Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0338

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 30 ta' Settembru 2010.
    Yellow Cab Verkehrsbetriebs GmbH vs Landeshauptmann von Wien.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Verwaltungssenat Wien - l-Awstrija.
    Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Libertà ta’ stabbiliment - Regoli tal-kompetizzjoni - Trasport bil-kabotaġġ - Trasport nazzjonali ta’ persuni permezz tax-xarabank - Applikazzjoni għal operazzjonijiet ta’ servizz - Liċenzja - Awtorizzazzjoni - Kundizzjonijiet - Dispożizzjoni ta’ sede jew ta’ stabbiliment permanenti fit-territorju nazzjonali - Tnaqqis tad-dħul li jikkomprometti l-profitti tal-operazzjonijiet ta’ servizz diġà konċess.
    Kawża C-338/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13927

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:568

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2010 (1)

    Kawża C‑338/09

    Yellow Cab Verkehrsbetriebs-GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien)

    “Libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tat-trasport – Dritt ta’ stabbiliment – Kompetizzjoni – Ġestjoni ta’ rotta ta’ trasport pubbliku urban għal finijiet turistiċi b’postijiet għal waqfien stabbiliti – Rekwiżit ta’ stabbiliment tan-negozju qabel ma tingħata l-liċenzja – Protezzjoni tal-profitti tal-attività tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti”






    1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tapprofondixxi (2) fuq l-effett speċifiku tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport, id-delimitazzjoni tagħha fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment u l-funzjoni taż-żewġ libertajiet, li l-eżerċizzju effettiv tagħhom jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tal-“arja bla fruntieri interni” (3) li tifforma l-Unjoni Ewropea.

    2.        L-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 101 TFUE, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-finijiet ta’ ġestjoni ta’ “rotta turistika bil-karozza tal-linja”, teħtieġ (a) li l-impriża li titlob li tingħata liċenzja jkollha, fid-data tal-għoti tal-liċenzja, jew l-iktar tard, fil-mument li fih tibda l-attività tat-trasport, sede jew stabbiliment tan-negozju (li fih titwettaq l-attività ekonomika inkwistjoni) fl-Istat Membru tal-awtorità li tagħti l-liċenzja u (b) li ma tikkompromettix il-profitti ta’ impriża kompetitriċi li tagħti l-istess servizz b’orarju kompletament, jew parzjalment, identiku.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    3.        L-Artikolu 49 TFUE (ex Artikolu 43 KE) jirregola “[f]il-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt” id-dritt ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fejn jipprojbixxi li jkun hemm restrizzjonijiet fuqu u jestendi tali projbizzjoni għar-restrizzjonijiet li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u jindika li l-liberta ta’ stabbiliment tinkludi “d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54 taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess [...]”

    4.        Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 56 TFUE (ex Artikolu 49 KE) jipprojbixxi huwa ukoll, “[f]il-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt”, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

    5.        Skont l-Artikolu 58(1) TFUE (ex Artikolu 51 KE), “[i]l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport”.

    6.        Għall-finijiet tat-twettiq effettiv tal-politika komuni tat-trasport, l-Artikolu 91(1)(b) TFUE jinkariga lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu l-“kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru”.

    B –    Id-dritt Awstrijak

    7.        Skont il-Kraftfahrliniengesetz (il-Liġi dwar is-servizz tal-karozza tal-linja; iktar ’il quddiem, il-“KflG”) (4), l-eżerċizzu tal-attività ta’ trasport b’karozza tal-linja fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija skont orarju stabbilit, huwa suġġett għal liċenzja (Artikolu 1), li trid tintalab wara li jkunu sodisfatti ċerti rekwiżiti speċifiċi (Artikolu 2), u din tinħareġ mil-Landeshauptmann (Artikolu 3). Jekk l-impriża li tkun qed titlob il-liċenzja ma tkunx Awstrijaka, biex din tkun bħall-applikanti Awstrijaċi hija trid ikollha sede rreġistrat jew stabbiliment tan-negozju permanenti fl-Awstrija [Artikolu 7(1)(2)]. Barra minn hekk, il-liċenzja titqies li tkun tmur kontra l-interess pubbliku jekk is-servizz jista’ jipperikola l-attività tat-trasportatur fiż-żona li minnha tkun tgħaddi l-linja mitluba, u dan ikun il-każ jekk is-servizz ipprovdut mit-trasportatur jkun kompromess serjament bi tnaqqis fid-dħul li jitfa’ f’periklu ċar il-profitti tiegħu [Artikolu 7(1)(4)(b) flimkien mal-Artikolu 14(1) sa (3)].

    II – Il-fatti

    8.        Fil-25 ta’ Jannar 2008, l-impriża Ġermaniża Yellow Cab Verkehrsbetriebs-GmbH (iktar ’il quddiem il-“Yellow Cab”) talbet li tingħata liċenzja skont il-KflG biex tħaddem servizz ta’ karozza tal-linja esklużivament fil-belt ta’ Vjenna, għal vjaġġ turistiku b’postijiet għal waqfien stabbiliti, li diġà kienu jkopruh, kważi kollu, grupp ta’ impriżi (5).

    9.        It-talba ta’ Yellow Cab ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti fit-13 ta’ Marzu 2009, fejn il-motiv li ngħata kien li l-għoti tal-liċenzja kien ser jikkomprometti s-sigurtà fit-toroq. Il-Yellow Cab ppreżentat rikors quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien, li sabet motivi oħra għal ċaħda taħt il-leġiżlazzjoni Awstrijaka: minn banda, minħabba li Yellow Cab, fil-mument li talbet il-liċenzja ma kellhiex sede rreġistrat jew stabbiliment tan-negozju fl-Awstrija, u mill-banda l-oħra, minħabba li l-profitti tat-trasportatur li kien diġà jeżerċita dik l-attività kienu ser jiġu kompromessi serjament.

    III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    10.      Peress li kellha dubji dwar kemm l-imsemmija rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka kienu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikol[i 43 KE et seq u] 49 KE et seq u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 81 KE et seq li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ konċessjoni għall-esplojtazzjoni [operat] ta’ servizz b’vettura bil-mutur [servizz ta’ trasport b’karozza tal-linja], u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet bħala kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-liċenzja:

    a)      li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha sede jew fergħa [stabbiliment tan-negozju] fl-Istat tal-awtorità konċedenti qabel tibda topera s-servizz u b’mod partikolari fil-mument meta tingħata l-liċenzja;

    b)      li l-impriża mill-UE li tkun qiegħda tapplika jkollha sede jew fergħa [stabbiliment tan-negozju] fl-Istat tal-awtorità konċedenti sa mhux iktar tard minn meta tibda topera s-servizz?

    2)      Huwa kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikol[i 43 KE et seq u] 49 KE et seq u mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 81 KE et seq. li dispożizzjoni f’liġi nazzjonali dwar l-għoti ta’ liċenzja għall-operazzjonijiet ta’ servizz b’vettura bil-mutur [servizz ta’ trasport b’karozza tal-linja], u għalhekk għall-provvista ta’ trasport pubbliku, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tipprovdi li l-liċenzja ma għandhiex tingħata meta, la darba jibda jopera s-servizz [ta’ trasport fuq ir-rotta] li għalih[a] tkun saret applikazzjoni, id-dħul ta’ impriża kompetitriċi li topera rotta [...] li tkun parzjalment jew kompletament identika jonqos b’mod tant sostanzjali minħabba dan is-servizz li t-tkomplija tas-servizz operat mill-impriża kompetitriċi ma tibqax ekonomikament vijabbli?”

    11.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Awwissu 2009.

    12.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Yellow Cab issostni li dawn ir-rekwiżiti kienu illegali, filwaqt li l-Gvern Awstrijak, wara li kkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni domanda, jafferma l-kompatibbiltà tal-istess rekwiżiti mad-dritt tal-Unjoni; b’mod partikolari, dan il-Gvern iqis li, f’dan il-każ, l-invokazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija inammissibbli. Fuq l-istess linja, il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li kkunsidra biss ir-rekwiżit tas-sede jew dak li l-kumpannija jrid ikollha stabbiliment tan-negozju, jiċħad li kien hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment; l-istess isostni l-Gvern Taljan, li għalih il-fatt li ġew imħarsa l-profitti tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti huwa ġustifikabbli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, la ġiet ippreġudikata l-kompetizzjoni ħielsa u lanqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mentri fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment hija taċċetta l-ħtieġa tas-sede jew stabbiliment tan-negozju, għalkemm tillimita din il-ħtieġa għall-mument immedjatament preċedenti għal dak li fih jibda jingħata s-servizz.

    13.      Għandu jingħad li l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien, f’kull waħda miż-żewġ domandi tagħha, teżamina r-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fid-dawl ta’ tliet kunċetti tad-dritt primarju, rispettivament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment u l-kompetizzjoni. Għal raġunijiet ta’ sistematika, ser nibda biex nanalizza dawn ir-rekwiżiti mill-aspett biss taż-żewġ libertajiet, biex imbagħad neżamina l-influwenza tal-kompetizzjoni fuq dan il-każ.

    IV – Analiżi tal-ewwel domanda

    A –    Mill-aspett tal-libertà li jiġu pprovduti-servizzi

    14.      Kif għadni kif esponejt, il-qorti tar-rinviju tqis il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment bħala parametri li bihom trid tiġi analizzata din il-kwistjoni, u għaldaqstant jeħtieġ, qabel xejn, li jiġu delimitati dawn il-libertajiet.

    1.      Il-linja ta’ demarkazzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-dritt ta’ stabbiliment

    15.      Fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ċerti kriterji deċiżivi biex issir distinzjoni bejn “provvista ta’ servizzi” u “stabbiliment”.

    16.      Fil-fatt, l-istabbiltà u l-kontinwità tal-prestazzjoni jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ stabbiliment jimplika l‑possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il‑Komunità fil-qasam tal-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (6).

    17.      Mill-banda l-oħra, hija n-natura “temporanja” tal-eżerċizzju tal-attività (7) li tippermetti li l-attività ekonomika inkwistjoni tiġi kkwalifikata bħala “provvista ta’ servizzi”, li taqbeż il-linja rqiqa ta’ demarkazzjoni bejn iż-żewġ libertajiet (8).

    18.      Dawn il-kriterji jsiru rilevanti ħafna fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, u dan minħabba li d-deskrizzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju u n-natura tas-servizz propost minn Yellow Cab jindikaw li l-attività tal-istess Yellow Cab kienet ser tkun imwettqa b’mod permanenti jew, tal-inqas, mingħajr previżjoni ta’ limitazzjoni fiż-żmien, aspetti dawn li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat espressament biex tiċħad l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi (9). Fi ftit kliem, attività bħalma hija dik li Yellow Cab tixtieq teżerċita, li minħabba l-karatteristiċi tagħha teħtieġ ċerta permanenza u stabbiltà fl-Istat Membru li fih tkun ser titwettaq, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) iktar milli taħt dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE).

    2.      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-politika tat-trasport tal-Unjoni

    19.      Fi kwalunkwe każ, indipendentement minn dak li għadu kif ingħad iktar ’il fuq, wieħed ma jridx jinsa li l-attività li applikat għaliha Yellow Cab tidher li tidħol, b’mod ċar, fil-kamp tat-trasport, li fir-rigward tiegħu l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija fdata mill-Artikolu 58 TFUE fid-dritt sussidjarju li jirrigwarda l-politika komuni tat-trasport (10).

    20.      Issa, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni settorali “speċjali” fil-qasam tat-trasport, skont ġurisprudenza stabbilita ma huwiex possibbli li l-Artikolu 56 TFUE jiġi applikat bħala parametru għall-evalwazzjoni tal-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, u dan minħabba l-marġni diskrezzjonali limitata rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (11). Għaldaqstant, irid jiġi aċċertat jekk teżistix dispożizzjoni b’dawn il-karatteristiċi.

    21.      Qabel xejn, ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (12), emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (13), ma jirriżultax li japplika għall-każ ineżami (14), peress li ma jirregolax espressament il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Il-kwistjoni lanqas ma hija regolata bir-Regolament (KEE) Nru 684/92 (15), u dan peress li jirrikjedi li t-trasport ikun internazzjonali, u lanqas mir-Regolament Nru 12/98 (16), li l-Artikolu 3 tiegħu jippermetti t-trasport b’kabotaġġ biss għas-“[...] servizzi regolari, kemm-il darba dawn jitwettqu minn kull trasportatur mhux residenti fl-Istat Membru ospitanti fil-kors ta’ kull servizz internazzjonali regolari b’konformità mar-Regolament (KEE) Nru 684/92. It-trasport b’kabotaġġ ma jistax isir indipendentement minn servizz internazzjonali bħal dan. Is-servizzi urbani u suburbani għandhom jiġu esklużi għall-finijiet ta’ dan il-punt”.

    22.      Barra minn hekk, lanqas ma jista’ japplika ratione temporis ir-Regolament Nru 1370/2007 (17), skont l-Artikolu 1(2) jeskludi wkoll espressament is-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 (18), dejjem minħabba l-istess motiv ta’ ratione temporis, kif ukoll minħabba li jeskludi s-“servizzi tat-trasport li jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċentru urban jew konurbazzjoni”, jew dawk li jsiru “indipendentement minn servizz internazzjonali” [Artikolu 15(ċ)].

    23.      Konsegwentement, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċjali li, għal każ bħal dak ineżami, timplementa fil-kuntest tal-politika tat-trasport il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, ma jippermettix li jiġu eżaminati r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

    B –    Mill-aspett tad-dritt ta’ stabbiliment

    24.      Għandha tiġi eżaminata issa l-legalità tar-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fid-dawl tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-konsegwenzi legali li dan iġib miegħu, jiġifieri l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika, b’mod stabbli u kontinwu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet tal-pajjiż tal-istabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE).

    1.      Ir-rekwiżit tal-għoti ta’ liċenzja bħala kundizzjoni għat-twettiq tal-attività

    25.      Ir-rekwiżit tal-għoti ta’ liċenzja tippreżumi, fil-prinċipju, r-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, li tista’ tkun ġustifikata biss jekk tkun adegwata biex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet tagħha, u tkun ibbażata, barra minn hekk, fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (19), u għaldaqstant teskludi aġir diskrezzjonali li jista’ jċaħħad l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw din il-libertà fundamentali.

    26.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ stabbiliment jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, iżda għal dan il-għan iridu jkunu adegwati biex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom u ma għandhomx jeċċedu dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan il-għan. Dan il-parametru ta’ proporzjonalità, li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat ripetutament fil-ġurisprudenza tagħha fuq il-libertajiet fundamentali, normalment jitqies bħala test ta’ adegwatezza u neċessità, rispettivament, li l-limiti tiegħu jinqabżu jekk l-għanijiet imfittxija jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (20).

    27.      Mingħajr il-bżonn li jsir rikors għall-kunċett ġuridiku ta’ servizz ta’ interess ġenerali, jidhirli li l-attività li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ servizz ta’ karozza tal-linja, li għal finijiet turistiċi jsegwi rotot fl-ibliet b’postijiet ta’ waqfien stabbiliti, hija fil-fatt fl-interess ġenerali, u dan fid-dawl tad-diversi fatturi milqutin, bħalma huma s-sigurtà u l-integrità tal-persuni, is-sigurtà fit-toroq jew, saħansitra, l-ippjanar regolari tal-mobbiltà urbana (21), li jistgħu jiġġustifikaw, mingħajr ma jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, il-fatt li t-twettiq ta’ dik l-attività tkun suġġetta għall-għoti ta’ liċenzja. Fil-fatt, bil-għan li jintlaħqu dawk l-għanijiet “kontroll minn qabel eżerċitat mill-awtorità kompetenti jista’ jkun aħjar [...] mentri jkun hemm riskju li sistema ta’ verifika a posteriori sseħħ tard wisq, b’mod partikolari meta jkunu diġà saru spejjeż kbar u li ma jistgħux jiġu rkuprati faċilment” (22).

    28.      Dan hu differenti mill-każ fejn bħala kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja, ikun hemm ir-rekwiżiti tas-sede jew il-ħtieġa ta’ stabbiliment tan-negozju, minn banda, u l-protezzjoni ekonomika tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti, mill-banda l-oħra, li jeħtieġ li jiġu eżaminati b’mod separat.

    C –    Ir-rekwiżit tas-sede jew ta’ stabbiliment tan-negozju

    29.      Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja għall-kundizzjoni li l-impriża li tapplika għaliha jkollha sede jew stabbiliment tan-negozju fl-Awstrija. F’dan il-każ, biex jiġi identifikat il-mument li fih irid ikun sodisfatt dan ir-rekwiżit, jeħtieġ fl-ewwel lok li tiġi eżaminata n-natura tiegħu bħala tali, biex imbagħad tiġi analizzata d-dimensjoni temporali tiegħu.

    1.      Ir-rekwiżit tas-sede jew ta’ stabbiliment tan-negozju bħala tali

    30.      B’kuntrast ma’ dak li jiġri fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, fejn ir-rekwiżit ta’ stabbiliment tan-negozju permanenti jista’ jnaqqas il-portata tal-Artikolu 56 TFUE sal-punt li jiġi jirrappreżenta ċ-“ċaħda ta’ dik il-libertà stess” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-obbligu li l-applikant ikollu stabbiliment tan-negozju sabiex ikun jista’ jingħata liċenzja, fis-sens imfisser mill-Kummissjoni fil-punti 32 u 33 tal-osservazzjonijiet tagħha, jidher li huwa kompatibbli b’mod naturali mal-Artikolu 49 TFUE, dispożizzjoni li tagħti lill-impriżi ta’ Stat Membru partikolari d-dritt li “jistabbilixxu ruħhom” fi Stat Membru ieħor (24).

    31.      Issa, ir-rekwiżiti li kull Stat Membru jimponi fuq l-impriżi li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tiegħu jistgħu jinfluwenzaw ukoll id-deċiżjoni finali tagħhom, inkwantu hija differenti l-prospettiva tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fi Stat fejn ir-rekwiżiti tiegħu għal stabbiliment huma sostenibbli mill-aspett burokratiku u ekonomiku minn offerta prospettiva ta’ Stat ieħor fejn il-piż tal-kundizzjonijiet jiskoraġġixxi lill-impriżi barranin. Il-linja rqiqa li tifred iż-żewġ kategoriji tifred preċiżament il-każijiet permessi mill-Unjoni minn dawk li, minħabba kwistjonijiet ta’ proporzjonalità, jistgħu jitqiesu inammissibbli.

    32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tendenza ġeneralment li tuża kunċett prinċipalment fattwali, nieqes minn riferimenti ġuridiċi partikolari u, ċertament, indipendenti mill-istituzzjonijiet ġuridiċi nazzjonali, fejn tagħmel riferiment sempliċiment għal preżenza permanenti (25). Madankollu, is-sempliċi rekwiżit tal-pussess ta’ sede jew stabbiliment tan-negozju bħala kundizzjoni preliminari sabiex tingħata l-liċenzja stess, mill-mument meta, minnu nnifsu, jiġi sodisfatt mir-residenti Awstrijaċi, jieħu l-karatteristiċi ta’ restrizzjoni, li għandha tkun iġġustifikata b’mod suffiċjent sabiex ma toħloqx diskriminazzjoni indiretta.

    33.      Madankollu, l-informazzjoni pprovduta mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien ma tippermettix li wieħed isir jaf bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka biex wieħed “jistabbilixxi ruħu” hemmhekk. Fi kliem ieħor, ma jirriżultax tagħrif dwar kif eżattament jiġu sodisfatti r-rekwiżiti imposti f’dan ir-rigward mid-dritt Awstrijak, u għaldaqstant wieħed jista’ jistaqsi jekk fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni użatx l-istess kunċett ta’ stabbiliment li għalih jirreferi l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk hija rilevanti d-distinzjoni bejn “sede” u “stabbiliment tan-negozju”. Il-Gvern Awstrijak jikkonferma din id-distinzjoni billi jafferma li l-kumpanniji mhux Awstrijaċi jgawdu minn ċerti vantaġġi meta mqabbla mal-kumpanniji Awstrijaċi, u dan peress li, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jingħataw il-liċenzja biss jekk ikollhom “sede”, il-kumpanniji mhux Awstrijaċi jistgħu jiksbuha anki jekk ikollhom “stabbiliment tan-negozju”.

    34.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni insuffiċjenti fuq id-dritt Awstrijak fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kunċetti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tanalizza, abbażi tal-limiti ta’ ammissibbiltà li esponejt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, in-natura proporzjonata tal-piżijiet li d-dritt Awstrijak jista’ jimponi biex wieħed ikollu “sede” jew “stabbiliment tan-negozju”.

    2.      L-aspett temporali tar-rekwiżit dwar id-disponibbiltà ta’ stabbiliment tan-negozju

    35.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għal dan il-punt trid tkun iktar iddettaljata, jiġifieri jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, kif esposta, teżiġix l-eżistenza ta’ sede jew stabbiliment tan-negozju qabel ma l-persuna li tapplika għal-liċenzja tkun taf bil-possibbiltajiet konkreti tagħha biex tikseb l-istess. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni sostenibbli tal-probabbiltajiet għall-għoti tal-liċenzja, it-talba li ssir lill-impriża biex turi li għandha “sede” jew “stabbiliment tan-negozju” biex tkun tista’ tingħata l-istess liċenzja tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ dik il-libertà, fis-sens ta’ restrizzjoni tal-libertà li twettaq attività ekonomika.

    36.      Fil-fatt, in-natura vaga tal-għanijiet imfittxija permezz ta’ dan ir-rekwiżit tidher li hija xi ħaġa kostanti fil-pożizzjoni tal-Gvern Awstrijak, minkejja li dan l-istess gvern jiġġustifika l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ sede jew ta’ stabbiliment tan-negozju bix-xewqa li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali u biex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam soċjali u tax-xogħol (punt 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu). B’mod ġenerali, ma jidhirx ċar li r-rekwiżit dwar id-disponibbiltà ta’ sede jew ta’ stabbiliment tan-negozju fl-Awstrija jista’ jitqies bħala l-uniku mezz biex jintlaħaq l-għan inkwistjoni.

    37.      Ċertament, l-isforz f’termini ta’ investiment finanzjarju li jfisser għal impriża għall-ftuħ ta’ stabbiliment tan-negozju permanenti - li hija ma tkunx tista’ ttaffi f’każ li, fl-aħħar mill-aħħar, hija ma tingħatax il-liċenzja -, ma huwiex ġustifikabbli mill-aspett ta’ proporzjonalità, u dan fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet kollha indikati jistgħu jintlaħqu, f’dik il-fażi ta’ qabel l-għoti tal-liċenzja, b’miżuri oħra, li huma ta’ inqas piż għall-impriża. Dawn huma l-informazzjoni u l-garanziji li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, li jidhru, barra minn hekk, li huma iktar affidabbli u rigorużi meta mqabbla ma’ dawk li tkun tista’ toffri l-impriża barranija interessata li tkun stabbilita reċentement.

    38.      Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni fejn din tqis li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ sede jew stabbiliment tan-negozju huwa ġustifikabbli f’termini ta’ proporzjonalità jekk dan ikun jirreferi għall-mument immedjatament preċedenti għall-bidu tal-attività, imma mhux meta dan ikun irid ikun sodisfatt qabel ma tingħata l-liċenzja u dan bħala rekwiżit biex din tkun tista’ tingħata.

    V –    Analiżi tat-tieni domanda: il-protezzjoni ekonomika tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti

    39.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-analiżi tat-tieni domanda ser nillimita ruħi biex neżamina r-rekwiżit li jissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja għall-kundizzjoni li tkun trid jinżammu l-profitti ekonomiċi tal-attività mwettqa mill-persuna li kellha liċenzja preċedenti fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-kompetizzjoni ħielsa, analiżi li l-Gvern Awstrijak jiddubita kemm hi ammissibbli.

    A –    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

    40.      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa fir-rigward tat-tieni domanda mill-Gvern Awstrijak fejn dan isostni li dak il-motiv possibbli għaċ-ċaħda tal-liċenzja ma ġiex diskuss fl-ewwel istanza, tidher li hija dgħajfa. Ċertament, fil-prinċipju, Yellow Cab ma ngħatatx liċenzja għal raġuni differenti ħafna minn dik imsemmija issa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien; madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza (biex tilqa’ minn qabel), fid-digriet tar-rinviju tagħha, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa biex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni involuta, fejn uriet ukoll il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għaliha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu ssolvi l-kwistjoni peress li din hija rilevanti għas-suġġett tal-kawża prinċipali u ma hijiex purament teoretika (26).

    B –    Analiżi tal-mertu

    41.      Il-ġustifikazzjoni tal-garanzija tal-profitt ekonomiku tal-liċenjza li kienet teżisti qabel teħtieġ li jkunu jeżistu diversi motivi validi ta’ interess pubbliku, li huma bbażati sostanzjalment fuq il-funzjonament regolari tas-servizz inkwistjoni.

    42.      F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 684/92, għalkemm ma japplikax għall-każ ineżami, jista’ jkun ta’ għajnuna għall-interpretazzjoni. Effettivament, l-Artikolu 7(4) tiegħu, bil-fatt li jaċċetta, f’ċerti ċirkustanzi, li l-liċenzja tista’ tiġi rrifjutata jekk is-servizz inkwistjoni jkun jista’ jikkomprometti direttament l-eżistenza ta’ servizzi regolari diġà awtorizzati, jiddikjara mbagħad li l-fatt li “operatur joffri prezzijiet aktar baxxi minn dawk offerti minn trasportaturi oħrajn bit-triq jew bil-ferrovija jew il-fatt li l-konnessjoni inkwistjoni diġà hija operata minn trasportaturi oħrajn tat-triq jew tal-ferrovija ma jistgħux fihom infishom jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għaċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni” (fuq l-istess linja qiegħed l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1073/2009).

    43.      Fl-aħħar nett, il-fatt li s-servizz li għalih tintalab il-liċenzja jista’ jipperikola – minħabba biss it-telf fid-dħul – it-twettiq tal-attività tat-trasportatur preċedenti, jimplika tibdil ċar fis-suġġett li huwa intiż li jkun protett, peress li hu ċar li dak jiġi ggarantit jirriżulta li huwa l-profitt tal-pesuna li kellha liċenzja oriġinali iktar milli s-servizz innifsu. Għaldaqstant, din il-klawżola speċifika tal-profitti ekonomiċi ma tidhirx li hija intiża la għall-promozzjoni tat-turiżmu, u lanqas għar-razzjonalizzazzjoni u s-sigurtà tat-traffiku jew għall-protezzjoni ta’ min jivvjaġġa.

    44.      Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku tali tnaqqis fil-profitti jfixkel is-servizz daqstant li jrendih impossibbli jew jikkomprometti l-eżerċizzju tiegħu, dejjem jekk bil-fatt li jiżdied it-tieni persuna b’liċenzja ma jkunux jistgħu jiġu rripristinati (u, ovvjament, lanqas imtejba) l-kundizzjonijiet oriġinali. F’dak il-każ, effettivament, ikun hemm tnaqqis – f’termini ta’ kwalità – tas-servizz tat-trasport, bi ħsara għall-passiġġieri, kif issostni l-Awstrija fl-osservazzjonijiet tagħha (ara l-punt 40), iżda f’dak il-każ tkun meħtieġa evalwazzjoni bbażata fuq informazzjoni ddettaljata.

    45.      Fil-fatt, sakemm ir-restrizzjoni fuq il-libertà ma sseħħx b’mod arbitrarju mill-awtoritajiet nazzjonali, il-kriterji f’dan ir-rigward iridu jkunu trasparenti, oġġettivi u magħrufa minn qabel (27). Minkejja dan, skont dak li tafferma l-Awstrija, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-ewwel persuna li kellha liċenzja tikkostitwixxi previżjoni li trid issir abbażi ta’ verifiki suffiċjenti tal-fatti (punt 34 tal-osservazzjonijiet); fil-prattika din issir abbażi biss tal-informazzjoni u tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-persuna li kellha liċenzja preċedenti, ħaġa li ma tidhirx li hija konformi mal-kriterji msemmija u lanqas, fl-aħħar mill-aħħar, mal-libertà ta’ stabbiliment.

    46.      Għaldaqstant, ir-rekwiżit tal-garanzija ekonomika tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti jipprekludi li tiġi eżerċitata l-libertà ta’ stabbiliment meta, kif ġara f’dan il-każ, jirriżulta li l-għanijiet u l-kriterji li jiġu applikati ma kinux iddefiniti.

    VI – Il-perspettiva tal-kompetizzjoni

    47.      Fl-aħħar nett, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju talbet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE (kompetizzjoni). Fit-tweġiba tiegħi, jeħtieġ madankollu li ssir distinzjoni bejn l-effett li tali dispożizzjoni jista’ jkollha fir-rigward tar-rekwiżit tas-sede u dak li jista’ jkollha fir-rigward tal-klawżola tal-profitti ekonomiċi tal-liċenzja preċedenti.

    48.      Nirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tikkuntrasta mal-argumenti speċifiċi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irrilevanza tal-kompetizzjoni ħielsa fil-każ ineżami, inkwantu dan il-każ ma jirrigwardax l-aġir bejn impriżi, u lanqas ma hija involuta xi impriża pubblika. Fil-fatt, skont is-sentenza Cipolla (28), “jekk [għalkemm] huwa minnu li, minnhom stess, l-Artikoli 81 KE u 82 KE [li issa saru l-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE) jikkonċernaw biss l-imġiba ta’ l-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari ta’ l-Istati Membri, dawn l-Artikoli, madankollu, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE [li issa sar l-Artikolu 4(3) TFUE], li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi” b’mod “li jkun hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan [...]”.

    49.      Fil-mertu, għandu jiġi nnutat li l-argument tal-ksur tal-kompetizzjoni ġie ttrattat b’enfasi differenti ħafna f’kull waħda mid-domandi magħmula.

    50.      Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, il-konsegwenzi indiretti possibbli li jirriżultaw fuq il-kompetizzjoni ħielsa, derivanti minn ksur tal-libertà ta’ stabbliment, iridu dejjem jiġu eżaminati fil-kuntest tal-analiżi ta’ dan id-dritt. Dan ifisser li f’dan il-każ, jirriżulta li huwa superfluwu li tiġi eżaminata l-kundizzjoni tal-pussess ta’ sede anki mill-aspett tal-kompetizzjoni (29).

    51.      Mill-banda l-oħra, il-portata li jista’ jkollu l-Artikolu 10 TFUE fir-rigward tat-tieni domanda dwar il-klawżola tal-garanzija fuq il-profitti ekonomiċi tal-liċenzja preċedenti hija differenti. Fil-fatt, huwa ċar li dispożizzjoni dwar il-profitti ekonomiċi bħalma hija dik prevista fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, li tissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja għall-fatt li l-persuna li kellha liċenzja preċedenti jżomm il-profitti tiegħu, ikollha kważi inevitabbilment riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni ħielsa. Kif tirrileva l-Kummissjoni, ma hemmx dubju li l-motivi ta’ interess pubbliku jistgħu jiġġustifikaw, f’ċerti każijiet, klawżola ta’ salvagwardja ekonomika tal-persuna li kellha liċenzja preċedenti biex jiġi ggarantit il-funzjonament regolari tas-servizz ipprovdut. F’dan il-każ, peress li ebda ċirkustanza speċjali ta’ dan it-tip ma jidher li teżisti fil-każ ineżami, in-nuqqas ta’ kwalunkwe kriterju f’dan ir-rigward jippreġudika fl-aħħar mill-aħħar in-newtralità li l-kompetizzjoni teżiġi billi jiffavorixxi lil impriża partikolari minkejja li impriża oħra tista’ toffri s-servizz bi prezz inqas jew bl-istess prezz iżda b’inqas spejjeż (30).

    VII – Konklużjoni

    52.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari b’dan il-mod:

    “1.-      L-Artikolu 49 TFUE (libertà ta’ stabbiliment) jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, biex tingħata liċenzja għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ trasport turistiku f’belt b’karozza tal-linja, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, timponi li l-impriża tal-UE li tapplika għaliha jkollha, ukoll qabel ma tibda tipprovdi s-servizz ta’ trasport b’karozza tal-linja, u b’mod partikolari fil-mument tal-għoti tal-liċenzja, sede jew stabbiliment tan-negozju fl-Istat tal-awtorità konċedenti.

    2.-      L-Artikolu 49 TFUE (libertà ta’ stabbiliment) ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li, biex tingħata liċenzja għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ trasport turistiku f’belt b’karozza tal-linja, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tipprovdi li l-impriża li tagħmel l-applikazzjoni jkollha, sa mhux iktar tard mill-mument li fih tibda topera s-servizz ta’ trasport, sede jew stabbiliment ta’ negozju fl-Istat tal-awtorità konċedenti.

    3.-      L-Artikolu 49 TFUE (libertà ta’ stabbiliment) u l-Artikolu 101 TFUE (kompetizzjoni) jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, biex tingħata liċenzja għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ trasport turistiku f’belt b’karozza tal-linja, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, tipprovdi li l-liċenzja għandha tiġi rrifjutata bla ebda eċċezzjoni, jekk, meta tinbeda l-attività tat-trasport b’karozza tal-linja mitluba, il-profitti ta’ impriża kompetitriċi li topera rotta li hija kompletament jew parzjalment identika jonqsu tant li minħabba dak is-servizz it-tkomplija tas-servizz operat mill-impriża kompetitriċi ma tibqax ekonomikament toħloq profitt.

    4.-      L-Artikolu 56 TFUE (libertà li jiġu pprovduti servizzi) ma jirriżultax li japplika għall-finijiet li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, biex tingħata liċenzja għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ trasport turistiku f’belt b’karozza tal-linja, fejn il-postijiet ta’ waqfien ikunu stabbiliti u jkunu moqdija b’mod regolari skont orarju stabbilit, timponi r-rekwiżiti deskritti preċedentement”.


    1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


    2 – Kif kellu l-okkażjoni jagħmel, għalkemm minn aspett differenti, l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis-7 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Neukirchinger (C-382/08, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


    3 – Artikolu 26(2) TFUE.


    4 – Fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBI Nru 153/2006.


    5 – B’mod konkret, u skont id-digriet tar-rinviju, il-grupp jirriżulta li huwa ffurmat minn Kraftfahrlinie der Vereinigung Austrobus Österreichische Autobusgesellschaft KG, Blaguss Reisen GmbH, Elite Tours Verkehrsbetrieb GMBH u Vienna Sightseeing Tours - Wiener Rundfahrten GmbH & Co KG, abbażi ta’ liċenzja tas-17 ta’ Mejju 2005.


    6 – Kif jirriżulta mis-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punt 21); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 25), u tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 18).


    7 – Natura temporanja li skont is-sentenza Gebhard, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28, għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tat-tul tal-provvista, iżda wkoll fid-dawl tal-frekwenza, perjodiċità jew kontinwità tagħha, b’mod li jekk il-parteċipazzjoni tal-interessat fil-ħajja ekonomika tal-Istat Membru ospitanti ma tkunx stabbli u kontinwa, trid tintuża l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi iktar milli d-dritt ta’ stabbiliment.


    8 – Irqiqa peress li kif jenfasizzaw is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C‑215/01, Ġabra p. I‑14847, punti 30 u 31); tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 26) u tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 74), “ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li abbażi tagħha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz ma jkunx jista’ iktar jitqies bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat. B’hekk, il-kunċett ta’ ‘servizz’ fis-sens tat-Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inkluż servizzi li l-provvista tagħhom hija mifruxa fuq perijodu imtawwal, tabilħaqq fuq numru ta’ snin”.


    9 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steyman (196/87, Ġabra p. 6159, punt 16); Schnitzer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 28).


    10 – Ovvjament, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ April 1974, Il‑Kummissjoni vs Franza (167/73, Ġabra p. 359, punt 25), il-politika komuni tat-trasport, mhux talli ma tiskartax il-libertajiet fundamentali, talli hija intiża li tapplikahom u tikkompletahom. Wara kollox, peress li din il-politika hija bbażata ukoll fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, hija għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 1985, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, 13/83, Ġabra p. 1513, punt 62; tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries France (C‑49/89, Ġabra p. 4441, punti 10 sa 12; tat-18 ta’ Jannar 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑361/98, Ġabra p. I‑385, punti 31 sa 33), u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, Ġabra p. I‑3949, punti 55 et seq)], jiġifieri l-Artikolu 58(1) TFUE ma huwiex ta’ ostakolu għax ma jirrinunzjax għall-għanijiet li din il-libertà tfittex fis-suq intern.


    11 – Huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 62 u 63), iċċitata fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Lambregts Transportbedrijf (4/88, Ġabra p. 2583, punt 14) fejn jingħad li l-fatt li l-Kunsill ikun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 75 tat-Trattat (li llum jinsabu fl-Artikoli 90 TFUE u 91 TFUE) ma setax ikollu l-effett li jrendi l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE) bħala li japplikaw direttament fis-settur tat-trasport. Fl-istess sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries France, iċċitata iktar ’il fuq, wara li fakkret li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija regolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport (punt 10), ma kkritikatx dispożizzjoni nazzjonali li tillimita l-Artikolu 56 TFUE f’mument (snin 1981 u 1982) fejn “il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport marittimu kienet għadha ma ġietx implementata u bħala konsegwenza l-Istati Membri kellhom id-dritt li japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk li jsir riferiment għalihom fil-kawża prinċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 14).


    12 – Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 1, p. 19), li għadu japplika ratione temporis.


    13 – Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol 1, p. 314).


    14 – Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Regolament Nru 1893/91 ħassar l-Artikolu 19(2) oriġinali li kien jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi tat-trasport mhux ferrovjarju, li joperaw prinċipalment trasport ta’ natura lokali u reġonali.


    15 – Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 1992, dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 1, p. 306).


    16 – Regolament tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 1997, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi nazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fi Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7 Vol. 3, p. 501).


    17 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70


    18 –      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006.


    19  – Għall-oħrajn kollha ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I-1721, b’mod partikolari fil-punt 64).


    20  – Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, Ġabra p. I‑4821, punti 23 sa 28); tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I‑1271, punt 35); u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting  Sint Servatius (C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 33).


    21  – Kriterju li, barra minn hekk, deher li huwa l-unika ġustifikazzjoni għar-rifjut tal-applikazzjoni għal-liċenzja.


    22  – Kriterju li ġie fformulat espliċitament fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Woningstichting  Sint Servatius, fil-punt 34.


    23 – Dan it-ton perentorju ntuża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑205/84, Ġabra p. I‑3755, punt 52).


    24 – F’dan is-sens, il-kundizzjoni li wieħed irid ikollu sede sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-ġestjoni ta’ laboratorju għall-analiżi klinika tikkostitwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda mhux tal-libertà ta’ stabbiliment proprja, u dan peress li tali kundizzjoni ma kinitx tinvolvi l-konverżjoni ta’ dak il-post ta’ attività fis-sede jew ċentrali tal-impriżi (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza C‑496/01, Ġabra p. I-2351, punti 61 u 64 sa 77). Madankollu, xi kultant, tista’ tikkostitwixxi ostakolu anki tal-libertà ta’ stabbiliment, mhux ir-rekwiżit tas-sede jew tal-istabbiliment tan-negozju, iżda l-kundizzjoni li d-diriġenti u parti mill-persunal tal-impriżi ta’ sorveljanza u tas-servizzi interni ta’ sorveljanza jridu jkunu jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C-355/98, Ġabra p. I‑1221, punti 31 sa 34 u 41).


    25 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19.


    26 – Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38), u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, Ġabra p. I‑607, punt 19).


    27 – Kif tiddikjara fost l-oħrajn il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ippreċiżajt diġà, fis-sentenzi tagħha Woningstichting Sint Servatius u Hartlauer.


    28 – Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006 (C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punti 46 u 47), b’riferiment għad-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri (C‑250/03, Ġabra p. I‑1267, punti 29 u 30).


    29 – Wara kollox, peress li hemm dubju dwar kemm it-trasport f’karozza tal-linja turistika għandu l-karatteristiċi ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, fis-sens tas-sentenza Woningstichting Sint Servatius, iċċitata iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq din il-kwalifikazzjoni huma rrilevanti fir-rigward tal-istabbiliment inkwantu f’dan il-każ ma hijiex kwistjoni ta’ liċenzja ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi lil xi impriża, peress li l-punt ċentrali tal-kwistjoni jikkonsisti fil-leġittimità ta’ lista ta’ restrizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva għall-awtorizzazzjoni minn qabel.


    30 –      F’dan is-sens, u din l-osservazzjoni trid tittieħed b’ċertu prekawzjoni, ma hemmx dubju li l-fatt li l-persuna li kellha liċenzja unika preċedenti jirriżulta minn unjoni ta’ diversi impriżi lokali li joperaw fis-settur turistiku, kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, ma jikkontribwixxix preċiżament biex jitneħħew id-dubji dwar l-eżerċizzju tal-kompetizzjoni ħielsa.

    Top