Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TO0272

Digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) tas-27 ta' April 2009.
R vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Servizz pubbliku - Uffiċjali.
Kawża T-272/08 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-B-1-00025; II-B-1-00145

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:120

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

27 ta’ April 2009

Kawża T-272/08 P

R

vs

Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Terminu għall-preżentata ta’ appell – Bidu tad-dekorrenza għall‑kalkolu tat-terminu – Dewmien – Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett: Appell ippreżentat mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tas-6 ta’ Marzu 2008, R bis vs Il-Kummissjoni (F‑105/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil‑Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huma miċħud bħal manifestament infondat. R għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura – Notifiki – Notifika permezz ta’ faks – Ħsara fil-magna tal‑faks tad-destinatarju – Użu tal-posta flimkien ma’ avviż bit-telefon

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 99(1) u Artikolu 99(2))

2.      Proċedura – Notifiki – Notifika permezz ta’ faks – Ħsara fil-magna tal-faks tad-destinatarju – Użu tal-posta mingħajr avviż bit-telefon

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(4))

3.      Proċedura – Notifiki – Użu tal-posta – Natura juris et de jure tal-preżunzjoni maħluqa mill-Artikolu 99(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 99(2))

4.      Proċedura – Termini – Dekadenza – Forza maġġuri – Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 45, u Anness I, l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 9; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 99(2))

1.      Meta r-rikorrent ma jagħżilx domiċilju fil-Lussemburgu għall-finijiet tal‑proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, iżda indika numru tal‑faks kif ukoll numru tat-telefon għall-finijiet tan-notifiki dwar l-imsemmiji proċeduri, in-notifika valida tas-sentenza jew tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jtemm il-proċeduri, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 99(1) u l‑Artikolu 99(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, titqies li tkun seħħet fid-data li tinsab fuq id-dikjarazzjoni tal-irċevuta b’posta rreġistrata ta’ kopja awtentikata ta’ din is‑sentenza jew digriet, jekk ir-rikorrent kien ġie avżat, skont l‑Artikolu 99(2) tar‑Regoli tal-Qorti għas-Servizz Pubbliku, b’din il-posta mir‑reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ma informax lill-imsemmi reġistratur, f’terminu ta’ tliet ġimgħat minn dan l-avviż, li n-notifika ma kinitx waslet għandu. L-avviż inkwistjoni jista’ jsir permezz tat-telefon fuq in-numru indikat mir-rikorrent, meta, minħabba ħsara fil‑magna tal-faks indikata għall-finijiet tan‑notifika mir-rikorrent, it-tentattivi kollha li saru mir-reġistratur tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li jibgħat l-avviż inkwistjoni lil din il-magna tal-faks kienu għal xejn u jekk ir-rikorrent, meta ġie informat b’din il-ħsara, ma rranġahiex.

(ara l-punti 21 sa 23)

2.      Fil-każ ta’ ħsara li ma tiġix irranġata fil-magna tal-faks indikata għan-notifika mir-rikorrent, jekk dan tal-aħħar ma ġiex avżat, permezz tat-telefon, li r-reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bagħtlu, permezz ta’ posta rreġistrata, kopja ċċertifikata valida tas-sentenza jew tad-digriet li jtemm il-proċeduri, in-notifika tas-sentenza jew tad-digriet inkwistjoni, skont l-Artikolu 35(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, titqies li tkun seħħet billi din il-kopja tintbagħat lill-posta Lussemburgiża.

(ara l-punti 28, 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Lulju 2008, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il‑BĊE, C‑84/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 5 sa 13

3.      Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet ġimgħat, prevista mill-Artikolu 99(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-preżunzjoni maħluqa minn din id-dispożizzjoni ssir juris et de jure. F’każ bħal dan, il‑kontestazzjoni, mir-rikorrent, tal-firma li tinsab fuq id-dikjarazzjoni tal-irċevuta tal-posta rreġistrata tas‑sentenza jew digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jtemm l‑proċeduri, ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li n-notifika tal-imsemmija sentenza jew digriet seħħet fid-data indikata fl-imsemmija dikjarazzjoni ta’ irċevuta.

(ara l-punti 23 sa 27)

4.      Ma jistax ikun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar it‑termini proċedurali ħlief fiċ-ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, tal-każ fortuwitu u tal-forża maġġuri, b’mod konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r‑rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-kunċett ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludi, minbarra element oġġettiv relatat maċ-ċirkustanzi anormali u indipendenti mir-rieda tal‑persuna kkonċernata, element suġġettiv relatat mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tieħu prekawzjonijiet kontra l-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tosserva bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċeduri, u b’mod partikolari, tkun diliġenti sabiex tosserva t-termini previsti. Għalhekk, il‑kunċett ta’ forza maġġuri ma japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u avżata kienet oġġettivament f’pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu ta’ preżentata ta’ rikors.

B’hekk huwa inammissibbli l-appell minn digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ġie ppreżentat wara t-terminu minn appellant li l-avukat tiegħu, li ġie informat bit-telefon mir-reġistratur tal-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bil-fatt li t-tentattivi tiegħu li jibgħat l-imsemmi digriet permezz ta’ faks ma rnexxewx, baqa’ ma ħax azzjoni għal perijodu ta’ iktar minn xahrejn u kkuntattja lill-imsemmi reġistratur biss wara l-iskadenza kemm tal-perijodu ta’ tliet ġimgħat previst fl‑Artikolu 99(2) tar‑Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tat-terminu għall-preżentata ta’ appell, mingħajr ma ġiet invokata l-ebda raġuni jew ċirkustanza li tispjega din is-sitwazzjoni.

(ara l-punti 31, 32 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Mejju 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑239/97, Ġabra p. I‑2655, punt 7; Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Frar 2004, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, C‑369/03 P, Ġabra p. I‑1981, punt 16; Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2005, Juazaga Meabe vs UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni, T‑426/04, Ġabra p. II‑4765, punt 60

Top