EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0380

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 28 ta' Ġunju 2011.
Melli Bank plc vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Appell - Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari - Iffriżar tal-fondi tas-sussidjarja ta’ bank - Prinċipju ta’ proporzjonalità - Żamma tal-proprjetà jew kontroll ta’ entità.
Kawża C-380/09 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:424

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2011 ( 1 )

Kawża C-380/09 P

Melli Bank plc

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Estensjoni ta’ miżuri restrittivi għall-entitajiet ‘proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollata minn’ minn persuni jew entitajiet meqjusa li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’ jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran — Sussidjarja kompletament miżmuma bi proprjetà — Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill għall-iskrizzjoni fuq il-listi — Raġunijiet għall-iskrizzjoni — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Werrej

 

I — Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

 

II — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

III — Analiżi

 

A — Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju intiż li jiddetermina jekk l-appellanti hijiex “[miżmuma] […] jew ikkontollat[a]” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

B — Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u fuq it-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

 

b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju

 

C — Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Kunsiderazzjonijiet

 

IV — Fuq l-ispejjeż

 

V — Konklużjoni

1. 

Dan l-appell, ippreżentat minn Melli Bank Plc (iktar ’il quddiem “Melli Bank” jew l-“appellanti”), huwa intiż għall-annullament tas-sentenza Melli Bank Plc vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”, iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) fil-Kawżi magħquda T-246/08 u T-332/08. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-Kawża T-246/08, ir-rikors għal annullament tal-appellanti, ippreżentat kontra l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ), deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kunsill”) poġġa lill-appellanti fuq il-lista ta’ entitajiet li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati, u, fil-Kawża T-332/08, minbarra t-talba għal annullament tal-punt 4 tat-Tabella B imsemmi iktar ’il fuq, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà fil-konfront tagħha, tal-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran ( 4 ).

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

2.

Mill-punti 1 et seq. tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, bl-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Renju Unit. Hija bdiet twettaq l-attivitajiet tagħha fl-2002, wara t-trasformazzjoni tal-fergħa Ingliża tal-Bank Melli Iran (iktar ’il quddiem il-“Bank Melli”). Dan tal-aħħar, li għandu l-proprjetà assoluta tal-appellanti, huwa bank Iranjan li jappartjeni lill-Istat Iranjan. Min-naħa tiegħu, Melli Bank hija awtorizzata u rregolatata mill-Financial Services Authority (Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji fir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“FSA”).

3.

Il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali hija marbuta mal-applikazzjoni tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u ta’ żvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”). L-imsemmija sistema għandha l-oriġini tagħha fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ( 5 ), tat-23 ta’ Diċembru 2006, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) li l-anness tagħha kien jelenka persuni u entitajiet li, skont il-Kunsill tas-Sigurtà, kienu involuti fil-proliferazzjoni nukleari fl-Iran u li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“fondi”) għandhom jiġu ffriżati. Il-lista ġiet aġġornata permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007), tal-24 ta’ Marzu 2007, tal-Kunsill tas-Sigurtà ( 6 ). Għandu jiġi rrilevat li la l-Bank Melli u lanqas Melli Bank ma tpoġġew fuq din il-lista, anki wara li din ġiet aġġornata.

4.

F’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) ġiet implementata permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran ( 7 ). L-Artikolu 5(1)(a) ta’ din il-pożizzjoni komuni kien jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi li kienu jippossjedu, jiddetjenu jew jikkontrollaw, direttament jew indirettament, l-entitajiet u l-persuni msemmija f’din ir-riżoluzzjoni. L-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan l-istess att kien jipprovdi li din il-miżura tapplika għall-persuni u l-entitajiet meqjusa mill-Kunsill li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ, għall-proliferazzjoni nukleari.

5.

Sa fejn il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea kienu wkoll ikkonċernati, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ġiet segwita bl-adozzjoni, fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, tar-Regolament Nru 423/2007. F’kontenut ferm simili għal dak tal-pożizzjoni komuni, l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi li jappartjenu lil persuni, entitajiet u organi msemmija fir-Riżoluzzjoni 1737 (2006), kif ukoll tal-fondi kollha li dawn il-persuni, entitajiet jew organi jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw. L-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 jestendi din il-possibbilità ta’ ffriżar ta’ fondi għall-persuni, għall-entitajiet jew għall-organi indikati mill-Kunsill u meqjusa, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ, għall-proliferazzjoni nukleari. Il-persuni, l-entitajiet u l-organi indikati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 huma elenkati fl-Anness V tal-imsemmi regolament.

6.

Skont l-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament, l-Anness V jinkludi wkoll “persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi [organi] […] identifikati li […] huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp imsemmija taħt (a) jew (b), inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti” li, minħabba f’hekk, ikollhom il-fondi tagħhom iffriżati.

7.

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[i]l-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda [l-Anness V] f’konformità sħiħa mad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill [adottati skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 […].” Dejjem skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jeżamina l-lista msemmija f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tnax-il xahar.

8.

L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi li “[i]l-Kunsill għandu jiddikjara raġunijiet individwali u speċifiċi għal deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafu 2 u jagħmilhom magħrufa lill-persuni, entitajiet u korpi [organi] kkonċernati”.

9.

Xi żmien wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1803 (2008), tat-3 ta’ Marzu 2008 ( 8 ), fejn talab “lill-Istati kollha sabiex ikunu viġilanti dwar attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tagħhom mal-banek kollha domiċiljati fl-Iran, b’mod partikolari mal-[Bank Melli] kif ukoll mal-fergħat u aġenziji tagħhom barra l-pajjiż, sabiex jiġi evitat li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għal attivitajiet li jagħtu lok għal riskju ta’ proliferazzjoni” ( 9 ).

10.

Fit-23 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/479/PESK ( 10 ), li emendat il-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Skont l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni l-ġdida, il-Bank Melli kif ukoll il-fergħat u s-sussidjarji tiegħu ġew inklużi fost l-entitajiet milquta mill-iffriżar ta’ fondi skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Fir-rigward tal-Bank Melli u tal-appellanti, l-iffriżar inżamm fis-seħħ permezz tal-pożizzjoni Komuni 2008/652/PESK ( 11 ) li, mill-ġdid, emendat il-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

11.

Fl-istess jum, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata. Skont il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kunsill poġġa lil Bank Melli u lis-sussidjarji tiegħu, inkluż lil Melli Bank, fil-lista li tinsab fl-Anness V tal-imsemmi Regolament ( 12 ). Din l-iskrizzjoni kellha l-effett li tiffriża l-fondi tal-appellanti.

12.

B’hekk, il-punt 4 tat-Tabella B tad-Deċiżjoni 2008/475 isemmi l-isem tal-appellanti, l-indirizz postali tagħha fl-Londra u d-data tal-iskrizzjoni tagħha (jiġifieri s-26 ta’ Ġunju 2008). Il-Kunsill abbozza b’dan il-mod paragrafu uniku li fih ir-raġunijiet li wassluh biex ipoġġi lil Bank Melli u lis-sussidjarji u l-fergħat tiegħu fuq il-lista: il-Bank Melli “[j]ipprovdi jew jipprova jipprovdi sostenn finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran […]. Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi ta’ l-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjal sensittiv għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran. Huwa pprova firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta ma’ l-industriji nukleari u missilistiċi ta’ l-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u żżamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq issemmew [fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà] 737 u 1747”.

13.

It-talbiet fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08 tressqu permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju u fil-15 ta’ Awwissu 2008. Fil-Kawża T-246/08, l-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Fil-Kawża T-332/08, l-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 għandu applikazzjoni obbligatorja, tiddikjara l-inapplikabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 241 KE. L-appellanti titlob ukoll li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2008, iż-żewġ kawżi ġew maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

14.

Fil-Kawża T-246/08, l-appellanti qajmet żewġ motivi, wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-ieħor ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-Kawża T-332/08, hija sostniet li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma għandux jiġi kkunsidrat li għandu applikazzjoni obbligatorja, iżda li kieku dan kien il-każ, dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u għaldaqstant għandu jkun inapplikabbli skont l-Artikolu 241 KE; barra minn hekk, l-appellanti allegat li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

15.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma fiż-żewġ kawżi u kkundannat lill-appellanti tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji ( 13 ).

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16.

Fil-25 ta’ Settembru 2009, Melli Bank ippreżentat appell kontra s-sentenza appellata.

17.

Fit-talbiet tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tilqa’ r-rikorsi magħmula fil-Kawżi T-246/08 u T-332/08, tannulla l-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 inapplikabbli fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dan għandu applikazzjoni obbligatorja, u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

18.

Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill, li huwa l-konvenut quddiem l-ewwel qorti, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni, li huma partijiet intervjenti quddiem l-ewwel qorti, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Melli Bank għall-ispejjeż.

19.

Il-preżentata ta’ replika ġiet awtorizzata fil-kuntest tal-proċeduri preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-partijiet l-oħra kollha b’eċċezzjoni tar-Renju Unit, ippreżentaw kontroreplika.

20.

B’eċċezzjoni tar-Renju Unit, il-partijiet kollha nstemgħu waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2011.

III – Analiżi

21.

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fil-formulazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju intiż li jiddetermina jekk l-appellanti hijiex miżmuma u kkontrollata mill-kumpannija parent tagħha fis-sens tal-imsemmi artikolu. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-obbligu tal-Kunsill li jagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni li tniżżel l-appellanti fil-lista ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Sabiex tinftiehem aħjar it-teknika ġenerali tal-appell, jiena sejjer nibda billi neżamina t-tielet aggravju.

A – Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju intiż li jiddetermina jekk l-appellanti hijiex “[miżmuma] […] jew ikkontollat[a]” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007

1. L-argumenti tal-partijiet

22.

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 119 et seq. tas-sentenza appellata, tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u li abbażi tiegħu l-Kunsill iddeċieda li jiffriża l-fondi tagħha. Hija essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-kwistjoni speċifika kienet dwar jekk l-appellanti setgħetx, bi probabbiltà li ma hijiex insinjifikanti, tevita l-effetti tal-miżuri adottati kontra l-kumpannija parent, iżda li Qorti Ġenerali ma applikatx dan il-kriterju b’mod korrett billi b’mod partikolari tat importanza mhux mistħoqqa għall-abbiltà ta’ Bank Melli li tinnomina d-diretturi tal-appellanti, peress li din il-kwistjoni ma hijiex fattur determinanti biex jiġi stabbilit jekk hijiex miżmuma jew ikkontrollata mill-Bank Melli. Biex tagħmel dan, l-appellanti tirrepeti numru ta’ argumenti ta’ natura fattwali li digà ġew ippreżentati fl-ewwel istanza u li għandhom l-għan li, b’mod partikolari, jikkontestaw iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-effettività tal-miżuri alternattivi ssuġġeriti mill-appellanti li, il-biċċa l-kbira minnhom, huma ta’ natura ex post. Billi ma applikatx b’mod korrett il-kriterju msemmi iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi li għandu l-effett li jipprekludi kwalunkwe analiżi individwali ta’ kull każ, għall-kuntrarju ta’ dak li tikkonstata l-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tal-istess sentenza. Barra minn hekk, l-appellanti tikkunsidra li r-riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija sussidjarja jkun imputat lill-parent tagħha ma huwiex opportun, peress li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni fil-konfront tagħha li tipprovdi li peress li l-parent tagħha hija 100 % propjetarja tagħha, din tal-ewwel teżerċita fuqha influwenza determinanti, tmur kontra d-drittijiet ta’ difiża tagħha. Din tikser l-imsemmija drittijiet peress li Melli Bank ma kellhiex il-possibbilità li tippreżenta osservazzjonijiet lill-Kunsill u lanqas li tirrispondi għall-allegazzjonijiet magħmula kontriha. Barra minn hekk, il-fatt li jiġi kkunsidrat li jeżisti r-riskju li s-sussidjarja tevita l-miżuri restrittivi adottati kontra l-kumpannija parent imur kontra l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti tikkonkludi li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi billi ma applikax b’mod korrett il-kriterju t-tajjeb meta ddeċieda li jiffriża l-fondi tagħha abbażi tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

23.

Il-Kunsill u l-partijiet l-oħra fil-proċedura jitolbu li l-aggravju preżenti jiġi miċħud. Il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti qed titlob li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti tal-kawża mingħajr ma ppruvat li, mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali, tirriżulta ineżattezza materjali jew żnaturament tal-fatti. Ir-Repubblika ta’ Franza u l-Kummissjoni jikkunsidraw li meta l-appellanti fformulat l-aggravju preżenti, hija ma wrietx li jeżisti żball ta’ liġi imputabbli lill-Qorti Ġenerali. Għalkemm ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni essenzjalment jaqblu mal-approċċ tal-Qorti Ġenerali, u jikkunsidraw li din għamlet applikazzjoni bbilanċjata tal-ġurisprudenza rilevanti fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, huma madankollu jissuġġerixxu li, peress li l-kriterju għandu karatteristiċi alternattivi — “[miżmuma] […] jew ikkontollat[a]” — u peress li jidher b’mod ċar li l-entità inkwistjoni hija miżmuma minn entità digà iskritta skont l-Artikolu 7(2) (a) jew (b) tar-Regolament Nru 423/2007, la huwa meħtieġ li l-Kunsill jipproċedi b’eżami addizzjonali u jipprova li l-appellanti hija wkoll ikkontrollata u lanqas li jipprova li jeżisti r-riskju lis-sussidjarja tevita l-miżuri li jolqtu l-kumpannija parent. Madankollu, minn dan l-agrument, l-imsemmija partijiet ma nisslux konsegwenzi ġuridiċi speċifiċi għall-appell preżenti. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill ifakkar li skont il-ġurisprudenza tal-qorti Komunitarja, il-miżuri restrittivi ma għandhomx natura penali, u għalhekk, l-argument bbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-appellanti ma japplikax.

2. Kunsiderazzjonijiet

24.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tiċċara l-kriterju li jista’ jimmotiva iskrizzjoni ta’ entità skont l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 432/2007 ( 14 ). Nirrileva immedjatament li, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali ( 15 ), mill-kliem ta’ dan is-subparagrafu jirriżulta b’mod ċar li l-iskrizzjoni ta’ dawn l-entitajiet ma hijiex immotivata minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom jew l-appoġġ tagħhom għall-politika ta’ proliferazzjoni nukleari mħaddna mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, iżda biss minħabba l-fatt li dawn l-entitajiet huma “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” minn entitajiet li, huma stess u huma biss, ġew meqjusa li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-imsemmija politika. Barra minn hekk, huwa ċar li l-kriterju huwa fformulat b’mod alternattiv. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, huwa l-kriterju ta’ proprjetà fis-sens tal-imsemmi subparagrafu li għandu jiġi interpretat.

25.

Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien meħtieġ li tipproċedi b’qari dettaljat tal-kriterju ta’ detenzjoni. Wara li fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi interpretata biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxa minnha ( 16 ), hija kkunsidrat li, għal dak li jirrigwarda d-detenzjoni minn entità li l-fondi tagħha jkunu ffriżati skont l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament, id-detenzjoni formali waħedha tista’ ma tkunx biżżejjed. Naħseb li tali approċċ huwa raġjonevoli meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ipoteżijiet ta’ detenzjoni mhux kollha jkollhom, bħal fil-każ preżenti, parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-kapital tas-sussidjarja tagħha li tlaħħaq il-100 %. Fil-fatt, f’każ bħal dan, teżisti preżunzjoni li d-detenzjoni sħiħa tmur flimkien mal-abbiltà tal-kumpannija parent li tinfluwenza l-politika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tas-sussidjarja tagħha, filwaqt li, f’każijiet fejn is-sehem fil-kapital ikun inqas, din l-abbiltà tista’ tidher inqas evidenti.

26.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “għandu jiġi mfittex jekk, minħabba l-fatt li hija proprjetà tal-[Melli Bank], ir-rikorrenti tistax, bi probabbiltà li mhijiex insinjifikattiva, tiġi mwassla tevadi l-effett tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha” ( 17 ). Minflok interpretazzjoni strettament litterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni li tipprovdi li l-konstatazzjoni ta’ detenzjoni waħedha tista’ tkun biżżejjed biex tiġġustifika l-iskrizzjoni ta’ entità, il-Qorti Ġenerali ppreferiet interpretazzjoni teleoloġika, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan imfittex mir-Regolament. Huwa f’dan il-kuntest preċiż li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li enfasizzat il-partikolarità tal-qasam li fih ittieħdet il-miżura restrittiva imposta fuq l-appellanti, ispirat ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà fil-konfront ta’ kumpannija parent għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjara tagħha. Kif kelli l-opportunità li nfakkar reċentament f’kuntest ieħor ( 18 ), minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja ( 19 ), u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita din l-influwenza ( 20 ).

27.

Jidhirli li l-attitudni tal-Qorti Ġenerali hija kkaratterizzata bi prudenza, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-interpretazzjoni mogħtija minnha tippermetti li wieħed imur lil hinn minn applikazzjoni awtomatika tal-kriterju ta’ detenzjoni u tfittex li tanalizza l-effett fuq il-funzjonament u l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tas-sussidjarja. It-tieni nett, hija ma ttrasponietx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dritt dwar il-kompetizzjoni iżda, għall-kuntrarju, filwaqt li kienet konxja mid-differenzi fundamentali bejn iż-żewġ oqsma, hija sempliċiment ispirat ruħha minnha. Skont konstatazzjoni stabbilita mill-Qorti Ġenerali li ma ġietx ikkontestata la quddiemha u lanqas fl-appell, l-appellanti hija 100 % miżmuma bi proprjetà mill-Bank Melli — fejn huwa paċifiku li ġiet iskritta fuq il-lista ta’ entitajiet li l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skont l-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007 — u, f’din il-kwalità, din tal-aħħar tista’ taħtar il-persunal li jmexxiha ( 21 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa korrett li jiġi kkunsidrat li l-appellanti tirrappreżenta riskju mhux negliġibbli, li huwa naturalment dovut għall-fatt li l-appellanti hija kollha kemm hi miżmuma u kkonfermat mill-argument li l-propjetarju għandhu s-setgħa li jaħtar il-persunal li jmexxiha, li tevita l-miżuri adottati kontra l-kumpannija parent tagħha.

28.

Fir-rieda tagħha li tkompli tmur lil hinn mill-approċċ strettament formali tal-kriterju ta’ detenzjoni, il-Qorti Ġenerali pproċediet bl-analiżi tagħha billi vverifikat jekk mill-proċess kienx jirriżulta, u b’mod iktar ġenerali mir-relazzjonijiet bejn l-appellanti u l-kumpannija parent tagħha, ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jikkontrobilanċjaw l-influwenza li jeżerċita l-Bank Melli fuq is-sussidjarja tiegħu peress li jista’ jaħtar il-persuni li jmexxuha. F’dan ir-rigward, kull wieħed mill-argumenti tal-appellanti ġie eżaminat quddiem il-Qorti Ġenerali iżda l-ebda wieħed minnhom ma deher li joffri l-livell ta’ garanzija meħtieġ. Anki jekk wieħed jassumi li, fl-istadju tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tiddeċiedi mill-ġdid dwar dawn l-argumenti li naħseb li iktar jiffurmaw parti minn apprezzament fattwali minn klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, din għandha tikkonferma l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punti 125 sa 128 tas-sentenza appellata, li l-appellanti jew qajmet fatturi eżistenti iżda insuffiċjenti biex iwarrbu kull riskju li l-miżuri jiġu evitati, jew ipproponiet miżuri li n-natura purament prospettiva tagħhom — biex ma ngħidx ipotetika — tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fondata li dawn il-miżuri jistgħu jiġu attwati u huma effettivi.

29.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li għadni kif irrilevajt, insib diffikultà li naċċetta l-argument tal-appellanti li r-raġunar tal-Qorti Ġenerali jiffavorixxi applikazzjoni awtomatika tal-kriterju ta’ detenzjoni fuq analiżi individwali ta’ kull każ, għaliex, minkejja li huwa minnu li l-fatt li l-appellanti hija 100 % miżmuma jissuġġerixxi li l-kumpannija parent tagħha bilfors teżerċita fuqha influwenza li tista’ tkun determinanti, il-Qorti Ġenerali fittxet preċiżament il-fatturi li poġġewha f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni f’dan is-sens — fil-każ preżenti, il-ħatra mill-entità parent tal-persuni li jmexxu lill-appellanti u l-eżistenza konkomitanti ta’ riskju reali li jiġu evitati l-miżuri adottati kontra Bank Melli — fl-istess waqt li hija analizzat iċ-ċirkustanzi l-oħra li setgħu jikkontradixxu tali konstatazzjoni u, skont it-termini użati mill-Qorti Ġenerali, li jikkontrobilanċjaw l-influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent. Jidhirli li s-soluzzjoni li tirriżulta hija adattata kemm għall-kuntest partikolari li fih ittieħdu l-miżuri restrittivi fil-każ preżenti kif ukoll għas-sitwazzjoni partikolari tal-appellanti fir-rigward tan-natura, il-portata u l-intensità tar-relazzjonijiet tagħha mal-kumpannija parent tagħha.

30.

Il-kriterju applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma jikkontradixxix l-ifformular alternattiv tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 għaliex, fil-fatt, dak li jipprova jistabbilixxi l-kriterju ta’ detenzjoni huwa r-riskju ta’ influwenza eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha. Naħseb li għalhekk dan il-kunċett ta’ influwenza huwa ferm differenti minn dak ta’ kontroll.

31.

Is-sitwazzjoni speċifika tal-appellanti, li l-assi tagħha jinsabu ffriżati mhux għaliex hija tipparteċipa jew tappoġġja l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran iżda biss għaliex hija sussidjarja miżmuma minn tali entità, teżiġi li, fl-ewwel lok il-Kunsill, u sussegwentement il-qorti Komunitarja, jipproċedu għal analiżi skont iċ-ċirkustanzi tal-każ tagħha, bħal dak tal-entitajiet kollha iskritti skont l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. Madankollu, wieħed jista’ jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiffriża l-fondi tal-appellanti kienet ibbażata fuq preżunzjoni li jeżistu riskji reali li sussidjarja 100 % miżmuma minn entità li tipparteċipa jew li tappoġġja l-proliferazzjoni nukleari u li, barra minn hekk, taġixxi fil-qasam bankarju u finanzjarju, tkun suġġetta għal pressjoni mill-kumpannija parent li tħeġġiġha tevita l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha. Infakkar mill-ġdid li tali preżunzjoni tapplika biss fil-każ ta’ detenzjoni sħiħa u, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali, hija konfutabbli. Madankollu, fi kwalunkwe każ, l-appellanti ssostni li jekk dan huwa l-każ, id-drittijiet ta’ difiża tagħha ġew leżi għaliex hija qatt ma tpoġġiet f’pożizzjoni li tkun tista’ tikkontesta din il-preżunzjoni speċjalment qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

32.

F’dan ir-rigward nirrileva li skont ġurisprudenza stabbilita, meta tittieħed l-ewwel deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill jissodisfa l-obbliġu ta’ motivazzjoni tiegħu jekk jikkomunika lill-partijiet ikkonċernati l-motivi li wassluh biex jadotta l-imsemmija deċiżjoni fil-konfront tagħhom fl-istess waqt jew mill-iktar fis possibbli wara li tiġi adottata l-miżura ( 22 ). B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li d-drittijiet tad-difiża li għandhom jiġu ggarantiti fl-istadju tal-proċeduri preliminari ma humiex assoluti u li, fil-preżenza ta’ miżuri restrittivi, komunikazzjoni tal-motivi qabel l-inklużjoni ta’ entità fuq lista “tkun tali li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi” u li “tali miżuri għandhom, minn natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża” ( 23 ). Jekk, permezz tal-allegazzjoni ferm ġenerika ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, l-appellanti bi ħsieba tikkontesta n-nuqqas ta’ smigħ preliminari, għandu jiġi kkonstatat li tali smigħ mill-Kunsill ma huwiex meħtieġ fil-każ preżenti għal raġunijiet relatati man-natura partikolari tal-miżuri restrittivi kif ukoll mal-preżervazzjoni tal-effettività tagħhom. Fir-rigward tal-bqija, biex jiġi kkonstatat li l-appellanti setgħet titlob lill-Kunsill jagħmel eżami mill-ġdid, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li ġie ppublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ( 24 ). Barra minn hekk, l-appellanti ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali sensiela ta’ argumenti intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjoni li, minħabba r-rabtiet li jgħaqqduha ma’ Bank Melli hija setgħet tevita l-miżuri restrittivi adottati kontra Bank Melli, liema argumenti ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali wieħed wieħed peress li din kienet tikkunsidra ruħha f’pożizzjoni tajba biżżejjed biex tagħmel dan. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma jistax jiġi milqugħ.

33.

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jippreġudika l-preżunzjoni ta’ innoċenza tagħha għaliex il-Qorti Ġenerali titlaq mill-premessa li l-appellanti bilfors sejra taġixxi kontra r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 423/2007. Dwar dan il-punt jiena sejjer sempliċiment infakkar żewġ punti. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali dejjem esprimiet ruħha bi prudenza kbira, meta, b’mod partikolari, ikkonstatat li “ir-rikorrenti tista’ [...], bi probabbilità li mhijiex insinjifikattiva, tiġi imwassla tevadi l-effett tal-miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha” ( 25 ) u tkellmet fuq ir-“riskju li mhuwiex insinjifikattiv li l-[Bank Melli] jkun jista’ jwassal lir-rikorrenti sabiex tagħmel tranżazzjonijiet preklużi” ( 26 ). Għalhekk, ir-responsabbiltà għall-evitar ta’ miżuri għandha tapplika iktar fil-konfront tal-kumpannija parent milli fil-konfront tal-appellanti, li hija aktarx ikkunsidrata li ma għandhiex il-meżżi biex tirreżisti għall-pressjoni eżerċitata fuqha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkunsidrat li miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ kienu jikkostitwixxu sanzjonijiet penali, iżda biss miżuri ta’ prekawzjoni ( 27 ) li fir-rigward tagħhom ma tistax tapplika l-preżunzjoni ta’ innoċenza għaliex l-appellanti qatt ma ġiet formalment akkużata ( 28 ).

34.

Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B – Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u fuq it-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1. L-argumenti tal-partijiet

35.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jobbliga lill-Kunsill jiffriża l-fondi tal-entitajiet kollha li huma miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati minn entitajiet li huma meqjusa li huma involuti jew li jagħtu appoġġ lill-proliferazzjoni nukleari fl-Iran. Hija essenzjalment targumenta li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha meta qieset li l-imsemmija dispożizzjoni għandha natura obbligatorja ( 29 ) filwaqt li kkonstatat l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali għall-Kunsill taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti biex jiddeċiedi liema entitajiet għandhom il-kwalità ta’ entitajiet “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” fis-sens tal-imsemmi artikolu ( 30 ). Fil-fatt, ir-Regolament jipprevedi approċċ personalizzat għall-iskrizzjoni li ma jirrikjedix, b’mod awtomatiku u obbligatorju, l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet kollha miżuma jew ikkontrollati, hekk kif jista’ jiġi ppruvat mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, li jipprovdi li l-Kunsill għandu jindika lill-entità identifikata skont l-Artikolu 7(2)(d) ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha fil-lista ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-imsemmi artikolu għandu effett obbligatorju għall-Kunsill filwaqt li dan tal-aħħar għandu setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedi jekk sussidjarja, anki jekk din tkun kompletament miżmuma bi proprjetà, tissodisfax il-kriterji pprovduti f’din id-dispożizzjoni. Il-prattika li ma hijiex uniformi tal-Kunsill li, b’mod partikolari, wasslitha biex tinkludi tnejn biss mill-għoxrin sussidjarja tal-Bank Melli, turi perfettament li l-Kunsill ma inkludiex fil-lista, b’mod awtomatiku, l-entitajiet kollha miżuma minn Bank Melli. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu tassew setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedi li jinkludi l-entitajiet, u għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 ma hijiex obbligatorja. L-appellanti tagħlaq l-argumenti tagħha fuq dan il-punt billi tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta inkluda lill-appellanti fuq il-lista sa fejn ikkunsidra, b’mod żbaljat, li kien marbut li jagħmel dan skont dispożizzjoni obbligatorja.

36.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li peress li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan ma jistax jiġi interpretat bħala dispożizzjoni obbligatorja (tieni parti tal-ewwel aggravju), u, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkonferma n-natura obbligatorja tiegħu, dan jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tieni aggravju), għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, tqum hawnhekk il-kwistjoni tal-konformità tal-imsemmi artikolu mal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel aggravju dwar l-istess suġġett. Minn naħa, u għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, in-natura proporzjonali tal-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata fil-kuntest tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, inkluża r-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ( 31 ). Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ma kkunsidrax li l-appellanti għandha tkun suġġetta għall-iffriżar tal-fondi tagħha, iżda kkuntenta ruħu li jeżiġi sorveljanza fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa mill-kumpannija parent tagħha, liema fatt jipprova li setgħu jiġu adottati miżuri inqas vinkolanti minn dawk deċiżi mill-Kunsill, mingħajr ma jiġi mhedded it-twettiq tal-għan imfittex. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 423/2007 stess jinkludi fih dispożizzjonijiet li jipprevedu miżuri oħra minbarra l-iffriżar ta’ fondi ( 32 ), miżuri alternattivi li, anki jekk ex post, setgħu perfettament jiġu applikati fil-konfront tagħha peress li l-Kunsill ma ppruvax li dawn il-miżuri kienu jkunu nqas effettivi fir-rigward tal-appellanti minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi. L-appellanti tirrileva li, fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, hija stess issuġġeriet miżuri alternattivi li ma ġewx aċċettati mill-Qorti Ġenerali peress li kkunsidrat li l-appellanti ma ppruvatx in-natura effikaċja tagħhom fir-rigward tal-għan imfittex, meta fil-fatt kien l-obbligu tal-Kunsill li jipprova n-nuqqas ta’ effettività tagħhom ( 33 ). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tat biżżejjed importanza lill-prattika tal-Kunsill li tipprovdi li l-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet li jappartjenu lil entitajiet li huma involuti jew li jagħtu appoġġ lill-proliferazzjoni nukleari ma huwiex awtomatiku, filwaqt li l-appellanti tfakkar li mhux is-sussidjarji kollha tal-Bank Melli huma s-suġġett ta’ tali miżura restrittiva.

37.

Il-Kunsill, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 hija korretta. Kemm mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 7(2) jirriżulta li l-fondi ta’ entitajiet meqjusa “[miżmuma bi] proprjetà […] jew ikkontrollati […]” għandhom jiġu ffriżati. Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill tiġi eżerċitata meta tivverifika li l-kriterji ta’ applikazzjoni tas-subparagrafu (d) huma sodisfatti. Barra minn hekk, b’mod indikattiv, il-Qorti Ġenerali semmiet numru ta’ kriterji rilevanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill f’dan il-kuntest. Il-prattika li ma hijiex uniformi ta’ dan tal-aħħar ma tistax tqiegħed inkwistjoni tali interpretazzjoni, peress li l-Kunsill ma jistax ikun f’pożizzjoni li jidentifika l-entitajiet kollha miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati minn entità meqjusa li tipparteċipa jew li tappoġġja l-proliferazzjoni nukleari. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza li attitudni tal-Kunsill eventwalment kuntrarja għar-Regolament Nru 423/2007 ma hijiex ta’ natura li toħloq xi aspettattiva leġittima għall-appellanti. Ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li peress li l-iffriżar japplika awtomatikament lill-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati, l-indikazzjoni nominattiva tagħhom fl-anness ma hijiex meħtieġa. Barra minn hekk, l-imsemmija partijiet fil-proċedura jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ġustament iddeċidiet li, minn naħa, ir-Riżoluzzjoni 1803 (2008) ma hijiex kriterju li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonali tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, li l-iffriżar ta’ fondi ta’ entitajiet miżmuma bi proprjetà minn entitajiet meqjusa li huma involuti jew li jappoġġjaw il-proliferazzjoni nukleari hija proporzjonali mal-għan leġittimu mfittex. Huma jitolbu unanimament li jiġu miċħuda l-ewwel u t-tieni aggravji, filwaqt li l-Kunsill jikkunsidra saħansitra li l-appellanti qiegħda titlob, b’mod inopportun fil-kuntest ta’ appell, evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

2. Kunsiderazzjonijiet

a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

38.

B’mod preliminari nfakkar li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi li “[l-] Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi [organi], mhux koperti mill-Anness IV, li […] ġew identifikati li […] huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ [miżmuma] jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp [involuti fi, assoċjata direttament ma’, jew tipprovdi appoġġ, għall-proliferazzjoni nukleari] inkluż permezz ta’ mezzi illegali”.

39.

Infakkar li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali ġiet ispirata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 34 ).

40.

Mill-kliem tal-imsemmi artikolu jirriżulta li hemm lok li ssir distinzjoni bejn żewġ elementi. L-iffriżar ta’ fondi, kif jipprovdi ab initio l-Artikolu 7(2) bl-użu tal-espressjoni “għandhom ikunu ffriżati”, huwa ċertament obbligu, iżda dan biss wara li l-Kunsill ikun identifika l-entitajiet meqjusa li huma “[miżmuma] […] jew ikkontrollati”. B’hekk dan l-għarfien jagħti lok għal evalwazzjoni mill-Kunsill tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-entitajiet li jistgħu jkunu milquta skont is-subparagrafu (d) tal-Artikolu 7(2). Għalhekk jiena ma nistax ma naqbilx mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-imsemmi subparagrafu “jimponi fuq il-Kunsill li jiffriża l-fondi ta’ entità ‘[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]’ minn entità identifikata li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7([2])(a) jew (b) tal-istess regolament, filwaqt li l-Kunsill jevalwa każ b’każ il-kwalità ta’ entità ‘[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]’ mill-entitajiet ikkonċernati” ( 35 ).

41.

L-argument tal-appellanti intiż li jikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 huwa xi ftit konfuż u naħseb li huwa essenzjalment ibbażżat fuq qari inkomplet jew żbaljat tas-sentenza appellata. B’mod partikolari hija tikkunsidra li meta, fil-punt 63, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-estenzjoni tal-miżura tal-iffriżar ta’ fondi għall-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati hija obbligatorja”, din irrikonoxxiet in-natura obbligatorja tal-imsemmija dispożizzjoni. Issa, kif għadni kemm urejt, il-punt 63 huwa biss stadju fir-raġunar tal-Qorti Ġenerali, li tistabbilixxi interpretazzjoni definittiva tal-imsemmi artikolu fil-punt 67 li għadni kemm semmejt, liema punt jirrikonoxxi evalwazzjoni individwali ta’ kull każ min-naħa tal-Kunsill.

42.

Skont l-appellanti, peress li l-Qorti Ġenerali semmiet ukoll xi kriterji rilevanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill waqt l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk entità hijiex “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]” ( 36 ), dan ifisser li l-Qorti Ġenerali ma qisitx il-fatt li sussidjarja tkun miżmuma jew ikkontrollata minn entità meqjusa li tagħti appoġġ lill-proliferazzjoni nukleari bħala biżżejjed biex din tkun inkluża awtomatikament fl-Anness V. Issa, minn naħa, is-silta rilevanti tas-sentenza appellata tirreferi għall-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata l-kwalità ta’ entità “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]”, li huwa kunċett ferm iktar wiesa’ mill-kunċett waħdieni ta’ sussidjarja; u, min-naħa l-oħra, ir-riferiment għal dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni ma huwa bl-ebda mod f’kontradizzjoni mal-premessa inizjali li tipprovdi għall-iffriżar obbligatorju ta’ fondi iżda biss fil-konfront ta’ entitajiet li tqis bħala “[miżmuma] […] jew ikkontrollati”, fi kliem ieħor, li jissodisfaw il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. Dawn il-kriterji, mogħtija b’mod indikattiv mill-Qorti Ġenerali, li magħhom nixtieq inżid is-settur ta’ attività tal-entità inkwistjoni ( 37 ), huma dawk li jistgħu jiggwidaw lill-Kunsill meta jipproċedi biex iqis lill-imsemmija entità “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 u huma tabilħaqq kompatibbli mal-idea ta’ evalwazzjoni individwali ta’ kull każ tas-sitwazzjonijiet individwali.

43.

Għalhekk, l-estensjoni tal-miżura ta’ ffrizar ta’ fondi għall-entitajiet milquta mill-imsemmi artikolu huwa obligatorju sa fejn il-Kunsill jikkunsidra li jinsab fil-preżenza ta’ entità “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija konformi mas-setgħa diskrezzjonali tradizzjonalment rikonoxxuta lill-Kunsill f’dan il-qasam. Fil-fehma tiegħi, il-konfużjoni tal-appellanti tinħoloq minħabba l-fatt li hija taqra biss b’mod litterarju l-imsemmi artikolu. Hija tibbaża ruħha fuq il-prattika mhux uniformi tal-Kunsill biex turi li mhux l-entitajiet kollha miżmuma bi proprjetà mill-Bank Melli ġew iskritti, u li għalhekk, dan ifisser li l-Kunsill ma huwiex marbut li jiffriża l-fondi tal-entitajiet kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007.

44.

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

45.

Minn naħa, skont il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill għandu jiffriża l-fondi tal-entitajiet “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” sakemm huwa jkun irrikonoxxihom b’dan il-mod. L-obbligu tal-Kunsill li jestendi l-miżuri ta’ ffriżar għal dawn l-entiajiet “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” huwa intrinsikament marbut mal-kapaċità tal-istituzzjoni li tidentifikahom. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kunsill fakkar li sa mill-2010, miżuri restrittivi ġew estiżi għal kważi ħmistax-il entità “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” mill-Bank Melli ( 38 ).

46.

Min-naħa l-oħra, hekk kif urejt iktar ’il fuq, il-kriterju ta’ detenzjoni jew ta’ kontroll ma jistax jiġi interpretat bħala kriterju strettament formali. Naħseb li, fl-abbozzar tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, ir-riferiment għall-idea ta’ rikonoxximent huwa iktar rilevanti mis-soltu, peress li hawnhekk ninsabu quddiem dik li hija tradizzjonalment ippreżentata bħala sistema ta’ “sanzjonijiet intelliġenti” li, bħala regola, għandha tapplika fil-konfront ta’ persuni u entitajiet biss sa fejn dan ikun strettament iġġustifikat. Fi kliem ieħor, huma biss il-fondi ta’ entitajiet rikonoxxuti mill-Kunsill li huma “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament li għandhom jiġu ffriżati b’mod obbligatorju. Konformament ma’ dak li ssuġġerejt fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet aggravju, il-fatt li entità hija “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 423/2007. Id-detenzjoni u l-kontroll li jirreferi għalihom l-imsemmi artikolu għandhom għalhekk ikunu kkunsidrati b’mod awtonomu meta mqabbla mas-sens ordinarju jew kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kunċetti. Entitajiet jistgħu jiġu kkunsidrati “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” fis-sens tar-Regolament Nru 423/2007 meta dawn ikunu naturalment intiżi li jagħtu appoġġ lill-proliferazzjoni nukleari promossa mill-Istat Iranjan minħabba l-fatt li huma kompletament (100 %) miżmuma minn kumpannija parent, iżda jistgħu ma jiġux ikkunsidrati b’dan il-mod jekk il-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent, għalkemm din ikollha l-parti l-kbira tal-kapital, timplika li l-influwenza eżerċitata għandha importanza tabilħaqq inqas sinjifikattiva. Huwa għalhekk billi jiġi segwit tali raġunar li wieħed jista’ jifhem u jaċċetta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “l-Kunsill jista’ leġittimament […] ma japplikax l-Artikolu 7(2)(d) [tar-Regolament Nru 423/2007] għal entitajiet li, fil-fehma tiegħu, ma jissodisfawx il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dan minkejja l-fatt li huma kumpanniji sussidjarji ta’ entitajiet identifikati li huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari” ( 39 ).

47.

L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Kunsill huwa marbut li jiffriża l-fondi tal-entitajiet li huwa rrikonoxxa li huma miżmuma jew ikkontrollati fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 ma hijiex ta’ natura kontradittorja kif tallega li hija l-appellanti. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt ma hijiex ivvizjata minn żball ta’ liġi. Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju

48.

L-ewwel nett, l-appellanti tikkontesta ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tar-rilevanza tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) li fiha l-Kunsill tas-Sigurtà sempliċiment eżiġa li l-Istati juru li huma viġilanti fir-rigward tal-Bank Melli kif ukoll fir-rigward tal-aġenzji u l-fergħat tiegħu ( 40 ). Għalhekk id-deċiżjoni li jiġu ffriżati l-fondi tal-Bank Melli u tas-sussidjarji tiegħu ġiet adottata abbażi ta’ dispożizzjoni sporporzjonata fir-rigward ta’ dak li jeżiġi l-Kunsill tas-Sigurtà.

49.

Fir-rigward tal-kuntest normattiv li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, nirreferi għall-punti 106 et seq. tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fil-Kawża Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P). Jiena sempliċiment ser infakkar żewġ punti. Minn naħa, is-setgħa rikonoxxuta lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7(2) għadha l-oriġini tagħha fil-Pożizzjoni Komuni 2007/140 li implementat ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni; madankollu, din l-implementazzjoni tistrieħ biss fuq ir-rieda tal-Unjoni li taġixxi sabiex tikkontribwixxi biex tilħaq l-għanijiet imfittxa min-Nazzjonijiet Uniti u sabiex ma tostakolax it-twettiq tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri tagħha, u mhux fuq l-eżistenza ta’ obbligu pożittiv u dirett impost fuq l-Unjoni li timplementa r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, peress li din ma hijiex parti għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, mill-imsemmija pożizzjoni komuni jirriżulta b’mod ċar li l-Unjoni xtaqet tmur lil hinn minn dak li imponiet ir-riżoluzzjoni billi pprovdiet għal setgħa awtonoma tal-Kunsill fil-qasam tal-identifikazzjoni u iskrizzjoni ( 41 ). Min-naħa l-oħra u bħala konsegwenza, għandha tiġi stabbilita distinzjoni ċara bejn l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 li jawtorizza lill-Kunsill jiffriża l-fondi ta’ persuni, entitajiet u organi identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà, u l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament li jistabbilixxi setgħa awtonoma tal-Kunsill biex jiddeċiedi li jiffriża l-fondi ta’ persuni, entitajiet u organi li jkun, huwa stess, identifika li huma involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran u ta’ entitajiet minnhom miżmuma jew ikkontrollati. Għalhekk huwa korrett li jiġi kkonstatat, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li n-natura proporzjonali tal-iskrizzjoni ta’ entitajiet mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) li l-imsemmi artikolu qatt ma kellu l-għan li jimplementa, iżda, għall-kuntrarju u hekk kif sejjer nuri iktar ’il quddiem, fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 423/2007.

50.

Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali waqt l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa ( 42 ).

51.

B’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, ninnota li l-appellanti ma kkontestatx il-legalità tal-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran bil-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali ( 43 ). Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-evalwazzjoni li tipprovdi li l-iffriżar tal-fondi tagħha hija miżura meħtieġa u xierqa sabiex dan jintlaħaq, filwaqt li hija invokat miżuri alternattivi kif ukoll miżuri ta’ sorveljanza. Hija tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet b’mod mhux xieraq il-miżuri ta’ koperazzjoni mal-FSA, il-proposta ta’ approvazzjoni preliminari tat-tranżazzjonijiet jew l-implementazzjoni ta’ politika li tipprojbixxi totalment tranżazzjonijiet mal-Iran. Dak li l-appellanti tonqos li tirrileva huwa li, b’dan il-mod, dak li ġie prinċipalment injorat ma kienx l-effettività tal-miżuri iżda l-ammissibbilità li dawn jiġu mqajma. Fil-fatt, mill-punt 109 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-imsemmija miżuri ġew invokati biss waqt is-seduta filwaqt li l-appellanti ma setgħet toffri l-ebda ġustifikazzjoni għal dan id-dewmien. Peress li, fil-kuntest tal-appell, l-appellanti ma kkontestatx il-konstatazzjoni li l-imsemmija miżuri tqajmu b’mod tardiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, tiddeċiedi fuq l-evalwazzjoni li tidher tabiħaqq ta’ natura sussidjarja, li minkejja kollox ingħatat mill-Qorti Ġenerali dwar il-possibbilità li jiġu attwati l-imsemmija miżuri jew dwar l-effettività tagħhom. Minkejja dan, ninnota f’dan ir-rigward li l-fatt li l-appellanti tkun imġiegħla turi li l-miżuri alternattivi ssuġġeriti minnha stess setgħu jiġu attwati, hekk kif eżiġiet il-Qorti Ġenerali, ma jpoġġix fuqha oneru tal-prova li ma huwiex raġjonevoli iżda, għall-kuntrarju, jifforma parti mill-prova ordinarja u mill-verifika tal-fondatezza tal-argumenti mressqa minn kwalunkwe parti f’kawża. Għalhekk, l-appellanti ma tistax tibqa’ ssostni li kien il-kompitu tal-Kunsill li jipprova li l-miżuri alternattivi ipotetiċi mqajma minnha, u, b’mod partikolari, is-sistema tal-approvazzjoni preliminari u tas-sorveljanza minn mandatarju indipendenti, ma setgħewx jiġu attwati, filwaqt li, barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali nnifisha kkunsidrat li l-proposta dwar il-preklużjoni totali ta’ tranżazzjonijiet mal-Iran ma kinitx ta’ natura effikaċji ( 44 ).

52.

Fir-rigward tal-bqija, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tan-natura neċessarja u xierqa ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi adottata fil-konfront ta’ entità “[miżmuma] […] jew ikkontrollat[a]” minn entità li tipparteċipa jew li tagħti appoġġ lill-proliferazzjoni nukleari hija korretta. Fil-fatt, l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jirrigwarda b’mod speċifiku kategorija ta’ persuni, entitajiet jew organi li, minħabba li huma miżmuma jew ikkontrollati minn entità identifikata skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b), għandhom rabta partikolarment stretta ma’ din tal-aħħar. Naħseb li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li jeżisti “riskju mhux insinjifikattiv li [l-entità meqjusa li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari] teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm [...] jew tikkontrolla” taqbel kompletament mar-ratio legis tal-Artikolu 7(2)(d). Huwa dan ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività tas-sistema sħiħa permezz tal-evitar tagħha li tiġġustifika l-importanza mogħtija lill-miżuri preventivi u li, għalhekk, il-miżuri li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra bħala ex post, anki jekk dawn kienu neċessarjament inqas vinkolati, ma joffrux biżżejjed garanziji biex jiġu kkunsidrati daqstant effettivi. Għalhekk, huwa dan ir-riskju li jiġġustifika t-trattament partikolari li huma suġġetti għalih l-entitajiet milquta mill-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007. Għaldaqstant, il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil-konfront tagħhom ma jidhrux li huma manifestament inadegwati ( 45 ).

53.

Fir-rigward tan-natura sproporzjonata, żgur li huwa korrett li jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ġiet adottata kontra l-appellanti minħabba l-fatt li din tal-aħħar hija, skont il-Kunsill, kompletament miżmuma minn entità li tagħti appoġġ lill-imsemmija proliferazzjoni u li din l-istess miżura tagħti lok għal konsegwenzi kunsiderevoli fir-rigward tagħha ( 46 ). Madankollu, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li “l-importanza tal-għanijiet ta’ att Komunitarju [bħalma huwa regolament li jadotta miżuri restrittivi] hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu b’mod partikolari affettwati fir-rigward tad-drittijiet tal-propjetà tagħhom” ( 47 ). Fir-rigward tal-għan fundamentali u leġittimu msemmi iktar ’il fuq u tal-ħtieġa li, għal tali fini, tiġi ppreżervata l-effettività tal-miżuri restrittivi deċiżi abbażi tal-Artikolu 7(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 423/2007, għandu jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonali tal-effetti ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tal-appellanti saret għalhekk b’applikazzjoni korretta tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam u li l-Qorti Ġenerali kienet korretta li tikkonkludi li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, li ppermetta l-estensjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi lill-entitajiet miżmuma jew ikkontrollati mill-Bank Melli u, għalhekk, lill-appellanti, ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

54.

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

C – Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1. L-argumenti tal-partijiet

55.

L-appellanti, billi tinvoka kemm l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 ( 48 ) kif ukoll il-ġurisprudenza f’dan il-qasam, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-Kunsill kien issodisfa l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-formulazzjoni tagħha ssemmi biss l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament mingħajr ma tiċċara taħt liema parti ġiet iskritta l-appellanti fl-anness. Barra minn hekk, l-imsemmi anness jinkludi r-raġunijiet speċifiċi u individwali biss fir-rigward ta’ Bank Melli iżda mhux fir-rigward ta’ Melli Bank, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill naqas li jsemmi r-raġunijiet li wassluh biex jemmen li Melli Bank kienet tirrappreżenta riskju mhux insinjifikattiv li jiġu evitati l-miżuri meħuda kontra l-kumpannija parent tagħha. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat, b’mod imgħaġġel, li l-Kunsill ikkunsidra impliċitament li l-appellanti kienet miżmuma fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) u huwa għalhekk fuq din il-bażi li hija tpoġġiet fuq il-lista ta’ entitajiet li l-fondi tagħhom kellhom jiġu ffriżati. Peress li mhux is-sussidjarji kollha tal-Bank Melli ġew iskritti fuq l-imsemmija lista, kien legittimu għall-appellanti li tiddubita li kienet biss il-kwalità tagħha ta’ sussidjarja li mmotivat l-iskrizzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tikkonstata li l-Kunsill ibbaża ruħhu fuq preżunzjoni konfutabbli mingħajr ma tidħol f’kontradizzjoni mar-rekwiżit tar-regolament li għandhom jingħataw ir-raġunijiet speċifiċi u individwali għall-iskrizzjoni. Il-fatt li r-rikors għal annullament kien prinċipalment redatt fuq motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kontroll tal-Bank Melli fuq l-appellanti, ma għandhux effett fuq l-evalwazzjoni tal-obbligu tal-Kunsill li jagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, fl-appell tagħha, l-appellanti tirrileva li hija nediet korrispondenza mal-Kunsill fejn talbet il-komunikazzjoni tal-fajl tagħha; peress li din il-komunikazzjoni ma ngħatatilhiex, hija tikkunsidra li din hija l-prova li qatt ma kien hemm motivazzjoni dettaljata dwar l-iskrizzjoni tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, l-obbligu impost fuq il-Kunsill li jimmotiva d-deċiżjoni ta’ iskrizzjoni u li jagħti raġunijiet individwali u speċifiċi, ma ġiex osservat.

56.

Il-Kunsill, kif ukoll il-partijiet l-oħra fil-proċeduri, jitolbu li l-aggravju jiġi miċħud, peress li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-punt 4 tat-Tabella B jirreferi għas-sussidjarji u l-fergħat tal-Bank Melli. Issa, peress li l-appellanti hija 100 % miżmuma bi proprjetà minn dan tal-aħħar, l-appellanti ma setgħetx tinjora li hija ġiet iskritta fil-kwalità tagħha ta’ entità miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollata mill-Bank Melli. Il-Kunsill ma huwiex obbligat li, fid-deċiżjoni kkontestata, isemmi l-fatturi kollha li mmotivaw id-deċiżjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-appellanti fehmet l-imsemmija raġunijiet sa fejn hija setgħet tressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali u peress li, f’dan il-kuntest, hija ddefendiet pożizzjoni li kienet essenzjalment tikkonsisti fil-kontestazzjoni tar-rabtiet ġuridiċi u operazzjonali mal-Bank Melli. Għaldaqstant, il-motivazzjoni hija adegwata u l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni ġuridikament nieqsa minn kwalunkwe żball billi applikat il-prinċipji essenzjali żviluppati mill-ġurisprundenza Komunitarja f’dan il-qasam.

57.

Il-Kummissjoni hija l-unika parti fil-proċedura li, sa mill-ewwel skambju ta’ noti, ikkunsidrat li l-appellanti kienet biħsiebha tikkontesta wkoll in-nuqqas ta’ notifika individwali mill-Kunsill tad-deċiżjoni kkontestata. Prinċipalment, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan huwa motiv ġdid li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ obbligu impost fuq il-Kunsill li jinnotifika individwalment id-deċiżjoni lill-appellanti. Fir-replika, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni tan-notifika hija waħda mill-aspetti tal-argument żviluppat minnha inkonnessjoni mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni u li għalhekk, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill ( 49 ), għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tikkonkludi li, fil-kawża preżenti, jeżisti ksur tal-obbligu ta’ notifika. Din l-aħħar dikjarazzjoni hija kkontestata mill-Kunsill u mir-Repubblika ta’ Franza fil-kuntest tal-kontroreplika tagħhom.

2. Kunsiderazzjonijiet

58.

L-ewwel nett, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni mogħtija mill-Kunsill insostenn tad-deċiżjoni kkontestata u ssostni li din ma tinkludix ir-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija istituzzjoni biex tadotta l-att inkwistjoni.

59.

Kif il-Qorti Ġenerali ( 50 ) fakkret, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa rekwiżit impost mid-dritt primarju ( 51 ) u mtenni mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 ( 52 ). Sabiex jiġi evalwat jekk ġiex osservat l-obbligu li tiġi mmotivata deċiżjoni adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat li l-motivazzjoni ppermettiet lill-entità milquta biha li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti tagħmel l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk motivazzjoni ta’ att hijiex sodisfatta għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat ( 53 ). Nikkonstata li dawn il-prinċipji bażiċi ġew imtennija mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143 u 145 tas-sentenza appellata.

60.

Il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li deroga minnu tista’ ssir biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi ( 54 ) u li l-Kunsill huwa marbut li jinforma lill-entità milquta bir-raġunijiet “speċifiċi u konkreti” waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi ( 55 ). Filwaqt li ħadet ukoll nota tal-kuntest partikolari li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ttrasponiet, b’analoġija, ir-raġunar adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-preżenza ta’ miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu billi rrilevat li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien iktar importanti għaliex l-entitajiet milquta għall-ewwel darba b’miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma għandhomx id-dritt għal smigħ preliminari ( 56 ). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kunsill jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu jekk jgħarraf lill-entità milquta bil-motivi li wassluh biex jadotta d-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fil-konfront tagħha fl-istess waqt jew mill-iktar fis possibbli wara li tiġi adottata l-miżura ( 57 ).

61.

Biex nirrispondi għall-argument riprodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Repubblika ta’ Franza li jipprovdi li ma huwiex meħtieġ li l-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati jkunu inklużi fil-lista ta’ persuni, entitajiet jew organi li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati, infakkar li, għall-kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 li “[l-]Anness V għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi [organi] […] li […] huma […] proprjetà ta’ jew ikkontrollati”. Fi kliem ieħor, l-imsemmi regolament jipprovdi tabilħaqq għal iskrizzjoni formali tal-entitajiet milquta skont l-Artikolu 7(2)(d) fl-imsemmi anness. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt ( 58 ) hija għalhekk korretta.

62.

Sussegwentement, huwa skont il-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq li l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm “partikolarment konċiża”, hija suffiċjenti ( 59 ). L-evalwazzjoni tagħha kienet iggwidata mill-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni inkluża fid-deċiżjoni kkontestata ppermettietx lill-appellanti tifhem ir-raġunijiet li minħabba fihom il-fondi tagħha kienu ġew iffriżati. F’dan ir-rigward, ċertu numru ta’ fatturi jiffavorixxu l-analiżi dettaljata tal-Qorti Ġenerali.

63.

Huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill abbozza paragrafu wieħed biss li fih il-motivi li wassluh biex jelenka lill-Bank Melli kif ukoll lis-sussidjarji u l-fergħat tiegħu fuq il-lista, u li r-raġunijiet invokati fil-kolonna “Motivi” jikkonċernaw l-ewwel nett lil Bank Melli u mhux lill-appellanti. Madankollu, jekk, bħalma nemmen, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat billi jiġi kkunsidrat il-fatt dwar jekk il-persuna milquta fehmitx ir-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha u kinitx f’pożizzjoni li tevalwa — u, jekk ikun il-każ, tikkontestahom — il-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet, xorta jibqa’ l-fatt li kliem id-deċiżjoni jirreferi għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007. Barra minn hekk, taħt is-sezzjoni “Isem” tal-punt 4 tat-Tabella B tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, hemm dan il-kliem: “Bank Melli, Melli Bank Iran u l-fergħat u s-sussidjarji kollha tagħhom” ( 60 ). L-argument tal-appellanti li jipprovdi li hija kellha “taqta’” taħt liema mis-subparagrafu tal-Artikolu 7(2) id-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi tagħha kienet ibbażata ma jistax jiġi milqugħ għaliex hija diffiċilment setgħtet tinjora l-fatt li kienet 100 % miżmuma bi proprjetà mill-Bank Melli. Peress li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprovdi li l-fondi ta’ entitajiet meqjusa bħala “[miżmuma] […] jew ikkontrollati” għandhom jiġu ffriżati, ir-riferiment għas-sussidjarji u l-fergħat inklużi fil-punt 4 tat-tabella B tal-anness, minbarra r-riferiment speċifiku għall-appellanti u għall-indirizz postali tagħha, jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, indikazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet għall-iskrizzjoni. Madankollu, din il-konklużjoni ma tistax tippreġudika l-possibbilità tal-appellanti li titlob lill-Kunsill, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni, informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet li wassluh biex jikkunsidra li hija tirrappreżenta riskju mhux insinjifikattiv li tiġi suġġetta għall-pressjoni, mingħand il-kumpannija parent tagħha, li tista’ twassalha biex tevita l-miżuri restrittivi adottatati kontra din tal-aħħar, sa fejn dan ikun jista’ jgħaddilha tali informazzjoni. Fl-aħħar nett, inżid ngħid li l-fatt li appellanti hija 100 % miżmuma bi proprjetà mill-kumpannija parent tagħha ma huwiex insinjifikattiv fl-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel dwar jekk il-motivazzjoni hijiex adegwata. Fi kliem ieħor, għalkemm fil-każ preżenti n-natura konċiża tal-imsemmija motivazzjoni ma għandhiex tikkostitwixxi ostakolu biex din tkun ikkunsidrata suffiċjenti, il-Kunsill għandu probabbilment jagħmel sforz ftit iktar sinjifikattiv fil-każ li d-detenzjoni bi proprjetà jew il-kontroll ikunu jidhru nqas evidenti.

64.

Barra minn hekk, fl-appell, l-appellanti rreferiet għal korrispondenza mnedija mal-Kunsill dwar il-komunikazzjoni tal-fajl tagħha. Dan l-argument ma għandhux effett fuq l-eżami tal-aggravju preżenti. Fil-fatt, anki li kieku dan l-ilment ikun ammissibbli — li ma iniex konvint li dan huwa l-każ ( 61 ) — dan ma jirrigwardax, fi kawlunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni, inkluża fid-deċiżjoni nnifisha, hijiex suffiċjenti, iżda jirrigwarda pjuttost dik distinta, tal-aċċess għall-fajl, li madanakollu ma ġiex imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.

65.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, anki jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet konċiża fir-rigward tal-appellanti, din kienet xorta waħda adegwata fir-rigward tal-kuntest u suffiċjenti biex tippermetti, minn naħa, lill-appellanti li tifhem u tevalwa r-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill biex jadotta l-imsemmija deċiżjoni fil-konfront tagħha, u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali lteżerċita l-kontroll tagħha.

66.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata kellhiex tiġi nnotifikata lill-appellanti, nirrileva li għandi dubji serji dwar l-ammissibilità ta’ dak li l-appellanti ppreżentat bħala amplifikazzjoni tal-aggravju preżenti fir-replika tagħha. Fil-fatt, l-ebda motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali ma kien intiż li jikkontesta n-nuqqas ta’ notifika individwali tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kunsill. Għaldaqstant, u b’differenza notevoli mis-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill ( 62 ) invokata mill-appellanti, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda evalwazzjoni ta’ dan il-motiv preċiżament minħabba l-ineżistenza tiegħu. Għalhekk, anki li kieku wieħed jippreżumi li l-appellanti kellha l-intenzjoni li tittratta din il-kwistjoni fl-istadju tal-appell, fi kwalunkwe każ, l-argumenti tagħha ma humiex diretti kontra s-sentenza appellata.

67.

Għalhekk, huwa ċar li hawnhekk hawn motiv ġdid, imqajjem mill-appellanti fl-istadju tar-replika b’reazzjoni għal interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-punt 116 tal-appell, li fih il-Kummissjoni ħasbet li l-mod li bih id-deċiżjoni kienet ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-appellanti kien qiegħed jiġi kkontestat, u li dwaru, fil-kuntest tar-risposta tagħha, hija għalhekk esprimiet ruħha fid-dettall.

68.

Jiena ma naqrax l-imsemmi punt bl-istess mod. Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, il-punt 116 ċertament jipprovdi li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali “makes it clear that a person must be notified of the reasons for a decision against him at the time at which the decision is made” ( 63 ). Madankollu, fi kwalunkwe każ, fil-bqija tal-appell, l-appellanti qatt ma ressqet argumenti intiżi li juru li jeżisti obbligu ta’ notifika individwali impost fuq il-Kunsill. Huwa manifestament eżaġerat li jiġi kkunsidrat li l-użu waħdieni tat-terminu “notified” fin-nota inizjali ried li jiġi abbozzat aggravju dwar l-obbligu ta’ notifika individwali tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma setgħetx tressaq tali motiv għaliex, hekk kif enfasizzajt iktar ’il fuq, hija ma ressqitux fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, id-dibattitu żviluppat mill-partijiet fil-proċedura fil-mument tar-replika u tal-kontroreplika u sussegwentement fis-seduta ma għandux iwassal lill-Qorti tal-Ġustizja sabiex tikkunsidra li dawn l-argumenti marbuta man-notifika huma ammissibbli, liema argumenti jikkostitwixxu motiv ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ notifika tal-Kunsill, u huma għalhekk inammissibbli, peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi argumentati quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ( 64 ).

69.

Għalhekk, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

IV – Fuq l-ispejjeż

70.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill talab li l-appellanti tbati l-ispejjeż u din tal-aħħar, fil-fehma tiegħi, għandha titlef, hemm lok li hija tbati l-ispejjeż relatati mal-appell. Ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, li ħadu seħem fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, għandom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 69(4) tal-imsemmija regoli.

V – Konklużjoni

71.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi:

“1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Melli Bank Plc hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009 (Ġabra p. II-2629).

( 3 ) ĠU L 163, p. 29.

( 4 ) ĠU L 335 M, 13.12.2008, p. 969.

( 5 ) S/RES/1737 (2006)*.

( 6 ) S/RES/1747 (2007).

( 7 ) ĠU L 4 M, 8.1.2008, p. 155.

( 8 ) S/RES/1803 (2008).

( 9 ) Ibidem, punt 10. Nosserva li l-verżjoni Ingliża tal-imsemmija riżoluzzjoni ssemmi “branches and subsidiaries”, li tista’ tiġi tradotta bħala “fergħat u sussidjarji”, li hija distinzjoni li fil-fehma tiegħi hija iktar ċara minn dik li tinsab fil-verżjoni Franċiża.

( 10 ) ĠU L 163, p. 43.

( 11 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-7 ta’ Awwissu 2008 (ĠU L 213, p. 58).

( 12 ) Il-Bank Melli, li hija l-kumpannija parent tal-appellanti, ippreżenta, f’dak li jirrigwardah, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali [sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (T-390/08, Ġabra p. II-3967)]. Huwa ppreżenta appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C-548/09 P, u li huwa s-suġġett ta’ trattament indipendenti mill-kawża preżenti. F’dan l-istess jum ġew ippreżentati l-konklużjonijiet fil-Kawża C-548/09 P, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill.

( 13 ) Fil-fatt, l-appellanti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ talbiet għal miżuri provviżorji, waħda fil-kuntest tal-Kawża T-246/08, u l-oħra fil-kuntest tal-Kawża T-332/08 sabiex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/475 fir-rigward tagħha. Dawn iż-żewġ talbiet ġew miċħuda b’digriet tal-President tas-27 ta’ Awwissu u tas-17 ta’ Settembru 2008, filwaqt li l-ispejjeż ġew irriżervati.

( 14 ) Artikolu ċċitat fil-punt 6 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 15 ) Ara l-punt 69 tas-sentenza appellata.

( 16 ) Ara l-punti 61 u 120 tas-sentenza appellata.

( 17 ) Punt 121 tas-sentenza appellata.

( 18 ) Ara l-punt 10 tal-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-Kawża Arkema vs Il-Kummissjoni (C-520/09 P, Ġabra p. I-8901).

( 19 ) Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra 1972 p. 619, punti 136 u 137) u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 60).

( 20 ) Ara s-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 60) u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C-90/09 P, Ġabra p. I-1, punt 39).

( 21 ) Ara l-punt 124 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 336). Fil-verità, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kien is-suġġett ta’ aggravju differenti, f’dan il-każ, ir-raba’ wieħed (ara l-punti 55 et seq. tal-konklużjonijiet preżenti).

( 23 ) Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punti 339 u 340).

( 24 ) Komunikazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2008 għall-attenzjoni ta’ dawk il-persuni, entitajiet u korpi li kienu inklużi mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 (Anness V) (ĠU C 159, p. 1).

( 25 ) Punt 121 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punt 124 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 358).

( 28 ) Għall-kuntrarju tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li ma kienx fis-seħħ meta ngħatat is-sentenza kkontestata, l-Artikolu 6(2) tal-KEDB jipprovdi li l-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tiġi ggarantita lil “[k]ull min ikun akkużat b’reat kriminali” (korsiv miżjud minni).

( 29 ) Punt 63 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Punti 64 u 65 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Ara l-punt 9 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 32 ) F’dan ir-rigward l-appellanti tikkwota l-Artikoli 5, 7(3) (4) (13) u (16) tar-Regolament Nru 423/2007.

( 33 ) L-imsemmija miżuri alternattivi ssuġġeriti mill-appellanti ġew ippreżentati fil-punt 87 tas-sentenza appellata u miċħuda fil-punt 107 tal-imsemmija sentenza.

( 34 ) Ara l-punt 61 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 67 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Li jinkludu fosthom il-livell ta’ indipendenza operattiva tal-entità inkwistjoni jew l-impatt tas-sorveljanza mwettqa mill-awtorità pubblika (ara l-punt 69 tas-sentenza appellata).

( 37 ) Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teskludi bħala kriterji rilevanti n-natura tal-attività tal-entità kkonċernata. Anki jekk naħseb li dan ma huwiex kriterju esklussiv, jiena madankollu konvint li l-attività tal-entità hija kriterju rilevanti, hekk kif jidher b’mod ċar mis-sitwazzjoni tal-appellanti u hekk kif ikkonferma l-Kunsill waqt is-seduta.

( 38 ) Ara l-punt 3 tat-Tabella B tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25) li jelenka ħmistax-il entità kkunsidrati “ipposseduti jew ikkontrollati” mill-Bank Melli.

( 39 ) Punt 73 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Ara l-punt 10 tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) iċċitata fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-premessa 10, kif ukoll l-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

( 42 ) Minn fost ġurisprudenza abbundanti, ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15); tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13); tas-7 ta’ Diċembru 1993, ADM Ölmühlen (C-339/92, Ġabra p. I-6473, punt 15), kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C-558/07, Ġabra p. I-5783, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara l-punt 75 tal-appell.

( 44 ) Ara l-punt 109 tas-sentenza appellata.

( 45 ) Dwar il-fatt li, meħudha waħedha, in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura tista’ taffettwa l-legalità tagħha, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni (C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll S.P.C.M. et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

( 46 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata aktar ’il fuq, punt 358).

( 47 ) Ibidem (punt 361 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Iċċitata fil-punt 8 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 49 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punti 86 sa 88.

( 50 ) Ara l-punt 143 tas-sentenza appellata.

( 51 ) Artikolu 253 KE.

( 52 ) Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 80).

( 54 ) Ara l-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata.

( 55 ) Ara l-punt 144 tas-sentenza appellata.

( 56 ) Ara l-punt 143 tas-sentenza appellata.

( 57 ) Ara l-punt 144 tas-sentenza appellata.

( 58 ) Ara l-punt 146 tas-sentenza appellata.

( 59 ) Ara l-punt 148 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Korsiv miżjud minni.

( 61 ) Fil-fatt, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita “il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem motiv jew argumenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l-argumenti li jkunu ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti” [sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, Ġabra p. I-8533, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 63 ) Korsiv miżjud minni.

( 64 ) Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi Sison vs Il-Kunsill (iċċitata aktar ’il fuq, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata) u L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi mod ieħor, nixtieq nirreferi għall-punti 32 et seq. tal-konklużjonijiet ippreżentati llum fis-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P), li fihom issuġġerejt lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jeżisti, fuq il-Kunsill, obbligu ta’ notifika individwali tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-ksur ta’ dan l-obbligu ma jistax jiġi ssanzjonat abbażi tal-legalità iżda, għall-kuntrarju, għandu jiġi ssanzjonat biss inkwantu l-infurzar tal-imsemmija deċiżjoni.

Top