt li ma tirrikonoxxix isem miksub legalment fi Stat Membru ieħor huwiex ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE.

42      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, ir-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru illi jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru miksub bis-saħħa ta’ adozzjoni fi Stat Membru ieħor, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq id-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

43      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni illi n-nuqqas ta’ rikonoxximent, bl-applikazzjoni tar-regoli Awstrijaċi li jipprojbixxu t-titolu ta’ nobbiltà, ta’ elementi nobbli tal-isem miksub legalment fil-Ġermanja, bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ma tistax tiġi kkontestata u għalhekk vinkolanti legalment fis-sistema legali Ġermaniża, għandu bħala effett illi, fil-karti tal-identità li jinħarġulha fl-Awstrija, isimha se jkun miktub differenti minn dak li hija tuża fil-Ġermanja. Mis-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta illi l-fatt li Stat Membru ma jirrikonoxxix isem miksub fi Stat Membru ieħor u r-restrizzjoni li tirriżulta minn hekk dwar l-użu ta’ ismijiet differenti f’dawn iż-żewġ Stati Membri joħloq preġudizzju għad-dritt taċ-ċittadini kollha li jiċċirkolaw liberament bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) TFUE.

44      Il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li, għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda ostakolu għall-moviment liberu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

45      Skont il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, l-ewwel nett, is-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali hija differenti minn dik - li ġiet ikkwalifikata bħala ostakolu fis-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq – li fiha persuna li eżerċitat id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun obbligata li tuża, fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina, isem differenti minn dak mogħti lilha u rreġistrat fl-Istat Membru tat-twelid u tar-residenza. Peress illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ċittadina Awstrijaka, imwielda fl-Awstrija, hija ma setgħetx tressaq prova tal-identità tagħha ħlief abbażi ta’ provi u dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Ma kien hemm l-ebda reġistrazzjoni relatata mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-reġistru tal-istat ċivili Ġermaniż, b’tali mod li ma setax ikun hemm diverġenza fir-rigward tal-forom li bihom il-kunjom patronimiku tagħha huwa rreġistrat fir-reġistri fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

46      It-tieni nett, il-fatt illi, fi Stat Membru, titolu ta’ nobbiltà ma jistax jifforma parti integrali mill-kunjom skont il-liġi nazzjonali applikabbli għall-formazzjoni tal-isem f’dan l-Istat ma jwassal għal ebda inkonvenjent għal ċittadin ta’ Stat Membru f’dak li jirrigwarda l-garanzija tal-moviment liberu. L-ebda inkonvenjent imsemmi fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata ’iktar il fuq, ma jeżisti f’dan il-każ. B’mod partikolari, il-korrezzjoni tal-isem reġistrat fir-reġistru tal-istat ċivili Awstrijak ma tagħtix lok għal riskju konkret ta’ dubju fir-rigward tal-identità tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

47      Skont il-Gvern Awstrijak, anki jekk, bl-applikazzjoni tad-dritt Awstrijak, it-titolu ta’ nobbiltà “Fürst” u l-prefiss nobbli “von” tneħħew, l-elementi essenzjali ta’ individwaliżmu tal-kunjom patronimiku jibqgħu hemm. Skont dan il-gvern, fil-fatt, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja tuża l-isem “Fürstin von Sayn‑Wittgenstein” fil-ħajja ta’ kuljum tagħha u jekk hija tippreżenta karta tal-identità bl-isem “Sayn‑Wittgenstein”, l-awtoritajiet Ġermaniżi xorta jibqgħu jistgħu jidenfikawha b’ċertezza u jirrikonoxxuha, iktar u iktar peress illi bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ma hemmx barrieri lingwistiċi.

48      Il-Gvern Ċek iqis illi n-nuqqas ta’ rikonoxximent fi Stat Membru ta’ parti mill-isem li huwa awtorizzat fi Stat Membru ieħor, b’applikazzjoni ta’ liġi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ksur tal-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, il-funzjoni tat-titoli hija essenzjalment differenti minn dik tal-kunjomijiet patronimiċi. Filwaqt li l-funzjoni tal-isem huwa li jidentifika lill-persuna li tużah, it-titolu jservi sabiex jirrikonoxxi ċertu status soċjali ta’ persuna. Hija kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru illi jiddeċiedi jekk jixtieqx jagħti ċertu status soċjali lil tali jew tali persuna.

49      Il-Gvern Taljan iqis li fil-kawża prinċipali ma jidher li jeżisti l-ebda inkonvenjent imsemmi fis-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, bħala konsegwenza potenzjali negattiva li tirriżulta mid-diversità tal-kunjomijiet mogħtija minn Stati Membri differenti lill-istess persuna. Hija kwistjoni mhux wisq ta’ diversità tal-kunjomijiet, iżda iktar dwar il-preżenza jew le, flimkien mal-kunjom, ta’ titolu ta’ nobbiltà. Dan it-titolu jindika status soċjali partikolari u huwa distint mill-kunjom, li waħdu jidentifika verament lill-persuna. Ikunx hemm jew le indikazzjoni ta’ dan it-titolu ta’ nobbiltà bl-ebda mod ma jwassal għar-riskju ta’ dubju dwar l-identità ta’ persuna jew dwar il-veraċità tad-dokumenti li jikkonċernawha.

50      Il-Gvern Slovakk jirrileva illi, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Awstrija u tal-Ġermanja, l-isem ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li tiegħu dik il-persuna hija ċittadina. Mill-konvenzjonijiet internazzjonali, li tagħhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kontraenti, jirriżulta illi l-isem u l-kunjom patronimiku huma rregolati mil-liġi tal-Istat li tiegħu l-persuna hija ċittadina u li Stat kontraenti għandu jimponi l-bidla tal-kunjomijiet patronimiċi ta’ ċittadini ta’ Stat kontraenti ieħor jekk dawn ma jkunux ukoll ċittadini tiegħu.

51      Il-Kummissjoni Ewropea tqis illi l-Artikolu 21 TFUE jipprekludi, bħala regola, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ elementi kostituttivi ta’ isem miksub legalment fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadin. Il-fatt, għal ċittadin tal-Unjoni li uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, li ma huwiex awtorizzat juża, fl-Istat Membru tal-oriġni, il-kunjom miksub legalment permezz ta’ adozzjoni fi Stat Membru ieħor, huwa, bħala regola, inkompatibbli mal-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jikkostitwixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Madankollu ma huwiex eskluż illi xi raġunijiet partikolari jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-persuni bħal f’każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

52      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat illi l-isem ta’ persuna huwa element kostituttiv tal-identità tiegħu u tal-ħajja privata tiegħu, l-protezzjoni ta’ liema hija stabbilita fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Anki jekk l-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni ma jsemmix dan b’mod speċifiku, l-isem ta’ persuna jirrigwarda mhux biss il-ħajja privata u familjari tagħha, iżda huwa wkoll mezz ta’ identifikazzjoni personali u ta’ rabta ma’ familja (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi Burghartz vs L‑Isvizzera tat-22 ta’ Frar 1994, serje A nru 280-B, p. 28, § 24, u Stjerna vs Il-Fillandja tal-25 ta’ Novembru 1994, serje A nru 299-B, p. 60, § 37).

53      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, tal-4 ta’ Diċembru 2008, Zablocka-Weyhermüller, C‑221/07, Ġabra p. I‑9029, punt 35, u tat-23 ta’ April 2009, Rüffler, C‑544/07, Ġabra p. I‑3389, punt 73).

54      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi l-fatt li, persuna li eżerċitat id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tkun obbligata illi tuża, fl-Istat Membru li tiegħu hija għandha ċ-ċittadinanza, isem differenti minn dak lilha mogħti u rreġistrat fl-Istat Membru ta’ twelid u ta’ residenza jista’ jostakola d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 23).

55      Fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avella (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613) ġie deċiż illi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil persuna li tuża kunjomijiet patronimiċi differenti fi Stati Membri differenti hija inkompatibbli mal-Artikoli 12 KE u 17 KE. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi fir-rigward ta’ tfal li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri, li jekk ikollhom kunjomijiet differenti, dan jista’ jikkawżalhom inkonvenjenti serji fil-livell kemm professjonali kif ukoll f’dak privat li jirriżultaw, b’mod partikolari, fil-fatt li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jibbenefikaw, fl-Istat Membru li dawn it-tfal ikunu ċittadini tiegħu, mill-effetti legali ta’ atti jew ta’ dokumenti li fihom jintuża l-kunjom rikonoxxut fi Stat Membru ieħor li tiegħu jkunu wkoll ċittadini. Il-persuna kkonċernata tista’ wkoll tiltaqa’ ma’ diffikultajiet b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi attestazzjonijiet, ċertifikati u diplomi fuq liema jista’ jkun hemm manifestament diverġenza mal-kunjom patronimiku tagħha. Din is-sitwazzjoni tista’ tqajjem dubji dwar l-identità ta’ persuna, l-awtentiċità tad-dokumenti ppreżentati jew il-veraċità tal-informazzjoni li fihom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 24 tas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, illi tali inkonvenjenzi serji setgħu jinqalgħu bl-istess mod meta l-wild ikkonċernat ikollu biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed, imma li dan l-Istat ta’ oriġni jirrifjuta li jirrikonoxxi l-kunjom miksub mill-wild fl-Istat ta’ twelid u ta’ residenza.

57      Il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż isostnu illi l-kawża prinċipali hija differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, peress li din l-aħħar kawża kienet dwar rifjut ta’ rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ isem taħt il-forma reġistrata b’mod regolari fir-reġistri mid-dipartimenti tal-istat ċivili ta’ Stat Membru ieħor bis-saħħa ta’ kompetenzi mogħtija lihom. Is-sitwazzjoni li tat lok għall-imsemmija kawża tirriżulta mill-fatt illi, fl-Istat ta’ twelid u ta’ residenza, id-determinazzjoni tal-isem kienet marbuta mal-post tar-residenza filwaqt li, fl-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata kellha ċ-ċittadinanza, kienet marbuta maċ-ċittadinanza. Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, id-dritt materjali applikabbli fil-kawża prinċipali, kif irregolat mir-regoli tad-dritt internazzjonali privat kemm Ġermaniżi kif ukoll dawk Awstrijaċi, huwa biss id-dritt Awstrijak.

58      Skont dawn il-gvernijiet, il-Kreisgericht Worbis għalhekk ma għandux kompetenza, la bis-saħħa tal-liġi Ġermaniża u lanqas b’dik Awstrijaka, sabiex jiddetermina l-kunjom patronimiku tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif huwa għamel, peress illi l-kunjom patronimiku illi huwa indika kien skorrett skont il-liġi Awstrijaka għal żewġ raġunijiet, jiġifieri l-inklużjoni ta’ titolu antik ta’ nobbiltà u tal-prefiss “von” kif ukoll l-użu fil-forma femminili. Bid-differenza għall-kawża li wasslet għas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, l-awtoritajiet nazzjonali differenti ma kellhomx jipproċedu b’reġistrazzjonijiet ta’ kunjomijiet diverġenti fir-reġistru dwar l-istat ċivili. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni kkorreġuta fl-Awstrija ma kinitx tikkonċerna kunjom patronimiku validament mogħti fi Stat Membru ieħor, iżda isem mogħti bi żball, l-ewwel nett mill-Kreisgericht Worbis, u sussegwentement mid-dipartimenti tal-istat ċivili Awstrijaċi.

59      Barra minn hekk, diversi Stati Membri li ppreżentaw sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li r-rikorrenti mhu se jkollha l-ebda inkonvenjent fil-każ tal-korrezzjoni ta’ kunjomha patronimiku fir-reġistru tal-istat ċivili Awstrijak. Minn naħa, hija mhux se tkun obbligata li tuża kunjomijiet patronimiċi differenti fi Stati Membri differenti, peress illi r-reġistrazzjoni kkoreġuta, f’dan ir-reġistru ssir minn dakinhar ’il quddiem awtentika fiċ-ċirkustanzi kollha. Min-naħa l-oħra, l-element ċentrali ta’ identifikazzjoni ta’ kunjomha patronimiku, Sayn-Wittgenstein, se jinżamm, sabiex ma jkunx hemm konfużjoni dwar l-identità tagħha, u se jitneħħa biss l-aġġuntiv mhux definitorju “Fürstin von”.

60      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat illi, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess, l-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsab f’reġistru tal-istat ċivili wieħed, jiġifieri r-reġistru Awstrijak u li huma biss l-awtoritajiet Awstrijaċi li jistgħu jagħtuha dokumenti uffiċjali, bħal passaport jew ċertifikat ta’ ċittadinanza, b’tali mod illi bidla fl-isem reġistrat ma t;wassal għal ebda kunflitt mar-reġistri tal-istat ċivili miżmuma jew ma’ xi dokumenti uffiċjali maħruġa minn Stat Membru ieħor.

61      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat illi numru ta’ azzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll f’dik privata, jirrikjedu l-prova tal-identità, prova li normalment tiġi fornuta mill-passaport. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha biss iċ-ċittadinanza Awstrijaka, u l-produzzjoni tal-imsemmi dokument taqa’ fil-kompetenza tal-awtoritajiet Awstrijaċi biss.

62      Madankollu, matul is-seduta ġie indikat illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali nħarġilha passaport bl-isem Fürstin von Sayn-Wittgenstein mill-awtoritajiet konsulari Awstrijaċi fil-Ġermanja matul il-ħmistax-il sena li għaddew bejn l-ewwel reġistrazzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha bħala “Fürstin von Sayn-Wittgenstein” fl-Awstrija u d-deċiżjoni li jiġi kkorreġut f’“Sayn-Wittgenstein”. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nħarġitilha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża u hija għandha wkoll kumpannija, irreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ, taħt l-isem ta’ Ilonka Fürstin von Sayn-Wittgenstein.

63      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa probabbli illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet reġistrata mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala barranija residenti u ġiet imsieħba f’korpi ta’ sigurtà soċjali Ġermaniżi, għas-sigurtà soċjali tagħha u għall-pensjoni. Minbarra dawn l-inklużjonijiet ta’ isimha f’fajls uffiċjali, matul il-ħmistax-il sena li ddekorrew bejn l-ewwel reġistrazzjoni tal-kunjom patronimiku tagħha bħala “Fürstin von Sayn-Wittgenstein” fl-Awstrija u d-deċiżjoni li dan jiġi kkorreġut f’“Sayn-Wittgenstein”, hija mingħajr dubju fetħet kontijiet bankarji fil-Ġermanja u hemm ikkonkludiet kuntratti li għadhom fis-seħħ sal-lum, bħal kuntratti ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant hija għexet għal perijodu twil fi Stat Membru taħt isem speċifiku, li ħalla numru ta’ traċċi formali kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata.

64      F’dak li jirrigwarda, finalment, l-argument illi l-korrezzjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienx se jwassal għal problemi għall-prova tal-identità tagħha inkwantu huwa biss it-titolu ta’ nobbiltà “Fürstin von” li ma kienx ser jiġi rikonoxxut, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt illi, skont il-liġi Ġermaniża, it-termini “Fürstin von” ma humiex ikkunsidrati bħala titolu ta’ nobbiltà, iżda bħala elementi kostituttiv ta’ isem miksub legalment fl-Istat Membru ta’ residenza.

65      Konsegwentement, l-isem Fürstin von Sayn‑Wittgenstein fil-Ġermanja huwa kunjom patronimiku wieħed kompost minn diversi elementi. Bl-istess mod illi, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, l-isem Grunkin‑Paul kien differenti mill-ismijiet Grunkin u Paul, fil-kawża prinċipali, l-ismijiet Fürstin von Sayn‑Wittgenstein u Sayn-Wittgenstein ma humiex identiċi.

66      Minn diverġenza bejn żewġ ismijiet applikati għall-istess persuni, jistgħu jirriżultaw konfużjoni u inkonvenjenzi.

67      B’hekk, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa “inkonvenjent serju” fis-sens tas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, il-fatt li hemm il-ħtieġa li jinbidlu t-traċċi formali kollha tal-isem Fürstin von Sayn-Wittgenstein kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f’dik privata, peress illi l-karti tal-identità uffiċjali tagħha issa jindikawha b’isem ieħor. Anki jekk, la darba ssir, il-bidla se telimina kull diverġenza futura, huwa probabbli illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha fil-pussess tagħha u jkollha bżonn tippreżenta dokumenti maħruġa jew stabbiliti qabel din il-bidla, li juru kunjom patronimiku differenti minn dak li jidher fuq il-karti tal-identità l-ġodda.

68      Konsegwentement, kull darba illi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tippreżenta l-passaport bl-isem ta’ Sayn‑Wittgenstein sabiex tipproduċi l-prova tal-identità tagħha jew tal-kunjom tagħha fil-Ġermanja, l-Istat ta’ residenza tagħha, hija tirriskja illi jkollha tneħħi suspetti ta’ dikjarazzjoni falza li jirriżultaw mid-diverġenza bejn l-isem korrett, li jidher fuq il-karti tal-identità Awstrijaċi tagħha u l-isem li hija użat matul ħmistax-il sena fil-ħajja ta’ kuljum, li kien rikonoxxut fl-Awstrija sa meta saret il-korrezzjoni inkwistjoni u huwa indikat fuq dokumenti maħruġa f’isimha fil-Ġermanja, bħal-liċenzja tas-sewqan tagħha.

69      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat illi, kull darba li l-isem użat f’sitwazzjoni konkreta ma jikkorrispondix ma dak li jidher fid-dokument ippreżentat bħala titolu ta’ prova tal-identità ta’ persuna, jew jekk l-isem li jidher f’żewġ dokumenti ppreżentati flimkien ma huwiex l-istess, tali diverġenza fil-kunjom patronimiku tista’ twassal għal dubji dwar l-identità ta’ dik il-persuna kif ukoll dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ppreżentati jew il-veraċità tal-informazzjoni li jkun fihom (sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

70      Anki jekk dan ir-riskju jista’ ma jkunx daqstant gravi daqs l-inkonvenjenzi serji li kienu mistennija għat-tifel inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, ir-riskju konkret, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li minħabba d-diversità tal-ismijiet, tal-ħtieġa li jitneħħew dubji dwar l-identità tal-persuna jikkostitwixxi ċirkustanza illi tista’ tostakola l-eżerċizzju tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 21 TFUE.

71      Konsegwentement, ir-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, u reġistrat għal ħmistax-il sena fir-reġistru tal-istat ċivili tal-ewwel Stat Membru, huwa restrizzjoni għal-libertajiet stabbiliti permezz tal-Artikolu 21 TFUE għal kull ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-moviment liberu u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

72      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-ordni pubbliku dejjem tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed mal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ tagħha, ir-rabta mill-qrib biżżejjed mal-Istat Membru kkonċernat kienet nieqsa, peress illi, mid-data tal-adozzjoni tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha r-residenza tagħha fil-Ġermanja.

73      Il-Gvern Awstrijak, Ċek, Taljan, Litwan u dak Slovakk isostnu, f’każ illi l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra illi r-rifjut li jiġu rikonoxxuti, bl-applikazzjoni tal-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, ċerti elementi ta’ kunjom patronimiku, jikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, li tali ostakolu huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonali għall-għan segwit.

74      Il-Gvern Awstrijak, b’mod partikolari, isostni illi d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma intiżi sabiex jissalvagwardjaw l-identità kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Awstrija. Il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, anki jekk ma hijiex parti mill-prinċipju Repubblikan, wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Kostituzzjoni federali, tikkostitwixxi deċiżjoni fundamentali favur it-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi, b’tali mod illi l-ebda ċittadin Awstrijak ma għandu jingħata status partikolari permezz ta’ isem taħt il-forma ta’ predikati nobbli, titoli jew unuri, li l-uniku funzjoni tagħhom hija li jiddistingwu lil min jużahom u li ma għandhom l-ebda rabta mal-professjoni jew mal-istudji tiegħu.

75      Għall-Gvern Awstrijak, l-eventwali restrizzjonijiet għad-dritt ta’ moviment liberu, li jirriżultaw għaċ-ċittadini Awstrijaċi bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma għalhekk iġġustifikati fid-dawl tal-istorja u tal-valur fundamentali tar-Repubblika tal-Awstrija. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jillimitawx l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan hawn fuq imsemmi.

76      Il-Gvern Awstrijak isostni wkoll illi jiġi kkawżat preġudizzju għall-ordni pubbliku fl-Awstrija kieku kellu jiġi rikonoxxut il-kunjom tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jikkorrispondi għall-kunjom patronimiku tal-persuna adottata taħt il-forma femminili, kif stabbilit fil-Ġermanja permezz ta’ digriet tal-Kreisgericht Worbis tal-24 ta’ Jannar 1992. Dan ir-rikonoxximent ikun inkompatibbli mal-valuri fundamentali tas-sistema ġuridika Awstrijaka, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-liġi kostituzzjonali federali u implementat permezz tal-liġi dwar l-ablizzjoni tan-nobbiltà.

77      Il-Gvern Ċek isostni illi jekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-differenzi kkonstatati fid-dritt tal-Istati Membri dwar l-isem tal-persuni jistgħu jwasslu għal ksur tat-trattat FUE, dan ma għandux ikun il-każ f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri meta l-isem jinkludi titolu ta’ nobbiltà li l-persuna kkonċernata ma tistax tuża fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina u meta l-isem jinkludi denominazzjoni li hija kuntrarja għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru l-ieħor.

78      Il-Gvern Taljan u dak Slovakk iqisu illi, jekk restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment ħieles ta’ persuna hija kkonstatata, din tikkorrispondi għal għan leġittimu, ikkostitwita mir-rispett ta’ regola kostituzzjonali, li tesprimi prinċipju ta’ ordni pubbliku li għandu valur essenzjali fis-sistema Repubblikana. Il-fatt li ma tistax tirreġistra kunjom jekk l-elementi nobbli ma jitneħħewx huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u huwa proporzjonali mal-għan segwit, għaliex din tkun l-uniku miżura possibbli sabiex jintħalaq dan l-għan.

79      Fl-istess sens, il-Gvern Litwan iqis li, meta huwa neċessarju li jiġu protetti l-valuri kostituzzjonali fundamentali tal-Istat, bħal, b’mod partikolari, il-lingwa nazzjonali f’dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Litwanja jew l-istruttura tal-Istat f’dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Awstrija, l-Istat Membru kkunsidrat għandu jkun jista’ jieħu hu stess id-deċiżjoni l-iktar xierqa dwar il-kunjom patronimiku ta’ persuna u, f’ċerti każijiet, jibdel l-isem mogħti minn Stat Membru ieħor.

80      Il-Kummissjoni tosserva li l-isem ta’ Fürstin von Sayn‑Wittgenstein inkiseb legalment fil-Ġermanja, anki jekk inkiseb bi żball. Barra minn hekk, dan l-isem diġà ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet Awstrijaċi, anki jekk dan ukoll kien jammonta għal żball. Minkejja dan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-istorja kostituzzjonali Awstrijaka, il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, bħala element ta’ identità nazzjonali. Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-għanijiet segwiti permezz ta’ din il-liġi jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni f’każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-proċedura prinċipali, għandhom jiġu bbilanċjati, l-ewwel nett, l-interess kostituzzjonali sabiex jitneħħew l-elementi nobbli mill-isem tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, it-tieni nett, l-interess li jiġi ppreservat dan l-isem li ġie rreġistrat fir-reġistru tal-istat ċivili Awstrijak matul perijodu ta’ ħmistax-il sena.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief jekk huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u huwa proporzjonali mal-għan leġittimament segwit mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, Ġabra p. I-6947, punt 40; tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz C‑76/05, Ġabra p. I‑6849, punt 94; Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Rüffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

82      Skont il-qorti tar-rinviju u l-gvernijiet illi ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tiġi invokata kunsiderazzjoni oġġettiva bis-saħħa tar-raġuni ġustifikattiva fil-kawża prinċipali marbuta mal-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, li għandha status ta’ regola kostituzzjonali u f’dan il-qasam timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof li tmur lura għas-sena 2003.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess illi, fil-kuntest tal-istorja kostituzzjonali Awstrijaka, il-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà, bħala element ta’ identità nazzjonali, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-ibbilanċjar tal-interessi leġittimi mad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

84      Il-ġustifikazzjoni invokata mill-Gvern Awstrijak b’riferiment għas-sitwazzjoni kostituzzjonali Awstrijaka għandha tiġi interpretata bħala invokazzjoni tal-ordni pubbliku.

85      Kunsiderazzjonijiet oġġettivi marbuta mal-ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw, fi Stat Membru, nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kunjom patronimiku ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu, kif mogħti lilu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grunkin u Paul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

86      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret konsistentement illi l-kunċett ta’ ordni pubbliku bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għal libertà fundamentali għandu jinftiehem b’mod strett, b’tali mod li l-portata tiegħu ma għandhiex tkun stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 30, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C-33/07, Ġabra p. I‑5157, punt 23). Minn dan jirriżulta illi l-ordni pubbliku jista’ jiġi invokat biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara s-sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Il-fatt jibqa’ li ċ-ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw li jsir riferiment għall-kunċett ta’ ordni pubbliku jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u minn żmien għall-ieħor. Għaldaqstant għandu, f’dan ir-rigward, jiġi rrikonoxxut lill-awtoritajiet kompetenti marġni ta’ diskrezzjoni fil-limiti imposti mit-trattat (ara s-sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak indika li l-liġi dwar l-abolizzjoni tan-nobbiltà hija l-implementazzjoni tal-prinċipju iktar ġenerali ta’ trattament ugwali fid-dritt taċ-ċittadini kollha Awstrijaċi.

89      Is-sistema legali tal-Unjoni mingħajr dubju xxaqleb sabiex tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bħala prinċipju ġenerali tad-dritt. Dan il-prinċipju huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk ma hemmx dubju illi l-għan li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

90      Miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali ma jistgħux ikunu ġġustifikati b’raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku ħlief jekk huma jkunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri inqas restrittivi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Omega, punt 36, u Jipa, punt 29).

91      Il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà speċifikat, f’dan ir-rigward, illi ma huwiex indispensabbli li l-miżura restrittiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett kondiviż mill-Istati Membri kollha fir-rigward tal-modalitajiet ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali jew tal-interess leġittimu inkwistjoni u li, għall-kuntrarju, in-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward ma humiex esklużi minħabba l-fatt biss li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat ieħor (sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

92      Għandu jitfakkar ukoll illi skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnhom tagħmel parti wkoll il-forma Repubblikana tal-Istat.

93      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat illi ma kienx jidher sproporzjonat li Stat Membru jfittex illi jilħaq għan li jippreserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali billi jipprojbixxi kull akkwist, pussess u użu, miċ-ċittadini tiegħu, ta’ titoli ta’ nobbiltà jew ta’ elementi nobbli li jistgħu jwasslu sabiex wieħed jaħseb li min għandu dak l-isem għandu tali unur. Billi rrifjutaw li jirrikonoxxu l-elementi nobbli ta’ isem bħal dak tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti fil-qasam tal-istat ċivili ma jidhrux li marru lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan kostituzzjonali fundamentali li huma jsegwu.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif ġie stabbilit fit-tieni Stat Membru, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, matul l-adozzjoni tiegħu bħala adult minn ċittadin ta’ dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-kunjom patronimiku fih titolu ta’ nobbiltà li ma huwiex aċċettat fl-ewwel Stat Membru skont id-dritt kostituzzjonali tiegħu, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala miżura li tikkawża preġudizzju inġustifikat għall-moviment liberu u għar-residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni.

95      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun illi l-Artikolu 21 TFUE ma jipprekludix illi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jirrifjutaw li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif ġie stabbilit fit-tieni Stat Membru, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, matul l-adozzjoni tiegħu bħala adult minn ċittadin ta’ dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-kunjom patronimiku fih titolu ta’ nobbiltà li ma huwiex aċċettat fl-ewwel Stat Membru skont id-dritt kostituzzjonali tiegħu, peress li l-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet f’dan il-kuntest huma ġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, jiġifieri li huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma jridu jiggarantixxu u proporzjonali għall-għan leġittimament segwit.

 Fuq l-ispejjeż

96      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 21 TFUE ma jipprekludix illi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jirrifjutaw li jirrikonoxxu, fl-elementi kollha tiegħu, il-kunjom patronimiku ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, kif ġie stabbilit fit-tieni Stat Membru, li fih jirrisjedi l-imsemmi ċittadin, matul l-adozzjoni tiegħu bħala adult minn ċittadin ta’ dan it-tieni Stat Membru, peress li dan il-kunjom patronimiku fih titolu ta’ nobbiltà li ma huwiex aċċettat fl-ewwel Stat Membru skont id-dritt kostituzzjonali tiegħu, peress li l-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet f’dan il-kuntest huma ġġustifikati minn raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku, jiġifieri li huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma jridu jiggarantixxu u proporzjonali għall-għan leġittimament segwit.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top