This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CC0016
Opinion of Mr Advocate General Mazák delivered on 15 April 2010. # Gudrun Schwemmer v Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse. # Reference for a preliminary ruling: Bundesfinanzhof - Germany. # Social security - Regulations (EEC) Nos 1408/71 and 574/72 - Family benefits - ‘Anti-overlap’ rules - Article 76(2) of Regulation No 1408/71 - Article 10(1)(a) of Regulation No 574/72 - Children residing in a Member State with their mother who fulfils the conditions for drawing family benefits there, and the father of whom, working in Switzerland and fulfilling, at first sight, the conditions for drawing family benefits of the same type under Swiss legislation, refrains from applying for the grant of those benefits. # Case C-16/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' April 2010.
Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
Kawża C-16/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' April 2010.
Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
Kawża C-16/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09717
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:195
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fil-15 ta’ April 2010 1(1)
Kawża C‑16/09
Gudrun Schwemmer
vs
Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]
“Sigurtà soċjali – Allowances tal-familja wara d-divorzju – Nuqqas mill-ex konjuġi biex japplika għall-benefiċċju tat-tfal fl-Istat ta’ impjieg – Sospensjoni tal‑benefiċċju tat-tfal fl-Istat ta’ residenza – Artikolu 76 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72”
I – Introduzzjoni
1. B’digriet tat-30 ta’ Ottubru 2008, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) (il-Ġermanja) ressqet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) (3) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”) (5).
2. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn G. Schwemmer, li hija ċittadina Ġermaniża divorzjata u residenti fil-Ġermanja li l-ex raġel tagħha jaħdem l-Isvizzera, kontra l-Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse (Aġenzija tal-Impjieg, Villingen-Schwenningen – Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja”) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja”), dwar ir-rifjut ta’ dan l-uffiċċju milli jagħtiha l-ammont sħiħ ta’ benefiċċji tal-familja fir-rigward taż-żewġt itfal tagħha.
3. Prinċipalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk, f’sitwazzjoni wara d-divorzju, fejn il-missier tat-tfal jastjeni intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż li jaħdem fih, l-Istat Membru ta’ residenza tal-omm għandux iħallas l-benefiċċju tat-tfal biss sa dak l-ammont dovuti li f’dak l-Istat jeċċedi l-ammont tal-benefiċċju tat-tfal li l-missier seta’ jikseb fl-Istat ta’ impjieg tiegħu.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Il-Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera
4. Bis-saħħa tal-Anness II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (6), ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-kontraenti f’dan il-ftehim.
2. Ir-Regolament Nru 1408/71
5. Sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli Ġenerali”, jipprovdi dan li ġej fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli:
“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.
2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
(a) persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
[...]”
6. L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi li:
“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat [...]”
7. L-Artikolu 75(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“2. [...] jekk il-benefiċċji tal-familja ma jintużawx mill-persuna li lilha suppost ikunu pprovduti għall-manteniment tal-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti tuża l-obbligi legali tagħha billi tipprovdi l-imsemmija benefiċċji lill-persuna naturali jew legali li attwalment tkun tmantni l-membri tal-familja, fuq it-talba ta’, u permezz ta’aġenzija, l-istituzzjoni tal-post tagħhom ta’ abitazzjoni jew ta’ l-istituzzjoni ddisinjata jew ta’[] korp maħtur għal dan l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-pajjiżi ta’ l-abitazzjoni tagħhom”.
8. L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi regoli ta’ prijorità fil-każijiet ta’ akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti u taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja, jipprovdi li:
“1. Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament [dritt] tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.
2. Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru”.
3. Ir-Regolament Nru 574/72
9. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, bit-titolu “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) [akkumulazzjoni] tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi li:
“(a) L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg [ta’ persuna għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’dawk il-benefiċċji.
(b) Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:
(i) fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;
[...]”
B – Id-dritt nazzjonali
10. Id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja huwa rregolat bil-Paragrafi 62 u 63 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”).
11. Il-Paragrafu 62.1.1 tal-EStG jipprovdi li:
“Fir-rigward ta’ tfal fis-sens tal-paragrafu 63, persuna tkun intitolata għall-benefiċċju tat-tfal taħt din il-liġi jekk hija jkollha r-residenza fil-Ġermanja jew normalment tirrisjedi hemmhekk”.
12. Il-Paragrafu 63.1.1 jipprovdi li:
“‘Tfal’ tfisser: tfal fis-sens tal-Paragrafu 32.1”.
13. Il-Paragrafu 32.1.1 jipprovdi li:
“It-tfal huma dawk li huma relatati fl-ewwel grad mal-persuna li tħallas it-taxxa”.
14. Il-Paragrafu 65.1 tal-EstG jipprovdi li ma għandu jitħallas ebda benefiċċju tat-tfal li għalih hemm jew, jekk jiġi mitlub, ikun hemm id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal f’pajjiż ieħor.
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
15. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, G. Schwemmer toqgħod il-Ġermanja flimkien maż-żewġt itfal tagħha, li twieldu fl-1992 u fl-1995. Fl-2005 hija qabdet taħdem għal rasha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà. Minn Mejju 2006 hija kellha impjieg marġinali ma’ ditta. Matul il-perijodu inkwistjoni, G. Schwemmer ħallset kontribuzzjonijiet volontarji lid-Deutsche Rentenversicherung (Fond Ġermaniż tal-Assigurazzjoni tal-Pensjoni) (iktar ’il quddiem id-“DRV”) u kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-assigurazzjoni tas-saħħa u tad-dipendenza lid-Deutsche Angestelltenkrankenkasse (Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa għall-Impjegati, iktar ’il quddiem id-“DAK”).
16. Missier it-tfal, li G. Schwemmer kienet ilha li ddivorzjat minn miegħu mill-1997, jaħdem fl-Isvizzera. Huwa ma applikax għall-benefiċċji tal-familja li għalihom huwa intitolat taħt il-liġi Svizzera għall-ammont ta’ EUR 109.75 għal kull wild.
17. B’deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2006, l-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja ffissa l-benefiċċju tat-tfal għall-ammont parzjali ta’ EUR 44.25 għal kull wild minn Jannar 2006, inkwantu l-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja ta’ EUR 154 kien jeċċedi l-benefiċċju tal-familja ta’ EUR 109.75 għal kull wild li għaliha kien intitolat il-missier fl-Isvizzera.
18. L-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja ħa l-pożizzjoni, li ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi), li d-dritt ta’ G. Schwemmer għall-benefiċċju tat-tfal irid jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni ta’ allowances stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72. Peress li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera jieħu l-prijorità fuq id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Skont il-Finanzgericht u l-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-familja ġewx effettivament mitluba jew le fl-Isvizzera hija irrilevanti, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika mutatis mutandis. Is-setgħa diskrezzjoni mogħtija taħt din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata li tfisser biss li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati li jista’ jitqies li l-ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ingħata fil-pajjiż tal-impjieg, bil-konsegwenza li l-pajjiż tar-residenza jkun meħtieġ li jħallas il-benefiċċji tal-familja fl-integralità tagħhom.
19. Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, G. Schwemmer tikkontesta din il-fehma, u targumenta li hija diġà għandha dritt għall-benefiċċju kollu tat-tfal fil-Ġermanja u dan minħabba l-attività professjonali tagħha hemmhekk. Skont G. Schwemmer, il-ħaddiema f’impjieg b’kundizzjonijiet minimi għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja. Fi kwalunkwe każ, missier it-tfal kien astjena intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera, li huwa l-pajjiż tal-impjieg kompetenti, u dan sabiex jikkaġunalha ħsara. Din is-sitwazzjoni mhijiex prevista mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72.
20. Il-qorti tar-rinviju ddikjara li fil-kawża prinċipali, il-problema tal-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja għandha tiġi rregolata b’riferiment għall-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, peress li, fil-fehma tagħha, G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-diċitura tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż tar-residenza ikun sospiż biss meta l-benefiċċji tal-familja jkunu dovuti fil-pajjiż tal-impjieg. Madankollu, fil-kawża prinċipali l-ebda benefiċċju tal-familja mhuwa dovut mill-pajjiż tal-impjieg: fl-Isvizzera, il-benefiċċji tal-familja jistgħu jingħataw biss jekk issir talba għalihom, u missier it-tfal, minkejja li kien intitolat għall-benefiċċji inkwistjoni, ma applikax għalihom.
21. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux japplika mutatis mutandis, kif sostniet G. Schwemmer.
22. F’dan il-kuntest, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-każijiet meta l-ġenitur li jkollu dritt li jitlob għall-benefiċċji tal-familja li għalihom jkun intitolat ma japplikax għalihom fil-pajjiż ta’ impjieg?
2. Fil-każ li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis: liema kunsiderazzjonijiet ta’ diskrezzjoni tista’ tibbaża fuqhom l-istituzzjoni responsabbli għall-benefiċċji tal-familja fil-pajjiż ta’ residenza biex tapplika l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 bħallikieku l-benefiċċji kienu ngħataw fil-pajjiż ta’ impjieg? Is-setgħa diskrezzjonali biex wieħed jippreżumi li l-benefiċċji tal-familja jkunu tħallsu fil-pajjiż ta’ impjieg tista’ tiġi limitata meta l-persuna li tkun intitolata għalihom, intenzjonalment ma tapplikax għall-benefiċċji tal-familja u dan sabiex tikkaġuna ħsara lill-persuna intitolata għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż ta’ residenza?”
IV – Analiżi ġuridika
A – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
23. F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Litwan u minn dak Awstrijak u mill-Kummissjoni Ewropea. G. Schwemmer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2010.
24. Skont is-sottomissjonijiet ta’ G. Schwemmer fis-seduta, hija għandha titqies bħala persuna koperta bl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 minkejja l-fatt li hija kienet biss f’impjieg b’kundizzjonijiet minimi u ma kinitx f’assigurazzjoni obbligatorja kontra l-qgħad kif meħtieġ taħt il-punt I.E tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness mhuwiex rilevanti f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, skont G. Schwemmer, l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika mutatis mutandis għal ċirkustanzi bħal dawn, fejn il-persuna li hija impjegata fi Stat Membru ieħor ma tkunx talbet u rċeviet il-benefiċċji tal-familja għall-manteniment tal-membri tal-familja kkonċernata.
25. Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li, taħt il-paragrafu 65 tal-EstG, m’hemmx dritt għall-benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja jekk ikun hemm dritt għal benefiċċji simili fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, fil-każ ta’ G. Schwemmer, lanqas għandha dan id-dritt abbażi tar-Regolament Nru 1408/71 peress li, skont il-punt I.E tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax. Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, fil-prinċipju, japplika għas-sitwazzjoni ta’ G. Schwemmer, sakemm hija ma kinitx qed twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hija l-Isvizzera li għandha l-kompetenza prinċipali fir-rigward tal-ħlas tal-allowances tal-familja.
26. Fir-rigward tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Gvern Ġermaniż isostni li din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis, b’mod li l-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jitqiesu li kienu ngħataw fl-Isvizzera. Il-Gvern Ġermaniż isostni, madankollu, li għandu jintuża l-Artikolu 75(2) tal-istess regolament biex tinstab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, fejn ġenitur jirrifjuta milli japplika għall-benefiċċji tal-familja.
27. Il-Gvern Litwan iqis ukoll li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika għaċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li huma rregolati bl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 u li għaldaqstant huwa irrilevanti jekk il-benefiċċji inkwistjoni ntalbux jew le. Huwa jargumenta li l-korrettezza ta’ din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għan ewlieni tas-sistema implementata mir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72, li jikkonsisti li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-benefiċċji. Kieku kellha tingħata interpretazzjoni differenti, din tkun tmur kontra wkoll il-prinċipju li fil-qasam tal-assistenza soċjali għandu jkun hemm tqassim xieraq tal-piżijiet bejn l-Istati Membri (7) u tkun ukoll diffiċli li timplementaha fil-prattika minħabba l-limitazzjonijiet li għadhom jeżistu fir-rigward tal-bdil tal-informazzjoni neċessarja bejn l-Istati Membri.
28. Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Litwan iqis li, peress li s-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jidher li jagħti lill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ partikolari, jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex tapplika u jekk il-benefiċċji inkwistjoni jistgħux għalhekk jitqiesu li kienu ngħataw fl-Istat Membru l-ieħor.
29. Skont il-Gvern Awstrijak, huwa impossibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li G. Schwemmer titqies jew bħala persuna impjegata fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, jew inkella bħala persuna li twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.
30. Il-Gvern Awstrijak jargumenta, madankollu, li fil-prinċipju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika f’każ bħal dan, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod ġenerali biex tipprevjeni li jinqalbu l-kompetenzi, għad-detriment tal-Istat membru li għandu biss kompetenza sekondarja, u dan minħabba biss li l-persuna tkun naqset intenzjonalment milli tapplika għall-benefiċċju. Għaldaqstant, huwa rrilevanti jekk l-ex raġel ta’ G. Schwemmer naqasx intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċji tat-tfal u jekk huwa għamilx hekk sabiex jikkaġunalha ħsara.
31. Madankollu, peress li, kif jammetti l-Gvern Awstrijak, din l-interpretazzjoni tista’ twassal għal riżultat pjuttost insodisfaċenti, għandu jitqies jekk ir-regoli dwar l-akkumulazzjoni tal-benefiċċji japplikawx mingħajr ebda limitazzjoni għall-ġenituri ddivorzjati jew isseparati. Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi argumentat b’mod raġonevoli li ir-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax assolutament peress li l-missier irid jitqies li huwa separat minn mat-tfal u, konsegwentement, ma għadux membru tal-familja fis-sens tar-regolament. Konsegwentement, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.
32. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika biss meta tkun sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 76(1) tal-istess regolament, jiġifieri, japplika biss meta l-benefiċċji tal-familja jiġu pprovduti mill-Istat Membru ta’ residenza minħabba li l-persuna tkun qed teżerċita attività professjonali. Peress li G. Schwemmer mhijiex persuna impjegata fis-sens tal-punt I.E tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, fil-prinċipju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament ma japplikax għaliha.
33. Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, m’hemm ebda lakuna li tiġġustifika li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-benefiċċji ma jistax jiġi sospiż abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, jekk l-allowances ma jkunux dovuti fl-Istat Membru kkonċernat minħabba li ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex effettivament jingħataw dawn l-allowances, bħall-kundizzjoni li l-allowances trid issir applikazzjoni għalihom minn qabel (8). Għalkemm dan il-prinċipju ġie stabbilit f’każijiet fejn ma kienet saret ebda applikazzjoni fl-Istat ta’ residenza, huwa għandu japplika ukoll fil-każ fejn ma tkunx saret applikazzjoni għall-benefiċċji fl-Istat ta’ impjieg.
34. Sussegwentement, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tat-tfal jiġi sospiż biss meta l-allowances tal-familja jkunu dovuti fil-pajjiż tal-impjieg. Fil-fehma tagħha, peress li l-missier ma applikax għall-benefiċċji tal-familja li għalihom huwa intitolat fl-Isvizzera u peress li, konsegwentement, ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti kollha li jirregolaw il-ħlas ta’ dawn l-allowances, m’hemm ebda allowances tal-familja “dovuti” lilu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-pajjiż tal-impjieg. Għaldaqstant, lanqas m’hemm akkumulazzjoni ta’ benefiċċji.
35. Iktar minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 574/72 ma jidhirx li huwa rilevanti peress li G. Schwemmer ma teżerċitax attività professjonali jew kummerċjali fil-Ġermanja.
36. Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jevitaw li jbatu l-ispejjeż tal-benefiċċji tat-tfal waħidhom billi jirrikorru għall-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71.
B – Evalwazzjoni
37. Bid-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika essenzjalment jekk, fid-dawl tar-regoli dwar l-akkumulazzjoni tad-drittijiet fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut taħt il-liġi ta’ Stat Membru meta l-ġenitur jirresjedi mat-tfal ikkonċernati jistax jiġi sospiż (parzjalment) f’sitwazzjoni, bħalma hija dik fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, fejn l-ex konjuġi, li jiġi l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikun intitolat għall-benefiċċji tal-familja skont il-liġi tal-Istat ta’ impjieg, iżda fil-fatt ma jirċevix l-imsemmija benefiċċji minħabba li ma jkunx applika għalihom b’mod intenzjonali.
38. Qabel xejn għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li huwa paċifiku li l-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex huwa jitqies bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 (9). Għaldaqstant, dan ir-regolament japplika ratione materiae għas-sitwazzjoni inkwistjoni.
39. It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, huwa paċifiku li, fi kwalunkwe każ, l-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer iwettaq attività fl-Isvizzera, li hija l-pajjiż tar-residenza tiegħu, bħala “persuna impjegata” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-regolament imsemmi.
40. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, mhuwiex meħtieġ li jiġi stabbilit jekk G. Schwemmer, ukoll, tistax titqies bħala persuna impjegata fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, peress li, skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1408/71 ikopri ukoll, fil-prinċipju, is-sitwazzjonijiet ta’ membri tal-familja jew, bħalma huwa f’dan il-każ, tal-ex konjuġi ta’ persuni impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (10).
41. F’dan ir-rigward, peress li r-Regolament Nru 1408/71 jkopri wkoll is-sitwazzjonijiet ta’ familji wara d-divorzju (11), ma jistax jingħad, b’kuntrast mad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Gvern Awstrjak, li s-sitwazzjoni ta’ G. Schwemmer tista’ titqies bħala purament interna u li taqa’ kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament minħabba li missier it-tfal ikkonċernati huwa ddivorzjat minn ma’ G. Schwemmer u huwa sseparat mit-tfal tagħhom.
42. Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1408/71 japplika ratione materiae u ratione personae għal sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ G. Schwemmer, li issa ser neżaminaha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.
43. Fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru A tkun intitolata, għall-membri tal-familja tagħha li jirresjedu fi Stat Membru B, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat A, bħallikieku huma kienu jirresjedu fl-Istat A. L-għan speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiggarantixxi lill-membri tal-familja li jirresjedu fi Stat Membru li huwa differenti mill-Istat Membru A li jingħataw il-benefiċċji tal-familja pprovduti taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli (12).
44. Għaldaqstant, l-istess bħalma qalet il-qorti tar-rinviju u fuqha ma kien hemm ebda kontestazzjoni fil-proċeduri quddiem din l-istess qorti, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fir-rigward tat-tfal ta’ G. Schwemmer, fil-prinċipju, jirriżulta bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, skont il-leġiżlazzjoni tal-Isvizzera, li hija l-Istat ta’ impjieg tal-ex konjuġi tagħha.
45. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li, fil-Ġermanja, fejn hija tirresjedi flimkien maż-żewġt itfal tagħha, G. Schwemmer hija intitolata għall-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja fir-rigward tat-tfal tagħha u dan peress li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dan il-benefiċċju jitħallas abbażi tar-residenza fil-Ġermanja kemm tal-ġenitur kif ukoll tfal ikkonċernati (13).
46. Għaldaqstant, peress li d-dritt għall-allowances tal-familja huwa possibbli kemm taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat tar-residenza ta’ G. Schwemmer u taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg u residenza tal-ex konjuġi tagħha, il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji kif stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72.
47. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż li jsolvi kwistjonijiet fejn, minħabba l-fatt li l-membru tal-familja jkollu xogħol, tkun teżisti akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont, minn naħa, l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza ta’ dan il-membru tal-familja (14).
48. Madankollu, peress li l-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja inkwistjoni huwa suġġett biss għall-kundizzjoni li r-residenza tkun stabbilita fil-Ġermanja u ma jingħatax abbażi tal-fatt li wieħed ikollu xogħol, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa irrilevanti fil-każ ineżami.
49. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 japplika meta jkun hemm riskju ta’ akkumulazzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja li jirriżulta mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 u d-dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza li jingħata irrispettivament minn jekk wieħed ikunx iwettaq attività professjonali jew kummerċjali (15).
50. Għaldaqstant, jidher li, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni rilevanti li tipprojbixxi l-akkumulazzjoni hija l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 57.
51. L-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi, b’mod partikolari, li meta l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni jkunu dovuti fl-Istat ta’ residenza mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni jew impjieg, id-dritt għalihom ikun sospiż meta l-benefiċċji jkunu dovuti skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.
52. Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, l-allowances dovuti mill-Istat ta’ impjieg jieħdu prijorità fuq l-allowances dovuti mill-Istat ta’ residenza, li jiġu b’hekk sospiżi (16).
53. Madankollu, meta l-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni, jew il-persuna li jitħallsu lilha l-istess allowances, twettaq ukoll attività professjonali jew kummerċjali fl-Istat Membru ta’ residenza, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 jaqleb l-ordni tal-prijoritajiet favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza, inkwantu dan jipprovdi li jiġi sospiż id-dritt għall-benefiċċji fl-Istat ta’ impjieg taħt l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 (17).
54. Minn dan isegwi li kif fil-fatt G. Schwemmer sostniet fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, kieku jiġi pprovat li hija wettqet attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 fil-Ġermanja, li hija l-Istat ta’ residenza, hija tkun xorta waħda intitolata għall-ammont kollu tal-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja.
55. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan mhuwiex il-każ, u r-raġuni prinċipali hija li G. Schwemmer ma tistax titqies bħala persuna “impjegata” jew persuna li “taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, peress li hija ma kinitx assigurata b’mod obbligatorju u għaldaqstant ma tissodisfax wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-anness fir-rigward tal-Ġermanja.
56. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tqajmet il-kwistjoni dwar jekk, b’kuntrast ma’ dak li jidher li assumiet il-qorti tar-rinviju, G. Schwemmer setatx, fid-dawl tax-xogħol għal rasha tagħha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà fl-2005 u l-impjieg marġinali tagħha mill-2006, titqies bħala li twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10 (1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, filwaqt li fl-istess ħin, ma tikklassifikax bħala persuna “impjegata” jew li “taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu.
57. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax issolvi l-kwistjoni sempliċement abbażi ta’ din l-ipotesi. Anki kieku l-qorti tar-rinviju kellha tirrevedi l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett tal-“attività professjonali jew kummerċjali”, kif użat fl-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, xorta waħda jkollha tistabbilixxi jekk dawk il-kundizzjonijiet ikunux sodisfatti fil-każ ta’ G. Schwemmer. Iktar minn hekk, fid-dawl tar-risposta li fil-fehma tiegħi għandha tingħata għad-domandi li saru, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li titqies din il-kwistjoni (18).
58. Għaldaqstant, fid-dawl tas-suppożizzjoni li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, għandu jiġi eżaminat jekk taħt l-Artikolu 10(1)(a) tal-istess regolament, l-benefiċċju tat-tfal dovut fl-Istat ta’ residenza għandux jiġi sospiż fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn l-ex konjuġi, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, huwa intitolat għall-benefiċċji tal-familja simili fl-Istat ta’ impjieg iżda li ma jingħatax l-istess benefiċċji peress li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.
59. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fis-sentenzi Salzano (19), Ferraioli (20) u Kracht (21), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkunsidera l-każ inverż, jiġifieri, il-kwistjoni dwar jekk l-allowances dovuti fl-Istat ta’ impjieg skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx ikunu sospiżi f’sitwazzjoni fejn l-allowances korrispondenti li huma dovuti fl-Istat ta’ residenza ma ntalbux u, konsegwentement, fir-realtà ma tħallsux. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jissospendix l-allowances fl-Istat Membru kompetenti, li f’dawk il-każijiet kien l-Istat ta’ impjieg, jekk ma jkunux tħallsu allowances fl-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat minħabba li ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru sabiex jitħallsu tali allowances, inkluża l-kundizzjoni li dawn trid issir applikazzjoni għalihom (22).
60. Għaldaqstant, f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq il-prinċipju li d-drittijiet dovuti bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu sospiżi biss jekk ikunu tħallsu allowances fl-Istat ta’ residenza (23). Għalkemm din l-interpretazzjoni ġiet adottata fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-benefiċċji li jaqgħu taħt l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-fehma tiegħi, ma teżisti ebda raġuni għalfejn dan m’għandux japplika wkoll f’dan il-każ, fejn is-sitwazzjoni tinsab irregolata mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 u fejn jeżisti d-dritt għall-allowances fl-Istat ta’ impjieg, iżda fejn l-istess allowances fil-verità ma tħallsux għax ma saritx applikazzjoni għalihom.
61. Huwa minnu li, wara ż-żmien inkwistjoni fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 ġie emendat biex jinkludi fih il-paragrafu 2 il-ġdid li jgħid li jekk l-applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru ta’ residenza, l-Istat Membru ta’ impjieg ikun jista’ jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja u, konsegwentement, ma jsir ebda ħlas minn dan l-Istat Membru.
62. Madankollu, ebda regola simili ma ġiet adottata fil-każ tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fis-sentenza Kracht, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrevedi l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fid-dawl tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 minkejja li l-paragrafu 2 il-ġdid (għalkemm kien għadu ma japplikax) kien ġie adottat diġà. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, inter alia, li l-interpretazzjoni preċedenti tagħha tal-Artikolu 76 tar-regolament imsemmi kien konformi mal-għan tat-Trattat li jistabbilixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema (24). Iktar minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti simili ta’ dawk li tressqu f’din il-kawża fejn ingħad li għandha tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ għażla f’idejn il-persuni intitolati għall-benefiċċju – jew tibdil fit-tqassim tal-piżijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri kkonċernati (25).
63. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa xieraq li tiġi applikata r-regola stabbilita fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 b’analoġija mal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, li hija d-dispożizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ (26).
64. Fl-aħħar nett, l-approċċ li bih f’ċirkustanzi bħal ta’ dan il-każ, id-dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza ma jiġix sospiż, huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li regola intiża li tevita li jkun hemm akkumulazzjoni ta’ benefiċċji tal-familja – bħalma huwa l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 – m’għandhiex tiġi applikata b’mod li ċċaħħad, mingħajr ebda raġuni, lill-persuni kkonċernati mid-dritt għall-benefiċċji mogħtija lilhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (27).
65. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali għandha tkun li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fejn ikun residenti l-ġenitur flimkien mat-tfal ikkonċernati ma għandux jiġi sospiż f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju fejn, l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal inkwistjoni, ikun intitolat, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżda li, fil-fatt, ma jirċevix dawn il-benefiċċji minħabba li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.
V – Konklużjoni
66. Għal dawn il-motivi, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof bil-mod kif ġej:
L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fejn ikun residenti l-ġenitur flimkien mat-tfal ikkonċernati ma għandux jiġi sospiż f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju fejn, l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal inkwistjoni, ikun intitolat, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżda li, fil-fatt, ma jirċevix dawn il-benefiċċji minħabba li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.
4 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 2005 L 117, p. 1).
5 – ĠU 1972, L 74, p. 1.
6 – ĠU 2002 L 114, p. 6.
7 – F’dan il-kuntest, il-Gvern Litwan qed jirreferi għas-sentenzi Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra I‑6193, punt 44), u Bidar (C‑209/03, Ġabra I‑2119, punti 56 et seq).
8 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1984, Salzano (191/83, Ġabra p. 3741, punt 10; Ferraioli (153/84, Ġabra p. 1401, punt 15) u tal-4 ta’ Lulju 1990, Kracht (C‑117/89, Ġabra p. I‑2781, punt 18).
9 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, Ġabra I‑3827) li kienet tirrigwarda wkoll il-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja.
10 – Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards (149/82, Ġabra p. 171, punt 15), tal-5 ta’ Marzu 1998, Kulzer (C‑194/96, Ġabra p. I‑895, punt 32) u tal-5 ta’ Frar 2002, Humer (C‑255/99, Ġabra p.I‑1205, punt 42).
11 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina (C‑363/08, Ġabra p. I-11111, punt 30).
12 – Sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895, punt 32) u Humer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 39.
13 – Fil-fehma tiegħi, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, l-Artikolu 65 tal-EStG jeskludi kwalunkwe dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja jekk ikun dovut xi benefiċċju korrispondenti fi Stat Membru ieħor. Huwa ċar li dik id-dispożizzjoni hija intiża li ssolvi l-kunflitti bejn il-kompetenzi jew, b’mod iktar speċifiku, li tevita l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja. Effettivament, din hija d-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tikkorrispondi għar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 u – minħabba s-supremazija tad-dritt Komunitarju – għandha tiġi interpretata u applikata b’mod li huwa konformi ma’ dawk ir-regolamenti. Kieku kellha tiġi aċċettata l-linja ta’ argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż u jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 65 tal-EStG biex jiġi stabbilit jekk G. Schwemmer hijiex intitolata, fil-prinċipju, għall-benefiċċju tat-tfal taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dan ikun ifisser li, b’xi mod, tkun qed tinqaleb ta’ taħt fuq ir-relazzjoni bejn ir-regolamenti u d-dritt nazzjonali.
14 – Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, Ġabra p. I‑5049, punt 53), u Slanina, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 36.
15 – Sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).
16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin (C‑119/91, Ġabra p. I‑6393, punt 17).
17 – Ara, b’mod partikolari s-sentenzi McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 17, u Bosmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 22.
18 – Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
20 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
22 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi Salzano, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, Ferraioli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 14, u Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 11 u 18.
23 – Ara wkoll is-sentenza McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 26.
24 – Ara s-sentenza Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 12 sa 14.
25 – Ara s-sentenza Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 12 u 13.
26 – Bl-istess mod, minix konvint li l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-benefiċċji tal-familja “ma jintużawx” mill-persuna li attwalment ma tkunx qed tieħu ħsieb il-membri tal-familja għall-finijiet li tmantnihom, jista’ jiġi applikat b’analoġija f’ċirkustanzi bħalma huma dawk li huma ineżami f’din il-kawża fejn il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni ma ntalbux u, konsegwentement, lanqas irċevewhom.
27 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 1981, Beeck (104/80, Ġabra p. 503, punt 12).