This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0128
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 18 October 2011.#Antoine Boxus and Willy Roua (C-128/09), Guido Durlet and Others (C-129/09), Paul Fastrez and Henriette Fastrez (C-130/09), Philippe Daras (C-131/09), Association des riverains et habitants des communes proches de l’aéroport BSCA (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh) (C-134/09 and C-135/09), Bernard Page (C-134/09) and Léon L’Hoir and Nadine Dartois (C-135/09) v Région wallonne.#References for a preliminary ruling: Conseil d'État - Belgium.#Assessment of the effects of projects on the environment - Directive 85/337/EEC - Scope - Concept of ‘specific act of national legislation’ - Aarhus Convention - Access to justice in environmental matters - Extent of the right to a review procedure in respect of a legislative act.#Joined cases C-128/09 to C-131/09, C-134/09 and C-135/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Ottubru 2011.
Antoine Boxus u Willy Roua (C-128/09), Guido Durlet et. (C-129/09), Paul Fastrez u Henriette Fastrez (C-130/09), Philippe Daras (C-131/09), Association des riverains et habitants des communes proches de l’aéroport BSCA (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh) (C-134/09 u C-135/09), Bernard Page (C-134/09) u Léon L’Hoir u Nadine Dartois (C-135/09) vs Région wallonne.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Stima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku’ - Konvenzjoni ta’ Aarhus - Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent - Portata tad-dritt għal rikors kontra att leġiżlattiv.
Każijiet Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Ottubru 2011.
Antoine Boxus u Willy Roua (C-128/09), Guido Durlet et. (C-129/09), Paul Fastrez u Henriette Fastrez (C-130/09), Philippe Daras (C-131/09), Association des riverains et habitants des communes proches de l’aéroport BSCA (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh) (C-134/09 u C-135/09), Bernard Page (C-134/09) u Léon L’Hoir u Nadine Dartois (C-135/09) vs Région wallonne.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Stima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent - Direttiva 85/337/KEE - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku’ - Konvenzjoni ta’ Aarhus - Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent - Portata tad-dritt għal rikors kontra att leġiżlattiv.
Każijiet Magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09711
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:667
** AFFAIRE C-128/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 191.950 du 27/03/2009 (A.178.649/XIII-4359)
** AFFAIRE C-129/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 191.951 du 27/03/2009 (A.180.412/XIII-4431)
** AFFAIRE C-130/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 191.952 du 27/03/2009 (A.172.028/XIII-4127)
** AFFAIRE C-131/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 191.953 du 27/03/2009 (A.172.030/XIII-4130)
** AFFAIRE C-134/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 192.092du 31/03/2009 (A.146.382/XIII-3222)
** AFFAIRE C-135/9 **
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, XIIIe chambre, arrêt nº 192.091du 31/03/2009 (A.166.412/XIII-3912)
Kawżi magħquda C-128/09 sa C-131/09, C-134/09 u C-135/09
Antoine Boxus et
vs
Région wallonne
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))
“Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku’ — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent — Portata tad-dritt għal rikors kontra att leġiżlattiv”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Kamp ta’ applikazzjoni — Proġett adottat b’att leġiżlattiv nazzjonali — Esklużjoni — Kundizzjonijiet
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, Artikolu 1(5))
2. Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Proġett adottat b’att leġiżlattiv nazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva — Dritt għal rikors kontra tali att — Portata
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, Artikolu 10a; Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)
1. L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva biss dawk il-proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, b’mod li l-għanijiet tal-istess direttiva jintlaħqu bil-proċedura leġiżlattiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattiti parlamentari. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv li sempliċement jirratifika att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jkun limitat li jesponi r-raġunijiet superjuri ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu minn qabel għal proċedura leġiżlattiva sostanzjali li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, kif emendata.
(ara l-punt 48 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2005/370, u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
- meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva għandha tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli nazzjonali proċedurali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi;
- fis-sitwazzjoni fejn ebda rikors tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma jista’ jiġi ppreżentat kontra tali att, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża li għandha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt preċedenti u minnu tislet, skont il-każ, il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà ta’ dan l-att leġiżlattiv.
(ara l-punt 57 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Ottubru 2011 (*)
“Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337/KEE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku’ – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent – Portata tad-dritt għal rikors kontra att leġiżlattiv”
Fil-Kawżi magħquda C‑128/09 sa C‑129/09, C‑130/09, C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), bid-deċiżjonijiet tas-27 u tal-31 ta’ Marzu 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6, fid-9 u fl-10 ta’ April 2009, fil-proċeduri
Antoine Boxus,
Willy Roua (C-128/09),
Guido Durlet et (C-129/09),
Paul Fastrez,
Henriette Fastrez (C-130/09),
Philippe Daras (C-131/09),
Association des riverains et habitants des communes proches de l’aéroport BSCA (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh) (C‑134/09 u C‑135/09),
Bernard Page (C-134/09),
Léon L’Hoir,
Nadine Dartois (C-135/09)
vs
Région wallonne,
fil-preżenza ta’:
Société régionale wallonne du transport (SRWT) (C‑128/09 u C‑129/09),
Infrabel SA (C-130/09 u C‑131/09),
Société wallonne des aéroports (SOWEAR)(C‑135/09),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur), Presidenti tal-Awla, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, A. Arabadjiev, C. Toader, u J.‑J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A. Boxus, W. Roua kif ukoll G. Durlet et., minn A. Kettels, avukat,
– għal P. Fastrez u H. Fastrez, minn T. Vandenput, avukat,
– għall-association des riverains u habitants des communes proches de l’aéroport BSCA (Brussels South Charleroi Airport) (ARACh), B. Page u L. L’Hoir kif ukoll N. Dartois, minn A. Lebrun, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn F. Haumont, avocat,
– għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis, bħala aġent,
– għall-Gvern Taljan, par G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Mejju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 9 tal-Konvenzjoni dwar Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), kif ukoll tal-Artikoli 1, 5 u 8 sa 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1. p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).
2 Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn persuni li joqogħdu viċin l-ajruport ta’ Liège-Bierset u ta’ Charleroi-Bruxelles Sud kif ukoll tal-linja tal-ferrovija Bruxelles‑Charleroi u r-Reġjun ta’ Wallonie dwar il-permessi ta’ xogħlijiet marbuta ma’ dawn l-installazzjonijiet.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 Skont l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-definizzjoni mogħtija mill-kunċett “awtorità pubblika” teskludi “korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu f’kapaċità […] leġiżlattiva”.
4 L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:
“1. Kull parti:
a) għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx ikunu permessi l-attivitajiet proposti li huma elenkati fl-Anness I;
b) għandha tapplika ukoll, skont id-dritt nazzjonali tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar attivitajiet proposti, li ma humiex elenkati fl-Anness I, li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jistabbilixxu jekk l-attività proposta hijiex suġġetta għal dawn id-dispożizzjonijiet;
c) tista’ tiddeċiedi, każ b’każ, jekk id-dritt intern jipprovdi hekk, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għall-attivitajiet proposti li jissodisfaw il-bżonnijiet tad-difiża nazzjonali jekk din il-parti tqis li din l-applikazzjoni tmur kontra dawn il-bżonnijiet.
2. F’każ ta’ proċess deċiżjonali ambjentali, il-pubbliku kkonċernat għandu jiġi informat kif xieraq, b’mod effiċjenti u fil-ħin, permezz ta’ avviż pubbliku jew individwalment, skont il-każ, fil-bidu tal-proċess. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari:
a) l-attività proposta, inkluż l-applikazzjoni korrispondenti li dwarha ser tittieħed deċiżjoni;
b) in-natura tad-deċiżjonijiet jew tal-abbozz ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi adottata;
c) indikazzjoni tal-awtorità pubblika inkarigata li tieħu d-deċiżjoni;
d) il-proċedura prevista, inkluż, fil-każijiet fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta:
i) id-data li fiha ser tibda;
ii) l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku;
iii) id-data u l-post ta’ kull seduta pubblika ppjanata;
iv) indikazzjoni tal-awtorità pubblika li tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti u li tista’ tiġi ddepożitata informazzjoni għandha sabiex il-pubbliku jkun jista’ jeżamina tali informazzjoni;
v) indikazzjoni tal-awtorità pubblika jew kull korp pubbliku ieħor kompetenti li lilhom jistgħu jiġu indirizzati kummenti jew mistoqsijiet u t-terminu previst għan-notifika ta’ tali kummenti jew mistoqsijiet;
vi) indikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent marbuta mal-attività proposta li hija disponibbli;
u
e) il-fatt li l-attività hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effett nazzjonali jew transkonfinali fuq l-ambjent.
3. Għall-istadji differenti tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku, hemm termini raġonevoli li jipprovdu żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi informat skont il-paragrafu 2 iktar ’il fuq u sabiex il-pubbliku jipprepara ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fix-xogħlijiet matul il-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam tal-ambjent.
4. Kull parti għandha tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza effettiva.
[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi li:
“Kull Parti għandha, fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li l-membri tal-pubbliku kkonċernati
a) li għandhom interess suffiċjenti, jew sussidjarjament
b) li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala rekwiżit, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti tal-liġi u/jew xi korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, li jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont il-liġi nazzjonali u bla ħsara għal paragrafu 3 ta’ hawn taħt, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.
Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jkun stabbilit skont ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali u b’mod konsistenti mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għal ġustizzja fi ħdan l-iskop ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies li huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu. L-imsemmija organizzazzjonijiet għandhom ukoll jitqiesu li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ ksur għall-finijiet tas-subparagrafu (b) iktar ’il fuq.
Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri tar-reviżjoni amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-reviżjoni ġudizzjarja, fil-każ fejn ikun hemm tali rekwiżit fil-liġi nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt tal-Unjoni
6 Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, il-kunċett ta’ “proġett” huwa ddefinit bħala li jkopri “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra” jew “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”. Il-kunċett ta’ “kunsens għal żvilupp” huwa ddefinit bħala “id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”.
7 L-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.”
8 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom […]”
9 L-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva jipprovdi:
“Fejn jikkunsidraw meħtieġ, Stati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kollha b’informazzjoni relevanti fil-pussess tagħhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-iżviluppatur.”
10 Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 85/337:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:
a) li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament
b) li jżommu l-indebboliment [jinvokaw il-ksur] ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,
ikollhom aċċess għal rivista [reviżjoni] quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati [kkontestati] d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.
Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-indebboliment [il-ksur] ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. Għal dan il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-ħtiġijiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies biżżejjed għall-għan tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li huma kapaċi li jiġu mnaqqra għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista [reviżjoni] preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw l-ħtieġa tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ rivista [reviżjoni] amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċedura tar-reviżjoni ġudizzjarja, meta teżisti din il-ħtieġa taħt il-liġijiet nazzjonali.
Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.
Sabiex iżidu l-effettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħif prattiku [informazzjoni prattika tkun] disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista”.
Id-dritt nazzjonali
11 L-Artikoli 6, 7, 9 u 14 tad-Digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 dwar ċerti permessi li għalihom hemm raġunijiet superjuri ta’ interess ġenerali (Moniteur belge tal-25 ta’ Lulju 2008, p. 38900) jipprovdu:
“Art.6. Il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li kien hemm raġunijiet superjuri fl-interess ġenerali, qiegħed b’hekk jiġi rratifikat:
– fir-rigward tal-atti u xogħlijiet ta’ żvilupp li jikkonċernaw l-infrastruttura u binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tat-13 ta’ Settembru 2006 li jawtorizza l-permess tal-ippjanar għall-estensjoni tar-runway tal-ajruport ta’ Liège-Bierset.
Art. 7. Il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li kien hemm raġunijiet superjuri fl-interess ġenerali, qiegħed b’hekk jiġi rratifikat:
– fir-rigward tal-atti u xogħlijiet ta’ żvilupp li jikkonċernaw l-infrastruttura u binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, il-permess tal-ippjanar tal-ibliet tas-16 ta’ Settembru 2003 maħruġ mill-uffiċjal maħtur mid-Direzzjoni Ġenerali tal-Iżvilupp tat-Territorju, tal-Akkomodazzjoni u tal-Patrimonju ta’ Charleroi lil SA SOWAER għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet sabiex tissaqqaf it-Tintia u għall-bdil tar-rinforz tal-art fil-parti tal-grigal taż-żona tal-ajruport.
[…]
Art. 9. Il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li kien hemm raġunijiet superjuri fl-interess ġenerali, qiegħed b’hekk jiġi rratifikat:
– fir-rigward tal-atti u xogħlijiet ta’ żvilupp li jikkonċernaw l-infrastruttura u binjiet ta’ akkoljenza f’ajruporti reġjonali, id-Digriet Ministerjali tas-27 ta’ Lulju 2005 dwar il-permess tal-ambjent mogħti lil SA għall-ġestjoni tal-ajruport ta’ Charleroi-Bruxelles Sud.
[…]
Art. 14. Il-permess li ġej, li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat li kien hemm raġunijiet superjuri fl-interess ġenerali, qiegħed b’hekk jiġi rratifikat:
– fir-rigward tan-netwerk reġjonali espress u tal-istrutturi, aċċess u servizzi relatati miegħu, id-Digriet Ministerjali tad-9 ta’ Frar 2006 dwar il-permess uniku mogħti lil SNCB (kumpannija nazzjonali tal-ferroviji Belġjana) għall-kostruzzjoni u l-ġestjoni tat-tielet u r-raba’ linji tal-ferroviji tal-linja Infrabel 124 Bruxelles-Charleroi fil-muniċipalitajiet ta’ Waterloo, Braine-l’Alleud u Nivelles.”
12 Mill-fajl jirriżulta essenzjalment li l-Conseil d’État għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi għal annullament intiżi kontra atti amministrattivi u fuq ir-regolamenti tal-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll kontra atti amministrattivi tal-assembleji leġiżlattivi jew tal-korpi tagħhom.
13 Min-naħa l-oħra, ma għandhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar rikorsi ppreżentati kontra atti ta’ natura leġiżlattiva.
14 Madankollu, ir-ratifika, permezz ta’ digriet tal-Parlament ta’ Wallonie, ta’ permessi ta’ kostruzzjoni u ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ xogħol tagħti lil dawn tal-aħħar valur leġiżlattiv. Konsegwentement, il-Conseil d’État ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar rikors għal annullament ippreżentat kontra atti rratifikati, li lanqas ma jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Cour constitutionnelle, li quddiemha, madankollu, jistgħu biss jiġu invokati ċerti motivi.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
15 Quddiem il-Conseil d’État ġew ippreżentati sitt rikorsi li permezz tagħhom residenti viċin l-ajruporti ta’ Liège-Bierset u ta’ Charleroi-Bruxelles Sud kif ukoll viċin il-linja tal-ferroviji Bruxelles‑Charleroi kkontestaw serje ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet adottatti mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-ġestjoni tal-installazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-ajruporti jew mas-servizzi tagħhom.
16 Filwaqt li dawn ir-rikorsi kienu pendenti quddiem din il-qorti, id-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008, li huwa att leġiżlattiv adottat mill-Parlament ta’ Wallonie u approvat mill-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie, “irratifika” dawn il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet, jiġifieri vvalidahom abbażi tar-“raġunijiet imperattivi tal-interess ġenerali”.
17 Dan id-digriet kien is-suġġett ta’ diversi rikorsi għal annullament quddiem il-Cour constitutionnelle.
18 Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti sostnew li, peress li att ta’ natura leġiżlattiv issostitwixxa l-atti amministrattivi kkontestati u peress li jista’ biss jiġi kkontestat quddiem il-Cour constitutionnelle, l-adozzjoni tal-imsemmi digriet tas-17 ta’ Lulju 2008 għandha l-effett li ċċaħħad lill-Conseil d’État minn ġurisdizzjoni u li ċċaħħadhom mill-interess tagħhom li jannullaw dawn l-atti. Barra minn hekk, ir-rikors għal annullament quddiem il-Cour constitutionnelle ma huwiex konformi mal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, sa fejn din il-qorti kienet teżerċità biss stħarriġ limitat fuq il-kostituzzjonalità tal-atti leġiżlattivi u għaldaqstant fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali u mhux stħarriġ komplet fuq il-mertu, fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, u fuq ir-regoli proċedurali applikabbli.
19 Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Cour constitutionnelle diversi domandi preliminari dwar il-kostituzzjonalità tad-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 u lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, li jirriproduċu parzjalment dawk magħmula lill-Cour constitutionnelle u li huma identiċi f’kull kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju:
“1) L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 […] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, jista’ jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni – bħad-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja tas-17 ta’ Lulju 2008 […] – dwar ċerti permessi li għalihom jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – li tillimita ruħha sabiex tipprovdi li ‘hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali’ għall-għoti ta’ permessi ta’ żvilupp urban, permessi ambjentali u permessi uniċi relattivi għall-atti u x-xogħlijiet elenkati fiha u li ‘tapprova’ permessi li għalihom huwa ddikjarat li ‘hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali’?
2) L-Artikoli 1, 5, 6, 7, 8 u 10a tad-Direttiva 85/337/KEE kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 97/11/KE u d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprekludu sistema legali fejn id-dritt li jsir proġett soġġett għal stima tal-effetti fuq l-ambjent jingħata permezz ta’ att leġiżlattiv li kontrih ma jista’ jsir l-ebda appell quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi li jippermetti li tiġi kkontestata, kemm fuq il-livell sostantiv kif ukoll fuq dak proċedurali, id-deċiżjoni li tagħti d-dritt għall-implementazzjoni tal-proġett?
3) L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata mill-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005, għandu jiġi interpretat li jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ appell quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata l-legalità, fir-rigward ta’ kull kwistjoni sostantiva jew proċedurali relatata mar-regoli sostantivi kif ukoll proċedurali li jirregolaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti suġġetti għal stima tal-effetti fuq l-ambjent, tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew ommissjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6?
4) Fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus […], l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 […] kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE, għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ appell quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew ommissjonijiet fir-rigward ta’ kull kwistjoni sostantiva jew proċedurali relatata mar-regoli sostantivi kif ukoll proċedurali li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għal stima tal-effetti fuq l-ambjent?”
20 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 2009, il-Kawżi C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
21 Il-Gvern Belġjan isostni, prinċipalment, li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli. Huwa jsostni li dawn it-talbiet ma jinkludux spjegazzjoni suffiċjenti tal-kuntest fattwali u regolamentari u tal-motivi li wasslu lil qorti tar-rinviju tressaq domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li barra minn hekk, id-domandi magħmula huma ipotetiċi.
22 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-fatti li wasslu għall-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59).
23 Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et., C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6).
24 F’dan ir-rigward, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew il-lingwi uffiċjali ta’ kull Stat Membru (ara sentenza tal-1 ta’ April 1982, Holdijk et., 141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 6).
25 Fil-każ inkwistjoni, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, il-kuntest fattwali u regolamentari, kif ippreżentat fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, jipprovdi l-motivazzjoni li tkun wasslet lill-qorti tar-rinviju tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-fatturi li jippermettu lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lil din tal-aħħar li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.
26 Fil-fatt, l-imsemmi kuntest fattwali u regolamentari huwa biżżejjed sabiex jiċċara d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jikkonċernaw il-kompatibbiltà mad-dritt għal aċċess għall-ġustizzja, iggarantit mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mid-Direttiva 85/337, ta’ att ta’ valur leġiżlattiv li bħala konsegwenza tal-adozzjoni tiegħu, jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli tiddeċiedi fuq kawżi li diġà tressqu quddiemha.
27 Il-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi juri, fi kwalunkwe każ, is-suffiċjenza tal-informazzjoni fuq il-kuntest fattwali u ġuridiku għaliex ippermetta lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni oħra kkonċernati jagħtu effettivament il-fehma tagħhom dwar id-domandi magħmula.
28 Barra minn hekk, il-fatt li l-adozzjoni tad-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 għandu l-effett li, skont id-dritt nazzjonali, iċaħħad lill-qorti tar-rinviju mill-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi fuq atti amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux bħala konsegwenza, li kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, li tirrendi d-domandi magħmula ipotetiċi. Fil-fatt, dawn għandhom bħala għan li jiddeterminaw minn qabel jekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi digriet setax kellu bħala effet li jċaħħad lill-Conseil d’État mill-ġurisdizzjoni tiegħu li jiddeċiedi fuq il-kawżi fil-kawża prinċipali.
29 Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom ma stennietx, sabiex tagħmel domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Cour constitutionnelle tiddeċiedi dwar id-domandi l-oħra li hija ressqet quddiemha fil-kuntest tal-istess kawżi, għandu jitfakkar li, kif intqal fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jipprovdu l-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
30 Il-Gvern Belġjan jinvoka, sussidjarjament, eċċezzjonijiet oħra ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li s-sens u l-portata tad-dispożizzjonijiet li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom huma inekwivoċi, ċerti domandi ma humiex rilevanti u, fl-aħħar nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwar il-portata tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337.
31 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali hija marbuta, meta tqum kwistjoni tad-dritt liġi Komunitarju quddiemha, li twettaq l-obbligu tagħha li tagħmel rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma tkunx ikkonstatat li d-domanda mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni komunitarja inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ċara li ma hemmx lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et., 283/81, Ġabra p. 3415, punt 21).
32 Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qrati nazzjonali jibqgħu, fi kwalunkwe każ, kompletament liberi li jressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun xieraq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cilfit et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 15), mingħajr ma l-fatt li, id-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tintalab mill-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja jew jistgħu jitqiesu li ma jħallu ebda dubju raġonevoli, iċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 31).
33 Fl-aħħar nett, ma jidhirx, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti għall-eżitu tal-kawżi li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju. Kif intqal fil-punt 28 tas-sentenza preżenti, dawn id-domandi għandhom bħala suġġett li jiddeterminaw minn qabel jekk id-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 setax, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-dritt tal-Unjoni, ikollu bħala effett li li jċaħħad lill-Conseil d’État mill-ġurisdizzjoni tiegħu li jiddeċiedi fuq il-kawżi fil-kawża prinċipali.
34 Isegwi li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.
Fuq l-ewwel domanda
35 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi interpretat fis-sens li att, bħal dak tad-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008, li “jirratifika”, billi jagħtihom valur leġiżlattiv ta’ permessi tal-iżvilupp tal-ibliet, tal-ambjent jew ta’ xogħlijiet minn qabel mogħtija mill-awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom huwa ddikjarat li “ma hemmx raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
36 Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 jintlaħqu permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, din id-direttiva ma tapplikax għal proġett ikkonċernat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 51).
37 Din id-dispożizzjoni tissuġġetta għal żewġ kundizzjonijiet l-esklużjoni ta’ proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337. L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-proġett jiġi adottat fid-dettall permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku. Skont it-tieni kundizzjoni, l-għanijiet tad-direttiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz ta’ proċedura leġiżlattiva (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et., C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 57).
38 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, hija timplika qabelxejn li l-proġett jiġi adottat b’att leġiżlattiv speċifiku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċetti ta’ “proġett” u ta” “kunsens għal żvilupp” huma ddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337. Għalhekk, att leġiżlattiv li jadotta proġett għandu, sabiex jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, ikun speċifiku u jkollu l-istess karatteristiċi bħal tali awtorizzazzjoni. Huwa għandu, b’mod partikolari, jagħti l-possibbiltà lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara s-sentenza WWF et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).
39 Barra minn hekk, il-proġett għandu jiġi adottat fid-dettall, jiġifieri b’mod suffiċjentement preċiż u definittiv, b’mod li l-att leġiżlattiv li jadottah għandu jinkludi, bħall-awtorizzazzjoni, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur, l-elementi kollha rilevanti tal-proġett fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara s-sentenza WWF et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). Għalhekk, l-att leġiżlattiv għandu juri li l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 ntlaħqu fir-rigward tal-proġett ikkonċernat (ara s-sentenza Linster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).
40 Minn dan jirriżulta li att leġiżlattiv ma jistax jiġi kkunsidrat li ġie adottat fid-dettall, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, meta ma jinkludix l-elementi neċessajri għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent jew meta jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti oħra sabiex jagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq WWF et., punt 62, kif ukoll Linster, punt 57).
41 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-għan essenzjali ta’ din tal-aħħar huwa li jiġi ggarantit li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs jew il-lok tagħhom, għandhom, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (ara s-sentenza Linster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
42 Barra minn hekk, is-sitt premessa tad-Direttiva 85/337 tippreċiża li l-evalwazzjoni għandha ssir abbażi tal-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, u possibbilment kompletata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li jistgħu jkunu kkonċernati mill-proġett (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq WWF et., punt 61, kif ukoll Linster, punt 53).
43 Sussegwentement, il-leġiżlatur għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tal-proġett, informazzjoni suffiċjenti. Mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 85/337 u mill-Anness IV tagħha jirriżulta li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur għandha tinkludi minn tal-inqas deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tiegħu, deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-effetti negattivi sinjifikanti u, jekk huwa possibbli, li jiġu rrimedjati, kif ukoll l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (ara s-sentenza Linster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).
44 Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċeduri ta’ approvazzjoni ta’ pjan f’fażijiet differenti, id-Direttiva 85/337 ma tipprekludix li l-istess proġett jiġi approvat b’żewġ atti tad-dritt nazzjonali, li flimkien jikkostitwixxu awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 102). Konsegwentement, waqt l-adozzjoni tal-att finali ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, il-leġiżlatur jista’ jibbenefika mill-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva preċedenti.
45 Madankollu, l-eżistenza ta’ tali proċedura amministrattiva ma jistax ikollha bħala konsegwenza li proġett jitqies bħala li ġie adottat fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, jekk dan l-att ma jissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 37 tas-sentenza preżenti. Għalhekk, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jkun limitat li jesponi r-raġunijiet superjuri ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu minn qabel għal proċedura leġiżlattiva sostanzjali li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337.
46 B’mod partikolari, att leġiżlattiv adottat mingħajr ma l-membri tal-korp leġiżlattiv jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-punt 43 tas-sentenza preżenti, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337.
47 Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx osservati. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari tal-atti preparatorji u tad-dibattitu parlamentari.
48 Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu (1)(5) tad-Direttiva 85/37 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss dawk il-proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, b’mod li l-għanijiet tal-imsemmija direttiva jintlaħqu bil-proċedura leġiżlattiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattitu parlamentari. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jkun limitat li jesponi r-raġunijiet superjuri ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu minn qabel għal proċedura leġiżlattiva sostanzjali li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337.
Fuq it-tieni sar-raba’ domandi
49 Permezz tat-tieni sar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u 10a tad-Direttiva 85/337 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-dritt għal twettiq ta’ proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jingħata permezz ta’ att leġiżlattiv li kontra tiegħu ma hemm ebda rikors ġurisdizzjonali fil-liġi nazzjonali quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi li jippermetti li dan l-att jiġi kkontestatat fuq il-mertu u fuq il-proċedura.
50 Mill-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, flimkien mal-Artikoli 6 u 9 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li la din il-konevenzjoni u lanqas din id-direttiva ma japplikaw għal proġetti adottati permezz ta’ att leġiżlattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 37 tas-sentenza preżenti.
51 Għall-proġetti l-oħra, jiġifieri għal dawk adottati kemm b’att li ma huwiex ta’ natura leġiżlattiva, kif ukoll b’att leġiżlattiv li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, mill-kliem stess tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l‑Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-Istati għandhom jipprovdu l-possibbiltà ta’ rikors li jippermetti li jiġu kkontestati, quddiem qorti ġurisdizzjonali jew kwalunkwe korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, il-legalità, kemm dwar il-mertu kif ukoll dwar il-proċedura, ta’ deċiżjonijiet, atti jew ta’ omissjonijiet li jaqgħu, rispettivament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew tad-Direttiva 85/337.
52 Bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tagħhom u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Huma awtorizzati, b’mod partikolari, jiddeterminaw liema qorti jew liema korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi għandu ġurisdizzjoni jiddeċiedi dwar ir-rikorsi msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet u skont liema modalitajiet proċedurali, sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija jiġu osservati.
53 Madankollu, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jitilfu l-effett utli tagħhom jekk is-sempliċi fatt li proġett adottat b’att leġiżlattiv ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 37 tas-sentenza preżenti jkollu bħala konsegwenza li jeskludi kull rikors li bih tista’ tiġi kkontestata l-legalità, kemm tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, fis-sens ta’ dawn it-testi.
54 Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jippresupponu f’dan ir-rigward li, meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew tad-Direttiva 85/337 jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva u mfakkra fil-punt 37 tas-sentenza preżenti għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ, skont ir-regoli nazzjonali proċedurali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi.
55 Fis-sitwazzjoni fejn ebda rikors tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma jista’ jiġi ppreżentat kontra tali att, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża li għandha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt preċedenti u minnu tislet, skont il-każ, il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà ta’ dan l-att leġiżlattiv.
56 Fil-każ ineżami, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-digriet tal-Parlament ta’ Wallonie tas-17 ta’ Lulju 2008 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 u mfakkra fil-punt 37 tas-sentenza preżenti, u jekk jidher li, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, ebda qorti jew korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi ma għandu ġurisdizzjoni li jistħarreġ il-validità, fir-rigward tal-mertu u tal-proċedura, ta’ dan id-digriet, dan għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapplikah.
57 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sar-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva għandha tkun suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli nazzjonali proċedurali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi;
– fis-sitwazzjoni fejn ebda rikors ta’ natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma jista’ jiġi ppreżentat kontra tali att, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża li għandha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha teżerċita l-istħarriġ deskritt fil-punt preċedenti u minnu tislet, skont il-każ, il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà ta’ dan l-att leġiżlattiv.
Fuq l-ispejjeż
58 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva biss dawk il-proġetti adottati fid-dettall b’att leġiżlattiv speċifiku, b’mod li l-għanijiet tal-istess direttiva jintlaħqu bil-proċedura leġiżlattiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew osservati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll il-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-atti preparatorji u d-dibattitu parlamentari. F’dan ir-rigward, att leġiżlattiv li sempliċement “jirratifika” att amministrattiv li jeżisti diġà, billi jkun limitat li jesponi r-raġunijiet superjuri ta’ interess ġenerali mingħajr ma jagħti bidu minn qabel għal proċedura leġiżlattiva sostanzjali li tippermetti li jiġu osservati l-imsemmija kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att leġiżlattiv speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35.
2) L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– meta proġett li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottat b’att leġiżlattiv, il-kwistjoni dwar jekk dan l-att leġiżlattiv jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(5) tal-imsemmija direttiva għandha tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ, skont ir-regoli nazzjonali proċedurali, minn qorti jew minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi;
– fis-sitwazzjoni fejn ebda rikors tan-natura u tal-portata mfakkra iktar ’il fuq ma jista’ jiġi ppreżentat kontra tali att, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża li għandha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha teżerċita l-istħarriġ deskritt fl-inċiż preċedenti u minnu tislet, skont il-każ, il-konsegwenzi tal-inapplikabbiltà ta’ dan l-att leġiżlattiv.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.