Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0050

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Marzu 2011.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Irlanda.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 85/337/KEE - Obbligu li l-awtorità ambjentali kompetenti tevalwa l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent - Pluralità ta’ awtoritajiet kompetenti - Ħtieġa li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn il-fatturi li jistgħu jiġu direttament jew indirettament affettwati - Applikazzjoni tad-direttiva għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ.
    Kawża C-50/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:109

    Kawża C-50/09

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    L-Irlanda

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 85/337/KEE — Obbligu li l-awtorità ambjentali kompetenti tevalwa l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Pluralità ta’ awtoritajiet kompetenti — Neċessità li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn il-fatturi li jistgħu jiġu direttament jew indirettament affettwati — Applikazzjoni tad-direttiva għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Obbligu, għall-awtorità kompetenti, li twettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Portata

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, Artikolu 3)

    2.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Pluralità ta’ awtoritajiet kompetenti — Kundizzjoni — Kompetenzi u regoli li jirregolaw l-implementazzjoni tagħhom li jiggarantixxu evalwazzjoni sħiħa u li ssir qabel l-għoti tal-awtorizazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, Artikoli 2, 3 u 4)

    3.        Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Kamp ta’ applikazzjoni — Xogħlijiet ta’ twaqqigħ — Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, Artikolu 1(2))

    1.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, jimponi fuq l-awtorità ambjentali kompetenti l-obbligu li twettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li għandha tinkludi deskrizzjoni tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi elenkati fl-ewwel tliet inċiżi ta’ dan l-artikolu u l-interazzjoni bejniethom. Dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni huwa distint mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7, 10 u 11 tad-Direttiva 85/337, li essenzjalment huma obbligi ta’ ġbir, ta’ skambju ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni, ta’ reklamar u ta’ garanzija tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju. Dawn huma dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-obbligu sostantiv stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

    Madankollu, anki jekk, skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5 sa 7 tagħha għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, dan l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħħar tal-proċess deċiżjonali, tal-elementi ta’ informazzjoni miġbura mill-awtorità ambjentali ma għandux jiġi konfuż mal-obbligu li ssir evalwazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni, li għandha ssir fil-bidu tal-proċess deċiżjonali, timplika eżami dettaljat tal-informazzjoni miġbura kif ukoll riflessjoni fuq l-opportunità li titjieb, jekk ikun il-każ, permezz ta’ data supplimentari. Din l-awtorità ambjentali kompetenti għandha għalhekk timpenja ruħha f’xogħol li huwa kemm ta’ natura investigattiva kif ukoll ta’ analiżi sabiex tasal għal evalwazzjoni l-iktar sħiħa possibbli tal-effetti diretti u indiretti tal-proġett ikkonċernat fuq il-fatturi elenkati fl-ewwel tliet inċiżi tal-imsemmi Artikolu 3 u tal-interazzjoni bejniethom.

    Għalhekk, kemm minn kliem id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li l-Artikolu 3 tagħha huwa dispożizzjoni fundamentali. Is-sempliċi traspożizzjoni tal-Artikoli 4 sa 11 ta’ din id-direttiva ma tistax titqies li awtomatikament twassal għat-traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 3. Konsegwentement, billi ma jittrasponix dan l-Artikolu 3, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 85/337, kif emendata.

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ inklużjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika u kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed, sakemm dan effettivament jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, jibqa’ xorta l-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jeżiġi li, fil-każ fejn id-direttiva għandha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom.

    (ara l-punti 36, 38-41, 46, 107 u d-dispożittiv)

    2.        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, jindika wkoll li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir qabel ma tingħata l-awtorizazzjoni. Dan jimplika li l-eżami tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva u fuq l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi għandu integralment isir qabel l-imsemmi għoti.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm xejn ma jipprekludi l-għażla ta’ Stat Membru li tiddelega t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva lil żewġ awtoritajiet differenti, din issir bil-kundizzjoni li l-kompetenzi rispettivi ta’ dawn l-awtoritajiet u r-regoli li jirregolaw l-implementazzjoni tagħhom jiggarantixxu li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issir b’mod sħiħ u fi żmien xieraq, jiġifieri qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

    B’hekk, Stat Membru li ma jiżgurax, meta diversi awtoritajiet ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar proġett, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva jiġu osservati, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

    (ara l-punti 76, 77, 107 u d-dispożittiv)

    3.        Xogħlijiet ta’ twaqqigħ jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttivi 97/11 u 2003/35, u, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tagħha.

    Fil-fatt, id-definizzjoni tal-kelma “proġett” li tinsab fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva ma tippermettix li jiġi dedott li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji ta’ din id-definizzjoni. Fil-fatt, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali”. Barra minnn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, jekk ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, ir-riferimenti għall-“wirt kulturali”, fl-Artikolu 3 tagħha, għall-“pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku” fil-punt 2(h) tal-Anness III tal-istess direttiva u għall-“wirt arkitettoniku u arkeoloġiku” fil-punt 3 tal-Anness IV ta’ din tal-aħħar isiru bla skop.

    (ara l-punti 97, 98, 101)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    3 ta’ Marzu 2011 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 85/337/KEE – Obbligu li l-awtorità ambjentali kompetenti tevalwa l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent – Pluralità ta’ awtoritajiet kompetenti – Neċessità li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn il-fatturi li jistgħu jiġu direttament jew indirettament affettwati – Applikazzjoni tad-direttiva għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ”

    Fil-Kawża C‑50/09,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl‑4 ta’ Frar 2009,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver, C. Clyne u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Simons, SC, u D. McGrath, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ġunju 2010,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

    -      billi ma ttrasponietx l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 01, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 03, p. 151), u bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 07, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/377”),

    -      billi ma żguratx, fejn l-awtoritajiet Irlandiżi responsabbli mill-ippjanar tal-art u l-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) għandhom it-tnejn is-setgħa li jiddeċiedu dwar proġett, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 sa 4 ta’ din id-direttiva jiġu kompletament osservati, u

    -      billi eskludiet ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha li ttrasponiet l-istess direttiva,

    l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    2        L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 85/337 jistabbilixxi:

    “2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    proġett tfisser:

    –        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

    –        interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

    [...]

    kunsens għal żvilupp [awtorizzazzjoni] tfisser:

    id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

    3.      L-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun dik jew għandhom ikunu dawk li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli li jagħmlu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.”

    3        Skont l-Artikolu 2(1) sa (2a) tal-imsemmija direttiva:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u evalwazzjoni rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

    2.      L-istima [L-evalwazzjoni] ta’ l-impatt [l-effetti] ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

    2a      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdiena sabiex iwettqu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva u l-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż […]”.

    4        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi li:

    “L-istima [L-evalwazzjoni] dwar l-impatt [l-effetti] fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

    –        il-bniedem, il-fawna u l-flora,

    –        il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

    –        il-beni materjali u l-wirt kulturali;

    –        l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi”.

    5        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi s-segwenti:

    “1.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-evalwazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

    2.      Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

    a)      eżami każ b’każ,

    jew

    b)      l-għetiebi [il-limiti] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

    jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal evalwazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b)”.

    6        L-Artikoli 5 sa 7 tal-imsemmija direttiva jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tinġabar u l-konsultazzjonijiet li għandhom isiru fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni. L-Artikolu 5 jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur, l-Artikolu 6 jirrigwarda l-obbligu li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet responsabbli speċifikament mill-qasam tal-ambjent, minn naħa, u l-pubbliku min-naħa l-oħra, u l-Artikolu 7 jirrigwarda l-obbligu, f’każ ta’ proġett transkonfinali, li l-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat jiġi informat. L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jispeċifika li r-riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

    7        L-Artikoli 9 sa 11 tal-istess direttiva, dwar id-deċiżjoni meħuda fi tmiem tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, jirrigwardaw, rispettivament, l-informazzjoni tal-pubbliku u tal-Istat Membri kkonċernati, l-osservanza tas-sigriet kummerċjali u industrijali, id-dritt tal-membri tal-pubbliku li jippreżentaw azzjoni quddiem qorti u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    8        L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien jobbliga lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mit-3 ta’ Lulju 1998. Fir-rigward tal-emendi magħmula lil din id-direttiva permezz tad-Direttivi 97/11 u 2003/35, l-Istati Membri kellhom jimplementawhom sa mhux iktar tard, rispettivament, mill-14 ta’ Marzu 1999 u mill-25 ta’ Ġunju 2005.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

     Il-Liġi tal-2000 dwar l-ippjanar tal-art u l-iżvilupp

    9        Il-Liġi tal-2000 dwar l-ippjanar tal-art u l-iżvilupp (Planning and Development Act 2000), kif emendat bil-Liġi tal-2006 dwar l-infrastrutturi strateġiċi (Strategic Infrastructure Act 2006, iktar ’il quddiem il-“PDA”), tiddefinixxi l-kuntest ġuridiku li għandu japplika għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw il-parti l-kbira tal-kategoriji tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337. Għal ċerti proġetti, l-awtorizzazzjoni stabbilita mill-PDA, imsejħa “awtorizzazzjoni għall-ippjanar ta’ art” u maħruġa, bħala regola, mill-awtorità lokali, hija l-unika forma ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-proġett. F’dan il-każ, il-PDA tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem l-An Bord Pleanála [Il-Kunsill Nazzjonali fil-qasam tal-ippjanar tal-art (iktar ’il quddiem il-“Kunsill”)].

    10      It-Taqsima X tal-PDA, li tinkludi l-Artikoli 172 sa 177, tirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent. L-Artikolu 176 jistabbilixxi li l-proġetti li jeħtieġu din l-evalwazzjoni huma ddefiniti permezz ta’ liġi. L-Artikolu 172 jistabbilixxi li, għal proġetti rregolati minn dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 176, it-talbiet għal awtorizzazzjoni għandhom jinkludu dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent. Skont l-Artikolu 173, meta talba għal awtorizzazzjoni li għaliha dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent tittressaq quddiem l-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art, l-imsemmija awtorità u, fuq appell, il-Kunsill, għandhom jieħdu din id-dikjarazzjoni inkunsiderazzjoni. L-Artikolu 177 jistabbilixxi li l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’din id-dikjarazzjoni hija ddeterminata permezz ta’ liġi.

    11      Il-metodi ta’ applikazzjoni tal-PDA huma ddefiniti fir-Regolament tal-2001 dwar l-ippjanar tal-art u l-iżvilupp (Planning and Development Regulations 2001), kif emendat bir-Regolament tal-2008 dwar l-ippjanar tal-art u l-iżvilupp (iktar ’il quddiem il-“PDR”), adottat, b’mod partikolari, skont l-Artikoli 176 u 177 tal-PDA.

    12      It-tieni taqsima tal-PDR tikkonċerna l-proġetti li huma eżenti minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tiegħu jirreferi għall-ewwel taqsima tal-Anness 2 tal-imsemmi regolament, li, fil-kategorija 50, tirrigwarda “[i]t-twaqqigħ ta’ bini jew kull struttura oħra”. L-Artikoli 9 u 10 tal-PDR jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom proġett li huwa bħala regola eżenti għandu madankollu jkun suġġett għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

    13      L-għaxar taqsima tal-PDR tirrigwarda l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent. L-Artikolu 93 tiegħu, moqri flimkien mal-Anness 5 tal-imsemmi regolament, jiddefinixxi l-kategoriji ta’ proġetti li jirrikjedu l-imsemmija evalwazzjoni. L-Artikolu 94 tal-PDR, li jelenka l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, jipprovdi s-segwenti:

    “Dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent għandha tinkludi:

    (a)      l-informazzjoni speċifikata fil-punt 1 tal-Anness 6,

    (b)      l-informazzjoni speċifikata fil-punt 2 tal-Anness 6, sa fejn

    (i)      din l-informazzjoni hija rilevanti għal fażi partikolari tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-proġett jew tip ta’ proġett ikkonċernat, kif ukoll l-elementi tal-ambjent li jistgħu jiġu affettwati, u sa fejn

    (ii)      il-persuna, jew persuni, li ppreparaw id-dikjarazzjoni jistgħu, fil-limiti ta’ dak li hu raġonevoli, ikunu responsabbli għal din l-informazzjoni miġbura, b’mod partikolari fid-dawl tal-għarfien u l-metodi ta’ evalwazzjoni attwali, u

    (ċ)      sunt qasir tal-informazzjoni meħtieġa [fl-Artikolu 94](a) u (b) li juża lingwaġġ li ma jkunx tekniku.

    14      L-Anness 6 tal-PDR jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent. Il-punt 2(b) ta’ dan l-anness, jistabbilixxi li għandha tinkludi:

    “Deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-proġett propost, inklużi b’mod partikolari:

    –        il-bniedem, il-fawna u l-flora,

    –        il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

    –        il-beni materjali, li jinkludu l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, u l-wirt kulturali;

    –        l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija iktar ’il fuq”.

    15      Skont l-Artikolu 108 tal-PDR, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ippjanar tal-art għandha tivverifika li l-informazzjoni mniżżla fid-dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent tkun skont ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament.

     Il-Liġi tal-1992 li tistabbilixxi l-Aġenzija

    16      Il-Liġi tal-1992 li tistabbilixxi l-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent (Environmental Protection Agency Act 1992, iktar ’il quddiem l-“EPAA”) introduċiet, b’mod partikolari, sistema ġdida ta’ kontroll għat-tnaqqis fit-tniġġis billi imponiet fuq numru kbir ta’ attivitajiet industrijali l-ħtieġa li jkollhom awtorizzazzjoni mogħtija mill-Aġenzija. Meta l-attività tkun ġdida u/jew tikkonċerna kostruzzjoni ġdida, hija għandha wkoll tikseb l-awtorizzazzjoni għall-ippjanar ipprovduta bil-PDA.

    17      L-Artikolu 98 tal-EPAA, li kien jipprojbixxi lill-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art milli jikkunsidraw l-aspetti marbuta mar-riskji ta’ tniġġis meta jeżaminaw talba għal awtorizzazzjoni ta’ ppjanar tal-art, ġie emendat bl-Artikolu 256 tal-PDA fis-sens li, għalkemm huwa pprojbit għal dawn l-awtoritajiet milli joħorġu l-awtorizzazzjonijiet li huma jagħtu għal attivitajiet li jeħtieġu barra minn hekk awtorizzazzjoni tal-Aġenzija b’kundizzjonijiet li jimponu tnaqqis fl-emmissjoni ta’ tniġġis, huma xorta waħda jistgħu, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li joħorġu awtorizzazzjoni għall-ippjanar ta’ art għal raġunijiet ambjentali. Dan l-Artikolu 98, fil-verżjoni emendata, jistabbilixxi l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jistiednu lill-Aġenzija sabiex tippreżenta osservazzjonijiet, b’mod partikolari li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, l-Aġenzija ma hijiex obbligata li tilqa’ din l-istedina.

    18      Ir-Regolament tal-1994 dwar l-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent [Environmental Protection Agency (Licensing) Regulations 1994, iktar ’il quddiem l-“EPAR”] jipprovdi l-possibbiltà li l-Aġenzija tinnotifika talba għal awtorizzazzjoni lil awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art. Madankollu, l-awtorità ma hijiex obbligata li tirrispondi għal din in-notifika.

     Il-Liġi tal-1930 dwar il-monumenti nazzjonali

    19      Il-Liġi tal-1930 dwar il-monumenti nazzjonali (National Monuments Act 1930, iktar ’il quddiem in-“NMA”) tirregola l-protezzjoni tal-fdalijiet arkeoloġiċi Irlandiżi l-iktar importanti mill-perspettiva kulturali, li huma kklassifikati bħala “monumenti nazzjonali”. Din ġiet emendata bil-Liġi tal-2004 [National Monuments (Amendment) Act 1994] intiża sabiex tnaqqas ir-restrizzjonijiet imposti bil-leġiżlazzjoni preċedenti fil-każ ta’ proposti intiżi li jimmodifikaw jew ineħħu monumenti nazzjonali.

    20      L-Artikolu 14 tan-NMA jagħti lill-Ministru tal-Ambjent, tal-Wirt Kulturali u tal-Amministrazzjoni lokali Irlandiż (iktar ’il quddiem il-“ministru”) is-setgħa diskrezzjonali li jieħu deċiżjoni li tippermetti d-distruzzjoni ta’ monument nazzjonali. Meta matul it-twettiq ta’ proġett ta’ toroq li kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent jinstab monument nazzjonali, l-Artikolu 14a tan-NMA jistabbilixxi li, bħala regola, ix-xogħlijiet għandhom jieqfu sakemm jinħarġu struzzjonijiet mill-ministru. Dawn l-istruzzjonijiet jistgħu jikkonċernaw diversi “interventi fuq il-monument”, li jinkludu t-twaqqigħ tiegħu. Għal dawn l-istruzzjonijiet ma hemm bżonn ta’ ebda evalwazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent. Madankollu, l-Artikolu 14c tan-NMA jistabbilixxi li l-istruzzjonijiet tal-ministru għandhom jintbagħtu lill-Kunsill. Fil-każ li dawn l-istruzzjonijiet jipprovdu għal tibdil fil-proġett tat-toroq li jkun ġie approvat, il-Kunsill għandu jeżamina jekk din il-bidla tistax ikollha effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Jekk dan tal-aħħar iqis li dan huwa l-każ, huwa għandu jimponi l-ħtieġa li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    21      Wara eżami ta’ lment dwar it-traspożizzjoni mill-Irlanda tad-Direttiva 85/337, il-Kummissjoni qieset li din id-direttiva ma kinitx ġiet implementata korrettament u b’mod sħiħ minn dan l-Istat Membru u, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 1998, hija intimat lil dan tal-aħħar sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, skont il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. It-tieni ittra ta’ intimazzjoni ntbagħtet lill-Irlanda fid-9 ta’ Frar 2001.

    22      Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet riċevuti fir-risposta għal dawn l-ittri ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fis-6 ta’ Awwissu 2001, opinjoni motivata lill-Irlanda li fiha kkonkludiet li dan l-Istat Membru ma kienx ittraspona b’mod korrett l-Artikoli 2 sa 6, 8 u 9 tal-imsemmija direttiva. Fir-risposta tagħha, l-Irlanda spjegat lill-Kummissjoni li emendi leġiżlattivi meħtieġa sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kienu fil-proċess li jiġu adottati u talbet li l-proċedura tiġi sospiża.

    23      Wara lmenti ġodda, fit-2 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

    24      Billi ma kinitx sodisfatta mir-risposti li rċeviet, fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali, li fiha kkonkludiet li l-Irlanda kienet għadha ma ttrasponietx b’mod korrett id-Direttiva 85/337, b’mod partikolari l-Artikoli 2 sa 4 tagħha, u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mill-jum li jirċiviha. Fir-risposta tagħha, l-Irlanda reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha, li l-leġiżlazzjoni Irlandiża fis-seħħ issa tikkostitwixxi traspożizzjoni xierqa ta’ din id-direttiva.

    25      Għalhekk, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva

     L-argumenti tal-partijiet

    26      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 huwa importanti ħafna, inkwantu jiddefinixxi l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u, għalhekk, għandu jiġi traspost b’mod espliċitu. Issa, id-dispożizzjonijiet invokati mill-Irlanda li jistabbilixxu li l-Artikolu 3 tad-direttiva ġie traspost b’mod adegwat huma insuffiċjenti.

    27      B’hekk, l-Artikolu 173 tal-PDA, li jirrikjedi li l-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mniżżla fid-dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent ippreżentata mill-iżviluppatur, jikkonċerna l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/337, li l-informazzjoni riċevuta tiġi kkunsidrata skont l-Artikoli 5 sa 7 tagħha. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 173 ma jikkorrispondix għall-obbligu iktar wiesa’, impost bl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva fuq l-awtorità kompetenti, li jiġi ggarantit it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tidentifika, tiddeskrivi u tevalwa l-fatturi kollha msemmija f’dan l-Artikolu 3.

    28      Fir-rigward tal-Artikoli 94, 108 u 111 tal-PDR kif ukoll l-Anness 6 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tosserva li dawn sempliċement, minn naħa, jelenkaw l-elementi li dwarhom l-iżviluppatur għandu jipprovdi informazzjoni fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-effetti fuq l-ambjent u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxu l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw in-natura eżawrjenti ta’ din l-informazzjoni. L-obbligi stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu distinti minn dik, imposta bl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva fuq l-awtorità kompetenti, li tistabbilixxi li għandha ssir evalwazzjoni sħiħa tal-effetti fuq l-ambjent.

    29      Fir-rigward tar-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fid-dritt nazzjonali, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm dawn il-qrati jistgħu jinterpretaw dispożizzjonijiet ambigwi b’mod li jkunu kompatibbli ma’ direttiva, huma ma jistgħux jimlew il-vojt legali li jeżisti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, is-siltiet mid-deċiżjonijiet iċċitati mill-Irlanda ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/337 innifisha.

    30      L-Irlanda tikkontesta l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lill-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Dan l-artikolu, redatt b’termini ġenerali, sempliċement jindika li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir skont l-Artikoli 4 sa 11 ta’ din id-direttiva. It-traspożizzjoni tal-imsemmija Artikoli 4 sa 11 fid-dritt nazzjonali jiżgura li Stat Membru jkun ittraspona l-Artikolu 3.

    31      L-Irlanda ssostni li l-Artikoli 172(1) u 173 tal-PDA, kif ukoll l-Artikoli 94 u 108 tal-PDR u l-Anness 6 tiegħu jiżguraw traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337. Hija tenfasizza li s-Supreme Court (l-Irlanda), f’żewġ sentenzi tal-2003 u tal-2007, jiġifieri, rispettivament O’Connell v. Environmental Protection Agency u Martin v. An Bord Pleanála, ikkonfermat li d-dritt nazzjonali jobbliga lill-awtoritajiet tal-ippjanar u lill-Aġenzija jevalwaw il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3 u l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi. Dawn is-sentenzi, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ma jimlewx vojt legali, iżda sempliċement jikkonstataw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli timponi fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jevalwaw l-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337.

    32      Sussidjarjament, l-Irlanda tirreferi għall-kunċett ta’ “[i]ppjanar adegwat u żvilupp sostenibbli” msemmi fl-Artikolu 34 tal-PDA. Dan huwa kriterju prinċipali li kwalunkwe awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art għandha tikkunsidra meta tiddeċiedi talba għal awtorizzazzjoni. Dan il-kunċett jiżdied mal-kriterji msemmija fl-imsemmi Artikolu 34 kif ukoll mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess liġi, fosthom l-Artikolu 173 tagħha li jsaħħaħ l-applikazzjoni tiegħu.

    33      Fl-aħħar nett, l-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni mhux qed tosserva s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom bis-saħħa tal-Artikolu 249 KE f’dak li jirrigwarda l-forma u l-mezzi li jippermettu li tiġi żgurata t-traspożizzjoni ta’ direttiva. Peress illi l-Kummissjoni qed timponi traspożizzjoni litterali tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, il-Kummissjoni qiegħda tinjora l-corpus juris u l-ġurisprudenza li nħolqot fl-Irlanda matul dawn l-aħħar 45 sena dwar il-kunċetti ta’ “[i]ppjanar adegwat” u ta’ “żvilupp sostenibbli”.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    34      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni u l-Irlanda jinterpretaw b’mod diverġenti l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 u janalizzaw b’mod differenti r-relazzjoni tiegħu mal-Artikoli 4 sa 11 tal-imsemmija direttiva. Il-Kummissjoni ssostni li dan l-Artikolu 3 jimponi obbligi li jmorru lil hinn minn dawk mitluba fl-imsemmija Artikoli 4 sa 11, filwaqt illi l-Irlanda tqis li dan l-artikolu huwa biss dispożizzjoni miktuba fi kliem ġenerali u l-proċess iddettaljat tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa speċifikat fl-Artikoli 4 sa 11.

    35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir “b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11” tagħha, l-obbligi msemmija f’dawn l-artikoli huma differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 nnifsu.

    36      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 jimponi fuq l-awtorità ambjentali kompetenti l-obbligu li twettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li għandha tinkludi deskrizzjoni tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi elenkati fl-ewwel tliet inċiżi ta’ dan l-artikolu u l-interazzjoni bejniethom (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑332/04, punt 33). Kif indikat fl-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva, din l-istima għandha ssir qabel ma tinħareġ l-awtorizzazzjoni mitluba intiża għat-twettiq ta’ proġett.

    37      Sabiex l-obbligu impost bl-imsemmi Artikolu 3 jiġi sodisfatt, l-awtorità ambjentali kompetenti ma tistax sempliċement tidentifika u tiddeskrivi l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq ċerti fatturi, iżda għandha tevalwahom b’mod adegwat skont il-każ partikolari.

    38      Dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni huwa distint mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7, 10 u 11 tad-Direttiva 85/337, li essenzjalment huma obbligi ta’ ġbir, ta’ skambju ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni, ta’ reklamar u ta’ garanzija tal-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju. Dawn huma dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-obbligu sostantiv stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

    39      Ċertament, l-Artikolu 8 tal-istess direttiva jistabbilixxi li r-riżultat tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 5 sa 7 tagħha għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

    40      Madankollu, dan l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħħar tal-proċess deċiżjonali, tal-elementi ta’ informazzjoni miġbura ma għandux jiġi konfuż mal-obbligu li ssir evalwazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni, li għandha ssir fil-bidu tal-proċess deċiżjonali (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 103), timplika eżami dettaljat tal-informazzjoni miġbura kif ukoll riflessjoni fuq l-opportunità li titjieb, jekk inkun il-każ, permezz ta’ data supplimentari. Din l-awtorità ambjentali kompetenti għandha għalhekk timpenja ruħha f’xogħol li huwa kemm ta’ natura investigattiva kif ukoll ta’ analiżi sabiex tasal għal evalwazzjoni l-iktar sħiħa possibbli tal-effetti diretti u indiretti tal-proġett ikkonċernat fuq il-fatturi elenkati fl-ewwel tliet inċiżi tal-imsemmi Artikolu 3 u tal-interazzjoni bejniethom.

    41      Għalhekk, kemm minn kliem id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li l-Artikolu 3 tagħha huwa dispożizzjoni fundamentali. Is-sempliċi traspożizzjoni tal-Artikoli 4 sa 11 ta’ din id-direttiva ma tistax titqies li awtomatikament twassal għat-traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 3.

    42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi mistħarreġ jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mill-Irlanda jikkostitwixxux traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337.

    43      Mill-qari tal-Artikolu 172 tal-PDA, kif ukoll mill-Artikolu 94 tal-PDR u tal-Anness 6 tiegħu, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw l-obbligu tal-iżviluppatur li jipprovdi dikjarazzjoni dwar l-effetti li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent, fatt li jikkorrispondi, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, għall-obbligu impost fuq l-iżviluppatur permezz tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337. L-Artikolu 108 tal-PDR ma jimponi l-ebda obbligu ieħor fuq l-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art għajr dak li jivverifika kemm din l-informazzjoni tkun eżawrjenti.

    44      Fir-rigward tal-Artikolu 173 tal-PDA, li jipprovdi li l-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art għandha, meta titressaq quddiemha talba għall-awtorizzazzjoni li għaliha hija sottomessa dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, tikkunsidra kemm din id-dikjarazzjoni kif ukoll kull informazzjoni supplimentari mibgħuta lilha, minn kliem dan l-istess artikolu jirriżulta li huwa sempliċement jistabbilixxi obbligu tal-istess natura bħal dak stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/337, jiġifieri l-obbligu li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Dan l-obbligu ma jikkorrispondix għall-obbligu iktar wiesa’, impost bl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva fuq l-awtorità ambjentali kompetenti, li jitlob li hija stess għandha tevalwa l-effetti fuq l-ambjent fir-rigward tal-fatturi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

    45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mill-Irlanda ma jippermettux li jintlaħaq ir-riżultat imfittex mill-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

    46      Għalkemm huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ direttiva mhux neċessarjament teħtieġ inklużjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika u kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun biżżejjed, sakemm dan effettivament jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑427/07, Ġabra p. I‑6277, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), jibqa’ xorta l-fatt li, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex ikun sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali li jeżiġi li, fil-każ fejn id-direttiva għandha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tas-Supreme Court, O’Connell v. Environmental Protection Agency, iċċitata iktar ’il fuq, ċertament tipproċedi, fil-parti invokata mill-Irlanda, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali f’sens konformi mad-Direttiva 85/337. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali ma tistax, waħedha, tippreżenta ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑508/04, Ġabra p. I-3787, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-parti tas-sentenza tal-istess qorti nazzjonali, Martin v. An Bord Pleanála, iċċitata iktar ’il fuq, li tirreferi għaliha wkoll l-Irlanda, tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-fatturi kollha msemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jinsabux fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni implementati bil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija ma tippreċiżax il-kwistjoni, deċiżiva għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ewwel ilment, dwar f’hiex għandu jikkonsisti l-eżami ta’ dawn il-fatturi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    48      Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “[i]ppjanar adegwat” u ta’ “żvilupp sostenibbli” li tirreferi għalihom ukoll l-Irlanda, hemm lok li jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi preżunt li dawn il-kunċetti jinkludu l-kriterji msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, ma huwiex stabbilit li dawn il-kunċetti jeħtieġu li dawn il-kriterji għandhom jiġu kkunsidrati fil-każijiet kollha fejn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tkun meħtieġa.

    49      Isegwi li la l-ġurisprudenza nazzjonali u lanqas il-kunċetti ta’ “[i]ppjanar adegwat” u ta’ “żvilupp sostenibbli” ma jistgħu jiġu invokati sabiex jimlew in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 fis-sistema legali Irlandiża.

    50      Għalhekk, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni mqajjem insostenn tar-rikors tagħha għandu jitqies li huwa fondat.

     Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ garanzija tal-osservanza sħiħa tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 85/337 meta l-awtoritajiet differenti jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali

     L-argumenti tal-partijiet

    51      Għall-Kummissjoni, huwa indispensabbli li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issir fil-kuntest ta’ proċedura globali. Issa, fl-Irlanda, wara l-ħolqien tal-Aġenzija, ċerti proġetti li jeħtieġu din l-evalwazzjoni huma suġġetti għal żewġ proċessi ta’ deċiżjoni distinti, wieħed li jirrigwarda t-teħid ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art fuq l-aspetti tal-użu tal-ħamrija, u l-ieħor jirrigwarda t-teħid tad-deċiżjoni mill-Aġenzija dwar l-aspetti marbuta mat-tniġġis. Il-Kummissjoni tammetti li l-awtorizzazzjoni tal-ippjanar u l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija jistgħu jitqiesu, kif tagħmel il-ġurisprudenza Irlandiża (ara s-sentenza tas-Supreme Court Martin v. An Bord Pleanála, iċċitata iktar ’il fuq), li flimkien jikkostitwixxu “kunsens għal żvilupp [awtorizzazzjoni]” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 u ma toġġezzjonax għall-fatt li din l-awtorizzazzjoni tingħata f’żewġ stadji suċċessivi. Madankollu, hija tikkritika l-leġiżlazzjoni Irlandiża talli ma timponix fuq l-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art u l-Aġenzija l-obbligu li jikkoordinaw ix-xogħlijiet tagħhom. Skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni tikser l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva.

    52      Fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tirrileva li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proġetti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva għandha ssir “qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni”. Issa, il-Kummissjoni tqis li skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża hemm il-possibbiltà li parti mill-proċess deċiżjonali tiżvolġi mingħajr ma tiġi osservata din il-kundizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma timponix il-ħtieġa li tittressaq talba għall-awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art qabel ma talba għall-awtorizzazzjoni tiġi ppreżentata lill-Aġenzija li ma għandhiex l-awtorità li tagħmel evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art ma humiex obbligati, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom, li jikkunsidraw l-effetti fil-qasam tat-tniġġis, li għalhekk jistgħu ma jkunu s-suġġett ta’ ebda evalwazzjoni.

    53      Billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑66/06, punt 59), il-Kummissjoni tenfasizza li hija la għandha għalfejn tistenna li l-applikazzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni tipproduċi effetti dannużi u lanqas li dawn jeżistu, ladarba t-test stess ta’ din il-liġi huwa insuffiċjenti jew difettuż.

    54      Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/377, il-Kummissjoni tqis li, meta diversi awtoritajiet huma kompetenti, il-proċeduri ta’ kull waħda minnhom għandhom, meta meħuda flimkien, jiżguraw it-twettiq sħiħ tal-evalwazzjoni skont kif meħtieġ bl-Artikolu 3. Issa, id-delimitazzjoni stretta tar-rwoli distinti tal-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art minn naħa, u tal-Aġenzija, min-naħa l-oħra, kif stipulat bil-leġiżlazzjoni Irlandiża, ma tikkunsidrax formalment il-kunċett ta’ “ambjent” meta jittieħdu d-deċiżjonijiet. Fil-fatt, l-ebda wieħed mill-awtoritajiet involuti fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni ma huwa responsabbli mill-evalwazzjoni u mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel sat-tielet inċiżi tal-imsemmi Artikolu 3, li rispettivament jaqgħu taħt l-isferi ta’ kompetenza distinti ta’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet.

    55      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, billi tirreferi għall-Artikolu 98 tal-EPAA, kif emendat, kif ukoll għall-EPAR, tosserva li ma hemm l-ebda rabta formali, fil-forma ta’ obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti li jikkonsultaw lil xulxin dwar il-proċedura segwita fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art u dik segwita fl-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-Aġenzija.

    56      Sabiex tipprova l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ssemmi l-każ tal-proġetti dwar l-installazzjoni tal-inċeneritur f’Duleek, fir-reġjun ta’ Meath, u tal-fabbrika tal-ipproċessar tal-injam f’Leap, fir-reġjun ta’ Offaly.

    57      Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑98/04, Ġabra p. I‑4003), l-Irlanda tikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, sa fejn, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma argumentatx b’mod ċirkustanzjali r-raġuni għalfejn il-ħolqien mill-Irlanda ta’ żewġ awtoritajiet kompetenti jikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337. Dan in-nuqqas tellef il-preparazzjoni tad-difiża tagħha.

    58      Fuq il-mertu, l-Irlanda ssostni li l-konsegwenza tal-implikazzjoni ta’ diversi awtoritajiet kompetenti fil-proċess deċiżjonali, proċedura li hija permessa mill-Artikoli 1(3) u 2(2) tad-Direttiva 85/337, hija li l-partiċipazzjoni u l-obbligi ta’ dawn tal-aħħar huma differenti u jseħħu fi stadji distinti qabel ma tinħareġ l-“awtorizzazzjoni ta’ proġett”. Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-Supreme Court Martin v. An Bord Pleanála, iċċitata iktar ’il fuq, l-Irlanda ssostni li din id-direttiva fl-ebda parti ma tissuġġerixxi li korp wieħed biss għandu jagħmel “evalwazzjoni globali” tal-effetti fuq l-ambjent.

    59      L-Irlanda tikkontesta li hemm delimitazzjoni stretta bejn il-kompetenzi taż-żewġ korpi ta’ deċiżjoni u ssostni li, bil-kontra, hemm sovrappożizzjoni tagħhom. Il-kunċett ta’ “[i]ppjanar adegwat u żvilupp sostenibbli”, li l-PDA tirreferi għalih, huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jinkludi b’mod partikolari t-tniġġis tal-ambjent. L-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art għandhom jevalwaw dan it-tniġġis fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-ippjanar. Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet jagħtu espressament lil dawn l-awtoritajiet is-setgħa li jirrifjutaw awtorizzazzjoni għall-ippjanar għal raġunijiet marbuta mal-ambjent.

    60      Bħala tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li huwa possibbli li talba għall-awtorizzazzjoni tiġi ppreżentata lill-Aġenzija qabel ma talba għall-awtorizzazzjoni tiġi sottomessa lil awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art u, għalhekk, qabel ma jkun hemm evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-Irlanda ssostni li “awtorizzazzjoni ta’ proġett” fid-dritt Irlandiż teħtieġ kemm l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ippjanar tat-territorrju kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, żviluppatur ma jieħu l-ebda vantaġġ prattiku mill-fatt li jitlob awtorizzazzjoni lill-Aġenzija mingħajr ma simultanjament jippreżenta talba għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ippjanar tal-art u għalhekk, fil-prattika, din is-separazzjoni ta’ talbiet ma sseħħx.

    61      Barra minn hekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-Aġenzija ma tistax tipproċedi bi proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hemm diversi każijiet, b’mod partikolari għat-talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ rkupru jew għal tneħħija ta’ skart kif ukoll għat-talbiet għal awtorizzazzjoni għall-kontroll integrali u għall-prevenzjoni tat-tniġġis, fejn jeżisti l-obbligu li tiġi sottomessa lill-Aġenzija dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, irrispettivament mit-tressiq preċedenti jew le ta’ talba għall-awtorizzazzjoni quddiem awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-Aġenzija hija espressament awtorizzata titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-iżviluppatur u tista’ għalhekk titlob informazzjoni materjali simili għal dak inkluż f’dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent.

    62      L-Irlanda tqis li l-obbligu li f’kull każ ikun hemm konsultazzjoni bejn l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ippjanar tal-art u l-Aġenzija ma huwiex xieraq. Huwa iktar adegwat li din il-konsultazzjoni tiġi permessa f’kull każ partikolari u li l-korpi ta’ deċiżjoni jingħataw setgħa diskrezzjonali dwar meta għandha tintuża din il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

    63      Fl-aħħar nett, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, li qed tirreferi għaliha l-Kummissjoni sabiex ma tipproduċix il-prova tal-allegazzjonijiet tagħha, hija irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, skont l-Irlanda, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, l-allegat ksur kien jikkonċerna l-mod ta’ kif id-Direttiva 85/337 kienet ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali Irlandiż, filwaqt li l-kawża preżenti tikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Għalkemm sistema kompluta dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ġiet implementata mil-leġiżlazzjoni Irlandiża, il-Kummissjoni ssostni li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex fil-prattika applikata b’mod adegwat. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni u hija ma ssodisfatx l-imsemmi oneru. Ir-riferimenti għall-proġetti ta’ Duleek u ta’ Leap ma jsostnu bl-ebda mod l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni lment

    64      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 226 KE, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effikaċi l-motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/04, punt 18, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 31).

    65      F’din il-kawża, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, kemm il-punti 3.2.2 sa 3.2.5 tal-opinjoni motivata tas-6 ta’ Awwissu 2001, kif ukoll il-punti 2.17 u 2.18 tal-opinjoni motivata addizzjonali tad-29 ta’ Ġunju 2007, jesponu r-raġuni għalfejn id-delimitazzjoni stretta bejn ir-rwoli separati mogħtija lill-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art, minn naħa, u lill-Aġenzija, min-naħa l-oħra, ma jissodisfawx, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337. Fihom hemm spjegat li dan il-qsim ta’ kompetenza huwa inkompatibbli mal-fatt li l-kunċett ta’ “ambjent”, kif għandu jiġi kkunsidrat fil-proċess deċiżjonali stabbilit b’din id-direttiva, jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interazzjoni bejn il-fatturi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni li jkun separat fiż-żewġ istanzi tad-deċiżjoni.

    66      Dan l-ilment huwa espost b’termini identiċi jew li jixxiebhu fil-punti 55 et seq tar-rikors promotur li, barra minn hekk, jinkludi, fil-punti 9 sa 20 tiegħu, sunt tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Irlandiża.

    67      Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri prekontenzjużi u kontenzjużi kienu biżżejjed ċari sabiex jippermettu lill-Irlanda tiżgura effettivament id-difiża tagħha.

    68      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn dan l-Istat Membru dwar it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

    –        Fuq il-mertu

    69      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika t-traspożizzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 85/337 magħmula mil-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni, inkwantu l-proċeduri implementati b’din il-leġiżlazzjoni ma jiggarantixxux l-osservanza sħiħa ta’ dawn l-artikoli meta diversi awtoritajiet nazzjonali jinvolvu ruħhom fil-proċess deċiżjonali.

    70      Konsegwentement, l-argument tal-Irlanda, li jgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx biżżejjed il-bażi fattwali tar-rikors tagħha, għandu mill-ewwel jiġi miċħud. Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni, sa fejn huwa l-mod ta’ kif id-Direttiva 85/337 ġiet trasposta li huwa s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u mhux ir-riżultat konkret tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar din it-traspożizzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni għandhiex waħedha n-natura insuffiċjenti jew difettuża tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva li l-Kummissjoni tallega, mingħajr il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-effetti reali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni fir-rigward ta’ proġetti preċiżi (ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

    71      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jiddefinixxi l-kelma “kunsens għal żvilupp [awtorizzazzjoni]” bħala d-deċiżjoni tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur li jwettaq il-proġett. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jispeċifika li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti huma dawk li l-Istat Membri jaħtru bil-ħsieb li jaqdu d-dmirijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva.

    72      Fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom sabiex jiddeterminaw l-istanzi kompetenti bi ħsieb li joħorġu awtorizzazzjoni fis-sens tal-imsemmija direttiva, l-Istat Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu dan id-dmir lil diversi entitajiet, fatt li l-Kummissjoni espressament aċċettat.

    73      L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 85/337 jżid jgħid li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tiġi integrata fil-proċeduri eżistenti ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti sabiex jissodisfaw l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    74      Din id-dispożizzjoni timplika li l-libertà mogħtija lill-Istati Membri tinkludi l-iffissar tar-regoli proċedurali u tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni.

    75      Madankollu, din il-libertà tista’ tiġi eżerċitata fil-limiti imposti mill-imsemmija direttiva u sa fejn l-għażliet magħmula mill-Istati Membri jiggarantixxu l-osservanza sħiħa tal-għanijiet stabbiliti minnha.

    76      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jindika wkoll li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir “qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni”. Dan jimplika li l-eżami tal-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi msemmija fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva u fuq l-interazzjoni bejn dawn il-fatturi għandu integralment isir qabel l-imsemmi għoti.

    77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm xejn ma jipprekludi l-għażla tal-Irlanda li tiddelega t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva lil żewġ awtoritajiet differenti, jiġifieri l-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art, minn naħa, u l-Aġenzija, min-naħa l-oħra, din issir bil-kundizzjoni li l-kompetenzi rispettivi ta’ dawn l-awtoritajiet u r-regoli li jirregolaw l-implementazzjoni tagħhom jiggarantixxu li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issir b’mod sħiħ u fi żmien xieraq, jiġifieri qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva.

    78      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija identifikat, fil-leġiżlazzjoni Irlandiża, lakuna li tirriżulta mit-teħid flimkien taż-żewġ fatturi. L-ewwel fattur huwa n-nuqqas ta’ kwalunkwe dritt għall-Aġenzija, meta tittressaq quddiemha talba għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett fir-rigward tal-aspetti marbuta mat-tniġġis, li tevalwa l-effetti fuq l-ambjent. It-tieni fattur huwa l-possibbiltà li l-Aġenzija tintalab u tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ tniġġis qabel mal-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art, li hija biss tista’ titlob lill-iżviluppatur sabiex jipprovdi dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, ma tkun intalbet tiddeċiedi hija stess.

    79      Bħala risposta, l-Irlanda, li b’mod ġenerali ma tikkontestax li l-Aġenzija ma hijiex awtorizzata titlob lill-iżviluppatur din id-dikjarazzjoni, issostni li dan tal-aħħar ma jieħu l-ebda vantaġġ prattiku mill-fatt li jitlob l-awtorizzazzjoni lill-Aġenzija mingħajr ma jippreżenta simultanjament talba għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art, għaliex huwa għandu bżonn tal-awtorizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ awtoritajiet. Madankollu, l-Irlanda la tistabbilixxi u lanqas biss issostni li huwa legalment impossibbli li żviluppatur jikseb deċiżjoni mill-Aġenzija mingħajr ma jkun għadu mar quddiem l-awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art.

    80      Ċertament, l-EPAR jagħti l-possibbiltà lill-Aġenzija tinnotifika talba għall-awtorizzazzjoni lil awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-art. Madankollu, huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan ma huwiex obbligu u li, barra minn hekk, l-awtorità li tkun irċeviet in-notifika ma hijiex obbligata li tirrispondi.

    81      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-Aġenzija, bħala l-awtorità li tiddeċiedi fuq l-awtorizzazzjoni ta’ proġett mill-aspetti marbuta mat-tniġġis, tiddeċiedi mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 85/337.

    82      L-Irlanda ssostni li, f’ċerti każijiet, marbuta b’mod partikolari mal-awtorizzazzjoni għall-irkupru jew għar-rimi ta’ skart kif ukoll għat-talbiet għal awtorizzazzjoni għall-kontroll integrali u għall-prevenzjoni tat-tniġġis, l-Aġenzija għandha l-awtorità li titlob dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni. Madankollu, dawn ir-regoli speċifiċi ma jimlewx il-lakuna fil-leġiżlazzjoni Irlandiża identifikata fil-punt preċedenti.

    83      L-Irlanda ssostni wkoll li l-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar għandhom l-awtorità, wara li l-EPAA ġiet emendata bl-Artikolu 256 tal-PDA, li jirrifjutaw, jekk ikun il-każ, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal raġunijiet marbuta mal-ambjent u li l-kunċetti ta’ “[i]ppjanar adegwat” u “żvilupp sostenibbli” jagħtu b’mod ġenerali lil dawn l-awtoritajiet din l-awtorizzazzjoni.

    84      Din l-estensjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet responsabbli mill-ippjanar tal-art tista’, kif issostni l-Irlanda, toħloq f’ċerti każijiet sovrappożizzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-awtoritajiet responsabbli fil-qasam tal-ambjent. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din is-sovrappożizzjoni ma hijiex ta’ natura li timla l-lakuna rrilevata fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li toffri l-possibbiltà lill-Aġenzija li tiddeċiedi waħedha u mingħajr evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 85/337, fuq proġett fir-rigward tal-aspetti marbuta mat-tniġġis.

    85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa fondat.

     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ

     L-argumenti tal-partijiet

    86      Skont il-Kummissjoni, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jistgħu jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, inkwantu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali”. Issa, fil-PDR, l-Irlanda eżentat kważi x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ kollu mill-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Wara li t-terminu ta’ xahrejn iffissat fl-opinjoni motivata addizzjonali tad-29 ta’ Ġunju 2007 kien skada, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni test ġdid, li emenda l-PDR, fis-sens li naqqas b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ. Madankollu, dan it-test ma jistax jitqies fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu preżenti.

    87      Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Irlanda, li tipprovdi li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, tinsab fin-NMA u hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-Artikoli 14, 14a u 14c ta’ din il-liġi, dwar it-twaqqigħ ta’ monument nazzjonali.

    88      Sabiex turi l-mod ta’ kif, bi ksur tad-Direttiva 85/337, l-esklużjoni tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ippermetta, skont l-Artikolu 14a tan-NMA, it-twaqqigħ ta’ monument nazzjonali mingħajr il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjoni ministerjali tat-13 ta’ Ġunju 2007, li ordnat id-distruzzjoni ta’ monument nazzjonali sabiex jitwettaq il-proġett tal-awtostrada M3.

    89      Preliminarjament, peress illi l-Artikolu 14 tan-NMA ma kienx imsemmi fl-opinjoni motivata addizzjonali tad-29 ta’ Ġunju 2007, l-Irlanda toġġezzjona u ssostni li t-tielet ilment tal-Kummissjoni, li jirrigwarda l-imsemmi artikolu, ma huwiex ammissibbli.

    90      Skont l-Irlanda, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, għaliex ma humiex imsemmija fl-Annessi I u II tagħha. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 10 tal-PDA u l-Artikolu 9 tal-PDR jirriżulta li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ huma eżenti mill-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-ippjanar biss jekk il-proġett ma jkunx jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

    91      Fir-rigward tal-obbligu li jsiru evalwazzjonijiet addizzjonali, l-Irlanda ssostni li l-qofol tad-Direttiva 85/337 jimplika li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha ssir fl-iktar stadju kmieni possibbli, qabel il-bidu tal-proġett. L-uniku darba fejn hemm bżonn li ssir evalwazzjoni ġdida hija, skont l-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, meta l-proġett ikun ġie emendat jew ikun tkabbar.

    92      Fir-rigward tal-portata tal-istruzzjonijiet ministerjali maħruġa skont l-Artikolu 14a tan-NMA, l-Irlanda tenfasizza li din tapplika biss fil-kuntest ta’ proġett ta’ toroq li jkun ġie approvat bil-quddiem mill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-Kunsill biss jista’ jiddeċiedi li jemenda proġett tat-toroq u f’dan il-każ huwa għandu jevalwa l-effetti negattivi fuq l-ambjent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompetenza tal-Ministru li jistabbilixxi struzzjonijiet ministerjali ma għandhomx jitqiegħdu fuq l-istess livell ta’ dawk tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal proġett ta’ toroq. Dawn l-istruzzjonijiet jingħataw, jekk ikun il-każ, wara li x-xogħlijiet tal-proġett ikunu bdew u wara l-iskoperta ta’ monument nazzjonali ġdid u jirrigwardaw biss il-mod ta’ kif dan il-monument għandu jiġi ttrattat. Barra minn hekk, l-Irlanda tikkontesta li deċiżjoni ministerjali li tordna d-distruzzjoni ta’ monument nazzjonali kienet ittieħdet sabiex tippermetti t-twettiq tal-proġett tal-awtostrada M3.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet ilment

    93      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’dan l-artikolu u r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħall-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑340/02, Ġabra p. I‑9845, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94      F’din il-kawża, mill-qari tal-opinjoni motivata addizzjonali tad-29 ta’ Ġunju 2007 jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-punti 2.34 sa 2.38 tagħha, ikkritikat lill-Irlanda talli eskludiet ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 85/337. Fil-punti 2.39 u 2.40 tal-istess opinjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva magħmula mill-Irlanda hija riflessa mhux biss fil-PDA, iżda wkoll f’liġijiet oħra iktar speċifiki, bħalma hija n-NMA, u hija ħadet bħala eżempju l-proġett tal-awtostrada M3.

    95      Isegwi li, għalkemm il-Kummissjoni ma semmietx espressament l-Artikolu 14 tan-NMA fl-imsemmija opinjoni motivata, hija madankollu tirreferi b’mod ċar għall-mekkaniżmu deċiżjonali pprovdut f’dan l-artikolu fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-nuqqasijiet li, fil-fehma tagħha, hemm f’din il-liġi.

    96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Irlanda kontra t-tielet ilment tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq il-mertu

    97      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 jew jekk, kif issostni l-Irlanda, dawn humiex esklużi, għandu mill-ewwel jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-kelma “proġett” li tinsab fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva ma tippermettix li jiġi dedott li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji ta’ din id-definizzjoni. Fil-fatt, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali”.

    98      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, jekk ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, ir-riferimenti għall-“wirt kulturali”, fl-Artikolu 3 tagħha, għall-“pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku” fil-punt 2(h) tal-Anness III tal-istess direttiva u għall-“wirt arkitettoniku u arkeoloġiku” fil-punt 3 tal-Anness IV ta’ din tal-aħħar isiru bla skop.

    99      Huwa minnu, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337, li sabiex proġett ikun jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, huwa għandu jidħol f’wieħed mill-kategoriji li jinsabu fl-Annessi I u II ta’ din id-direttiva. Issa, kif issostni l-Irlanda, dawn ma jirriferux espressament għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, bl-eċċezzjoni, li hija irrilevanti fil-kuntest tar-rikors preżenti, tal-iżmantellament tal-istazzjonijiet nukleari u reatturi nukleari oħra msemmija fil-punt 2 tal-Anness I.

    100    Madankollu, hemm lok li jitqies li dawn l-annessi pjuttost jirrigwardaw kategoriji settorjali ta’ proġetti, mingħajr ma jiddeskrivu n-natura preċiża tax-xogħlijiet previsti. Bħala eżempju, jista’ jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li x-“xogħlijiet ta’ żvilupp urbani”, imsemmi fil-punt 10(b) tal-imsemmi Anness II, spiss jinkludi t-twaqqigħ ta’ strutturi eżistenti.

    101    Isegwi li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tagħha.

    102    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    103    L-Irlanda ma tikkontestax li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-opinjoni motivata addizzjonali, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ma kinux sottomessi, bħala regola ġenerali, għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iżda, bil-kontra, kienu jibbenefikaw bħala regola minn eċezzjoni.

    104    Mir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 14c tan-NMA fir-rigward tat-twaqqigħ ta’ monument nazzjonali jirriżulta, kif issostni l-Kummissjoni, li huma bl-ebda mod ma jikkunsidraw l-eventwalità li dawn ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, proġett fis-sens tal-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 85/337 u għalhekk, ikun jeħtieġu evalwazzjoni bil-quddiem tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Madankollu, hekk kif in-natura insuffiċjenti tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fis-sistema legali Irlandiża hija stabbilita, ma hemmx lok li ssir riċerka dwar l-effetti reali ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tat-twettiq ta’ proġetti preċiżi, bħalma huwa l-proġett tal-awtostrada M3.

    105    Fir-rigward tal-emendi leġiżlattivi li seħħew wara l-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dawn ma jistgħux jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

    107    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li:

    –      billi ma ttrasponietx l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337,

    –      billi ma żguratx li, meta l-awtoritajiet Irlandiżi responsabbli mill-ippjanar tal-art u l-Aġenzija jkollhom it-tnejn is-setgħa li jiddeċiedu dwar proġett, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva jiġu osservati, u

    –      billi eskludiet ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha li ttrasponiet l-istess direttiva,

    l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

     Fuq l-ispejjeż

    108    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Irlanda għall-ispejjeż, u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi:

    –        ma ttrasponietx l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 u bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2003,

    –        ma żguratx li, meta l-awtoritajiet Irlandiżi responsabbli mill-ippjanar tal-art u l-Aġenzija għall-protezzjoni tal-ambjent ikollhom it-tnejn is-setgħa li jiddeċiedu dwar proġett, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva jiġu osservati, u

    –        eskludiet ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha li ttrasponiet id-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 2003/35,

    l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

    2)      L-Irlanda hija kkundanata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top