This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CC0097
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 17 June 2010. # Ingrid Schmelz v Finanzamt Waldviertel. # Reference for a preliminary ruling: Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien - Austria. # Sixth VAT Directive - Articles 24(3) and 28i - Directive 2006/112/EC - Article 283(1)(c) - Validity - Articles 12 EC, 43 EC and 49 EC - Principle of equal treatment - Special scheme for small undertakings - Exemption from VAT - Benefit of the exemption refused to taxable persons established in other Member States - Definition of ‘annual turnover’. # Case C-97/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 17 ta' Ġunju 2010.
Ingrid Schmelz vs Finanzamt Waldviertel.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien - l-Awstrija.
Sitt Direttiva tal-VAT - Artkoli 24(3) u 28i - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 283(1)(ċ) - Validità - Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE - Prinċipju ta’ trattament ugwali - Skema speċjali għall-impriżi żgħar - Eżenzjoni mill-VAT - Rifjut għall-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn - Kunċett ta’ "dħul mill-bejgħ annwali’.
Kawża C-97/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 17 ta' Ġunju 2010.
Ingrid Schmelz vs Finanzamt Waldviertel.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien - l-Awstrija.
Sitt Direttiva tal-VAT - Artkoli 24(3) u 28i - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 283(1)(ċ) - Validità - Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE - Prinċipju ta’ trattament ugwali - Skema speċjali għall-impriżi żgħar - Eżenzjoni mill-VAT - Rifjut għall-benefiċċju tal-eżenzjoni lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn - Kunċett ta’ "dħul mill-bejgħ annwali’.
Kawża C-97/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10465
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:354
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
Kokott
ippreżentati fis‑17 ta’ Ġunju 2010 1(1)
Kawża C‑97/09
Ingrid Schmelz
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat Wien (l‑Awstrija)]
“Taxxa fuq il-valur miżjud – Skema speċjali għall-impriżi żgħar – Eżenzjoni mit-taxxa favur impriżi żgħar – Limitazzjoni tal-eżenzjoni għall-impriżi żgħar residenti”
I – Introduzzjoni
1. Il-prinċipju de minimis non curat lex isib postu kemm bħala proverbju bil-Latin kif ukoll fis-Sitt Direttiva tal-VAT (2) u fid-Direttiva 2006/112/KE (3), li issa ssostitwixxiet is-Sitt Direttiva. Permezz ta’ dawn id-direttivi, l-Istati Membri huma awtorizzati li jeżentaw mill-VAT dawk l-impriżi żgħar li għandhom dħul mill-bejgħ annwali li ma jaqbiżx ċertu ammont.
2. Madankollu din l-eżenzjoni ma tapplikax għal dak id-dħul mill-bejgħ miksub minn operaturi kummerċjali li mhumiex stabbiliti fit-territorju. Għalhekk, id-dritt Komunitarju sekondarju jipprovdi espressament trattament differenti bbażat fuq il-post ta’ stabbiliment tal-persuna taxxabbli.
3. I. Schmelz, l-appellanti fil-kawża prinċipali, tirċievi dħul fl-Awstrija mil-lokazzjoni ta’ appartament, liema ammont jaqa’ taħt il-limitu għall-eżenzjoni mogħtija lill-impriżi żgħar. Madankollu, hija ma ġietx eżentata mill-ħlas tat-taxxa fl-Awstrija għar-raġuni li ma kenitx residenti f’dan il-pajjiż. L-Unabhängiger Finanzsenat Wien (Tribunal fiskali indipendenti, sezzjoni ta’ Vjenna) jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi u dawk nazzjonali ta’ traspożizzjoni humiex kompatibbli mal-libertajiet fundamentali u mal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. L-Istati Membri li pparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, isostnu illi t-trattament differenti inkwistjoni huwa fil-prinċipju legali. Fil-fehma tagħhom, l-indħil fil-libertajiet fundamentali li jista’ jirriżulta huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żġurat kontroll fiskali effikaċi u mill-ħtieġa li titnaqqas il-possibbiltà ta’ abbuż.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt komunitarju
– Trattament fiskali tad-dħul minn lokazzjoni
4. Skont l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, il-kiri jew l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud. Madankollu, l‑Att tal-Adeżjoni (4) jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija tapplika rata mnaqqsa għal-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli għall-użu residenzjali, sal-31 ta’ Diċembru 1998. Din id-dispożizzjoni ġiet estiża għal żmien indeterminat permezz tal-Artikolu 28(2)(j) tas-Sitt Direttiva kif emendat bid-Direttiva 2000/17/KE (5), li issa ġie inkorporat fl-Artikolu 117(2) tad-Direttiva 2006/112.
– Skema speċjali għall-impriżi żgħar
5. B’referenza għat-Tieni Direttiva tal-VAT (6) l-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva kien jawtorizza lill-Istati Membri biex japplikaw skema speċjali għall-impriżi żgħar (iktar ’il quddiem “skema għall-impriżi żgħar”). Skont dan l-Artikolu:
“1. L-Istati Membri li jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ l-iskema tat-taxxa normali għall-impriżi żgħar minħabba l-attivitajiet jew l-istruttura tagħhom għandhom l-għażla, taħt t-tali kondizzjonijiet u fit-tali limiti li huma jistgħu jistabbilixxu imma soġġett għall-konsultazzjoni ppprovduta fl-Artikolu 29, ta’ l-applikazzjoni tal-proċeduri simplifikati bħal skemi b’rata fissa għall-intaxxar u l-ġbir tat-taxxa dejjem jekk huma ma jwasslux għal tnaqqis b’dan.
2. Sa data li għandha tkun iffissata mill-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, imma li m’għandiex tkun iktar tard minn dik ta’ l-imponiment tat-taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri jitneħħew:
(a) L-Istati Membri li għamlu użu mill-għażla taħt l-Artikolu 14 tat-tieni Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta’ April 1967 biex jintroduċu eżenzjonijet jew iffrankar ta’ taxxa gradwata jistgħu jżommuhom u l-arranġamenti għall-applikazzjoni tagħhom jekk huma jikkonformaw mas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Dawk l-Istati Membri li japplikaw eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-bejgħ [dħul mill-bejgħ] annwali tagħhom hu inqas mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonalita ’ 5000unit tal-munita Ewropea bir-rata tal-kambju tal-ġurnata ’li fiha din id-Direttiva tiġi addottata, jistgħu jżidu din l-eżenzjonisa 5000unit munita Ewropea.
L-Istati Membri li japplikaw eżenzjoni ta’ taxxa gradwata la jistgħu iżidu l-limitu ta’ l-eżenzjonijiet tat-taxxa gradwata u lanqas iġibu l-kondizzjonijet għall-għoti tagħha iktar favorevoli;
(b) L-Istati Membri li m’għamlux użu minn din l-għażla jistgħu jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli li l-bejgħ [dħul mill-bejgħ] annwali tagħhom fil-massimu jilħaq l-ekwivalenti f'munita nazzjonali ta’ 5000 units tal-munita Ewropea bir-rata tal-kambju tal-ġurnata li fiha din id-Direttiva tiġi addottata; fejn jixraq, huma jistgħu jagħtu eżenzjoni ta’ taxxa gradwata lill-persuni taxxabbli li l-bejgħ [dħul mill-bejgħ] annwali jeċċedi l-limitu ffissat mill-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni;
(ċ) L-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-persuni taxxabbli ta’ li l-bejgħ [dħul mill-bejgħ] annwali hu daqs jew iktar għoli mill-ekwivalenti f’munita nazzjonali ta’ 5000units tal-munita Ewropea bir-rata tal-kambju fil-ġurnata li fiha din id-Direttiva tiġi addottata, jistgħu iżiduha biex iżomm l-valur tagħha f’termini reali.
3. Il-konċetti ta’ l-eżenzjoni u l-eżenzjoni tat-taxxa gradwata jistgħu japplikaw għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi mill-impriżi żgħar.
L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċertu transazzjonijet mill-arranġamenti pprovduti fil-paragrafu 2. Il-proviżjonijet ta’ paragrafu 2 m’għandhomx, f’kwalunkwe każ, japplikaw għal transazzjonijiet msemmija fl‑Artikolu 4(3).
4. Il-bejgħ [id-dħul mill-bejgħ] li għandu jservi bħala referenza għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 2 għandu jikkonsisti fl-ammont, barra mit-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ l-oġġetti u s-servizzi pprovduti kif definiti fl-Artikoli 5 u 6, sakemm huma ntaxxati, inklużi transazzjonijiet eżenti bil-ħlas lura tat-taxxa mħallsa qabel b’mod konformi ma’ l-Artikolu 28(2), u l-ammont tat-transazzjonijiet skond l-Artikolu 15, l-ammont ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà reali, it-transazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 13 B(d), u s-servizzi ta’ l-assigurazzjoni, sa kemm dawn it-transazzjonijiet huma transazzjonijiet anċillari.
Madanakollu, tneħħija ta’ assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkulazzjoni tad-dħul mill-bejgħ.
5. Persuni taxxabbli eżenti mit-taxxa m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu t-taxxa b’mod konformi mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17, u lanqas biex juru fuq il-fatturi tagħhom jew kwalunkwe dokumenti oħrajn li jservu bħala kambjala.
6. Persuni taxxabbli eleġibbli għall-eżenzjoni mit-taxxa jistgħu jagħżlu jew l-iskema tal-valur normali tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew proċeduri simplifikati msemmija fil-paragrafu 1. F’ dan il-każ huma għandhom ikunu intitolati għal kwalunkwe eżenzjoni fuq taxxa gradwata li tista’ tkun stabbilita mill-leġislazzjoni nazzjonali.
7. […]”
8. 6. Permezz tad-Direttiva 92/111/KEE (7), l-Artikolu 28i iddaħħal fis‑Sitt Direttiva. Din id-dispożizzjoni żiedet is-subparagrafu li ġej għall‑Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva.
“F’kull ċirkostanza l-provvisti ta’ mezzi ġodda tat-trasport li jsiru skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 28ċ (A) kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa skond il-paragrafu 2.”
9. Ir-regola li ġejja tapplika għar-Repubblika tal-Awstrija skont l-Anness XV – Il-lista prevista fl-Artikolu 151 tal-Att ta’ Adeżjoni – Titolu IX. Tassazzjoni, punt 2(c) tal-Att ta’ Adeżjoni (8):
“Fl-implementazzjoni tal-Artikolu 24(2) sa (6), u sakemm jiġu adottati dispożizzjonijiet komunitarji f’dan il-qasam, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud dawk il-persuni taxxabbli li għandhom dħul mill-bejgħ annwali li hu inqas mill-ekwivalenti ta’ ECU 35 000 fil-munita nazzjonali.”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 u tal-Artikolu 24a, li introduċew il-limitu għad-dħul mill-bejgħ fis-Sitt Direttiva, ġew riprodotti, b’xi tibdil ta’ redazzjoni, fl-Artikoli 281 sa 294 tad‑Direttiva 2006/112. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi:
“L‑Artikolu 282
L-eżenzjonijiet u l-ħelien [tnaqqis] mit-taxxa gradwat previst f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi mill-impriżi żgħar.
L‑Artikolu 283
L-arranġament[i] previsti f’din it-Taqsima m’għandhomx japplikaw għat-transazzjonijiet li ġejjin:
[…]
(ċ) provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT.
[L-Artikoli 284 sa 286 jirrigwardaw dawk l-Istati Membri li kienu jiffurmaw parti mill-Komunità Ewropea qabel l‑1 ta’ Jannar 1978 u jikkorrispondu essenzjalment għall-Artikolu 24(2) tas-Sitt Direttiva]
L-Artikolu 287
L-Istati Membri li aderew wara l‑1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat [dħul mid-dħul]’annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-eqwivalenti f'munita nazzjonali ta' l-ammonti li ġejjin bir-rata tal-kambju fil-ġurnata ta’ adeżjoni tagħhom:
[…]
Awstrija: ECU 35000;
[…]
L-Artikolu 288
Il-fatturat [Id-dħul mill-bejgħ] li jservi bħala referenza għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti previsti f’din it-Taqsima għandhom jikkonsistu fl-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:
(1) il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati;
(2) il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżenti, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel, skond l‑Artikoli 110 u 111, l‑Artikolu 125(1), l‑Artikoli 127, jew l‑Artikolu 128(1);
(3) il-valur ta’ transazzjonijiet li huma eżenti skond l-Artikoli 146 sa 149 u l‑Artikoli 151, 152 jew 153;
(4) il-valur ta’ transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) ta’ l‑Artikolu 135(1), u s-servizzi ta' l-assigurazzjoni, sa kemm dawn it-transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.
Madanakollu, iċ-ċessjonijiet ta’ l-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandhomx jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-kalkolazzjoni tal-fatturat.
L-Artikolu 289
Persuni taxxabbli eżenti mill-VAT m’għandhomx ikunu intitolati biex inaqqsu l-VAT skond l‑Artikoli 167 sa 171 u l‑Artikoli 173 sa 177, u ma jistgħux juru l-VAT fuq il-fatturi tagħhom.
L-Artikolu 290
Persuni taxxabbli intitolati għall-eżenzjoni mill-VAT jistgħu jagħżlu jew l-arranġamenti normali tal-VAT jew il-proċeduri simplifikati previsti fl‑Artikolu 281. F’dan il-każ, huma għandhom ikunu intitolati għal kwalunkwe ħelsien gradwat mit-taxxa previst mil-leġislazzjoni nazzjonali.”
B – B – Id-dritt nazzjonali
11. Skont l-Artikolu 6(1)(16) tal-Umsatzsteuergesetz 1994 (Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, iktar ’il quddiem l-“UStG 1994”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, il-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli huma, fil-prinċipju, eżentati mill-VAT. Madankollu, il-lokazzjoni (konċessjoni ta’ użu) ta’ proprjetà immobbli għall-użu residenzjali mhijiex eżentata.
12. Skont l-Artikolu 6(1)(27) tal-UStG 1994, huwa eżentat wkoll mill-VAT:
“id-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi żgħar. Impriża żgħira tfisser impriża residenti jew stabbilita fl-Awstrija bi dħul mill-bejgħ illi, taħt l-Artikolu 1(1)(1) u (2), ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 22 000 (fil-verzjoni sal-2006, mill-2007: EUR 30 000) għall-perijodu ta’ stima. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-limitu, ma jiġix ikkunsidrat dħul minn operazzjonijiet anċillari, inkluz iċ-ċessjoni ta’ impriżi. Ikun irrilevanti jekk dan il-limitu jinqabeż b’mhux iktar minn 15% għall-darba waħda biss matul perijodu ta’ ħames snin kalendarji […]”
13. L-Artikolu 6(3) tal-UStG 1994 jistipula:
“Impriża b’operat illi hu eżentat taħt l-Artikolu 6(1)(27) tista’, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub lill-amministrazzjoni fiskali, tirrinunzja għal din l-eżenzjoni, sa meta issir deċiżjoni definittiva. Din il-dikjarazzjoni torbot lill-impriża għal mill-inqas ħames snin u tista’ tiġi revokata biss b’effett mill-bidu ta’ sena kaldendarja. Tali revoka għandha ssir sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Jannar tal-istess sena kalendarja”.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. I. Schmelz hi ċittadina Ġermaniża u għandha r-residenza tagħha fil-Ġermanja. Hija s-sid ta’ appartment fl-Awstrija li tikri u minnu ddaħħal kera ta’ EUR 330 fix-xahar, mingħajr l-ispejjeż. Hija ma tapplikax taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.
15. L-awtoritajiet fiskali Awstrijaċi ffissaw it-taxxa dovuta fuq id-dħul mill-bejgħ applikabbli għal dan id-dħul minn lokazzjoni, wara li titnaqqas it-taxxa tal-input, għas-somma ta’ EUR 316.15 għall-2006 u ta’ EUR 334.93 għall-2007. Skont id-dikjarazzjonijiet tagħha, I. Schmelz ma rċevitx dħul ieħor fit-territorju tal-Komunità matul is-snin inkwistjoni (9).
16. I. Schmelz qieset li ma kinitx meħtieġa tħallas taxxa fuq id-dħul mill‑bejgħ abbażi tal-iskema għall-impriżi żgħar, u għalhekk ippreżentat appell kontra l‑istimi tat-taxxa quddiem l-Unabhängiger Finanzsenat, li b’deċiżjoni tal‑4 ta’ Marzu 2009, għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1. L-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif emendata bil-punt 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE, tal-14 ta’ Diċembru 1992, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat KE”), b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), safejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikolu 24(2) tas-Sitt Direttiva (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?
2. L-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll regola nazzjonali li tittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, jiksru t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat KE”), b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 12 KE), il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 43 et seq KE), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 49 et seq KE), jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fid-dritt Komunitarju), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa taħt l-Artikoli 282 et seq tad-Direttiva tal-VAT (Skema speċjali għall-impriżi żgħar), filwaqt li ċittadini tal-Unjoni li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni mit-taxxa fil-każ li l-Istat Membru tagħhom jikkonċedi, b’konformità mad-direttivi inkwistjoni, eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar?
3. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: l-espressjoni “kif ukoll il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż” li tinsab fl-Artikolu 24(3) u fl-Artikolu 28i tas-Sitt Direttiva hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?
4. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda: l-espressjoni “provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT” li tinsab fl-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT hija invalida fis-sens tal-inċiż (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 234 KE?
5. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda: il-kunċett ta’ “negozji totali annwali” (“dħul mill-bejgħ annwali”) fis-sens tal-punt 2(c) tat-Titolu IX, “It-Tassazzjoni”, tal-Anness XV tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Renju tan-Norveġja, tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea (Att ta’ Adeżjoni), jew fis-sens tal-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva (“bejgħ annwali”), għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-Komunità mill-operaturi ekonomiċi?
6. Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda: il-kunċett ta’ “fatturat annwali” (“dħul mill-bejgħ annwali”) fis-sens tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fl-Istat Membru rispettiv, li fih tkun ġiet implementata l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, jew bħala d-dħul mill-bejgħ miksub f’sena fit-territorju kollu tal-Komunità mill-operaturi ekonomiċi?
17. Il‑Gvern Awstrijak, il‑Gvern Ġermaniż u l-Gvern Grieg, kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura; il‑Gvern Grieg ippreżenta biss osservazzjonijiet bil-miktub filwaqt li l-Gvern Ġermaniż għamel biss sottomissjonijiet orali.
IV – Kunsiderazzjonijiet legali
A – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
18. Il-Kunsill iqajjem il-kwistjoni tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-opinjoni tiegħu, kien biss wara li għamlet it-talba tagħha li l-qorti tar-rinviju speċifikat li I. Schmelz ma kinitx tirċievi, fit-territorju tal-Komunità, dħul ieħor ħlief dak li jirriżulta mil-lokazzjoni tal-appartament tagħha fl-Awstrija. Skont il-Kunsill, kieku l-qorti tar-rinviju kellha fil-pussess tagħha din l-informazzjoni meta saret it-talba għal deċiżjoni preliminari, seta’ jkun possibbli li hija ma tagħmilx rinviju preliminari, peress li I. Schmelz għandha għaldaqstant titqies bħala persuna taxxabbli stabbilita fl-Awstrija.
19. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl‑Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (10).
20. Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni m’għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (11).
21. Rigward il-kawża preżenti, ta’ min jinnota li l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tgħaddi lill-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni kkomunikata minn I. Schmelz. Mhuwiex ċar jekk il-qorti tar-rinviju kinitx diġà stabbilixxiet il-fati tal-kawża għal dak li jirrigwarda din id-dikjarazzjoni. Mandankollu, dan ma jipprekludix l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għaliex, bħala prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’liema stajdu tal-proċedura għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (12).
22. Anki jekk wieħed jassumi li l-informazzjoni mogħtija minn I. Schmelz hija korretta, dan ma jfissirx illi r-risposti għad-domandi preliminari humiex, b’mod manifest, neċessarji għad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Bl-ebda mod mhuwa daqstant evidenti li I. Schmelz għandha titqies bħala residenti fl-Awstrija, minħabba t-tranżazzjonijiet tagħha, li huma llimitati għal-lokazzjoni ta’ appartament, u illi għalhekk hija, bla dubju, intitolata għall-eżenzjoni.
23. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari.
B – Ir-risposta għad-domandi preliminari
24. L-ewwel u t-tieni domandi, it-tielet u r-raba’ domandi kif ukoll il-ħames u s-sitt domandi jirrigwardaw l-istess problema rispettivament. Id-differenza tirrigwarda biss ir-referenza għad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva (fil-każ tad-domandi preliminari 1, 3 u 5) u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2006/112 (fil-każ tad-domandi preliminari 2, 4 u 6).
25. Id-Direttiva 2006/112, kif jirriżulta mit-tielet premessa tagħha, tfassal mill-ġdid is-Sitt Direttiva u, fil-prinċipju, ma ġġibx tibdil fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Skont din il-premessa, fejn madankollu, f’dan il-proċess saru emendi sostantivi, dawn huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-traspożizzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-direttiva (l-Artikolu 412). L-iskema għall-impriżi żgħar (l-Artikolu 281 et seq) mhijiex inkluża f’din il-lista. Għaldaqstant, m’hemmx bżonn li jsir eżami separat tad-domandi preliminari abbażi tas-Sitt Direttiva jew tad-Direttiva 2006/112.
26. Fis-sustanza, dawn it-tliet domandi huma intrinsikament marbutin. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tpoġġi fuq quddiem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-libertajiet fundamentali (l-ewwel u t-tieni domandi preliminari).
27. It-tielet u r-raba’ domandi preliminari isiru biss fil-każ illi l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttivi huma inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali u għandhom l-għan illi jiċċaraw il-konsegwenzi li jirriżultaw f’każ ta’ inkompatibbiltà.
28. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi l-ħames u s-sitt domandi preliminari bil-premessa li l-limitazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar għar-residenti hija kompatibbli mal-libertajiet fundamentali. Dawn id-domandi preliminari huma ffokati fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ dħul mill-bejgħ annwali li huwa l-kriterju permezz ta’ liema jiġi stabbilit l-istatus ta’ impriża żgħira. F’dan ir-rigward, l-Unabhängiger Finanzsenat iqajjem l-alternattiva, minn naħa waħda, li jiġi kkalkolat biss id-dħul mill-bejgħ iġġenerat fl-Istat fejn l-impriża hi residenti jew stabbilita, jew, min-naħa l-oħra, li jiġi kkalkolat id-dħul mill-bejgħ miksub fit-territorju kollu tal-Komunità.
29. Qabel ma ngħaddi għall-eżami tad-domandi partikolari f’iktar dettall, nixtieq nagħmel xi kunsiderazzjonijiet dwar in-natura tal-iskema għall-impriżi żgħar bħala skema speċjali u dwar l-għanijiet ta’ din l-iskema. B’mod partikolari, għandha tiġi ċċarata l-kwistjoni safejn il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Istati Membri, huma marbutin bil-libertajiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fid-definizzjoni tal-iskema tal-eżenzjoni ta’ taxxa favur impriżi żgħar.
1. Osservazzjonijiet preliminari
a) L-iskema għall-impriżi żgħar bħala skema speċjali
30. Fil-prinċipju, it-tranżazzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 eżegwiti minn persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9 tad-direttiva huma suġġetti għall-VAT. Madankollu, id-direttiva stess tipprovdi numru kunsiderevoli ta’ eżenzjonijiet favur servizzi speċifiċi, ħafna drabi minħabba kunsiderazzjonijiet soċjopolitiċi.
31. Barra minn hekk, id-direttiva tagħti l-fakoltà lill-Istati Membri illi japplikaw skemi speċjali (Titolu XII) u derogi (Titolu XIII) li jmorru lil hinn mis-sistema armonizzata. L-iskema għall-impriżi żgħar tifforma parti minn dawn l-iskemi speċjali.
32. Kif ikkonstatat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, din l-armonizzazzjoni, bħal dik imwettqa minn direttivi suċċessivi, u, b’mod partikolari, mis-Sitt Direttiva, għadha biss armonizzazzjoni parzjali (13). Għalhekk, din l-armonizzazzjoni prevista għadha ma twettqitx inkwantu s-Sitt Direttiva, bis-saħħa tal-Artikolu 28 tagħha, awtorizzat lill-Istati Membri jkomplu jżommu jew jadottaw ċerti dispożizzjonijiet li, mingħajr l-imsemmija awtorizzazzjoni, jkunu inkompatibbli ma’ din id-direttiva (14).
33. L-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva (15), li awtorizza lill-Istati Membri li jżommu fis-seħħ l-eżenzjonijiet mill-VAT favur l-impriżi żgħar, irrinunzja fuq dan il-punt għal armonizzazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali (16). Din l-iskema speċjali, bl-addizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet iktar speċifiċi, ġiet inkorporata fl-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva u finalment fl-Artikoli 281 et seq tad-Direttiva 2006/112 (17). Fil-proposta tagħha għas-Sitt Direttiva (18), il-Kummissjoni ddikjarat:
“L-eżenzjoni, u l-ħelsien mit-taxxa b’mod gradwat jista’ jkollhom ċertu rwol biex isolvu d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom l-impriżi l-iktar iżgħar fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Barra minn hekk, jistgħu jissemplifikaw ir-responsabbiltajiet tal-amministrazzjoni fiskali. Madankollu, sistema ta’ eżenzjoni u ħelsien mit-taxxa b’mod gradwat ma tistax titqies normali f’kuntest ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud. Minn naħa l-oħra, l-koeżistenza ta’ diversi sistemi nazzjonali tista’ tostakola t-tneħħija tal-fruntieri fiskali. Huwa prinċipalment għal din ir-raġuni li d-dispożizzjonijiet proposti għandhom natura transitorja.”
34. Peress li l-iskema għall-impriżi żgħar tirrappreżenta għaldaqstant skema speċjali li mhix kompletament armonizzata u li tidderoga mis-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tingħata interpretazzjoni stretta u għandha tiġi applikata biss safejn huwa meħtieġ sabiex tilħaq l-għan tagħha (19).
35. L-eżenzjoni għall-impriżi żgħar għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività ta’ dan is-settur ta’ operaturi kummerċjali. Hija intiża wkoll li tnaqqsilhom l-ispejjeż li jwasslu għall‑ħlas tal-VAT, li jaffettwawhom b’mod sproporzjonat minħabba l-iskala żgħira tal-attivitajiet tagħhom. Fl-istess ħin, din l-iskema tgħin fis-semplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva, għaliex teħles lill-amministrazzjoni fiskali mill-obbligu li tiġbor ammonti minimi ta’ taxxa mingħand numru kunsiderevoli ta’ impriżi żgħar.
36. Id-dritt tal-Unjoni jagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-limitu tad-dħul mill-bejgħ li jikkwalifika impriża bħala waħda żgħira. Dan jippermetti lill-Istati Membri li jadattaw l-iskema għall-impriżi żgħar għall-istrutturi nazzjonali ekonomiċi u amministrattivi tagħhom.
37. L-iskema għall-impriżi żgħar għandha l-għan li tibbenefika biss lill-impriżi li effettivament iwettqu attività kummerċjali fuq skala żgħira. Skont il-partijiet intervenjenti, il-limitazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa għall-impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju nazzjonali tippermetti li jintlaħaq dan l-għan. Din il-limitazzjoni żżomm lill-impriżi milli jgawdu b’mod abbużiv minn numru ta’ eżenzjonijiet f’diversi Stati fl-istess waqt, u għalhekk timpedixxi lil dawk l-impriżi li fil-fatt mhumiex impiżi żgħar milli jgawdu minn din il-konċessjoni. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tad-dispożittiv ta’ eżenzjoni għall-persuni taxxabbli biss tiżgura li l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ f’kull waqt tivverifika mingħajr restrizzjoni jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu li jibbenefikaw mill-eżenzjoni humiex sodisfatti.
b) Konsegwenzi tal-armonizzazzjoni parzjali fuq in-natura vinkolanti tad-dritt superjuri tal-Unjoni
38. Hemm inċertezza dwar jekk l-Istati Membri u l-leġiżlatur tal-Unjoni humiex marbuta wkoll mil-libertajiet fundamentali u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt fl-oqsma li mhumiex armonizzati kompletament.
39. Skont il-Kummissjoni, abbażi tas-sentenza Idéal Tourisme (20), l-Istati Membri ma jiksrux id-dritt Komunitarju meta jadottaw dispożizzjonijiet li jidderogaw mis-sistema komuni tat-taxxa f’dawk is-setturi li mhumiex kompletament armonizzati. Madankollu, jekk huma jużaw id-diskrezzjoni lilhom mogħtija mid-direttiva, ikunu obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt primarju tal-Unjoni. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji huma konformi mad-dritt tal-Unjoni sakemm josservaw ir-rekwiżiti tad-direttivi u li l-eventwali restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
40. Il-Kummissjoni ssostni illi jekk hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan mhux attribwibbli għad-direttiva imma għall-fatt li l-Istat Membru inkwistjoni uża l-fakultà ta’ eżenzjoni tiegħu b’mod illi mhux iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.
41. Naqbel biss sa ċertu punt mal-opinjoni tal-Kummissjoni.
42. Huwa minnu li, bħala konsegwenza ta’ armonizzazzjoni mhux kompleta, persuni taxxabbli jirċievu trattament differenti, skont ir-regoli nazzjonali li japplikaw għalihom. Bħala eżempju, impriżi fi Spanja jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa rriżervata għall-impriżi żgħar meta l-ammont tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ ECU 10 000, filwaqt li dan il-limitu huwa ffissat għall-ammont ta’ ECU 35 000 għall-persuni taxxabbli fl-Awstrija(21) Madankollu, dan ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza, għax it-trattament differenti mhux ikkawżat minn awtorità pubblika u lanqas iseħħ f’kuntest tal-istess sistema legali, iżda jirriżulta mill-koeżistenza ta’ dispożizzjonijiet mhux armonizzati fis-seħħ f’diversi Stati Membri (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat każ simili fis-sentenza Idéal Tourisme (23).
43. Huwa minnu wkoll li meta l-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħa mogħtija lilhom mid-direttiva u japplikaw skema speċjali li tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huma jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (24). Għalkemm huwa minnu li, f’settur li mhuwiex kompletament armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala regola, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is-settur, xorta waħda jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom billi josservaw il-libertajiet fundamentali (25).
44. Madankollu, it-trattament differenti inkwistjoni mhuwiex attribwibbli f’dan il-każ għall-koeżistenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati jew għall-mod kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżercitat id-diskrezzjoni konċessa taħt id-dritt tal-Unjoni. Pjuttost, l-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jeskludu b’mod imperattiv l-eżenzjoni fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux residenti.
45. F’każ li dan it-trattament differenti, stabbilit fid-direttivi, ibbażat fuq ir-residenza jew il-post tal-istabbiliment tal-persuna taxxabbli, mhux kompatibbli mat-TFUE jew mal-prinċipji ġenerali ta’ dritt applikabbli għall-implementazzjoni tiegħu, l-Istati Membri m’għandhom ebda diskrezzjoni fl-implementazzjoni tad-direttivi b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma jkunux jistgħu jestendu l-iskema għall-impriżi żgħar għal servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli mhux residenti. F’din l-eventwalità, l-uniku metodu li jiżgura trattament ugwali bejn impriżi żgħar residenti u impriżi żgħar mhux residenti.
46. Dispożizzjoni f’direttiva illi tagħti fakultà lill-Istati Membri li jaġixxu b’mod kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u li ma tħallilhomx marġni ta’ diskrezzjoni sabiex din il-fakultà tkun tista’ tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni tkun illegal bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jkun eżerċita tali fakultà (26).
47. Għalhekk, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari, hemm bżonn illi qabel xejn isir eżami dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet humiex kuntrarji għad-dispożizzjonijiet superjuri tad-dritt tal-Unjoni. F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, ir-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi jiksru id-dritt primarju tal-Unjoni bl-istess mod bħad-direttivi stess (27).
48. Madankollu, il-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-direttivi ma tistax tiġi evalwata jekk is-sens tagħhom mhuwiex ċar. Għaldaqstant, ser nibda bil-ħames u s-sitt domandi preliminari qabel ma nikkunsidra l-ewwel u t-tieni domandi preliminari.
2. Fuq il-ħames u s-sitt domandi preliminari
49. Għal dak li jirrigwarda r-risposta għall-ħames u s-sitt domandi preliminari, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ħadu pożizzjonijiet differenti. Skont il-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-istatus bħala impriża żgħira, għandu jiġi kkunsidrat l-ammont kumplessiv tad-dħul mill-bejgħ annwali miksub fit-territorju kollu tal-Komunità. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż isostnu li għandu jitqies biss id-dħul miksub fl-Istat ta’ stabbiliment tal-impriża.
50. Peress illi l-formulazzjoni użata ma toffrix indikazzjoni ċara tal-interpretazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli, it-tifsira tagħhom għandha tiġi ddeterminata mis-sens u mill-iskop tagħhom.
51. Il-Kummissjoni tibbaża l-interpretazzjoni tagħha prinċipalment fuq l-għan tal-iskema li jitnaqqas il-piż ta’ dawk l-impriżi li joperaw fis-suq fuq skala effettivament zgħira. Fil-fehma tal-Kummissjoni, skont il-prinċipju tal-unità tal-attivitajiet ta’ impriża li jirriżulta minn din id-direttiva, għandha tiġi kkunsidrata l-attività kumplessiva tal-impriża fit-terittorju kollu tal-Unjoni. Jekk fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ annwali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar wieħed jikkunsidra biss dak id-dħul mill-bejgħ miksub fl-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment, allura dawk l-impriżi li minħabba l-attivitajiet tagħhom barra mit-territorju għandhom dħul li kumplessivament jaqbeż il-limitu jistgħu, bħala prinċipju, igawdu minn din il-konċessjoni (28).
52. Min-naħa tagħhom, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż jenfasizzaw l-għan tad-direttiva li jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi.
53. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżenzjoni għall-impriżi żgħar hija bbażata fuq dispożizzjonijiet mhux kompletament armonizzati li minnhom igawdu biss persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju nazzjonali. Il-limitazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa għall-persuni taxxabbli residenti għandha bħala raġuni prinċipali l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali tista’ biss tivverifika mingħajr infiq eċċessiv l-attivitajiet ta’ impriżi żgħar li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali.
54. Jekk, fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ annwali, wieħed għandu jikkunsidra wkoll id-dħul mill-bejgħ li impriżi żgħar stabbiliti fit-territorju nazzjonali jiksbu fi Stati Membri oħra, l-amministrazzjoni fiskali tkun meħtieġa li twettaq investigazzjonijiet onerużi mal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stati Membri oħra sabiex tivverifika l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi. Kif ġustament sostna l-Gvern Ġermaniż, ma tkunx biżżejjed is-sempliċi determinazzjoni tal-ammont tad-dħul mill-bejgħ. Fil-fatt, ikun hemm ukoll il-bżonn li jiġi stabbilit, pereżempju, jekk dan huwiex dħul mill-bejgħ li, għall-finijiet tal-Artikolu 288 tad-Direttiva 2006/112, għandu jkun inkluż fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ massimu.
55. Anki jekk l-Istat ta’ stabbiliment jista’ jagħmel użu mill-mezzi pprovduti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (29) sabiex jikseb informazzjoni fi Stati Membri oħra, il-bżonn li jsiru tali verifiki ineħħi ħafna mill-effett tas-simplifikazzjoni tal-iskema għall-impriżi żgħar.
56. Minbarra s-simplifikazzjoni, id-direttiva għandha wkoll l-għan ta’ promozzjoni tal-impriżi żgħar. Dan l-għan jintlaħaq b’mod parzjali biss jekk id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża barra mill-Istat ta’ stabbiliment ma jitqiesx. Dan jista’ jwassal għar-riżultat li, f’każijiet individwali, impriżi jistgħu jgawdu mill-eżenzjoni minkejja l-fatt li komplessivament kisbu dħul mill-bejgħ fit-territorju kollu tal-Unjoni li jaqbeż il-limitu għall-impriżi żgħar.
57. F’dan il-kuntest, madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li normalment l-impriżi żgħar joperaw fuq livell lokali, qrib il-post ta’ stabbiliment tagħhom ta’ residenza tagħhom. Minħabba l-istruttura tan-negozju ta’ dawn il-persuni taxxabbli, każijiet fejn huma jiksbu wkoll dħul mill-bejgħ fi Stati Membri oħra li, meta miżjud ma’ dak miksub lokalment, jaqbeż il-limitu, dan ikun probabbilment jikkostitwixxi eċċezzjoni. Jidher għalhekk xieraq, sabiex jintlaħaq l-għan tas-simplifikazzjoni, li jiġi adottat metodu ġeneralizzat fejn, fil-kalkolu tal-limitu għall-impriżi żgħar, dħul mill-bejgħ miksub fl-esteru ma jiġix ikkunsidrat. In-nuqqas li jintlaħaq l-għan ta’ promozzjoni ta’ impriżi żgħar li jirriżulta fi ftit każijiet eċċezzjonali għandu jkun aċċettat, għaliex, fl-alternattiva, l-għan tas-simplifikazzjoni, fil-parti l-kbira, ma jintlaħaqx.
58. Skont din l-interpretazzjoni, jekk, madankollu, impriżi, f’każijiet individwali, jiksbu dħul mill-bejgħ barra mill-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, huma ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni rigward tad-dħul mill-bejgħ. Fil-fatt, din l-eżenzjoni ma tapplikax fl-Istat Membru fejn dan id-dħul mill-bejgħ huwa miksub, għaliex huwa jippreżenta hemmhekk il-bejgħ mid-dħul ta’ persuna taxxabbli mhux residenti.
59. Il-prinċipju tal-unità tal-attivitajiet ta’ impriża li l-Kummissjoni tiddeduċi mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, ma jipprekludix din l-interpretazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, persuna taxxabbli għandha tfisser “kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività”.
60. Madankollu, jekk tali prinċipju effettivament jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-VAT dan jista’ joħloq kuntrast mat-tqassim territorjali tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri. Normalment, dan it-tqassim mhuwiex marbut mal-persuna taxxabbli u mal-post ta’ stabbilment tagħha, imma ta’ spiss mal-post fejn jiġi pprovdut servizz taxxabbli jew mal-post fejn prodotti fornuti huma intiżi għall-konsum privat. Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud hu possibbli li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jiġi stmat b’mod separat, skont l-Istat Membru li fih l-impriża hi suġġetta għat-tassazzjoni.
61. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi preliminari għandha tkun li d-dħul mill-bejgħ annwali, fis-sens tal-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva flimkien mal-Anness XV – Il-lista prevista fl-Artikolu 151 tal-Att ta’ Adeżjoni – Titolu IX. Tassazzjoni, punt 2(c) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994 u fis-sens tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, għandu jfisser l-ammont tad-dħul mill-bejgħ li persuna taxxabbli tikseb matul sena fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita.
3. Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari
62. Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tiegħu, l-Unabhängiger Finanzsenat jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva, l-Artkolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni korrispondenti għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 12 KE), tal-libertà ta’ stabbiliment (l-Artikolu 43 KE) u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 49 KE). L-Unabhängiger Finanzsenat isemmi wkoll il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. Qabel xejn għandu jiġi vverfikat liema minn dawn ir-regoli superjuri japplikaw għal dan il-każ.
a) Fuq il-libertajiet fundamentali applikabbli
63. Dan ir-rinviju joriġina minħabba l-impożizzjoni tal-VAT fuq dħul mill-bejgħ miksub mill-appellant, li hija residenti fil-Ġermanja, mil-lokazzjoni ta’ appartament fl-Awstrija. Id-dubji dwar il-validità tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttivi u tal-miżuri Awstrijaċi ta’ implementazzjoni jirriżultaw mill-fatt li l-eżenzjoni tapplika biss għall-impriżi żgħar li huma stabbiliti fl-Awstrija.
64. Rigward il-kwistjoni ta’ liema waħda mit-tliet libertajiet fundamentali msemmija mill-qorti tar-rinviju taqa’ l-lokazzjoni ta’ proprejtà immobbli, nixtieq infakkar fil-qosor il-karatteristiċi prinċipali tagħhom.
65. Il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma espressjonijiet tal-moviment liberu tal-persuni. Dawn jiggarantixxu li ċittadini tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw attività ekonomika bħala persuni li jaħdmu għal rashom fi Stat Membru ieħor mingħajr tfixkil, billi joħolqu stabbiliment permanenti fl-Istat ospitanti jew inkella permezz tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali mingħajr ma jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. Għandha ssir distinzjoni bejn dawn u bejn il-moviment liberu tal-kapital, taħt liema investitur normalment ma jeżerċitax il-libertà ta’ moviment bħala persuna, iżda sempliċement jinvesti l-kapital tiegħu fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jipparteċipa b’mod attiv fil-ħajja ekonomika ta’ dak l-Istat.
66. Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer (30) stabbilixxiet il-linja li tiddistingwi l-libertà ta’ stabbiliment mill-moviment liberu tal-kapital.
67. Il-Qorti sostniet li l-kunċett ta’ stabbiliment huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, billi jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (31).
68. Sabiex id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment ikunu jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun żgurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti u, fil-każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l-ġestjoni ta’ dawn il-beni tkun attiva (32).
69. Peress illi fil-kawża Centro di Musicologia Walter Stauffer, dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà ta’ stabbiliment mhijiex applikabbli (33). Il-qorti enfasizzat li l-fondazzjoni bl-istess isem m’għandiex proprjetà fl-Istat ospitanti minn fejn teżerċita l-attivitajiet tagħha u li s-servizzi meħtieġa għal-lokazzjoni tal-proprjetà għall-użu kummerċjali huma pprovduti minn aġenzija tal-proprjetà Ġermaniża (34).
70. Anki fil-kawża preżenti, mhuwiex ċar jekk I. Schmelz għandhiex preżenza permanenti, personalment jew permezz ta’ impjegati, fl-Awstrija minn fejn tista’ teżerċita attività kummerċjali. Proprjetà immobbli li tingħata f’lokazzjoni, fiha nnifisha, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala stabbiliment permanenti jew bħala fergħa, jekk din ma tkunx il-bażi minn fejn persuni li jaħdmu għal rashom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (35). Għaldaqstant, il-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment mhuwiex applikabbli f’din il-kawża.
71. L-attività inkwistjoni tista’ min-naħa l-oħra taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital, kif isostnu il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż b’referenza għas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer.
72. Il-moviment liberu ta’ kapital jinkludi l-operazzjonijiet li bihom persuni mhux residenti jidħlu għal investimenti immobbiljari fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jirriżulta min-nomenklatura tal-movimenti tal-kapital inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam) (36), fejn din in-nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (37).
73. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Unabhängiger Finanzsenat ma rreferiex għall-moviment liberu tal-kapital. Madankollu, dan ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina din il-libertà fundamentali sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utili għas-sentenza tal-kawża li tkun qiegħda tisma’, sew jekk din il-qorti għamlet referenza jew le meta għamlet id-domanda tagħha (38).
74. Madankollu, matul is-seduta l-Kunsill u l-Kummissjoni ġustament sostnew illi f’din il-kawża l-attività ta’ lokazzjoni m’għandiex tiġi kklassifikata taħt il-moviment liberu tal-kapital, kif kien sar fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iżda taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE. Din il-kawża kienet tirrigwarda t-tassazzjoni tad-dħul minn lokazzjoni, b’mod tali li kien hemm rabta speċifika mad-dħul mill-kapital. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, huwa d-dħul mill-bejgħ minn lokazzjoni li huwa ntaxxat, u għaldaqstant l-attività bħala tali.
75. Dan hu konsistenti ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni taqax taħt waħda mid-diversi libertajiet ta’ moviment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-istess liġi (39).
76. L-attività ta’ lokazzjoni li hija suġġetta għall-VAT tista’ titqies bħala servizz ipprovdut minn persuna mhux stabbilita fit-territorju, anki meta din issir għal ċertu perijodu u meta tintuża infrastruttura lokali fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri, f’dan il-każ, appartment (40).
77. Fl-aħħarnett, rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ‑ċittadinanza, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (41). Għaldaqstant, ħlief għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mhux meħtieġ li f’din il-kawża ssir referenza għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni. L-istess raġunament japplika għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li huwa rrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt.
78. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż f’dan l-istadju li r-rekwiżiti tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112 dwar l-eżenzjoni favur l-impriżi żgħar u r-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni korrispondenti għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE.
b) Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
79. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 tat-Trattat KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika bla distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attrajenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (42).
80. F’dan ir-rigward, id-dritt komunitarju jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari bbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-użu ta’ kriterji oħra li jiddistingwu, twassal fil-fatt għall-istess riżultat (43). Dan jiġri, b’mod partikolari, f’każ ta’ miżura li tipprovdi għal distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, inkwantu hemm riskju li dan ir-rekwiżit jiżvantaġġa prinċipalment liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, billi l-maġġoranza tal-persuni mhux residenti fit-territorju nazzjonali huma persuni mhux ċittadini (44).
81. Din il-projbizzjoni li ċittadini ta’ Stat Membru jiġu ddiskriminati fl-eżerċizzju tal-libertà li jipprovdu servizzi minħabba ċ-ċittadinaza tagħhom, jew il-post ta’ stabbiliment tagħhom, jew minħabba xi limitazzjoni oħra, tapplika mhux biss fil-konfront tal-Istati Membri imma wkoll fil-konfront tal-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, meta jadotta miżuri intiżi għall-armonizzazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ abbażi tal-Artikolu 93 KE. Fil-fatt, din l-armonizzazzjoni tat-taxxi indiretti hija intiżi biex isservi l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u, li tinkludi t-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali.
82. Skont l-Artikolu 24(2) u (3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 287(4) flimkien mal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ teżenta mill-VAT impriżi żgħar stabbiliti f’dan l-Istat Membru li għandhom dħul mill-bejgħ annwali li ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ ECU 35 000. Il-leġiżlatur Awstrijak għamel użu minn din il-fakoltà fl-Artikolu 6(27) tal-UStG 1994. Min-naħa l-oħra, persuni taxxabbli mhux residenti għandhom l-obbligu li jħallsu l-VAT fuq id-dħul mill-bejgħ li huma jiksbu fl-Awstrija, anki meta dan id-dħul mill-bejgħ ma jaqbiżx il-limitu fl-Awstrija.
83. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat tajjeb li l-impriżi żgħar iwettqu b’mod ġenerali operazzjonijiet li huma taxxabbli fil-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom. Iżda, għal ċerti servizzi bħal, pereżempju, il-lokazzjoni inkwistjoni (ara l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112), il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz jista’ jkun differenti mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza ta’ min jipprovdi dak is-servizz. L-istess problema tista’ tqum fejn il-post ta’ eżekuzzjoni ta’ servizzi jitqies bħala l-post minn fejn is-servizz ġie, fil-fatt, ipprovdut jew bħala l-post fejn dak li jirċievi s-servizz huwa stabbilit (45).
84. F’dawn il-każijiet, il-fatt illi fornituri ta’ servizzi mhux residenti ma jirċivux eżenzjoni, jikkostitwixxi trattament differenti bbażat fuq il-post ta’ stabbiliment u għaldaqstant, peress li maġġoranza kbira ta’ ċittadini ta’ pajjiż huma wkoll stabbiliti hemmhekk, ibbażat indirettament fuq iċ-ċittadinanza. Flimkien ma’ dan, hemm ukoll restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. In-nuqqas ta’ eżenzjoni mit-taxxa jirrendi inqas attrajenti l-provvista ta’ servizzi minn Stat Membru ieħor, peress li impriżi żgħar stabbiliti fil-post tal-eżekuzzjoni tas-servizz jistgħu joffru servizz analogu li huwa eżenti mit-taxxa, u għalhekk bi prezz iktar kompetittiv jew b’marġni ta’ qligħ ogħla minn impriżi mhux residenti.
85. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-impriżi mhux residenti mhumiex għal kollox eżentati, f’dan il-kuntest, minħabba l-fatt li huma jistgħu jnaqqsu t-taxxa tal-input, filwaqt li l-impriżi żgħar residenti, li s-servizzi tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa, m’għandhomx id-dritt li jnaqqsu t-taxxa tal-input (l-Artikolu 24(5) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 289 tad-Direttiva 2006/112). Peress li s-servizzi input għandhom valur iżjed baxx mis-servizzi output, jibqa’ l-obbligu li persuni taxxabbli jħallsu l-VAT fuq id-differenza bejn dawn l-ammonti. Min-naħa l-oħra, impriżi żgħar nazzjonali jgawdu minn eżenzjoni totali. Jista’ wkoll jiġri li s-servizzi pprovduti ma jirrikjedux servizzi output taxxabbli, bil-konsegwenza li ma jkunx hemm taxxa tal-input li tista’ titnaqqas.
86. Jekk, madankollu, għal ċerti operazzjonijiet jirriżulta iktar vantaġġuż li titnaqqas it-taxxa tal-input u li għalhekk issir rinunzja għall-eżenzjoni mill-VAT, l-impriżi żgħar jistgħu jagħżlu li jiġu applikati r-regoli normali tal-VAT [ara l-Artikolu 24(6) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112] (46). Min-naħa l-oħra, persuni mhux residendi ma jistgħux jagħzlu. Huma dejjem suġġetti għas-sistema normali ta’ dritt.
c) Komparabbiltà bejn is-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ persuni li mhumiex residenti
87. Skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew saħansitra fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (47).
88. Fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hemm differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tar-residenti u dik ta’ persuni mhux residenti. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, ma ssirx diskriminazzjoni jekk Stat Membru jiċħad ċerti vantaġġi fiskali lil dawk mhux residenti li, min-naħa l-oħra, jikkonċedi lir-residenti (48).
89. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dħul li persuna mhux residenti tirċievi fit-territorju ta’ Stat Membru ħafna drabi jikkostitwixxi parti biss mid-dħul globali tagħha, ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha. Barra minn hekk, il-kapaċità personali ta’ persuna mhux residenti li tħallas taxxa, li tirriżulta mid-dħul kollu tagħha u mis-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tkun evalwata b’mod iktar faċli fil-post li fih din il-persuna jkollha ċ-ċentru tal-interessi personali u finanzjarji tagħha. Ġeneralment, dan il-post jikkorrispondi għar-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata (49).
90. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu applikati fil-kawża preżenti. L-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi żgħar għandha għanijiet li, tal-inqas inparti, simili għal ċerti vantaġġi mogħtija lill-persuni fiżiċi skont is-sitwazzjoni personali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jħallsu taxxa fil-kuntest tat-tassazzjoni tad-dħul tagħhom. Fiż-żewġ każijiet, l-għan huwa li jiġi eżentat mit-taxxa dħul jew dħul mill-bejgħ li l-ammont tagħhom huwa inqas minn ċertu limitu, sabiex jitnaqqas il-piż fuq persuni taxxabbli u sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom.
91. Kif diġà indikat, id-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi żgħar u d-dħul ta’ persuni fiżiċi huma normalment ikkonċentrati fil-post tar-residenza. L-Istat ta’ stabbiliment ta’ impriża żgħira huwa għaldaqstant fl-aħjar pożizzjoni biex jistabbilixxi l-ammont komplessiv tad-dħul mill-bejgħ tagħha u, skont il-każ, biex jagħmel kontrolli fuq il-post f’każ ta’ dubju dwar l-osservanza tal-limitu tad-dħul mill-bejgħ.
92. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-limitu jirreferi għad-dħul mill-bejgħ miksub fit-territorju nazzjonali matul is-sena fiskali kollha. Hemm bżonn għalhekk li għas-sena kurrenti ssir stima ta’ previżjoni fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tas-snin preċedenti. Verifika finali dwar jekk inqabiżx il-limitu tista’ ssir biss ex post. Huwa l-Istat ta’ stabbiliment li jinsab fl-aħjar pożizzjoni li jevalwa dan id-dħul mill-bejgħ u li, fl-eventwalità li l-stima tirriżulta żbaljata, jieħu l-passi neċessarji biex l-ammont tat-taxxa jiġi aġġustat.
93. L-informazzjoni disponibbli għall-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest tat-tassazzjoni tad-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti tista’ tkun utli għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ taxxabbli. Mhux neċessarju li f’din il-kawża jiġi eżaminat kemm din l-informazzjoni effettivament twassal għal konklużjonijiet preċiżi rigward l-ammont u l-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ, kwistjoni li fuqha l-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ġermaniż esprimew xi dubji matul is-seduta. Madankollu, il-Kunsill argumenta b’mod validu illi d-dikjarazzjoni ta’ ċertu ammont tad-dħul minn attività ta’ persuna li taħdem għal rasha tista’, fi kwalunkwe każ, tagħti lok għal verifika tal-istatus ta’ impriża żgħira.
94. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni fil-pussess tal-Istat Membru fejn impriża żgħira mhux residenti tikseb dħul mill-bejgħ li hu suġġett għall-VAT hija limitata għal dawk l-operazzjonijiet kummerċjali li l-impriża teżerċita fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni fiskali ta’ dak l-Istat ma tistax tiddetermina, waħedha, jekk id-dħul mill-bejgħ komplessiv tal-fornitur tas-servizzi mhux residenti jaqax taħt il-limitu biex il-fornitur jikkwalifika bħala impriża żgħira.
95. Fil-fatt, il-Kummissjoni rreferiet għar-Regolament Nru 1798/2003 li jagħti possibbiltajiet differenti għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu hija ddikjarat ukoll li, fi kwalunkwe każ, id-database li għandha titwaqqaf mill-Istati Membri skont il-Kapitolu V ta’ dak ir-regolament ma tiġborx biżżejjed informazzjoni biex tiddetermina l-istatus ta’ operatur kummerċjali bħala impriża żgħira. Għaldaqstant hija tqis li, f’ħafna każijiet, ikun hemm bżonn li jsiru talbiet għal informazzjoni lill-Istat ta’ stabbilment,fejn l-impriża tkun stabbilita, bi spejjeż ikbar.
96. Filwaqt li hemm mezzi li jippermettu Stat ospitanti li jivverifika jekk fornitur ta’ servizz mhux residenti għandux status ta’ impriża żgħira fl-Istat tal-istabbiliment tiegħu, l-eżenjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ persuni mhux residenti, b’mod ġenerali, tmur kontra l-għan tal-iskema għall-impriżi żgħar.
97. L-eżenzjoni hija intiża bħala konċessjoni li tingħata lil impriża żgħira darba waħda biss u f’ammont limitat – bl-istess mod tal-benefiċċju tad-dħul mimimu eżentat mit-taxxa. Għalkemm in-natura tal-konċessjoni titlob li, preferibbilment, jiġi kkalkolat l-ammont komplessiv tad-dħul mill-bejgħ miksub fit-territorju kollu tal-Unjoni, dan hu eskluż għar-raġunijiet mogħtija fir-risposta għall-ħames u s-sitt domandi preliminari.
98. Jekk l-Istat ospitanti jeżenta wkoll id-dħul mill-bejgħ miksub minn persuni mhux residenti, mingħajr ma jżid miegħu d-dħul mill-bejgħ miksub fl-Istat ta’ stabbiliment jista’ jirriżulta illi l-ammont komplessiv ta’ dħul mill-bejgħ miksub fit-territorju kollu tal-Unjoni jaqbeż il-limitu għall-impriżi żgħar. Għaldaqstant, persuna taxxabbli tkun tista’, bħala prinċipju, tikseb dħul mill-bejgħ li huwa eżenti fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Istat ta’ stabbiliment tagħha. Estensjoni tal-konċessjoni b’dan il-mod tmur kontra l-għan li l-eżenzjoni għandha tapplika għal darba waħda biss.
99. Għaldaqstant, peress li fid-dawl tal-għan tal-iskema jeżistu normalment sitwazzjonijiet differenti bejn persuni taxxabbli residenti u dawk mhux residenti, ma ssirx diskriminazzjoni meta l-eżenzjoni tingħata biss lil persuni taxxabbli residenti.
100. Madankollu, fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li, b’mod eċċezzjonali, is-sitwazzjoni tar-residenti u ta’ dawk mhux residenti hija komparabbli, jiġifieri fil-każ fejn il-persuna mhux residenti ma tirċivix dħul sinjifikattiv fl-Istat Membru fejn hija residenti u tikseb il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat Membru fejn hija impjegata, b’tali mod li l-Istat ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jista’ jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (50).
101. F’każ fejn persuna mhux residenti tikseb il-parti l-kbira tad-dħul taxxabbli tagħha fi Istat Membru li mhux l-Istat ta’ residenza tagħha, teżisti diskriminazzjoni minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni la mill-Istat ta’ residenza tagħha u lanqas mill-Istat fejn tkun impjegata (51).
102. I. Schmelz ukoll tinsab f’sitwazzjoni simili. Hija ma teżerċitax attività li hija suġġetta għall-VAT fl-Istat ta’ residenza tagħha, u għalhekk ma tibbenefikax minn eżenzjoni f’dan l-Istat. Minflok, tikseb dħul mill-bejgħ suġġett għall-VAT biss fl-Awstrija permezz tal-lokazzjoni ta’ appartament f’dan l-Istat. Iżda l-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka ma tikkunsidrahiex bħala impriża żgħira stabbilita fit-territorju, u għalhekk hija suġġetta għall-VAT fuq dan id-dħul mill-bejgħ.
103. Dan iwassal għal trattament differenti meta mqabbel ma’ impriżi żgħar tipiċi, li jiksbu d-dħul mill-bejgħ tagħhom prinċipalment fl-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tagħhom u li għalhekk jistgħu jeżerċitaw attività kummerċjali ta’ ċertu livell mingħajr ma jkollhom obbigu li jħallsu taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. I. Schmelz ma tibbenfika fl-ebda Stat mill-iskema għall-impriżi żgħar, minkejja l-fatt li anki fil-każ tagħha, id-dħul mill-bejgħ huwa kkonċentrat fi Stat wieħed u li dan id-dħul mill-bejgħ jibqa’ taħt il-limitu f’dan l-Istat. Din l-inugwaljanza ta’ trattament twassal għal restrizzjoni fl-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
d) Ġustifikazzjoni
104. Restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompattibbli mat-Trattat KE u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (52).
105. Il-limitazzjoni tal-eżenzjoni għall-impriżi żgħar stabbiliti għandha l-għan li tiżgura li kull impriża żgħira tibbenefika minn dan il-vantaġġ fiskali darba waħda biss, u dan fit-territorju fejn l-attività kummerċjali tagħha hija kkonċentrata. Din il-limitazzjoni għandha l-għan li jiġi żgurat, mingħajr spejjeż amministrattivi eċċessivi, li l-impriżi ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni iktar minn darba.
106. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-neċessità li tinżamm l-effikaċja tal-kontrolli tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat KE (53).
107. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, irrispettivament mill-eżistenza ta’ għan leġittimu, li jikkorrispondi għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk il-miżura inkwistjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (54).
108. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali hi adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (55).
109. L-iskema għall-impriżi żgħar ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet jekk operatur kummerċjali fis-sitwazzjoni partikolari ta’ I. Schmelz ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni fl-ebda Stat Membru, minkejja l-fatt li, permezz ta’ lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli fi Stat Membru, huwa jikseb dħul mill-bejgħ f’dak l-Istat Membru biss li ma jaqbiżx il-limitu sabiex impriża tibbenefika mill-istatus ta’ impriża żgħira.
110. L-esklużjoni ta’ eżenzjoni tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tinżamm l-effikaċja tal-kontrolli meta din isseħħ anki f’każ fejn is-sens u l-iskop tal-iskema juru biċ-ċar illi l-konċessjoni għanda tapplika, u meta l-impriża ma tingħatax il-possibbiltà li tipprova li hija tikseb dħul mill-bejgħ taxxabbli biss fl-Istat Membru inkwistjoni.
e) Possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi
111. Skont ġurisprudenza stabbilita, att tal-Unjoni għandu, safejn hu possibbli, jiġi interpretat b’tali mod li ma tiġix ikkontestata l-validità tiegħu (56). F’dan ir-rigward, l-atti Komunitarji kollha għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, li jinkludi konformità mal-libertajiet fundamentali, skont liema sitwazzjonijiet transkonfinali ma jistgħux jirċievu trattament inqas favorevoli minn sitwazzjonijiet purament nazzjonali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (57).
112. Għaldaqstant, irid jiġi ddeterminat jekk it-trattament fiskali inqas favorevoli ta’ persuna taxxabbli li qiegħda fis-sitwazzjoni ta’ I. Schmelz jirriżultax obbligatorjament mid-direttivi jew jekk hux possibbli li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jiġu interpretati b’mod li tiġi ppreżervata l-validità tagħhom.
113. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż kien tal-fehma li, b’interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ stabbiliment, I. Schmelz setgħet tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli stabbilita fl-Awstrija.
114. Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu.
115. Minn interpretazzjoni litterali tal-kunċett ta’ “stabbiliment” jirriżulta li dan il-kunċett jeżiġi li persuna jkollha punt ta’ riferiment permanenti u fiss fl-Istat inkwistjoni. Għaldaqstant, interpretazzjoni litterali bla dubju tippermetti li sid ta’ proprjetà immobbli jkun ikkunsidrat bħala persuna taxxabbli stabbilita, anki jekk din il-persuna ma tużax il-proprjetà immobbli bħala r-residenza tagħha. Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li d-direttivi ma jużawx kunċetti bħal “residenza” jew “uffiċċju rreġistrat”, iżda l-kunċett ta’ “stabbiliment” u dan jippermetti interpretazzjoni iktar estensiva milli jkun possibbli fil-każ tat-termini tekniċi l-oħra ċċitati iktar ’il fuq.
116. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment mhijiex prekluża mill-konstazzjoni msemmija iktar ’il fuq li l-lokazzjoni ta’ appartament fi Stat Membru ieħor m’għandhiex, f’din il-kawża, titqies bħala eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment. Il-kunċetti ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE u fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u tal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandhom kuntest leġiżlattiv kompletament differenti.
f) Konklużjonijiet intermedjarji
117. Id-direttiva għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li t-trattament fiskali tad-dħul mill-bejgħ miksub minn operatur kummerċjali li qiegħed fis-sitwazzjoni ta’ I. Schmelz ma jiksirx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet Awstrijaċi ta’ implementazzjoni wkoll jippermettux interpretazzjoni li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx possibbli, l-istess dispożizzjonijiet m’għandhomx jiġu applikati safejn jeskludu mill-iskema għall-impriżi żgħar persuna taxxabbli li qiegħda fis-sitwazzjoni ta’ I. Schmelz.
118. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju nazzjonali fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u għall-finijiet tal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jkoprix operatur kummerċjali li jikseb dħul mill-bejgħ suġġett għall-VAT esklużivament fl-Istat inkwistjoni, jiġifieri mil-lokazzjoni ta’ appartament ta’ proprjetà tiegħu, fejn dan id-dħul mill-bejgħ jaqa’ taħt il-limitu għall-eżenzjoni rriżervata lill-impriżi żgħar f’dak l-Istat. Jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu interpretati b’dan il-mod, mill-eżami tad-domandi preliminari ma jirriżulta xejn li jista’ jqiegħed fid-diskussjoni l-validità tad-dispożizzjonijiet.
4. Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari
119. Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi preliminari.
V – Konklużjoni
120. Għaldaqstant nipproponi li r-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Unabhängiger Finanzsenat Wien ikunu kif ġej:
1. Dħul mill-bejgħ annwali
– fis-sens tal-Artikolu 24 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE, tal-14 ta’ Diċembru 1992, flimkien mal-Anness XV – Il-lista prevista fl-Artikolu 151 tal-Att ta' Adeżjoni – Titolu IX. Tassazzjoni, punt 2(c) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994, u
– fis-sens tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat- 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ifisser is-somma tad-dħul mill-bejgħ miksub f’sena minn persuna taxxabbli fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.
2. Il-kunċett ta’ persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tas-Sitt Direttiva u għall-finijiet tal-Artikolu 283(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jkoprix operatur kummerċjali li, permezz tal-lokazzjoni ta’ appartament ta’ proprjetà tiegħu, jikseb dħul mill-bejgħ suġġett għall-VAT esklużivament fl-Istat inkwistjoni, fejn dan id-dħul mill-bejgħ jaqa’ taħt il-limitu għall-eżenzjoni rriżervata lill-impriżi żgħar f’dak l-Istat.
Jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu interpretati b’dan il-mod, mill-eżami tad-domandi preliminari ma jirriżulta xejn li jista’ jqiegħed fid-diskussjoni l-validità tad-dispożizzjonijiet.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ ‑ Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) – iktar ’il quddiem, is-“Sitt Direttiva”.
3 – Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1), iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2006/112”.
4 – Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, l-Anness XV – Il-lista prevista fl-Artikolu 151 tal-Att ta' Adeżjoni – IX. Tassazzjoni, punt 2(e) (ĠU 1994, C 241, p. 21).
5 – Direttiva tal-Kunsill 2000/17/KE, tat‑30 ta’ Marzu 2000, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud -disposizzjonijiet transitorji konċessi lir-Repubblika tal-Awstrija u lir-Repubblika Portugiża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 333).
6 – It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Struttura u metodi ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, p. 1303).
7 – Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE, tal‑14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 224).
8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.
9 – Dan jirriżulta minn ittra suċċessiva tal-qorti tar-rinviju tas‑17 ta’ Marzu 2009.
10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora (C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 22) ; u tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C-317/08 sa C-320, Ġabra p. I-2213, punt 25).
11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39) ; Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 23); u Alassini et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 26).
12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 1982, Holdijk et (141/81 sa 143/81, Ġabra p. 1299, punt 5); u tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, Ġabra p. I-14693, punt 27).
13 – Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1989, ORO Amsterdam Beheer u Concerto (C-165/88, Ġabra p. 4081, punt 21); tas-7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental (C-240/05, Ġabra p. I-11479, punt 50); u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-462/05, Ġabra p. I-4183, punt 51).
14 – Ara, fir-rigward tar-regoli speċjali skont l-Artikolu 28 tas-Sitt Direttiva, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal Tourisme (C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 38); Eurodental (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 51) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 52).
15 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
16 – Ara s-sitt premessa tat-Tieni Direttiva.
17 – Ara, dwar in-natura tal-iskema speċjali tal-iskema għall-impriżi żgħar, it-tieni sentenza tal-ħmistax-il premessa tas-Sitt Direttiva, u l-premessa, identika, numru 49 tad-Direttiva 2006/112 “Stati Membri għandhom, madankollu, jkunu jistgħu iżommu l-iskemi speċjali tagħhom għal impriżi żgħar, skond disposizzjonijiet komuni, u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni iktar mill-qrib.”
18 – Proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 1973 għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, Bulettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 11/73, p. 25.
19 – Sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Kawża C-128/05, Ġabra p. I-9265, punt 22) li rreferiet għas-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 34) u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans (C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 35). Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, Ġabra p. I-6269, punt 23).
20 – Sentenza Idéal Tourisme (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 38).
21 – Ara l-Artikolu 287(2) u (4) tad-Direttiva 2006/112.
22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967, punt 20); tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C-67/08, Ġabra p. I-883, punt 28); u tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C-96/08, Ġabra p. I-2911, punt 25).
23 – Ara wkoll f’dan ir-rigward il-punti 32 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Marks & Spencer (sentenza tal-10 ta’ April 2008, C-309/06, Ġabra p. I-2283).
24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06, Ġabra p. I‑2283, punti 33 u 34) u l-punti 28 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża.
25 – Sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 29); tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-404/05, Ġabra p. I-10239, punt 31), u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C 438/08, Ġabra p. I-10219, punt 27).
26 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (riunifikazzjoni tal-familja) (C-540/03, Ġabra p. I-5769), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ikkunsidrat jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata jawtorizzawx lill-Istati Membri jaġixxu b’mod illegali jew jekk iħallulhomx marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jimplementaw id-direttiva b’osservanza tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, il-punti 76, 90, 103 u 104 tas-sentenza).
27 – Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ regola nazzjonali partikolari. Huma biss il-qrati nazzjonali li jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Ġustizzja u, jekk ikun il-każ, li ma japplikawx regola nazzjonali [dan jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita; ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punti 49 u 50); u tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C-118/08, Ġabra p. I-635, punt 23)].
28 – L-argumenti żviluppati mill-Avukat Generali Sharpston fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija jistgħu wkoll jinftiehmu f’dan is-sens (sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, C-128/05, Ġabra p. I-9265). Madankollu, din il-kawża ma tikkonċernax ġustament il-kalkolu tad-dħul mill-Istat ta’ stabbiliment tal-impriża, iżda minn Stat fejn il-persuna taxxabbli ma kinitx stabbilita.
29 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392.
30 – Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punti 16 et seq).
31 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 18), li fiha sar riferiment għas-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punt 21), u tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 25). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C-451/05, Ġabra p. I-8251, punt 63).
32 – Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 19) u ELISA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 64).
33 – Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 20).
34 – Ara, għal iktar żviluppi tal-kunċett ta’ stabbiliment permanenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl (sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 50 sa 55.
35 – Ara wkoll, fuq ir-rekwiżiti minimi għall-eżistenza ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I-7995, punti 67 u 68).
36 – ĠU L 178, p. 5.
37 – Sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C-370/05, Ġabra p. I-1129, punt 23); u ELISA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 59).
38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C-241/89, Ġabra p. I 4695, punt 8); tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 44); tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 29); u tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr (C‑506/06, Ġabra p. I-1017, punt 43).
39 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 31 sa 33); tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra I 9521, punti 34 u 44 sa 49); u tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI (C-311/08, Ġabra p. I-487, punt 25).
40 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punti 26 u 27) u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer (C-215/01, Ġabra p. I-14847, punti 28 sa 32).
41 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punti 38 u 39); tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann (C-443/06, Ġabra p. I-8491, punti 28 u 29) u SGI (C‑311/08, Ġabra p. I-487, punt 31).
42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 33); tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-131/01, Ġabra p. I-1659, punt 26); u tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I-7633, punt 51).
43 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, Ġabra p. I‑2493, punt 16); tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot (C-385/00, Ġabra p. I-11819, punt 75); tas-6 ta’ Lulju 2006, Conijn (C-346/04, Ġabra I-6137, punt 15) u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald (C‑103/08, Ġabra p. I-9117, punt 27).
44 – Sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, Ġabra p. I-2517, punt 14); tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 14 u Gottwald (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 28).
45 – Ara l-Artikoli 44 u 46 sa 56 tad-Direttiva 2006/112.
46 – Matul is-seduta, il-Gvern Awstrijak osserva li l-VAT imposta fuq xogħlijiet għal kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli tista’, bħala taxxa tal-input, titnaqqas mit-taxxa li titħallas fuq id-dħul mill-bejgħ minn lokazzjoni. Peress li l-kiri hu ntaxxat b’rata ridotta, tista’ anki tirriżulta taxxa tal-input żejda. Iżda, fil-każ ta’ akkwist ta’ proprjetà immobbli mhux ġdida u li hija diġà użata, x’aktarx ma jkunx hemm taxxa tal-input li tista’ titnaqqas.
47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I 225, punt 30); Wielockx (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 17); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 46); u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, Ġabra p. I-10767, punt 37).
48 – Sentenzi Schumacker (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punti 31 u 34); Wielockx (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 17 u 18); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 43); tal-1 ta’ Lulju 2004, Wallentin (C-169/03, Ġabra p. I-6443, punti 15 u 16) u tal-25 ta’ Jannar 2007, Meindl (C-329/05, Ġabra p. I-1107, punt 23).
49 – Sentenzi Schumacker (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 32); Gerritse (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 43); Wallentin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 16) u Meindl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 23).
50 – Ara s-sentenzi Schumacker (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 36); De Groot (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 89) u Wallentin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 17).
51 – Sentenzi Schumacker (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 38); Wielockx (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 20 sa 22) u Wallentin (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 17).
52 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG (C-398/95, Ġabra p. I-3091, punt 21); tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 101) u tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra (C-330/07, Ġabra I 9099, punt 27).
53 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 55), u tal-11 ta’ Ġunju 2009 Passenheim-van Schoot (C-155/08 u C-157/08, Ġabra p. I-5093, punt 45).
54 – Ara s-sentenzi Passenheim-van Schoot, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 47; tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 42) u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, Ġabra p. I-2055, punt 51).
55 – Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauter (C-169/07, Ġabra I-1721, punt 55); Presidente del Consiglio dei Ministri (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 42) u Attanasio Group (C‑384/08, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 51).
56 – Sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-403/99, Ġabra p. I-6883, punt 37); tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28); u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923, punt 47).
57 – Ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali: sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I 11893, punt 70); tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 95) u Sturgeon et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 56, punt 48).