This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0020
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 April 2011.#European Commission v Portuguese Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Admissibility of the action - Free movement of capital - Article 56 EC - Article 40 of the EEA Agreement - Public debt securities - Preferential tax treatment - Justification - Combating of tax evasion - Combating of tax avoidance.#Case C-20/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' April 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ammissibbiltà tar-rikors - Moviment liberu tal-kapital - Artikolu 56 KE - Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE - Titoli tad-dejn pubbliku - Trattament fiskali preferenzjali - Ġustifikazzjoni - Ġlieda kontra l-frodi fiskali - Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.
Kawża C-20/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' April 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ammissibbiltà tar-rikors - Moviment liberu tal-kapital - Artikolu 56 KE - Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE - Titoli tad-dejn pubbliku - Trattament fiskali preferenzjali - Ġustifikazzjoni - Ġlieda kontra l-frodi fiskali - Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.
Kawża C-20/09.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:214
Kawża C-20/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Portugiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ammissibbiltà tar-rikors — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 56 KE — Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE — Titoli tad-dejn pubbliku — Trattament fiskali preferenzjali — Ġustifikazzjoni — Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali — Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Intimazzjoni — Definizzjoni tas-suġġett tal-kawża — Opinjoni motivata — Dikjarazzjoni ddettaljata tal-ilmenti
(Artikolu 226 KE)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE)
3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali
(Artikolu 56 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40)
1. Għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni daqstant stretti bħal dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, peress li din tista’ neċessarjament tinkludi biss sunt inizjali qasir tal-ilmenti. Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti fid-dettall, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni.
(ara l-punti 17, 20)
2. L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Għalhekk, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċerna sistema temporanja ta’ regolarizzazzjoni fiskali li ma għadhiex fis-seħħ fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata iżda li tkompli tipproduċi effetti f’din id-data, li hija d-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, ma huwiex bla għan.
(ara l-punti 31, 33, 34, 42)
3. Stat Membru li, fil-kuntest ta’ sistema eċċezzjonali ta’ regolarizzazzjoni fiskali ta’ elementi patrimonjali li ma jinsabux fit-territorju nazzjonali, jipprevedi trattament preferenzjali għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss minn dan l-Istat, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Għalkemm l-oġġettivi tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, huwa wkoll neċessarju li din ir-restrizzjoni tkun idonea sabiex tiggarantixxi t-twettiq tagħhom u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaqhom.
Sistema li tipprevedi trattament differenzjat f’dak li jikkonċerna t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-imsemmi Stat Membru meta mqabbla ma’ dawk maħruġa minn Stati Membri oħra, ma tosservax dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, tali differenza tar-rati ta’ regolarizzazzjoni ma tistax tkun iġġustifikata biex jiġi segwit għan ta’ natura ekonomika, jiġifieri l-kumpens tat-telf ta’ dħul fiskali tal-Istat Membru kkonċernat. Għan ta’ natura purament ekonomika ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat.
(ara l-punti 60-62, 64, 65, 70 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ April 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà tar-rikors – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 56 KE – Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE – Titoli tad-dejn pubbliku – Trattament fiskali preferenzjali – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l‑evażjoni fiskali – Ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa
Fil-Kawża C-20/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-15 ta’ Jannar 2009,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u A. Caeiros, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, C. Guerra Santos u J. Menezes Leitão, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, billi, fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni fiskali stabbilita bil-liġi Nru 39-A/2005, tad-29 ta’ Lulju 2005 (Diàrio da República I, série A, Nru 145, tad-29 ta’ Lulju 2005), ipprevediet trattament fiskali preferenzjali għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-Ftehim ŻEE
2 L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:
“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-KE jew fi Stati ta’ l-EFTA u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq iċ-ċittadinanza jew fuq il‑post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L‑Anness XII fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jigi implimentat dan l‑Artikolu.”
3 L-imsemmi Anness XII, intitolat “Moviment Liberu tal-Kapital”, jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (Artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).
Id-dritt nazzjonali
4 Is-sistema eċċezzjonali ta’ regolarazzazzjoni fiskali ta’ elementi patrimonjali li ma kinux jinsabu fit-territorju Portugiż fil-31 ta’ Diċembru 2004 (“regime excepcional de regularização tributária de elementos patrimoniais que não se encontrem no território português em 31 de Dezembro de 2004”, iktar ’il quddiem is-“SERF”) ġiet stabbilita permezz tal-Liġi Nru 39‑A/2005.
5 L-Artikolu 1 tas-SERF jipprovdi:
“Is-[SERF] tapplika għall-elementi patrimonjali li ma jinsabux fit-territorju Portuġiż fil-31 ta’ Diċembru 2004, li jikkonsistu f’depożiti, ċertifikati ta’ depożitu, titoli trasferibbli u strumenti finanzjarji oħrajn, inklużi poloz ta’ assigurazzjoni fil-qasam tal-‘ħajja’ marbuta ma’ fondi ta’ investiment u operazzjonijiet ta’ kapitalizzazzjoni fil-qasam tal-‘ħajja’.”
6 Skont l-Artikolu 2(1) tas-SERF, jistgħu jibbenefikaw minnha l-persuni fiżiċi li jipposjedu l-elementi patrimonjali msemmija fl-Artikolu 1.
7 L-Artikolu 2(2) tas-SERF jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din is-sistema, il-persuni taxxabbli għandhom:
a) jippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 5;
b) iħallsu l-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 % fuq il‑valur tal-elementi patrimonjali inklużi fid-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”
8 L-Artikolu 5 tas-SERF jipprovdi:
“1. Id-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali li għaliha jirreferi l‑Artikolu 2(2)(a), issegwi l-mudell approvat b’digriet tal-Ministru tal-Finanzi u għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti li jagħtu prova tal-proprjetà u tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni tal-elementi patrimonjali inklużi fiha.”
2. Id-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali għandha tiġi ddepożitata sas-16 ta’ Diċembru 2005 fil-Banco de Portugal jew fi kwalunkwe bank ieħor stabbilit fil-Portugall.
3. Il-ħlas previst fl-Artikolu 2(2)(b), għandu jsir f’wieħed mill-korpi msemmija fil-paragrafu (2) (ta’ dan l-artikolu), flimkien mad-depożitu tad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu (2)(a), (ta’ dan l-Artikolu 2) jew fl-10 ijiem ta’ xogħol segwenti, ikkalkolati mid-data li fiha l-imsemmija dikjarazzjoni tiġi riċevuta.
4. Malli jsir il-ħlas, il-korp bankajru intervenjenti għandu joħroġ lid-dikjarant, dokument maħruġ f’isem il-persuna li jagħti prova tad-depożitu tad-dikjarazzjoni u tal-ħlas li jikkorrispondi għaliha.
5. Fil-limiti ta’ din il-liġi, id-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali ma tista’ bl-ebda mod tiġi użata bħala prova jew element meħud inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe proċeduri fiskali, kriminali jew ta’ ksur ikun liema jkun, peress li l‑banek intervenjenti għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija.
6. Fil-każ fejn id-depożitu tad-dikjarazzjoni u l-ħlas ma jsirux direttament fil-Banco de Portugal, il-bank intervenjenti għandu jgħaddi l-imsemmmija dikjarazzjoni lill-Banco de Portugal flimkien ma’ kopja ta’ dokument ta’ prova fi żmien 10 jiem ta’ xogħol mid-data tad-depożitu tad-dikjarazzjoni.
7. Fil-każijiet previsti fil-paragrafu 6, il-bank intervenjenti għandu jittrasferixxi l-ammonti riċevuti lill-Banco de Portugal fi żmien 10 jiem tax-xogħol mill-ħlas ikkonċernat.”
9 L-Artikolu 6 tas-SERF jipprovdi:
“1. Jekk l-elementi patrimonjali kollha jew xi wħud minnhom koperti mid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali huma titoli tal-Istat Portugiż, ir-rata msemmija fl-Artikolu 2(2)(b), titnaqqas bin-nofs għall-parti li tikkorrispondi għal dawn it-titoli.”
2. It-tnaqqis ta’ rata msemmi fil-paragrafu preċedenti japplika wkoll għal elementi patrimonjali oħra jekk il-valur tagħhom jiġi investit mill-ġdid f’titoli tal-Istat Portugiż sad-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali.
3. F’każ ta’ investiment mill-ġdid parzjali, it-tnaqqis tar-rata jkun jikkonċerna biss il-parti tal-valur investit mill-ġdid.
4. It-titoli tal-Istat Portugiż li jibbenefikaw mis-sistema prevista f’dan l-artikolu għandhom jibqgħu proprjetà tad-dikjarant għal perijodu ta’ minn tal-inqas tliet xhur dekorribbli mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali u indipendentement mid-data tal-akkwist tagħhom.
5. In-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ detenzjoni previst fil-paragrafu preċedenti jwassal għall-ħlas tad-differenza fir-rigward tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata msemmija fl-Artikolu 2(2)(b), miżjuda b’interessi kumpensatorji korrispondenti miżjuda b’ħames punti perċentwali.”
Il-proċedura prekontenzjuża
10 Wara li tressaq ilment, il-Kummissjoni bagħtet, fid-19 ta’ Diċembru 2005, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża, li tqis li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE sa fejn huwa applika, fil-kuntest tas-SERF, rata iktar favorevoli għar-regolarizzazzjoni tal-elementi patrimonjali li jikkonsistu f’titoli tal-Istat Portuġiż jew f’elementi patrimonjali investiti mill-ġdid f’titoli tal-Istat Portugiż sa mhux iktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali (iktar ’il quddiem is-“sistema kontenzjuża”).
11 Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika Portugiża qajmet kwistjoni preliminari dwar l-iskadenza tas-SERF. Skont dan l-Istat Membru, minħabba l‑iskadenza u n-nuqqas ta’ tiġdid tas-SERF, u għaldaqstant, tas-sistema kontenzjuża, l-intimazzjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma kellhiex skop, peress li l-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ma kinitx għadha teżisti. Fir-rigward tal-mertu, l-imsemmi Stat Membru kkunsidra li l-ebda inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ma setgħet tiġi stabbilita u li, fi kwalunkwe każ, is-sistema kontenzjuża kienet iġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-għan tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa.
12 Peress li ma kinitx issodisfatta b’din ir-risposta, fil-11 ta’ Mejju 2007, il‑Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża opinjoni motivata li fiha hija kkontestat ir-rilevanza tal-kwistjoni preliminari relattiva għall-iskadenza tas-SERF u akkużat lil dan l-Istat Membru li ta trattament fiskali preferenzjali lit-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss minnu. Il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Portugiża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċiviha.
13 Peress li fit-tweġiba tagħha għall-imsemmija opinjoni motivata r-Repubblika Portugiża żammet il-pożizzjoni preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
14 Ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni huwa inammissibbli għal żewġ motivi. Minn naħa, hemm nuqqas ta’ qbil bejn l‑ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata msemmija, rispettivament, fil-punti 10 u 12 tas-sentenza preżenti. Min-naħa l-oħra, peress li s-SERF, u għaldaqstant is-sistema kontenzjuża, skadiet, l-imsemmi rikors huwa bla skop.
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ qbil bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata
– L-argumenti tal-partijiet
15 Skont ir-Repubblika Portugiża, huwa biss fl-opinjoni motivata mibgħuta fil-11 ta’ Mejju 2007, jiġifieri wara l-iskadenza tas-sistema kontenzjuża fl-2005, li l‑Kummissjoni spjegat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kien jinsab fit-trattament preferenzjali tat-titoli tal-Istat Portugiż meta mqabbel mhux mal-elementi patrimonjali l-oħra, kif kien ġie indikat fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta fid-19 ta’ Diċembru 2005, iżda biss mat-titoli tad-dejn pubbliku ta’ Stati Membri oħra u ta’ Stati oħra partijiet fil-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif iddefinit fl-imsemmija opinjoni motivata ma jaqbilx ma’ dak deskritt fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.
16 Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li ma hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn l‑ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata msemmija iktar ’il fuq f’dak li jikkonċerna s-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Huwa wara l‑argumenti invokati mir-Repubblika Portugiża fir-risposta tagħha għal din l-ittra ta’ intimazzjoni li l-Kummissjoni kienet ippreċiżat l-ilment tagħha f’din l-opinjoni motivata, mingħajr ma dan ibiddel bl-ebda mod l-ilmenti fformulati fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni. Il-kontenut tal-ilment fiċ-ċentru ta’ dan ir-rikors kien, neċessarjament, diġà ġie inkluż f’dan tal-aħħar.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
17 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura prekontenzjuża għandha bħala għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jressaq b’mod effettiv l-argumenti tiegħu ta’ difiża kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑152/98, Ġabra p. I‑3463, punt 23; tal-5 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑476/98, Ġabra p. I‑9855, punt 46, u tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑337/05, Ġabra p. I‑2173, punt 19).
18 Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala suġġett kawża ddefinita ċarament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tal-10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑442/06, Ġabra p. I‑2413, punt 22).
19 Minn dan l-għan jirriżulta li l-ittra ta’ intimazzjoni hija intiża , minn naħa sabiex, tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u tindika lill-Istat Membru li jkun mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu l-elementi meħtieġa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu, u, min-naħa l-oħra sabiex, tippermettilu jirregola ruħu qabel ma tiġi mressqa kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 47, u tal-10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 22).
20 Għandu wkoll jitfakkar li, għalkemm l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni daqstant stretti bħal dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, peress li din tista’ neċessarjament tinkludi biss sunt inizjali qasir tal-ilmenti. Għalhekk, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti fid-dettall, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, 74/82, Ġabra p. 317, punt 20; tat-28 ta’ Marzu 1985, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 274/83, Ġabra p. 1077, punt 21, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑358/01, Ġabra p. I‑13145, punt 29).
21 F’dan il-każ, l-ittra ta’ intimazzjoni ppermettiet li r-Repubblika Portugiża tkun informata bin-natura tal-ilmenti indirizzati kontriha u tatha l-possibbiltà li tippreżenta d-difiża tagħha. Huwa minnu li fl-ittra ta’ intimazzjoni, il‑Kummissjoni qabblet it-trattament preferenzjali relatat mat-titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż fir-rigward tal-elementi patrimonjali l-oħra kollha msemmija fis-SERF, filwaqt li, fl-opinjoni motivata, hija għamlet biss tqabbil bejn l-imsemmija titoli u t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra u mill-Istati oħra partijiet fil-Ftehim ŻEE. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija elementi patrimonjali jikkostitwixxu kategorija iktar ġenerali minn dik tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn xi Stati, li tkopri neċessarjament it-tieni kategorija.
22 Għaldaqstant, fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni ppreċiżat biss l-ilmenti esposti fl-ittra ta’ intimazzjoni. Hekk, hija limitat is-suġġett tal-kawża għat-trattament differenti tat-titoli tad-dejn pubbliku tal-Istat Portugiż meta mqabbla mat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra u mill-Istati oħra partijiet fil-Ftehim ŻEE, mingħajr ma l-imsemmi suġġett ġie estiż (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 25, u, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑221/04 Ġabra p. I‑4515, punt 33).
23 Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ qbil bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, imqajma mir-Repubblika Portugiża, għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ skop tar-rikors
– L-argumenti tal-partijiet
24 Ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ skop. Is-SERF ġiet applikata b’mod limitat ħafna ratione temporis, peress li tali limitazzjoni hija essenzjali fir-rigward tal-għan stabbilit minnha, jiġifieri li tħajjar lill-persuni taxxabbli jirregolarizzaw volontarjament is-sitwazzjoni fiskali tagħhom.
25 Issa, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE huwa inammissibbli meta l-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ma jibqax jeżisti fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Dan huwa eżattament il-każ inkwistjoni, peress li l-possibbiltà li tiġi applikata s-sistema kontenzjuża spiċċat fi tmiem is-sena 2005. Fil-fatt, il-benefiċċju tal-imsemmija sistema kien issuġġettat għall-kundizzjoni li jitħallas l-ammont dovut għar-regolarizzazzjoni fiskali, li, skont l-Artikolu 5(2) u (3), tas-SERF, kellu jsir fl-għaxart ijiem ta’ xogħol mid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali li kellu jseħħ sas-16 ta’ Diċembru 2005.
26 F’dan il-każ, ebda sitwazzjoni sostenibbli ma tippreżenta ruħha. Fil-fatt, il-ħlas sħiħ ta’ somma ftit jew wisq elevata huwa fatt instantanju. L-iżvantaġġ finanzjarju li batew il-persuni li ma setgħux jiksbu l-benefiċċju ta’ trattament fiskali iktar favorevoli waqaf fil-mument li wettqu l-ħlas tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata stabbilita mis-SERF. Huwa dan il-mument li huwa legalment rilevanti għall-iskop li jiġi vverifikat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kienx diġà eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
27 Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka b’mod partikolari l-punt 73 tas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑508/03, Ġabra p. I‑3969), li jgħid li rikors intiż għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma kienx għadu jeżisti, ikun inammissibbli minħabba nuqqas ta’ skop.
28 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis ir-rikors preżenti bħala ammissibbli.
29 Hija tikkunsidra li r-Repubblika Portugiża ma temmitx volontarjament in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat sabiex tistabbilixxi l-legalità mill-ġdid. Is-SERF ma kinitx għadha fis-seħħ, għaliex, sa mill-bidu nett u minħabba n-natura tagħha, din is-sistema kienet temporanja. Il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ titkompla sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu, anki meta s-sitwazzjoni inkwistjoni ma għadhiex teżisti, jekk ikun għad hemm interess li titkompla din il-proċedura. Skont il-Kummissjoni, dan l-interess jista’ jibqa’ jeżisti b’mod partikolari meta l-effetti ta’ miżura temporanja huma ta’ natura dejjiema. Issa, il-persuni li ma setgħux jiksbu l-benefiċċju ta’ trattament fiskali iktar favorevoli jibqgħu finanzjarjament żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li kellhom din il-possibbiltà. Effett huwa dejjiemi minħabba li jinżamm, anki jekk dan ma jirrepetix ruħu.
30 Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni żiedet li n-natura dejjiema tal-effetti tas-sistema kontenzjuża tintwera minn element addizzjonali, jiġifieri l‑obbligu, impost fuq id-detenturi ta’ titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż li jixtiequ jibbenefikaw mir-rata ta’ regolarizzazzjoni iktar favorevoli mogħtija lilhom mis-SERF, li jżommu dawn it-titoli għal perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin mid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali tagħhom, skont l-Artikolu 6(4) tas-SERF.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal‑Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑525/03, Ġabra p. I-9405, punt 14, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 15).
32 F’dan il-każ, it-terminu stabbilit għar-Repubblika Portugiża fl-opinjoni motivata sabiex tikkonforma ruħha ma’ din tal-aħħar skada matul ix-xahar ta’ Lulju 2007.
33 Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk, f’din id-data, is-sistema kontenzjuża kinitx għadha tipproduċi effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; tat-18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
34 F’dan ir-rigward, mis-SERF jirriżulta li l-benefiċċju tagħha kien suġġett għall-kundizzjoni li jitħallas l-ammont dovut għar-regolarizzazzjoni fiskali, li kellu jsir fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali. Dan id-depożitu kellu jseħħ, skont l-Artikolu 5(2) tas-SERF, sas-16 ta’ Diċembru 2005.
35 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż, miżmuma minn persuni taxxabbli li kienu jixtiequ jibbenefikaw minn trattament fiskali preferenzjali, kellhom, skont l-Artikolu 6(4) u (5) tas-SERF, jibqgħu proprjetà ta’ dawn il-persuni taxxabbli għal perijodu ta’ minn tal-inqas tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali, indipendentement mid-data li fiha dawn ġew akkwistati, u fin-nuqqas ta’ dan, il-persuni taxxabbli kellhom iħallsu d-differenza bejn is-somma li tikkorrispondi għall-applikazzjoni tar-rata ġenerali ta’ regolarizzazzjoni u dik li huma kienu ħallsu abbażi tar-rata preferenzjali, b’interessi kumpensatorji relattivi miżjuda b’5 punti perċentwali.
36 Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-osservazzjonijiet tiegħu, il‑benefiċċju tat-trattament fiskali preferenzjali seta’ jkun akkwistat kompletament biss wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet snin mill-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali, jiġifieri bejn it-tmiem tax-xahar ta’ Lulju 2008, l-iktar kmieni, u s-16 ta’ Diċembru 2008, l-iktar tard.
37 Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 6(5) tas-SERF kien jagħti lil dan l-Istat Membru l-possibbiltà li japplika, wara l-perijodu ta’ applikazzjoni tas-SERF, ir‑rata ġenerali ta’ 5 %, b’interessi kumpensatorji, fir-rigward tal-persuni taxxabbli li kienu ttrasferew it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż, li l‑pussess tagħhom kien iġġustifika l-applikazzjoni tar-rata speċjali ta’ 2.5 % matul il-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-Artikolu 6(4) tas-SERF. Għaldaqstant, ir‑Repubblika Portugiża kellha l-possibbilità li tapplika, sas-16 ta’ Diċembru 2008, trattament differenzjat għall-persuni taxxabbli li jittrassferixxu t‑titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż meta mqabbla ma’ dawk li żammew tali titoli. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà kienet dejjem applikabbli fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex wieħed jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata.
38 Minn dan jirriżulta li s-sistema kontenzjuża kienet tkompli tipproduċi effetti fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
39 Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Repubblika Portugiża essenzjalment sostniet li l-Kummissjoni ma takkużahiex li imponiet obbligu ta’ żamma għal tliet snin tat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż li ta lok għall-applikazzjoni tar-rata ta’ regolarizzazzjoni preferenzjali, iżda tillimita ruħha li titlobha testendi t-trattament preferenzjali għad-detenturi ta’ titoli maħruġa minn Stati Membri oħra jew minn Stati oħra partijiet fil-Ftehim ŻEE. Issa, skont l-Istat Membru konvenut, l-obbligu inkwistjoni ma jikkostitwixxix vantaġġ, iżda piż fuq il-persuni taxxabli kkonċernati.
40 Madankollu, għandu jiġi osservat li din l-argumentazzjoni tar-Repubblika Portugiża ma tidhirx rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema kontenzjuża kinitx eżawriet jew le l-effetti kollha tagħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
41 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tivverifika ex officio u fl-interess ġenerali li d-dritt Komunitarju jiġi applikat mill-Istati Membri u li tikkonstata, bil-għan li jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet eventwali ta’ twettiq tal-obbligi li jinsiltu minnu (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑333/99, Ġabra p. I‑1025, punt 23, u tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, Ġabra p. I‑4713, punt 15). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament tillimita ruħha titlob biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u tistieden lir-Repubblika Portugiża ttemm l-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tordnalha, kuntrarjament għal dak li jallega dan l-Istat Membru, tadotta aġir partikolari sabiex tistabbilixxi mill-ġdid it‑trattament ugwali allegatament miksur.
42 Fir-rigward tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, u mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iżvantaġġ finanzjaru li batew il-persuni li ma setgħux jibbenefikaw mit-trattament fiskali preferenzjali meta mqabbla ma’ dawk li kellhom din il‑possibbiltà jikkostitwixxi, bħala tali, effett dejjiemi tas-sistema kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li din is-sistema tkompli tipproduċi effetti fid-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, b’mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ suġġett tiegħu għandha tiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
43 Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Portugiża li kisret l-Artikolu 56 KE u l‑Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE meta tat, fil-kuntest tas-SERF, trattament fiskali preferenzjali f’dak li jikkonċerna t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż.
44 Il-Kummissjoni tosserva li, b’applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tas-SERF, ir-rata ta’ 5 % applikabbli fuq il-valur tal-elementi patrimonjali msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali tnaqqset għal 2.5 % sew f’dak li jirrigwarda l-elementi patrimonjali li jikkonsistu f’titoli tal-Istat Portugiż, kif ukoll f’dak li jirrigwarda elementi patrimonjali oħra jekk il-valur tagħhom kien ġie investit mill-ġdid f’tali titoli qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni.
45 Għalkemm ma tikkontestax il-fatt li t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati jistgħu jibbenefikaw minn trattament preferenzjali, il-Kummissjoni tikkunsidra li rata ta’ tassazzjoni iktar baxxa applikabbli biss għall-elementi ta’ patrimonju rregolarizzati li huma titoli tal-Istat Portugiż tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 56 KE, sa fejn il-persuni taxxabbli li setgħu jibbenefikaw mis-SERF ġew skuraġġuti milli jżommu l‑elementi patrimonjali regolarizzati tagħhom taħt forom oħra barra f’titoli tal-Istat Portugiż. Issa, dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli milli jagħmlu investimenti fi Stati Membri oħra tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE, b’referiment għas-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C‑436/00, Ġabra p. I‑10829, punt 70). Skont il-Kummissjoni, tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 58(1) KE.
46 Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punti 43 u 44). Ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għall-applikazzjoni ta’ żewġ rati ta’ regolarizzazzjoni differenti, sakemm il-persuni taxxabbli kkonċernati kollha jkunu jinsabu f’pożizzjoni identika, ikkaratterizzata mix-xewqa li jirregolaw is‑sitwazzjoni fiskali tagħhom.
47 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li d-Direttiva tal-Kunsill 2004/48/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ mgħax (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 369) ma tippermettix li jiġi ġġustifikat it-trattament preferenzjali mogħti fir-rigward tat-titoli maħruġa mill-Istat Portugiż.
48 Ir-Repubblika Portugiża tqis li s-sistema kontenzjuża hija ġġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali li hija trid tilħaq, li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l‑evitar tat-taxxa u l-evażjoni fiskali. F’dan il-kuntest, hija tinvoka l-Artikolu 58(1)(b) KE, u tippreċiża li s-sistema kontenzjuża tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3 tal‑imsemmi artikolu, u tirreferi wkoll għall-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, filwaqt li tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C‑315/02, Ġabra p. I‑7063, punt 27).
49 Ir-Repubblika Portugiża tfakkar li s-SERF ġiet stabbilita bil-għan tar-regolarizzazzjoni fiskali ta’ elementi patrimonjali li għalihom ma tħallsitx taxxa fil-Portugall. F’dan il-kuntest, il-ħlas tal-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 2.5 % jew ta’ 5 % kien tabilħaqq jikkostitwixxi l-“prezz tar-regolarizzazzjoni” tas-sitwazzjoni fiskali tal-persuni kkonċernati. Dan il-ħlas kien ħa l-forma ta’ ħlas kumpensatorju li jippermetti l-estinzjoni tal-obbligi fiskali dovuti lill-Istat Portugiż għall-elementi patrimonjali li kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni.
50 Din il-funzjoni kumpensatorja tiġġustifika li prezz ta’ regolarizzazzjoni mnaqqas ikun previst biss fil-każ tat-titoli tal-Istat Portugiż, peress li, fil-kuntest tas-SERF, kienu d-dħulijiet mit-taxxa ta’ dan l-Istat Membru li ttieħdu inkunsiderazzjoni, minħabba l-estinzjoni tal-obbligi fiskali relattivi għall-elementi patrimonjali kkonċernati. L-Istat Portugiż għaldaqstant kiseb, b’mod indirett, dħulijiet mit-taxxa dovuti lilu.
51 Barra minn hekk, il-prospett ta’ tnaqqis tar-rata seta’ jipprovoka adeżjoni iktar ġenerali għas-SERF, li kkontribwixxa għal ġlieda b’mod iktar effettiv kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa.
52 Għaldaqstant, is-sistema kontenzjuża hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u proporzjonali mal-għan li jrid jintlaħaq sa fejn din kienet limitata għal kategorija ddefinita b’mod tajjeb ta’ titoli u ma wasslet fl-ebda każ għal segmentazzjoni tas-swieq.
53 Ir-Repubblika Portugiża tibbaża ruħha wkoll fuq id-Direttiva 2003/48. Peress li din id-direttiva ppermettiet dan it-tip ta’ differenzjar għat-titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn amministrazzjoni pubblika, ġie wkoll ikkunsidrat leġittimu, fil-kuntest tal-adozzjoni tas-SERF, li jingħata trattament preferenzjali lit-titoli maħruġa mill-Istat Portugiż.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
54 Għandu jitfakkar li l-miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddiswadu lir-residenti tagħhom milli jidħlu f’kuntratti ta’ self jew milli jagħmlu investimenti fi Stati Membri oħra jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C‑484/93, Ġabra p. I‑3955, punt 10; tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer, C‑222/97, Ġabra p. I-1661, punt 26, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 1999, Sandoz, C‑439/97, Ġabra p. I‑7401, punt 19).
55 Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-persuni taxxabbli li jżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż setgħu jibbenefikaw minn trattament fiskali preferenzjali, previst fl-Artikolu 6(1) tas-SERF, meta mqabblin mal-persuni taxxabbli li jżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, filwaqt li dawn tal-aħħar kellhom iħallsu ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 % fuq il-valur tal-elementi patrimonjali msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali tagħhom, il-persuni taxxabbli li investew f’titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż kienu suġġetti biss għal rata mnaqqsa ta’ 2.5 % fuq il-parti li tikkorrispondi għalihom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) tas-SERF, din ir-rata mnaqqsa kienet ukoll applikabbli għal kull element patrimonjali ieħor iddikjarat jekk il-valur tiegħu kien ġie investit mill-ġdid f’titoli tal-Istat Portugiż fil-mument tal-presentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni fiskali.
56 Għaldaqstant, is-sistema kontenzjuża kienet tipprevedi trattament differenzjat skont jekk il-persuni taxxabbli kinux iżommu titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż jew titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra, sfavorevoli għat-tieni kategorija ta’ persuni taxxabbli. Għalhekk, tali differenza fit-trattament tista’ twassal biex tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli milli jinvestu f’titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra jew li jżommu tali titoli.
57 Minn dan jirriżulta li s-sistema kontenzjuża tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, essenzjalment, mill-Artikolu 56(1) KE.
– Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
58 Għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital hekk ikkonstatata tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn interessi leġittimi rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.
59 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, il-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 49, u tal-14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 35).
60 Huwa stabbilit li l-oġġettivi tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa, invokati mir-Repubblika Portugiża, jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑478/98, Ġabra p. I‑7587, punt 39, u, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑540/07, Ġabra p. I‑10983, punt 55).
61 Huwa madankollu wkoll neċessarju li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tkun idonea sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaqhom (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).
62 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li r-regolarizzazzjoni fiskali implementata mis-SERF setgħet tikkontribwixxi, b’mod ġenerali, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa, jidher li s-sistema kontenzjuża, billi pprevediet trattament differenzjat f’dak li jikkonċerna t-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż meta mqabbla ma’ dawk maħruġa minn Stati Membri oħra, ma tosservax dawn ir-rekwiżiti.
63 Fil-fatt, għandu jitfakkar li din is-sistema kienet tipprevedi, fil-kuntest tal-imsemmija regolarizzazzjoni fiskali, l-applikazzjoni ta’ rati ta’ regolarizzazzjoni differenti skont jekk l-elementi patrimonjali ddikjarati kinux titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż jew titoli tad-dejn pubbliku maħruġa minn Stati Membri oħra, minkejja l-fatt li r-regoli l-oħra tas-SERF applikabbli għall-persuni taxxabbli li jixtiequ jirregolarizzaw is-sitwazzjoni fiskali tagħhom kienu japplikaw, min-naħa tagħhom, indipendentement mill-Istat ta’ oriġini tal-elementi patrimonjali.
64 Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li din id-differenza fir-rata ta’ regolarizzazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li l-ħlas tal-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ tali rata jikkostitwixxi ħlas kumpensatorju li jista’, essenzjalment, ikun ikbar għall-investimenti regolarizzati li jirrigwardaw titoli maħruġa minn Stati Membri oħra, din l-allegazzjoni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, tammonta għal tentattiv li tiġi ġġustifikata miżura restrittiva għall-moviment liberu tal-kapital biex jiġi segwit għan ta’ natura ekonomika, jiġifieri l-kumpens tat-telf ta’ dħul fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.
65 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għan ta’ natura purament ekonomika ma jistax jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker, C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punt 39; Verkooijen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/08, Ġabra p. I‑6817, punt 71).
66 Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża li d-Direttiva 2003/48 tippermetti li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn titoli ta’ dejn negozzjabbli maħruġa minn amministrazzjoni pubblika u tali titoli maħruġa minn persuni privati, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk l-imsemmija direttiva tawtorizza l-istabbiliment ta’ tali differenza fit-trattament, din ma tippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn titoli tal-istess natura, jiġifieri, f’dan il-każ, it-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa mill-Istat Portugiż u dawk maħruġa minn Stati Membri oħra.
67 Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mis-sistema kontenzjuża ma tistax tiġi ġġustifikata mill-motivi invokati mir-Repubblika Portugiża.
68 Sa fejn l-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet, identiċi fis-sustanza, tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑521/07, Ġabra p. I-4873, punt 33, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, Ġabra p. I‑9553, punt 67), il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk fir-rikors preżenti, jiġu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.
69 Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
70 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi pprevediet, fil-kuntest tas-SERF, stabbilita bil-liġi Nru 39-A/2005, trattament fiskali preferenzjali għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.
Fuq l-ispejjeż
71 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi pprevediet, fil-kuntest tas-sistema eċċezzjonali ta’ regolarizzazzjoni fiskali ta’ elementi patrimonjali li ma jinsabux fit-territorju Portugiż fil-31 ta’ Diċemrbu 2004 (“regime excepcional de regularização tributária de elementos patrimoniais que não seencontrem no território português em 31 de Dezembro de 2004”), stabbilita bil-liġi Nru 39-A/2005, tad-29 ta’ Lulju 2005, trattament preferenzjali għat-titoli tad-dejn pubbliku maħruġa biss mill-Istat Portugiż, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.
2) Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.